Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CJ0383

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (il-Ħames Awla) tal-14 ta' Novembru 2013.
    Environmental Manufacturing LLP vs l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trademarks u disinni) (UASI).
    Appell - Trade mark Komunitarja - Proċedimenti ta’ oppożizzjoni - Trade mark figurattiva li tirrappreżenta ras ta’ lupu - Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade marks figurattivi internazzjonali u nazzjonali li fihom l-elementi verbali ‘WOLF Jardin’ u ‘Outils WOLF’ - Raġunijiet relattivi għal rifjut - Preġudizzju għall-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti - Regolament (KE) Nru 207/2009 - Artikolu 8(5) - Bidla fl-aġir ekonomiku tal-konsumatur medju - Oneru tal-prova.
    Kawża C-383/12 P.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:741

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

    14 ta’ Novembru 2013 ( *1 )

    “Appell — Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Trade mark figurattiva li tirrappreżenta ras ta’ lupu — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade marks figurattivi internazzjonali u nazzjonali li fihom l-elementi verbali ‘WOLF Jardin’ u ‘Outils WOLF’ — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Preġudizzju għall-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti — Regolament (KE) Nru 207/2009 — Artikolu 8(5) — Bidla fl-aġir ekonomiku tal-konsumatur medju — Oneru tal-prova”

    Fil-Kawża C‑383/12 P,

    li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit-8 ta’ Awwissu 2012,

    Environmental Manufacturing LLP, stabbilita fi Stowmarket (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn M. Atkins, solicitor, K. Shadbolt, avukat, u S. Malynicz, barrister,

    appellanti,

    il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

    L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn A. Folliard-Monguiral, bħala aġent,

    konvenut fl-ewwel istanza,

    Société Elmar Wolf, stabbilita f’Wissembourg (Franza), irrappreżentata minn N. Boespflug, avukat,

    intervenjenti fl-ewwel istanza,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

    komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, E. Juhász (Relatur), A. Rosas, D. Šváby u C. Vajda, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Kokott,

    Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta’ Mejju 2013,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstemgħet l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tal-appell tagħha, Environmental Manufacturing LLP (iktar ’il quddiem “Environmental Manufacturing”) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-22 ta’ Mejju 2012, Environmental Manufacturing vs UASI – Wolf (Rappreżentazzjoni ta’ ras ta’ lupu) (T‑570/10, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”) li permezz tagħha din tal-aħħar ċaħdet ir-rikors tagħha għall-annullament ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), tas-6 ta’ Ottubru 2010 (Każ R 425/2010‑2), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inkwistjoni”).

    Il-kuntest ġuridiku

    2

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1), li daħal fis-seħħ fit-13 ta’ April 2009, ikkodifika u ħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146).

    3

    Taħt it-titolu “Raġunijiet relattivi għal rifjut”, l-Artikolu 8(1)(b) u (5) tar-Regolament Nru 207/2009 jipprovdi:

    “1.   Jekk issir oppożizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark m’għandhiex tiġi milqugħa:

    [...]

    (b)

    jekk minħabba identiċità jew xebħ bejn iż-żewġ trade marks u l-identiċità jew xebħ tal-prodotti jew servizzi koperti mit-trade marks teżisti probabiltà ta’ konfużjoni minn naħa tal-pubbliku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta; il-probabiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti.

    [...]

    5.   Barra minn hekk, malli ssir opposizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti skont it-tifsira tal-paragrafu 2, it-trade mark li għaliha tkun saret applikazzjoni m’għandhiex tiġi reġistrata jekk din tkun identika jew jekk tkun tixbah trade mark preċedenti, u għandha tiġi reġistrata għal prodotti jew servizzi li ma jixbħux lil dawk li għalihom tkun reġistrata it-trade mark preċedenti, meta f’każ ta’ trade mark Komunitarja preċedenti it-trade mark għandha reputazzjoni fil-Komunità u, f’każ ta’ trade mark nazzjonali preċedenti, it-trade mark għandha reputazzjoni fl-Istat Membru konċernat, u dana meta l-użu mingħajr dritt tat-trade mark li għaliha tkun saret applikazzjoni ikun jieħu vantaġġ inġust, jew ikun ta’ ħsara għall-karattru distintiv jew għar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti.”

    4

    L-Artikolu 8(1)(b) u (5) tar-Regolament Nru 40/94 kien redatt bl-istess kliem bħad-dispożizzjonijiet korrispondenti tar-Regolament Nru 207/2009.

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    5

    Fid-9 ta’ Marzu 2006, il-predeċessur fid-dritt ta’ Environmental Manufacturing ippreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja lill-UASI, għal sinjal figurattiv li jirrappreżenta ras ta’ lupu bl-għan tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti li jaqgħu fil-klassi 7 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjonijiet segwenti, jiġifieri: “Magni għall-ipproċessar professjonali u industrijali tal-injam u skart tal-ħaxix; magni professjonali u industrijali tal-qtugħ tal-laqx u li jqattgħu bċejjeċ żgħar tal-injam”.

    6

    Wara l-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni fil-Bulettin tat-trade marks Komunitarji Nru 38/2006 tat-18 ta’ Settembru 2006, is-Société Elmar Wolf (iktar ’il quddiem “Elmar Wolf”), ressqet oppożizzjoni kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għall-prodotti msemmija.

    7

    L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq diversi trade marks figurattivi preċedenti Franċiżi u Internazzjonali. Il-motivi invokati insostenn ta’ din l-oppożizzjoni tagħha kienu dawk stabbiliti fl-Artikoli 8(1)(b) u (5) tar-Regolament Nru 40/94.

    8

    Fl-24 ta’ Settembru 2007, il-predeċessur fid-dritt ta’ Environmental Manufacturing trasferixxa l-imsemmija applikazzjoni għal reġistrazzjoni lil din tal-aħħar. Fit-2 ta’ Ottubru 2007, Environmental Manufacturing talbet, skont l-Artikolu 43 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 207/2009), li Elmar Wolf tipprovdi provi dwar l-użu tat-trade marks preċedenti. Din tal-aħħar għalhekk ipprovdiet provi dokumentali għal dan il-għan.

    9

    Fil-25 ta’ Jannar 2010, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-UASI ċaħdet l-oppożizzjoni bbażata fuq l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, minħabba l-fatt li ma kien hemm l-ebda probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks ikkonċernati. Id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ċaħdet ukoll l-oppożizzjoni bbażata fuq l-Artikolu 8(5) ta’ dan ir-regolament, minħabba li Elmar Wolf ma kinitx ipprovdiet provi dwar l-eżistenza ta’ ħsara għar-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti jew ta’ vantaġġ indebitu miksub minn dawn tal-aħħar.

    10

    Fit-23 ta’ Marzu 2010, Elmar Wolf appellat minn din id-deċiżjoni. Din tal-aħħar ġiet annullata mid-deċiżjoni inkwistjoni. Għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, it-Tieni Bord tal-Appell ikkunsidra li t-trade marks preċedenti kellhom reputazzjoni għolja fi tliet Stati Membri. Sussegwentement, huwa kkunsidra li kien jeżisti ċertu livell ta’ xebh bejn it-trade marks inkwistjoni u li l-pubbliku rilevanti seta’ jistabbilixxi rabta bejn is-sinjali, fid-dawl tal-karattru distintiv u tar-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti, kif ukoll tax-xebh tal-prodotti koperti mit-trade marks inkwistjoni. Fl-aħħar lok, il-Bord tal-Appell ikkonkluda, billi rrefera għall-argumenti ppreżentati minn Elmar Wolf, li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni setgħet tiddilwixxi l-immaġni unika tat-trade marks preċedenti u tikseb vantaġġ indebitu mill-karattru distintiv tagħhom jew mir-reputazzjoni tagħhom.

    Ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

    11

    Environmental Manufacturing ippreżentat rikors għall-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali. Insostenn ta’ dan ir-rikors, hija qajmet żewġ motivi, ibbażati, minn naħa, fuq ksur tal-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009, u, min-naħa l-oħra, fuq ksur tal-Artikolu 8(5) ta’ dan ir-regolament.

    12

    Il-Qorti Ġenerali, għall-punti 16 sa 24 tas-sentenza appellata, skartat l-ewwel motiv bħala infondat.

    13

    Fir-rigward tat-tieni motiv, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 47 tas-sentenza appellata, li l-Bord tal-Appell ikkunsidra ġustament li l-pubbliku rilevanti seta’ jistabbilixxi rabta bejn is-sinjali li huma rrappreżentati miż-żewġ trade marks kunfliġġenti.

    14

    Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat, fil-punti 48 u 49 tas-sentenza appellata, inkwantu għall-probabbiltà ta’ dilwizzjoni, li, skont Environmental Manufacturing, il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti għandu jistabbilixxi u jipprova li l-użu tat-trade mark sussegwenti ser ikollha impatt fuq l-aġir tal-konsumaturi tal-prodotti koperti mit-trade mark preċedenti jew li hemm probabbiltà serja li dan iseħħ fil-futur. Hija ppreċiżat ukoll li Environmental Manufacturing issostni li l-Bord tal-Appell naqas milli jevalwa dan l-impatt fil-każ inkwistjoni, li Elmar Wolf kellha tippreżenta argumenti li jispjegaw b’mod konkret kif id-dilwizzjoni kienet ser tikkawżalha ħsara u li s-sempliċi fatt li tissemma dilwizzjoni ma huwiex biżżejjed sabiex jiġġustifika l-applikazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009.

    15

    Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punti 50 sa 54 tas-sentenza appellata:

    “50

    [Ir-] raġuni għal rifjut ibbażata fuq il-probabbiltà ta’ dilwizzjoni, kif previst fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, tikkontribwixxi, flimkien mar-raġunijiet relattivi l-oħra għal rifjut mogħtija fl-imsemmi artikolu, għaż-żamma tal-funzjoni prinċipali tat-trade mark, jiġifieri l-funzjoni ta’ oriġini tagħha. Għal dak li jirrigwarda l-probabbiltà ta’ dilwizzjoni, din il-funzjoni hija kompromessa meta tiddgħajjef il-kapaċità ta’ din it-trade mark li tidentifika l-prodotti jew is-servizzi li għalihom hija rreġistrata u użata bħala li joriġinaw mill-proprjetarju tal-imsemmija trade mark, peress li l-użu tat-trade mark sussegwenti jwassal għat-tnaqqis gradwali mis-saħħa tal-identità tat-trade mark preċedenti u tal-influwenza tagħha fuq il-pubbliku. Dan huwa partikolarment il-każ meta t-trade mark preċedenti, li kienet tqanqal assoċjazzjoni immedjata mal-prodotti jew mas-servizzi li għalihom hija rreġistrata, ma tkunx aktar f’pożizzjoni li tagħmel dan (sentenza [tas-27 ta’ Novembru 2008,] Intel Corporation, [C-252/07, Ġabra p. I-8823,] punt 29).

    51

    Mis-sentenza Intel Corporation, [iċċitata iktar ’il fuq,] jirriżulta li huwa l-obbligu tal-proprjetarju tat-trade mark preċedenti li jibbenefika mill-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 li jipproduċi l-prova li l-użu tat-trade mark sussegwenti jikkawża ħsara għall-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti tiegħu. Għal dan il-għan, il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti ma huwiex marbut li juri l-eżistenza ta’ preġudizzju effettiv u attwali għat-trade mark tiegħu. Fil-fatt, meta jista’ jiġi dedott li tali preġudizzju ser jirriżulta mill-użu li l-proprjetarju tat-trade mark sussegwenti jista’ jagħmel mit-trade mark tiegħu, il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti ma huwiex obbligat jistenna li effettivament iseħħ sabiex ikun jista’ jipprojbixxi l-imsemmi użu. Il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti għandu madankollu jistabbilixxi l-eżistenza ta’ elementi li jippermettu li jiġi konkluż li hemm probabbiltà serja li tali preġudizzju jseħħ fil-futur (sentenza Intel Corporation, [iċċitata iktar ’il fuq,] punti 37, 38 u 71).

    52

    Għal dan il-għan, il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti għandu jipproduċi provi li abbażi tagħhom ikun jista’ jiġi konkluż li prima facie teżisti probabbiltà fil-futur, li ma tkunx ipotetika, ta’ ħsara [...]. Konklużjoni bħal din tista’ tkun stabbilita, b’mod partikolari, fuq il-bażi tad-deduzzjonijiet loġiċi li jirriżultaw minn analiżi tal-probabbiltajiet u b’kunsiderazzjoni tal-prattiki normali fis-settur kummerċjali rilevanti kif ukoll ta’ kull ċirkustanza oħra ta’ dan il-każ [...].

    53

    Madankollu, ma’ jistax jiġi meħtieġ li, minbarra dawn l-elementi, il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti juri effett supplimentari mal-wasla tat-trade mark sussegwenti fuq l-aġir ekonomiku tal-konsumatur medju tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom it-trade mark preċedenti hija rreġistrata. Fil-fatt, tali kundizzjoni ma hija stipulata la fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 u lanqas fis-sentenza Intel Corporation[, iċċitata iktar ’il fuq].

    54

    Għal dak li jirrigwarda l-punt 77 tas-sentenza Intel Corporation[, iċċitata iktar ’il fuq], mill-għażla tal-kliem ‘b’hekk jirriżulta’ u mill-istruttura tal-punt 81 tal-istess sentenza jirriżulta li l-bidla fl-aġir ekonomiku tal-konsumatur, li għaliha tagħmel riferiment [Environmental Manufacturing] insostenn tal-ilment tagħha, hija stabbilita peress li l-proprjetarju tat-trade mark preċedenti rnexxhielu juri, f’konformità mal-punt 76 tal-imsemmija sentenza, li tiddgħajjef il-kapaċità ta’ din it-trade mark li tidentifika l-prodotti jew is-servizzi li għalihom hija rreġistrata u użata bħala li joriġinaw mill-proprjetarju tal-imsemmija trade mark, peress li l-użu tat-trade mark sussegwenti jwassal għat-tnaqqis gradwali mis-saħħa tal-identità tat-trade mark preċedenti u tal-influwenza tagħha fuq il-pubbliku.”

    16

    Fil-punti 56 sa 65 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat jekk il-Bord tal-Appell applikax b’mod korrett l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 u l-prinċipji msemmija iktar ’il fuq fil-każ inkwistjoni.

    17

    Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 66 tas-sentenza appellata, minn naħa, li huwa bir-raġun li l-Bord tal-Appell qies li l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni seta’ jikkawża ħsara għall-karattru distintiv tat-trade marks preċedenti u min-naħa l-oħra, li l-argument ta’ Environmental Manufacturing ibbażat fuq il-ħtieġa li jintwerew l-effetti ekonomiċi tal-assoċjazzjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti ma setax jiġi milqugħ.

    18

    Il-Qorti Ġenerali indikat, fil-punt 67 tas-sentenza appellata, li, “[sa] fejn il-Bord tal-Appell applika b’mod korrett l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 minħabba l-probabbiltà ta’ dilwizzjoni maħluqa mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, ma hemmx lok li tiġi eżaminata l-probabbiltà [li Environmental Manufacturing tieħu indebitament benefiċċju mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti (parassitiżmu)] li fuqu d-deċiżjoni [inkwistjoni] hija bl-istess mod ibbażata”.

    19

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali skartat it-tieni motiv bħala infondat u ċaħdet ir-rikors kollu kemm hu.

    It-talbiet tal-partijiet

    20

    Permezz tal-appell tagħha, Environmental Manufacturing titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata, tiddeċiedi b’mod definittiv dwar il-kawża, u tikkundanna lill-UASI kif ukoll lil Elmar Wolf għall-ispejjeż.

    21

    L-UASI jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lill-Environmental Manufacturing għall-ispejjeż.

    22

    Elmar Wolf titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, prinċipalment, tiċħad l-appell u, sussidjarjament, tirreferi l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, kif ukoll tordna Environmental Manufacturing tbati l-ispejjeż tagħha stess u dawk sostnuti minn Elmar Wolf.

    Fuq l-appell

    23

    Insostenn tal-appell tagħha, Environmental Manufacturing tinvoka aggravju wieħed biss, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009.

    L-argumenti tal-partijiet

    24

    Environmental Manufacturing targumenta li, wara s-sentenza Intel Corporation, iċċitata iktar ’il fuq, il-prova li l-użu mit-trade mark sussegwenti jikkawża dannu jew jista’ jikkawża dannu lill-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti tirrikjedi li jiġi ppruvat li hemm xi bidla fl-aġir ekonomiku tal-konsumatur medju tal-prodotti li għalihom it-trade mark preċedenti hija rreġistrata wara l-użu tat-trade mark sussegwenti jew inkella jintwera riskju serju li tibdil bħal dan iseħħ fil-futur. Għaldaqstant, tali prova jkollha tiġi prodotta biex id-dilwizzjoni ta’ trade mark preċedenti tista’ tiġi stabbilita.

    25

    Environmental Manufacturing tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ma talbitx għal din il-prova billi kkonkludiet li kien biżżejjed li ddgħajjef il-kapaċità tat-trade mark preċedenti li tidentifika l-prodotti li għalihom hija rreġistrata u użata bħala li joriġinaw mill-proprjetarju tal-imsemmija trade mark, peress li l-użu tat-trade mark sussegwenti jwassal għat-tnaqqis gradwali mis-saħħa tal-identità tat-trade mark preċedenti u tal-influwenza tagħha fuq il-pubbliku.

    26

    Environmental Manufacturing tqis li l-analiżi magħmula mill-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li effett fuq l-imġiba ekonomika tal-konsumaturi jimplika effett fuq l-imġiba tagħhom kummerċjali. Environmental Manufacturing targumenta li tali effett potenzjali jew reali għandu jiġi eżaminat fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat fuq il-bażi tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 u li, peress li din il-kwistjoni ma ġiet la eżaminata lanqas ippruvata, il-Qorti Ġenerali kien messha ċaħdet l-argument li kien hemm dilwizzjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

    27

    L-UASI jammetti li l-prova ta’ dannu kkawżat lill-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti, skont it-tifsira tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, tirrikjedi li jiġi ppruvat li hemm xi bidla reali jew eventwali fl-aġir ekonomiku tal-konsumatur medju tal-prodotti li għalihom it-trade marks preċedenti huma rreġistrati. Madankollu huwa jsostni li l-bidla fl-aġir ekonomiku tal-konsumatur medju u t-tnaqqis gradwali mis-saħħa tal-identità tat-trade mark preċedenti jikkostitwixxu ċirkustanzi li ma huma la indipendenti lanqas kumulattivi u li huma jagħmlu parti fir-realtà tal-uniku u l-istess rekwiżit.

    28

    L-UASI jqis li l-kundizzjoni li l-użu mit-trade mark sussegwenti jwassal għat-tnaqqis gradwali mis-saħħa tal-identità tat-trade mark preċedenti u tal-influwenza tagħha fuq il-pubbliku, riprodotta fil-punti 29 u 76 tas-sentenza Intel Corporation, iċċitata iktar ’il fuq, hija sempliċement espressjoni tal-bidla fl-aġir ekonomiku tal-konsumatur medju. Huwa jsostni li tali bidla tirriżulta meta, fil-perċezzjoni ta’ dan il-konsumatur, il-valur ekonomiku tat-trade mark li għandha reputazzjoni tbati mill-użu ta’ sinjal suċċessiv. Jeħtieġ, sabiex l-aġir ekonomiku tal-konsumatur jiġi affettwat, li dan il-konsumatur jikkunsidra t-trade mark li għandha reputazzjoni bħala inqas attraenti, inqas prestiġjuża jew inqas esklużiva minħabba l-użu tas-sinjal suċċessiv ikkontestat.

    29

    L-UASI jsostni li s-sentenza appellata hija bbażata fuq il-premessa korretta li “bidla fl-aġir ekonomiku tal-konsumatur medju tal-prodotti li għalihom it-trade mark preċedenti hija rreġistrata” tippreżumi li jintwera, bħal f’dan il-każ, li “l-użu tat-trade mark sussegwenti jwassal għat-tnaqqis gradwali mis-saħħa tal-identità tat-trade mark preċedenti u tal-influwenza tagħha fuq il-pubbliku”. Din id-dikjarazzjoni hija sempliċement spjegazzjoni tal-premessa.

    30

    L-UASI huwa tal-fehma li t-tnaqqis gradwali mis-saħħa tal-identità u tal-influwenza fuq il-pubbliku jfissru li l-valur ekonomiku tat-trade mark li għandha reputazzjoni jbati effett negattiv u li l-perċezzjoni tal-pubbliku u “l-aġir ekonomiku” tiegħu jirrappreżentaw għalhekk iż-żewġ uċuħ tal-istess medalja. L-UASI jżid jgħid li t-talba li tidher fil-punt 62 tas-sentenza appellata hija l-espressjoni tal-bidla probabbli fl-aġir ekonomiku tal-konsumatur tal-prodotti koperti mit-trade marks preċedenti, li tista’ tkun mistennija mill-użu simultanju tas-sinjal ikkontestat.

    31

    Elmar Wolf tfakkar li l-Bord tal-Appell stabbilixxa, fil-premessi 36 u 38 tad-deċiżjoni inkwistjoni, li l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jista’ jinkludi probabbiltà ta’ dilwizzjoni kif ukoll il-probabbiltà li jinkiseb vantaġġ indebitu mit-trade mark preċedenti. Hija tirrileva li l-Qorti Ġenerali, meta kkonstatat fil-punt 66 tas-sentenza appellata li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tista’ tikkawża ħsara għall-karattru distintiv tat-trade marks preċedenti, ma eżaminatx, minħabba ekonomija tal-ġudizzju, il-vantaġġ indebitu miksub minn dan il-karattru distintiv.

    32

    Fir-rigward tal-osservanza tal-kriterju kumplimentari u distint stabbilit mis-sentenza Intel Corporation, iċċitata iktar ’il fuq, Elmar Wolf targumenta li l-Qorti Ġenerali indikat, ġustament, li l-argument ibbażat fuq il-ħtieġa li jintwerew l-effetti ekonomiċi tal-assoċjazzjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti ma jistax jiġi milqugħ.

    33

    Elmar Wolf tikkunsidra li ċ-ċirkustanzi li fuqhom tibbaża l-analiżi tal-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Intel Corporation, iċċitata iktar ’il fuq, jikkonċernaw il-każ fejn il-prodotti jew is-servizzi koperti mit-trade mark preċedenti ma humiex simili għall-prodotti jew għas-servizzi koperti mit-trade mark sussegwenti, filwaqt li din il-kawża tikkonċerna prodotti identiċi jew, għall-inqas, simili. Għaldaqstant, il-kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Intel Corporation, iċċitata iktar ’il fuq, ma humiex applikabbli f’dan il-każ.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    34

    Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prova li l-użu mit-trade mark sussegwenti jikkawża dannu jew jista’ jikkawża dannu lill-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti tirrikjedi li jiġu ppruvati li hemm xi bidla fl-aġir ekonomiku tal-konsumatur medju tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom it-trade mark preċedenti hija rreġistrata wara l-użu tat-trade mark sussegwenti jew riskju serju li tibdil bħal dan iseħħ fil-futur (sentenza Intel Corporation, iċċitata iktar ’il fuq, punti 77 u 81 kif ukoll punt 6 tad-dispożittiv).

    35

    Ċertament, il-punt 77 tas-sentenza Intel Corporation, iċċitata iktar ’il fuq, huwa introdott bil-kelmiet “[b]’hekk jirriżulta li”, u dan il-punt isegwi immedjatament l-eżami tal-kwistjoni tad-dgħjufija tal-kapaċità ta’ identifikazzjoni u tat-tnaqqis gradwali mis-saħħa tal-identità tat-trade mark preċedenti u, għaldaqstant, jista’ jiġi kkunsidrat biss bħala spjegazzjoni tal-punt li jippreċedih. Madankollu, l-istess test, riprodott fil-punt 81 u fid-dispożittiv ta’ din is-sentenza, huwa awtonomu. Il-fatt li jidher fid-dispożittiv tal-imsemmija sentenza jenfasizza l-importanza tiegħu.

    36

    It-test tal-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq huwa espliċitu. Minn dan jirriżulta li, mingħajr ma tingħata l-prova li din il-kundizzjoni hija sodisfatta, il-preġudizzju jew il-probabbiltà ta’ preġudizzju miġjub lill-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti previst fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 ma jistax jiġi kkonstatat.

    37

    Il-kunċett ta’ “bidla fl-aġir ekonomiku tal-konsumatur medju” joħloq kundizzjoni ta’ natura oġġettiva. Din il-bidla ma tistax tiġi dedotta biss mill-elementi suġġettivi bħas-sempliċi perċezzjoni tal-konsumaturi. Il-fatt biss li dawn tal-aħħar jirrimarkaw il-preżenza ta’ sinjal ġdid li jixbah lis-sinjal preċedenti ma huwiex biżżejjed waħdu sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ preġudizzju jew il-probabbiltà ta’ preġudizzju miġjub lill-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti skont it-tifsira tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, sa fejn dan ix-xebh ma joħloqx konfużjoni f’moħħhom.

    38

    Issa, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 53 tas-sentenza appellata, skartat l-eżami tal-kundizzjoni stipulata mis-sentenza Intel Corporation, iċċitata iktar ’il fuq, u, b’konsegwenza, wettqet żball ta’ liġi.

    39

    Il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 62 tas-sentenza appellata, li “l-fatt li l-kompetituri jużaw sinjali li għandhom ċertu xebh għal prodotti identiċi jew simili jikkomprometti l-assoċjazzjoni immedjata li l-pubbliku rilevanti jagħmel bejn is-sinjali u l-prodotti inkwistjoni, li huwa ta’ natura li jippreġudika l-kapaċità tat-trade mark preċedenti sabiex tidentifika l-prodotti li għalihom hija rreġistrata bħala li joriġinaw mill-proprjetarju tal-imsemmija trade mark”.

    40

    Madankollu, fis-sentenza tagħha Intel Corporation, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja esprimiet ċarament in-neċessità li jinħtieġ standard ogħla ta’ prova sabiex wieħed ikun jista’ jikkonstata l-preġudizzju jew il-probabbiltà ta’ preġudizzju miġjub lill-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti skont it-tifsira tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009.

    41

    L-aċċettazzjoni tal-kriterju propost mill-Qorti Ġenerali tista’, barra minn hekk, twassal għal sitwazzjoni li fiha l-operaturi ekonomiċi japproprjaw indebitament ċertu sinjali, liema fatt jista’ jagħmel dannu lill-kompetizzjoni.

    42

    Ċertament, ir-Regolament Nru 207/2009 u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jitolbux li tiġi prodotta prova ta’ dannu reali, iżda jammettu wkoll il-probabbiltà serja ta’ tali dannu, li jippermetti l-użu ta’ deduzzjonijiet loġiċi.

    43

    Madankollu, dawn id-deduzzjonijiet ma għandhomx jirriżultaw minn sempliċi suppożizzjonijiet, iżda, bħalma l-Qorti Ġenerali stess irrilevat fil-punt 52 tas-sentenza appellata, billi tiċċita sentenza preċedenti tal-Qorti Ġenerali, dawn id-deduzzjonijiet li jirriżultaw minn “analiżi tal-probabbiltajiet u b’kunsiderazzjoni tal-prattiki normali fis-settur kummerċjali rilevanti kif ukoll ta’ kull ċirkustanza oħra ta’ dan il-każ”.

    44

    Madankollu, il-Qorti Ġenerali ma ċċensuratx l-assenza ta’ tali analiżi, bi ksur tal-ġurisprudenza ċċitata fis-sentenza proprja tagħha.

    45

    Fir-rigward tal-argument ta’ Elmar Wolf, li l-kriterju stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Intel Corporation, iċċitata iktar ’il fuq, jikkonċerna prodotti jew servizzi li ma humiex simili għall-prodotti jew għas-servizzi koperti mit-trade mark sussegwenti, u, għaldaqstant, ma humiex applikabbli f’dan il-każ, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li, fid-dawl tal-formulazzjoni ġenerali tagħha, il-ġurisprudenza li tidher fil-punti 77 u 81 kif ukoll fil-punt 6 tad-dispożittiv ta’ din is-sentenza ma tistax tiġi interpretata bħala li hija limitata għaċ-ċirkustanzi fattwali li jinvolvu prodotti jew servizzi li ma humiex simili għall-prodotti jew għas-servizzi koperti minn trade mark sussegwenti.

    46

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-appell huwa fondat.

    47

    Għaldaqstant, hemm lok li tiġi annullata s-sentenza appellata.

    48

    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, hija tista’ jew tiddeċiedi definittivament il-kawża hija stess, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex hija tagħti deċiżjoni.

    49

    F’din il-kawża, il-kundizzjonijiet ma humiex sodisfatti sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi definittivament il-kawża hija stess.

    50

    Konsegwentement, hemm lok li l-kawża tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali u li l-ispejjeż jiġu rriżervati.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-22 ta’ Mejju 2012, Environmental Manufacturing vs UASI – Wolf (Rappreżentazzjoni ta’ ras ta’ lupu) (T‑570/10), hija annullata.

     

    2)

    Il-kawża hija rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

     

    3)

    L-ispejjeż huma rriżervati.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    Top