Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CJ0421

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-10 ta’ Lulju 2014.
    Apple Inc. vs Deutsches Patent- und Markenamt.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundespatentgericht.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari ‑ Trade marks – Direttiva 2008/95/KE – Artikoli 2 u 3 – Sinjali li jistgħu jikkostitwixxu trade mark ‑ Karattru distintiv ‑ Rappreżentazzjoni, permezz ta’ disinn, tal-istruttura ta’ ħanut ewlieni (‘flagship store’) ‑ Reġistrazzjoni bħala trade mark għal ‘servizzi’ li jirrigwardaw prodotti li jitqiegħdu għal bejgħ f’tali ħanut.
    Kawża C‑421/13.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:2070

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

    10 ta’ Lulju 2014 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Trade marks — Direttiva 2008/95/KE — Artikoli 2 u 3 — Sinjali li jistgħu jikkostitwixxu trade mark — Karattru distintiv — Rappreżentazzjoni, permezz ta’ disinn, tal-istruttura ta’ ħanut ewlieni (‘flagship store’) — Reġistrazzjoni bħala trade mark għal ‘servizzi’ li jirrigwardaw prodotti li jitqiegħdu għal bejgħ f’tali ħanut”

    Fil-Kawża C‑421/13,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundespatentgericht (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Mejju 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Lulju 2013, fil-kawża

    Apple Inc.

    vs

    Deutsches Patent- und Markenamt,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

    komposta minn M. Ilešič (Relatur), President tal-Awla, C. G. Fernlund, A. Ó Caoimh, C. Toader u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

    Reġistratur: K. Malacek, amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-30 ta’ April 2014,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Apple Inc., minn V. Schmitz-Fohrmann u A. Ruge, Avukati,

    għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u F.‑X. Bréchot, bħala aġenti,

    għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. W. Bulst u E. Montaguti, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU L 299, p. 25, u r-rettifika ĠU 2009, L 11, p. 86).

    2

    Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Apple Inc. (iktar ’il quddiem “Apple”) u d-Deutsches Patent- und Markenamt (Uffiċċju Ġermaniż tal-privattivi u t-trade marks, iktar ’il quddiem id-“DPMA”), dwar iċ-ċaħda minn din tal-aħħar ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2008/95 jipprovdi:

    “Trade mark tista’ tikkonsisti minn kwalunkwe sinjal kapaċi li jiġi rappreżentat grafikament, b’mod partikolari permezz ta’ kliem, inklużi ismijiet personali, disinji, ittri, numri, l-għamla ta’ merkanzija jew l-imballaġġ tagħhom, sakemm dawn is-sinjali ikunu jistgħu jiddistingwu l-merkanzija jew is-servizzi ta’ impriża waħda minn dawk ta’ impriżi oħra.”

    4

    Skont l-Artikolu 3(1) tal-istess direttiva:

    “1.   Is-segwenti m’għandhomx jiġu reġistrati jew, jekk jiġu reġistrati, għandhom ikunu suxxettibbli għal dikjarazzjoni ta’ nullità:

    […]

    b)

    trade marks li ma għandhom l-ebda karatteristika distintiva;

    c)

    trade marks li jikkonsistu esklussivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jistgħu jservu, fil-kummerċ, sabiex jindikaw it-tip, kwalità, kwantità, skop intiż, valur, oriġini ġeografika, jew iż-żmien ta’ produzzjoni tal-merkanzija jew ta’ l-għoti tas-servizz, jew karatteristiċi oħra tal-merkanzija jew tas-servizz;

    d)

    trade marks li jikkonsistu esklussivament minn sinjali jew indikazzjonijiet li saru konswetudinarji fil-lingwa kurrenti jew fil-prattika bona fide u stabbilita tal-kummerċ;

    e)

    sinjali li jikkonsistu esklussivament minn:

    i)

    l-għamla li tirriżulta min-natura tal-merkanzija stess,

    ii)

    l-għamla tal-merkanzija li tkun meħtieġa sabiex jiġi ottenut riżultat tekniku,

    iii)

    l-għamla li tagħti valur sostanzjali lill-merkanzija;

    […]”

    5

    Il-kliem tal-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 2008/95 jikkorrispondi ma’ dak tal-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (Edizzjoni Speċjali bil-Malti; Kapitolu 17, Vol. 1, p. 92), li ġiet abrogata u ssostitwita bid-Direttiva 2008/95 sa mit-28 ta’ Novembru 2008.

    Id-dritt Ġermaniż

    6

    L-Artikolu 3(1) tal-liġi fuq il-protezzjoni tat-trade marks u sinjali distintivi oħra [Gesetz über den Schutz von Marken und sonstigen Kennzeichen (Markengesetz)], tal-25 ta’ Ottubru 1994 (BGBl. 1994 I, p. 3082), jikkorrispondi essenzjalment mal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2008/95. Il-paragrafu 2 tal-istess Artikolu 3 jipprovdi:

    “Ma jistgħux jiġu protetti bħala trade mark, is-sinjali magħmula esklussivament minn forma

    1.

    imposta minn natura stess tal-prodott

    2.

    neċessarja għall-kisba ta’ riżultat tekniku jew li

    3.

    jagħti valur sostanzjali lill-prodott.”

    7

    L-Artikolu 8 tal-imsemmija liġi jipprovdi:

    “(1)   Is-sinjali li jistgħu jiġu protetti fis-sens tal-Artikolu 3 iżda li ma jistgħux jiġu rappreżentati grafikament ma jkunux irreġistrati bħala trade mark.

    (2)   Ma jistgħux jiġu rreġistrati bħala trade marks

    1.

    trade marks li ma għandhomx karattru distintiv fir-rigward tal-prodotti jew servizzi;

    2.

    trade marks li huma komposti biss minn sinjali jew indikazzjonijiet li jistgħu jservu, fil-kummerċ, sabiex jindikaw it-tip, il-kwalità, il-kwantità, l-użu intiż, il-valur, il-provenjenza ġeografika, iż-żmien tal-produzzjoni tal-prodott jew tal-provvista tas-servizz jew karatteristiċi oħra ta’ dawn.”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    8

    Fl-10 ta’ Novembru 2010, Apple kisbet mill-United States Patent and Trademark Office (Uffiċċju tal-privattivi u tat-trade marks tal-Istati Uniti) ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark tridimensjonali li tikkonsisti fir-rappreżentazzjoni, permezz ta’ disinn bil-kulur (b’mod partikolari griż metalliku u kannella ċar), tal-ħwienet ewlenin (“flagship stores”) tagħha għal servizzi fil-klassi 35 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, adottat fil-konferenza diplomatika ta’ Nice fil-15 ta’ Ġunju 1957, rivedut l-aħħar f’Genève fit-13 ta’ Mejju 1977 u emendat fit-28 ta’ Settembru 1979 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1154, Nru I‑18200, p. 89, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Nice”), jiġifieri għal “servizzi tan-negozju bl-imnut tal-kompjuters, software, apparat li jitqabbad mal-kompjuter, telefons ċellulari, prodotti elettroniċi li juża l-pubbliku ġenerali u aċċessorji u dimostrazzjoni ta’ prodotti relatati”.

    9

    L-imsemmija rappreżentazzjoni, deskritta minn Apple bħala “id-disinn u t-tqassim distintiv ta’ ħanut bl-imnut”, hija s-segwenti:

    Image

    10

    Sussegwentement, Apple pproċediet bl-estensjoni internazzjonali ta’ din it-trade mark skont il-Ftehim ta’ Madrid dwar ir-reġistrazzjoni internazzjonali tat-trade marks, tal-14 ta’ April 1891, hekk kif rivedut u emendat l-aħħar fit-28 ta’ Settembru 1979 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 828, Nru I-11852, p. 390). Din l-estensjoni ġiet aċċettata f’ċerti Stati u rrifjutata f’oħrajn.

    11

    Fl-24 ta’ Jannar 2013, l-estensjoni fit-territorju Ġermaniż ta’ din it-trade mark tridimensjonali internazzjonali (IR 1060321) ġiet irrifjutata mid-DPMA, peress li r-rappreżentazzjoni tal-ispazji intiżi għall-bejgħ tal-prodotti ta’ impriża ma kienu xejn iktar mir-rappreżentazzjoni ta’ aspett essenzjali tal-kummerċ ta’ din l-impriża. Jekk il-konsumatur jista’, ċertament, jinterpreta l-istruttura ta’ tali spazju bħala indikazzjoni tal-valur u tal-kategorija tal-prezzijiet tal-prodotti, ma jinterpretax tali struttura bħala indikazzjoni tal-oriġini tagħha. Min-naħa l-oħra, l-ispazju ta’ bejgħ irrappreżentat f’din il-kawża ma huwiex suffiċjentement distint minn ħwienet ta’ fornituri oħra ta’ prodotti elettroniċi.

    12

    Apple appellat l-imsemmija deċiżjoni ta’ rifjut tad-DPMA quddiem il-Bundespatentgericht.

    13

    Din il-qorti kkunsidrat li l-istruttura rrapreżentata mis-sinjal tridimensjonali riprodott fil-punt 9 tas-sentenza preżenti għandha dettalji li jiddistingwuha minn l-istruttura abitwali tal-ispazji ta’ bejgħ f’dan is-settur ekonomiku.

    14

    Madankollu, peress li l-Bundespatentgericht tikkunsidra li l-kawża li hija qiegħda tittratta tqajjem kwistjonijiet iktar fundamentali fil-qasam tad-dritt tat-trade marks, hija ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

    “1)

    L-Artikolu 2 tad-Direttiva [2008/95] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-possibbiltà li l-protezzjoni ta’ ‘imballaġġ [ta’ prodott]’ tkopri wkoll l-arranġament li fih huwa inkorporat is-servizz?

    2)

    L-Artikoli 2 u 3(1) tad-Direttiva [2008/95] għandhom jiġu interpretati fis-sens li sinjal li jirriproduċi l-arranġament li fih huwa inkorporat is-servizz jista’ jiġi rreġistrat bħala trade mark?

    3)

    L-Artikolu 2 tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rekwiżit tar-rappreżentazzjoni grafika ta’ trade mark huwa ssodisfatt b’sempliċi disinn jew b’addizzjonijiet oħra bħad-deskrizzjoni tal-arranġament jew indikazzjonijiet tad-dimensjonijiet assoluti f’metri jew tad-dimensjonijiet relattivi f’proporzjonijiet?

    4)

    L-Artikolu 2 tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-portata tal-protezzjoni tat-trade mark għal servizzi bl-imnut testendi wkoll għall-prodotti mmanifatturati mill-kummerċjant innifsu?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel sat-tielet domanda

    15

    Preliminarjament, għandu jiġi ppreċiżat li, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-kliem “arranġament li fih huwa inkorporat is-servizz” użati fl-ewwel żewġ domandi jirreferu għaċ-ċirkustanza li Apple titlob ir-reġistrazzjoni bħala trade mark ta’ sinjal kompost mir-rappreżentazzjoni tal-ħwienet ewlenin tagħha għal servizzi li jaqgħu, skont din, fil-klassi 35 tal-Ftehim ta’ Nice u jikkonsistu f’diversi servizzi bil-għan li jwasslu lill-konsumatur jixtri l-prodotti tagħha.

    16

    B’hekk, permezz tad-domandi wieħed sa tlieta tagħha, li jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 2008/95 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li r-rappreżentazzjoni, permezz ta’ sempliċi disinn mingħajr indikazzjoni tad-daqs jew tal-proporzjonijiet, tal-istruttura ta’ spazju ta’ bejgħ tistax tkun irreġistrata bħala trade mark għal servizzi li tikkonsisti f’diversi servizzi li jwasslu lill-konsumatur jixtri l-prodotti tal-applikant għal reġistrazzjoni u jekk fl-affermattiv, tali “arranġament li fih huwa inkorporat is-servizz” jistax jiġi kkomparat ma’ “imballaġġ”.

    17

    Għandu jitfakkar l-ewwel nett li, sabiex ikun jista’ jammonta għal trade mark, is-suġġett tal-applikazzjoni għal trade mark għandu, bis-saħħa tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2008/95, jissodisfa tliet kundizzjonijiet. L-ewwel nett, għandu jammonta għal sinjal. It-tieni nett, dan is-sinjal għandu jkun jista’ jiġi rrappreżentat grafikament. It-tielet nett, l-imsemmi sinjal għandu jkun xieraq sabiex jiddistingwi l-“prodotti” jew is-“servizzi” ta’ impriża minn dawk ta’ impriżi oħra (ara, fir-rigward tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/104, is-sentenzi Libertel, C‑104/01, EU:C:2003:244, punt 23; Heidelberger Bauchemie, C‑49/02, EU:C:2004:384, punt 22, u Dyson, C‑321/03, EU:C:2007:51, punt 28).

    18

    Jirriżulta mingħajr ambigwità mill-kliem tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2008/95 li d-disinni jaqgħu fost il-kategoriji ta’ sinjali li huma suġġetti għal rappreżentazzjoni grafika.

    19

    B’hekk jirriżulta li rappreżentazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, li tivviżwalizza l-istruttura ta’ spazju ta’ bejgħ permezz ta’ ġabra kontinwa ta’ linji, ta’ kurvi u ta’ forom, tista’ tammonta għal trade mark bil-kundizzjoni li hija tkun xierqa sabiex tiddistingwi l-prodotti jew is-servizzi ta’ impriża minn dawk ta’ impriżi oħra. Konsegwentement, tali rappreżentazzjoni tissodisfa l-ewwel u t-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt 17 tas-sentenza preżenti, u dan mingħajr ma jkun hemm bżonn li tingħata importanza lill-fatt li d-disinn huwa nieqes minn indikazzjonijiet li jirrigwardaw id-daqs u l-proporzjonijiet tal-ispazju tal-bejgħ li huwa jirrappreżenta u lanqas li jiġi eżaminat jekk tali disinn jistax ukoll, bħala “arranġament li fih huwa inkorporat is-servizz”, ikun ikkomparat ma’ “imballaġġ” fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2008/95.

    20

    Ir-rappreżentazzjoni, minn disinn, tal-istruttura ta’ spazju ta’ bejgħ tista’ wkoll tkun xierqa sabiex tiddistingwi l-prodotti jew is-servizzi ta’ impriża minn dawk ta’ impriżi oħra u b’hekk tissodisfa t-tielet kundizzjoni msemmija fil-punt 17 tas-sentenza preżenti. Huwa suffiċjenti li jingħad li, f’dan ir-rigward, ma jkunx eskluż li l-istruttura ta’ spazju ta’ bejgħ viżwalizzata minn tali sinjal tippermetti li jiġu identifikati l-prodotti jew is-servizzi li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni bħala provenjenti minn impriża partikolari. Hekk kif sostnew il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni, dan jista’ jkun il-każ meta l-istruttura viżwalizzata hija differenti b’mod sinjifikattiv mir-regola jew mill-prattiċi tas-settur ekonomiku kkonċernat (ara, b’analoġija, f’dak li jirrigwarda s-sinjali li jikkonsistu fl-apparenza ta’ prodott, is-sentenzi Storck vs UASI, C‑25/05 P, EU:C:2006:422, punt 28, u Vuitton Malletier vs UASI, C‑97/12 P, EU:C:2014:324, punt 52).

    21

    Il-fatt li sinjal b’mod ġenerali jista’ jammonta għal trade mark, fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2008/95, madankollu ma jfissirx li dan is-sinjal għandu neċessarjament karattru distintiv, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) ta’ din id-direttiva, fir-rigward tal-prodotti jew servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni [ara, fir-rigward tal-Artikoli 4 u 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru°40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), fejn il-kontenut jikkorrispondi ma’ dak tal-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 2008/95, sentenzi Henkel vs UASI, C‑456/01 P u C‑457/01 P, EU:C:2004:258, punt 32, kif ukoll UASI VS BORCO-Marken-Import Matthiesen, C‑265/09 P, EU:C:2010:508, punt 29].

    22

    Dan il-karattru distintiv tas-sinjal għandu jiġi evalwat in concreto fir-rigward, minn naħa, tal-prodotti jew servizzi previsti u, min-naħa l-oħra, tal-perċezzjoni li għandu l-pubbliku rilevanti, li huwa kompost mill-konsumatur medju tal-imsemmija prodotti jew servizzi, normalment informat u raġonevolment attent u avżat (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Linde et, C‑53/01 sa C‑55/01, EU:C:2003:206, punt 41; Koninklijke KPN Nederland, C‑363/99, EU:C:2004:86, punt 34; u UASI vs BORCO-Marken-Import Matthiesen, EU:C:2010:508, punti 32 u 35).

    23

    Huwa wkoll permezz ta’ eżami in concreto li l-awtorità kompetenti għandha teżamina jekk is-sinjal huwa deskrittiv jew le fir-rigward tal-karatteristiċi tal-prodotti jew servizzi kkonċernati fis-sens tal-Artikolu 3(1)(c) tad-Direttiva 2008/95 jew jaqa’ taħt wieħed mir-raġunijiet għal rifjut ta’ reġistrazzjoni li huma wkoll imsemmija fl-imsemmi Artikolu 3 (sentenza Koninklijke KPN Nederland, EU:C:2004:86, punti 31 u 32).

    24

    Bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 3(1)(e) ta’ din id-direttiva, li jirrigwarda esklużivament sinjali magħmula minn forma li saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni għal prodott u li huwa, konsegwentement, mingħajr rilevanza għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(1), bħal dawk li jidhru f’dan l-istess subparagrafi (b) u (c), ma jagħmlu ebda distinzjoni espliċita tal-kategoriji ta’ sinjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Linde et, EU:C:2003:206, punti 42 u 43). Minn dan isegwi li l-kriterji ta’ evalwazzjoni li għandhom ikunu użati mill-awtorità kompetenti fl-applikazzjoni ta’ dawn l-aħħar imsemmija dispożizzjonijiet għas-sinjali li jikkonsistu f’disinn li jirrappreżenta l-istruttura ta’ spazju ta’ bejgħ ma humiex differenti minn dawk użati għat-tipi l-oħra ta’ sinjali.

    25

    Fir-rigward, fl-aħħar nett, tal-kwistjoni, ukoll essenzjali għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali u li ġiet diskussa matul is-seduta, wara li saret domanda għal risposta orali li saret mill-Qorti, dwar jekk servizzi li għandhom l-għan li jwasslu lill-konsumatur jixtri l-prodotti tal-applikant għal reġistrazzjoni jistgħux jammontaw għal “servizzi” fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2008/95 li għalihom sinjal, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jista’ jkun irreġistrat bħala trade mark, Apple ssostni li dan huwa l-każ u tirreferi għad-distinzjoni li diġà saret mill-Qorti bejn il-bejgħ tal-prodotti, minn naħa, u s-servizzi, li jaqgħu fil-kunċett ta’ “servizz”, intiżi sabiex iwasslu għal dan il-bejgħ, min-naħa l-oħra (sentenza Praktiker Bau- und Heimwerkermärkte, C‑418/02,EU:C:2005:425, punti 34 u 35). Il-Kummissjoni tqis, min-naħa l-oħra li din il-ġurisprudenza ma hijiex trasponibbli f’sitwazzjoni, bħal dik li hija s-suġġett fil-kawża prinċipali, fejn l-uniku għan ta’ dawn is-servizzi huwa sabiex iwasslu lill-konsumatur jixtri l-prodotti tal-applikant stess.

    26

    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, jekk ebda wieħed mir-raġunijiet għal rifjut ta’ reġistrazzjoni msemmija fid-Direttiva 2008/95 ma tipprekludih, sinjal li jirrappreżenta l-istruttura ta’ ħwienet ewlenin ta’ produttur ta’ prodotti jista’ validament ikun irreġistrat mhux biss għal dawn il-prodotti, iżda wkoll għal servizzi li jaqgħu f’wieħed mill-klassijiet tal-Ftehim ta’ Nice dwar is-servizzi, meta dawn is-servizzi ma jifformawx parti integrali mit-tqegħid għal bejgħ tal-imsemmija prodotti. Ċerti servizzi, bħal dawk imsemmija fl-applikazzjoni ta’ Apple u kkjarifikati minn din fis-seduta, li jikkonsistu f’li jwettqu, f’tali ħwienet, demostrazzjonijiet tal-prodotti li huma esposti hemmhekk permezz ta’ seminars, jistgħu fihom infushom jammontaw għal servizzi remunerati li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “servizz”.

    27

    Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, għandha tingħata risposta għall-ewwel sat-tielet domanda li l-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 2008/95 għandhom jiġu interpretati fis-sens li r-rappreżentazzjoni, permezz ta’ sempliċi disinn mingħajr indikazzjoni tad-daqs jew tal-proporzjonijiet, tal-istruttura tal-ispazju ta’ bejgħ ta’ prodotti tista’ tkun irreġistrata bħala trade mark għal servizzi li jikkonsistu f’servizzi li jirrigwardaw dawn il-prodotti iżda li ma humiex parti integrali mit-tqegħid għall-bejgħ tagħhom, bil-kundizzjoni li din tkun kapaċi tiddistingwi s-servizzi tal-applikant tar-reġistrazzjoni minn dawk ta’ impriżi oħra u li ebda raġuni għal rifjut imsemmija fl-imsemmija direttiva ma tipprekludiha.

    Fuq ir-raba ’ domanda

    28

    Hekk kif jirriżulta mill-punti 26 u 27 tas-sentenza preżenti, id-Direttiva 2008/95 ma tipprekludix ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark għal servizzi li jirrigwardaw il-prodotti tal-applikat għal reġistrazzjoni.

    29

    Id-domanda dwar il-portata tal-protezzjoni mogħtija minn tali trade mark hija min-naħa l-oħra, hekk kif sostnew Apple u l-Kummissjoni, manifestament mingħajr konnessjoni mas-suġġett prinċipali, li huma kkonċernati esklużivament mir-rifjut tad-DPMA li jirreġistra s-sinjal riprodott fil-punt 9 tas-sentenza preżenti bħala trade mark.

    30

    Konsegwentement, minħabba l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li skont din talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali għandha tiġi miċħuda meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mfittxija tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Cipolla et, C‑94/04 u C‑202/04, EU:C:2006:758, punt 25, kif ukoll Jakubowska, C‑225/09, EU:C:2010:729, punt 28), ir-raba’ domanda għandha tiġi ddikjarata inammissibbli.

    Fuq l-ispejjeż

    31

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 2008/95/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks, għandhom jiġu interpretati fis-sens li r-rappreżentazzjoni, permezz ta’ sempliċi disinn mingħajr indikazzjoni tad-daqs jew tal-proporzjonijiet, tal-istruttura tal-ispazju ta’ bejgħ ta’ prodotti tista’ tkun irreġistrata bħala trade mark għal servizzi li jikkonsistu f’servizzi li jirrigwardaw dawn il-prodotti iżda li ma humiex parti integrali mit-tqegħid għall-bejgħ tagħhom, bil-kundizzjoni li din tkun kapaċi tiddistingwi s-servizzi tal-applikant tar-reġistrazzjoni minn dawk ta’ impriżi oħra u li ebda raġuni għal rifjut imsemmija fl-imsemmija direttiva ma tipprekludiha.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top