Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012TJ0247

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (it-Tieni Awla) tal-20 ta' Mejju 2014.
    Argo Group International Holdings Ltd vs l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trademarks u disinni) (UASI).
    Trade mark Komunitarja - Proċedimenti ta’ oppożizzjoni - Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja figurattiva ARIS - Trade mark Komunitarja figurattiva preċedenti ARISA ASSURANCES S.A. - Raġuni relattiva għal rifjut - Probabbiltà ta’ konfużjoni - Xebh tas-sinjali - Koeżistenza ta’ trade marks preċedenti fis-suq - Prinċipju ta’ dritt Amerikan imsejjaħ ‘Morehouse defense’- Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.
    Kawża T-247/12.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:T:2014:258

    Partijiet
    Motivi tas-sentenza
    Parti operattiva

    Partijiet

    Fil-Kawża T‑247/12,

    Argo Group International Holdings Ltd, stabbilita f’Hamilton, Bermuda (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn R. Hoy, S. Levine u N. Edbrooke, solicitors,

    rikorrenti,

    vs

    L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn L. Rampini, bħala aġent,

    konvenut,

    il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

    Arisa Assurances SA, stabbilita fil-Lussemburgu (il-Lussemburgu), irrappreżentata minn H. Bock, avukat,

    li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI tad-9 ta’ Marzu 2012 (Każ R 193/2011‑2), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Arisa Assurances SA u Argo Group International Holdings Ltd,

    IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

    komposta minn E. Martins Ribeiro, President, S. Gervasoni (Relatur) u L. Madise, Imħallfin,

    Reġistratur: E. Coulon,

    wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ Ġunju 2012,

    wara li rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Settembru 2012,

    wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ Settembru 2012,

    wara li rat ir-replika ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Diċembru 2012,

    wara li rat il-kontroreplika tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ April 2013,

    wara li rat li l-partijiet ma ressqu l-ebda talba għal seduta fi żmien xahar min-notifika tal-għeluq tal-proċedura bil-miktub u wara li għaldaqstant iddeċidiet, fuq rapport tal-Imħallef Relatur u skont l-Artikolu 135a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tiddeċiedi mingħajr il-fażi orali tal-proċeduri,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    Motivi tas-sentenza

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    1. Fit-13 ta’ Novembru 2008, Art Risk Insurance and Information Services Corp. ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja fl-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1. p. 146 ), kif emendat [issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)].

    2. It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal figurattiv segwenti:

    >image>1

    3. Is-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassi 36 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu, għad-deskrizzjoni li ġejja: “Servizzi ta’ assigurazzjoni; sottoskrizzjoni tal-assigurazzjoni fuq it-titoli għas-snajja’ tal-ġmiel, l-artefatti kulturali, l-antikitajiet, u proprjetà personali tanġibbli oħra li tista’ tiġi kollezzjonata; servizzi ta’ ġestjoni tar-riskji finanzjarji għall-arti u l-industriji assoċjati mal-arti, inklużi mużewijiet tal-arti, fondazzjonijiet tal-arti, istituzzjonijiet kulturali u li ma jagħmlux profitt, kollezzjonisti privati, artisti, negozjanti tal-arti, u fornituri bankarji fiduċjarji, tal-assigurazzjoni, legali u li ma jagħmlux profitt assoċjati mal-arti; servizzi ta’ ġestjoni tar-riskji finanzjarji relatati mal-forom kollha ta’ assigurazzjoni, inkluża l-assigurazzjoni fuq il-proprjetà u d-disgrazzji aċċidentali għall-arti u l-industriji assoċjati mal-arti”.

    4. L-applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja ġiet ippubblikata fil- Bullettin tat-trade marks Komunitarji Nru 10/2009, tat-23 ta’ Marzu 2009.

    5. Art Risk Insurance and Information Services kienet diġà proprjetarja tat-trade mark Komunitarja verbali ARIS irreġistrata fit-12 ta’ Setttembru 2005.

    6. Fit-18 ta’ Ġunju 2009, l-intervenjenti, Arisa Assurances SA, ippreżentat oppożizzjoni, skont l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009, kontra r-reġistrazzjoni tal-applikazzjoni tat-trade mark għas-servizzi msemmija fil-punt 3 iktar ‘il fuq.

    7. L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq it-trade mark Komunitarja figurattiva preċedenti, ippreżentata fit-8 ta’ Lulju 1996 u rreġistrata fit-18 ta’ Jannar 2000 bin-numru 307470, għall-“assigurazzjonijiet u riassigurazzjonijiet”, li jaqgħu taħt il-klassi 36, riprodotta iktar ‘il quddiem:

    >image>2

    8. Il-motiv invokat insostenn tal-oppożizzjoni kien dak imsemmi fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

    9. Fit-23 ta’ Novembru 2010, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni laqgħet l-oppożizzjoni u ċaħdet l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

    10. Fl-20 ta’ Jannar 2011, Art Risk Insurance and Information Services ippreżentat appell quddiem l-UASI, skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009, kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

    11. Fit-3 ta’ Marzu 2011, Art Risk Insurance and Information Services applikat għar-reġistrazzjoni tat-trasferiment tal-applikazzjoni tagħha ta’ trade mark lil Argo Group International Holdings Ltd (iktar ‘il quddiem “Argo Group” jew ir-“rikorrenti”). Fl-4 ta’ Marzu 2011 it-trasferiment ġie rreġistrat fir-Reġistru tat-Trade marks Komunitarji.

    12. Permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Marzu 2012, (iktar ‘il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), it‑Tieni Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad l-appell. B’mod partikolari, huwa qies li l-appell ippreżentat minn Art Risk Insurance and Information Services kien ammissibbli, anki jekk ma kienx ippreżentat minn Argo Group, proprjetarja tal-applikazzjoni ta’ trade mark, peress li t-trasferiment tal-applikazzjoni ta’ trade mark lil Argo Group ma kinitx ġiet irreġistrata fir-Reġistru tat-Trade marks Komunitarji qabel l-20 ta’ Jannar 2011, id-data tal-preżentazzjoni tal-att tal-appell (punti 17 sa 23 tad-deċiżjoni kkontestata). Rigward il-possibbiltà ta’ konfużjoni bejn iż-żewġ sinjali kunfliġġenti, l-ewwel nett, il-Bord tal-Appell ippreċiża li l-pubbliku rilevanti kien kompost kemm mill-pubbliku ġenerali, ġeneralment informat u raġonevolment attent u avżat, u mill-konsumaturi speċjalizzati li l-livell ta’ attenzjoni tagħhom huwa ogħla (punt 45 u 46 tad-deċiżjoni kkontestata). It-tieni nett, huwa qies li s-servizzi koperti mill-applikazzjoni għal trade mark u t-trade mark preċedenti kienu identiċi jew jixxiebhu (punti 47 u 48 tad-deċiżjoni kkontestata). It-tielet nett, il-Bord tal-Appell qies li s-sinjali kunfliġġenti kienu globalment jixxiebhu, peress li l-elementi distintivi u dominanti tagħhom, “aris” fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u “arisa” fit-trade mark preċedenti, kienu kważi identiċi fuq il-livell viżiv u jixxiebhu ħafna fuq il-livell fonetiku (punti 49 sa 55 u 58 tad-deċiżjoni kkontestata). Għaldaqstant huwa ddeċieda, bħad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, li kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni (punt 58 tad-deċiżjoni kkontestata), billi eskludat l-argument ibbażat fuq il-koeżistenza fl-Unjoni Ewropea taż-żewġ sinjali inkwistjoni (punt 25 sa 28 tad-deċiżjoni kkontestata).

    It-talbiet tal-partijiet

    13. Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    – tannulla u tirriforma d-deċiżjoni kkontestata;

    – tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

    14. L-UASI jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    – tiċħad ir-rikors;

    – tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

    15. L-intervenjenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    – tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli jew, sussidjarjament, bħala infondat;

    – tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

    Id-dritt

    Fuq l-ammissibbiltà

    16. L-intervenjenti ssostni li dan ir-rikors ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, peress li r-rikors ma jagħmel ebda riferiment għal dispożizzjoni legali speċifika li l-Bord tal-Appell kiser.

    17. Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, ma huwiex meħtieġ li parti tinvoka espressament id-dispożizzjonijiet li fuqhom tibbaża l-motivi li hija tqajjem. Huwa biżżejjed li s-suġġett tat-talba ta’ din il-parti kif ukoll il-punti ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom hija bbażata huma stabbiliti fit-talba b’mod suffiċjentement ċar [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Jannar 2013, Gigabyte Technology vs UASI – Haskins (Gigabyte), T‑451/11, punt 28, u l-ġurisprudenza ċċitata], li huwa l-każ f’din il-kawża.

    18. Fil-fatt, mir-rikors jirriżulta b’mod suffiċjentement ċar li r-rikorrenti tinvoka essenzjalment ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 2007/2009, peress li hija ssostni li l-Bord tal-Appell wettaq żball ta’ liġi meta qies li s-sinjali inkwistjoni kienu jixxiebhu u li kienet teżisti, għalhekk, probabbiltà ta’ konfużjoni bejniethom. Barra minn hekk, hija tirreferi espressament għad-dispożizzjoni inkwistjoni fir-replika.

    19. Barra minn hekk, l-argument tar-rikorrenti huwa suffiċjentement ċar u preċiż sabiex jippermetti lill-UASI u lill-interjenventi li jippreparaw id-difiża tagħhom u lill-Qorti Ġenerali sabiex teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Gigabyte, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, l-UASI u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti kollha tar-rikorrenti, peress li l–UASI stess irreferiet espressament fir-risposta għall-motiv ibbażat fuq l-ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

    20. Konsegwentement, l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-intervenjenti għandhom jiġu miċħuda u għandha tiġi eżaminata l-fondatezza tal-uniku motiv imqajjem mir-rikorrenti, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

    Fuq il-mertu

    21. Skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, dwar l-oppożizzjoni tal-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark għandha tiġi rrifjutata meta, għal raġuni ta’ identità jew ta’ xebh tagħha ma’ trade mark preċedenti u għal raġuni ta’ identità jew ta’ xebh tal-prodotti jew tas-servizzi koperti miż-żewġ trade marks, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku fit-territorju li fih it-trade mark preċedenti hija protetta. . Il-probabbiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti.

    22. Skont ġurisprudenza stabbilita, tikkostitwixxi probabbiltà ta’ konfużjoni l-probabbiltà li l-pubbliku jista’ jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni joriġinaw mill-istess impriża jew minn impriżi marbuta ekonomikament. Skont din l-istess ġurisprudenza, il-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tiġi evalwata globalment, skont il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tas-sinjali u tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni, u b’kunsiderazzjoni tal-fatturi rilevanti kollha tal-kawża, b’mod partikolari tal-interdipendenza tax-xebh tas-sinjali u ta’ dak tal-prodotti jew tas-servizzi koperti [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2003, Laboratorios RTB vs UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T‑162/01, Ġabra p. II‑2821, punti 30 sa 33, u l-ġurisprudenza ċċitata].

    Fuq il-pubbliku rilevanti

    23. Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-konsumatur medju tal-kategorija ta’ prodotti kkonċernati, ġeneralment informat u raġonevolment attent u avżat. Għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li l-livell ta’ attenzjoni tal-konsumatur medju jista’ jvarja skont il-kategorija ta’ prodotti jew ta’ servizzi inkwistjoni [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Frar 2007, Mundipharma vs UASI – Atlana Pharma (RESPICUR), T‑256/04, Ġabra p. II‑449, punt 42, u l-ġurisprudenza ċċitata].

    24. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell qies li l-pubbliku rilevanti f’din il-kawża kien kompost kemm mill-konsumaturi medji tas-servizzi ta’ assigurazzjoni, ġeneralment informati u raġonevolment attenti u avżati, u mill-konsumaturi speċjalizzati, bħan-negozjanti tal-arti u l-kopri ġuridiċi u fiskali, li l-livell ta’ attenzjoni tagħhom huwa ogħla (punti 45 u 46 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-kuntest tal-analizi tiegħu tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, huwa ddeċieda li teżisti tali probabbiltà billi bbaża ruħu fuq it-“ tifkira imperfetta” tas-sinjali inkwistjoni li l-pubbliku rilevanti jżomm f’moħħu, inkluż mill-konsumaturi li juru attenzjoni ikbar (punt 58 tad-deċiżjoni kkontestata).

    25. Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell wettaq żball ta’ liġi meta injora, fil-konklużjoni tiegħu dwar il-probabbiltà ta’ konfużjoni, il-livell ta’ attenzjoni ikbar tal-konsumatur speċjalizzat tas-servizzi koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Fil-fehma tagħha, id-differenzi fil-livell ta’ attenzjoni li jeżistu bejn il-pubbliku rilevanti ta’ dawn is-servizzi u l-pubbliku rilevanti tas-servizzi koperti mit-trade mark preċedenti jnaqqsu l-probabbiltà ta’ konfużjoni.

    26. F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi rrilevat, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, li s-servizzi koperti mit-trade mark preċedenti ma humiex intiżi biss għall-konsumatur medju tipiku ta’ forom ġeneriċi ta’ assigurazzjonijiet, bħal dawk għall-karozzi jew għall-vjaġġi. Fil-fatt, kif ġustament jenfasizza l-UASI, peress li l-kundizzjoni ta’ użu ġenwin mit-trade mark preċedenti qatt ma ġiet invokata, din it-trade mark hija protetta għas-servizzi ta’ assiġurazzjoni u ta’ riassigurazzjoni kollha, irrispettivament min-natura tal-oġġett assigurat, u dan irrispettivament mill-użu effett tal-imsemmija trade mark, jekk ikun il-każ, limitata għas-servizzi ta’ assigurazzjoni għall-karozzi u għall-vjaġġi [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Ġunju 2010, Kureha vs UASI – Sanofi-Aventis (KREMEZIN), T‑487/08, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 71]. Għaldaqstant, skont l-oġġett assigurat, is-servizzi koperti mit-trade mark preċedenti jistgħu jkunu intiżi għall-pubbliku ġenerali jew għal konsumaturi iktar speċjalizzati.

    27. Min-naħa l-oħra, għalkemm ċerti servizzi ta’ assigurazzjoni koperti mill-applikazzjoni għal trade mark huma effettivament intiżi għal konsumaturi iktar speċjalizzati fil-qasam tal-arti, il-lista ta’ servizzi inkwistjoni tinkludi wkoll is-servizzi ta’ assigurazzjoni inġenerali, li huma indirizzati għall-pubbliku ġenerali.

    28. Minn dan jirriżulta li s-servizzi koperti miż-żewġ trade marks kunfliġġenti huma indirizzati għall-istess pubbliku rilevanti, kompost kemm mill-pubbliku ġenerali kif ukoll mill-professjonisti tal-arti.

    29. F’din l-ipoteżi, skont ġurisprudenza stabbilita, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, huwa l-pubbliku li għandu l-iktar livell baxx ta’ attenzjoni li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Lulju 2011, Ergo Versicherungsgruppe vs UASI – Société de développement et de recherche industrielle (ERGO), T‑220/09, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 21, u l-ġurisprudenza ċċitata].

    30. Konsegwentement, anki jekk jiġi preżunt li l-Bord tal-Appell ma ħax inkunsiderazzjoni l-konsumaturi li għandhom attenzjoni ikbar, f’dan il-każ huwa ma jistax jiġi kkritikat b’dan il-fatt.

    31. Għaldaqstant il-Bord tal-Appell ma wettqatx żball la fid-definizzjoni tal-pubbliku rilevanti f’dan il-każ, u lanqas fit-teħid inkunsiderazzjoni tiegħu waqt l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni.

    Fuq ix-xebh tas-sinjali

    32. Skont ġurisprudenza stabbilita, l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha, għal dak li jikkonċerna x-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tas-sinjali inkwistjoni, tkun ibbażata fuq l-impressjoni ġenerali prodotta minnhom, filwaqt li b’mod partikolari jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi distintivi u dominanti tagħhom. Il-perċezzjoni tat-trade marks mill-konsumatur medju tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni għandha rwol determinanti fl-evalwazzjoni globali tal-imsemmija probabbiltà. F’dan ir-rigward, il-konsumatur medju normalment jipperċepixxi trade mark bħala unità u ma jagħmilx eżami tad-diversi dettalji tagħha (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Ġunju 2007, UASI vs Shaker, C‑334/05 P, Ġabra p. I‑4529, punt 35, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    33. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell qies li l-elementi dominanti tat-trade marks kunfliġġenti kienu l-elementi verbali “aris” fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u “arisa” fit-trade mark preċedenti. Huwa qies li l-elementi “assurances s.a.” tat-trade mark preċedenti ma kinux dominanti, fid-dawl tal-font iżgħar tagħhom, tal-pożizzjoni tagħhom fil-parti t’isfel tat-trade mark u fl-assenza ta’ karattru distintiv tagħhom għal numru mhux negliġibbli ta’ konsumaturi, u li l-effetti stilistiċi u ta’ kulur taż-żewġ trade marks ma kinux suffiċjentement impressjonanti sabiex inaqqsu l-karattru dominanti ta’ “aris” u ta’ “arisa” (punti 49 u 50 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-kuntest tal-paragun tas-sinjali kunfliġġenti, il-Bord tal-Appell ikkonstata li, fuq il-livell viżiv, l-elementi “aris” u “arisa” kienu kważi identiċi u li ż-żewġ sinjali kienu differenti minn xulxin biss permezz tal-ittra addizzjonali “a” u l-elementi li ma humiex distintivi “assurances s.a.” tat-trade mark preċedenti kif ukoll permezz tal-effetti tagħhom stilistiċi u ta’ kulur (punt 52 tad-deċiżjoni kkontestata). Huwa qies li s-sinjali kunfliġġenti kienu jixxiebhu ħafna fuq il-livell fonetiku, rispettivament, “a-ris” u “a-ri-sa” u l-elementi mhux distintivi “assurances s.a.” ma humiex ippronunzjati (punti 53 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Bord tal-Appel qies li ebda paragun kunċettwali ma seta’ jsir, peress li ebda wieħed mis-sinjali inkwistjoni ma kellu sinjifikat fit-territorju rilevanti (punt 54 tad-deċiżjoni kkontestata). Huwa kkonkluda li s-sinjali kunfliġġenti kienu globalment jixxiebhu (punti 55 u 58 tad-deċiżjoni kkontestata).

    34. L-ewwel nett, ir-rikorrenti tikkontesta d-determinazzjoni tal-elementi dominanti tas-sinjali kunfliġġenti. B’mod partikolari, hija tqis, fir-rigward ta’ trade marks figurattivi, bħal dawk inkwstjoni fil-kawża prinċipali, li l-elementi verbali tagħhom ma jistgħux ikunu iktar dominanti mill-elementi figurattivi tagħhom. Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li l-kelma “aris” ma għandha ebda sinjifikat.

    35. F’dan ir-rigward, għandha titfakkar il-ġurisprudenza stabbilita li tipprovdi li, sabiex jiġi evalwat il-karattru dominanti ta’ wieħed jew ta’ diversi komponenti determinanti ta’ trade mark kumplessa, jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-kwalitajiet intrinsiċi ta’ kull wieħed minn dawn il-komponenti billi jiġu pparagunati ma’ dawk ta’ komponenti oħrajn. Barra minn hekk, dan u alternattivament, tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni l-pożizzjoni relattiva tal-komponenti differenti fl-għamla tat-trade mark kumplessa [sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Ottubru 2002, Matratzen Concord vs UASI – Hukla Germany (MATRATZEN), T‑6/01, Ġabra p. II‑4335, punt 35, u tat-23 ta’ Novembru 2010, Codorniu Napa vs UASI – Bodegas Ontañon (ARTESA NAPA VALLEY), T‑35/08, Ġabra p. II‑5405, punt 35].

    36. Minn dan jirriżulta li d-determinazzjoni tal-karattru determinanti ta’ element fi ħdan trade mark kumplessa tiddependi fuq evalwazzjonn in concreto tal-elementi differenti li minnhom huwa kompost is-sinjal u, għaldaqstant, hija indipendenti min-natura tas-sinjal inkwistjoni, figurattiv jew verbali. Għalhekk, l-elementi figurattivi ta’ trade mark figurattiva ma humiex neċessarjament l-elementi dominanti tal-imsemmiija trade mark.

    37. F’dan il-każ, is-sinjal li għaliha saret l-applikazzjoni huwa kompost mill-element verbali “aris”, miktub b’ittri kapitali b’kulur griż ċar mingħajr ma huma riprodotti ċerti partijiet tal-ittri inkwistjoni.

    38. Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, ir-rappreżentazzjoni grafika tal-element verbali “aris” ma tistax titqies bħala li tiddomina l-impressjoni ġenerali tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Fil-fatt, hija tikkostitwixxi biss tipografija intiża sabiex tenfasizza l-element verbali “aris”. Għaldaqstant, anki jekk, kif issostni r-rikorrenti, din ir-rappreżentazzjoni grafika tagħti lit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni aspett raffinat, li tissuġġerixxi sens ta’ sofistikazzjoni eleganti li tattira l-atturi tal-industrija tal-arti u tikkorrispondi għat-tip ta’ servizzi msemmija fl-applikazzjoni għal trade mark, il-pubbliku rilevanti jkollu tendenza, sabiex jirriferi għat-trade mark inkwistjoni, li jippronunzja l-element “aris” u mhux li jiddeskrivi r-rappreżentazzjoni grafika tagħha. Barra minn hekk, il-fatt li l-element “aris” ma għandu ebda sinjifikat, kif tenfasizza r-rikorrenti, u għaldaqstant ma huwiex a fortiori deskrittiv tas-servizzi koperti, jikkonferilha f’dan il-każ karattru distintiv intrinsiku fir-rigward tal-imsemmija servizzi li jirrinforzaw il-karattru dominanti tagħha fl-evalwazzjoni ġenerali tas-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Settembru 2013, Gitana vs UASI – Teddy (GITANA), T‑569/11, punt 57, u l-ġurisprudenza ċċitata].

    39. Is-sinjal preċedenti huwa min-naħa tiegħu kompost mill-ewwel element verbali, “arisa”, miktub bl-ittri kapitali blu bl-eċċezzjoni tal-parti tal-ewwel “a” li hija miktuba bl-aħmar. Dan l-ewwel element verbali huwa mqiegħed fil-parti ta’ fuq u sseparat b’linja blu tat-tieni element verbali “assurances s.a.”, miktub bl-ittri kapitali li huma iżgħar u li huma wkoll bil-kulur blu.

    40. Jeħtieġ li jitqies li l-element verbali “assurances s.a”, fid-dawl tad-daqs żgħir ħafna tiegħu u tal-pożizzjoni tiegħu fil-parti t’isfel imqabbel mal-element “arisa”, ma huwiex l-element dominanti fi ħdan is-sinjal preċedenti. Din il-kunsiderazzjoni hija kkonfermata permezz tal-karattru deskrittiv ta’ “assurances s.a.” fir-rigward tas-servizzi ta’ assigurazzjoni kkonċernati [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Novembru 2007, Gateway vs UASI – Fujitsu Siemens Computers (ACTIVY Media Gateway), T‑434/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 47, u l-ġurisprudenza ċċitata]. Dan japplika wkoll għall-elementi figurattivi tat-trade mark preċedenti, bħat-tipografija, il-kulur u l-enfasi, li, kif tenfasizza r-rikorrenti stess, jikkorrispondu għal disinn grafiku bażiku u għal kuluri ordinarji. Dawn l-elementi verbali u figurattivi ma jistgħux, għaldaqstant, iqiegħdu inkwistjoni l-karattru dominanti tal-element verbali “arisa”, miktub b’ittri ikbar u mqiegħed fil-parti ta’ fuq tal-element verbali l-ieħor.

    41. Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ma wettaqx żball fid-determinazzjoni tal-elementi dominanti tas-sinjali kunfliġġenti u l-ewwel argument tar-rikorrenti għandu, għalhekk, jiġi miċħud.

    42. It-tieni nett, ir-rikorrenti tikkritika lill-Bord tal-Appell li ma wettaqx evalwazzjoni ġenerali tat-trade mark inkwistjoni u li llimita ruħu, kemm waqt l-evalwazzjoni tax-xebh tas-sinjali kunfliġġenti kif ukoll waqt it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan ix-xebh għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, għal paragun bejn l-elementi verbali dominanti tagħhom, “aris” u “arisa”.

    43. Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta effettivament li l-evalwazzjoni tax-xebh bejn żewġ trade marks ma tistax tiġi limitata għat-teħid inkunsiderazzjoni biss tal-komponent ta’ trade mark kumplessa u għall-paragun tagħha ma’ trade mark oħra. Għall-kuntrarju, il-paragun għandu jsir billi jiġu eżaminati t-trade marks inkwistjoni, kull waħda kkunsidrata kollha kemm hi, proċess li ma jeskludix li l-impressjoni ġenerali maħluqa f’moħħ il-pubbliku rilevanti minn trade mark kumplessa tista’, f’ċerti ċirkustanzi, tkun iddominata minn wieħed jew iktar mill-komponenti tagħha (ara s-sentenza UASI vs Shaker, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 41, u l-ġurisprudenza ċċitata). Huwa biss jekk il‑komponenti l‑oħra kollha tat‑trade mark ikunu negliġibbli li l‑evalwazzjoni tax‑xebh tkun tista’ ssir fuq il‑bażi biss tal‑element dominanti (sentenzi tal‑Qorti tal‑Ġustizzja UASI vs Shaker, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 42, u tal‑20 ta’ Settembru 2007, Nestlé vs UASI, C‑193/06 P, mhux ippubblikata fil‑Ġabra, punt 42). Dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, meta dan il-komponent ikun jista’ jiddomina waħdu l-immaġni ta’ dik it-trade mark f’moħħ il-pubbliku rilevanti, b’tali mod li l-komponenti l-oħra kollha tat-trade mark ikunu rrilevanti fl-impressjoni ġenerali mogħtija minnha (sentenza Nestlé vs UASI, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 43).

    44. F’dan il-każ, il-Bord tal-Appel qies li ċerti elementi li minnhom huma komposti s-sinjali kunfliġġenti kienu dominanti, mingħajr madankollu ma jikkwalifikaw l-elementi l-oħra ta’ negliġibbiltà sal-punt li ma jittiħdux inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-paragun taż-żewġ sinjali. Għaldaqstant huwa kellu l-obbligu, skont il-ġurisprudenza msemmija iktar ‘il fuq, li jagħmel paragun li jieħu inkunsiderazzjoni l-komponenti kollha tas-sinjali kunfliġġenti.

    45. Issa, skont dan l-obbligu, il-Bord tal-Appell, waqt l-evalwazzjoni tax-xebh viżwali tas-sinjali kunfliġġenti, ħa inkunsiderazzjoni kemm l-elementi dominanti li huwa kien identifika, jiġifieri l-elementi verbali “aris” u “arisa”, meqjusa kważi identiċi, u l-element verbali “assurances s.a.”, kif ukoll l-elementi figurattivi, meqjusa bħala differenti (punt 52 tad-deċiżjoni kkontestata).

    46. Bl-istess mod, waqt l-evalwazzjoni tiegħu tax-xebh fonetiku tas-sinjali kunfliġġenti, huwa minnu li l-Bord tal-Appell ipparaguna biss l-elementi “aris” u “arisa”. Madankollu, ma jistax jiġi dedott li huwa ma wettaqx evalwazzjoni ġenerali tal-imsemmija sinjali, peress li huwa ħa inkunsiderazzjoni l-uniku element ieħor li seta’ jiġi ppronunzjat, “assurances s.a”, billi qies li l-pubbliku rilevanti ma jippronunċjahx minħabba l-karattru mhux distintiv tiegħu (punt 53 tad-deċiżjoni kkontestata).

    47. Waqt l-evalwazzjoni tagħha tax-xebh kunċettwali tas-sinjali kunfliġġenti, il-Bord tal-Appell wettaq ukoll evalwazzjoni ġenerali tal-imsemmija sinjali, inkwantu qies li “ebda trade mark”, jiġifieri, fl-assenza ta’ preċiżjoni oħra, ebda waħda mit-trade marks meħuda kollha kemm huma, inklużi l-elementi verbali tagħhom u l-elementi figurattivi tagħhom, ma kellhom sinjifikat fit-territorju rilevanti (punt 54 tad-deċiżjoni kkontestata).

    48. Fl-aħħar nett, waqt l-analiżi tiegħu tal-probabblità ta’ konfużjoni, il-Bord tal-Appell ikkunsidra kull komponent tat-trade marks kunfliġġenti, kemm jekk kienu dominanti jew le, sabiex iwettaq evalwazzjoni ġenerali tax-xebh tas-sinjali, billi ta importanza ikbar lill-elementi dominanti u importanza inqas lil dawk li ma humiex dominanti (punt 58 tad-deċiżjoni kkontestata).

    49. It-tieni argurment tar-rikorrenti għaldaqstant għandu jiġi miċħud.

    50. It-tielet nett, ir-rikorrenti tikkritika l-konklużjoni tal-Bord tal-Appell dwar l-eżistenza ta’ xebh bejn is-sinjali kunfliġġenti, meta livell baxx ta’ xebh viżwali u ta’ xebh fonetiku kien diġà ġie kkonstatat bejn l-imsemmija sinjali.

    51. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-konstatazzjoni ta’ livell baxx ta’ xebh viżiv u ta’ xebh fonetiku saret mid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u mhux mill-Bord tal-Appell. Għaldaqstant, fid-dawl tal-ġurisprudenza stabbilita li tipprovdi li r-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali huwa intiż għall-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell tal-UASI fis-sens tal-Artikolu 65 tar-Regolament Nru 207/2009 u mhux għal dak tal-legalità tad-deċiżjonijiet tad-Diviżjonijiet tal-Oppożizzjoni [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-31 ta’ Mejju 2005, Solo Italia vs UASI – Nuova Sala (PARMITALIA), T‑373/03, Ġabra p. II‑1881, punt 25, u l-ġurisprudenza ċċitata], dan it-tielet argument għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

    52. Minn dak li ntqal preċedentement jirriżulta li r-rikorrenti ma stabbilietx li l-Bord tal-Appell kien qies b’mod żbaljat, fid-deċiżjoni kkontestata, li s-sinjali kunfliġġenti kienu jixxiebhu.

    Fuq il-probabbiltà ta’ konfużjoni

    53. L-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni timplika ċerta interdipendenza tal-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni, u, b’mod partikolari, tax‑xebh tat-trade marks u ta’ dak tal-prodotti jew tas-servizzi koperti. B’hekk, livell baxx ta’ xebh bejn il-prodotti jew is‑servizzi koperti jista’ jiġi kkumpensat minn livell għoli ta’ xebh bejn it-trade marks, u bil-kontra [sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-29 ta’ Settembru 1998, Canon, C‑39/97, Ġabra p. I‑5507, punt 17, u s‑sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Diċembru 2006, Mast‑Jägermeister vs UASI – Licorera Zacapaneca (VENADO b’bordura et ), T‑81/03, T‑82/03 u T‑103/03, Ġabra p. II‑5409, punt 74].

    54. F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell iddeċieda, ġustament, li teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti fid-dawl, minn naħa, tax-xebh jew tal-identità tas-servizzi koperti mit-trade marks kunfliġġenti (punt 48 tad-deċiżjoni kkontestata), evalwazzjoni li ma hijiex ikkontestata mir-rikorrenti, u min-naħa l-oħra, li l-konstatazzjoni ma hijiex ivvizzjata minn żball ta’ xebh bejn iż-żewġ sinjali kunfliġġenti (ara l-punt 52 iktar ‘il fuq).

    55. Din il-konklużjoni ma tistax titqiegħed inkwistjoni mill-argument tar-rikorrenti li jikkritika l-Bord tal-Appell li ma ħax inkunsiderazzjoni l-koeżistenza fuq is-suq, minn naħa, tat-trade mark preċedenti u, min-naħa l-oħra, tat-trade mark verbali Komunitarja ARIS jew tas-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni rreġistrata fl-Istati Uniti. Billi enfasizzat li l-Bord tal-Appell ma evalwax korrettament il-provi ppreżentati f’dan ir-rigward, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali sabiex tapplika l-prinċipju ta’ dritt Amerikan imsejjaħ “Morehouse defense”, li jipprovdi li l-persuna li topponi għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark ma tistax titqies bħala li ġiet ppreġudikata minn din ir-reġistrazzjoni meta trade mark identika jew sostanzjalment analoga għal dik li għaliha saret l-applikazzjoni diġà ġiet irreġistrata għal prodotti u servizzi identiċi jew sostanzjalment jixxiebhu mill-applikant ta’ trade mark.

    56. Qabel kollox għandu jiġi rrilevat, fir-rigward tal-invokazzjoni tal-prinċipju ta’ dritt Amerikan imsemmi iktar ‘il fuq, li, skont ġurisprudenza stabbilita, is-sistema Komunitarja tat-trade marks hija waħda awtonoma, magħmula minn ġabra ta’ regoli u ssegwi għanijiet li huma speċifiċi għaliha, u l-applikazzjoni tagħha hija indipendenti minn kull sistema nazzjonali u l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell għandha tiġi evalwata biss fuq il-bażi tar-Regolament Nru 207/2009, hekk kif interpretat mill-qorti tal-Unjoni [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Mejju 2005, G rupo Sada vs UASI – Saida (GRUPO SADA), T-31/03, Ġabra p. II‑1667, punt 84, u l-ġurisprudenza ċċitata].

    57. Sussegwentement għandu jitfakkar li, huwa minnu li ma huwiex għalkollox eskluż li, f’ċerti każijiet, il-koeżistenza ta’ trade marks preċedenti fis-suq tista’ eventwalment tnaqqas il-probabbiltà ta’ konfużjoni kkonstatata mid-dipartimenti tal-UASI bejn żewġ trade marks kunfliġġenti. Madankollu, tali eventwalità tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni biss jekk, għall-inqas, matul il-proċedimenti li jirrigwardaw ir-raġunijiet relattivi għal rifjut quddiem l-UASI, il-proprjetarju tat-trade mark ikkontestata jkun debitament wera li l-imsemmija koeżistenza kienet ibbażata fuq l-assenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, min-naħa tal-pubbliku rilevanti, bejn it-trade marks preċedenti invokati minnu u t-trade mark preċedenti tal-intervenjenti li fuqha tkun ġiet ibbażata l-oppożizzjoni u bil-kundizzjoni li t‑trade marks preċedenti inkwistjoni u t-trade marks kunfliġġenti jkunu identiċi [sentenzi tal-Qorti Ġenerali GRUPO SADA, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 86, u tal-14 ta’ Novembru 2007, Castell del Remei vs UASI – Bodegas Roda (CASTELL DEL REMEI ODA), T‑101/06, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 76].

    58. F’din il-kawża, minn naħa, il-provi prodotti sabiex jiġi stabbilit l-użu mir-rikorrenti tat-trade mark Komunitarja verbali ARIS ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni, peress li din it-trade mark hija differenti mit-trade marks kunfliġġenti, li t-tnejn huma figurattivi. Min-naħa l-oħra, il-provi prodotti li jipproduċu s-sinjal li għaliha saret l-applikazzjoni bħal dak irreġistrat fl-Istati Uniti, jikkonsistu f’estratti mis-sit tal-internet tal-ex proprjertarju tat-trade mark li għalih saret l-applikazzjoni u f’artikolu tal-21 ta’ Lulju 2010 li jevoka b’mod partikolari s-servizzi ta’ assigurazzjoni ta’ dan l-ex proprjetarju pprovduti taħt din it-trade mark, jikkonċernaw biss is-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni u ma jipprovdu ebda indikazzjoni fuq il-preżenza tal-imsemmi sinjal fis-suq tal-Unjoni, rilevanti f’dan il-każ, kif ukoll a fortiori fuq il-mod kif il-pubbliku rilevanti kien ikkonfrontat bit-trade marks kunfliġġenti fuq dan is-suq.

    59. Konsegwentement, skont dak li l-Bord tal-Appell ikkunsidra fid-deċiżjoni kkontestata (punti 27 u 28), l-elementi ppreżentati mir-rikorrenti ma jippermettux li jiġi stabbilit li trade marks identiċi għat-trade marks kunfliġġenti kienu jikkoeżistu, u lanqas a fortiori li din il-koeżistenza tnaqqas il-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn dawn tal-aħħar fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija iktar’il fuq, mingħajr ma jkun hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq l-ammissibbiltà tal-Anness 11 tar-rikors, li jesponi l-prinċipju tal-“Morehouse defense”, u tal-Anness I.1 (b) tar-risposta tal-intervenjenti, prodott minn din tal-aħħar sabiex tikkontesta l-argument tar-rikorrenti dwar l-eżistenza ta’ tali koeżistenza.

    60. Minn dak li ntqal preċedentement jirriżulta li l-Bord tal-Appell ikkonkluda, ġustament, li teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni u li jiċħad l-appell ippreżentat kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

    61. Għaldaqstant hemm lok li l-uniku motiv tar-rikorrenti jiġi miċħud u, għalhekk, li r-rikors jiġi miċħud fit-totolità tiegħu, mingħajr ma jkun hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq il-fondatezza tal-argument tal-intervenjenti dwar l-inammissibbiltà tal-appell ippreżentat quddiem il-Bord tal-Appell.

    Fuq l-ispejjeż

    62. Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

    63. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li din tiġi kkundannata għall-ispejjeż, skont it-talbiet tal-UASI u tal-intervenjenti.

    Parti operattiva

    Għal dawn il-motivi,

    IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

    taqta’ u tiddeċiedi:

    1) Ir-rikors huwa miċħud.

    2) Argo Group International Holdings Ltd hija kkundannata għall-ispejjeż.

    Top

    SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

    20 ta’ Mejju 2014 ( *1 )

    “Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja figurattiva ARIS — Trade mark Komunitarja figurattiva preċedenti ARISA ASSURANCES S.A. — Raġuni relattiva għal rifjut — Probabbiltà ta’ konfużjoni — Xebh tas-sinjali — Koeżistenza ta’ trade marks preċedenti fis-suq — Prinċipju ta’ dritt Amerikan imsejjaħ ‘Morehouse defense’ — Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009”

    Fil-Kawża T‑247/12,

    Argo Group International Holdings Ltd, stabbilita f’Hamilton, Bermuda (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn R. Hoy, S. Levine u N. Edbrooke, solicitors,

    rikorrenti,

    vs

    L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn L. Rampini, bħala aġent,

    konvenut,

    il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

    Arisa Assurances SA, stabbilita fil-Lussemburgu (il-Lussemburgu), irrappreżentata minn H. Bock, avukat,

    li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI tad-9 ta’ Marzu 2012 (Każ R 193/2011‑2), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Arisa Assurances SA u Argo Group International Holdings Ltd,

    IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

    komposta minn E. Martins Ribeiro, President, S. Gervasoni (Relatur) u L. Madise, Imħallfin,

    Reġistratur: E. Coulon,

    wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ Ġunju 2012,

    wara li rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Settembru 2012,

    wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ Settembru 2012,

    wara li rat ir-replika ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Diċembru 2012,

    wara li rat il-kontroreplika tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ April 2013,

    wara li rat li l-partijiet ma ressqu l-ebda talba għal seduta fi żmien xahar min-notifika tal-għeluq tal-proċedura bil-miktub u wara li għaldaqstant iddeċidiet, fuq rapport tal-Imħallef Relatur u skont l-Artikolu 135a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tiddeċiedi mingħajr il-fażi orali tal-proċeduri,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    1

    Fit-13 ta’ Novembru 2008, Art Risk Insurance and Information Services Corp. ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja fl-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1. p. 146 ), kif emendat [issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)].

    2

    It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal figurattiv segwenti:

    Image

    3

    Is-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassi 36 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu, għad-deskrizzjoni li ġejja: “Servizzi ta’ assigurazzjoni; sottoskrizzjoni tal-assigurazzjoni fuq it-titoli għas-snajja’ tal-ġmiel, l-artefatti kulturali, l-antikitajiet, u proprjetà personali tanġibbli oħra li tista’ tiġi kollezzjonata; servizzi ta’ ġestjoni tar-riskji finanzjarji għall-arti u l-industriji assoċjati mal-arti, inklużi mużewijiet tal-arti, fondazzjonijiet tal-arti, istituzzjonijiet kulturali u li ma jagħmlux profitt, kollezzjonisti privati, artisti, negozjanti tal-arti, u fornituri bankarji fiduċjarji, tal-assigurazzjoni, legali u li ma jagħmlux profitt assoċjati mal-arti; servizzi ta’ ġestjoni tar-riskji finanzjarji relatati mal-forom kollha ta’ assigurazzjoni, inkluża l-assigurazzjoni fuq il-proprjetà u d-disgrazzji aċċidentali għall-arti u l-industriji assoċjati mal-arti”.

    4

    L-applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja ġiet ippubblikata fil-Bullettin tat-trade marks Komunitarji Nru 10/2009, tat-23 ta’ Marzu 2009.

    5

    Art Risk Insurance and Information Services kienet diġà proprjetarja tat-trade mark Komunitarja verbali ARIS irreġistrata fit-12 ta’ Setttembru 2005.

    6

    Fit-18 ta’ Ġunju 2009, l-intervenjenti, Arisa Assurances SA, ippreżentat oppożizzjoni, skont l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009, kontra r-reġistrazzjoni tal-applikazzjoni tat-trade mark għas-servizzi msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq.

    7

    L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq it-trade mark Komunitarja figurattiva preċedenti, ippreżentata fit-8 ta’ Lulju 1996 u rreġistrata fit-18 ta’ Jannar 2000 bin-numru 307470, għall-“assigurazzjonijiet u riassigurazzjonijiet”, li jaqgħu taħt il-klassi 36, riprodotta iktar ’il quddiem:

    Image

    8

    Il-motiv invokat insostenn tal-oppożizzjoni kien dak imsemmi fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

    9

    Fit-23 ta’ Novembru 2010, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni laqgħet l-oppożizzjoni u ċaħdet l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

    10

    Fl-20 ta’ Jannar 2011, Art Risk Insurance and Information Services ippreżentat appell quddiem l-UASI, skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009, kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

    11

    Fit-3 ta’ Marzu 2011, Art Risk Insurance and Information Services applikat għar-reġistrazzjoni tat-trasferiment tal-applikazzjoni tagħha ta’ trade mark lil Argo Group International Holdings Ltd (iktar ’il quddiem “Argo Group” jew ir-“rikorrenti”). Fl-4 ta’ Marzu 2011 it-trasferiment ġie rreġistrat fir-Reġistru tat-Trade marks Komunitarji.

    12

    Permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Marzu 2012, (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), it‑Tieni Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad l-appell. B’mod partikolari, huwa qies li l-appell ippreżentat minn Art Risk Insurance and Information Services kien ammissibbli, anki jekk ma kienx ippreżentat minn Argo Group, proprjetarja tal-applikazzjoni ta’ trade mark, peress li t-trasferiment tal-applikazzjoni ta’ trade mark lil Argo Group ma kinitx ġiet irreġistrata fir-Reġistru tat-Trade marks Komunitarji qabel l-20 ta’ Jannar 2011, id-data tal-preżentazzjoni tal-att tal-appell (punti 17 sa 23 tad-deċiżjoni kkontestata). Rigward il-possibbiltà ta’ konfużjoni bejn iż-żewġ sinjali kunfliġġenti, l-ewwel nett, il-Bord tal-Appell ippreċiża li l-pubbliku rilevanti kien kompost kemm mill-pubbliku ġenerali, ġeneralment informat u raġonevolment attent u avżat, u mill-konsumaturi speċjalizzati li l-livell ta’ attenzjoni tagħhom huwa ogħla (punt 45 u 46 tad-deċiżjoni kkontestata). It-tieni nett, huwa qies li s-servizzi koperti mill-applikazzjoni għal trade mark u t-trade mark preċedenti kienu identiċi jew jixxiebhu (punti 47 u 48 tad-deċiżjoni kkontestata). It-tielet nett, il-Bord tal-Appell qies li s-sinjali kunfliġġenti kienu globalment jixxiebhu, peress li l-elementi distintivi u dominanti tagħhom, “aris” fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u “arisa” fit-trade mark preċedenti, kienu kważi identiċi fuq il-livell viżiv u jixxiebhu ħafna fuq il-livell fonetiku (punti 49 sa 55 u 58 tad-deċiżjoni kkontestata). Għaldaqstant huwa ddeċieda, bħad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, li kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni (punt 58 tad-deċiżjoni kkontestata), billi eskludat l-argument ibbażat fuq il-koeżistenza fl-Unjoni Ewropea taż-żewġ sinjali inkwistjoni (punt 25 sa 28 tad-deċiżjoni kkontestata).

    It-talbiet tal-partijiet

    13

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla u tirriforma d-deċiżjoni kkontestata;

    tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

    14

    L-UASI jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tiċħad ir-rikors;

    tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

    15

    L-intervenjenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli jew, sussidjarjament, bħala infondat;

    tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

    Id-dritt

    Fuq l-ammissibbiltà

    16

    L-intervenjenti ssostni li dan ir-rikors ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, peress li r-rikors ma jagħmel ebda riferiment għal dispożizzjoni legali speċifika li l-Bord tal-Appell kiser.

    17

    Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, ma huwiex meħtieġ li parti tinvoka espressament id-dispożizzjonijiet li fuqhom tibbaża l-motivi li hija tqajjem. Huwa biżżejjed li s-suġġett tat-talba ta’ din il-parti kif ukoll il-punti ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom hija bbażata huma stabbiliti fit-talba b’mod suffiċjentement ċar [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Jannar 2013, Gigabyte Technology vs UASI – Haskins (Gigabyte), T‑451/11, punt 28, u l-ġurisprudenza ċċitata], li huwa l-każ f’din il-kawża.

    18

    Fil-fatt, mir-rikors jirriżulta b’mod suffiċjentement ċar li r-rikorrenti tinvoka essenzjalment ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 2007/2009, peress li hija ssostni li l-Bord tal-Appell wettaq żball ta’ liġi meta qies li s-sinjali inkwistjoni kienu jixxiebhu u li kienet teżisti, għalhekk, probabbiltà ta’ konfużjoni bejniethom. Barra minn hekk, hija tirreferi espressament għad-dispożizzjoni inkwistjoni fir-replika.

    19

    Barra minn hekk, l-argument tar-rikorrenti huwa suffiċjentement ċar u preċiż sabiex jippermetti lill-UASI u lill-interjenventi li jippreparaw id-difiża tagħhom u lill-Qorti Ġenerali sabiex teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Gigabyte, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, l-UASI u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti kollha tar-rikorrenti, peress li l–UASI stess irreferiet espressament fir-risposta għall-motiv ibbażat fuq l-ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

    20

    Konsegwentement, l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-intervenjenti għandhom jiġu miċħuda u għandha tiġi eżaminata l-fondatezza tal-uniku motiv imqajjem mir-rikorrenti, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

    Fuq il-mertu

    21

    Skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, dwar l-oppożizzjoni tal-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark għandha tiġi rrifjutata meta, għal raġuni ta’ identità jew ta’ xebh tagħha ma’ trade mark preċedenti u għal raġuni ta’ identità jew ta’ xebh tal-prodotti jew tas-servizzi koperti miż-żewġ trade marks, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku fit-territorju li fih it-trade mark preċedenti hija protetta. . Il-probabbiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti.

    22

    Skont ġurisprudenza stabbilita, tikkostitwixxi probabbiltà ta’ konfużjoni l-probabbiltà li l-pubbliku jista’ jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni joriġinaw mill-istess impriża jew minn impriżi marbuta ekonomikament. Skont din l-istess ġurisprudenza, il-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tiġi evalwata globalment, skont il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tas-sinjali u tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni, u b’kunsiderazzjoni tal-fatturi rilevanti kollha tal-kawża, b’mod partikolari tal-interdipendenza tax-xebh tas-sinjali u ta’ dak tal-prodotti jew tas-servizzi koperti [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2003, Laboratorios RTB vs UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T-162/01, Ġabra p. II-2821, punti 30 sa 33, u l-ġurisprudenza ċċitata].

    Fuq il-pubbliku rilevanti

    23

    Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-konsumatur medju tal-kategorija ta’ prodotti kkonċernati, ġeneralment informat u raġonevolment attent u avżat. Għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li l-livell ta’ attenzjoni tal-konsumatur medju jista’ jvarja skont il-kategorija ta’ prodotti jew ta’ servizzi inkwistjoni [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Frar 2007, Mundipharma vs UASI – Atlana Pharma (RESPICUR), T-256/04, Ġabra p. II-449, punt 42, u l-ġurisprudenza ċċitata].

    24

    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell qies li l-pubbliku rilevanti f’din il-kawża kien kompost kemm mill-konsumaturi medji tas-servizzi ta’ assigurazzjoni, ġeneralment informati u raġonevolment attenti u avżati, u mill-konsumaturi speċjalizzati, bħan-negozjanti tal-arti u l-kopri ġuridiċi u fiskali, li l-livell ta’ attenzjoni tagħhom huwa ogħla (punti 45 u 46 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-kuntest tal-analizi tiegħu tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, huwa ddeċieda li teżisti tali probabbiltà billi bbaża ruħu fuq it-“tifkira imperfetta” tas-sinjali inkwistjoni li l-pubbliku rilevanti jżomm f’moħħu, inkluż mill-konsumaturi li juru attenzjoni ikbar (punt 58 tad-deċiżjoni kkontestata).

    25

    Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell wettaq żball ta’ liġi meta injora, fil-konklużjoni tiegħu dwar il-probabbiltà ta’ konfużjoni, il-livell ta’ attenzjoni ikbar tal-konsumatur speċjalizzat tas-servizzi koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Fil-fehma tagħha, id-differenzi fil-livell ta’ attenzjoni li jeżistu bejn il-pubbliku rilevanti ta’ dawn is-servizzi u l-pubbliku rilevanti tas-servizzi koperti mit-trade mark preċedenti jnaqqsu l-probabbiltà ta’ konfużjoni.

    26

    F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi rrilevat, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, li s-servizzi koperti mit-trade mark preċedenti ma humiex intiżi biss għall-konsumatur medju tipiku ta’ forom ġeneriċi ta’ assigurazzjonijiet, bħal dawk għall-karozzi jew għall-vjaġġi. Fil-fatt, kif ġustament jenfasizza l-UASI, peress li l-kundizzjoni ta’ użu ġenwin mit-trade mark preċedenti qatt ma ġiet invokata, din it-trade mark hija protetta għas-servizzi ta’ assiġurazzjoni u ta’ riassigurazzjoni kollha, irrispettivament min-natura tal-oġġett assigurat, u dan irrispettivament mill-użu effett tal-imsemmija trade mark, jekk ikun il-każ, limitata għas-servizzi ta’ assigurazzjoni għall-karozzi u għall-vjaġġi [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Ġunju 2010, Kureha vs UASI – Sanofi-Aventis (KREMEZIN), T‑487/08, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 71]. Għaldaqstant, skont l-oġġett assigurat, is-servizzi koperti mit-trade mark preċedenti jistgħu jkunu intiżi għall-pubbliku ġenerali jew għal konsumaturi iktar speċjalizzati.

    27

    Min-naħa l-oħra, għalkemm ċerti servizzi ta’ assigurazzjoni koperti mill-applikazzjoni għal trade mark huma effettivament intiżi għal konsumaturi iktar speċjalizzati fil-qasam tal-arti, il-lista ta’ servizzi inkwistjoni tinkludi wkoll is-servizzi ta’ assigurazzjoni inġenerali, li huma indirizzati għall-pubbliku ġenerali.

    28

    Minn dan jirriżulta li s-servizzi koperti miż-żewġ trade marks kunfliġġenti huma indirizzati għall-istess pubbliku rilevanti, kompost kemm mill-pubbliku ġenerali kif ukoll mill-professjonisti tal-arti.

    29

    F’din l-ipoteżi, skont ġurisprudenza stabbilita, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, huwa l-pubbliku li għandu l-iktar livell baxx ta’ attenzjoni li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Lulju 2011, Ergo Versicherungsgruppe vs UASI – Société de développement et de recherche industrielle (ERGO), T‑220/09, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 21, u l-ġurisprudenza ċċitata].

    30

    Konsegwentement, anki jekk jiġi preżunt li l-Bord tal-Appell ma ħax inkunsiderazzjoni l-konsumaturi li għandhom attenzjoni ikbar, f’dan il-każ huwa ma jistax jiġi kkritikat b’dan il-fatt.

    31

    Għaldaqstant il-Bord tal-Appell ma wettqatx żball la fid-definizzjoni tal-pubbliku rilevanti f’dan il-każ, u lanqas fit-teħid inkunsiderazzjoni tiegħu waqt l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni.

    Fuq ix-xebh tas-sinjali

    32

    Skont ġurisprudenza stabbilita, l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha, għal dak li jikkonċerna x-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tas-sinjali inkwistjoni, tkun ibbażata fuq l-impressjoni ġenerali prodotta minnhom, filwaqt li b’mod partikolari jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi distintivi u dominanti tagħhom. Il-perċezzjoni tat-trade marks mill-konsumatur medju tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni għandha rwol determinanti fl-evalwazzjoni globali tal-imsemmija probabbiltà. F’dan ir-rigward, il-konsumatur medju normalment jipperċepixxi trade mark bħala unità u ma jagħmilx eżami tad-diversi dettalji tagħha (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Ġunju 2007, UASI vs Shaker, C-334/05 P, Ġabra p. I-4529, punt 35, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    33

    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell qies li l-elementi dominanti tat-trade marks kunfliġġenti kienu l-elementi verbali “aris” fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u “arisa” fit-trade mark preċedenti. Huwa qies li l-elementi “assurances s.a.” tat-trade mark preċedenti ma kinux dominanti, fid-dawl tal-font iżgħar tagħhom, tal-pożizzjoni tagħhom fil-parti t’isfel tat-trade mark u fl-assenza ta’ karattru distintiv tagħhom għal numru mhux negliġibbli ta’ konsumaturi, u li l-effetti stilistiċi u ta’ kulur taż-żewġ trade marks ma kinux suffiċjentement impressjonanti sabiex inaqqsu l-karattru dominanti ta’ “aris” u ta’ “arisa” (punti 49 u 50 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-kuntest tal-paragun tas-sinjali kunfliġġenti, il-Bord tal-Appell ikkonstata li, fuq il-livell viżiv, l-elementi “aris” u “arisa” kienu kważi identiċi u li ż-żewġ sinjali kienu differenti minn xulxin biss permezz tal-ittra addizzjonali “a” u l-elementi li ma humiex distintivi “assurances s.a.” tat-trade mark preċedenti kif ukoll permezz tal-effetti tagħhom stilistiċi u ta’ kulur (punt 52 tad-deċiżjoni kkontestata). Huwa qies li s-sinjali kunfliġġenti kienu jixxiebhu ħafna fuq il-livell fonetiku, rispettivament, “a-ris” u “a-ri-sa” u l-elementi mhux distintivi “assurances s.a.” ma humiex ippronunzjati (punti 53 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Bord tal-Appel qies li ebda paragun kunċettwali ma seta’ jsir, peress li ebda wieħed mis-sinjali inkwistjoni ma kellu sinjifikat fit-territorju rilevanti (punt 54 tad-deċiżjoni kkontestata). Huwa kkonkluda li s-sinjali kunfliġġenti kienu globalment jixxiebhu (punti 55 u 58 tad-deċiżjoni kkontestata).

    34

    L-ewwel nett, ir-rikorrenti tikkontesta d-determinazzjoni tal-elementi dominanti tas-sinjali kunfliġġenti. B’mod partikolari, hija tqis, fir-rigward ta’ trade marks figurattivi, bħal dawk inkwstjoni fil-kawża prinċipali, li l-elementi verbali tagħhom ma jistgħux ikunu iktar dominanti mill-elementi figurattivi tagħhom. Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li l-kelma “aris” ma għandha ebda sinjifikat.

    35

    F’dan ir-rigward, għandha titfakkar il-ġurisprudenza stabbilita li tipprovdi li, sabiex jiġi evalwat il-karattru dominanti ta’ wieħed jew ta’ diversi komponenti determinanti ta’ trade mark kumplessa, jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-kwalitajiet intrinsiċi ta’ kull wieħed minn dawn il-komponenti billi jiġu pparagunati ma’ dawk ta’ komponenti oħrajn. Barra minn hekk, dan u alternattivament, tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni l-pożizzjoni relattiva tal-komponenti differenti fl-għamla tat-trade mark kumplessa [sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Ottubru 2002, Matratzen Concord vs UASI – Hukla Germany (MATRATZEN), T-6/01, Ġabra p. II-4335, punt 35, u tat-23 ta’ Novembru 2010, Codorniu Napa vs UASI – Bodegas Ontañon (ARTESA NAPA VALLEY), T-35/08, Ġabra p. II-5405, punt 35].

    36

    Minn dan jirriżulta li d-determinazzjoni tal-karattru determinanti ta’ element fi ħdan trade mark kumplessa tiddependi fuq evalwazzjonn in concreto tal-elementi differenti li minnhom huwa kompost is-sinjal u, għaldaqstant, hija indipendenti min-natura tas-sinjal inkwistjoni, figurattiv jew verbali. Għalhekk, l-elementi figurattivi ta’ trade mark figurattiva ma humiex neċessarjament l-elementi dominanti tal-imsemmiija trade mark.

    37

    F’dan il-każ, is-sinjal li għaliha saret l-applikazzjoni huwa kompost mill-element verbali “aris”, miktub b’ittri kapitali b’kulur griż ċar mingħajr ma huma riprodotti ċerti partijiet tal-ittri inkwistjoni.

    38

    Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, ir-rappreżentazzjoni grafika tal-element verbali “aris” ma tistax titqies bħala li tiddomina l-impressjoni ġenerali tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Fil-fatt, hija tikkostitwixxi biss tipografija intiża sabiex tenfasizza l-element verbali “aris”. Għaldaqstant, anki jekk, kif issostni r-rikorrenti, din ir-rappreżentazzjoni grafika tagħti lit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni aspett raffinat, li tissuġġerixxi sens ta’ sofistikazzjoni eleganti li tattira l-atturi tal-industrija tal-arti u tikkorrispondi għat-tip ta’ servizzi msemmija fl-applikazzjoni għal trade mark, il-pubbliku rilevanti jkollu tendenza, sabiex jirriferi għat-trade mark inkwistjoni, li jippronunzja l-element “aris” u mhux li jiddeskrivi r-rappreżentazzjoni grafika tagħha. Barra minn hekk, il-fatt li l-element “aris” ma għandu ebda sinjifikat, kif tenfasizza r-rikorrenti, u għaldaqstant ma huwiex a fortiori deskrittiv tas-servizzi koperti, jikkonferilha f’dan il-każ karattru distintiv intrinsiku fir-rigward tal-imsemmija servizzi li jirrinforzaw il-karattru dominanti tagħha fl-evalwazzjoni ġenerali tas-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Settembru 2013, Gitana vs UASI – Teddy (GITANA), T‑569/11, punt 57, u l-ġurisprudenza ċċitata].

    39

    Is-sinjal preċedenti huwa min-naħa tiegħu kompost mill-ewwel element verbali, “arisa”, miktub bl-ittri kapitali blu bl-eċċezzjoni tal-parti tal-ewwel “a” li hija miktuba bl-aħmar. Dan l-ewwel element verbali huwa mqiegħed fil-parti ta’ fuq u sseparat b’linja blu tat-tieni element verbali “assurances s.a.”, miktub bl-ittri kapitali li huma iżgħar u li huma wkoll bil-kulur blu.

    40

    Jeħtieġ li jitqies li l-element verbali “assurances s.a”, fid-dawl tad-daqs żgħir ħafna tiegħu u tal-pożizzjoni tiegħu fil-parti t’isfel imqabbel mal-element “arisa”, ma huwiex l-element dominanti fi ħdan is-sinjal preċedenti. Din il-kunsiderazzjoni hija kkonfermata permezz tal-karattru deskrittiv ta’ “assurances s.a.” fir-rigward tas-servizzi ta’ assigurazzjoni kkonċernati [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Novembru 2007, Gateway vs UASI – Fujitsu Siemens Computers (ACTIVY Media Gateway), T‑434/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 47, u l-ġurisprudenza ċċitata]. Dan japplika wkoll għall-elementi figurattivi tat-trade mark preċedenti, bħat-tipografija, il-kulur u l-enfasi, li, kif tenfasizza r-rikorrenti stess, jikkorrispondu għal disinn grafiku bażiku u għal kuluri ordinarji. Dawn l-elementi verbali u figurattivi ma jistgħux, għaldaqstant, iqiegħdu inkwistjoni l-karattru dominanti tal-element verbali “arisa”, miktub b’ittri ikbar u mqiegħed fil-parti ta’ fuq tal-element verbali l-ieħor.

    41

    Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ma wettaqx żball fid-determinazzjoni tal-elementi dominanti tas-sinjali kunfliġġenti u l-ewwel argument tar-rikorrenti għandu, għalhekk, jiġi miċħud.

    42

    It-tieni nett, ir-rikorrenti tikkritika lill-Bord tal-Appell li ma wettaqx evalwazzjoni ġenerali tat-trade mark inkwistjoni u li llimita ruħu, kemm waqt l-evalwazzjoni tax-xebh tas-sinjali kunfliġġenti kif ukoll waqt it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan ix-xebh għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, għal paragun bejn l-elementi verbali dominanti tagħhom, “aris” u “arisa”.

    43

    Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta effettivament li l-evalwazzjoni tax-xebh bejn żewġ trade marks ma tistax tiġi limitata għat-teħid inkunsiderazzjoni biss tal-komponent ta’ trade mark kumplessa u għall-paragun tagħha ma’ trade mark oħra. Għall-kuntrarju, il-paragun għandu jsir billi jiġu eżaminati t-trade marks inkwistjoni, kull waħda kkunsidrata kollha kemm hi, proċess li ma jeskludix li l-impressjoni ġenerali maħluqa f’moħħ il-pubbliku rilevanti minn trade mark kumplessa tista’, f’ċerti ċirkustanzi, tkun iddominata minn wieħed jew iktar mill-komponenti tagħha (ara s-sentenza UASI vs Shaker, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41, u l-ġurisprudenza ċċitata). Huwa biss jekk il‑komponenti l‑oħra kollha tat‑trade mark ikunu negliġibbli li l‑evalwazzjoni tax‑xebh tkun tista’ ssir fuq il‑bażi biss tal‑element dominanti (sentenzi tal‑Qorti tal‑Ġustizzja UASI vs Shaker, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42, u tal‑20 ta’ Settembru 2007, Nestlé vs UASI, C‑193/06 P, mhux ippubblikata fil‑Ġabra, punt 42). Dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, meta dan il-komponent ikun jista’ jiddomina waħdu l-immaġni ta’ dik it-trade mark f’moħħ il-pubbliku rilevanti, b’tali mod li l-komponenti l-oħra kollha tat-trade mark ikunu rrilevanti fl-impressjoni ġenerali mogħtija minnha (sentenza Nestlé vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).

    44

    F’dan il-każ, il-Bord tal-Appel qies li ċerti elementi li minnhom huma komposti s-sinjali kunfliġġenti kienu dominanti, mingħajr madankollu ma jikkwalifikaw l-elementi l-oħra ta’ negliġibbiltà sal-punt li ma jittiħdux inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-paragun taż-żewġ sinjali. Għaldaqstant huwa kellu l-obbligu, skont il-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq, li jagħmel paragun li jieħu inkunsiderazzjoni l-komponenti kollha tas-sinjali kunfliġġenti.

    45

    Issa, skont dan l-obbligu, il-Bord tal-Appell, waqt l-evalwazzjoni tax-xebh viżwali tas-sinjali kunfliġġenti, ħa inkunsiderazzjoni kemm l-elementi dominanti li huwa kien identifika, jiġifieri l-elementi verbali “aris” u “arisa”, meqjusa kważi identiċi, u l-element verbali “assurances s.a.”, kif ukoll l-elementi figurattivi, meqjusa bħala differenti (punt 52 tad-deċiżjoni kkontestata).

    46

    Bl-istess mod, waqt l-evalwazzjoni tiegħu tax-xebh fonetiku tas-sinjali kunfliġġenti, huwa minnu li l-Bord tal-Appell ipparaguna biss l-elementi “aris” u “arisa”. Madankollu, ma jistax jiġi dedott li huwa ma wettaqx evalwazzjoni ġenerali tal-imsemmija sinjali, peress li huwa ħa inkunsiderazzjoni l-uniku element ieħor li seta’ jiġi ppronunzjat, “assurances s.a”, billi qies li l-pubbliku rilevanti ma jippronunċjahx minħabba l-karattru mhux distintiv tiegħu (punt 53 tad-deċiżjoni kkontestata).

    47

    Waqt l-evalwazzjoni tagħha tax-xebh kunċettwali tas-sinjali kunfliġġenti, il-Bord tal-Appell wettaq ukoll evalwazzjoni ġenerali tal-imsemmija sinjali, inkwantu qies li “ebda trade mark”, jiġifieri, fl-assenza ta’ preċiżjoni oħra, ebda waħda mit-trade marks meħuda kollha kemm huma, inklużi l-elementi verbali tagħhom u l-elementi figurattivi tagħhom, ma kellhom sinjifikat fit-territorju rilevanti (punt 54 tad-deċiżjoni kkontestata).

    48

    Fl-aħħar nett, waqt l-analiżi tiegħu tal-probabblità ta’ konfużjoni, il-Bord tal-Appell ikkunsidra kull komponent tat-trade marks kunfliġġenti, kemm jekk kienu dominanti jew le, sabiex iwettaq evalwazzjoni ġenerali tax-xebh tas-sinjali, billi ta importanza ikbar lill-elementi dominanti u importanza inqas lil dawk li ma humiex dominanti (punt 58 tad-deċiżjoni kkontestata).

    49

    It-tieni argurment tar-rikorrenti għaldaqstant għandu jiġi miċħud.

    50

    It-tielet nett, ir-rikorrenti tikkritika l-konklużjoni tal-Bord tal-Appell dwar l-eżistenza ta’ xebh bejn is-sinjali kunfliġġenti, meta livell baxx ta’ xebh viżwali u ta’ xebh fonetiku kien diġà ġie kkonstatat bejn l-imsemmija sinjali.

    51

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-konstatazzjoni ta’ livell baxx ta’ xebh viżiv u ta’ xebh fonetiku saret mid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u mhux mill-Bord tal-Appell. Għaldaqstant, fid-dawl tal-ġurisprudenza stabbilita li tipprovdi li r-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali huwa intiż għall-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell tal-UASI fis-sens tal-Artikolu 65 tar-Regolament Nru 207/2009 u mhux għal dak tal-legalità tad-deċiżjonijiet tad-Diviżjonijiet tal-Oppożizzjoni [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-31 ta’ Mejju 2005, Solo Italia vs UASI – Nuova Sala (PARMITALIA), T-373/03, Ġabra p. II-1881, punt 25, u l-ġurisprudenza ċċitata], dan it-tielet argument għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

    52

    Minn dak li ntqal preċedentement jirriżulta li r-rikorrenti ma stabbilietx li l-Bord tal-Appell kien qies b’mod żbaljat, fid-deċiżjoni kkontestata, li s-sinjali kunfliġġenti kienu jixxiebhu.

    Fuq il-probabbiltà ta’ konfużjoni

    53

    L-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni timplika ċerta interdipendenza tal-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni, u, b’mod partikolari, tax‑xebh tat-trade marks u ta’ dak tal-prodotti jew tas-servizzi koperti. B’hekk, livell baxx ta’ xebh bejn il-prodotti jew is‑servizzi koperti jista’ jiġi kkumpensat minn livell għoli ta’ xebh bejn it-trade marks, u bil-kontra [sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-29 ta’ Settembru 1998, Canon, C-39/97, Ġabra p. I-5507, punt 17, u s‑sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Diċembru 2006, Mast‑Jägermeister vs UASI – Licorera Zacapaneca (VENADO b’bordura et), T-81/03, T-82/03 u T-103/03, Ġabra p. II-5409, punt 74].

    54

    F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell iddeċieda, ġustament, li teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti fid-dawl, minn naħa, tax-xebh jew tal-identità tas-servizzi koperti mit-trade marks kunfliġġenti (punt 48 tad-deċiżjoni kkontestata), evalwazzjoni li ma hijiex ikkontestata mir-rikorrenti, u min-naħa l-oħra, li l-konstatazzjoni ma hijiex ivvizzjata minn żball ta’ xebh bejn iż-żewġ sinjali kunfliġġenti (ara l-punt 52 iktar ’il fuq).

    55

    Din il-konklużjoni ma tistax titqiegħed inkwistjoni mill-argument tar-rikorrenti li jikkritika l-Bord tal-Appell li ma ħax inkunsiderazzjoni l-koeżistenza fuq is-suq, minn naħa, tat-trade mark preċedenti u, min-naħa l-oħra, tat-trade mark verbali Komunitarja ARIS jew tas-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni rreġistrata fl-Istati Uniti. Billi enfasizzat li l-Bord tal-Appell ma evalwax korrettament il-provi ppreżentati f’dan ir-rigward, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali sabiex tapplika l-prinċipju ta’ dritt Amerikan imsejjaħ “Morehouse defense”, li jipprovdi li l-persuna li topponi għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark ma tistax titqies bħala li ġiet ppreġudikata minn din ir-reġistrazzjoni meta trade mark identika jew sostanzjalment analoga għal dik li għaliha saret l-applikazzjoni diġà ġiet irreġistrata għal prodotti u servizzi identiċi jew sostanzjalment jixxiebhu mill-applikant ta’ trade mark.

    56

    Qabel kollox għandu jiġi rrilevat, fir-rigward tal-invokazzjoni tal-prinċipju ta’ dritt Amerikan imsemmi iktar ’il fuq, li, skont ġurisprudenza stabbilita, is-sistema Komunitarja tat-trade marks hija waħda awtonoma, magħmula minn ġabra ta’ regoli u ssegwi għanijiet li huma speċifiċi għaliha, u l-applikazzjoni tagħha hija indipendenti minn kull sistema nazzjonali u l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell għandha tiġi evalwata biss fuq il-bażi tar-Regolament Nru 207/2009, hekk kif interpretat mill-qorti tal-Unjoni [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Mejju 2005, Grupo Sada vs UASI – Saida (GRUPO SADA), T-31/03, Ġabra p. II-1667, punt 84, u l-ġurisprudenza ċċitata].

    57

    Sussegwentement għandu jitfakkar li, huwa minnu li ma huwiex għalkollox eskluż li, f’ċerti każijiet, il-koeżistenza ta’ trade marks preċedenti fis-suq tista’ eventwalment tnaqqas il-probabbiltà ta’ konfużjoni kkonstatata mid-dipartimenti tal-UASI bejn żewġ trade marks kunfliġġenti. Madankollu, tali eventwalità tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni biss jekk, għall-inqas, matul il-proċedimenti li jirrigwardaw ir-raġunijiet relattivi għal rifjut quddiem l-UASI, il-proprjetarju tat-trade mark ikkontestata jkun debitament wera li l-imsemmija koeżistenza kienet ibbażata fuq l-assenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, min-naħa tal-pubbliku rilevanti, bejn it-trade marks preċedenti invokati minnu u t-trade mark preċedenti tal-intervenjenti li fuqha tkun ġiet ibbażata l-oppożizzjoni u bil-kundizzjoni li t‑trade marks preċedenti inkwistjoni u t-trade marks kunfliġġenti jkunu identiċi [sentenzi tal-Qorti Ġenerali GRUPO SADA, iċċitata iktar ’il fuq, punt 86, u tal-14 ta’ Novembru 2007, Castell del Remei vs UASI – Bodegas Roda (CASTELL DEL REMEI ODA), T‑101/06, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 76].

    58

    F’din il-kawża, minn naħa, il-provi prodotti sabiex jiġi stabbilit l-użu mir-rikorrenti tat-trade mark Komunitarja verbali ARIS ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni, peress li din it-trade mark hija differenti mit-trade marks kunfliġġenti, li t-tnejn huma figurattivi. Min-naħa l-oħra, il-provi prodotti li jipproduċu s-sinjal li għaliha saret l-applikazzjoni bħal dak irreġistrat fl-Istati Uniti, jikkonsistu f’estratti mis-sit tal-internet tal-ex proprjertarju tat-trade mark li għalih saret l-applikazzjoni u f’artikolu tal-21 ta’ Lulju 2010 li jevoka b’mod partikolari s-servizzi ta’ assigurazzjoni ta’ dan l-ex proprjetarju pprovduti taħt din it-trade mark, jikkonċernaw biss is-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni u ma jipprovdu ebda indikazzjoni fuq il-preżenza tal-imsemmi sinjal fis-suq tal-Unjoni, rilevanti f’dan il-każ, kif ukoll a fortiori fuq il-mod kif il-pubbliku rilevanti kien ikkonfrontat bit-trade marks kunfliġġenti fuq dan is-suq.

    59

    Konsegwentement, skont dak li l-Bord tal-Appell ikkunsidra fid-deċiżjoni kkontestata (punti 27 u 28), l-elementi ppreżentati mir-rikorrenti ma jippermettux li jiġi stabbilit li trade marks identiċi għat-trade marks kunfliġġenti kienu jikkoeżistu, u lanqas a fortiori li din il-koeżistenza tnaqqas il-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn dawn tal-aħħar fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija iktar’il fuq, mingħajr ma jkun hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq l-ammissibbiltà tal-Anness 11 tar-rikors, li jesponi l-prinċipju tal-“Morehouse defense”, u tal-Anness I.1 (b) tar-risposta tal-intervenjenti, prodott minn din tal-aħħar sabiex tikkontesta l-argument tar-rikorrenti dwar l-eżistenza ta’ tali koeżistenza.

    60

    Minn dak li ntqal preċedentement jirriżulta li l-Bord tal-Appell ikkonkluda, ġustament, li teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni u li jiċħad l-appell ippreżentat kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

    61

    Għaldaqstant hemm lok li l-uniku motiv tar-rikorrenti jiġi miċħud u, għalhekk, li r-rikors jiġi miċħud fit-totolità tiegħu, mingħajr ma jkun hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq il-fondatezza tal-argument tal-intervenjenti dwar l-inammissibbiltà tal-appell ippreżentat quddiem il-Bord tal-Appell.

    Fuq l-ispejjeż

    62

    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

    63

    Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li din tiġi kkundannata għall-ispejjeż, skont it-talbiet tal-UASI u tal-intervenjenti.

     

    Għal dawn il-motivi,

    IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

    taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Ir-rikors huwa miċħud.

     

    2)

    Argo Group International Holdings Ltd hija kkundannata għall-ispejjeż.

     

    Martins Ribeiro

    Gervasoni

    Madise

    Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-20 ta’ Mejju 2014.

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    Top