Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CN0522

    Kawża C-522/12: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesarbeitsgericht (il-Ġermanja) fid- 19 ta’ Novembru 2012 — Tevfik Isbir vs DB Services GmbH

    ĠU C 32, 2.2.2013, p. 5–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    2.2.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 32/5


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesarbeitsgericht (il-Ġermanja) fid-19 ta’ Novembru 2012 — Tevfik Isbir vs DB Services GmbH

    (Kawża C-522/12)

    2013/C 32/06

    Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

    Qorti tar-rinviju

    Bundesarbeitsgericht

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrent: Tevfik Isbir

    Konvenuta: DB Services GmbH

    Domandi preliminari

    (1)

    Il-kunċett ta’ “rati minimi ta’ ħlas” previst fl-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 96/71/KE (1) għandu jiġi interpretat fis-sens li jirreferi għall-korrispettiv mogħti mill-persuna li timpjega għax-xogħol li jsir mill-ħaddiem li, skont liġijiet, regolamenti jew ftehim kollettivi ddikjarati universalment applikabbli, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(1) tal-istess direttiva, għandu jitħallas biss u b’mod sħiħ permezz tas-salarju minimu kollettiv (“prestazzjoni normali”), u li, minħabba dan, huma biss il-ħlasijiet tal-persuni li jimpjegaw li jservu ta’ remunerazzjoni għal tali prestazzjoni normali li jaqgħu taħt l-obbligu ta’ ħlas tar-rata minima ta’ ħlas, u li għandhom ikunu għad-dispożizzjoni tal-ħaddiem sa mhux iktar tard mid-data ta’ skadenza tal-perijodu ta’ remunerazzjoni kkonċernat?

    (2)

    Il-kunċett ta’ “rati minimi ta’ ħlas” previst fl-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 96/71/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjonijiet jew prattiki nazzjonali li jipprovdu li l-ħlasijiet ta’ persuna li timpjega ma għandhomx jiġu kkunsidrati li jifformaw parti integrali mis-salarju minimu u ma jistgħux għalhekk jitqiesu sabiex id-dritt għas-salarju minimu jitqies sodisfatt, meta l-persuna li timpjega tagħmel dawn il-ħlasijiet fuq il-bażi ta’ obbligu li jirriżulta minn ftehim kollettiv,

    u l-ħlasijiet, skont l-intenzjonijiet tal-partijiet fuq il-ftehim kollettiv u tal-leġiżlatura, ikollhom għanijiet ta’ ġenerazzjoni ta’ kapital għall-benefiċċju tal-ħaddiema,

    u għal dan il-għan

    il-ħlasijiet mensili mill-persuna li timpjega għall-benefiċċju tal-ħaddiem ikollhom għanijiet intiżi għal żmien twil, bħalma huma l-kontribuzzjoni għat-tfaddil, il-kontribuzzjoni għall-kostruzzjoni jew l-akkwist ta’ immobbli ta’ abitazzjoni jew il-kontribuzzjoni għal assigurazzjoni tal-ħajja kapitali, u

    jkunu ssussidjati permezz ta’ allowances mill-Istat u eżenzjonijiet fiskali, u

    l-ħaddiem ikun jista’ jaċċedi għal dawn il-kontribuzzjonijiet biss fi tmiem perijodu ta’ diversi snin, u

    sa fejn huwa ammont mensili fiss, l-ammont tal-kontribuzzjonijiet ikun jiddependi biss mill-ħin tax-xogħol miftiehem u mhux mir-remunerazzjoni tax-xogħol (“ħlasijiet li jikkontribwixxu għall-ġenerazzjoni ta’ kapital”)?


    (1)  Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 1996, dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malta, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 431).


    Top