EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CJ0564

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (il-Ħames Awla) tas-26 ta' Frar 2015.
Planet AE Anonymi Etaireia Parochis Symvouleftikon Ypiresion vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell - L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE - Responsabbiltà kuntrattwali tal-Unjoni - Artikolu 272 TFUE - Klawżola ta’ arbitraġġ - Sitt programm kwadru dwar l-attivitajiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni - Kuntratti relatati mal-proġetti Ontogov, FIT u RACWeb - Spejjeż eliġibbli u ammonti mħallsa mill-Kummissjoni - Azzjoni dikjaratorja - Assenza ta’ interess ġuridiku ċert u attwali.
Kawża C-564/13 P.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:124

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

26 ta’ Frar 2015 ( *1 )

“Appell — L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE — Responsabbiltà kuntrattwali tal-Unjoni — Artikolu 272 TFUE — Klawżola ta’ arbitraġġ — Sitt programm kwadru dwar l-attivitajiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni — Kuntratti relatati mal-proġetti Ontogov, FIT u RACWeb — Spejjeż eliġibbli u ammonti mħallsa mill-Kummissjoni — Azzjoni dikjaratorja — Assenza ta’ interess ġuridiku ċert u attwali”

Fil-Kawża C‑564/13 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fil‑31 ta’ Ottubru 2013,

Planet AE Anonymi Etaireia Parochis Symvouleftikon Ypiresion, stabbilita f’Ateni (il-Greċja), irrappreżentata minn V. Christianos u S. Paliou, dikigoroi,

rikorrenti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn R. Lyal, B. Conte u D. Triantafyllou, bħala aġenti, assistiti minn S. Drakakakis, avukat,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, C. Vajda (Relatur), A. Rosas, E. Juhász u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑24 ta’ Settembru 2014,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑6 ta’ Novembru 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, Planet AE Anonymi Etaireia Parochis Symvouleftikon Ypiresion titlob l-annullament tad-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea Planet vs Il‑Kummissjoni (T‑489/12, EU:T:2013:496, iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”), li permezz tiegħu din tal-aħħar ċaħdet bħala manifestament inammissibbli r-rikors tagħha ippreżentat skont l-Artikolu 272 TFUE, u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, u intiż sabiex jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni Ewropea kienet kisret numru ta’ kuntratti konklużi magħha billi eskludiet l-ispejjeż ta’ persunal għad-diriġenti tal-ogħla livell li hija timpjega u li, għalhekk, dawn l-ispejjeż kienu eliġibbli u ma kellhomx jitħallsu lura lill-Kummissjoni.

Il-fatti li wasslu għall-kawża

2

Il-fatti li wasslu għall-huma deskritti kif ġej fil-punti 1 sa 22 tad-digriet appellat:

“1

Ir-rikorrenti, PLANET AE Anonymi Etaireia Parohis Symvouleftikon Ypiresion, hija kumpannija li tagħti pariri fl-amministrazzjoni ta’ impriżi u ta’ proġetti. Hija tikkollabora ma’ msieħba internazzjonali u Ewropej, fosthom il-Kummissjoni [...], fis-settur tal-pariri fis-strateġija, fl-informatika u fl-amministrazzjoni ta’ proġetti.

2

Din il-kawża tikkonċerna d-drittijiet u l-obbligi tal-Kummissjoni li jirriżultaw mill-kuntratti konklużi mar-rikorrenti għal tliet proġetti ta’ riċerka. Dawn il-kuntratti kienu bbażati fuq id-Deċiżjoni 1513/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑27 ta’ Ġunju 2002, li tikkonċerna s-sitt programm kwadru tal-Komunità Ewropea dwar l-attivitajiet ta’ riċerka, l-iżvilupp tekonoloġiku u dimostrazzjoni li jikkontribwixxu għall-ħolqien taż-Żona Ewropea tar-Riċerka u għall-innovazzjoni (mill-2002 sa l-2006) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 576)

3

B’mod iktar partikolari, dawn huma kuntratti konklużi bejn il-Komunità Ewropea, irrappreżentata mill-Kummissjoni, u:

ir-rikorrrenti, fil-kapaċità tagħha bħala koordinatur u membru ta’ konsorzju, iffirmat fis‑17 ta’ Diċembru 2003 għall-proġett ‘Ontology enabled E‑Gov Service Configuration’ (Ontogov, Nru 507237);

il-Forschungszentrum Informatik an der Universität Karlsruhe, fil-kapaċità tiegħu bħala koordinatur ta’ konsorzju li kienet membru fih ir-rikorrenti, iffirmat fil‑21 ta’ Diċembru 2005 għall-proġett ‘Fostering self-adaptive e‑government service improvement using semantic technologies’ (FIT, Nru 27090);

ir-rikorrenti, fil-kapaċità tagħha bħala koordinatur u membru ta’ konsorzju, iffirmat fit‑18 ta’ Diċembru 2006 għall-proġett ‘Risk Assessment for Customs in Western Balkans’ (RACWeb, Nru 45101) (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, il-“kuntratti inkwistjoni’).

4

L-Artikolu II.24(1)(a) tal-kuntratti inkwistjoni jipprovdi li l-kontribut finanzjarju tal-Unjoni Ewropea huwa bbażat fuq l-ispejjeż eliġibbli ddikjarati mill-kontraenti.

5

Konformement mal-Artikolu II.8 tal-kuntratti inkwistjoni, il-Kummissjoni għandha, qabel ma tħallas lura l-ispejjeż iddikjarati mill-konsorzju u/jew il-kontraenti fi tmiem kull perijodu ta’ rendikont, tevalwa u tapprova r-rapporti u l-elementi disponibbli. Skont il-paragrafu 4 tal-istess artikolu, l-approvazzjoni ta’ rapport mill-Kummissjoni ma jimplikax l-eżenzjoni minn verifika jew minn kontroll, li jista’ jsir konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu II.29.

6

L-Artikolu II.29 tal-kuntratti inkwistjoni jipprovdi dan li ġej:

‘1.   F’kull mument tul il-kuntratt u sa ħames snin wara t-tmiem tal-proġett, il-Kummissjoni tista’ twettaq verifiki jew permezz ta’ reviżuri jew awdituri xjentifiċi jew teknoloġiċi esterni, jew permezz tad-dipartimenti tal-Kummissjoni stess, inkluż l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi. Dawn il-verifiki jistgħu jikkonċernaw aspetti xjentifiċi, finanzjarji, teknoloġiċi u oħrajn (bħal pereżempju l-prinċipji ta’ kontabbiltà u ta’ amministrazzjoni) li jirrigwardaw l-eżekuzzjoni tajba tal-proġett u tal-kuntratt. Dawn il-verifiki jsiru fuq bażi kunfidenzjali. L-ammonti li jkunu dovuti lill-Kummissjoni skont ir-riżultati ta’ dawn il-verifiki jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rkupru kif indikat fl-Artikolu II.31. [...]

2.   Il-kontraenti għandhom iqiegħdu direttament għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni d-data ddettaljata kollha li tista’ tintalab mill-Kummissjoni sabiex jiġi vverifikat jekk il-kuntratt huwiex amministrat u eżegwit sew.

3.   Il-kontraenti għandhom iżommu, matul perijodu ta’ 5 snin minn tmiem il-proġett, l-oriġinali jew, f’każijiet eċċezzjonali debitament iġġustifikati, il-kopji ċċertifikati konformi tal-oriġinal tad-dokumenti kollha li jikkonċernaw il-proġett. Dawn id-dokumenti għandhom jitqiegħu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni meta dawn jintalbu matul l-eżekuzzjoni ta’ verifika fil-kuntest tal-kuntratt.’

7

Konformement mal-Artikolu II.31(1) tal-kuntratti inkwistjoni, ‘meta ammont ikun tħallas indebitament lill-kontraenti jew meta rkupru jkun ġustifikat fiċ-ċirkustanzi tal-kuntratt, il-kontraenti jimpenja ruħu li jħallas lura lill-Kummissjoni s-somma inkwistjoni skont il-kundizzjonijiet u fid-data speċifikata minnha’.

8

Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 12 tal-kuntratti inkwistjoni, dawn tal-aħħar huma rregolati mil-liġi Belġjana. L-Artikolu 13 jipprovdi li ‘[i]l-Qorti Ġenerali [...] jew il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, skont il-każ, għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tat-tilwim bejn il-Komunità u l-kontraenti fir-rigward tal-validità, tal-applikazzjoni jew tal-interpretazzjoni ta’ dan il-kuntratt’.

9

Matul il-perijodu inkluż bejn is‑17 u l‑21 ta’ Novembru 2008, kif ukoll fl‑4 ta’ Diċembru 2008, kumpannija ta’ verifika esterna wettqet, f’isem id-diviżjoni ta’ verifika esterna tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) ‘Soċjetà tal-informazzjoni u mezzi tax-xandir’ tal-Kummissjoni (iktar ’il quddiem id‑‘DĠ Informazzjoni’), verifika finanzjarja tar-rikorrenti, li kienet tiffoka fuq l-ispejjeż iddikjarati għal ċerti perijodi fir-rigward tal-proġetti Ontogov, FIT u RACWeb.

10

Permezz ta’ posta elettronika tat‑8 ta’ April 2009, il-kumpannija ta’ verifika bagħtet lir-rikorrenti r-rapport ta’ verifika provviżorju li kien iqiegħed inkwistjoni b’mod partikolari l-ispejjeż ta’ persunal fir-rigward ta’ tlieta mid-diriġenti tal-ogħla livell [tagħha] (iktar ’il quddiem l-‘ispejjeż kontenzjużi’).

11

Fid‑29 ta’ Mejju 2009, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-imsemmi rapport ta’ verifika provviżorju.

12

Fl‑10 ta’ Lulju 2009, ir-rikorrenti ressqet dikjarazzjoni tal-ispejjeż riveduta, li kienet taċċetta ċerti rakkomandazzjonijiet tal-kumpannija ta’ verifika.

13

Permezz ta’ ittra tal‑11 ta’ Novembru 2009, id-diviżjoni ta’ verifika esterna tad‑DĠ Informazzjoni esponiet ir-raġunijiet għalfejn hija żammet il-konklużjonijiet ippreżentati fir-rapport ta’ verifika provviżorju u bagħtet lir-rikorrenti r-rapport ta’ verifika finali.

14

Permezz ta’ ittra tat‑23 ta’ Diċembru 2009, ir-rikorrenti kkontestat il-konformità tal-verifika u stiednet lill-Kummissjoni għal laqgħa sabiex tipprovdi informazzjoni ddettaljata dwar l-oġġezzjonijiet tagħha.

15

Fl‑4 ta’ Marzu 2010, seħħet laqgħa bejn ir-rikorrenti u d-diviżjoni ta’ verifika esterma tad-DĠ Informazzjoni. Fiha ġie konkluż li r-rikorrenti kellha tipprovdi lill-Kummissjoni elementi supplimentari fir-rigward tal-parteċipazzjoni tad-diriġenti tal-ogħla livell tagħha.

16

Permezz ta’ ittra tad‑19 ta’ April 2010, ir-rikorrenti bagħtet lill-Kummissjoni d-dokumentazzjoni addizzjonali li hija kienet impenjat ruħha li tipprovdi.

17

Permezz ta’ ittra tal‑10 ta’ Mejju 2010, id-diviżjoni ta’ verifika esterna tad-DĠ Informazzjoni informat lir-rikorrenti dwar l-intenzjoni tagħha li twettaq verifika supplimentari (follow‑up audit) fis-sede tagħha u bagħtet lista tad-dokumenti ta’ sostenn li kellhom jiġu prodotti waqt il-verifika. Din il-verifika seħħet bejn l‑20 u t‑22 ta’ Lulju 2010.

18

Fit‑3 ta’ Settembru u d‑9 ta’ Diċembru 2010, ir-rikorrenti ssottomettiet informazzjoni addizzjonali mitluba waqt l-imsemmija verifika supplimentari.

19

Permezz ta’ ittra tat‑22 ta’ Diċembru 2010, id-diviżjoni ta’ verifika esterna tad‑DĠ Informazzjoni informat lir-rikorrenti li hija kienet iddeċidiet li tirrevedi parzjalment il-konklużjonijiet tar-rapport tagħha billi aċċettat ċerti spejjeż, iżda li żżomm il-konklużjonijiet relatati mal-ispejjeż kontenzjużi.

20

Permezz ta’ ittra tal‑11 ta’ Frar 2011, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar il-konklużjonijiet riveduti tar-rapport ta’ verifika.

21

Permezz ta’ ittra tal‑10 ta’ April 2012, id-diviżjoni ta’ verifika esterna tad-DĠ Informazzjoni wieġbet li hija żammet kważi l-konklużjonijiet kollha tagħha fir-rigward tal-ispejjeż kontenzjużi.

22

Permezz ta’ ittra tal‑21 ta’ Mejju 2012, ir-rikorrenti reġgħet tenniet il-pożizzjoni tagħha fir-rigward tal-eliġibbiltà tal-ispejjeż kontenzjużi.”

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u d-digriet appellat

3

Permezz ta’ att imressaq fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑8 ta’ Novembru 2012, ir-rikorrenti ppreżentat appell skont l-Artikolu 272 TFUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE intiż sabiex jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni kienet kisret numru ta’ kuntratti konklużi magħha billi eskludiet l-ispejjeż kontenzjużi u li, għalhekk, dawn l-ispejjeż kienu eliġibbli u ma kellhomx jitħallsu lura lill-Kummissjoni.

4

Fl‑24 ta’ Jannar 2013, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l‑Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Fil‑11 ta’ Marzu 2013, ir-rikorrenti ressqet osservazzjonijiet dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-Kummissjoni.

5

Permezz tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali laqgħet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni, billi ddeċidiet li r-rikorrenti fl-ewwel istanza ma kellhiex interess ġuridiku ċert u attwali fil-ġurnata tal-preżentata tar-rikors tagħha.

It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

6

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-digriet appellat;

terġa’ tibgħat il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi fuq il-mertu, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

7

Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell bħala manifestament infondat.

Fuq l-appell

L-argumenti tal-partijiet

8

Permezz ta’ aggravju uniku, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ddeċidiet, fil-punti 31 sa 35, 37, 38, 42 sa 45 u 50 tad-digriet appellat, li hija ma kellhiex interess ġuridiku ċert u attwali fil-ġurnata tal-preżentata tar-rikors tagħha skont l-Artikolu 272 TFUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE.

9

L-appellanti ssostni li l-interess ġuridiku meħtieġ fil-kuntest ta’ azzjoni dikjaratorja intiża sabiex tiġi rrikonoxxuta r-responsabbiltà kuntrattwali tal-Unjoni bis-saħħa tal-Artikolu 272 TFUR u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, bħal dik ippreżentata quddiem il-Qorti Ġenerali, għandu kontenut differenti mill-interess ġuridiku meħtieġ fil-kuntest ta’ rikorsi oħrajn li jeżistu fid-dritt tal-Unjoni, bħar-rikors għal annullament u r-rikors għal kumpens.

10

Skont l-appellanti, l-interess ġuridiku meħtieġ fil-kuntest ta’ tali azzjoni dikjaratorja intiża sabiex tiġi rrikonoxxuta r-responsabbiltà kuntrattwali tal-Unjoni jeżisti meta jiġi kkonstatat, min-naħa tal-parti kontraenti jew tar-rappreżentant ikkwalifikat tagħha, kontestazzjoni serja, sistematika u ripetuta ta’ dritt kuntrattwali, kontestazzjoni li tintroduċi b’mod raġonevoli inċertezza fir-rigward tal-eżistenza, tal-portata u tal-eżerċizzju liberu tad-dritt tal-persuna kkonċernata. Konsegwentement, l-interess ġuridiku meħtieġ fil-kuntest ta’ azzjoni għal responsabbiltà kuntrattwali ma jirrikjedix li att definittiv li jikkawża preġudizzju jkun ġie adottat mill-Kummissjoni jew li jkun jeżisti dannu.

11

F’dan il-każ, l-appellanti tqis li l-interess ġuridiku tagħha ma huwiex ipotetiku, iżda ċert u attwali, ġaladarba l-kontestazzjonijiet ripetuti min-naħa tal-Kummissjoni ħolqu inċertezza fir-rigward tal-eżistenza tad-dritt tagħha li tirreġistra r-remunerazzjonijiet ta’ diriġenti tal-ogħla livell bħala spejjeż diretti eliġibbli.

12

Fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji, l-appellanti tqis li l-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat il-kriterju tal-interess ġuridiku meħtieġ sabiex jiġi ppreżentat rikors għal annullament, jiġifieri l-eżistenza ta’ att definittiv, fil-punt 34 tad-digriet appellat, moqri flimkien mal-punti 45, 35, 37, 38 u 42 tiegħu. L-appellanti tqis ukoll li l-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat il-kriterju tal-interess ġuridiku meħtieġ sabiex jiġi ppreżentat rikors għal kumpens, jiġifieri l-eżistenza ta’ dannu ċert, fil-punti 42 sa 44 tad-digriet ikkontestat.

13

L-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat, fil-punt 50 tad-digriet ikkontestat, li l-interess ġuridiku tiegħu seta’ kien ċert u attwali biss wara l-ħruġ mill-Kummissjoni ta’ ordni ta’ rkupru jew ta’ kull att ieħor. Dan ir-rekwiżit jagħti lok għal nuqqas ta’ ċertezza legali fit-tul għall-persuni kkonċernati, sa fejn dawn huma mġiegħla jistennew il-ħruġ ta’ ordni ta’ rkupru anki meta l-Kummissjoni tkun diġà kkontestat id-dritt kuntrattwali tagħhom b’mod serju, ripetut u sistematiku.

14

Il-Kummissjoni tqis li l-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi billi ddeċidiet li r-rikorrenti fl-ewwel istanza ma kellhiex interess ġuridiku ċert u attwali fil-ġurnata tal-preżentata tar-rikors tagħha għall-konstatazzjoni ta’ ksur tal-obbligi kuntrattwali skont l-Artikolu 272 TFUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE.

15

Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali ma bbażatx id-digriet appellat fuq il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tar-rikorsi għal annullament. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali ma bbażatx l-evalwazzjoni tagħha fuq l-assenza ta’ att li jikkawża preġudizzju fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE.

16

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tafferma li hija ma kkontestatx id-drittijiet kuntrattwali tal-appellanti, ġaladarba hija ma ħarġitx nota ta’ debitu biex tirrikjedi l-ħlas lura tal-ispejjeż kontenzjużi. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tfakkar li l-Artikolu II.29(1) tal-kuntratti inkwistjoni mal-appellanti jipprovdi li “[l-]ammonti li jkunu dovuti lill-Kummissjoni skont ir-riżultati ta’ dawn il-verifiki jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rkupru”. Skont din id-dispożizzjoni, ir-redazzjoni ta’ rapport finali sfavorevoli ma jagħtix awtomatikament lok għall-irkupru tal-ispejjeż kontenzjużi, ġaladarba d-dipartimenti kompetenti tal-Kummissjoni jżommu s-setgħa diskrezzjonali tagħhom jekk għandhomx jirrikjedu ħlas lura jew le. A fortiori, fil-każ inkwistjoni, ir-redazzjoni ta’ rapport sfavorevoli minn wieħed mid-dipartimenti interni tagħha, meta l-proċedura ta’ verifika ma kinitx ingħalqet, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala kontestazzjoni tad-drittijiet kuntrattwali tar-rikorrenti. Il-Kummissjoni tqis, b’mod definittiv, li għad ma teżisti ebda tilwima bejn il-partijiet kontraenti, ġaladarba ebda waħda minnhom ma adottat miżuri konkreti sabiex timponi l-applikazzjoni ta’ klawżola kuntrattwali li dwarha l-partijiet ma jaqblux.

17

Fit-tielet lok, il-Kummissjoni tqis li l-fatt li hija għadha ma ħarġitx nota ta’ debitu ma jagħti lok għal ebda konsegwenza negattiva għall-appellanti. Din is-sitwazzjoni ma tagħti lok għal ebda nuqqas ta’ inċertezza legali ġaladarba, il-possibbiltà għall-Kummissjoni li tirrikjedi ħlas lura hija suġġetta għall-preskrizzjoni konformement mad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali fil-qasam tal-kuntratti u, min-naħa l-oħra, l-eventwali ordni ta’ rkupru huwa suġġett għal stħarriġ ġudizzjarju komplet.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

18

Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, permezz tar-rikors tagħha ppreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑8 ta’ Novembru 2012, ir-rikorrenti fl-ewwel istanza ressqet azzjoni dikjaratorja b’mod partikolari skont l-Artikolu 272 TFUE. Fil-fatt, bħalma osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 16 tal-konklużjonijiet tagħha, l-azzjoni ppreżentata mir-rikorrenti fl-ewwel istanza quddiem il-Qorti Ġenerali ma kinitx intiża sabiex tinkiseb prestazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni, iżda sabiex tinkiseb dikjarazzjoni min-naħa tal-qorti tal-Unjoni li tawtorizzaha żżomm is-somom diġà mħallsa mill-Kummissjoni skont il-kuntratti inkwistjoni.

19

Fid-dawl tan-natura dikjaratorja tal-azzjoni ppreżentata mir-rikorrenti fl-ewwel istanza quddiem il-Qorti Ġenerali, huwa meħtieġ li jiġi vverifikat jekk il-qorti tal-Unjoni għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ dan it-tip ta’ azzjoni, u dan minkejja l-fatt li l-Kummissjoni ma eċċepietx in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali matul il-proċedura quddiemha, u lanqas matul din il-proċedura.

20

Fil-fatt, fir-rigward ta’ kwistjoni li tirrigwarda l-ġurisdizzjoni nnifisha tal-qorti tal-Unjoni, hija għandha tiġi kkonstatata ex officio mill-qorti meta ebda waħda mill-partijiet ma titlobha tagħmel dan (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il‑Ġermanja vs L-Awtorità Għolja, 19/58, EU:C:1960:19, p. 488, kif ukoll Ferriera Valsabbia et vs Il‑Kummissjoni, 154/78, 205/78, 206/78, 226/78 sa 228/78, 263/78, 264/78, 31/79, 39/79, 83/79 u 85/79, EU:C:1980:81, punt 7). Barra minn hekk, il-partijiet ġew mistiedna jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-kwistjoni mqajma ex officio mill-Qorti tal-Ġustizzja.

21

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità tiddeċiedi li, filwaqt li fil-kuntest ta’ klawżola ta’ arbitraġġ konkluża skont l-Artikolu 272 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tintalab tiddeċiedi tilwima billi tapplika dritt nazzjonali li jirregola l-kuntratt, il-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tieħu konjizzjoni ta’ tilwima dwar dan il-kuntratt għandha tiġi evalwata abbażi tas-sempliċi dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu u tad-dispożizzjonijiet tal-klawżola ta’ arbitraġġ, mingħajr ma jkunu jistgħu jiġu invokati kontriha dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li allegatament jostakolaw il-ġurisdizzjoni tagħha (sentenzi Il‑Kummissjoni vs Zoubek, 426/85, EU:C:1986:501, punt 10, u Il‑Kummissjoni vs Feilhauer, C‑209/90, EU:C:1992:172, punt 13).

22

Skont l-Artikolu 272 TFUE moqri flimkien mal-Artikolu 256 TFUE, il-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi, fl-ewwel istanza, bis-saħħa ta’ klawżola ta’ arbitraġġ li tinsab f’kuntratt ta’ dritt pubbliku jew ta’ dritt privat li sar mill-Unjoni jew f’isimha.

23

Mill-argumenti preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 272 TFUE jikkostitwixxi dispożizzjoni speċifika li tippermetti li tiġi adita l-qorti tal-Unjoni bis-saħħa ta’ klawżola ta’ arbitraġġ stipulata mill-partijiet għal kuntratti ta’ dritt pubbliku jew ta’ dritt privat, u dan mingħajr limitazzjoni marbuta man-natura tal-azzjoni ppreżentata quddiem il-qorti tal-Unjoni.

24

Madankollu, għandu jiġi vverifikat jekk, f’dan il-każ, il-klawżola ta’ arbitraġġ imdaħħla fil-kuntratti inkwistjoni tagħtix ġurisdizzjoni lill-Qorti Ġenerali sabiex tieħu konjizzjoni tal-azzjoni dikjaratorja ppreżentata mir-rikorrenti.

25

Skont il-klawżola ta’ arbitraġġ inkluża fl-Artikolu 13 tal-kuntratti inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali jew il-Qorti tal-Ġustizzja, skont il-każ, għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tat-tilwim bejn l-Unjoni u l-kontraenti fir-rigward tal-validità, tal-applikazzjoni jew tal-interpretazzjoni ta’ dawn il-kuntratti. Minn dan jirriżulta li din il-klawżola ta’ arbitraġġ lanqas ma tillimita l-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali jew tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tan-natura tal-azzjoni.

26

Fir-rigward tal-formulazzjoni tagħha, l-imsemmija klawżola ta’ arbitraġġ hija f’dan is-sens tali li tagħti ġurisdizzjoni lill-Qorti Ġenerali jew lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tieħu konjizzjoni ta’ azzjoni dikjaratorja, bħal dik inkwistjoni, li tirrigwarda tilwima bejn l-Unjoni u r-rikorrenti fir-rigward tal-validità, tal-applikazzjoni jew tal-interpretazzjoni tal-imsemmija kuntratti.

27

F’dan ir-rigward, ma hemmx wisq dubju li l-azzjoni ppreżentata mir-rikorrenti fl-ewwel istanza quddiem il-Qorti Ġenerali kienet tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-kuntratti inkwistjoni, u b’mod iktar partikolari l-eliġibbiltà tal-ispejjeż kontenzjużi fir-rigward ta’ dawn il-kuntratti.

28

Madankollu l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 33 tad-digriet appellat, li r-rikorrenti fl-ewwel istanza ma kinitx stabbilixxiet li, fid-data tal-preżentata tar-rikors tagħha, dan kien ibbażat fuq interess ċert u attwali li kien jirrikjedi protezzjoni ġuridika.

29

L-appellanti tqis li, billi ddeċidiet b’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi sa fejn, fil-kuntest ta’ azzjoni dikjaratorja, huwa meħtieġ, sabiex jirriżulta tali interess, li dritt kuntrattwali jiġi kkontestat b’mod serju, sistematiku u ripetut minn waħda mill-partijiet fil-kuntratt, fejn b’hekk tinħoloq inċertezza għal waħda mill-partijiet kontraenti fir-rigward tal-eżistenza jew tal-portata ta’ dan id-dritt. Din il-kundizzjoni hija sodisfatta f’dan il-każ, ġaladarba l-Kummissjoni kkontestat b’mod serju, sistematiku u ripetut id-dritt tar-rikorrenti għall-ħlas lura tal-ispejjeż kontenzjużi.

30

Il-Kummissjoni tiddikjara li hija ma kkontestatx id-drittijiet kuntrattwali tal-appellanti, għar-raġunijiet spjegati fil-qosor fil-punt 16 ta’ din is-sentenza. Essenzjalment, il-Kummissjoni ssostni li, fid-data tal-preżentata tal-azzjoni tar-rikorrenti fl-ewwel istanza quddiem il-Qorti Ġenerali, hija kienet għadha ma rrikjeditx il-ħlas lura tal-ispejjeż kontenzjużi billi ħarġet nota ta’ debitu u li l-eliġibbiltà ta’ dawn l-ispejjeż kienet suġġetta għal proċedura ta’ verifika li kienet għadha għaddejja, fejn ir-rapport finali tagħha, fi kwalunkwe każ, ma hijiex vinkolanti għad-dipartimenti ta’ rkupru tal-Kummissjoni skont l-Artikolu II.29(1) tal-kuntratti inkwistjoni.

31

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-interess ġuridiku ta’ rikorrent għandu, fid-dawl tas-suġġett tar-rikors, jeżisti fl-istadju tal-preżentata tiegħu, taħt piena ta’ inammissibbiltà (ara, b’analoġija u fir-rigward tar-rikors għal annullament, is-sentenzi Wunenburger vs Il‑Kummissjoni, C‑362/05 P, EU:C:2007:322, punt 42, kif ukoll Cañas vs Il‑Kummissjoni, C‑269/12 P, EU:C:2013:415, punt 15).

32

Issa, skont il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jirriżultaw fil-punt 34 tad-digriet appellat, fid-data tal-preżentata tar-rikors fl-ewwel istanza, ma kienet għadha saret ebda talba mid-dipartiment kompetenti tal-Kummissjoni għall-ħlas lura tal-ispejjeż imħallsa fil-kuntest tal-kuntratti inkwistjoni. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali speċifikat, fil-punt 35 tad-digriet appellat, li l-eliġibbiltà tal-ispejjeż kontenzjużi kienet suġġetta għal proċedura ta’ verifika, li hija biss proċedura preliminari u preparatorja, separata mill-proċedura li tista’ eventwalment tagħti lok għal irkupru, fejn din tal-aħħar issir mid-dipartimenti operattivi tal-Kummissjoni.

33

Barra minn hekk, mill-punti 36 sa 39 tad-digriet appellat jirriżulta li din il-proċedura ta’ verifika kienet għadha għaddejja fid-data tal-preżentata tar-rikors tar-rikorrenti fl-ewwel istanza u li d-dipartiment tal-Kummissjoni inkarigat minn din il-verifika kompla jikkomunika magħha, anki wara din id-data, dwar modifika eventwali fil-konklużjonijiet preliminari tal-imsemmija verifika.

34

Fid-dawl taċ-ċirkustanzi mfakkra fil-punti 32 u 33 ta’ din is-sentenza, l-appellanti ma għandhiex raġuni issostni li, fid-data tal-preżentata tal-azzjoni tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, hija kellha interess ċert u attwali li kien jeħtieġ protezzjoni ġuridika.

35

Fil-fatt, peress li l-eliġibbiltà tal-ispejjeż kontenzjużi kienet għadha suġġetta għal proċedura ta’ verifika, fejn ir-rapport finali tagħha ma huwiex, fi kwalunkwe ipoteżi, vinkolanti għad-dipartimenti ta’ rkupru tal-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni kienet għadha ma ddeterminatx definittivament l-ispejjeż li hija kienet tqis bħala mhux eliġibbli fir-rigward tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-kuntratti inkwistjoni. Issa, il-punt dwar jekk, u kemm, l-imsemmija spejjeż jistgħu effettivament jagħtu lok għal talba għal ħlas lura min-naħa tal-Kummissjoni kien għadu inċert. Għaldaqstant, l-appellanti ma kellhiex interess ġuridiku fid-data tal-preżentata tar-rikors tagħha fl-ewwel istanza.

36

Mill-argumenti preċedenti jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi billi ddeċidiet li r-rikorrenti fl-ewwel istanza ma kellhiex interess ċert u attwali li jeħtieġ protezzjoni ġuridika fid-data tal-preżentata tar-rikors tagħha fl-ewwel istanza.

37

Mill-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq jirriżulta li l-aggravju invokat mill-appellanti insostenn tal-appell tagħha ma jistax jintlaqa’ u, għaldaqstant, dan l-appell għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

Fuq l-ispejjeż

38

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn l-istess regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1), tagħhom, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu.

39

Peress li l-Kummissjoni ma talbitx li r-rikorrenti tiġi kkundannata għall-ispejjeż, din tal-aħħar u l-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Planet AE Anonymi Etaireia Parochis Symvouleftikon Ypiresion u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Grieg.

Top