Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CJ0556

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tad-19 ta’ Ġunju 2014.
    TDC A/S vs Teleklagenævnet.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill- Østre Landsret.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi — Direttiva 2002/19/KE — Artikolu 2(a) — Aċċess għal, u l-użu ta’, elementi speċifiċi ta’ netwerks u faċilitajiet assoċjati — Artikoli 5, 8, 12 u 13 — Ġurisdizzjoni tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali — Obbligu ta’ aċċess għal elementi speċifiċi ta’ network u għal faċilitajiet assoċjati kif ukoll għall-użu tagħhom — Impriża li għandha saħħa sinjifikattiva fis-suq partikolari — Kejbil partikolari li tgħaqqad lid-distributur tan-netwerk ta’ aċċess mal-punt tat-terminazzjoni tan-netwerk għand l-utent finali — Proporzjonalità tal-obbligu li jiġu sodisfatti t-talbiet raġonevoli għall-aċċess għal, u l-użu ta’, elementi speċifiċi ta’ netwerks u faċilitajiet assoċjati — Direttiva 2002/21/KE — Artikolu 8 — Miri politiċi ġenerali għat-twettiq tal-kompiti tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali.
    Kawża C‑556/12.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:2009

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

    19 ta’ Ġunju 2014 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi — Direttiva 2002/19/KE — Artikolu 2(a) — Aċċess għal, u l-użu ta’, elementi speċifiċi ta’ netwerks u faċilitajiet assoċjati — Artikoli 5, 8, 12 u 13 — Ġurisdizzjoni tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali — Obbligu ta’ aċċess għal elementi speċifiċi ta’ network u għal faċilitajiet assoċjati kif ukoll għall-użu tagħhom — Impriża li għandha saħħa sinjifikattiva fis-suq partikolari — Konnessjoni li tgħaqqad lid-distributur tan-netwerk ta’ aċċess mal-punt tat-terminazzjoni tan-netwerk għand l-utent finali — Proporzjonalità tal-obbligu li jiġu sodisfatti t-talbiet raġonevoli għall-aċċess għal, u l-użu ta’, elementi speċifiċi ta’ netwerks u faċilitajiet assoċjati — Direttiva 2002/21/KE — Artikolu 8 — Miri politiċi ġenerali għat-twettiq tal-kompiti tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali”

    Fil-Kawża C‑556/12,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Østre Landsret (id-Danimarka), permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Novembru 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Diċembru 2012, fil-proċedura

    TDC A/S

    vs

    Teleklagenævnet,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

    komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, C. G. Fernlund, A. Ó Caoimh, C. Toader u E. Jarašiūnas (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal TDC A/S, minn R. Offersen, avukat,

    għall-Gvern Daniż, minn V. Pasternak Jørgensen, bħala aġent, assistita minn J. Pinborg, advokat,

    għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs u T. Materne, bħala aġenti,

    għall-Gvern Franċiż, minn J.‑S. Pilczer u D. Colas, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Nicolae kif ukoll minn G. Braun u H. Støvlbæk, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta’ Jannar 2014,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2, 8 u 12 tad-Direttiva 2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva tal-Aċċess) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 323), kif emendata bid-Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Novembru 2009 (ĠU L 337, p. 37, iktar ’il quddiem id-“direttiva ‘aċċess’”).

    2

    Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża mressqa minn TDC A/S (iktar ’il quddiem “TDC”), operatur tat-telekomunikazzjonijiet, kontra Teleklagenævnet (Kunsill ta’ appelli fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet) dwar l-obbligu ta’ twaħħil, fuq talba ta’ operatur ieħor tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, ta’ kejbils ta’ konnessjoni, li jagħtu aċċess lill-utenti finali għall-infrastruttura ta’ fibra ottika.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    L-Artikolu 1(1) tad-direttiva “aċċess” jipprovdi li ġej:

    “Fi ħdan il-qafas stipulat fid-Direttiva 2002/21/KE, [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru [qafas] regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru [Qafas]) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349), kif emendat bid-Direttiva 2009/140 (iktar ’il quddiem id-‘Direttiva Qafas’)], din id-Direttiva tarmonizza l-mod li bih l-Istati Membri jirregolaw l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ma’, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati. L-għan huwa li jiġi stabbilit qafas regolatorju, skond il-prinċipji tas-suq intern, għar-relazzjonijiet bejn il-fornituri ta’ networks u servizzi li ser jirriżultaw f’kompetizzjoni sostenibbli, interoperabilità ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u benefiċċji għall-konsumatur.”

    4

    L-Artikolu 2(a) u (b) tad-direttiva “aċċess” jipprovdi:

    “Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva t-tifsiriet stipulati f’Artikolu 2 tad-[Direttiva Kwadra] għandhom japplikaw.

    It-tifsiriet li ġejjin għandhom japplikaw ukoll:

    a)

    ‘aċċess’ tfisser it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ faċilitajiet u/jew servizzi lil impriża oħra, taħt kundizzjonijiet definiti, fuq bażi esklussiva jew mhux esklussiva, bl-iskop li jkunu provduti s-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika, inkluż meta jintużaw għall-forniment ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni jew servizzi ta’ xandir tas-servizzi b’kontenut. Tkopri, fost l-oħrajn: aċċess għall-elementi ta’ netwerk u faċilitajiet assoċjati, li jista’ jinvolvi l-konnessjoni ta’ tagħmir, b’mezzi fissi jew mhux fissi (b’mod partikolari dan jinkludi aċċess mal-linja lokali u għal faċilitajiet u servizzi meħtieġa għall-forniment ta’ servizzi fuq il-linja lokali); aċċess għal infrastruttura fiżika, inklużi ducts, arbli u bini; aċċess għal sistemi ta’ software rilevanti, inklużi sistemi ta’ appoġġ operazzjonali; aċċess għal sistemi ta’ informazzjoni jew bażijiet tad-data għall-ordnijiet minn qabel, forniment, ordnijiet, talbiet ta’ manutenzjoni u tiswija, u kontijiet; aċċess għat-traduzzjoni ta’ numri jew għal sistemi li joffru funzjonalità ekwivalenti; aċċess għal netwerks fissi u mobbli, partikolarment għar-roaming; aċċess għal sistema ta’ aċċess kundizzjonali għal servizzi ta’ televiżjoni diġitali u aċċess għal servizzi ta’ netwerk virtwali;

    b)

    ‘interkonnessjoni’ tfisser il-konnessjoni fiżika u loġika ta’ networks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet wżati mill-istess impriża jew waħda differenti sabiex tippermetti lill-utenti ta’ impriża waħda li jikkomunikaw ma utenti ta’ l-istess impriża jew oħra, jew li jkollhom aċċess għal servizzi provduti minn impriża oħra. Is-servizzi jistgħu jiġu fornuti mill-partijiet involuti jew minn partijiet oħra li jkollhom aċċess għan-network. L-interkonnessjoni hija tip speċifiku ta’ aċċess implimentat bejn operaturi ta’ networks pubbliċi”.

    5

    L-Artikolu 5 tad-direttiva “aċċess”, intitolat “Setgħat u responsabbiltajiet ta’ l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali fir-rigward ta’ aċċess u interkonnessjoni”, jipprovdi:

    “1.   L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali [(iktar ’il quddiem l-‘ARN’)] għandhom, waqt li jaġixxu biex jilħqu l-għanijet stabbiliti fl-Artikolu 8 tad-[Direttiva Qafas], iħeġġu u fejn xieraq jiżguraw, skont id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, aċċess u interkonnessjoni adegwati, u interoperabbiltà ta’ servizzi, waqt li jeżerċitaw ir-responsabbiltà tagħhom b’mod li jippromwovi l-effiċjenza, il-kompetizzjoni sostenibbli, investiment u innovazzjoni effiċjenti, u jagħtu l-benefiċċju massimu lill-utenti finali.

    B’mod partikolari, mingħajr preġudizzju għall-miżuri li jistgħu jittieħdu fir-rigward ta’ impriżi b’saħħa sinjifikanti fis-suq skond Artikolu 8, l-[ARN] għandhom ikunu jistgħu jimponu:

    a)

    sal-limitu li huwa meħtieġ biex tiġ żgurata konnettività tarf sa tarf, obbligi fuq l-impriżi li jikkontrollaw l-aċċess għall-utenti finali, inkluż f’każi ġustifikati l-obbligazzjoni li jagħmlu interkonnessjoni tar-network tagħhom fejn dan ma jkunx diġà l-każ;

    […]”

    6

    L-Artikolu 8 tad-direttiva “aċċess”, intitolat “Impożizzjoni, emendar jew irtirar ta’ l-obbligi”, jipprovdi li:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jkollhom is-setgħa li jimponu l-obbligi identifikati f’Artikoli 9 sa 13a.

    2.   Fejn operatur huwa identifikat bħala li jkollu saħħa tas-suq sinjifikanti f’suq speċifiku bħala riżultat ta’ l-analiżi tas-suq imwettaq skond Artikolu 16 tad-[Direttiva Qafas], l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jimponu l-obbligi stipulati f’Artikoli 9 sa 13 ta’ din id-Direttiva kif xieraq.

    […]

    4.   L-obbligi imposti skond dan Artikolu għandhom ikunu bbażati fuq in-natura tal-problema identifikata, proporzjonati u ġustifikati fid-dawl tal-miri stipulati f’Artikolu 8 tad-[Direttiva Qafas] […]

    […]”

    7

    L-Artikolu 12 tad-direttiva “aċċess”, intitolat “Obbligi ta’ aċċess għal, u użu ta’, faċilitajiet ta’ networks speċifiċi”, jipprovdi:

    “1.   L-[ARN] tista’, skond id-dispożizzjonijiet ta’ Artikolu 8, timponi obbligi fuq operaturi biex jissodisfaw talbiet raġonevoli għall-aċċess għal, u l-użu ta’, elementi speċifiċi ta’ networks u faċilitajiet assoċjati, fost ġwejjeġ oħra f’sitwazzjonijiet fejn l-awtorità regolatorja nazzjonali tqis li ċ-ċaħda għall-aċċess jew termini u kondizzjonijiet mhux raġonevoli li jkollhom effett simili jfixklu it-tfaċċar ta’ suq kompetittiv sostenibbli fil-livell tal-bejgħ bl-imnut jew li ma jkunux fl-interess ta’ l-utent finali.

    […]

    2.   Fejn l-[ARN] ikunu qegħdin jikkunsidraw l-obbligi msemmija fil-paragrafu 1, u b’ mod partikulari, meta jkunu qegħdin jevalwaw kif tali obbligi jistgħu jkunu proporzjonali għall-Artikolu 8 tad-[Direttiva Qafas], huma għandhom jieħdu kont b’ mod partikulari tal- fatturi li ġejjin:

    a)

    il-vijabbiltà teknika u ekonomika tal-użu jew l-istallazzjoni ta’ faċilitajiet kompetituri, fid-dawl tar-rata tal-iżvilupp tas-suq, b’kont meħud tan-natura u t-tip ta’ interkonnessjoni u/jew aċċess involuti, inkluż il-vijabbiltà ta’ prodotti oħra ta’ aċċess upstream bħal aċċess għal tubi;

    b)

    il-fattibiltà tal-forniment ta’ l-aċċess propost, b’relazzjoni mal-kapaċità disponibbli;

    c)

    l-investiment inizjali mill-proprjetarju tal-faċilità, waqt li wieħed iżomm f’moħħu r-riskji nvoluti meta jsir dak l-investiment;

    d)

    il-ħtieġa li tiġi salvagwardata l-kompetizzjoni f’terminu fuq medda ta’ żmien fit-tul;

    […]”

    8

    L-Artikolu 13 tad-direttiva “aċċess”, intitolat “Kontroll tal-prezzijiet u obbligi ta’ kontabilità ta’ l-ispejjeż”, jipprovdi:

    “1.   L-[ARN] tista’, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8, timponi obbligi rigward l-irkupru tal-ispejjeż u l-kontrolli tal-prezzijiet, inklużi obbligi rigward l-orjentazzjoni tal-prezzijiet rigward l-ispejjeż u l-obbligi li jikkonċernaw is-sistemi ta’ kontabilità tal-ispejjeż, għall-forniment ta’ tipi speċifiċi ta’ interkonnessjoni u/jew aċċess, f’sitwazzjonijiet fejn analiżi tas-suq tindika li n-nuqqas ta’ kompetizzjoni effettiva jfisser li l-operatur ikkonċernat jista’ jsofri prezzijiet f’livell eċċessivament għoli, jew jikkumpressa l-prezzijiet, għad-detriment tal-utenti finali. Sabiex jiġu inkoraġġuti l-investimenti magħmulin mill-operatur inklużi fin-netwerks tal-ġenerazzjoni li jmiss, l-[ARN] għandhom jieħdu kont tal-investiment magħmul mill-operatur u jippermettulu rata raġonevoli ta’ qligħ fuq il-kapital adegwat investit, b’kont meħud ta’ kwalunkwe riskju speċifiku għal proġett tan-netwerk tal-investiment ġdid partikolari.

    […]”

    9

    L-Artikolu 2(da) tad-Direttiva Qafas jiddefinixxi l-punt tat-terminazzjoni tan-network (NTP) bħala “il-punt fiżiku li bih l-abbonat jiġi provdut b’aċċess għal network pubbliku ta’ komunikazzjoni”.

    10

    L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva Qafas jipprovdi:

    “L-Istati Membri għandhom jassiguraw li fit-twettieq tax-xogħlijiet regolatorji speċifikati f’din id-Direttiva u fid-Direttivi Speċifiċi, l-[ARN] jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa li huma mmirati lejn il-ksib tal-miri stipulati fil-paragrafi 2, 3 u 4. Dawk il-miżuri għandhom ikunu proporzjonati ma’ dawk il-miri.

    […]”

    11

    L-Artikolu 8(2) tad-Direttiva Qafas jipprovdi:

    “L-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom jippromwovu l-kompetizzjoni fil-provista tan-networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati u servizzi billi fost ħwejjeġ oħra:

    […]

    b)

    jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda distorsjoni jew restrizzjoni fil-kompetizzjoni tas-settur tal-komunikazzjoni elettronika, anke fit-trażmissjonital-kontenut;

    […]”

    12

    L-Artikolu 8(5) tad-Direttiva Qafas jipprovdi hekk:

    “L-[ARN] għandhom, fis-segwitu tal-għanijiet politiċi msemmija fil-paragrafi 2, 3 u 4, japplikaw prinċipji regolatorji oġġettivi, trasparenti, non-diskriminatorji u proporzjonati billi, inter alia:

    […]

    d)

    jippromwovu investiment u innovazzjoni effiċjenti f’infrastrutturi ġodda u mtejba, inkluż billi jkun żgurat li kwalunkwe obbligu ta aċċess iqis kif jixraq ir-riskju meħud mill-intrapriżi li jinvestu u billi jippermettu diversi arranġamenti koperattivi bejn l-investituri u l-partijiet li jitolbu l-aċċess sabiex ikun diversifikat is-sogru tal-investiment, filwaqt li jiżguraw li l-kompetizzjoni fis-suq u l-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni ikunu ppreservati;

    […]”

    Id-dritt Daniż

    13

    L-Artikolu 40 tal-Liġi Nru 780, tat-28 ta’ Ġunju 2007, dwar il-kompetizzjoni u l-affarijiet tal-konsumatur fis-suq tat-telekomunikazzjonijiet (Lov om konkurrence- og forbrugerforhold på telemarkedet), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-2007”), jipprovdi:

    “Il-leġiżlazzjoni li tirrigwarda l-interkonnessjoni tkopri l-oqsma segwenti:

    1°)

    l-aċċess għal faċilitajiet jew għal servizzi jew il-provvista tagħhom favur operatur ieħor bil-għan li jiġu offruti servizzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni

    […]

    L-aċċess għal faċilitajiet jew għal servizzi jew il-provvista tagħhom, fis-sens tal-punt (1) tal-ewwel subparagrafu, iktar ’il fuq, jinkludi b’mod partikolari l-aċċess:

    1°)

    mal-elementi ta’ network, li jinkludi l-aċċess diżassoċjat għal-linji lokali u l-faċilitajiet relatati kif ukoll il-konnessjoni tat-tagħmir,

    […]”

    14

    L-Artikolu 51 tal-Liġi tal-2007 jipprovdi:

    “L-IT- og Telestyrelsen [direttorat tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tat-telekomunikazzjonijiet] timponi fuq l-operaturi li għandhom saħħa sinjifikattiva fis-suq, fis-sens tal-Artikolu 84 d, obbligu wieħed jew iktar previsti fit-tielet subparagrafu iktar ’l isfel, suġġett għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 76 a.

    […]

    L-obbligi imposti skont l-ewwel u t-tieni subparagrafi iktar ’il fuq huma bbażati fuq in-natura tal-problemi identifikati u huma proporzjonati u ġustifikati fid-dawl tal-miri tal-Artikolu 1. L-IT- og Telestyrelsen tistabbilixxi għal kull suq id-daqs tal-obbligi u r-rekwiżiti eventwali tal-kwalità tas-servizzi ta’ interkonnessjoni liema aċċess huwa impost fuq operaturi li għandhom saħħa sinjifikattiva fis-suq, b’mod konformi mal-punt (1) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 51, iktar ’il fuq. […]

    Fl-evalwazzjoni tagħha tal-proporzjonalità fis-sens tar-raba’ subparagrafu iktar ’il fuq, l-IT- og Telestyrelsen tikkunsidra b’mod partikolari:

    1°)

    tal-fattibiltà tal-forniment tal-interkonnessjoni prevista fir-rigward tal-kapaċità eżistenti,

    2°)

    tad-daqs tal-investimenti inizzjali li għandhom isir mill-proprjetarju tal-faċilitajiet fir-rigward tar-riskji involuti,

    3°)

    fejn xieraq, kull drittijiet relevanti ta’ proprjetà intellettwali.”

    15

    Il-Liġi tal-2007 ġiet issostitwita bil-Liġi Nru 169 dwar it-telekomunikazzjonijiet (lov nr. 169 om elektroniske kommunikationsnet og –tjenester), tat-3 ta’ Marzu 2011 (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 169/2011”). Din il-liġi daħlet fis-seħħ fil-25 ta’ Mejju 2011.

    16

    L‑Artikolu 41 tal‑Liġi Nru 169/2011 jipprovdi li:

    “Fil-kuntest tad-deċiżjonijiet adottati skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 40, l-IT- og Telestyrelsen timponi obbligu wieħed jew iktar fuq operaturi li għandhom daqs sinjifikattiv fis-suq fis-sens tal-Artikolu 40. L-IT- og Telestyrelsen tippreċiża f’kull deċiżjoni n-natura u d-daqs tal-obbligi.

    L-obbligi previsti fl-ewwel subparagrafu iktar ’il fuq jistgħu jinkludu:

    1°)

    l-aċċess għan-netwerk;

    2°)

    in-nondiskriminazzjoni;

    3°)

    it-trasparenza;

    4°)

    is-separazzjoni tal-kontabbiltà;

    5°)

    kontrolli tal-prezzijiet;

    6°)

    is-separazzjoni funzjonali.

    F’ċirkustanzi eċċezzjonali, l-IT- og Telestyrelsen tista’, suġġett għall-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, timponi fuq kull operatur li għandu saħħa sinjifikattiva fis-suq ta’ obbligi oħra minn dawk previsti fit-tieni subparagrafu iktar ’il fuq.

    […]”

    17

    L-Artikolu 42 tal-Liġi Nru 169/2011 jaqra hekk:

    “B’obbligu ta’ aċċess, għandu jiġi mifhum obbligu li jaqa’ fuq operatur li għandu saħħa sinjifikattiva fis-suq li joffri aċċess reali jew virtwali għal ċerti elementi tan-netwerk tiegħu, għas-servizzi tiegħu u għal faċilitajiet assoċjati.

    Barra minn hekk, jista’ jiġi impost fuq l-operatur l-obbligu li jissodisfa t-talbiet raġonevoli li jikkonkludi jew jimmodifika kuntratti ta’ aċċess għan-netwerk. Dan l-obbligu jista’ jinkludi b’mod partikolari:

    1°)

    li jagħtu l-aċċess għal elementi u ta’ faċilitajiet ta’ netwerks speċifiċi, inkluż l-aċċess għal elementi ta’ netwerk li ma humiex attivi, l-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali, sabiex b’mod partikolari, tkun possibbli l-provvista tas-servizzi tal-għażla minn qabel jew tal-għażla tal-operaturi u l-offerta ta’ bejgħ mill-ġdid tal-konnessjonijiet tal-abbonati.

    […]

    Fl-impożizzjoni ta’ obbligu ta’ aċċess għan-netwerk, l-IT- og Telestyrelsen għandha tikkunsidra b’mod partikolari l-elementi segwenti:

    1°)

    il-vijabilità teknika u ekonomika tal-użu jew l-installazzjoni ta’ faċilitajiet kompetituri, fid-dawl tar-rata tal-iżvilupp tas-suq, waqt li jittieħed kont tan-natura u t-tip ta’ aċċess għan-netwerk u ta’ interkonnessjoni kkonċernati,

    2°)

    il-livell tal-fattibiltà tal-forniment ta’ aċċess għan-netwerk propost, hekk kif jirriżulta mill-kapaċità disponibbli,

    3°)

    l-investiment inizjali mill-proprjetarju tal-faċilità, b’kunsiderazzjoni tal-investimenti pubbliċi li jkunu sar u tar-riskji involuti fl-investiment,

    4°)

    il-ħtieġa li tiġi salvagwardata l-kompetizzjoni fuq terminu twil, b’attenzjoni partikolari għall-kompetizzjoni bbażata fuq infrastruttura li tkun ekonomikament effiċjenti.”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    18

    Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li TDC għandha saħħa sinjifikattiva fis-suq tal-provvista bl-ingrossa ta’ aċċess għal broadband permezz ta’ netwerks tar-ram, tat-televiżjoni bil-kejbil (koassjali) u tal-fibri ottiċi.

    19

    Peress li kkonstatat il-problemi ta’ kompetizzjoni f’dan is-suq, l-IT- og Telestyrelsen, permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Novembru 2010, bis-saħħa tal-Liġi tal-2007 li kienet fis-seħħ f’dak iż-żmien, imponiet fuq TDC numru ta’ obbligi, fosthom dik li tissodisfa t-talbiet raġonevoli għall-aċċess għal konnessjonijiet tal-broadband permezz tan-netwerk tagħha tal-fibra ottika. Dan l-obbligu jinkludi, b’mod partikolari, it-twaħħil ta’ kejbils ta’ konnessjoni b’distanza massima ta’ 30 metru sabiex l-utent finali jitqabbad ma’ netwerk ta’ fibra ottika li hija intiża għall-provvista ta’ aċċess għall-broadband.

    20

    TDC ressqet rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem it-Teleklagenævnet li, permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Ġunju 2011, ikkonfermat fil-parti l-kbira, d-deċiżjoni kkontestata. It-Teleklagenævnet ikkunsidrat li l-obbligu li jiġu ssodisfatti t-talbiet raġonevoli għall-aċċess kien proporzjonat, fis-sens li kien neċessarju, xieraq u suffiċjenti sabiex tiġi mħarsa kompetizzjoni reali. Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, hija sostniet li, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva Qafas, l-IT- og Telestyrelsen kienet bagħtet l-abbozz tagħha ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Novembru 2010 lill-Kummissjoni u li din, fl-opinjoni tagħha dwar dan l-abbozz, ma kinitx ippronunċat ruħha fuq l-aspetti kontenzjużi ta’ dan l-obbligu.

    21

    Fit-12 ta’ Awwissu 2011, TDC ippreżentat rikors kontra d-deċiżjoni tal-20 ta’ Ġunju 2011 tat-Teleklagenævnet quddiem ir-Retten på Frederiksberg (qorti tal-prim’istanza ta’ Frederiksberg), li rrinvijat il-kawża quddiem l-Østre Landsret (qorti reġjonali tal-lvant), hekk kif jirriżulta mid-domandi ta’ prinċipju mqajma.

    22

    Quddiem din l-aħħar imsemmija qorti, TDC issostni li l-obbligu ta’ twaħħil ta’ kejbils ta’ konnessjoni man-netwerk tal-fibra ottika, impost mill-IT- og Telestyrelsen, tammonta għal obbligu li jiġu kkreati infrastruttura ġodda, b’mod li, skont din, il-kunċett ta’ “aċċess”, fis-sens tad-direttiva “aċċess”, ma jkoprix l-installazzjoni ta’ tali infrastrutturi. Hija żżid li dan l-obbligu jirrappreżenta piż finanzjarju kunsiderevoli, b’mod li dan ma jirrispettax il-prinċipju ta’ proporzjonalità msemmi fl-Artikolu 8(1) tal-istess direttiva.

    23

    It-Teleklagenævnet, min-naħa tagħha, ssostni li s-suq ikkonċernat kien qed jiffaċċa problemi ta’ kompetizzjoni fid-Danimarka fejn, l-ewwel nett, in-netwerk tal-fibra ottika qiegħed fl-istadju li jiġi żviluppat u fejn, it-tieni nett, bid-differenza ta’ netwerks oħra (tar-ram, koassjali), dan in-netwerk ma huwiex konness immedjatament mal-utent finali fil-mument tal-installazzjoni inizzjali tiegħu. Skont din, l-obbligu li twaħħal kejbils ta’ konnessjoni jammonta mhux għal obbligu li jiġu kkreati infrastrutturi ġodda, iżda għal adattament tekniku tan-netwerk tal-fibra ottika diġà eżistenti. Hija tqis li, bis-saħħa tal-Artikoli 8 u 12 tad-direttiva “aċċess”, l-IT- og Telestyrelsen għandha s-setgħa li timponi fuq operaturi li għandhom saħħa sinjifikattiva fis-suq partikolari l-obbligu li jiġu ssodisfatti t-talbiet raġonevoli ta’ interkonnessjoni minn operaturi oħra, anki jekk dan ikun jeħtieġ adattamenti tan-netwerk fil-forma, b’mod partikolari, tax-xogħlijiet ta’ tħaffir ta’ trinek. Hija tosserva li, meta huwa impost tali obbligu, l-evalwazzjoni tal-proporzjonalità tal-miżuri previsti hija mwettqa b’kunsiderazzjoni tal-importanza tal-investimenti inizjali tal-proprjetarju tal-installazzjoni.

    24

    Fid-deċiżjoni tar-rinviju, l-Østre Landsret sostniet li l-kawża prinċipali għandha bħala għan il-portata tal-obbligu li jiġu ssodisfatti t-talbiet raġonevoli għall-aċċess għan-netwerk tal-fibra ottika ta’ TDC. B’mod iktar preċiż, skont din il-qorti, il-kwistjoni prinċipali li qamet hija dik dwar jekk, skont il-Liġi tal-2007 u tad-direttiva “aċċess”, tali obbligu jista’ jkollu bħala effett li, fuq talba ta’ operatur kompetitur tat-telekomunikazzjonijiet, TDC hija obbligata twaħħal kejbils li jagħtu konnessjoni man-netwerk tagħha tal-fibra ottika lill-utent finali, li jista’ jimplika xogħol ta’ tħaffir sa 30 metru.

    25

    Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Østre Landsret iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “1)

    Il-kunċett ta’ ‘aċċess’ kif imfisser fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva [‘aċċess’] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-aċċess jinkludi l-installazzjoni ta’ cables individwali li jgħaqqdu lid-distributur tan-netwerk ta’ aċċess mas-segment ta’ terminazzjoni għand l-utent finali? Il-fatt li t-tul tal-cables individwali ma jeċċedix 30 metru jaffettwa r-risposta għal din id-domanda?

    2)

    L-installazzjoni ta’ cable individwali ta’ tul massimu ta’ 30 metru li jgħaqqad lid-distributur tan-netwerk ta’ aċċess mas-segment ta’ terminazzjoni għand l-utent finali taqa’ taħt il-kunċett ta’ ‘aċċess għal, u l-użu ta’, elementi speċifiċi ta’ networks u faċilitajiet assoċjati’ fl-Artikolu 12 tal-imsemmija direttiva, moqri flimkien mal-Artikoli 2 u 8 tagħha?

    3)

    Il-fatt li l-proprjetarju tan-netwerk ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi għandu jagħmel investimenti li jeċċedu b’mod qawwi l-ispiża tal-akkwist tan-netwerk ta’ komunikazzjoni elettronika li għandu jingħata aċċess għalih, jaffettwa r-risposta għall-ewwel żewġ domandi dwar l-obbligu ta’ aċċess fil-forma ta’ obbligu ta’ installazzjoni, pereżempju, ta’ cables individwali li jgħaqqdu distributur tan-netwerk ta’ aċċess mas-segment ta’ terminazzjoni għand l-utent finali?

    4)

    Il-fatt li l-proprjetarju jista’ jkollu l-ispejjeż tiegħu għall-installazzjoni individwali ta’ cables individwali koperti minn obbligu impost ta’ kontroll tal-prezzijiet, jaffettwa r-risposta għat-tielet domanda?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

    26

    Permezz tal-ewwel u t-tieni domanda tagħha, li jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 2(a), 8 u 12 tad-direttiva “aċċess” għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-ARN għandha s-setgħa li timponi fuq operatur ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, li għandu saħħa sinjifikattiva f’suq partikolari, taħt l-obbligu li jiġu sodissfatti t-talbiet raġonevoli għall-aċċess għal, u l-użu ta’, elementi speċifiċi ta’ netwerks u faċilitajiet assoċjati li huwa proprjetarju tagħhom, obbligu li jwaħħal, fuq talba ta’ operaturi kompetituri, kejbil ta’ estensjoni b’tul massimu ta’ 30 metru li jgħaqqad lid-distributur ta’ netwerk ta’ aċċess mal-punt tat-terminazzjoni tan-netwerk għand l-utent finali.

    27

    Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, għandu jitfakkar li s-setgħat mogħtija mid-direttiva “aċċess” lill-ARN li jimponu fuq operaturi l-obbligu li jilqgħu t-talbiet raġonevoli għall-aċċess għal, u l-użu ta’, elementi speċifiċi ta’ netwerks u faċilitajiet assoċjati, imbagħad li jiġi interpretat il-kunċett ta’ “aċċess għal, u l-użu ta’, elementi speċifiċi ta’ netwerks u faċilitajiet assoċjati”, qabel ma jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet li għandhom iseħħu sabiex tali obbligi jkunu jistgħu jiġu imposti.

    28

    Fir-rigward, l-ewwel nett, tas-setgħa tal-ARN li jimponu l-obbligu li jilqgħu t-talbiet raġonevoli għall-aċċess għal, u l-użu ta’, elementi speċifiċi ta’ netwerks u faċilitajiet assoċjati, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 8(2) tad-direttiva “aċċess”, meta, bħala riżultat ta’ analiżi tas-suq imwettaq skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva Qafas, operatur huwa indikat li għandu saħħa sinjifikattiva f’suq partikolari, l-ARN għandhom jimponu l-obbligi stipulati fl-Artikoli 9 sa 13 tad-direttiva “aċċess”.

    29

    Fost dawn l-obbligi jidhru dawk previsti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tad-direttiva “aċċess”, li skont dan, l-ARN jistgħu, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 ta’ din l-istess direttiva, jimponu obbligu fuq operaturi biex jissodisfaw it-talbiet raġonevoli għall-aċċess għal, u l-użu ta’, elementi speċifiċi ta’ netwerks u faċilitajiet assoċjati, b’mod partikolari meta huma jqisu li r-rifjut ta’ aċċess jew termini u ta’ kondizzjonijiet mhux raġonevoli li jkollhom effett simili jfixklu t-tfaċċar ta’ suq kompetittiv sostenibbli jew li ma jkunux fl-interess tal-utent finali.

    30

    Konsegwentement, dan l-Artikolu 12, moqri flimkien mal-Artikolu 8 tad-direttiva “aċċess”, jagħti lill-ARN is-setgħa li timponi fuq operaturi li għandhom saħħa sinjifikattiva f’suq partikolari l-obbligu li jissodisfaw it-talbiet raġonevoli ta’ aċċess għal, u l-użu ta’, elementi speċifiċi ta’ netwerks u faċilitajiet assoċjati.

    31

    Fir-rigward, barra minn hekk, tal-kunċett ta’ “aċċess għal elementi speċifiċi ta’ netwerks u faċilitajiet assoċjati”, fis-sens tal-Artikolu 12(1) tad-direttiva “aċċess”, għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 2(a) ta’ din id-direttiva, il-kunċett ta’ “aċċess” jfisser li jkunu disponibbli għal impriża oħra, taħt kundizzjonijiet definiti u fuq bażi jew esklużiva jew mhux esklużiva ta’ faċilitajiet u/jew ta’ servizzi bil-għan tal-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, inkluż meta huma jservu għall-provvista ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni jew ta’ xandir tas-servizzi b’kontenut. Din id-dispożizzjoni tippreċiża li l-“aċċess” jkopri, b’mod partikolari, l-aċċess għal elementi ta’ network u għal faċilitajiet assoċjati u eventwalment għall-konnessjoni tat-tagħmir b’mezzi fissi jew le, inkluż fosthom, b’mod partikolari, l-aċċess għal-linja lokali kif ukoll għar-riżorsi u servizzi neċessarji għall-provvista ta’ servizzi permezz tal-linja lokali, l-aċċess għal infrastruttura fiżika li tinkludi bini, kanali u arbli u l-aċċess għal networks fissi u mobbli, b’mod partikolari għar-roaming.

    32

    B’hekk jirriżulta mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, minn naħa, li l-kunċett ta’ “aċċess” jinkludi t-twettiq ta’ aġġustamenti li jippermettu li jkunu disponibbli għal impriża oħra faċilitajiet u/jew ta’ servizzi bil-għan tal-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, hekk kif sostna l-Avukat Ġenerali fil-punti 17 u 18 tal-konklużjonijiet tiegħu, u, min-naħa l-oħra, li l-lista ta’ forom ta’ aċċess li huma elenkati hemmhekk ma hijiex eżawrjenti.

    33

    L-Artikolu 2(a) tad-direttiva “aċċess” madankollu ma jippreċiżax jekk l-aċċess, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jista’ jinkludi l-konnessjoni bejn id-distributur ta’ netwerk ta’ aċċess u l-punt tat-terminazzjoni tan-netwerk għand l-utent finali, li huwa neċessarju għall-implementazzjoni tal-aċċess għan-netwerk eżistenti.

    34

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex jiġi interpretat il-kunċett ta’ “aċċess għal elementi speċifiċi ta’ netwerks u faċilitajiet assoċjati” fis-sens tal-Artikolu 12(1) tad-direttiva “aċċess”, hemm lok li jiġi eżaminat il-kunċett ta’ “aċċess” previst fl-Artikolu 2(a) ta’ din id-direttiva fir-rigward tal-istruttura ta’ din u tal-għanijiet tagħha.

    35

    Fir-rigward tal-istruttura tad-direttiva “aċċess”, huwa suffiċjenti li jiġi osservat li din tal-aħħar tiddefinixxi l-interkonnessjoni fl-Artikolu 2(b) tagħha bħala konnessjoni fiżika u loġika ta’ networks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet użati mill-istess impriża jew waħda differenti sabiex tippermetti lill-utenti ta’ impriża waħda li jikkomunikaw ma utenti tal-istess impriża jew oħra, jew li jkollhom aċċess għal servizzi provduti minn impriża oħra.

    36

    Issa, il-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-direttiva “aċċess”, li jirrigwarda s-setgħat u responsabbiltajiet tal-ARN fir-rigward ta’ aċċess u interkonnessjoni, jipprovdi li dawn jistgħu jimponu, sal-limitu li huwa meħtieġ biex tiġi żgurata konnettività tarf sa tarf, obbligi fuq l-impriżi li jikkontrollaw l-aċċess għall-utenti finali, inkluż f’każi ġustifikati l-obbligazzjoni li jagħmlu interkonnessjoni tan-network tagħhom fejn dan ma jkunx diġà l-każ.

    37

    Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-kunċett ta’ “aċċess” fis-sens ta’ din id-direttiva jista’ jinkludi aġġustament tan-netwerk eżistenti li jippermetti li ssir konnessjoni bejn din u l-utent finali.

    38

    Fir-rigward tal-għanijiet tad-direttiva “aċċess”, l-Artikolu 1(1) ta’ din jipprovdi li din għandha l-għan li jiġi stabbilit “qafas regolatorju [...] għar-relazzjonijiet bejn il-fornituri ta’ networks u servizzi li ser jirriżultaw f’kompetizzjoni sostenibbli, interoperabilità ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u benefiċċji għall-konsumatur”.

    39

    B’hekk, l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva Qafas jipprovdi li l-ARN, fit-twettieq tax-xogħlijiet regolatorji speċifikati fid-Direttiva Qafas kif ukoll fid-Direttivi Speċifiċi, u b’hekk b’mod partikolari fid-direttiva “aċċess”, għandhom jieħdu l-miżuri kollha raġonevoli bil-għan tal-kisba tal-miri definiti f’dan l-artikolu, li jikkonsistu fil-promozzjoni tal-kompetizzjoni fil-provvista ta’ netwerks u tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, sabiex jikkontribwixxu għall-iżvilupp tas-suq intern u sabiex jiġu sostnuti l-interessi taċ-ċittadini tal-Unjoni.

    40

    Sabiex jintlaħqu l-għanijiet esposti fl-Artikolu 8 tad-Direttiva Qafas, l-ARN għandhom, fil-kuntest tas-setgħat u tar-responsabbiltajiet attribwiti lilhom mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-direttiva “aċċess”, jiżguraw, skont id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, aċċess u interkonnessjoni adegwati, u interoperabilità ta’ servizzi, waqt li jeżerċitaw ir-responsabbiltà tagħhom b’mod li jippromwovi l-effiċjenza, il-kompetizzjoni sostenibbli, u jagħtu l-benefiċċju massimu lill-utenti finali.

    41

    Fir-rigward tal-Artikolu 5(1) tad-direttiva “aċċess”, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jirriżulta mit-termini ta’ din tal-aħħar li l-ARN għandhom l-għan li jiżguraw aċċess u interkonnessjoni adegwati kif ukoll l-interoperabbiltà tas-servizzi b’mezzi li ma humiex elenkati b’mod limitat (sentenza TeliaSonera Finland, C‑192/08, EU:C:2009:696, punt 58).

    42

    Bl-istess mod għandu jiġi kkunsidrat li l-obbligi li jiġu ssodisfatti t-talbiet raġonevoli għall-aċċess għal, u l-użu ta’, elementi speċifiċi ta’ networks u faċilitajiet assoċjati li jistgħu jkunu imposti fuq operaturi li għandhom saħħa sinjifikattiva fis-suq ma humiex definiti b’mod limitattiv, iżda għandhom ikunu deċiżi mill-ARN, każ b’ każ, fir-rigward tal-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 8 tad-Direttiva Qafas.

    43

    Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-kunċett ta’ “aċċess għal elementi speċifiċi ta’ netwerks u faċilitajiet assoċjati”, fis-sens tal-Artikoli 2(a) u 12(1) tad-direttiva “aċċess”, jista’ jkopri l-installazzjoni ta’ konnessjoni bejn id-distributur ta’ netwerk ta’ aċċess u l-punt tat-terminazzjoni tan-netwerk għand l-utent finali.

    44

    Fir-rigward, fl-aħħar nett, tal-kundizzjonijiet li jippermettu lill-ARN jimponu fuq operatur li għandu saħħa sinjifikattiva f’suq partikolari, l-obbligu li jissodisfa t-talbiet raġonevoli għall-aċċess għal elementi speċifiċi ta’ network u għall-faċilitajiet assoċjati u li jawtorizzaw l-użu tagħhom, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 8(4) tad-direttiva “aċċess” jipprovdi li l-obbligi imposti mill-ARN fuq dan it-tip ta’ operaturi għandhom ikunu bbażati fuq in-natura tal-problema kkonstatata, ikunu proporzjonati u ġġustifikati fir-rigward tal-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva Qafas u msemmija fil-punt 39 tas-sentenza preżenti.

    45

    B’hekk jirriżulta li l-ARN tista’ timponi fuq operatur li għandu saħħa sinjifikattiva f’suq partikolari, taħt l-obbligu li jissodisfa t-talbiet raġonevoli għall-aċċess għal, u l-użu ta’, elementi speċifiċi ta’ networks u faċilitajiet assoċjati, obbligu li jwaħħal, fuq talba ta’ operaturi kompetituri li jgħaqqad id-distributur ta’ netwerk ta’ aċċess mal-punt tat-terminazzjoni tan-netwerk għand l-utent finali, peress li dan l-obbligu huwa bbażat fuq in-natura tal-problema kkonstatata u li hija proporzjonata u ġustifikata fir-rigward tal-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva Qafas.

    46

    Fil-każ preżenti, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont it-Teleklagenævnet, TDC, minħabba l-mod partikolari kif ġiet żviluppata n-netwerk tagħha tal-fibra ottika, għandha l-kontroll dwar meta r-residenzi jistgħu jiġu konnessi, li jagħtiha vantaġġ ċert kompetittiv sabiex tikseb klijenti ġodda fil-livell tas-suq bl-imnut, peress li l-klijenti ġodda huma kuntrattwalment marbuta ma’ TDC għal perijodu minimu ta’ sitt xhur. L-obbligu, għal TDC, ta’ twaħħil ta’ kejbils ta’ konnessjoni b’hekk għandu l-għan li jiżgura li l-operaturi kompetituri jistgħu jkunu f’pożizzjoni ugwali ma’ TDC u jużaw in-netwerk ta’ din tal-aħħar fiż-żoni fejn din hija disponibbli, fir-rigward tal-klijenti finali li jkunu għadhom mhux konnessi. L-installazzjoni ta’ tali kejbils tkun kundizzjoni sine qua non sabiex l-operaturi kompetituri ta’ TDC ikunu jistgħu jiksbu klijenti sabiex ikunu jistgħu joffrulhom servizzi ddistribwiti permezz tal-fibra ottika f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ugwali ma’ TDC.

    47

    Fir-rigward ta’ dawn l-elementi, il-qorti tar-rinviju għandha tevalwa jekk l-obbligu impost mill-ARN fuq TDC li tinstalla kejbil ta’ estensjoni b’tul massimu ta’ 30 metru li jgħaqqad lid-distributur ta’ netwerk ta’ aċċess mal-punt tat-terminazzjoni tan-netwerk għand l-utent finali huwa bbażat fuq in-natura tal-problema kkonstatata, huwa proporzjonat u ġġustifikat fir-rigward tal-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva Qafas.

    48

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, hemm lok li tingħata risposta għall-ewwel u t-tieni domanda li l-Artikoli 2(a), 8 u 12 tad-direttiva “aċċess” għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-ARN għandha s-setgħa li timponi fuq operatur ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi li għandu saħħa sinjifikattiva f’suq partikolari, taħt l-obbligu li jiġu ssodisfatti t-talbiet raġonevoli għall-aċċess għal, u l-użu ta’, elementi speċifiċi ta’ netwerks u faċilitajiet assoċjati, obbligu li jinstalla, fuq talba tal-operaturi kompetituri, kejbil ta’ tul massimu ta’ 30 metru li jgħaqqad lid-distributur tan-netwerk ta’ aċċess mal-punt tat-terminazzjoni tan-netwerk għand l-utent finali, peress li dan l-obbligu huwa bbażat fuq in-natura tal-problema kkonstatata, proporzjonat u ġġustifikat fir-rigward tal-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva Qafas, li hija ħaġa li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.

    Fuq it-tielet u r-raba ’ domanda

    49

    Permezz tat-tielet u r-raba’ domanda tagħha, li jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 8 u 12 tad-direttiva “aċċess”, moqrija flimkien mal-Artikolu 13 ta’ din, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-ARN, meta hija għandha l-għan li timponi fuq operatur proprjetarju ta’ netwerk ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, l-installazzjoni ta’ kejbils sabiex iqabbdu lill-utenti finali ma’ dan in-netwerk, għandhiex tikkunsidra l-investiment inizjali li sar minn operatur ikkonċernat u l-eżistenza ta’ kontroll tal-prezzijiet li jippermetti li jiġu rkuprati l-ispejjeż tal-installazzjoni.

    50

    F’dan ir-rigward, għandu jingħad li, bis-saħħa tal-Artikolu 12(2)(a) sa (d) tad-direttiva “aċċess”, l-ARN għandhom, meta jeżaminaw jekk l-obbligi msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, u b’mod partikolari meta jagħmlu stima ta’ jekk dawk l-obbligi humiex proporzjonati għall-miri msemmija fl-Artikolu 8 tad-Direttiva Qafas, għandhom jieħdu kont b’mod partikolari tal-vijabbiltà teknika u ekonomika tal-użu jew l-installazzjoni ta’ faċilitajiet kompetituri, fid-dawl tar-rata tal-iżvilupp tas-suq, u waqt li jittieħed kont tan-natura u t-tip ta’ interkonnessjoni u/jew ta’ aċċess involuti, il-livell tal-fattibbiltà tal-forniment tal-aċċess propost sabiex tiġi evalwata l-proporzjonalità tal-obbligi imposti fuq operaturi li għandhom saħħa sinjifikattiva f’suq partikolari, l-investiment inizjali mill-proprjetarju tal-faċilitajiet, waqt li wieħed iżomm f’moħħu l-investimenti pubbliċi mwettqa u r-riskji involuti meta jsir dak l-investiment; u l-ħtieġa li tiġi salvagwardata l-kompetizzjoni fuq medda ta’ żmien fit-tul, billi tingħata attenzjoni partikolari għall-kompetizzjoni ekonomikament effettiva bbażata fuq l-infrastrutturi.

    51

    Fir-rigward tal-Artikolu 13(1) tad-direttiva “aċċess”, dan jipprovdi li l-ARN jistgħu jimponu obbligi marbuta mal-irkupru tal-ispejjeż u mal-kontroll tal-prezzijiet fir-rigward tal-impriżi li għandhom saħħa sinjifikattiva f’suq partikolari għall-provvista ta’ tipi partikolari ta’ interkonnessjoni u/jew ta’ aċċess, meta analiżi tas-suq indikat li l-operatur ikkonċernat jista’, fl-assenza ta’ kompetizzjoni effettiva, iżżomm prezzijiet f’livell eċċessivament għoli, jew jikkumpressa il-prezzijiet, għad-detriment tal-utenti finali. Sabiex jiġu inkoraġġuti l-investimenti magħmula mill-operatur b’mod partikolari fin-netwerks tal-ġenerazzjoni li jmiss, l-ARN għandhom jieħdu kont tal-investiment magħmul minnu u jippermettulu rata raġonevoli ta’ qligħ fuq il-kapital adegwat investit, b’kunsiderazzjoni ta’ kwalunkwe riskju speċifiku għal proġett tan-netwerk tal-investiment ġdid partikolari.

    52

    Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 8(5) tad-Direttiva Qafas jippreċiża wkoll li, sabiex jitħaddnu l-għanijiet li jikkonsistu fil-promozzjoni tal-kompetizzjoni, fil-kontribuzzjoni tal-iżvilupp tas-suq intern u sabiex jiġu sostnuti l-interessi taċ-ċittadini tal-Unjoni, l-ARN għandhom japplikaw prinċipji regolatorji oġġettivi, nondiskriminatorji u proporzjonati. Fost dawn il-prinċipji hemm il-punt (d) ta’ din id-dispożizzjoni, li huwa li jiġi promoss investiment u innovazzjoni effiċjenti f’infrastrutturi ġodda u mtejba, inkluż billi jkun żgurat li kwalunkwe obbligu ta’ aċċess iqis kif jixraq ir-riskju meħud mill-impriżi li jinvestu u billi jippermettu diversi arranġamenti koperattivi bejn l-investituri u l-partijiet li jitolbu l-aċċess sabiex ikun diversifikat ir-riskju tal-investiment, filwaqt li jiżguraw li l-kompetizzjoni fis-suq u l-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni jkunu ppreżervati.

    53

    Mill-elementi msemmija iktar ’il fuq jirriżulta li, hekk kif l-Avukat Ġenerali sostna fil-punti 37 u 38 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-ARN għandhom, fil-kuntest tal-eżami tal-karattru proporzjonat tal-obbligu previst fir-rigward tal-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva Qafas, għandhom jiġu kkunsidrati, fost fatturi oħra, l-investiment inizzjali tal-proprjetarju ta’ faċilitajiet u l-eżistenza ta’ sistema ta’ kontroll tal-prezzijiet. B’hekk, meta huma jkollhom l-intenzjoni li jimponu fuqha, taħt l-obbligu li jiġu ssodisfatti talbiet raġonevoli għall-aċċess għal elementi speċifiċi ta’ network u għall-faċilitajiet assoċjati u li jawtorizzaw l-użu tagħhom, aġġustament tan-netwerk eżistenti li jippermetti li ssir konnessjoni bejn din u l-utent finali, huma għandhom jikkunsidraw l-ispejjeż tal-aġġustament.

    54

    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li hemm lok li tingħata risposta għat-tielet u r-raba’ domandi li l-Artikoli 8 u 12 tad-direttiva “aċċess”, moqrija flimkien mal-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ARN, meta hija għandha l-għan li timponi fuq operatur ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi li għandu saħħa sinjifikattiva f’suq partikolari, l-installazzjoni ta’ kejbils sabiex iqabbdu lill-utenti finali man-netwerk, għandha tikkunsidra l-investiment inizzjali li sar mill-operatur ikkonċernat u l-eżistenza ta’ kontroll tal-prezzijiet li jippermetti li jiġu rkuprati l-ispejjeż tal-installazzjoni.

    Fuq l-ispejjeż

    55

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikoli 2(a), 8 u 12 tad-Direttiva 2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva tal-Aċċess), kif emendata bid-Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Novembru 2009, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha s-setgħa li timponi fuq operatur ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, li għandu saħħa sinjifikattiva f’suq partikolari, taħt l-obbligu li jiġu ssodisfatti t-talbiet raġonevoli għall-aċċess għal, u l-użu ta’, elementi speċifiċi ta’ netwerks u faċilitajiet assoċjati li huwa proprjetarju tagħhom, obbligu li jinstalla, fuq talba tal-operaturi kompetituri, kejbil ta’ tul massimu ta’ 30 metru li jgħaqqad lid-distributur tan-netwerk ta’ aċċess mal-punt tat-terminazzjoni tan-netwerk għand l-utent finali, peress li dan l-obbligu huwa bbażat fuq in-natura tal-problema kkonstatata, proporzjonat u ġġustifikat fir-rigward tal-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru [qafas] regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru [Qafas]) kif emendat bid-Direttiva 2009/140, li hija ħaġa li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.

     

    2)

    L-Artikoli 8 u 12 tad-Direttiva 2002/19, kif emendata bid-Direttiva 2009/140, moqrija flimkien mal-Artikolu 13 ta’ din, għandhom jiġu interpretati fis-sens li awtorità regolatorja nazzjonali, meta hija għandha l-għan li timponi fuq operatur ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, li għandu saħħa sinjifikattiva f’suq partikolari, l-installazzjoni ta’ kejbils sabiex iqabbdu lill-utenti finali man-netwerk, għandha tikkunsidra l-investiment inizzjali li sar mill-operatur ikkonċernat u l-eżistenza ta’ kontroll tal-prezzijiet li jippermetti li jiġu rkuprati l-ispejjeż tal-installazzjoni.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: id-Daniż.

    Top