EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CJ0354

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tat-18 ta’ Diċembru 2014.
Fag og Arbejde (FOA) vs Kommunernes Landsforening (KL).
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-retten i Kolding.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika soċjali — Tkeċċija — Raġuni — Obeżità tal-ħaddiem — Prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni minħabba l‑obeżità — Assenza — Direttiva 2000/78/KE — Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol — Projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni bbażata fuq diżabbiltà — Eżistenza ta’ ‘diżabbiltà’.
Kawża C‑354/13.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:2463

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

18 ta’ Diċembru 2014 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika soċjali — Tkeċċija — Raġuni — Obeżità tal-ħaddiem — Prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni minħabba l-obeżità — Assenza — Direttiva 2000/78/KE — Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol — Projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni bbażata fuq diżabbiltà — Eżistenza ta’ ‘diżabbiltà’”

Fil-Kawża C‑354/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Retten i Kolding (id-Danimarka), permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Ġunju 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Ġunju 2013, fil-proċedura

Fag og Arbejde (FOA), li qed jaġixxi għal Karsten Kaltoft,

vs

Kommunernes Landsforening (KL), li qed taġixxi għall-Billund Kommune,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, K. Jürimäe, J. Malenovský, M. Safjan (Relatur) u A. Prechal, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Ġunju 2014,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Fag og Arbejde (FOA), li qed jaġixxi għal K. Kaltoft, minn J. Sand, avukat,

għall-Kommunernes Landsforening (KL), li qed taġixxi għall-Billund Kommune, minn Y. Frederiksen, avukat,

għall-Gvern Daniż, minn C. Thorning u M. Wolff, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Clausen u D. Martin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-17 ta’ Lulju 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni ta’ prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Fag og Arbejde (FOA), sindakat ta’ ħaddiema, li qed jaġixxi għal K. Kaltoft, u l-Kommunernes Landsforening (KL) (assoċjazzjoni nazzjonali tal-muniċipalitajiet Daniżi), li qed taġixxi għall-Billund Kommune (il-muniċipalità ta’ Billung, id-Danimarka), dwar il-legalità tat-tkeċċija ta’ K. Kaltoft, allegatament ibbażata fuq l-obeżità ta’ dan tal-aħħar.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Skont il-premessi 1, 11, 12, 15, 28 u 31 tad-Direttiva 2000/78:

“(1)

Skond l-Artikolu 6 [TUE], l-Unjoni Ewropea hi mibnija fuq il-prinċipji tal-libertà, tad-demokrazija, tar-rispett għad-drittijiet umani u għall-libertajiet fondamentali, u wkoll fuq l-istat tad-dritt, prinċipji li huma komuni għall-Istati Membri kollha u li tirrispetta d-drittijiet fondamentali kif iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-protezzjoni tad-drittijiet umani u l-libertajiet fondamentali[, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950,] u kif jirriżultaw mit-traduzzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri bħala prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja.

[...]

(11)

Id-diskriminazzjoni bbażata fuq reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali tista’ tikkomprometti t-twettiq tal-miri tat-Trattat tal‑KE, speċjalment li jintlaħaq livell għoli ta’ mpjieg u protezzjoni soċjali, li jiġi mgħolli l-istandard tal-ħajja u l-kwalità tal-ħajja, kif ukoll il-koeżjoni ekonomika u soċjali u s-solidarjetà, u l-moviment liberu tal-persuni.

(12)

B’dan l-iskop, kull diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali, għar-rigward ta’ arji koperti minn din id-Direttiva għandhom ikunu pprojbiti fil-Komunità kollha. [...]

[...]

(15)

L-aprezzament tal-fatti li minnhom wieħed jippreżumi l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni diretta jew indiretta huwa materja għall-korpi ġudizzjarji nazzjonali jew oħrajn kompetenti, skond ir-regoli tal-liġi jew il-prattika nazzjonali. Dawn ir-regoli jistgħu jipprovdu, b’mod partikolari illi d-diskriminazzjoni indiretta tiġi stabbilita b’kull mezz inkluż dak abbażi tal-prova statistika.

[...]

(28)

Din id-Direttiva tistabbilixxi l-ħtiġiet minimi, u b’hekk tagħti lill-Istati Membri l-għażla li jintroduċu jew iżommu dispożizzjonijiet aktar favorevoli. L-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva m’għandihex isservi biex tiġġustifika xi regressjoni għar-rigward tas-sitwazzjoni li diġà teżisti f’kull Stat Membru.

[...]

(31)

Ir-regoli dwar il-piż tal-prova għandhom jiġu addattati meta jkun hemm kaz prima facie ta’ diskriminazzjoni u, għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament biex jiġi applikat effettivament, il-piż tal-prova għandu jiġi spustat fuq il-konvenut meta tinġjieb prova ta’ din id-diskriminazzjoni. Madankollu, il-piż ma jkunx fuq il-konvenut li jipprova illi l-attur jappartjeni għal reliġjon partikulari jew għandu konvinzjoni jew diżabilità jew età jew orjentazzjoni sesswali, partikolari.”

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.”

5

L-Artikolu 2(1) u (2) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“1.   Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.

2.   Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

(a)

għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1;

[...]”

6

L-Artikolu 3(1)(ċ) tal-istess direttiva jipprovdi li:

“Fil-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-Komunità, din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda:

[...]

(ċ)

il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga”.

7

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/78 huwa fformulat hekk:

“Sabiex tiġi ggarantita konformità mal-prinċipju ta’ l-ugwaljanza fit-trattament fir-rigward ta’ persuni b’diżabilitajiet, għandha tiġi pprovduta akkomodazzjoni raġonevoli. Dan ifisser li dawk li jħaddmu għandhom jieħdu mizuri approprjati, meta meħtieġa f’każ partikulari, biex jippermettu persuna b’diżabilità li jkollha aċċess għal, u tipparteċipa fil-, jew tavvanza fl-impjieg, jew titħarreġ, sakemm dawn il-miżuri ma jimponux piż sproporzjonat fuq min iħaddem. Dan il-piż ma jitqiesx sproporzjonat meta jiġi mnaqqas biżżejjed permezz ta’ miżuri li jkunu jeżistu fil-qafas tal-politika dwar diżabilità fl-Istat Membru kkonċernat.”

8

L-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri jistgħu jintroduċu jew jikkonservaw dispożizzjonijiet li huma aktar favorevoli għall-protezzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament minn dawk previsti f’din id-Direttiva.”

9

L-Artikolu 10(1) u (2) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu dawk il-miżuri li huma neċessarji, skond is-sistemi nazzjonali ġudizzjarji tagħhom, biex jiżguraw li, meta persuni li jikkunsidraw lilhom infushom milquta ħażin minħabba li l-prinċipju ta’ l-ugwaljanza fit-trattament ma ġiex applikat lilhom, jippruvaw quddiem qorti jew awtorità kompetenti oħra, fatti li minnhom wieħed jista’ jippresumi li kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta, il-prova li ma kienx hemm ksur prinċipju ta’ l-ugwaljanza fit-trattament tgħaddi fuq il-konvenut.

2.   Il-paragrafu 1 m’għandux jipprevjeni l-Istati Membri milli jintroduċu regoli ta’ prova li huma aktar favorevoli għal min jagħmel l-ilment.”

Id-dritt Daniż

10

Id-Direttiva 2000/78 ġiet trasposta fid-dritt Daniż permezz tal-Liġi Nru 1417, tat-22 ta’ Diċembru 2004, li temenda l-Liġi dwar il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol (lov nr. 1417 om ændring af lov om forbud mod forskelsbehandling på arbejdsmarkedet m.v.).

11

Fl-Artikolu 1(1) tagħha, din il-liġi, fil-verżjoni tagħha ppubblikata permezz tad-digriet ta’ konsolidazzjoni Nru 1349, tas-16 ta’ Diċembru 2008 (iktar ’il quddiem il-“Liġi kontra d-diskriminazzjoni”), tipprovdi:

“Diskriminazzjoni fis-sens ta’ din il-liġi tfisser kull att ta’ diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq ir-razza, fuq il-kulur, fuq ir-reliġjon jew il-konvinzjonijiet, fuq l-opinjonijiet politiċi, fuq l-orjentament sesswali, fuq l-età, fuq id-diżabbiltà, fuq in-nazzjonalità, jew fuq l-appartenenza lil grupp soċjali jew etniku partikolari.”

12

L-Artikolu 2(1) tal-imsemmija liġi jipprovdi:

“Hija pprojbita kull diskriminazzjoni minn persuna li timpjega fir-rigward tar-reklutaġġ, tat-tkeċċija, tat-trasferiment jew tal-promozzjoni ta’ impjegati jew ta’ kandidati għal impjieg, jew fir-rigward tal-iffissar tal-kundizzjonijiet tas-salarju jew tax-xogħol tagħhom.”

13

L-Artikolu 2a tal-istess liġi jipprovdi:

“Il-persuna li timpjega għandha tieħu l-miżuri adegwati, meta meħtieġ fil-każ partikolari, sabiex tippermetti lil persuna b’diżabbiltà jkollha aċċess għal, tipparteċipa jew tavvanza fl-impjieg, jew sabiex din il-persuna tingħata taħriġ. Dan l-obbligu ma jitnissilx jekk joħloq piż sproporzjonat għall-persuna li timpjega. Dan il-piż ma jkunx sproporzjonat meta jkun ikkumpensat b’mod suffiċjenti permezz ta’ miżuri pubbliċi.”

14

L-Artikolu 7(1) tal-Liġi kontra d-diskriminazzjoni jipprovdi:

“Kull min iġarrab preġudizzju minħabba ksur tad-drittijiet previsti fl-Artikoli 2 sa 4 jista’ jikseb kumpens.”

15

L-Artikolu 7a ta’ din il-liġi huwa fformulat hekk:

“Meta persuna tqis li kienet ippreġudikata minħabba ksur tal-Artikoli 2 sa 4 u tistabbilixxi fatti li minnhom wieħed jista’ jippreżumi li kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta, l-oneru li jiġi pprovat li ma kienx hemm ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jaqa’ fuq il-konvenut.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16

Fl-1 ta’ Novembru 1996, il-Billund Kommune, waħda mill-amministrazzjonijiet pubbliċi Daniżi, irreklutat lil K. Kaltoft, permezz ta’ kuntratt għal żmien determinat, bħala assistent responsabbli għat-tfal sabiex jieħu ħsieb it-tfal ta’ ħaddieħor fid-dar tiegħu stess.

17

Sussegwentement, il-Billund Kommune rreklutat lil K. Kaltoft permezz ta’ kuntratt għal żmien indeterminat, bħala assistent responsabbli għat-tfal, b’effett mill-1 ta’ Jannar 1998. K. Kaltoft eżerċita din il-funzjoni għal madwar ħmistax-il sena.

18

Bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali huwa paċifiku li, tul il-perijodu kollu li matulu K. Kaltoft kien impjegat mill-Billund Kommune, huwa kien “fi stat ta’ obeżità”, fis-sens tad-definizzjoni mogħtija mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), li tinkludi l-obeżità taħt il-Kodiċi E66 tal-klassifikazzjoni statistika internazzjonali tal-mard u tal-problemi tas-saħħa konnessi tad-WHO (CIM 10).

19

K. Kaltoft ipprova jnaqqas il-piż tiegħu u l-Billund Kommune, bħala parti mill-politika tagħha tas-saħħa, ipprovdietlu assistenza finanzjarja bejn Jannar 2008 u Jannar 2009 sabiex ikun jista’ jattendi għal sessjonijiet ta’ fitness u ta’ taħriġ fiżiku. K. Kaltoft irnexxielu jnaqqas il-piż tiegħu iżda sussegwentement reġa’ żdied fil-piż, kif ġara f’tentattivi preċedenti oħra.

20

F’Marzu 2010, K. Kaltoft reġa’ beda jaħdem bħala assistent responsabbli għat-tfal wara li kien ħa leave ta’ sena minħabba raġunijiet familjari. Sussegwentement, sarulu diversi żjarat mhux mistennija mill-persuna responsabbli għal dawn l-assistenti, li xtaqet tkun taf dwar it-telf ta’ piż tiegħu. Matul dawn iż-żjarat, il-persuna responsabbli għal dawn l-assistenti setgħet tikkonstata li l-piż ta’ K. Kaltoft kien baqa’ kważi l-istess.

21

Minħabba tnaqqis fin-numru ta’ tfal fil-Billund Kommune, K. Kaltoft, b’effett mit-tmienja u tletin ġimgħa tas-sena 2010, kellu biss tlett itfal x’jieħu ħsieb, minflok erbgħa, in-numru li għalih kien irċieva awtorizzazzjoni.

22

Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, l-ispetturi tal-għalliema fi ħdan il-Billund Kommune ntalbu jipproponu l-isem ta’ assistent responsabbli għat-tfal li kellu jitkeċċa u l-persuna responsabbli għal dawn l-assistenti, fid-dawl tal-proposti li rċeviet, iddeċidiet li K. Kaltoft kellu jkun il-persuna li titkeċċa.

23

Fl-1 ta’ Novembru 2010, K. Kaltoft ġie informat b’telefonata li l-Billund Kommune kellha l-intenzjoni tipproċedi bit-tkeċċija tiegħu, li kien ifisser li kellha tiġi implementata l-proċedura ta’ smigħ minn qabel li hija meħtieġa fil-każ tat-tkeċċija ta’ impjegat pubbliku.

24

Sussegwentement, dakinhar stess, waqt laqgħa mal-persuna responsabbli għall-assistenti responsabbli għat-tfal u fil-preżenza tar-rappreżentant tal-persunal, K. Kaltoft talab li jkun jaf ir-raġuni għaliex kien l-uniku assistent responsabbli għat-tfal li kien ser jitkeċċa. Il-partijiet fil-kawża prinċipali jaqblu dwar il-fatt li l-obeżità ta’ K. Kaltoft ġiet diskussa matul din il-laqgħa. Għall-kuntrarju, il-partijiet ma jaqblux dwar il-kwistjoni ta’ kif l-obeżità ta’ K. Kaltoft ġiet diskussa matul din il-laqgħa, kif lanqas ma jaqblu dwar sa fejn l-obeżità tiegħu kienet tifforma parti mill-elementi meħuda inkunsiderazzojni fil-proċess deċiżjonali li wassal għat-tkeċċija tiegħu.

25

Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Novembru 2010, il-Billund Kommune innotifikat formalment lil K. Kaltoft bl-intenzjoni tagħha li tkeċċih u stednitu sabiex jippreżenta, jekk ikun il-każ, osservazzjonijiet f’dan ir-rigward. Fl-imsemmija ittra, K. Kaltoft ingħata l-ispjegazzjoni li t-tkeċċija li kienet qiegħda tiġi kkunsidrata kienet ser titwettaq “wara evalwazzjoni speċifika abbażi ta’ tnaqqis fin-numru ta’ tfal, li jwassal għal tnaqqis fil-volum ta’ xogħol, li għandu impatti finanzjarji serji fuq is-servizz ta’ kura ta’ tfal kif ukoll fuq l-organizzazzjoni ta’ dan is-servizz”.

26

K. Kaltoft ma rnexxilux jikseb preċiżazzjoni dwar ir-raġunijiet konkreti għaliex l-għażla li jitkeċċa assistent u mhux ieħor kienet waqgħat fuqu. Huwa kien l-uniku assistent imkeċċi minħabba l-allegat tnaqqis fil-volum ta’ xogħol.

27

Il-Billund Kommune tat lil K. Kaltoft terminu sabiex iressaq l-osservazzjonijiet tiegħu u dan, permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Novembru 2010, esprima l-impressjoni tiegħu li t-tkeċċija tiegħu kienet immotivata mill-obeżità tiegħu.

28

Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Novembru 2010, il-Billund Kommune keċċiet lil K. Kaltoft, filwaqt li indikat li din it-tkeċċija kienet ġiet deċiża wara “evalwazzjoni speċifika abbażi ta’ tnaqqis fin-numru ta’ tfal”. Il-Billund Kommune ma għamlet ebda osservazzjoni dwar l-impressjoni espressa minn K. Kaltoft, fl-ittra tiegħu tal-10 ta’ Novembru 2010, dwar ir-raġuni reali għat-tkeċċija tiegħu.

29

Il-FOA, li qed jaġixxi f’isem K. Kaltoft, ippreżenta rikors quddiem ir-Retten i Kolding (qorti ta’ Kolding) fejn sostna li, bit-tkeċċija tiegħu, K. Kaltoft kien vittma ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-obeżità u li dan kellu jikseb kumpens għad-danni kkawżati minn din id-diskriminazzjoni.

30

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Retten i Kolding iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“(1)

Huwa kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni, kif jipprovdi, pereżempju, fl-Artikolu 6 TUE dwar id-drittijiet fundamentali, li fis-suq tax-xogħol b’mod ġenerali jew iktar partikolari għal awtorità pubblika fil-kwalità ta’ persuna li timpjega, tista’ tinħoloq diskriminazzjoni bbażata fuq l-obeżità?

(2)

Fil-każ ta’ projbizzjoni fid-dritt tal-Unjoni ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq l-obeżità, din hija direttament applikabbli għal rapport bejn ċittadin Daniż u l-persuna li timpjegah, b’din tal-aħħar tkun awtorità pubblika?

(3)

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata [li teżisti] projbizzjoni [fid-dritt tal-]Unjoni tad-diskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol ibbażata fuq l-obeżità, kemm ġenerali kif ukoll jekk b’mod partikolari għal amministrazzjoni pubblika fil-kwalità ta’ persuna li timpjega, l-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk kienx hemm ksur ta’ eventwali projbizzjoni tad-diskriminazzjoni bbażata fuq l-obeżità, għandha tirriżulta b’oneru tal-prova diviż, b’tali mod li, f’każ fejn tista’ tiġi preżunta tali diskriminazzjoni, l-applikazzjoni effettiva ta’ din il-projbizzjoni teżiġi li l-oneru tal-prova jinkombi fuq il-persuna li tħaddem li tkun konvenuta fi proċeduri kontenzjużi [...])?

4)

L-obeżità tista’ tiġi kkunsidrata bħala diżabbiltà li taqa’ taħt il-protezzjoni tad-[Direttiva 2000/78/KE] u skont liema kriterji jeħtieġ jiġi evalwat jekk l-istat ta’ obeżità ta’ persuna għandux l-effett konkret li bih din il-persuna tibbenefika mill-protezzjoni mogħtija minn din id-direttiva kontra d-diskriminazzjoni abbażi ta’ diżabbiltà?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

31

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li jirrikonoxxi prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni minħabba l-obeżità, bħala tali, fir-rigward tal-impjieg u tax-xogħol.

32

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fost id-drittijiet fundamentali li jagħmlu parti integrali mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni jinsab b’mod partikolari l-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni, li għalhekk jorbot lill-Istati Membri meta s-sitwazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tkun taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Chacón Navas, C‑13/05, EU:C:2006:456, punt 56).

33

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li ebda dispożizzjoni tat-Trattati UE u FUE ma tinkludi projbizzjoni tad-diskriminazzjoni bbażata fuq l-obeżità bħala tali. B’mod partikolari, la l-Artikolu 10 TFUE u lanqas l-Artikolu 19 TFUE ma jirreferu għall-obeżità.

34

Fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-Artikolu 19 TFUE, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dan l-artikolu sempliċement jirregola l-kompetenzi tal-Unjoni u li, peress li ma jsemmix id-diskriminazzoni bbażata fuq l-obeżità bħala tali, ma jistax jikkostitwixxi bażi legali għal miżuri tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea maħsuba sabiex tiġi miġġielda tali diskriminazzoni (ara, b’analoġija, is-sentenza Chacón Navas, EU:C:2006:456, punt 55).

35

Id-dritt idderivat tal-Unjoni lanqas ma jirrikonoxxi prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba l-obeżità fir-rigward tal-impjieg u tax-xogħol. B’mod partikolari, id-Direttiva 2000/78 ma ssemmix l-obeżità bħala raġuni ta’ diskriminazzjoni.

36

Issa, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma hemmx lok li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78 jiġi estiż b’analoġija lil hinn mid-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq ir-raġunijiet elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 1 tagħha (ara s-sentenzi Chacón Navas, EU:C:2006:456, punt 56, u Coleman, C‑303/06, EU:C:2008:415, punt 46).

37

Għaldaqstant, l-obeżità bħala tali ma tistax titqies li hija raġuni li tista’ tiġi inkluża fost dawk li fuq il-bażi tagħhom id-Direttiva 2000/78 tipprojbixxi kull diskriminazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza Chacón Navas, EU:C:2006:456, punt 57).

38

F’dan il-każ, il-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jinkludi ebda element li jippermetti li jitqies li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn tikkonċerna tkeċċija allegatament ibbażata fuq l-obeżità bħala tali, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

39

F’dan il-kuntest, lanqas id-dispożizzjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ma huma applikabbli għal tali sitwazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punti 21 u 22).

40

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda magħmula għandha tkun li d-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jirrikonoxxix prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni minħabba l-obeżità, bħala tali, fir-rigward tal-impjieg u tax-xogħol.

Fuq it-tieni u t-tielet domandi

41

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li jiġu eżaminati t-tieni u t-tielet domandi.

Fuq ir-raba ’ domanda

42

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva 2000/78 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-istat ta’ obeżità ta’ ħaddiem jista’ jikkostitwixxi “diżabbiltà”, fis-sens ta’ din id-direttiva, u, fl-affermattiv, skont liema kriterji tali stat ikollu l-konsegwenza li l-persuna kkonċernata tkun intitolata li tibbenefika mill-protezzjoni mogħtija mill-imsemmija direttiva kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabbiltà.

Fuq l-ammissibbiltà

43

Il-Gvern Daniż isostni li r-raba’ domanda hija inammissibbli minħabba li hija ta’ natura ipotetika. Fil-fatt, mill-elementi fattwali esposti mill-qorti tar-rinviju ma jirriżultax li K. Kaltoft ma setax jaqdi l-funzjonijiet tiegħu tul il-perijodu li matulu kien impjegat mill-Billund Kommune, u wisq inqas li dan tqies bħala li jsofri minn “diżabbiltà” fis-sens tad-Direttiva 2000/78. Għaldaqstant, ir-risposta għal din id-domanda ma hijiex ser tkun utli għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

44

Barra minn hekk, il-Gvern Daniż isostni li r-risposta għar-raba’ domanda ma tagħti lok għal ebda dubju raġonevoli sa fejn tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, fid-dawl tal-punt 47 tas-sentenza HK Danmark (C‑335/11 u C‑337/11, EU:C:2013:222), il-qorti tar-rinviju tista’ tiddeċiedi hija stess fil-kawża prinċipali dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “diżabbiltà” fis-sens tad-Direttiva 2000/78.

45

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tkun tressqet it-tilwima u li jkollha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għad tkun trid tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha u kemm ir-rilevanza tad-domandi li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, sakemm id-domandi magħmula jkunu jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, meħtieġa li tagħti deċiżjoni. Il-preżunzjoni ta’ rilevanza li jgawdu d-domandi magħmula fil-kuntest ta’ talba għal deċiżjoni preliminari mill-qrati nazzjonali tista’ titwarrab biss b’mod eċċezzjonali, meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex l-elementi ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Åkerberg Fransson, EU:C:2013:105, punti 39 u 40, kif ukoll B., C‑394/13, EU:C:2014:2199, punt 19).

46

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju għandha dubji fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “diżabbiltà”, fis-sens tad-Direttiva 2000/78, u, permezz tar-raba’ domanda tagħha, tixtieq tkun taf jekk tali kunċett japplikax għal ħaddiem fi stat ta’ obeżità li kien is-suġġett ta’ tkeċċija.

47

F’dawn iċ‑ċirkustanzi, ma jidhirx b’mod manifest li l‑interpretazzjoni tad‑dritt tal‑Unjoni mitluba mill‑qorti tar‑rinviju ma hijiex ser tkun meħtieġa minn din tal‑aħħar sabiex taqta’ t-tilwima li għandha quddiemha.

48

Barra minn hekk, qorti nazzjonali b’ebda mod ma hija pprojbita milli tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja domanda preliminari li r-risposta għaliha ma tagħti lok għal ebda dubju raġonevoli (ara s-sentenza Painer, C‑145/10, EU:C:2011:798, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49

Għaldaqstant, ir-raba’ domanda għandha titqies li hija ammissibbli.

Fuq il-mertu

50

B’mod preliminari, għandu jiġi osservat li, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tagħha, l-għan tad-Direttiva 2000/78 huwa li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ġlieda, f’dak li jikkonċerna l-impjieg u x-xogħol, kontra d-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq waħda mir-raġunijiet previsti f’dan l-artikolu, li fosthom tinsab id-diżabbiltà.

51

Skont l-Artikolu 2(2)(a) tal-imsemmija direttiva, għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli persuna oħra hija, kienet jew kienet tiġi trattata f’sitwazzjoni paragunabbli, fuq il-bażi, b’mod partikolari, tad-diżabbiltà.

52

Skont l-Artikolu 3(1)(ċ) tagħha, id-Direttiva 2000/78 tapplika, fil-limiti tal-kompetenzi kkonferiti lill-Unjoni, għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku u kemm fis-settur privat, inklużi l-korpi pubbliċi, fir-rigward b’mod partikolari tal-kundizzjonijiet ta’ tkeċċija.

53

Wara r-ratifika mill-Unjoni tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbilità, li ġiet approvata f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/48/KE, tas-26 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2010 L 23, p. 35), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-kunċett ta’ “diżabbiltà”, fis-sens tad-Direttiva 2000/78, għandu jinftiehem fis-sens li jirreferi għal limitazzjoni, li tirriżulta b’mod partikolari minn defiċjenzi għal perijodu twil ta’ natura fiżika, mentali jew psikika, li flimkien ma’ diversi ostakoli tista’ tkun ta’ xkiel għall-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tal-persuna kkonċernata fil-ħajja professjonali fuq bażi ugwali bħall-ħaddiema l-oħra (ara s-sentenzi HK Danmark, EU:C:2013:222, punti 37 sa 39; Z., C‑363/12, EU:C:2014:159, punt 76, u Glatzel, C‑356/12, EU:C:2014:350, punt 45).

54

Dan il-kunċett ta’ “diżabbiltà” ma għandux jinftiehem bħala li jirreferi biss għall-impossibbiltà li tiġi eżerċitata attività professjonali iżda għandu jinftiehem ukoll fis-sens li jirreferi għal ostakolu fl-eżerċizzju ta’ tali attività. Interpretazzjoni differenti tkun inkompatibbli mal-għan ta’ din id-direttiva li huwa b’mod partikolari li persuna b’diżabbiltà tkun tista’ jkollha aċċess għal impjieg jew tkun tista’ teżerċitah (ara s-sentenza Z., EU:C:2014:159, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55

Barra minn hekk, jekk jiġi ammess li l-imsemmija direttiva tista’ tapplika skont l-oriġini tad-diżabbiltà, dan ikun imur kontra l-għan stess tagħha, li huwa li tiġi implementata l-ugwaljanza fit-trattament (ara s-sentenza HK Danmark, EU:C:2013:222, punt 40).

56

Fil-fatt, il-kunċett ta’ “diżabbiltà”, fis-sens tad-Direttiva 2000/78, ma jiddependix mill-kwistjoni ta’ sa fejn il-persuna setgħet ikkontribwixxiet jew le sabiex timmaterjalizza d-diżabbiltà tagħha.

57

Barra minn hekk, id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “diżabbiltà” fis-sens tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78 tippreċedi d-determinazzjoni u l-evalwazzjoni tal-miżuri ta’ akkomodazzjoni raġonevoli previsti fl-Artikolu 5 tagħha. Fil-fatt, skont il-premessa 16 ta’ din id-direttiva, tali miżuri huma maħsuba sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ħtiġijiet tal-persuni b’diżabbiltà u għalhekk dawn il-miżuri huma l-konsegwenza u mhux l-element kostitwenti tal-kunċett ta’ “diżabbiltà” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza HK Danmark, EU:C:2013:222, punti 45 u 46). Għaldaqstant, is-sempliċi fatt li tali miżuri ta’ akkomodazzjoni ma kinux ittieħdu fil-konfront ta’ K. Kaltoft ma huwiex biżżejjed sabiex jitqies li dan ma jistax ikun persuna b’diżabbiltà fis-sens tal-imsemmija direttiva.

58

Għandu jiġi kkonstatat li l-istat ta’ obeżità ma jikkostitwixxix, bħala tali, “diżabbiltà”, fis-sens tad-Direttiva 2000/78, minħabba li, min-natura tiegħu, dan l-istat ma għandux bħala konsegwenza neċessarja l-eżistenza ta’ limitazzjoni bħal dik deskritta fil-punt 53 ta’ din is-sentenza.

59

Għall-kuntrarju, fil-każ li, f’ċirkustanzi partikolari, l-istat ta’ obeżità tal-ħaddiem ikkonċernat jimplika limitazzjoni, li tirriżulta b’mod partikolari minn defiċjenzi ta’ natura fiżika, mentali jew psikika, li flimkien ma’ diversi ostakoli tista’ tkun ta’ xkiel għall-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva ta’ din il-persuna fil-ħajja professjonali fuq bażi ugwali bħall-ħaddiema l-oħra u fil-każ li din il-limitazzjoni tkun għal perijodu twil, tali stat jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “diżabbiltà” fis-sens tad-Direttiva 2000/78 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza HK Danmark, EU:C:2013:222, punt 41).

60

Dan ikun il-każ, b’mod partikolari, jekk l-obeżità tal-ħaddiem tkun ta’ xkiel għall-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tiegħu fil-ħajja professjonali fuq bażi ugwali bħall-ħaddiema l-oħra minħabba mobbiltà mnaqqsa jew minħabba li dan il-ħaddiem ikun ibati minn patoloġiji li jipprekluduh milli jwettaq ix-xogħol tiegħu jew li jimplikaw ostakolu għall-eżerċizzju tal-attività professjonali tiegħu.

61

F’dan il-każ, kif osservat il-qorti tar-rinviju, huwa paċifiku li K. Kaltoft kien fi stat ta’ obeżità tul il-perijodu kollu li matulu kien impjegat mill-Billund Kommune, jiġifieri għal żmien twil.

62

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, fil-kawża prinċipali, minkejja l-fatt li K. Kaltoft, kif ġie osservat fil-punt 17 ta’ din is-sentenza, eżerċita x-xogħol tiegħu għal madwar ħmistax-il sena, l-obeżità ta’ K. Kaltoft implikatx limitazzjoni li tissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 53 ta’ din is-sentenza.

63

Fil-każ li l-qorti tar-rinviju tasal għall-konklużjoni li l-obeżità ta’ K. Kaltoft tissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, għandu jitfakkar li, fir-rigward tal-oneru ta’ prova applikabbli, skont l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2000/78, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji, b’konformità mas-sistema ġudizzjarja tagħhom, sabiex, meta persuna tqis li kienet leża min-nuqqas ta’ osservanza fil-konfront tagħha tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u tistabbilixxi, quddiem qorti jew quddiem istanza oħra kompetenti, fatti li minnhom wieħed jista’ jippreżumi li kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta, l-oneru tal-prova li ma kienx hemm ksur tal-imsemmi prinċipju jaqa’ fuq il-konvenut. Skont l-Artikolu 10(2) tal-imsemmija direttiva, dan l-Artikolu 10(1) ma jipprekludix lill-Istati Membri milli jadottaw regoli dwar l-oneru tal-prova li jkunu iktar favorevoli għall-persuni li jressqu l-ilment.

64

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għar-raba’ domanda magħmula għandha tkun li d-Direttiva 2000/78 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-istat ta’ obeżità ta’ ħaddiem jikkostitwixxi “diżabbiltà”, fis-sens ta’ din id-direttiva, meta dan l-istat jimplika limitazzjoni, li tirriżulta b’mod partikolari minn defiċjenzi għal perijodu twil ta’ natura fiżika, mentali jew psikika, li flimkien ma’ diversi ostakoli tista’ tkun ta’ xkiel għall-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tal-persuna kkonċernata fil-ħajja professjonali fuq bażi ugwali bħall-ħaddiema l-oħra. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex issodisfatti fil-kawża prinċipali.

Fuq l-ispejjeż

65

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jirrikonoxxix prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni minħabba l-obeżità, bħala tali, fir-rigward tal-impjieg u tax-xogħol.

 

2)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandha tiġi interpretata fis-sens li l-istat ta’ obeżità ta’ ħaddiem jikkostitwixxi “diżabbiltà”, fis-sens ta’ din id-direttiva, meta dan l-istat jimplika limitazzjoni, li tirriżulta b’mod partikolari minn defiċjenzi għal perijodu twil ta’ natura fiżika, mentali jew psikika, li flimkien ma’ diversi ostakoli tista’ tkun ta’ xkiel għall-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tal-persuna kkonċernata fil-ħajja professjonali fuq bażi ugwali bħall-ħaddiema l-oħra. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex issodisfatti fil-kawża prinċipali.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: id-Daniż.

Top