Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CJ0311

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-5 ta’ Novembru 2014.
    O. Tümer vs Raad van bestuur van het Uitvoeringsinstituut werknemersverzekeringen.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Centrale Raad van Beroep.
    Protezzjoni tal-impjegati fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega ‑ Direttiva 80/987/KEE ‑ Impjegat ċittadin ta’ pajjiż terz li ma għandux permess ta’ residenza validu ‑ Ċaħda mill-benefiċċju tad-dritt għal kumpens għal insolvenza.
    Kawża C‑311/13.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:2337

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

    5 ta’ Novembru 2014 ( *1 )

    “Protezzjoni tal-impjegati fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega — Direttiva 80/987/KEE — Impjegat ċittadin ta’ pajjiż terz li ma għandux permess ta’ residenza validu — Ċaħda mill-benefiċċju tad-dritt għal kumpens għal insolvenza”

    Fil-Kawża C‑311/13,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Centrale Raad van Beroep (il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Ġunju 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Ġunju 2013, fil-proċedura

    O. Tümer

    vs

    Raad van bestuur van het Uitvoeringsinstituut werknemersverzekeringen,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

    komposta minn T. von Danwitz (Relatur), President tal-Awla, A. Rosas, E. Juhász u D. Šváby u C. Vajda, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: Y. Bot,

    Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑15 ta’ Mejju 2014,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal O. Tümer, minn G. T. M. Evers, avukat,

    għar-Raad van bestuur van het Uitvoeringsinstituut werknemersverzekeringen, minn I. Eijkhout, bħala aġent,

    għall-Gvern Olandiż, minn B. Koopman, M. Bulterman, H. Stergiou u M. De Ree, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. van Beek u J. Enegren, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ Ġunju 2014,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 80/987/KEE, tal‑20 ta’ Ottubru 1980, dwar it-taqrib tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar il-protezzjoni tal-impjegati f’każ tal-insolvenza ta’ min iħaddimhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 217), kif emendata bid-Direttiva 2002/74/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑23 ta’ Settembru 2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 261, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 80/987”).

    2

    Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn O. Tümer u r-Raad van bestuur van het Uitvoeringsinstituut werknemersverzekeringen (kunsill amministrattiv tal-Istitut ta’ ġestjoni tal-assigurazzjoni għall-impjegati, iktar ’il quddiem l-“Uwv”) dwar rifjut ta’ dan tal-aħħar milli jħallas lil O. Tümer kumpens għal insolvenza peress li huwa ċittadin ta’ pajjiż terz li ma huwiex residenti legalment fil-Pajjiżi l-Baxxi.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    Id-Direttiva 80/987

    3

    Il-premessa 1 tad-Direttiva 2002/74 tipprovdi:

    “Il-Karta tal-Komunità dwar id-Drittijiet Fundamentali Soċjali tal-Ħaddiema adottata fid‑9 ta’ Diċembru 1989 tiddikjara, fil-punt 7, illi t-tkomplija tas-suq intern trid twassal għal titjib fil-kondizzjonijiet ta’ l-għixien u tax-xogħol tal-ħaddiema fil-Komunità Ewropea u li dan it-titjib irid ikopri, fejn meħtieġ, l-iżvilupp ta’ ċerti aspetti tar-regolamenti tax-xogħol bħalma huma l-proċeduri rigward is-sensji kollettivi u dawk li jirrigwardaw l-fallimenti.”

    4

    L-Artikolu 1 tad-Direttiva 80/987 jipprovdi:

    “1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għall-pretensjonijiet ta’ l-impjegati li jinħolqu mill-kuntratti tax-xogħol jew mir-relazzjonijiet tax-xogħol u dawk eżistenti kontra dawk li jħaddmu meta jkunu fi stat ta’ insolvenza fit-tifsira ta’ l-Artikolu 2(1).

    2.   L-Istati Membri jistgħu, bħala eċċezzjoni, jeskludu l-pretensjonijiet minn ċerti kategoriji ta’ [ħaddiema] impjegati mill-iskop ta’ din id-Direttiva, bis-saħħa ta’ l-eżistenza ta’ għamliet oħra ta’ garanziji jekk jiġi stabbilit illi dawn joffru lill-persuni interessati livell ta’ protezzjoni ekwivalenti għal dak li jirriżulta minn din id-Direttiva.

    3.   Meta din id-dispożizzjoni tkun diġà teżisti fil-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jissoktaw jeskludu mill-iskop ta’ din id-Direttiva:

    a)

    is-servi domestiċi impjegati minn persuna naturali;

    b)

    is-sajjieda bi sħab.”

    5

    L-Artikolu 2(2) u (3) ta’ din id-direttiva jipprovdi hekk:

    “2.   Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal-liġijiet nazzjonali rigward id-definizzjoni ta’ l-espressjonijiet ‘impjegat’, ‘min iħaddem’, ‘paga’, ‘dritt li jagħti titolu immedjat’ u ‘dritt li jagħti titolu prospettiv’.

    Madankollu, l-Istati Membri jistgħu ma jeskludux mill-iskop ta’ din id-Direttiva:

    a)

    lill-impjegati part-time fit-tifsira tad-Direttiva 97/81/KE;

    b)

    lill-ħaddiema fuq kuntratt ta’ skond fiss [kuntratt għal żmien determinat] fit-tifsira tad-Direttiva 1999/70/KE;

    ċ)

    lill-ħaddiema li għandhom x’jaqsmu ma’ impjieg temporanju fit-tifsira ta’ l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 91/383/KEE.

    3.   L-Istati Membri jistgħu ma jistabbilixxux tul minimu taż-żmien għall-kuntratt ta’ l-impjieg jew ir-relazzjoni ta’ l-impjieg sabiex il-ħaddiema jikkwalifikaw għall-pretensjonijiet skond din id-Direttiva.”

    6

    Skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 80/987:

    “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi l-istituzzjonijiet tal-garanzija jiggarantixxu, bla ħsara għall-Artikolu 4, il-ħlas tal-pretensjoniet pendenti li jirriżultaw mill-kuntratti ta’ l-impjieg jew ta’ relazzjonijiet ta’ impjieg, inkluża, fejn ipprovdut bil-liġijiet nazzjonali, paga terminali fi tmiem ir-relazzjoniiet ta’ l-impjieg.

    Il-pretensjonijiet li l-kontroll tagħhom jittieħed mill-istituzzjoni tal-garanzija għandhom ikunu l-pretensjonijiet pendenti tal-ħlasijiet li jkollhom x’jaqsmu mal-perjodu taż-żmien ta’ qabel u/jew, meta japplika, wara data mogħtija stabbilita mill-Istati Membri.”

    7

    L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

    “1.   L-Istati Membri għandu jkollhom il-għażla li jillimitaw ir-responsabbiltà ta’ l-istituzzjonijiet tal-garanzija riferiti fl-Artikolu 3.

    2.   Meta l-Istati Membri jeżerċitaw il-għażla riferita fil-paragrafu 1, għandhom jispeċifikaw it-tul tal-perjodu taż-żmien li fih għandhom jiġu sodisfatti l-pretensjonijiet pendenti mill-istituzzjoni tal-garanzija. Madankollu, dan ma jistax ikun iqsar minn perjodu taż-żmien li jkopri l-ħlas ta’ l-aħħar tliet xhur tar-relazzjoni ta’ l-impjieg qabel u/jew wara d-data riferita fl-Artikolu 3. L-Istati Membri jistgħu jinkludu dan il-perjodu minimu taż-żmien ta’ tliet xhur f’perjodu taż-żmien ta’ referenza ta’ mhux anqas minn sitt xhur.

    L-Istati Membri li għandhom perjodu taż-żmien ta’ referenza ta’ mhux anqas minn 18‑il xahar jistgħu jillimitaw il-perjodu taż-żmien li fih jiġu sodisfatti l-pretensjonijiet pendenti mill-istituzzjoni tal-garanziji għal tmien ġimgħat. F’dan il-każ, dawk il-perjodi taż-żmien li huma l-aktar favorevoli għall-impjegat jintużaw għall-kalkolu tal-perjodu minimu taż-żmien.

    3.   Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu limiti massimi rigward il-ħlasijiet magħmula mill-istituzzjoni tal-garanzija. Dawn il-limiti massimi ma għandhomx jaqgħu taħt livell li huwa kompatibbli soċjalment ma’ l-għan soċjali ta’ din id-Direttiva.

    Meta l-Istati Membri jeżerċitaw din il-għażla, għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bil-metodi wżati sabiex jiġu stabbiliti l-limiti massimi.”

    8

    Id-Direttiva 80/987 ġiet ikkodifikata bid-Direttiva 2008/94/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑22 ta’ Ottubru 2008, dwar il-protezzjoni tal-impjegati fil-każ tal-insolvenza ta’ min iħaddimhom (ĠU L 283, p. 36), li tieħu l-kontenut, f’termini identiċi, tal-Artikoli 2 sa 4 tad-Direttiva 80/987. Id-Direttiva 2008/94 daħlet fis-seħħ fis‑17 ta’ Novembru 2008.

    Id-Direttiva 2003/109/KE

    9

    L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE, tal‑25 ta’ Novembru 2003, dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 272) jipprovdi:

    “Din id-Direttiva tapplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fit-territorju ta’ Stat membru.”

    10

    L-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi hekk:

    “L-Istati Membri għandhom jagħtu status ta’ residenti għat-tul lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ikunu rrisjedew legalment u kontinwament fit-territorju tagħhom għal ħames snin li jiġu minnufih qabel is-sottomissjoni ta’ l-applikazzjoni relevanti.”

    11

    Skont l-Artikolu 11(1)(d) tal-imsemmija direttiva, ir-residenti għat-tul igawdu minn trattament ugwali għal dak li jgawdu minnu ċ-ċittadini f’dak li jirrigwarda “sigurtà soċjali, assistenza soċjali u protezzjoni soċjali kif definiti bil-liġi nazzjonali”.

    12

    L-Artikolu 13 tal-istess direttiva, intitolat “Disposizzjonijiet nazzjonali aktar favorevoli”, jipprovdi:

    “L-Istati Membri jistgħu joħorġu permessi ta’ residenza b’validità permanenti jew illimitata li ikunu aktar favorevoli minn dawk preskritti f’din id-Direttiva. Dawk il-permessi ta’ residenza ma għandhomx jikkonferixxu d-dritt ta’ residenza fl-Istati Membri l-oħra kif hemm provdut dwarhom fil-Kapitolu II ta’ din id-Direttiva.”

    Id-Deċiżjoni Nru 1/80

    13

    Il-Ftehim li joħloq assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, li ġie ffirmat fit‑12 ta’ Settembru 1963, f’Ankara mir-Repubblika tat-Turkija, minn naħa, kif ukoll mill-Istati Membri tal-KEE u mill-Komunità, min-naħa l-oħra, u li ġie konkluż, approvat u kkonfermat f’isem din tal-aħħar permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 64/732/KEE, tat‑23 ta’ Diċembru 1963 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 11, p. 10), waqqaf Kunsill ta’ Assoċjazzjoni.

    14

    L-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, tad‑19 ta’ Settembru 1980, dwar l-iżvilupp tal-assoċjazzjoni, jipprovdi:

    “Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 dwar l-aċċess liberu għall-impjieg għall-membri tal-familja tiegħu, il-ħaddiem Tork li jappartjeni għas-suq regolari tax-xogħol ta’ Stat Membru:

    għandu dritt, f’dan l-Istat Membru, wara sena ta’ impjieg regolari, għat-tiġdid tal-liċenzja tal-impjieg tiegħu mal-istess persuna li timpjega, jekk din ikollha impjieg x’toffri;

    għandu dritt, f’dan l-Istat Membru, wara tliet snin ta’ impjieg regolari u bla ħsara għall-prijorità li għandha tingħata lill-ħaddiema tal-Istati Membri tal-Komunità, li jwieġeb għal offerta oħra ta’ impjieg fl-istess professjoni ma’ persuna li timpjega tal-għażla tiegħu, magħmula taħt kundizzjonijiet normali u rreġistrata mad-dipartimenti tal-impjieg ta’ dan l-Istat Membru;

    għandu jgawdi, f’dan l-Istat Membru, wara erba’ snin ta’ impjieg regolari, minn aċċess liberu għal kull attività mħallsa tal-għażla tiegħu.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    15

    L-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jaqra hekk:

    “Il-membri tal-familja ta’ ħaddiem Tork li jagħmel parti mis-suq legali tax-xogħol ta’ Stat Membru, li ġew awtorizzati sabiex jingħaqdu miegħu:

    għandhom id-dritt — bla ħsara għall-prijorità li għandha tingħata lill-ħaddiema tal-Istati Membri tal-Komunità — li jirrispondu għal kull offerta ta’ impjieg meta jkunu ilhom legalment residenti f’dan l-Istat Membru għal minn tal-inqas tliet snin;

    għandhom igawdu, minn aċċess liberu għal kull attività b’salarju tal-għażla tagħhom meta jkunu ilhom legalment residenti hemm għal minn tal-inqas ħames snin.

    […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    Id-dritt Olandiż

    16

    L-Artikolu 3(1) tal-liġi dwar il-qgħad (Werkloosheidswet, iktar ’il quddiem il-“WW”) jaqra hekk:

    “Il-ħaddiem impjegat huwa l-persuna fiżika li ma tkunx laħqet l-età ta’ 65 sena li tkun impjegata fuq il-bażi ta’ relazzjoni taħt id-dritt privat jew id-dritt pubbliku.”

    17

    Konformement mal-Artikolu 3(3) tal-WW, b’deroga mill-paragrafu 1 tal-istess artikolu, ma jitqiesx li huwa ħaddiem impjegat ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jkunx residenti legalment fil-Pajjiżi l-Baxxi fis-sens tal-Artikolu 8(a) sa (e) u (l) tal-liġi tal-2000 dwar il-barranin (Vreemdelingenwet 2000, iktar ’il quddiem il-“Vw 2000”).

    18

    Skont l-Artikolu 61 tal-WW, ħaddiem impjegat għandu dritt għal kumpens għal insolvenza fuq il-bażi tal-Kapitolu IV ta’ din il-liġi jekk jista’ jsostni pretensjonijiet kontra l-persuna li timpjegah li jkun ġie ddikjarat fallut f’dak li jirrigwarda r-remunerazzjonijiet, l-allowance għal vaganzi jew l-allokazzjoni ta’ vaganzi jew jekk jista’ jsofri dannu finanzjarju minħabba l-fatt li l-imsemmija persuna li timpjega ma ħallsitx ammonti li hija kienet responsabbli li tħallas lil terzi minħabba r-relazzjoni tagħha mal-ħaddiem impjegat.

    19

    Skont l-Artikolu 8(a) sa (e) u (l) tal-Vw 2000, barrani jirrisjedi legalment fil-Pajjiżi l-Baxxi esklużivament:

    “a.

    fuq il-bażi ta’ permess ta’ residenza għal perijodu determinat fis-sens tal-Artikolu 14;

    b.

    fuq il-bażi ta’ permess ta’ residenza għal perijodu indeterminat fis-sens tal-Artikolu 20;

    c.

    fuq il-bażi ta’ permess ta’ residenza għal perijodu determinat fis-sens tal-Artikolu 28;

    d.

    fuq il-bażi ta’ permess ta’ residenza għal perijodu indeterminat fis-sens tal-Artikolu 33;

    e.

    bħala ċittadin tal-Komunità sakemm din il-persuna tkun residenti fuq il-bażi ta’ reġim stabbilit skont it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea jew il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea;

    […]

    l.

    jekk il-barrani jikseb id-dritt ta’ residenza tiegħu mid-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KEE‑Turkija;

    […]”

    Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    20

    O. Tümer huwa ċittadin Tork residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi sa mis-sena 1988.

    21

    Matul il-perijodu mit‑18 ta’ Awwissu 1988 sal‑31 ta’ Marzu 1995, huwa bbenefika minn permess ta’ residenza għal perijodu determinat maħruġ bil-kundizzjoni li jgħix għand martu. Huwa ddivorzja fl-1996.

    22

    Fl‑14 ta’ Ottubru 2005, O. Tümer ressaq applikazzjoni għal permess ta’ residenza għal perijodu indeterminat. Din l-applikazzjoni ġiet miċħuda mis-segretarju tal-Istat għall-Ġustizzja. L-ilment imressaq kontra din id-deċiżjoni ġie ddikjarat infondat bid-deċiżjoni tas‑16 ta’ April 2007. Fit‑28 ta’ Awwissu 2008, ir-Rechtbank ’s‑Gravenhage ċaħdet ir-rikors ippreżentat kontra din id-deċiżjoni, peress li r-rikorrent fil-kawża prinċipali ma seta’ jikseb ebda dritt mill-Artikoli 6 jew 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Id-deċiżjoni ta’ din il-qorti ma kinitx is-suġġett ta’ appell. Sa mill‑25 ta’ April 2007, O. Tümer ma għadux fil-pussess ta’ permess ta’ residenza.

    23

    Wara s-sena 1997, O. Tümer ħadem b’mod mhux kontinwu fil-Pajjiżi l-Baxxi. Fit‑3 ta’ Jannar 2005, huwa ġie rreklutat minn Halfmoon Cosmetics BV (iktar ’il quddiem “Halfmoon Cosmetics”), li ħallset għan-nom tiegħu kontribuzzjonijiet skont il-WW fl-2007. Sa minn Awwissu 2007, Halfmoon Cosmetics ħallset biss parti mis-salarju u ġiet iddikjarata falluta fit‑22 ta’ Jannar 2008. Fis‑26 ta’ Jannar 2008, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali tkeċċa.

    24

    O. Tümer ressaq talba għal kumpens għal insolvenza fuq il-bażi tal-WW li tirrigwarda d-djun li Halfmoon Cosmetics ma kinitx ħallset sa mix-xahar ta’ Awwissu 2007 sat-tkeċċija tiegħu, jiġifieri perijodu li fih huwa ma kellux permess ta’ residenza. Din it-talba ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ Frar 2008. O. Tümer ikkontesta din id-deċiżjoni. Fl‑10 ta’ Ġunju 2008, l-Uwv iddikjarat l-ilment infondat peress li O. Tümer ma kienx “ħaddiem impjegat” fis-sens tal-Artikolu 3(3) tal-WW, peress li ma kienx residenti legalment fil-Pajjiżi l-Baxxi. Permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ Diċembru 2009, ir-Rechtbank ’s-Hertogenbosch ċaħdet, għall-istess raġuni, ir-rikors ta’ O. Tümer kontra d-deċiżjoni tal‑10 ta’ Ġunju 2008.

    25

    Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali appella din is-sentenza quddiem is-Centrale Raad van Beroep, li quddiemha sostna li kien ħaddiem impjegat, għalkemm kien ċittadin ta’ pajjiż terz u li kellu jitqies li huwa residenti illegalment fil-Pajjiżi l-Baxxi. L-Uwv sostna li d-Direttiva 80/987 ma jistax ikollha kamp ta’ applikazzjoni iktar estiż mill-bażi legali li fuqha hija fondata, jiġifieri l-Artikolu 137 KE, u, għalhekk, hija inapplikabbli għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma humiex residenti legalment fil-Pajjiżi l-Baxxi. F’dan il-kuntest, huwa osserva li d-Direttiva 2003/109, li skontha r-residenti fit-tul jibbenefikaw minn ugwaljanza fit-trattament għal dak li jirrigwarda s-sigurtà soċjali, tirrigwarda biss liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma residenti legalment fit-territorju tal-Unjoni Ewropea.

    26

    Skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, O. Tümer kellu djun salarjali mhux imħallsa li kienu jirriżultaw mill-kuntratt ta’ xogħol tiegħu u li kienu jirrigwardaw ir-remunerazzjonijiet għal perijodu qabel id-data ta’ referenza fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 80/987. F’dak li jirrigwarda l-kwalità tiegħu ta’ “ħaddiem impjegat” fis-sens tal-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva, l-imsemmija qorti ssostni li għalkemm O. Tümer, bħala ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jirrisjedix legalment fil-Pajjiżi l-Baxxi, ma huwiex “ħaddiem impjegat” fis-sens tal-WW, madankollu, fuq il-livell ta’ dritt ċivili Olandiż, ir-relazzjoni tiegħu mal-persuna li timpjegah tammonta għal kuntratt ta’ xogħol u huwa, b’dan il-mod, jitqies li huwa ħaddiem impjegat. F’din il-kwalità, O. Tümer seta’ wkoll jirrikorri għall-qorti, u jitlob fuq il-bażi tal-kuntratt tiegħu ta’ xogħol, il-ħlas tar-remunerazzjoni tiegħu mill-persuna li timpjegah.

    27

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Centrale Raad van Beroep iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

    “Fid-dawl ukoll tal-Artikolu 137(2) tat-Trattat KE (attwalment l-Artikolu 153(2) TFUE) li huwa l-bażi legali tagħha, huwa xieraq li d-[Direttiva 80/987] u, b’mod partikolari, l-Artikoli 2, 3 u 4 tagħha, jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik stabbilita fl-Artikoli 3(3) u 61 [tal-Werkloosheidswet], li tgħid li l-barrani ċittadin ta’ pajjiż terz li ma għandux residenza legali fil-Pajjiżi l-Baxxi fis-sens tal-Artikolu 8(a) sa (e) u (l) tal-[Vw 2000], ma huwiex ikkunsidrat bħala ħaddiem impjegat; l-istess bħas-sitwazzjoni [ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz] li ressaq talba għal kumpens għal insolvenza, li għandu jikklassifika bħala ħaddiem impjegat fid-dritt ċivili u li jissodisfa l-kundizzjonijiet l-oħra għall-għoti tal-imsemmi kumpens?”

    Fuq id-domanda preliminari

    28

    Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 80/987 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema impjegati fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li skontha ċittadin ta’ pajjiż terz li ma huwiex residenti legalment fl-Istat Membru kkonċernat ma jitqiesx li huwa ħaddiem impjegat li seta’ jeżiġi kumpens għal insolvenza abbażi, b’mod partikolari, tad-djun salarjali mhux imħallsa f’każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega, b’mod li dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz huwa kklassifikat, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tad-dritt ċivili ta’ dan l-Istat Membru, bħala “ħaddiem impjegat” li għandu dritt għal paga li tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors kontra l-persuna li timpjegah quddiem il-qrati nazzjonali.

    29

    Fl-osservazzjonijiet tagħha ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-premessa li fuqha hija bbażata t-talba għal deċiżjoni preliminari, jiġifieri li O. Tümer ma kienx residenti, fil-perijodu inkwistjoni fil-kawża prinċipali, legalment fil-Pajjiżi l-Baxxi fir-rigward tal-ftehim ta’ assoċjazzjoni mat-Turkija u, b’mod partikolari, tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Issa, peress li l-qorti tar-rinviju ma staqsiet l-ebda domanda f’dan ir-rigward, hija indikat li r-Rechtbank ’s‑Gravenhage ċaħdet l-applikazzjoni għal permess ta’ residenza għal perijodu indeterminat ta’ O. Tümer fuq il-bażi, b’mod partikolari, tal-Artikoli 6 u 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, permezz ta’ sentenza tat‑28 ta’ Awwissu 2008 li ma kinitx is-suġġett ta’ appell minn naħa ta’ dan tal-aħħar.

    30

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi vverifikat jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 80/987 jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li teskludi ċittadin ta’ pajjiż terz, bħal O. Tümer, mill-protezzjoni tal-ħaddiema impjegati previsti minn din id-direttiva minħabba s-sitwazzjoni tiegħu ta’ residenza illegali.

    31

    Fl-osservazzjonijiet tagħhom ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, l-Uwv u l-Gvern Olandiż isostnu li d-Direttiva 80/987 ma tistax tapplika għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti irregolarment, peress li l-Artikolu 137(2) KE, li fuqu din id-direttiva hija bbażata, ma jirrigwardax liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Tali applikazzjoni tkun, barra minn hekk, kuntrarja għall-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-immigrazzjoni u, b’mod partikolari, għad-Direttiva 2003/109 li ma tagħtix dritt għal trattament ugwali, b’mod partikolari fil-qasam tas-sigurtà soċjali, kif ukoll għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fi Stat Membru.

    32

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 51 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-Artikolu 137(2) KE li jikkostitwixxi l-bażi legali tad-Direttiva 2002/74, ma jillimitax il-kompetenza sabiex jiġu adottati miżuri minimi li għandhom bħala għan li jitwettaq, b’mod partikolari, l-għan li jitjiebu l-kundizzjonijiet ta’ ħajja u ta’ xogħol previsti fl-Artikolu 136 KE għaċ-ċittadini biss tal-Istati Membri, bl-esklużjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

    33

    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-Direttiva 2003/109, għandu jingħad li għalkemm l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva jissuġġetta l-għoti ta’ status ta’ resident fit-tul, li jimplika dritt għal ugwaljanza fit-trattament fl-oqsma previsti fl-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva, għall-kundizzjoni ta’ residenza legali, l-istess direttiva bl-ebda mod ma teskludi li atti oħra tal-Unjoni, bħad-Direttiva 80/987, jagħtu, suġġett għal kundizzjonijiet differenti, drittijiet liċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi bil-għan li jitwettqu l-għanijiet li huma proprji għal dawn l-atti.

    34

    Skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 80/987, din għandha tapplika għall-pretensjonijiet tal-impjegati li jinħolqu mill-kuntratti tax-xogħol jew mir-relazzjonijiet tax-xogħol u dawk eżistenti kontra persuni li jimpjegaw meta jkunu fi stat ta’ insolvenza fis-sens tal-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva.

    35

    Filwaqt li d-Direttiva 80/987 ma tiddefinixxix, hija stess, l-espressjoni “ħaddiem impjegat” u tiddisponi, fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2(2) tagħha, li hija ma tikkawżax preġudizzju għal-liġijiet nazzjonali fir-rigward tad-definizzjoni ta’ din l-espressjoni, l-Artikolu 1(2) u (3) kif ukoll it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva juru li l-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri, skont l-ewwel subparagrafu ta’ din l-aħħar imsemmija dispożizzjoni, sabiex tiddefinixxi l-frażi “ħaddiem impjegat” madankollu ma hijiex illimitata.

    36

    F’dan ir-rigward, għandu jingħad, qabel kollox, li la l-Artikolu 1(1) u lanqas id-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ din id-direttiva ma jeskludu liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 80/987 u lanqas ma jippermettu, b’mod espliċitu, lill-Istati Membri jagħmlu dan.

    37

    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont il-kliem tal-Artikolu 1(1), id-Direttiva 80/987 għandha tapplika għad-djun salarjali ta’ kull ħaddiem impjegat fir-rigward tal-persuna li timpjegah. Min-naħa l-oħra, il-possibbiltà għall-Istati Membri, prevista fl-Artikolu 1(2) u (3) ta’ din id-direttiva, li jiġu esklużi ċerti kategoriji ta’ impjegati mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva tikkonċerna biss każijiet speċifiċi u hija suġġetta għal kundizzjonijiet.

    38

    F’dan il-kuntest, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 80/987, li jippermetti li jiġu esklużi, b’mod eċċezzjonali, ċerti kategoriji ta’ ħaddiema impjegati minħabba l-eżistenza ta’ forom oħra ta’ garanzija, ma jeżentax lill-Istati Membri minn kull obbligu li jagħtu lil dawn il-ħaddiema impjegati protezzjoni f’każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjegahom, iżda jeżiġi li l-ħaddiema impjegati kkonċernati jibbenefikaw minn protezzjoni ekwivalenti għal dik li tirriżulta minn din id-direttiva.

    39

    Fir-rigward tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mill-indikazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li d-dritt ċivili Olandiż jikklassifika kull persuna marbuta minn kuntratt ta’ xogħol għal persuna li timpjega bħala “ħaddiem impjegat” li għandu dritt għal remunerazzjoni, mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni la n-nazzjonalità tiegħu u lanqas il-legalità tar-residenza tiegħu f’dan l-Istat Membru.

    40

    Min-naħa l-oħra, filwaqt li l-Artikolu 3(1) tal-WW, jikklassifika, bħala prinċipju, lil kull persuna fiżika li ma tkunx laħqet l-età ta’ 65 sena li tkun impjegata fuq il-bażi ta’ relazzjoni taħt id-dritt privat jew id-dritt pubbliku bħala “ħaddiem impjegat” li tista’ teżiġi kumpens għal insolvenza b’mod konformi mal-Artikolu 61 ta’ din il-liġi, l-Artikolu 3(3) tal-imsemmija liġi jeskludi, liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’residenza irregolari mill-kunċett ta’ “ħaddiem impjegat” u, għalhekk, mill-benefiċċju ta’ dan il-kumpens għal insolvenza.

    41

    Hekk kif jirriżulta mill-fatt li din id-dispożizzjoni ma tagħtix lil dawn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi protezzjoni ekwivalenti għall-imsemmi kumpens għal insolvenza, jidher li hija ma tissodisfax il-kundizzjonijiet li jippermettu li jiġu esklużi ċerti kategoriji ta’ “[ħaddiema] impjegati”, bis-saħħa tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 80/987. Barra minn hekk, huwa paċifiku li l-imsemmija dispożizzjoni ma taqax taħt l-Artikolu 1(3) ta’ din id-direttiva.

    42

    Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-għan soċjali ta’ din id-direttiva li jikkonsisti f’li jiġi ggarantit minimu ta’ protezzjoni għall-impjegati kollha fil-livell tal-Unjoni f’każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega bil-ħlas tad-djun mhux imħallsa li jirriżultaw minn kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol u li jirrigwardaw ir-remunerazzjoni relatata ma’ perijodu partikolari. L-Istati Membri b’hekk ma għandhomx diskrezzjoni jiddefinixxu l-frażi “ħaddiem impjegat” b’mod li jipperikolaw l-għan soċjali ta’ din id-direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenza van Ardennen, C‑435/10, EU:C:2011:751, punti 27 u 34).

    43

    Il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni sabiex jiddefinixxu l-espressjoni “ħaddiem impjegat”, imsemmija fil-punt 35 tas-sentenza preżenti, hija b’hekk limitata mill-għan soċjali tad-Direttiva 80/987 li l-Istati Membri huma obbligati josservaw.

    44

    F’dan ir-rigward, għandu jingħad, hekk kif jirriżulta mill-għan soċjali tad-Direttiva 80/987 kif ukoll mill-kliem tal-Artikolu 1(1) tagħha li skontha, din tapplika “għall-pretensjonijiet ta’ l-impjegati li jinħolqu mill-kuntratti tax-xogħol jew mir-relazzjonijiet tax-xogħol”, li d-definizzjoni tal-frażi “ħaddiem impjegat” tirrigwarda neċessarjament relazzjoni ta’ xogħol li tagħti lok għal dritt, eżistenti fir-rigward tal-persuna li timpjega, li tintalab remunerazzjoni għax-xogħol li sar. Dan huwa l-każ, hawnhekk, tad-definizzjoni tal-frażi “ħaddiem impjegat” previst mid-dritt ċivili Olandiż.

    45

    B’hekk, imur kontra l-għan soċjali tad-Direttiva 80/987, imsemmi fil-punt 42 tas-sentenza preżenti, li jiġu mċaħħda persuni, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tirrikonoxxilhom ġeneralment il-kwalità ta’ ħaddiema impjegati u li jiddisponu, bis-saħħa ta’ din il-leġiżlazzjoni, minn djun salarjali li jirriżulta minn kuntratti ta’ xogħol jew minn relazzjonijiet ta’ xogħol fir-rigward tal-persuna li timpjegahom previsti fl-Artikoli 1(1) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikoli 1(3) ta’ din id-direttiva, mill-protezzjoni li din id-direttiva tipprovdi fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega.

    46

    B’hekk jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 80/987 jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li teskludi ċittadin ta’ pajjiż terz mid-dritt li jirċievi kumpens għal insolvenza minħabba l-illegalità tar-residenza tiegħu, b’mod li dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz huwa kklassifikat, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tad-dritt ċivili ta’ dan l-Istat Membru, bħala “ħaddiem impjegat” li għandu dritt għal remunerazzjoni.

    47

    Iċ-ċirkustanza, imsemmija mill-Uwv u mill-Gvern Olandiż waqt is-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali, li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment ma għandhomx id-dritt li jaħdmu fil-Pajjiżi l-Baxxi ma tipprekludix din il-konklużjoni. Fil-fatt, skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, ikkonfermati mill-Uwv u minn dan il-gvern, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment li jaħdmu mingħajr awtorizzazzjoni huma, fir-rigward tad-dritt ċivili nazzjonali, “[ħaddiema] impjegati” li għandhom dritt għal remunerazzjoni għax-xogħol imwettaq, jiġifieri pretensjonijiet li l-Artikolu 1(1) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 80/987 għandu l-għan li jħares.

    48

    Ċertament, l-Artikolu 10(a) tad-Direttiva 80/987 jippermetti lill-Istati Membri li jieħdu l-miżuri neċessarji bil-għan li jiġu evitati abbużi. Madankollu, ma jirriżultax mill-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, u b’mod partikolari mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Olandiż, li ċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali jammontaw għal abbuż fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ssostni f’dan ir-rigward li l-persuna li timpjega lil O. Tümer, jiġifieri Halfmoon Cosmetics BV, issodisfat, matul il-perijodu inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-obbligu tagħha ta’ ħlas tal-kontribuzzjonijiet b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega.

    49

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, hemm lok li tingħata risposta għad-domanda magħmula li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 80/987, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li skontha ċittadin ta’ pajjiż terz li ma huwiex residenti legalment fl-Istat Membru kkonċernat ma jitqiesx li huwa ħaddiem impjegat li seta’ jeżiġi kumpens għal insolvenza abbażi, b’mod partikolari, tad-djun salarjali mhux imħallsa f’każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega, meta dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz huwa kklassifikat, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tad-dritt ċivili ta’ dan l-Istat Membru, bħala “ħaddiem impjegat” li għandu dritt għal remunerazzjoni li tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors kontra l-persuna li timpjegah quddiem il-qrati nazzjonali.

    Fuq l-ispejjeż

    50

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 80/987/KEE, tal-20 ta’ Ottubru 1980, dwar it-taqrib tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar il-protezzjoni tal-impjegati f’każ tal-insolvenza ta’ min iħaddimhom, kif emendata bid-Direttiva 2002/74/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑23 ta’ Settembru 2002, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li skontha ċittadin ta’ pajjiż terz li ma huwiex residenti legalment fl-Istat Membru kkonċernat ma jitqiesx li huwa ħaddiem impjegat li seta’ jeżiġi kumpens għal insolvenza abbażi, b’mod partikolari, tad-djun salarjali mhux imħallsa f’każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega, meta dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz huwa kklassifikat, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tad-dritt ċivili ta’ dan l-Istat Membru, bħala “ħaddiem impjegat” li għandu dritt għal remunerazzjoni li tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors kontra l-persuna li timpjegah quddiem il-qrati nazzjonali.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

    Top