Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CC0617

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali N. Jääskinen, ippreżentati fis-16 ta’ Lulju 2015.
Repsol Lubricantes y Especialidades, SA, anciennement Repsol Lubricantes YPF y Especialidades, SA et vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Artikolu 81 KE – Akkordji – Suq Spanjol tal-bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq – Tqassim tas-suq u koordinazzjoni tal-prezzijiet – Avviż dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (2002) – L-aħħar paragrafu tal-punt 23(b) – Immunità parzjali mill-multa – Provi relatati ma’ fatti preċedentement injorati mill-Kummissjoni Ewropea.
Kawża C-617/13 P.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:487

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

JÄÄSKINEN

ippreżentati fis-16 ta’ Lulju 2015 ( 1 )

Kawża C‑617/13 P

Repsol Lubricantes y Especialidades, SA, (li kienet Repsol Lubricantes YPF y Especialidades, SA)

Repsol Petróleo, SA

Repsol, SA

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

“Appell — Akkordji — Suq Spanjol tal-bitum għall-kisi tal-uċuh tat-toroq — Kunċett ta’ fatti ‘li qabel ma kinux magħrufa’ fis-sens tal-aħħar paragrafu tal-punt 23 tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi”

I – Introduzzjoni

1.

Permezz tal-appell tagħhom, Repsol Lubricantes y Especialidades, SA, u Repsol Petróleo, SA, Repsol SA (iktar ’il quddiem “Repsol et”) jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza Repsol Lubricantes y Especialidades et vs Il‑Kummissjoni (T‑496/07, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”) ( 2 ), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tagħhom intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2007) 4441 finali ( 3 ) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inkwistjoni”) kif ukoll it-talba sussidjarja tagħhom għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqhom ( 4 ).

2.

F’konformità mat-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet se jiġu limitati għall-analiżi tat-tieni aggravju li jqajjem, essenzjalment, kwistjoni ta’ interpretazzjoni tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell [akkordji] fil-verżjoni tiegħu tas-sena 2002 ( 5 ) (iktar ’il quddiem l-“Avviż dwar il-klemenza tal-2002”).

II – Il-kuntest ġuridiku

3.

Taħt it-Titolu B tal-Avviż dwar il-klemenza tal-2002, intitolat “Tnaqqis f’multa”, il-punt 23 jipprevedi:

“Il-Kummissjoni ser tiddetermina f’kull deċiżjoni finali adottata fl-aħħar tal-proċedura amministrattiva:

a)

jekk il-provi pprovduti minn impriża rrapreżentaw valur miżjud sinnifikattiv b’rispett għall-provi fil-pussess tal-Kummissjoni fl-istess żmien.

b)

il-livell ta’ tnaqqis li l-impriża tibbenefika minnu […]

Biex jiġi ddeterminat il-livell ta’ tnaqqis f’kull waħda minn dawn il-faxex, il-Kummissjoni ser tieħu kont taż-żmien li fih ġew mressqin il-provi li jissodisfaw il-punt 21 u l-punt sa fejn jirrappreżentaw valur miżjud. Tista’ wkoll tieħu kont tal-miżura u tal-kontinwità ta’ kull kooperazzjoni ipprovduta mill-impriża wara d-data tas-sottomissjoni tagħħa.

Barra dan, jekk impriża tipprovdi provi rrelatati ma’ fatti li qabel ma kienux magħrufa lill-Kummissjoni li għandhom rilevanza diretta fuq il-gravità u t-tul tal-kartell issuspettat, il-Kummissjoni mhijiex ser tieħu kont ta’ dawn l-elementi meta tordna li tiġi imposta multa fuq l-impriża li tipprovdi dawn il-provi.”

III – Il-fatti li wasslu għall-kawża

4.

Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew spjegati fil-punti 1 sa 91 tas-sentenza appellata li għaliha qed isir riferiment.

5.

Sa fejn huwa meħtieġ, huwa suffiċjenti li jitfakkar li, fl-20 ta’ Ġunju 2002, British Petroleum (iktar ’il quddiem “BP”) ippreżentat talba għal klemenza skont l-Avviż dwar il-klemenza tal-2002, li tirrigwarda l-ftehimiet kollha bi ksur tal-Artikolu 101 TFUE dwar is-suq tal-bitum ta’ penetrazzjoni fi Spanja ( 6 ). Fil-31 ta’ Marzu 2004, Repsol et ressqu talba għal tnaqqis tal-multa skont dan l-istess avviż.

6.

Fit-3 ta’ Ottubru 2007, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni inkwistjoni. Il-Kummissjoni rrikonoxxiet lil BP id-dritt għall-immunità mill-multa li normalment kellha tiġi imposta fuqha wara li kkonstatat li hija kienet issodisfat il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 11 tal-Avviż dwar il-klemenza tal-2002 ( 7 ). Fir-rigward tat-talba ta’ Repsol et, il-Kummissjoni applikat tnaqqis ta’ 40 % tal-ammont tal-multa li normalment kellha tiġi imposta fuqhom ( 8 ). Konsegwentement, Repsol et ġew iddikjarati responsabbli in solidum għall-ħlas ta’ EUR 80496000 tal-multa.

7.

Permezz ta’ rikors ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza bejn it-18 u l-20 ta’ Diċembru 2007, Repsol et ikkontestaw il-kontenut tad-deċiżjoni inkwistjoni u talbu li din tiġi annullata parzjalment jew kompletament. Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet fit-totalità tagħhom it-tmien rikorsi ppreżentati insostenn tat-talbiet tagħhom għal annullament u bidla.

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

8.

Permezz ta’ appell ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Novembru 2013, Repsol et ippreżentaw appell li permezz tiegħu huma jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata u d-deċiżjoni inkwistjoni; li tnaqqas l-ammont tal-multa; li tikkonstata t-tul eċċessiv u mhux iġġustifikat tal-proċedura ġudizzjarja quddiem il-Qorti Ġenerali, u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż. Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell, u tikkundanna lil Repsol et għall-ispejjeż kollha.

9.

Quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-partijiet esprimew il-pożizzjoni tagħhom bil-miktub u nstemgħu waqt is-seduta li seħħet fil-15 ta’ April 2015.

V – Fuq it-tieni aggravju

A – L-argumenti tal-partijiet

10.

Permezz tat-tieni aggravju tagħhom, Repsol et jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi fil-punti 339 sa 349 tas-sentenza appellata peress li din ivvalidat l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni mill-Kummissjoni tal-kunċett ta’ “fatti li qabel ma kienux magħrufa” fis-sens tal-aħħar paragrafu tal-punt 23 tal-Avviż dwar il-klemenza tal-2002. Madankollu, l-imsemmi punt ma jagħmilx riferiment għas-sempliċi pussess fiżiku ta’ dokumenti, iżda jeżiġi t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ kriterju separat li Repsol et jikklassifikaw bħala “kriterju konoxxittiv”.

11.

Repsol et jenfasizzaw li huwa r-rakkont tal-fatti tagħhom li kien ippermetta lill-Kummissjoni tirrikonoxxi t-tul reali tal-akkordju, jiġifieri li dan tkompla mhux sal-1998, bħalma BP kienet informat lill-Kummissjoni, iżda sal-2002. Konsegwentement, Repsol et ma għandhomx jiġu imposti multa għall-perijodi mill-1998 sal-2002.

12.

Barra minn hekk, il-motivazzjoni tas-sentenza appellata hija vvizzjata minn konfużjoni fir-rigward tal-argument ġuridiku mressaq minn Repsol et fl-ewwel istanza. Il-punt 343 tas-sentenza appellata li jiġġustifika n-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-punt 23 tal-Avviż dwar il-klemenza tal-2002 ma jweġibx għall-argument ta’ Repsol et li mhux talli fit-talba tagħhom għal klemenza Repsol et kienu ressqu dokumenti li jipproduċu l-prova tat-tul reali tal-akkordju, iżda li huwa r-rakkont tal-fatti tagħhom li kien ippermetta lill-Kummissjoni tiskopri li BP naqset milli tgħid il-verità fir-rigward tat-tul tal-akkordju.

13.

Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni ssostni li dan l-aggravju huwa inammissibbli. Fil-fatt, fid-dawl tar-rikors invokat minn Repsol et fl-ewwel istanza (Taqsima 3.3 tar-rikors) ( 9 ), dawn qatt ma indikaw li huma kellhom jibbenefikaw minn tnaqqis fuq il-bażi tal-applikazzjoni tal-kriterju msejjaħ “konoxxittiv”.

14.

Il-Kummissjoni tqis li l-aggravju huwa fi kwalunkwe każ infondat. Hija tfakkar li l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali, li l-Kummissjoni kienet diġà ġiet informata bl-eżistenza tal-akkordju minn ċerta data tikkostitwixxi dikjarazzjoni tal-fatti li taqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali tal-Qorti Ġenerali ( 10 ). Hija fl-aħħar nett tirrileva li, fir-rigward tal-punt 7 tal-Avviż dwar il-klemenza tal-2002, it-tnaqqis tal-multa għandu jkun limitat għall-impriżi li jipprovdu lill-Kummissjoni provi li jagħtu valur miżjud lill-informazzjoni li diġà tkun fil-pussess tagħha. Barra minn hekk, il-kriterju rrakkomandat minn Repsol et ikun diffiċli, biex ma ngħidx impossibbli, li jiġi applikat.

B – Fuq l-ammissibbiltà tat-tieni aggravju

15.

Fid-dawl tal-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni li t-tieni aggravju tal-appell jikkostitwixxi motiv ġdid, għandu qabelxejn jiġi deċiż jekk dan l-aggravju huwiex ammissibbli.

16.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mill-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-aggravji għandhom ikunu bbażati fuq argumenti ppreżentati fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 170(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, parti ma tistax tbiddel is-suġġett ta’ kawża billi tqajjem għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja aggravju li hija setgħet tqajjem quddiem il-Qorti Ġenerali iżda li hija ma qajmitx, peress li dan iwassal sabiex hija tkun tista’ tressaq tilwima iktar wiesgħa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minn dik li tressqet quddiem il-Qorti Ġenerali. Għalhekk, tali motiv għandu jiġi kkunsidrat bħala inammissibbli fl-istadju tal-appell ( 11 ).

17.

Fir-rigward tar-rikors fl-ewwel istanza, għandu jiġi nnotat li t-Taqsima 3.3.1. tiegħu kienet intitolata “żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-perċentwali ta’ tnaqqis fir-rigward tal-kooperazzjoni mal-Kummissjoni, fil-kuntest tal-Avviż dwar il-klemenza”. Mill-punt 147 jirriżulta li r-rikors, li jidher fl-imsemmija taqsima, Repsol et, filwaqt li indikaw li kienu t-tieni impriża li ressqet talba għal klemenza sabiex jiksbu tnaqqis tal-multa, immiraw b’mod ċar lejn il-punt 23 tal-Avviż dwar il-klemenza billi kkritikaw lill-Kummissjoni li ma qisitx il-valur miżjud tal-informazzjoni pprovduta u d-data li fiha ġiet ippreżentata t-talba għal klemenza.

18.

Barra minn hekk, mill-punti 150 sa 157 tar-rikors jirriżulta li din il-problema kienet suġġetta għal dibattitu dwar il-mertu fl-ewwel istanza, għalkemm din ma ġietx diskussa taħt l-isem tal-kriterju msejjaħ “konoxxittiv”. Għalhekk, b’mod partikolari, fil-punt 156 tar-rikors fl-ewwel istanza, id-deċiżjoni inkwistjoni ġiet ikkritikata b’mod ċar peress li din ma applikatx il-punt 23 tal-Avviż dwar il-klemenza tal-2002. Barra minn hekk, fil-punt 157 tal-imsemmi rikors, Repsol et sostnew li pprovdew l-informazzjoni li kienet ippermettiet l-interpretazzjoni tad-dokumenti li tirreferi għalihom il-Kummissjoni u li jkollha għarfien tal-fatti li seħħew matul il-perjodu 1998 sa 2002.

19.

Fir-rigward tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 339 sa 349 tas-sentenza appellata, dwar ir-rifjut inkwistjoni mill-Kummissjoni lil Repsol et, biex huma jibbenefikaw mill-aħħar paragrafu tal-punt 23 tal-Avviż dwar il-klemenza tal-2002, għar-raġuni, skont il-premessa 592 tad-deċiżjoni inkwistjoni, li l-Kummissjoni diġà kellha fil-pussess tagħha, anki qabel ma rċeviet, fil-31 ta’ Marzu 2004, id-dikjarazzjoni ta’ Repsol mehmuża mat-talba tagħha skont dan l-avviż tal-2002, informazzjoni rilevanti li tinsab fid-dokumenti kontemporanji miġbura matul verifiki tal-1 u tat-2 ta’ Ottubru 2002. B’mod partikolari, mill-punt 343 tas-sentenza appellata jirriżulta li “huwa għalhekk bi żball li r-rikorrenti jsostnu li kienet Repsol li pprovdiet fit-talba tagħha skont l-Avviż tal-2002 l-informazzjoni li ppermettiet lill-Kummissjoni tkun taf li l-akkordju tkompla bejn l-1998 u l-2002”.

20.

Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet kollha indikati hawn fuq, nikkunsidra li dan l-aggravju huwa ammissibbli.

C – Fuq il-kriterji ta ’ applikazzjoni mill-Kummissjoni tal-aħħar paragrafu tal-punt 23 tal-Avviż dwar il-klemenza tal-2002

1. Osservazzjonijiet ġenerali dwar l-aħħar paragrafu tal-punt 23 tal-Avviż dwar il-klemenza tal-2002

21.

Permezz tat-tieni aggravju tagħhom, Repsol et jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali għal żball ta’ liġi li jaffettwa l-interpretazzjoni tal-Avviż dwar il-klemenza tal-2002.

22.

Infakkar fil-qosor li l-għan tal-programmi ta’ klemenza huwa li tinkiseb id-denunzja tal-ksur mill-awturi tiegħu sabiex dan jintemm malajr u totalment. Din l-iskoperta rapida u affidabbli twieġeb għall-interess ġenerali tas-swieq u għall-protezzjoni tal-interessi individwali tal-vittmi ta’ kartelli ( 12 ).

23.

Għal dan l-għan u f’xewqa ta’ trasparenza, il-Kummissjoni adottat linji gwida, fejn indikat fuq liema bażi kienet ser tieħu inkunsiderazzjoni tali ċirkustanza jew oħra tal-ksur u l-konsegwenzi li jistgħu jinsiltu minnha fuq l-ammont tal-multa. Din għalhekk hija regola ta’ kondotta li tindika l-prassi li għandha tiġi adottata u li l-amministrazzjoni ma tistax tevita, f’każ partikolari, mingħajr ma tagħti raġunijiet li jkunu kompatibbli mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ( 13 ).

24.

Fir-rigward tal-Avviż dwar il-klemenza tal-2002, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-loġika ta’ dan l-avviż kienet li tinkoraġġixxi lill-impriżi li jipparteċipaw f’akkordji illegali biex jikkooperaw mal-Kummissjoni fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-kartelli. F’din il-perspettiva, l-aħħar paragrafu tal-punt 23 tal-Avviż dwar il-klemenza tal-2002 għandu l-għan li jikkumpensa lil impriża, anki jekk hija ma tkunx l-ewwel waħda li ppreżentat it-talba għal immunità fir-rigward tal-akkordju inkwistjoni, jekk il-provi pprovduti minn impriża jkunu jikkonċernaw fatti li jippermettu lill-Kummissjoni li timmodifika l-evalwazzjoni tagħha, f’dak il-mument, dwar il-gravità u t-tul al-akkordju ( 14 ).

25.

Fir-rigward tal-karatteristiċi stabbiliti b’dan il-mod tal-komunikazzjonijiet u sa fejn il-proċedura ta’ klemenza jkollha natura ta’ eċċezzjoni, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jipprojbixxu l-akkordji antikompetittivi, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jeħtieġ l-adozzjoni ta’ interpretazzjoni stretta tad-dispożizzjonijiet tal-Avviż dwar il-klemenza tal-2002.

2. Fuq il-kunċett ta’ “fatti li qabel ma kienux magħrufa”

26.

Infakkar li l-aħħar paragrafu tal-punt 23 tal-Avviż dwar il-klemenza tal-2002 jirreferi għall-provi relatati ma’ “fatti li qabel ma kienux magħrufa lill-Kummissjoni”. Id-dibattitu mqajjem minn din il-kawża juri li l-formulazzjoni tal-imsemmi punt tista’ tagħti lok għal żewġ interpretazzjonijiet differenti.

27.

Skont interpretazzjoni litterali, hija inkwistjoni l-assenza ta’ għarfien mill-Kummissjoni tal-fatti rilevanti, li jidhirli li tirriżulta wkoll minn verżjonijiet lingwistiċi oħrajn ( 15 ).

28.

Qari ieħor, li jiena nippreferi, jista’ jidentifika fl-imsemmija espressjoni kriterju oġġettiv applikabbli għall-komunikazzjoni jew għat-trażmissjoni ta’ provi lill-Kummissjoni, li b’hekk jippermetti li ssir distinzjoni bejn il-provi li jirrigwardaw fatti ġodda fil-konfront tal-provi diġà fil-pussess tal-Kummissjoni ( 16 ). Fil-fehma tiegħi, dan it-tieni qari huwa iktar konformi mal-ewwel żewġ paragrafi tal-punt 23 tal-Avviż dwar il-klemenza tal-2002, li jirrigwardaw il-pussess tal-provi bħala kriterju li jiddefinixxi l-valur miżjud mingħajr ma jissemma l-għarfien tal-Kummissjoni.

29.

Skont il-ġurisprudenza, mill-formulazzjoni tal-punt 23 tal-Avviż dwar il-klemenza tal-2002 jirriżulta li l-immunità parzjali prevista minnu teżiġi li jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet, jiġifieri, l-ewwel nett, li l-impriża inkwistjoni tkun l-ewwel waħda li tipprovdi l-provi dwar il-fatti li qabel ma kinux magħrufa lill-Kummissjoni u, it-tieni nett, li dawn il-fatti, minħabba l-impatt dirett tagħhom fuq l-evalwazzjoni tal-gravità u tat-tul tal-allegat akkordju, jippermettu lill-Kummissjoni li tasal għal konklużjonijiet ġodda dwar il-ksur. B’mod iktar partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li, it-termini “fatti li [...] ma kienux magħrufa lill-Kummissjoni”, marbuta mal-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, ma humiex ambigwi, u jippermettu li tiġi adottata interpretazzjoni restrittiva tal-aħħar paragrafu tal-punt 23 tal-Avviż dwar il-klemenza tal-2002, billi dan jiġi limitat għall-każijiet fejn kumpannija li tkun parti f’akkordju tipprovdi informazzjoni ġdida lill-Kummissjoni, marbuta mal-gravità jew mat-tul tal-ksur, u billi jiġu esklużi l-każijiet fejn il-kumpannija sempliċement tipprovdi elementi li jsaħħu l-provi dwar l-eżistenza tal-ksur ( 17 ).

30.

Din l-interpretazzjoni hija bbażata fuq il-fatt li l-effikaċità tal-programm ta’ klemenza tkun affettwata jekk l-impriżi ma jkollhomx iktar inċentiv sabiex ikunu l-ewwel li jippreżentaw informazzjoni li biha jirrapportaw akkordju lill-Kummissjoni ( 18 ).

31.

B’mod ġenerali, din il-kawża tqajjem riflessjoni fir-rigward tal-portata tal-ġurisprudenza ċċitata. Fil-fatt, ipoteżi li tista’ twassal għall-applikazzjoni tal-aħħar paragrafu tal-punt 23 tal-Avviż dwar il-klemenza tal-2002, li għadha ma ġietx ikkunsidrata mill-ġurisprudenza, fil-fehma tiegħi, hija dik fejn it-tieni żvelatur jipprovdi prova li tippermetti lill-Kummissjoni “tiddeċifra” l-elementi li diġà jkollha, iżda mhux użati minħabba l-assenza ta’ informazzjoni “ewlenija” pprovduta ulterjorment. Tali possibbiltà ma tirriżultax mit-“tisħiħ”, iżda mill-“kostituzzjoni” ta’ prova ġdida.

32.

Issa, f’dan il-każ, għandi nikkonstata li l-kriterju msejjaħ “konoxxittiv”, bħal dak difiż minn Repsol et, huwa ineffettiv, peress li dan ma jipprekludix analiżi bbażata fuq il-“loġika ġuridika ordinarja” ( 19 ), li tiġi applikata għall-mekkaniżmu ta’ klemenza, bħalma jirriżulta mill-Avviż tal-Kummissjoni.

33.

Fil-fatt, fir-rigward tal-loġika ġuridika ordinarja, huwa stabbilit li bħala istituzzjoni, imsejħa wkoll aġent kollettiv, il-Kummissjoni ma għandhiex il-kapaċità konoxxittiva ekwivalenti għal dik ta’ individwu, iżda jista’ jkollha din l-kapaċità biss b’mod metaforiku ( 20 ).

34.

Barra minn hekk, ir-regoli klassiċi dwar il-konsegwenzi legali marbuta mal-komunikazzjoni ta’ fatti jew ta’ informazzjoni huma bbażati fuq il-preżunzjoni li l-pussess ta’ dokument ikkomunikat huwa ekwivalenti għall-għarfien tal-kontenut tiegħu ( 21 ). Kieku dan ma kienx il-każ, numru kbir ta’ dispożizzjonijiet irregolati mid-dritt ċivili, mid-dritt amministrattiv jew ta’ natura proċedurali ma jkunux effikaċi.

35.

Fil-fehma tiegħi tali loġika tapplika wkoll, mutatis mutandis, fl-aħħar paragrafu tal-punt 23 tal-Avviż dwar il-klemenza tal-2002. Għalhekk, il-Kummissjoni hija konxja tal-fatti li fir-rigward tagħhom hija għandha provi, irrispettivament mill-kwistjoni jekk l-imsejħa provi ġewx eżaminati u analizzati jew le mill-membri tal-persunal, l-uffiċjali jew mid-dipartimenti. Nosserva f’dan ir-rigward, li, skont it-tieni paragrafu tal-punt 23 tal-Avviż dwar il-klemenza tal-2002, “il-Kummissjoni ser tieħu kont taż-żmien li fih ġew mressqin il-provi” ( 22 ).

36.

Approċċ differenti joħloq mhux biss diffikultajiet probatorji insormontabbli, iżda joħloq ukoll inċertezza legali mhux aċċettabbli għall-impriżi li jkunu ressqu talbiet għal applikazzjonijiet fil-kuntest tal-klemenza.

37.

Nimmaġinaw żewġ impriżi, A u B, li jibagħtu lill-Kummissjoni dokumenti ta’ valur identiku b’distakk ta’ xahar. L-eżami tat-talbiet huwa fdat f’idejn żewġ uffiċjali fi ħdan id-dipartiment kompetenti tal-Kummissjoni. Issa, l-uffiċjal AA, inkarigat mill-eżami tat-talba mressqa mill-intrapriża A u li tkun waslet l-ewwel, huwa magħruf għall-akkuratezza u għad-dewmien. Fl-aħħar nett, huwa għalhekk l-uffiċjal BB, inkarigat mill-eżami tat-talba tal-impriża B, li jasal l-ewwel għall-konklużjoni li din it-tieni talba tinkludi l-provi li jiġġustifikaw l-immunità ( 23 ). L-uffiċjal AA jippreżenta l-istess konklużjoni ġimgħa wara fir-rigward tal-impriża A. F’tali sitwazzjoni, l-applikazzjoni tal-kriterju msejjaħ “konoxxittiv” ikollha l-konsegwenza li ttellef lill-impriża A l-possibbiltà li tibbenefika mill-immunità. Madankollu, fil-fehma tiegħi dan juri li tali kriterju ma huwiex kompatibbli mal-għanijiet tal-Avviż dwar il-klemenza u mal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

38.

Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, l-għarfien għandu jiġi ddeterminat fid-dawl tal-provi diġà fil-pussess tal-Kummissjoni fil-mument tat-tieni talba għal klemenza. Il-funzjoni prinċipali tal-aħħar paragrafu tal-Artikolu 23 tal-Avviż dwar il-klemenza tal-2002 hija għalhekk li tistabbilixxi s-sekwenza u l-indiċjar ta’ informazzjoni jew ta’ provi prodotti lill-Kummissjoni ( 24 ).

3. Fuq ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata

39.

Fil-punti 339 sa 349 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq żewġ elementi prinċipali. Qabelxejn, hija rreferiet ruħha għall-punt 592 tad-deċiżjoni inkwistjoni, li l-kontenut tiegħu ma ġiex ikkontestat, u li minnu jirriżulta li l-Kummissjoni tassew kellha fil-pussess tagħha dokumenti li jipproduċu prova tat-tul tal-kartell bejn l-1998 u l-2002. Il-Qorti Ġenerali għalhekk ikkunsidrat, bħala stabbilit, li l-premessa 592 tad-deċiżjoni inkwistjoni, li kienet tirreferi għal 38 premessa oħra, kienet biżżejjed sabiex tikkonfuta l-ilmenti ta’ Repsol et. It-tieni nett, peress li, skont il-Qorti Ġenerali, dan il-fatt ġie stabbilit, din evalwat il-valur miżjud tal-fatti rrakkontati minn Repsol li jirrigwardaw il-perjodu inkwistjoni u waslet għall-konklużjoni li dawn ma jistgħux jitqiesu bħala li jagħtu valur miżjud eċċezzjonali għall-kooperazzjoni tagħhom.

40.

F’dan ir-rigward, infakkar li, fil-kawża LG Display u LG Display Taiwan vs Il‑Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li “jirriżulta [... mis-]sentenza appellata li l-Qorti Ġenerali, fl-ambitu tal-evalwazzjoni sovrana tagħha tal-fatti, irrilevat, mingħajr ma ġie allegat żnaturament f’dan ir-rigward, li, ‘fil-mument tad-dikjarazzjoni tar-rikorrenti tal-20 ta’ Lulju 2006, il-Kummissjoni kienet taf, minħabba l-provi prodotti [...], li xi kuntatti bilaterali bejn ċerti parteċipanti għall-akkordju kienu komplew fl-2005”. Din id-dikjarazzjoni twassal lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma s-sentenza tal-Qorti Ġenerali ( 25 ).

41.

Ċertament, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddikjarat fil-punt 341 li, “bħalma hija tinnota fil-premessa 592 tad-deċiżjoni inkwistjoni, il-Kummissjoni diġà kellha fil-pussess tagħha, anki qabel [...] ma rċeviet, fil-31 ta’ Marzu 2004, id-dikjarazzjoni ta’ Repsol [...] l-informazzjoni rilevanti [...]”. Għalhekk huwa veru li l-eżami tal-Qorti Ġenerali jista’ jidher lakoniku u jista’ jiġi sostnut ukoll li l-Qorti Ġenerali astjeniet milli tivverifika li, f’dan il-każ, il-pussess tal-provi kien ekwivalenti għall-għarfien tal-kontenut tagħhom.

42.

Madankollu meta titqies l-assenza ta’ rilevanza tal-kriterju msejjaħ “konoxxittiv”, jiena tal-fehma li l-pussess tal-provi jiswa, f’dan il-kuntest, daqs l-għarfien tal-kontenut tagħhom. Irrispettivament mill-fatt li, jekk dan ir-raġunament mill-Qorti Ġenerali kellux jitqies bħala l-konstatazzjoni tal-fatti jew il-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti, in-natura ineffettiva tal-kriterju “konoxxittiv” iwassalni sabiex niċħad il-kritika ta’ Repsol et.

43.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-elementi tas-sentenza appellata msemmija fit-tieni aggravju ma huma vvizzjati bl-ebda żball ta’ liġi, u b’hekk dan l-aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

VI – Konklużjoni

44.

Għal dawn ir-raġunijiet u bla ħsara għall-eżami ta’ aggravji oħra tal-appell, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad it-tieni aggravju tal-appell. L-ispejjeż huma rriżervati.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) EU:T:2013:464.

( 3 ) Deċiżjoni tat-3 ta’ Ottubru 2007, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE [Każ COMP/38.710 - Bitum (Spanja)].

( 4 ) Għall-finijiet utli kollha, infakkar li din il-kawża hija parti minn grupp ta’ appelli ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mis-sentenzi tal-Qorti Ġenerali li jirrigwardaw id-deċiżjoni inkwistjoni. Il-konklużjonijiet iffukati fuq il-Kawża C‑603/13 P, Galp Energía España et, li jagħmlu parti minnu, se jiġu ppreżentati fis-16 ta’ Lulju 2015.

( 5 ) Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell [akkordji] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol.2, p. 155).

( 6 ) Il-partijiet l-oħra involuti, minbarra BP, kienu l-impriżi: Productos Asfalticos, SA, Nynäs Petroleo SA u Galp Energia España SA.

( 7 ) Dawn il-kundizzjonijiet huma relatati mal-kooperazzjoni mal-Kummissjoni, mat-tmiem tal-involviment fil-ksur tal-liġi u mal-assenza ta’ miżuri intiżi li jġiegħlu lil impriżi oħra li jipparteċipaw fil-ksur (premessa 573 tad-deċiżjoni inkwistjoni).

( 8 ) Ara l-premessa 580 tad-deċiżjoni inkwistjoni.

( 9 ) Dan il-punt kien jirreferi għal allegat “żball manifest ta’ evalwazzjoni jew, sussidjarjament, ksur tal-prinċipji ġenerali tal-aspettattivi leġittimi, ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament, bl-iffissar ta’ perċentwali għat-tnaqqis tal-ammont skont l-Avviż dwar il-klemenza”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

( 10 ) Digriet Otis Luxembourg et vs Il‑Kummissjoni (C‑494/11 P, EU:C:2012:356, punt 88).

( 11 ) Sentenza Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni (C‑521/09 P, EU:C:2011:620, punt 35).

( 12 ) Chaput, Y., “Philosophie des programmes de clémence et de transaction”, fi Clémence et transaction en matière de concurrence – Atti tas-simpożju tad-19 ta’ Jannar 2005, p. 5, disponibbli fuq is-sit tal-CREDA (www.creda.ccip.fr).

( 13 ) Sentenza Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il‑Kummissjoni (C‑397/03 P, EU:C:2006:328, punt 91) u Chalkor vs Il‑Kummissjoni (C‑386/10 P, EU:C:2011:815, punti 59 sa 60).

( 14 ) Sentenza Transcatab vs Il‑Kummissjoni (T‑39/06, EU:T:2011:562, punti 378 sa 382).

( 15 ) Verżjoni Ingliża: “In addition, if an undertaking provides evidence relating to facts previously unknown to the Commission[…].”; verżjoni Ġermaniża: “Falls ein Unternehmen Beweismittel für einen Sachverhalt vorlegt, von denen die Kommission zuvor keine Kenntnis hatte […]”.

( 16 ) Il-qari tiegħi tal-aħħar paragrafu tal-punt 23 tal-Avviż dwar il-klemenza tal-2002 huwa bbażat fuq id-distinzjoni permessa b’mod komuni bejn il-fatt ġuridiku li għandu jiġi pprovat (Beweistatsache) u l-mezz ta’ prova użat (Beweismittel).

( 17 ) Sentenza LG Display u LG Display Taiwan vs Il‑Kummissjoni (C‑227/14 P, EU:C:2015:258, punt 79) u wkoll f’dan is-sens, id-digriet Kuwait Petroleum et vs Il‑Kummissjoni (C‑581/12 P, EU:C:2013:772, punt 19).

( 18 ) F’dan is-sens, is-sentenza LG Display u LG Display Taiwan vs Il‑Kummissjoni (EU:C:2015:258, punt 84) u d-digriet Kuwait Petroleum et vs Il‑Kummissjoni, (C‑581/12 P, EU:C:2013:772, punt 20).

( 19 ) Hawnhekk qed nirreferi għall-ipoteżijiet differenti li ma ġewx ikkunċettwalizzati minħabba l-aspett evidenti tagħhom, li jikkostitwixxu l-bażi għall-ħolqien tal-kultura ġudizzjarja tagħna.

( 20 ) Għalhekk, l-għarfien jew l-assenza ta’ għarfien ta’ element jista’ jiġi ddeterminat biss, fil-każ tal-Kummissjoni, permezz tal-għarfien miksub minn wieħed mill-membri tal-persunal jew mill-uffiċjali tagħha. Il-kriterju msejjaħ “konoxxittiv” kif propost minn Repsol et ikun jeżiġi d-determinazzjoni tal-individwi li l-għarfien tagħhom huwa biżżejjed sabiex jiġi stabbilit l-għarfien tal-istituzzjoni.

( 21 ) Normalment, preżentazzjoni personali u ċerta bħal dik imwettqa permezz tal-ittra rreġistrata b’konferma ta’ rċevuta titqies bħala komunikazzjoni valida. Id-destinatarju ma jistax isostni li rċieva l-ittra, iżda li ma kellux għarfien tal-kontenut għax ma fetaħhiex.

( 22 ) Enfasi magħmula minni.

( 23 ) Nippreċiża li l-Avviż dwar il-klemenza tal-2002 jiddefinixxi l-kundizzjonijiet li fihom l-impriżi li jikkooperaw mal-Kummissjoni matul investigazzjoni diliġenti mwettqa minnha dwar akkordju jistgħu jiġu eżentati minn multi jew jibbenefikaw minn tnaqqis mill-ammont tal-multa li huma nkella kellhom iħallsu. Fil-każ fejn ikunu waslu diversi talbiet għal klemenza għall-istess ksur, l-ewwel talba titqies bħala talba għal immunità, it-talbiet l-oħra jitqiesu bħala talba għal tnaqqis tal-multa, sakemm ma tiġix irrifjutata l-ewwel talba. F’dan il-każ, Repsol et tqiesu bħallikieku talbu għal tnaqqis tal-ammont tal-multa.

( 24 ) Kif spjegat fis-sentenza Solvay vs Il‑Kummissjoni (C‑110/10 P, EU:C:2011:687), jeżistu sitwazzjonijiet li fihom il-Kummissjoni titlef parti mill-provi, li ma huwiex il-każ hawnhekk.

( 25 ) EU:C:2015:258, punt 80.

Top