Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CN0152

    Kawża C-152/12: Rikors ippreżentat fid- 29 ta’ Marzu 2012 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Bulgarija

    ĠU C 174, 16.6.2012, p. 17–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    16.6.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 174/17


    Rikors ippreżentat fid-29 ta’ Marzu 2012 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Bulgarija

    (Kawża C-152/12)

    2012/C 174/26

    Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

    Partijiet

    Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: R. Vasileva u H. Støvlbæk)

    Konvenuta: Ir-Repubblika tal-Bulgarija

    Talbiet

    Il-Kummissjoni Ewropea titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tikkonstata li r-Repubblika tal-Bulgarija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 7(3) u 8(1) tad-Direttiva 2001/14/KE (1);

    tikkundanna lir-Repubblika tal-Bulgarija għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Fir-rikors tagħha tas-16 ta’ Marzu 2012, il-Kummissjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Kummissjoni” titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tikkonstata li r-Repubblika tal-Bulgarija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 7(3) u 8(1) tad-Direttiva 2001/14/KE peress li s-sistema ta’ tariffar tal-amministratur tal-infrastruttura fil-Bulgarija ma hijiex ibbażata fuq l-ispiża direttament imputabbli fuq l-operat tas-servizz ferrovjarju, skont l-Artkolu 7(3) tad-Direttiva 2001/14/KE. Barra minn hekk, il-Bulgarija ma ddikjaratx li hija bbażat il-piżijiet tagħha fuq sistema intiża sabiex titħallas l-ispiża totali, skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva ċċitata iktar ’il fuq. Għalhekk, il-Bulgarija għandha, fi kwalunkwe każ, tagħmel mod li tissodisfa r-rekwiżiti msemmija f’dan l-Artikolu.

    Il-Kummissjoni ssostni l-argumenti prinċipali segwenti:

    (1)

    Il-kunċett ta’ spiża direttament imputabbli fuq l-operat tas-servizz ferrovjarju għandu jinftiehem bħala l-ispiża marġinali direttament imputabbli fuq l-użu reali tal-infrastruttura ferrovjarja, imsejħa wkoll “spiża diretta” imputabbli fuq servizz ferrovjarju partikolari. Konsegwentement, din l-ispiża tvarja skont l-użu jew in-nuqqas ta’ użu tal-infrastruttura ferrovjarja. Bl-istess loġika, l-ispiża akkumulata b’mod indipendenti mill-użu reali tal-infrastruttura ferrovjarja ma tistax titqies bħala spiża diretta, minkejja li din tkun marbuta ma’ attivitajiet jew ma’ merkanzija essenzjali għall-finijet taċ-ċirkulazzjoni tal-ferroviji fuq ċerti linji. Din l-ispiża hija kostanti, fis-sens li hija takkumula anki meta ma jsir ebda użu mill-infrastruttura ferrovjarja.

    (2)

    Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-formulazzjoni tal-Artikolu 7(3), li jirrigwarda l-ispiża “direttament involuta bħala riżultat ta’ l-operazzjoni tas-servizz tal-ferrrovija [direttament imputabbli fuq l-operat tas-servizz ferrovjarju]”. L-ispiża kostanti marbuta man-netwerk ferrovjarju kollu ma hijiex “direttament involuta [imputabbli]” fuq l-operat ta’ servizz ferrovjarju partikolari. Għaldaqstant, il-frażi “direttament involuta [imputabbli]” jikkaratterizza l-ispiża addizzjonali relattiva għall-operat ta’ servizz ferrovjarju partikolari. L-interpretazzjoni ċċitata iktar ’il fuq hija wkoll ikkorroborata mill-qari kuntestwali tal-Artikolu 7(3). L-Artikolu 7 jistabbilixxi l-prinċipji ta’ tariffar, filwaqt li l-Artikolu 8 isemmi l-eċċezzjonijiet potenzjali għal dawn il-prinċipji. L-Artikolu 8(1) jinvoka l-fatt li “(…) ikun hemm irkupru sħiħ ta’ l-ispejjeż magħmula mill-amministratur ta’ l-infrastruttura (…)”, li jfisser li l-ispiża li l-Artikolu 7(3) jikkonċerna ma tistax tkun l-ispiża finali tal-amministratur tal-infrastruttura, iżda din hija l-ispiża direttament imputabbli fuq l-operat ta’ servizz ferrovjarju partikolari, jiġifieri spiża iktar baxxa mill-ispiża finali. Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mis-seba’ premessa tad-Direttiva 2001/14/KE, liema premessa tinkoraġġixxi l-użu ottimali tal-infrastruttura ferrovjarja mill-ikbar numru ta’ utenti possibbli, li timplika tariffar ftit li xejn elevat.

    (3)

    Il-Kummissjoni tqis li l-amministratur tal-infrastruttura għandu jqiegħed l-infrastruttura għad-dispożizzjoni tat-trasportaturi ferrovjarji, bit-tariffi tiegħu stess, u li dawn tal-aħħar għandhom iħallsu piżijiet li jikkorrispondu għall-ispiża diretta. Din tiġi spjegata mill-bżonn li l-infrastruttura ferrovjarja ssir iktar attraenti sabiex tintuża minn numru kbir ta’ trasportaturi ferrovjarji u sabiex dan l-użu jiġi ottimizzat minn kull wieħed minn dawn tal-aħħar. L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2001/14/KE jista’ jintuża biss meta l-kundizzjonijiet imsemmija fih huma ssodisfati, jiġifieri: għat-taqsimiet kollha tas-suq li għalihom l-amministratur tal-infrastruttura fi ħsiebu jiġbor mark-ups, dan l-amministratur għandu qabelxejn jivverifika jekk l-imsemmija taqsimiet jifilħux tali mark-ups. Din l-interpretzzjoni tirriżulta mill-formulazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(1) — “(…) jekk is-suq jiflaħ dan (…)” —, kif ukoll mill-formulazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2), li hija din li ġejja: “(…) l-livell tal-piżijiet m’għandux jeskludi l-użu ta’ infrastruttura minn taqsimiet tas-suq li jistgħu iħallsu għall-inqas l-ispejjeż magħmula direttament b’riżultat ta’ l-operazzjoni tas-servizz tal-ferrovija (…)”.

    (4)

    L-analiżi kompleta tal-ispiża u tal-piżijiet tal-amministratur Bulgaru tal-infrastruttura għas-snin 2005 sa 2008 juri li 60 sa 70 % tal-ispiża operazzjonali diretta kkalkulata fil-Bulgarija hija bbażata fuq elementi kostanti, b’mod iktar partikolari fuq is-salarji u l-kontribuzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali. Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Kummissjoni waslet għall-konkużjoni li din l-ispiża ma tistax titqies bħala spiża diretta fis-sens tal-Artikolu 7(3) peress li din ma tvarjax fil-każ ta’ operat ta’ servizzi ferrovjarji. Konsegwentement, id-dħulijiet mill-piżijiet ta’ użu tal-infrastruttura huma ħafna iktar għolja milli t-total tal-ispiża operazzjonali diretta. Minn dan, il-Kummissjoni tikkonkludi li fil-Bulgarija, il-piżijiet ma humiex stabbiliti esklużivament abbażi tal-ispiża direttament imputabbli fuq l-operat ta’ servizzi ferrovjarji.

    (5)

    Abbażi tal-informazzjoni li ġiet ipprovduta lilha, il-Kummissjoni kkonstatat li l-metodu applikat mill-Bulgarija f’dak li jirrigwarda t-tariffar tal-infrastruttura tal-ferroviji ma għandu ebda rabta manifesta mal-analiżi tal-ispiża diretta fis-sens tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2001/14/KE.


    (1)  Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2001, dwar l-allokazzjoni ta’ kapaċità ta’ infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta’ piżijiet għall-użu ta’ infrastruttura tal-ferroviji u ċertifikazzjoni tas-sigurtà


    Top