Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CN0434

    Kawża C-434/12: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad (il-Bulgarija) fis- 26 ta’ Settembru 2012 — “Slancheva sila” EOOD vs Izpalnitelniat direktor na Darzhaven fond “Zemedelie” — Razplashtatelna agentsia

    ĠU C 366, 24.11.2012, p. 26–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    24.11.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 366/26


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad (il-Bulgarija) fis-26 ta’ Settembru 2012 — “Slancheva sila” EOOD vs Izpalnitelniat direktor na Darzhaven fond “Zemedelie” — Razplashtatelna agentsia

    (Kawża C-434/12)

    2012/C 366/47

    Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

    Qorti tar-rinviju

    Administrativen sad Sofia-grad

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrenti:“Slancheva sila” EOOD

    Konvenuta: Izpalnitelniat direktor na Darzhaven fond “Zemedelie” — Razplashtatelna agentsia

    Domandi preliminari

    (1)

    Kif għandu jiġi interpretat il-kunċett ta’ “ħolqien artifiċjali ta’ kundizzjonijiet” fis-sens tal-Artikolu 4(8) tar-Regolament Nru 65/2011 (1)?

    (2)

    L-Artikolu 4(8) tar-Regolament Nru 65/2011 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 29, tal-11 ta’ Awwissu 2008, tal-leġiżlazzjoni Bulgara, li jipprovdi li ebda għajnuna finanzjarja ma tingħata lill-kandidati/utenti meta huwa stabbilit li huma ħolqu artifiċjalment il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jibbenefikaw mill-għajnuna u għalhekk jiksbu vantaġġ li jmur kontra l-għanijiet tal-iskema ta’ appoġġ?

    (3)

    L-Artikolu 4(8) tar-Regolament Nru 65/2011 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-ġurisprudenza Bulgara, li tgħid li hemm ħolqien artifiċjali ta’ kundizzjonijiet sabiex jinkiseb vantaġġ li jmur kontra l-għanijiet tal-iskema ta’ appoġġ meta jkun hemm rabta ġuridika bejn il-kandidati għall-għajnuna?

    (4)

    L-użu minn kandidati differenti, li huma entitajiet legali separati, ta’ art indipendenti fil-qrib li, qabel il-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet għal għajnuna, kienet tikkostitwixxi proprjetà waħda u d-determinazzjoni ta’ rabta effettiva, bħal li l-kandidati għandhom l-istess mandatarji, offerenti, impriżi, sedi u indirizzi postali, jikkostitwixxu “ħolqien artifiċjali ta’ kundizzjonijiet”?

    (5)

    Huwa neċessarju li tiġi kkonstatata koordinazzjoni intenzjonali bejn il-persuni ġuridiċi kandidati u/jew ma’ terzi bil-għan li jinkiseb vantaġġ favur kandidat speċifiku?

    (6)

    X’jikkostitwixxi l-vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 4(8) tar-Regolament Nru 65/2011, b’mod partikolari, dan għandu jiġi intiż li jkopri l-ħolqien ta’ diversi proġetti ta’ investiment iżgħar, bil-għan li kandidat partikolari jikseb l-ammont massimu ta’ finanzjament ta’ EUR 200 000 għal kull proġett, anki jekk dawn ġew ippreżentati minn kandidati differenti?

    (7)

    L-Artikolu 4(8) tar-Regolament Nru 65/2011 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-ġurisprudenza Bulgara, li tgħid li l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni huma kkostitwiti minn tliet elementi kumulattivi: 1. l-assenza ta’ awtonomija funzjonali u/jew il-ħolqien artifiċjali ta’ kundizzjonijiet għall-ksib tal-għajnuna, 2. li din is-sitwazzjoni għandha l-għan li jinkiseb vantaġġ, u 3. li dan b’mod mhux konformi mal-għanijiet tal-miżura?


    (1)  Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 65/2011, tas-27 ta’ Jannar 2011, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005, dwar l-implimentazzjoni ta’ proċeduri ta’ kontroll kif ukoll kundizzjonalità fir-rigward ta’ miżuri ta’ appoġġ għall-iżvilupp rurali (ĠU L 25, p. 8).


    Top