Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CJ0328

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tal-11 ta’ Settembru 2014.
    Österreichischer Gewerkschaftsbund vs Wirtschaftskammer Österreich – Fachverband Autobus-, Luftfahrt- und Schifffahrtsunternehmungen.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2001/23/KE – Żamma tad-drittijiet tal-ħaddiema fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, ta’ negozju jew ta’ partijiet minn impriżi jew minn negozju – Obbligu għaċ-ċessjonarju li jżomm il-kundizzjonijiet ta’ xogħol miftiehma minn ftehim kollettiv sad-dħul fis-seħħ ta’ ftehim kollettiv ieħor – Kunċett ta’ ftehim kollettiv – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li ftehim kollettiv rexiss ikompli jipproduċi effetti sad-dħul fis-seħħ ta’ ftehim ieħor.
    Kawża C‑328/13.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:2197

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

    11 ta’ Settembru 2014 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 2001/23/KE — Żamma tad-drittijiet tal-ħaddiema fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, ta’ negozju jew ta’ partijiet minn impriżi jew minn negozju — Obbligu għaċ-ċessjonarju li jżomm il-kundizzjonijiet ta’ xogħol miftiehma minn ftehim kollettiv sad-dħul fis-seħħ ta’ ftehim kollettiv ieħor — Kunċett ta’ ftehim kollettiv — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li ftehim kollettiv rexiss ikompli jipproduċi effetti sad-dħul fis-seħħ ta’ ftehim ieħor”

    Fil-Kawża C‑328/13,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Mejju 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Ġunju 2013, fil-proċedura

    Österreichischer Gewerkschaftsbund

    vs

    Wirtschaftskammer Österreich – Fachverband Autobus-, Luftfahrt- und Schifffahrtsunternehmungen,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

    komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, M. Safjan, J. Malenovský, A. Prechal (Relatur), u K. Jürimäe, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għall-Österreichischer Gewerkschaftsbund, minn R. Gerlach, Rechtsanwalt,

    għall-Wirtschaftskammer Österreich - Fachverband Autobus-, Luftfahrt- und Schifffahrtsunternehmungen, minn K. Körber-Risak, Rechtsanwältin,

    għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u K. Petersen, bħala aġenti,

    għall-Gvern Elleniku, minn E.-M. Mamouna u M. Tassopoulou, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Enegren u F. Schatz, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-3 ta’ Ġunju 2014,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE, tat-12 ta’ Marzu 2001, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji (ĠU L 82, p. 16).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn l-Österreichischer Gewerkschaftsbund (Konfederazzjoni Awstrijaka tas-Sindakati, iktar ’il quddiem il-“Gewerkschaftsbund”) u l-Wirtschaftskammer Österreich - Fachverband Autobus-, Luftfahrt- und Schifffahrtsunternehmungen (Kamra tal-Kummerċ Awstrijaka — federazzjoni settorjali tal-impriżi tat-trasport bix-xarabank, bl-ajruplan u bil-vapur, iktar ’il quddiem il-“Wirtschaftskammer”) dwar iż-żamma, fl-istabbiliment, tal-effetti ta’ ftehim kollettiv rexiss.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    L-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2001/23/KE jipprovdi:

    “Wara t-trasferiment, min lilu jsir it-trasferiment għandu jkompli josserva t-termini u l-kundizzjonijiet miftiehma f’kull ftehim kollettiv skond l-istess kondizzjonijiet applikabbli għal min jagħmel it-trasferiment taħt dak il-ftehim, sad-data li fiha l-ftehim kollettiv jispiċċa jew jiskadi jew sad-dħul fis-seħħ jew l-applikazzjoni ta’ ftehim kollettiv ieħor.

    L-Istati Membri jistgħu jillimitaw il-perijodu għall-osservazzjoni ta’ dawn it-termini w kundizzjonijiet bil-kundizzjoni li dan ma jkunx anqas minn sena wahda.”

    Id-dritt Awstrijakk

    4

    Skont l-Artikolu 8 tal-Liġi dwar ir-relazzjonijiet ta’ xogħol u l-organizzazzjoni soċjali tal-impriżi (Arbeitsverfassungsgesetz, BGBl. 22/1974), kif applikabbli għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“ArbVG”):

    “Fil-kamp ta’ applikazzjoni territorjali, materjali u personali għall-applikazzjoni ta’ ftehim kollettiv, u sakemm mhux previst mod ieħor, ikunu partijiet:

    1.

    il-persuni li jimpjegaw u l-ħaddiema li huma parti minn dan il-ftehim fil-mument li fih ġie adottat jew iktar ’il quddiem;

    2.

    il-persuni li jimpjegaw li huma ċessjonarji ta’ impriża jew ta’ parti minn impriża, fejn iċ-ċedent ikun wieħed mill-persuni li jimpjegaw imsemmi fil-paragrafu 1;

    [...]”

    5

    L-Artikolu 13 tal-ArbZG jipprovdi:

    “Wara li jiġi xolt il-ftehim kollettiv l-effetti legali tiegħu għandhom jinżammu fir-rigward tar-relazzjonijiet ta’ xogħol koperti minnu qabel ma ġie xolt, sakemm għal dawk ir-relazzjonijiet ta’ xogħol ma jkunx hemm ftehim kollettiv ġdid applikabbli jew sakemm ma jkunx intlaħaq ftehim individwali ġdid mal-ħaddiema effettwati”.

    6

    L-Artikolu 4.1 tal-Liġi dwar l-adattament tar-regoli tal-kuntratt ta’ xogħol (Arbeitsvertragsrechtsanpassungsgesetz, BGBl. 459/1993), kif applikabbli għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“AVRAG”), jipprovdi:

    “Wara t-trasferiment, iċ-ċessjonarju għandu jkompli josserva l-kundizzjonijiet tax-xogħol miftiehma fi ftehim kollettiv, skont l-istess termini applikabbli għaċ-ċedent sad-data li fiha l-ftehim kollettiv jiġi xolt jew jiskadi, jew sad-dħul fis-seħħ jew l-applikazzjoni ta’ ftehim kollettiv ieħor.”

    7

    Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, fid-dritt Awstrijakk, il-ftehim kollettiv, fil-prinċipju, ma jsirx jagħmel parti mill-kuntratt ta’ xogħol, iżda għandu l-istess effett ta’ liġi fuq dan il-kuntratt.

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    8

    Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-Wirtschaftskammer għandha s-setgħa li tirrappreżenta għall-finijiet tal-iffirmar ta’ ftehimiet kollettivi, l-impriżi membri tagħha. F’dan il-kuntest, il-Gewerkschaftsbund u l-Wirtschaftskammer ikkonkludew, għal impriża li tagħmel parti minn grupp ta’ impriżi u li taqa’ taħt is-settur tal-avvjazzjoni (iktar ’il quddiem il-“kumpannija parent”), ftehim kollettiv applikabbli għall-kumpanniji tal-ajru kollha ta’ dan il-grupp, bil-kundizzjoni li l-attività tagħhom ma tkunx limitata għat-trasport reġjonali (iktar ’il quddiem il-“ftehim kollettiv tal-kumpannija parent”).

    9

    Il-Gewerkschaftsbund u l-Wirtschaftskammer ikkonkludew ukoll ftehim kollettiv speċifiku għal sussidjarja tal-imsemmi grupp (iktar ’il quddiem il-“ftehim kollettiv tal-kumpannija sussidjarja”).

    10

    Fit-30 ta’ April 2012, sabiex tirrimedja għal telf ta’ operat, il-kumpannija parent iddeċidiet li tittrasferixxi, b’effett mill-1 ta’ Lulju 2012, l-attività tal-ajru tagħha lill-imsemmija sussidjarja, permezz ta’ trasferiment ta’ negozju, sabiex il-ħaddiema li jaqgħu taħt din l-attività jiġu suġġetti għall-kundizzjonijiet previsti mill-ftehim kollettiv tas-sussidjarja, li huma inqas favorevoli minn dawk previsti mill-ftehim kollettiv tal-kumpannija parent. F’dan il-kuntest, il-Wirtschaftskammer irrexindiet dan l-aħħar ftehim b’effett mit-30 ta’ Ġunju 2012, u sussegwentement, il-Gewerkschaftsbund irrexxindiet il-ftehim kollettiv tas-sussidjarja b’effett mill-istess data. Wara dawn ir-rexissjonijiet, il-persuna l-ġdida li timpjega lill-ħaddiema kkonċernati mit-trasferiment tan-negozju, jiġifieri s-sussidjarja, applikat regoli interni adottati b’mod unilaterali, li wasslu għal deterjorament konsegwenti tal-kundizzjonijiet ta’ xogħol u għal tnaqqis sinjifikanti tar-remunerazzjoni tal-ħaddiema kkonċernati mit-trasferiment ta’ negozju.

    11

    Quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Gewerkschaftsbund issostni li, peress li din is-sussidjarja ma kienet għadha suġġetta għall-ebda ftehim kollettiv fis-seħħ, il-ftehim kollettiv tal-kumpannija parent, li ġie rexiss, kellu jkompli japplika għall-ħaddiema kollha li ġew ittrasferiti, skont ir-regola taż-żamma tal-effetti prevista fl-Artikolu 13 tal-ArbVG.

    12

    Min-naħa l-oħra, skont il-Wirtschaftskammer, ftehim kollettiv li kien diġà ġie rexiss jew li kien skada fid-data tat-trasferiment ta’ negozju ma japplikax obbligatorjament għaċ-ċessjonarju. Fil-fatt, huwa biss il-ftehim kollettiv stess li jista’ jkompli japplika fil-kuntest ta’ trasferiment ta’ negozju liċ-ċessjonarju.

    13

    Il-qorti tar-rinviju tesponi li s-soluzzjoni tal-kawża li għandha quddiemha tiddependi mir-risposta għall-kwistjoni dwar jekk ir-regola taż-żamma tal-effetti tal-ftehimiet kollettivi fil-każ tar-rexissjoni tagħhom, prevista fl-Artikolu 13 tal-ArbVG, li hija intiża sabiex tirrimedja għan-nuqqas ta’ ftehim kollettiv u sabiex tneħħi kwalunkwe interess għall-fatt li tinħoloq sitwazzjoni mingħajr tali ftehim, tikkostitwixxix ftehim kollettiv fis-sens tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2001/23. Hija żżid li l-eżistenza, allegata mill-Gewerkschaftsbund, ta’ aġir abbużiv min-naħa tal-kumpannija parent tista’ tiġi evalwata biss jekk, preliminarjament, il-konsegwenzi legali tat-trasferiment tan-negozju jew tar-rexissjoni tal-ftehimiet kollettivi jkunu ġew ippreċiżati.

    14

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberster Gerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

    “1)

    Il-kliem li jinsab fl-Artikolu 3(3) tad-Direttiva [2001/23], li jgħid li l-“kundizzjonijiet [tax-xogħol]” miftiehma fi ftehim kollettiv u applikabbli għal min jagħmel it-trasferiment [iċ-ċedent] huma miżmuma “skont l-istess kondizzjonijiet applikabbli”“sad-data li fiha l-ftehim kollettiv jispiċċa jew jiskadi”, għandu jiġi interpretat fis-sens li jaqgħu wkoll taħtu l-kundizzjonijiet tax-xogħol li ġew stabbiliti permezz ta’ ftehim kollettiv u li, skont id-dritt nazzjonali, minkejja r-rexissjoni ta’ dan il-ftehim, ikomplu jipproduċu l-effetti tagħhom mingħajr limitazzjoni fiż-żmien, sakemm ftehim kollettiv ieħor ma jkunx applikabbli jew sakemm il-ħaddiema kkonċernati ma jkunux ikkonkludew ftehim individwali ġodda?

    2)

    L-Artikolu 3(3) tad-Direttiva [2001/23] għandu jiġi interpretat fis-sens li ’l-applikazzjoni ta’ ftehim kollettiv ieħor’ ta’ ċessjonarju, għandu wkoll jinftiehem fis-sens li jinkludi ż-żamma tal-effetti tal-ftehim kollettiv ta’ ċessjonarju, fis-sens indikat hawn fuq, li jkun huwa wkoll rexiss?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ammissibbiltà

    15

    Il-Wirtschaftskammer teċċepixxi l-inammissibbiltà tad-domandi preliminari. Fl-ewwel lok, dawn id-domandi ma jqajmu l-ebda kwistjoni dwar l-interpretazzjoni jew il-validità tad-dritt tal-Unjoni, iżda huma esklużivament dwar il-kwistjonijiet legali nazzjonali jew kwistjonijiet ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

    16

    Fit-tieni lok, id-domandi preliminari ma humiex relevanti sabiex tiġi deċiża l-kawża minħabba sitwazzjoni ta’ fatt ipotetika, peress li d-domanda preliminari dwar l-eżistenza jew le ta’ trasferiment ta’ negozju għadha ma ġietx deċiża, u li l-prova tat-telf ta’ remunerazzjoni allegatament sostnut mill-ħaddiema kkonċernati minħabba t-trasferiment tan-negozju ma tressqitx fi tmien proċedura kontradittorja, li matula l-Wirtschaftskammer instemgħet mill-qorti tar-rinviju.

    17

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li talba għal deċiżjoni preliminari magħmula minn qorti nazzjonali tista’ tiġi ddikjarata inammissibbli biss jekk jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha l-ebda rabta mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jsirulha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Belvedere Costruzioni, C‑500/10, EU:C:2012:186, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    18

    Fir-rigward tal-ewwel argument invokat mill-Wirtschaftskammer, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mill-formulazzjoni stess tagħhom, id-domandi preliminari huma dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod iktar partikolari, tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2001/23.

    19

    Għal dak li jikkonċerna t-tieni argument invokat mill-Wirtschaftskammer, għandu jiġi rrelevat li l-fatt li domandi fattwali sa issa għadhom ma kinux is-suġġett ta’ proċedura kontradittorja tal-amministrazzjoni tal-provi huwa minħabba partikolaritajiet tal-proċedura quddiem il-qorti tar-rinviju. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, bħala tali, dawn il-partikolaritajiet ma humiex ta’ natura li jrendu inammissibbli domanda preliminari magħmula fil-kuntest ta’ din il-proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Österreichischer Gewerkschaftsbund, C‑195/98, EU:C:2000:655, punt 29).

    20

    Konsegwentement, id-domandi preliminari huma ammissibbli.

    Fuq il-mertu

    Fuq l-ewwel domanda

    21

    Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2001/23 għandux jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxu “kundizzjonijiet [ta’ xogħol] miftiehma [fi] ftehim kollettiv”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, il-kundizzjonijiet ta’ xogħol stabbiliti permezz ta’ ftehim kollettiv, li jkomplu, abbażi tad-dritt ta’ Stat Membru, minkejja r-rexissjoni tal-imsemmi ftehim, iħallu l-effetti tagħhom fuq ir-relazzjonijiet ta’ xogħol li jirriżultaw minnu direttament qabel ma ntemm, sakemm l-imsemmija relazzjonijiet ta’ xogħol ma jiġux suġġetti għal ftehim kollettiv ġdid jew sakemm ma jiġix konkluż ftehim individwali mal-ħaddiema kkonċernati.

    22

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2001/23, li għandha l-għan biss ta’ armonizzazzjoni parzjali tal-qasam li tirregola, billi testendi, essenzjalment, il-protezzjoni ggarantita lill-ħaddiema b’mod awtonomu mid-dritt tad-diversi Stati Membri anke fl-ipoteżi ta’ trasferiment ta’ impriża. Hija ma għandhiex l-intenzjoni li tistabbilixxi livell ta’ protezzjoni uniformi għall-Unjoni kollha skont kriterji komuni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Juuri, C‑396/07, EU:C:2008:656, punt 23, kif ukoll Collino u Chiappero, C‑343/98, EU:C:2000:441, punt 37).

    23

    Barra minn hekk, l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2001/23 ma għandux l-għan li jżomm fis-seħħ ftehim kollettiv bħala tali iżda l-“kundizzjonijiet ta’ xogħol” li kienu ġew miftiehma minn tali ftehim.

    24

    Kif ġie rrelevat mill-Avukat Ġenerali fil-punt 41 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 3(3) tal-imsemmija direttiva jeżiġi ż-żamma tal-kundizzjonijiet ta’ xogħol miftiehma minn ftehim kollettiv, filwaqt li l-oriġini speċifika tal-applikazzjoni tagħhom ma hijiex determinanti.

    25

    Minn dan isegwi li kundizzjonijiet ta’ xogħol miftiehma minn ftehim kollettiv jaqgħu, bħala prinċipju, taħt l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2001/23, indipendentement mit-teknika użata sabiex dawn il-kundizzjonijiet ta’ xogħol isiru applikabbli għall-persuni kkonċernati. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li tali kundizzjonijiet jkunu ġew miftiehma minn ftehim kollettiv u jorbtu liċ-ċedent u lill-ħaddiema ttrasferiti.

    26

    Għaldaqstant, kundizzjonijiet ta’ xogħol stabbiliti permezz ta’ ftehim kollettiv ma jistgħux jiġu kkunsidrati li huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni sempliċement minħabba li japplikaw għall-persuni kkonċernati minħabba regola taż-żamma tal-effetti ta’ ftehim kollettiv, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    27

    Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata, f’ċirkustanzi bħala dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mill-għan intiż mid-Direttiva 2001/23 li jagħmilha impossibbli li l-ħaddiema suġġetti għal trasferiment jitqiegħdu f’pożizzjoni inqas favorevoli sempliċement minħabba dan it-trasferiment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Scattolon, C‑108/10, EU:C:2011:542, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    28

    Fil-fatt, kif irreleva l-Avukat Ġenerali fil-punt 53 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-regola taż-żamma tal-effetti ta’ ftehim kollettiv, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandha l-għan, fl-interess tal-ħaddiema, li tevita interruzzjoni netta tal-qafas regolamentari li jirregola r-relazzjoni ta’ xogħol. Issa, kieku l-kundizzjonijiet ta’ xogħol suġġetti għal din ir-regola kienu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2001/23, it-trasferiment kien jipproduċi, waħdu, l-effett li l-imsemmija regola għandha l-għan li tevita.

    29

    Barra minn hekk, l-istess interpretazzjoni hija konformi għall-għan tad-Direttiva 2001/23, li huwa li tiżgura bilanċ ġust bejn l-interessi tal-ħaddiema, minn naħa, u dawk taċ-ċessjonarju, min-naħa l-oħra minn fejn jirriżulta, b’mod iktar partikolari, li ċ-ċessjonarju għandu jkun f’pożizzjoni li jagħmel l-aġġustamenti u t-tibdiliet meħtieġa għat-tkomplija tal-attività tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Alemo-Herron et, C‑426/11, EU:C:2013:521, punt 25).

    30

    Fil-fatt, ir-regola taż-żamma tal-effetti ta’ ftehim kollettiv, bħal dik inkwistjoni fil-kawża priċipali, għandha effetti limitati, peress li jinżammu biss l-effetti legali ta’ ftehim kollettiv dwar ir-relazzjonijiet ta’ xogħol li kienu jinsabu direttament suġġetti għalihom qabel ma dan ġie rexiss u sakemm dawn ir-relazzjonijiet ta’ xogħol ma jiġux suġġetti għal ftehim kollettiv ġdid jew sakemm jiġi konkluż ftehim individwali mal-ħaddiema kkonċernati. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx li tali regola tostakola l-possibbiltà għaċ-ċessjonarju li jagħmel aġġustamenti għall-adattamenti neċessarji għall-kontinwazzjoni tal-attività tiegħu.

    31

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2001/23 għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxu “kundizzjonijiet [ta’ xogħol] miftiehma [fi] ftehim kollettiv”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, il-kundizzjonijiet ta’ xogħol stabbiliti permezz ta’ ftehim kollettiv, li jkomplu, abbażi tad-dritt ta’ Stat Membru, minkejja r-rexissjoni tal-imsemmi ftehim, iħallu l-effetti tagħhom fuq ir-relazzjonijiet ta’ xogħol li jirriżultaw minnu direttament qabel ma ntemm, sakemm l-imsemmija relazzjonijiet ta’ xogħol ma jiġux suġġetti għal ftehim kollettiv ġdid jew sakemm ma jiġix konkluż ftehim individwali mal-ħaddiema kkonċernati.

    Fuq it-tieni domanda

    32

    Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2001/23 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-ftehim kollettiv taċ-ċessjonarju, li hu stess ġie rexiss u li l-effetti tiegħu huma miżmuma permezz ta’ regola taż-żamma tal-effetti, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija suxxettibbli li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “applikazzjoni ta’ ftehim kollettiv ieħor”.

    33

    Madankollu, fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ xogħol miftiehma mill-ftehim kollettiv taċ-ċessjonarju, imsemmija mill-qorti tar-rinviju fit-tieni domanda tagħha, mill-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li dawn il-kundizzjonijiet għandhom japplikaw għall-ħaddiema ttrasferiti skont ir-regola taż-żamma tal-effetti ta’ dan il-ftehim kollettiv.

    34

    Għaldaqstant, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

    Fuq l-ispejjeż

    35

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 3(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE, tat-12 ta’ Marzu 2001, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji, għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxu “kundizzjonijiet [ta’ xogħol] miftiehma [fi] ftehim kollettiv”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, il-kundizzjonijiet ta’ xogħol stabbiliti permezz ta’ ftehim kollettiv, li jkomplu, abbażi tad-dritt ta’ Stat Membru, minkejja r-rexissjoni tal-imsemmi ftehim, iħallu l-effetti tagħhom fuq ir-relazzjonijiet ta’ xogħol li jirriżultaw minnu direttament qabel ma ntemm, sakemm l-imsemmija relazzjonijiet ta’ xogħol ma jiġux suġġetti għal ftehim kollettiv ġdid jew sakemm ma jiġix konkluż ftehim individwali mal-ħaddiema kkonċernati.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top