Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CJ0347

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-8 ta’ Mejju 2014.
    Caisse nationale des prestations familiales vs Ulrike Wiering u Markus Wiering.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (il-Lussemburgu).
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Sigurtà soċjali — Regolament (KEE) Nru 1408/71 — Regolament (KEE) Nru 574/72 — Benefiċċji tal-familja — Allowances tal-familja — Allowance tal-edukazzjoni — ‘Elterngeld’ — ‘Kindergeld’ — Kalkolu tas-suppliment għad-differenza.
    Kawża C‑347/12.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:300

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

    8 ta’ Mejju 2014 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Sigurtà soċjali — Regolament (KEE) Nru 1408/71 — Regolament (KEE) Nru 574/72 — Benefiċċji tal-familja — Allowances tal-familja — Allowance tal-edukazzjoni — ‘Elterngeld’ — ‘Kindergeld’ — Kalkolu tas-suppliment għad-differenza”

    Fil-Kawża C‑347/12,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour de cassation (il-Lussemburgu), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Lulju 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Lulju 2012, fil-proċedura

    Caisse nationale des prestations familiales

    vs

    Ulrike Wiering,

    Markus Wiering,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

    komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, E. Juhász, A. Rosas (Relatur), D. Šváby u C. Vajda, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

    Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Ġunju 2013,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għall-Caisse nationale des prestations familiales, minn A. Rodesch u R. Jazbinsek, avukati,

    għal U. u M. Wiering, minn G. Pierret u S. Coï, avukati,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Martin u V. Kreuschitz, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-18 ta’ Lulju 2013,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 1(u)(i), 4(1)(h) u 76 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għal persuni impjegati, għal persuni li jaħdmu għal rashom u għal membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità, fil-verżjoni tiegħu kif emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1606/98, tad-29 ta’ Ġunju 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 308, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”), kif ukoll tal-Artikolu 10(1)(b)(i) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72, tal-21 ta’ Marzu 1972, li jistipula l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 83), fil-verżjoni tiegħu kif emendata u aġġornata bir-Regolament Nru 118/97 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 574/72”).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, il-Caisse nationale des prestations familiales (Fond nazzjonali għall-benefiċċji tal-familja, iktar ’il quddiem is-“CNPF”) u, min-naħa l-oħra, U. u M .Wiering, residenti Ġermaniżi li jaħdmu, rispettivament, fil-Ġermanja u fil-Lussemburgu, rigward ir-rifjut tas-CNPF li tħallashom suppliment għad-differenza ta’ allowances tal-familja għat-tfal tagħhom.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    L-ewwel, il-ħames, it-tmien u l-għaxar premessi tar-Regolament Nru 1408/71 huma fformulati kif ġej:

    “Billi d-dispożizzjonijiet għall-koordinament tal-leġislazzjonijiet tas-sigurtà soċjali nazzjonali jaqgħu fl-ambitu tal-libertà tal-moviment għall-ħaddiema li huma ċittadini tal-Istati Membri u għandhom jikkontribwixxu għat-titjib fil-livell tal-għixien u tal-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg;

    [...]

    Billi huwa meħtieġ, fl-ambitu ta’ dak il-koordinament, li tkun iggarantita fl-ugwaljanza tat-trattament tal-Komunità taħt il-leġislazzjonijiet varji nazzjonali lill-ħaddiema li jgħixu fl-Istati Membri u d-dipendenti tagħhom u dawk li jkomplu jgħixu warajhom;

    [...]

    Billi l-persuni impjegati u dawk impjegati għal rashom li qegħdin jiċċaqilqu fil-Komunità għandhom ikunu suġġetti għall-iskema tas-sigurtà soċjali ta’ Stat Membru wieħed biss biex ikun evitat t-taħwid fil-leġislazzjonijiet nazzjonali applikabbli u l-kumplikazzjonijiet li jirriżultaw minħabba f’hekk;

    [...]

    Billi minħabba l-garanzija tal-ugwaljanza fit-trattament tal-ħaddiema kollha okkupati fit-territorju tal-Istat Membru jkun effettiv kemm jista’ jkun, huwa sewwa li tkun determinata bħala l-leġislazzjoni applikabbli, bħala regola ġenerali, dik tal-Istat Membru li fih il-persuna kkonċernata tfittex impjieg jew impjieg għal rasha.”

    4

    L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi d-definizzjonijiet applikabbli fil-qasam irregolat minnu.

    5

    L-Artikolu 1(u) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

    “i)

    it-terminu benefiċċju tal-familja jfisser il-benefiċċji kollha in natura u fi flus intenzjonati li jlaħħqu ma’ l-ispejjeż tal-familja taħt il-leġislazzjoni li hemm ipprovdut għaliha fl-Artikolu 4(1)(h), li teskludi l-kumpensi speċjali tat-twelid jew adozzjoni tat-tfal irreferuti fl-Anness II;

    ii)

    kumpensi tal-familja [allowances tal-familja] jfissru l-benefiċċji perjodiċi fi flus mogħtija esklussivament b’riferenza għan-numru u, fejn meħtieġ, [għal]l-età tal-membri tal-familja.”

    6

    Skont l-Artikolu 4(1)(h) ta’ dan l-istess regolament, dan tal-aħħar japplika għal-leġiżlazzjoni kollha li tikkonċerna l-oqsma dwar is-sigurtà soċjali li jirrigwardaw il-benefiċċji tal-familja.

    7

    L-Artikolu 12(1) tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 jistabbilixxi:

    “Dan ir-Regolament la jista’ jagħti u lanqas iżomm id-dritt għal diversi benefiċċji ta’ l-istess tip [tal-istess natura] għall-istess perjodu ta’ assigurazzjoni. [...]”

    8

    L-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Regoli ġenerali”, jipprovdi:

    “1.   Bla ħsara għall-Artikoli 14ċ u 14f, persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu soġġetti għall-liġijiet ta’ Stat Membru wieħed biss. Dawk il-liġijiet għandhom jiġu stabbiliti skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu.

    2.   Suġġetti għall-Artikoli 14 sa 17:

    a)

    persuna impjegata fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat anke jekk ikun jabita fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor jew jekk l-uffiċċju reġistrat inkella post tan-negozju ta’ l-impriża jew ta’ l-individwu li jimpjegah huwa stabbilit fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor;

    [...]”

    9

    L-Artikolu 73 tal-imsemmi regolament jipprovdi:

    “Persuna impjegata jew li taħdem għal rasha suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru tkun intitolata, fejn jidħlu l-membri tal-familja tagħha li qegħdin jabitaw fi Stat Membru ieħor, għall-benefiċċji tal-familja pprovduti mill-leġislazzjoni ta’ l-Istat tal-ewwel, bħallikieku huma kienu jabitaw f’dak l-Istat, suġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Anness VI.”

    10

    L-Artikolu 76 tal-istess regolament huwa fformulat kif ġej:

    “1.   Fejn, matul l-istess perjodu, għall-istess membru tal-familja u minħabba t-twettiq ta’ okkupazzjoni, il-benefiċċji tal-familja jkunu pprovduti mil-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu il-familja tabita, l-intitolament tal-benefiċċji tal-familja dovuti skond il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru ieħor, jekk ikun xieraq taħt l-Artikolu 73 jew 74, jiġu sospiżi sa l-ammont ipprovdut fil-leġislazzjoni ta’ l-ewwel Stat Membru.

    2.   Jekk applikazzjoni għall-benefiċċji ma ssirx fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jabitaw il-membri tal-familja, l-istituzzjoni kompetenti ta’ l-Istat Membru l-ieħor tista’ tapplika d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 bħallikieku l-benefiċċji jkunu ngħataw fl-ewwel Stat Membru.”

    11

    L-Artikoli 7 sa 10a tar-Regolament (KEE) Nru 574/72 jistabbilixxu l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1408/71.

    12

    L-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KEE) Nru 574/72 jipprovdi:

    “a)

    L-intitolament għall-benefiċċji jew allowances tal-familja dovuti taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru, skond liema l-akkwist tad-dritt għal dawk il-benefiċċji jew allowances mhux suġġett għall-kondizzjonijiet ta’ l-assigurazzjoni, l-impjieg jew l-impjieg għar-ras [bħala persuna li taħdem għal rasha], ikun sospiż meta, waqt l-istess perjodu u għall-istess membru tal-familja, il-benefiċċji huma dovuti biss insegwitu għal-leġislazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru ieħor jew fl-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 73, 74, 77 jew 78 tar-Regolament [Nru 1408/71], sas-somma ta’ dawk il-benefiċċji.

    b)

    Madanakollu, fejn attività professjonali jew kummerċjali titwettaq fit-territorju ta’ l-ewwel Stat Membru:

    i)

    fil-każ tal-benefiċċji dovuti jew taħt il-leġislazzjoni biss ta’ Stat Membru ieħor jew taħt l-Artikoli 73 jew 74 tar-Regolament lill-persuna intitolata għall-benefiċċji tal-familja jew lill-persuna li lilha għandhom jitħallsu, id-dritt tal-benefiċċji dovuti jew taħt il-leġislazzjoni nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor biss jew taħt dawn l-Artikoli jkunu sospiżi sas-somma tal-benefiċċji tal-familja pprovdut għalihom mil-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu il-membru tal-familja qiegħed jabita. L-ispiża tal-benefiċċji mħallsa mill-Istati Membri li fit-territorju tiegħu il-membru tal-familja qed jabita jitħallsu minn dak l-Istat Membru;

    [...]”

    13

    Għandu jiġi osservat, minn naħa, li r-Regolament Nru 1408/71 ġie ssostitwit bir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72), u, min-naħa l-oħra, li r-Regolament Nru 574/72 ġie ssostitwit bir-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009, li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004 (ĠU L 284, p. 1), fejn dawn ir-regolamenti l-ġodda saru applikabbli fl-1 ta’ Mejju 2010, skont l-Artikolu 91 tar-Regolament Nru 883/2004 u l-Artikolu 97 tar-Regolament Nru 987/2009. Madankollu, fid-dawl ta’ meta seħħew il-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dawn jibqgħu rregolati bir-Regolamenti Nru 1408/71 u Nru 574/72.

    Id-dritt Lussemburgiż

    14

    Fil-15 ta’ Marzu 2013, il-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 101 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, għamlet lill-qorti tar-rinviju talba għal kjarifiki. Il-qorti tar-rinviju b’mod partikolari kienet mistiedna tiddeskrivi b’mod iktar preċiż il-benefiċċji tal-familja Lussemburgiżi inkwistjoni fil-kawża prinċipali u l-kundizzjonijiet għall-għoti tagħhom. Permezz ta’ ittra tad-29 ta’ April 2013, il-qorti tar-rinviju indikat, fost affarijiet oħra, li l-benefiċċji tal-familja Lussemburgiżi inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu l-allowances tal-familja (iktar ’il quddiem l-“allowances tal-familja Lussemburgiżi”) kif ukoll l-allowance tal-edukazzjoni u kkomunikat lill-Qorti tal-Ġustizzja t-testi tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Lussemburgiż li jirregolaw l-għoti ta’ dawn il-benefiċċji. Hija barra minn hekk ippreċiżat ukoll li l-allowance tal-leave parentali ma kinitx inkwistjoni fil-kawża mressqa quddiemha, billi t-talba ta’ U. u M. Wiering rigward din l-allowance ġiet iddikjarata inammissibbli.

    15

    Skont l-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 269 tal-Kodiċi tas-sigurtà soċjali Lussemburgiż jipprovdi:

    “Għandhom dritt għall-allowances tal-familja fil-kundizzjonijiet previsti f’dan il-kapitolu,

    a)

    għalihom stess, it-tfal kollha effettivament u b’mod kontinwu residenti fil-Lussemburgu u li għandhom id-domiċilju legali tagħhom fil-Lussemburgu;

    b)

    għall-membri tal-familja tagħhom, skont l-istrument internazzjonali applikabbli, il-persuni kollha suġġetti għal-leġiżlazzjoni Lussemburgiża u li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolamenti Komunitarji jew ta’ istrument ieħor bilaterali jew multilaterali konkluż mil-Lussemburgu fir-rigward tas-sigrutà soċjali u li jipprovdi għall-ħlas ta’ allowances tal-familja skont il-leġiżlazzjoni tal-pajjiż ta’ impjieg. Huma kkunsidrati bħala membri tal-familja ta’ persuna t-tfal li jappartjenu għall-grupp familjari ta’ din il-persuna, kif iddefinit fl-Artikolu 270. Il-membri tal-familja msemmija f’dan it-test għandhom jirrisjedu f’pajjiż kopert mir-regolamenti jew mill-istrumenti inkwistjoni.

    [...]”

    16

    Bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 271 tal-imsemmi kodiċi, l-allowance hija dovuta sa mix-xahar tat-twelid tat-tfal sal-età ta’ tmintax-il sena. Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 271 tal-istess kodiċi, id-dritt għall-allowances tal-familja jinżamm sa mhux iktar mill-età ta’ sebgħa u għoxrin sena magħluqa għall-istudenti tal-edukazzjoni sekondarja u tal-edukazzjoni sekondarja teknika li jiddedikaw ruħhom b’mod prinċipali għall-istudju tagħhom.

    17

    L-Artikolu 299 tal-Kodiċi tas-sigurtà soċjali Lussemburgiż jipprevedi:

    “(1)   Allowance tal-edukazzjoni hija mogħtija fuq talba lill-persuni kollha li:

    a)

    għandhom id-domiċilju legali tagħhom fis-sens tal-Artikolu 269 fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu u jirrisjedu effettivament hemmhekk, jew li huma affiljati b’mod obbligatorju mas-sigurtà soċjali Lussemburgiża minħabba attività professjonali u jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolamenti Komunitarji;

    b)

    għandhom fil-familja tagħhom tifel wieħed jew iktar li għalihom l-applikant jew il-konjuġi mhux isseparat jew is-sieħeb tiegħu jitħallas [...], allowances tal-familja u li jissodisfaw fir-rigward tagħhom il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 270 [tal-istess kodiċi dwar id-determinazzjoni tal-grupp familjari];

    ċ)

    jiddedikaw ruħhom b’mod prinċipali għall-edukazzjoni tat-tfal fil-familja u li ma jwettqu l-ebda attività professjonali jew li ma jibbenefikawx minn xi dħul ieħor.

    (2)   B’deroga għall-kundizzjoni prevista fil-paragrafu (1)(ċ) jistgħu jirċievu wkoll l-allowance l-persuni kollha li jeżerċitaw attività professjonali waħda jew iktar jew li jibbenefikaw minn xi dħul ieħor u li, irrispettivament mit-tul tax-xogħol maħdum, għandhom flimkien mal-konjugi mhux isseparat tagħhom jew mal-persuna li magħha huma jgħixu f’komunità domestika, dħul li ma jeċċedix, wara t-tnaqqis tal-ispejjeż tas-sigurtà soċjali,

    a)

    tliet darbiet is-salarju soċjali minimu jekk dawn irabbu tifel wieħed;

    b)

    erba’ darbiet is-salarju soċjali minimu jekk dawn irabbu żewġt itfal;

    c)

    ħames darbiet is-salarju soċjali minimu jekk dawn irabbu tliet itfal jew iktar.

    (3)   B’deroga għall-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafu (1)(ċ) u fil-paragrafu (2), jistgħu jirċievu nofs l-allowance tal-edukazzjoni, irrispettivament mid-dħul li huma għandhom, il-persuni kollha li

    a)

    jeżerċitaw attività professjonali waħda jew iktar part-time mingħajr ma t-tul totali tax-xogħol ta’ kull ġimgħa effettivament maħdum jaqbeż in-nofs tat-tul normal tax-xogħol li japplika għalihom fl-istess perijodu bis-saħħa tal-liġi jew tal-ftehim kollettiv tax-xogħol, jew jibbenefikaw minn dħul ieħor li jikkorrispondi għat-tul tax-xogħol stabbilit preċedentement;

    b)

    jiddedikaw ruħhom b’mod prinċipali għall-edukazzjoni tat-tfal tal-familja matul perijodu li tal-inqas huwa ekwivalenti għal nofs il-ħin normali ta’ xogħol, kif stabbilit fis-subparagrafu (a).

    [...]”

    18

    L-Artikolu 302 ta’ dan il-kodiċi jistabbilixxi:

    “L-allowance tal-edukazzjoni hija dovuta mill-ewwel ġurnata tax-xahar ta’ wara jew l-iskadenza tal-leave tal-maternità jew tal-leave sabiex jiġi milqugħ tifel, jew l-iskadenza tat-tmien ġimgħa wara t-twelid.

    Din titħallas matul ix-xahar li fih hija dovuta.

    L-allowance tieqaf mill-ewwel jum tax-xahar li jiġi wara dak li fih it-tifel jagħlaq sentejn.

    B’deroga mill-paragrafu preċedenti,

    a)

    l-allowance tinżamm favur ir-riċevitur li jrabbi fil-famija tiegħu, jew tewmin, jew tliet itfal jew iktar sakemm wieħed jew iktar mit-tfal ikollhom inqas minn erba’ snin magħluqa;

    b)

    il-limitu tal-età għall-ħlas tal-allowance fil-każ tat-twelid jew tal-adozzjoni multipla ta’ iktar minn żewġt itfal, jitla’ b’sentejn għal kull tifel supplimentari favur ir-riċevitur li jissodisfa l-kundizzjonijiet tas-subparagrafu (a).

    Fil-każ ta’ adozzjoni multipla ta’ tfal b’etajiet differenti, il-limitu tal-età jiġi applikat skont l-età tal-iżgħar tifel adottat.

    Hija tinżamm ukoll favur kull persuna li trabbi fil-familja tagħha tfal li għandhom inqas minn erba’ snin magħluqa li favurihom titħallas allowance speċjali supplimentari prevista fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 272.

    Id-dritt għall-allowance jispiċċa fil-każ li l-kundizzjonijiet għall-għoti previsti f’dan il-kapitolu ma jkunux għadhom jiġu ssodisfatti.”

    19

    L-Artikolu 303 tal-istess kodiċi huwa fformulat kif ġej:

    “L-allowance tal-edukazzjoni hija stabbilita għal EUR 485.01 kull xahar ikun xi jkun in-numru tat-tfal imrobbija fl-istess familja. Fil-każ ta’ applikazzjoni tal-limiti msemmija fl-Artikolu 299(2), l-allowance titnaqqas sa fejn l-ammont tad-dħul, wara li jitnaqqsu l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u l-allowance tal-edukazzjoni, jaqbeż il-limiti msemmija.”

    20

    L-Artikolu 304 tal-Kodiċi tas-sigurtà soċjali Lussemburgiż jipprevedi:

    “L-allowance tal-edukazzjoni tkun sospiża sal-ammont ta’ benefiċċju mhux Lussemburgiż tal-istess natura dovut għall-istess tifel jew għall-istess tfal.

    [H]ija ma hijiex dovuta fil-każ fejn wieħed mill-ġenituri jibbenefika għall-istess tifel jew għall-istess tfal minn allowance tal-leave parentali prevista fil-Kapitolu VI ta’ dan il-kodiċi jew minn benefiċċju mhux Lussemburgiż mħallas minħabba leave parentali [...].”

    Id-dritt Ġermaniż

    21

    Fid-19 ta’ Marzu 2013, il-Qorti tal-Ġustizzja stiednet lill-Gvern Ġermaniż sabiex jippreċiża, b’mod partikolari, l-għanijiet u l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-“Kindergeld” u tal-“Elterngeld”. B’ittra tas-17 ta’ April 2013, il-Gvern Ġermaniż ippreżenta lill-Qorti tal-Ġustizzja l-informazzjoni dwar dawn il-benefiċċji.

    22

    Skont l-imsemmija informazzjoni, il-“Kindergeld” huwa wieħed mill-aspetti tat-tpaċija fiskali tal-ispiża familjari prevista fl-Artikolu 31 tal-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul (Einkommensteuergesetz, iktar ’il quddiem l-“EstG”).

    23

    Kif tipprovdi din id-dispożizzjoni, il-“Kindergeld” huwa intiż sabiex ipaċi l-ispiża familjari kif ukoll sabiex jiggarantixxi livell ta’ għajxien minimu għat-tfal.

    24

    Skont l-Artikolu 62(1) tal-EstG, il-benefiċjarju, jiġifieri bħala regola ġenerali ġenitur, għandu jkollu d-domiċilju jew ir-residenza abitwali tiegħu fil-Ġermanja jew ikun taxxabbli mingħajr limitu jew ittrattat bħala tali fil-Ġermanja. Bis-saħħa tal-Artikolu 63(1) tal-EstG, it-tifel għandu jkollu d-domiċilju jew ir-residenza abitwali tiegħu fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, fl-Isvizzera, fl-Islanda, fil-Liechtenstein jew fin-Norveġja.

    25

    Skont l-Artikolu 32(4) tal-EstG, tifel jagħti dritt għal benefiċċju tal-“Kindergeld”, mingħajr kundizzjonijiet oħra, sakemm jagħlaq tmintax-il sena jew sakemm jagħlaq wieħed u għoxrin sena meta huwa ma jaħdimx u jirreġistra għax-xogħol ma’ aġenzija nazzjonali tax-xogħol jew sakemm jagħlaq ħamsa u għoxrin sena jekk huwa jattendi għal taħriġ jew iwettaq servizz volontarju rrikonoxxut jew, fl-aħħar nett, mingħajr limitu ta’ età jekk, minħabba raġuni ta’ diżabbiltà fiżika jew mentali, huwa ma jistax jgħix b’mod indipendenti.

    26

    L-ammont tal-“Kindergeld” huwa, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 66(1) tal-EstG, ta’ EUR 184 fix-xahar għal kull wieħed mill-ewwel żewġt itfal, ta’ EUR 190 għat-tielet tifel u ta’ EUR 215 għal kull tifel ieħor, u dan irrispettivament mid-dħul jew mill-patrimonju tal-membri tal-familja.

    27

    Skont l-Artikolu 1(1) tal-Liġi federali dwar l-“Elterngeld” u l-leave tal-ġenituri (Bundeselterngeld- und Elternzeitgesetz, iktar ’il quddiem il-“BEEG”), għandhom dritt għall-“Elterngeld” il-persuni kollha li għandhom id-domiċilju jew ir-residenza abitwali tagħhom fil-Ġermanja, li jgħixu flimkien mat-tfal tagħhom taħt l-istess saqaf, jieħdu ħsieb dawn it-tfal u jrabbuhom, u jew ma jeżerċitawx attività professjonali, jew jeżerċitaw attività professjonali part-time. Bis-saħħa tal-Artikolu 4(1) tal-BEEG, l-“Elterngeld” jitħallas mit-twelid tat-tfal sakemm jagħlqu erbatax-il xahar.

    28

    Bis-saħħa tal-Artikolu 2(1) tal-BEEG, l-“Elterngeld” jikkorrispondi għal 67 % tad-dħul mill-attività professjonali mwettqa qabel it-twelid tat-tfal. Hija titħallas sa limitu fix-xahar li jammonta għal EUR 1 800 għax-xhur kollha li fihom il-benefiċjarju ma jirċevix dħul minn attività professjonali.

    29

    Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(2) tal-BEEG, fil-każ fejn id-dħul mill-attività professjonali mwettqa qabel it-twelid kien inferjuri għal EUR 1 000, l-imsemmi perċentwali jiżdied b’0.1 % għal kull EUR 2 tal-bilanċ li jikkorrispondi għad-differenza bejn dan l-ammont u dak ta’ dan id-dħul sa limitu ta’ 100 %. Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 2(2) tal-BEEG, fil-każ fejn id-dħul mill-attività professjonali mwettqa qabel it-twelid kien jeċċedi EUR 1 200, il-perċentwali ta’ 67 % minn dan id-dħul jitnaqqas b’0.1 % għal kull EUR 2 tal-bilanċ li jikkorrispondi għad-differenza bejn l-ammont ta’ dan id-dħul u dak ta’ EUR 1 200 sa limitu ta’ 65 %. L-“Elterngeld” jammonta, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(4) tal-BEEG, għal ammont ta’ mill-inqas EUR 300 kull xahar, u dan, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 2(4) tal-BEEG, anki jekk il-benefiċjarju ma kien jirċievi ebda dħul professjonali qabel it-twelid tat-tfal.

    30

    Bis-saħħa tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 2a(1) tal-BEEG, fil-każ li l-benefiċjarju jgħix taħt l-istess saqaf ma’ żewġt itfal li għad ma għandhomx tliet snin, jew ma’ tlett itfal jew iktar, li għad ma għandhomx sitt snin, l-ammont tal-“Elterngeld” jiżdied b’10 % mingħajr ma din iż-żieda tista’ tkun inqas mill-ammont minimu ta’ EUR 75. Bis-saħħa tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 2a(4) tal-BEEG, fil-każ ta’ twelid multiplu, l-ammont tal-“Elterngeld” jiżdied b’EUR 300 għat-tieni tifel u għal kull tifel supplimentari.

    Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    31

    U. u M. Wiering jirrisjedu flimkien maż-żewġt itfal tagħhom fi Trier (il-Ġermanja). Mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li M. Wiering huwa impjegat il-Lussemburgu, filwaqt li l-konjuġi tiegħu taħdem bħala uffiċjal fil-Ġermanja.

    32

    Fit-12 ta’ Ottubru 2007, M. Wiering talab lis-CNPF il-ħlas tal-allowances tal-familja għaż-żewġt itfal tagħhom.

    33

    Il-Kumitat tat-tmexxija tas-CNPF irrifjuta li jħallas lil U. u M. Wiering suppliment għad-differenza fir-rigward tal-allowances tal-familja dovuti għaż-żewġt itfal tagħhom, korrispondenti għad-differenza bejn il-benefiċċji previsti mid-dritt Lussemburgiż u dawk li jirċievu bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza tagħhom, minħabba li l-ammont ta’ dawn tal-aħħar, jiġifieri l-“Kindergeld” u l-“Elterngeld”, kien jeċċedi, għall-perijodu mill-1 ta’ Lulju 2007 sal-31 ta’ Mejju 2008, dak tal-benefiċċji previsti mid-dritt Lussemburgiż, jiġifieri l-allowances tal-familja u l-allowance tal-edukazzjoni.

    34

    Permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Lulju 2009, il-Conseil arbitral des assurances sociales iddikjara infondat ir-rikors ta’ U. u M. Wiering kontra d-deċiżjoni tal-Kumitat tat-tmexxija tas-CNPF.

    35

    Fuq appell ippreżentat quddiemu minn U. u M. Wiering, il-Conseil supérieur de la sécurité sociale, permezz ta’ sentenza tas-16 ta’ Marzu 2011, biddel din id-deċiżjoni u ddikjara li U. u M. Wiering kellhom dritt għall-ħlas ta’ suppliment għad-differenza għaż-żewġt itfal tagħhom għall-perijodu kkunsidrat. Il-Conseil supérieur de la sécurité sociale kkunsidra li l-“Elterngeld” huwa benefiċċju tal-familja dovut lill-membru tal-familja li jieħu ħsieb l-edukazzjoni tat-tfal u mhux lit-tfal stess. Huwa qies li dan il-benefiċċju ma jistax, għaldaqstant, jittieħed inkunsiderazzjoni għall-istabbiliment tas-suppliment għad-differenza li għandu jitħallas lil impjegat bħala allowances tal-familja li huma dovuti lilu f’isem it-tfal tiegħu, peress li huma biss il-benefiċċji tal-familja dovuti lill-istess membru tal-familja, bl-esklużjoni ta’ dawk dovuti lill-membri l-oħra tal-familja, li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-istabbiliment ta’ dan is-suppliment għad-differenza.

    36

    Is-CNPF ippreżentat appell ta’ kassazzjoni kontra din is-sentenza filwaqt li sostniet erba’ aggravji. It-tieni, it-tielet u r-raba’ aggravji huma bbażati fuq il-ksur, fuq ir-rifjut tal-applikazzjoni jew fuq l-interpretazzjoni żbaljata, rispettivament, tal-Artikoli 10(1)(b)(i) u 10(3) tar-Regolament Nru 574/72 kif ukoll 76(1) tar-Regolament Nru 1408/71.

    37

    Is-CNPF toġġezzjona għas-sentenza tal-Conseil supérieur de la sécurité sociale sa fejn, bi ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, ma ħax inkunsiderazzjoni l-“Elterngeld” għall-kalkolu tas-suppliment għad-differenza.

    38

    Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar jekk humiex biss il-benefiċċji tal-familja tal-istess natura li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tas-suppliment għad-differenza jew jekk għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni l-benefiċċji kollha li tirċievi l-familja tal-ħaddiem migrant. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour de cassation iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “Għall-kalkolu tas-suppliment għad-differenza eventwalment dovut skont l-Artikoli 1(u)(i), 4(1)(h) u 76 tar-Regolament [Nru 1408/71] u l-Artikolu [10(1)(b)(i)] tar-Regolament [Nru 574/72], mill-entità kompetenti tal-Istat tal-post tax-xogħol, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, bħala allowances [benefiċċji] tal-familja tal-istess natura, l-allowances [benefiċċji] kollha li l-familja tal-ħaddiem immigrant tirċievi fl-Istat ta’ residenza, f’dan il-każ l-‘Elterngeld’ u l-‘Kindergeld’ ipprovduti mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża?”

    Fuq id-domanda preliminari

    39

    Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 1(u)(i), 4(1)(h) u 76 tar-Regolament Nru 1408/71 kif ukoll l-Artikolu 10(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 574/72 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, għall-finijiet tal-kalkolu tas-suppliment għad-differenza eventwalment dovut lil ħaddiem migrant fl-Istat Membru tal-impjieg tiegħu, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, bħala benefiċċji tal-istess natura, il-benefiċċji tal-familja kollha li tirċievi l-familja ta’ dan il-ħaddiem bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza, f’dan il-każ l-“Elterngeld” u l-“Kindergeld” previsti mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża.

    40

    Għandu qabel kollox jitfakkar li, għalkemm l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 1408/71 jipprovdi li l-ħaddiem suġġett għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru għandu d-dritt, għall-membri tal-familja tiegħu li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor, għall-benefiċċji tal-familja previsti mil-leġiżlazzjoni tal-ewwel Stat, daqs li kieku kienu joqogħdu fit-territorju ta’ dan l-Istat, l-imsemmija dispożizzjoni, filwaqt li tikkostitwixxi regola ġenerali fir-rigward tal-benefiċċji tal-familja, ma hijiex madankollu regola assoluta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Schwemmer, C‑16/09, EU:C:2010:605, punti 41 u 42).

    41

    Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li, skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1408/71, dan ir-regolament la jista’ jagħti u lanqas iżomm id-dritt għal diversi benefiċċji tal-istess natura għall-istess perijodu ta’ assigurazzjoni obbligatorja.

    42

    B’hekk, peress li hemm riskju li jkun hemm kumulu tad-drittijiet previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza flimkien ma’ dawk li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ impjieg, l-Artikolu 73 tal-imsemmi regolament għandu jintiżen mar-regoli antikumulu li jinsabu f’dan tal-aħħar u fir-Regolament Nru 574/72, jiġifieri b’mod partikolari l-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 1408/71 u l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 574/72 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Schwemmer, EU:C:2010:605, punti 43 u 44).

    43

    Mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-kawża prinċipali, il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza ta’ U. u M. Wiering, jiġifieri r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tagħti d-dritt għal benefiċċji tal-familja inkwistjoni fil-kawża prinċipali sakemm tiġi ssodisfatta l-kundizzjoni ta’ domiċilju jew ta’ residenza abitwali f’dan l-Istat Membru, u mhux “minħabba t-twettiq ta’ okkupazzjoni”, kif jeżiġi l-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 1408/71 sabiex ikun jista’ japplika. Fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-“Elterngeld”, l-għoti ta’ dan tal-aħħar huwa b’mod partikolari suġġett għall-kundizzjoni ta’ domiċilju jew ta’ residenza abitwali fil-Ġermanja u għall-kundizzjoni tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ attività professjonali jew tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ attività professjonali full-time, u dan minkejja li l-ammont ta’ dan il-benefiċċju huwa bħala regola ġenerali kkalkolat skont id-dħul professjonali preċedenti.

    44

    Konsegwentement, l-imsemmi Artikolu 76 ma japplikax għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Dodl u Oberhollenzer, C‑543/03, EU:C:2005:364, punt 53, u Schwemmer, EU:C:2010:605, punt 46).

    45

    Min-naħa l-oħra, iċ-ċirkustanza fejn id-dritt għall-benefiċċji tal-familja fl-Istat Membru ta’ residenza ma jiddependix fuq kundizzjonijiet ta’ assigurazzjoni, ta’ impjieg jew ta’ ħidma awtonoma, iżda jiddependi pjuttost fuq kundizzjoni ta’ residenza, hija msemmija fl-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 574/72.

    46

    Skont ir-regola antikumulu prevista fl-Artikolu 10(1)(a) ta’ dan ir-regolament, l-allowances mogħtija mill-Istat Membru ta’ impjieg jipprevalu fuq l-allowances mogħtija mill-Istat Membru ta’ residenza li huma, bħala konsegwenza, sospiżi. Madankollu, fil-każ li titwettaq attività professjonali f’dan l-Istat tal-aħħar, l-Artikolu 10(1)(b)(i) tal-imsemmi regolament jipprovdi s-soluzzjoni kuntrarja, jiġifieri li d-dritt għall-allowances mogħtija mill-Istat Membru ta’ residenza jipprevali fuq id-dritt għall-allowances mogħtija mill-Istat Membru ta’ impjieg, li huma għalhekk sospiżi.

    47

    Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-twettiq ta’ attività professjonali minn persuna li għandha l-kustodja tat-tfal, u b’mod partikolari, mill-konjuġi tal-benefiċjarju msemmi fl-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 1408/71, fl-Istat Membru ta’ residenza tat-tfal jissospendi, b’applikazzjoni tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 574/72, id-dritt għall-allowances previsti mill-imsemmi Artikolu 73, sal-ammont tal-allowances tal-istess natura li huma effettivament imħallsa mill-Istat Membru ta’ residenza, u dan irrispettivament minn min ikun il-benefiċjarju dirett tal-allowances tal-familja previst mil-liġi tal-Istat Membru ta’ residenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Dodl u Oberhollenzer, EU:C:2005:364, punt 59, kif ukoll Weide, C‑153/03, EU:C:2005:428, punt 30).

    48

    F’dan ir-rigward, il-persuni kkonċernati rrappreżentati waqt is-seduta jaqblu li U. Wiering ma tilfitx l-istatus tagħha ta’ uffiċjal fil-Ġermanja fil-perijodu li matulu hija bbenefikat mill-“Elterngeld”, ċirkustanza li madankollu għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju. Fil-każ li dan kien effettivament il-każ, sa fejn jista’ jiġi kkunsidrat li attività professjonali kienet imwettqa minn U. Wiering fil-Ġermanja matul il-perijodu eżaminat, ir-regola antikumulu applikabbli fil-kawża prinċipali tkun l-Artikolu 10(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 574/72.

    49

    Bla ħsara għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, minn dan jirriżulta li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet l-Istat Membru li kellha l-kompetenza prioritarja għall-ħlas tal-benefiċċji tal-familja lil U. u M. Wiering għall-perijodu inkwistjoni fil-kawża prinċipali, b’tali mod li dawn tal-aħħar kellhom biss id-dritt, taħt ir-responsabbiltà tal-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru ta’ impjieg ta’ M. Wiering, jiġifieri s-CNPF, għall-ħlas eventwali ta’ suppliment għad-differenza, li huwa ekwivalenti għad-differenza bejn l-ammont tal-benefiċċji previsti mid-dritt Lussemburgiż u l-ammont ta’ dawk irċevuti fil-Ġermanja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza McMenamin, C‑119/91, EU:C:1992:503, punt 26).

    50

    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-klassifikazzjoni ta’ benefiċċji tal-familja tad-diversi benefiċċji inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma ġietx ikkontestata.

    51

    Għalhekk għandu jiġi stabbilit jekk, kif issostni s-CNPF, fil-kuntest tal-kalkolu tas-suppliment għad-differenza mitlub f’sitwazzjoni bħala dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 10(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 574/72 jimplikax li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-benefiċċji tal-familja kollha rċevuti fl-Istat Membru ta’ residenza tal-familja ta’ ħaddiem migrant.

    52

    Kif innota l-Avukat Ġenerali fil-punt 52 tal-konklużjonijiet tiegħu, peress li l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1408/71 jinsab fit-Titolu I ta’ dan ir-regolament, dwar id-dispożizzjonijiet ġenerali, il-prinċipji stabbiliti minn din id-dispożizzjoni japplikaw għar-regoli ta’ prijorità fil-każ ta’ kumulu ta’ drittijiet għall-benefiċċji jew għall-allowances tal-familja stabbiliti kemm fl-Artikolu 76 tal-istess regolament kif ukoll fl-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 574/72.

    53

    Għandu jiġi kkonstatat li, bis-saħħa tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1408/71, huwa biss id-dritt għal diversi benefiċċji tal-istess natura għall-istess perjodu li jikkostitwixxi kumulu li ma huwiex iġġustifikat.

    54

    F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-benefiċċji ta’ sigurtà soċjali għandhom jiġu kkunsidrati, indipendentement mill-karatteristiċi speċifiċi għad-diversi leġiżlazzjonijiet nazzjonali, bħala li jkunu tal-istess natura meta s-suġġett u l-iskop tagħhom, kif ukoll il-bażi għall-kalkolu tagħhom u l-kundizzjonijiet għall-għoti tagħhom, ikunu identiċi. Min-naħa l-oħra, karatteristiċi purament formali ma jistgħux jitqiesu li huma elementi rilevanti għall-klassifikazzjoni tal-benefiċċji (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Valentini, 171/82, EU:C:1983:189, punt 13, u Knoch, C‑102/91, EU:C:1992:303, punt 40).

    55

    Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li, fid-dawl tad-differenzi numerużi li jeżistu bejn is-sistemi nazzjonali tas-sigurtà soċjali, ir-rekwiżit ta’ similarità sħiħa fil-bażi għall-kalkolu tagħhom u l-kundizzjonijiet għall-għoti tagħhom ser ikollu l-konsegwenza li l-applikazzjoni tal-projbizzjoni tal-kumulu prevista fl-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1408/71 ser tkun imnaqqsa b’mod kunsiderevoli. Dan l-effett imur kontra l-għan ta’ din il-projbizzjoni, jiġifieri li jkunu evitati l-kumuli mhux iġġustifikati tal-benefiċċji soċjali (ara s-sentenza Knoch, EU:C:1992:303, punt 42).

    56

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li mill-formulazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni jirriżulta li jkun hemm kumulu mhux biss meta persuna jkollha dritt simultanjament għal żewġ benefiċċji tal-familja differenti, iżda wkoll meta d-drittijiet għal tali benefiċċji jeżistu fil-konfront ta’ żewġ persuni differenti, f’dan il-każ żewġ ġenituri, għall-benefiċċju tal-istess tifel. Fil-fatt l-ispirtu tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71 li jirregolaw il-kumulu tal-benefiċċji tal-familja u s-soluzzjonijiet li huma previsti f’dawn id-dispożizzjonijiet fil-każ ta’ kumulu juru li l-iskop tad-dispożizzjoni inkwistjoni huwa li tipprekludi kemm li l-benefiċjarju dirett ta’ benefiċċju tal-familja, jiġifieri l-ħaddiem, kif ukoll il-benefiċjarji indiretti ta’ dan il-benefiċċju, jiġifieri l-membri tal-familja tal-ħaddiem, ikunu jistgħu jibbenefikaw simultanjament minn żewġ benefiċċji tal-istess natura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dammer, C‑168/88, EU:C:1989:652, punti 10 u 12).

    57

    Għandu jiżdied li r-Regolament Nru 1408/71 ikopri, minn naħa, il-“benefiċċji tal-familja”, iddefiniti fl-Artikolu 1(u)(i) tal-imsemmi regolament, u, min-naħa l-oħra, il-“kumpensi tal-familja [allowances tal-familja]”, li jikkostitwixxu kategorija ta’ “benefiċċji tal-familja” u li huma ddefiniti fl-Artikolu 1(u)(ii) tal-istess regolament.

    58

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-diversi benefiċċji tal-familja li jista’ jibbenefika minnhom ħaddiem migrant permezz tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru tal-impjieg u dawk li jirċievi dan il-ħaddiem jew il-membri tal-familja tiegħu permezz tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza ma jikkostitwixxux neċessarjament benefiċċji “ta’ l-istess tip [tal-istess natura]”, fis-sens tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1408/71.

    59

    Fil-fatt, għalkemm dawn il-benefiċċji tal-familja huma intiżi, skont l-Artikolu 1(u)(i) ta’ dan ir-regolament, sabiex ilaħħqu mal-ispejjeż tal-familja, huma madankollu ma għandhomx kollha kemm huma neċessarjament l-istess għan speċifiku, u lanqas l-istess karatteristiċi jew benefiċjarji.

    60

    Barra minn hekk, huma biss uħud minnhom li jikkostitwixxu allowances tal-familja, fis-sens tal-Artikolu 1(u)(ii) ta’ dan ir-regolament.

    61

    Għalhekk, għall-applikazzjoni tar-regola antikumulu prevista fl-Artikolu 10(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 574/72, għandhom jiġu identifikati, fil-kuntest tal-kalkolu tas-suppliment għad-differenza eventwalment dovut lil ħaddiem migrant fl-Istat Membru ta’ impjieg tiegħu, minn fost id-diversi benefiċċji tal-familja li għandu dritt għalihom dan il-ħaddiem bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru u dawk li jirċievi l-imsemmi ħaddiem jew il-membri tal-familja tiegħu bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza, dawk il-benefiċċji li huma “ta’ l-istess tip [tal-istess natura]”, fis-sens tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1408/71, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-iskop tagħhom, tal-għan tagħhom, tal-bażi tal-kalkolu tagħhom u tal-kundizzjonijiet għall-għoti tagħhom, kif ukoll tal-benefiċjarji tagħhom.

    62

    Hija finalment il-qorti nazzjonali, li hija l-unika qorti kompetenti sabiex tevalwa l-fatti tal-kawża prinċipali u sabiex tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali, li għandha tivverifika, fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jekk l-“Elterngeld” jistax jitqies li huwa tal-istess natura bħall-allowances tal-familja Lussemburgiżi u jekk għaldaqstant setax jittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tas-suppliment għad-differenza eventwalment dovut lil U. u M. Wiering (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ottica New Line di Accardi Vincenzo, C‑539/11, EU:C:2013:591, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    63

    Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja, li hija meħtieġa tagħti risposta utli lill-qorti tar-rinviju, hija kompetenti sabiex tagħtiha indikazzjonijiet ibbażati fuq il-proċess tal-kawża prinċipali kif ukoll fuq l-osservazzjonijiet bil-miktub u orali li saru quddiemha, li jkunu tali li jippermettu lill-qorti nazzjonali tagħti deċiżjoni (ara s-sentenza Ottica New Line di Accardi Vincenzo, EU:C:2013:591, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    64

    Għalkemm ma huwiex ikkontestat fil-kawża prinċipali li l-allowances tal-familja Lussemburgiżi huma tal-istess natura bħall-“Kindergeld”, U. u M. Wiering madankollu jsostnu, essenzjalment, li l-imsemmija allowances tal-familja ma humiex benefiċċji tal-istess natura bħall-“Elterngeld”. L-“Elterngeld” għalhekk ma kienx imissu ttieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-kalkolu tas-suppliment għad-differenza mitlub minn M. Wiering lis-CNPF.

    65

    F’dan ir-rigward, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li benefiċċji bħall-“Kindergeld” u l-allowances tal-familja Lussemburgiżi huma intiżi sabiex jippermettu lill-ġenituri jkopru l-ispejjeż marbuta mal-bżonnijiet tat-tifel u jingħataw mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul jew il-patrimonju tal-membri tal-familja u lanqas attività professjonali eventwali tal-ġenituri. Jidher li għalhekk il-benefiċjarju aħħari ta’ dawn il-benefiċċji huwa t-tifel innifsu u mhux il-ġenituri. Barra minn hekk, jidher li l-imsemmija benefiċċji jikkostitwixxu benefiċċji perijodiċi fi flus mogħtija esklużivament skont in-numru tat-tfal u l-età tagħhom, b’tali mod li jistgħu jiġu kklassifikati bħala “kumpensi tal-familja [allowances tal-familja]”, fis-sens tal-Artikolu 1(u)(ii) tar-Regolament Nru 1408/71.

    66

    Fir-rigward tal-“Elterngeld”, kif innota l-Avukat Ġenerali fil-punt 66 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li tali benefiċċju huwa differenti minn benefiċċji bħalma huma l-“Kindergeld” u l-allowances tal-familja Lussemburgiżi minn diversi aspetti f’dak li jirrigwarda, minn naħa, l-għanijiet u l-karatteristiċi tiegħu u, min-naħa l-oħra, il-benefiċjarji tiegħu.

    67

    Fil-fatt, skont l-informazzjoni pprovduta mill-Gvern Ġermaniż, l-“Elterngeld” għandu l-għan li jgħin lill-familji jżommu l-kundizzjonijiet ta’ għajxien tagħhom meta l-ġenituri jiddedikaw ruħhom bi prijorità għat-tfal tagħhom. L-“Elterngeld” għandu essenzjalment l-għan li jikkontribwixxi għaż-żamma ta’ dawn il-kundizzjonijiet ta’ għajxien fil-każ ta’ waqfien temporanju, totali jew parzjali, tal-attività professjonali tal-ġenituri għall-bżonnijiet tal-edukazzjoni tat-tfal żgħar tagħhom.

    68

    F’dan is-sens, il-ġenitur responsabbli għat-tifel, li ma jeżerċitax attività professjonali jew li jwaqqaf jew inaqqas din l-attività, jibbenefika, skont, jekk ikun il-każ, id-dħul tiegħu preċedenti għal din il-waqfien jew għal dan it-tnaqqis, matul l-ewwel sena tat-tifel, minn kumpens għat-telf tad-dħul sabiex iżomm il-kundizzjonijiet ta’ għajxien tal-familja tiegħu. Għandu jiġi nnotat li l-ammont tal-“Elterngeld” huwa, bħala regola ġenerali, ta’ 67 % tal-paga preċedenti, b’limitu ta’ EUR 1 800 fix-xahar.

    69

    Għalhekk, jidher li l-għan ta’ benefiċċju bħalma huwa l-“Elterngeld” huwa li jippermetti, f’ċirkustanzi bħal dawn, li ġenitur jibbenefika minn kontribuzzjoni għaż-żamma tal-kundizzjoni ta’ għajxien tal-familja tiegħu, li l-ammont tiegħu huwa marbut, bħala regola ġenerali, mad-dħul li kellu mill-attività professjonali preċedenti tiegħu.

    70

    Għalhekk, għall-kuntrarju tal-“Kindergeld” u għall-allowances tal-familja Lussemburgiżi, l-“Elterngeld” ma jingħatax esklużivament skont in-numru tat-tfal u l-età tagħhom. Għalkemm uħud mill-kundizzjonijiet għall-għoti tiegħu huma marbuta mal-eżistenza ta’ tifel u mal-età ta’ dan tal-aħħar, l-“Elterngeld” huwa kkalkolat, bħala regola ġenerali, skont is-salarju rċevut qabel il-waqfien ta’ attività professjonali mill-ġenitur li huwa responsabbli għat-tifel. L-ammont tiegħu jiżdied biss fil-każ li l-familja tkun numeruża jew fil-każ ta’ twelid multiplu.

    71

    Għalhekk, għalkemm benefiċċju bħall-“Elterngeld” jikkostitwixxi “benefiċċju tal-familja”, fis-sens tal-Artikolu 1(u)(i) tar-Regolament Nru 1408/71 (ara, b’analoġija, is-sentenza Kuusijärvi, C‑275/96, EU:C:1998:279, punt 60), huwa ma jistax, mandankollu, jiġi kklassifikat bħala “kumpensi tal-familja [allowances tal-familja]”, fis-sens tal-Artikolu 1(u)(ii) ta’ dan ir-regolament.

    72

    Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li, fil-kawża prinċipali, is-CNPF inkludiet ukoll fil-kalkolu tas-suppliment għad-differenza l-allowance tal-edukazzjoni. Issa, kif indika l-Avukat Ġenerali fil-punti 34 u 74 tal-konklużjonijiet tiegħu u bla ħsara għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, U. Wiering ma talbitx dan il-benefiċċju u ma huwiex ċert, fid-dawl tal-Artikolu 304 tal-Kodiċi tas-sigurtà soċjali Lussemburgiż, li kien ikollha dritt għalih.

    73

    Għandu jiġi speċifikat, f’dan ir-rigward, li, anki jekk jitqies li l-imsemmi benefiċċju jista’ jitqies li huwa tal-istess natura bħall-allowances tal-familja Lussemburgiżi, fi kwalunkwe każ jirriżulta mill-ġurisprudenza li, sabiex ikun jista’ jitqies li jeżisti kumulu tad-drittijiet għal benefiċċji tal-familja f’każ partikolari, ma huwiex biżżejjed, pereżempju, li tali benefiċċji jkunu dovuti fl-Istat Membru ta’ residenza tat-tifel ikkonċernat u jkunu, fl-istess ħin, ta’ natura biss li jistgħu jkunu dovuti fi Stat Membru ieħor, fejn jaħdem wieħed mill-ġenituri ta’ dan it-tifel (ara s-sentenza Schwemmer, EU:C:2010:605, punt 52).

    74

    Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk qieset, fil-kuntest tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 574/72, li, sabiex il-benefiċċji tal-familja jkunu jistgħu jitqiesu li huma dovuti bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, il-liġi ta’ dan l-Istat trid tirrikonoxxi d-dritt għall-ħlas ta’ benefiċċji favur il-membru tal-familja li jaħdem f’dan l-Istat. Għaldaqstant huwa neċessarju li l-persuna kkonċernata tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha, kemm ta’ forma kif ukoll ta’ sustanza, imposti mil-leġiżlazzjoni interna ta’ dan l-Istat sabiex tkun tista’ teżerċita dan id-dritt, li fosthom tista’ tkun inkluża, skont il-każ, il-kundizzjoni li tiġi ppreżentata minn qabel applikazzjoni għall-ħlas ta’ tali benefiċċji (ara s-sentenza Schwemmer, EU:C:2010:605, punt 53).

    75

    Konsegwentement, anki jekk jitqies li l-allowance tal-edukazzjoni tista’ titqies li hija tal-istess natura bħall-allowances tal-familja Lussemburgiżi, fil-każ fejn il-kundizzjonijiet imposti mid-dritt Lussemburgiż sabiex tinkiseb l-allowance għall-edukazzjoni ma ġewx issodisfatti fil-kawża prinċipali, l-imsemmija allowance ma setgħetx tittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tas-suppliment għad-differenza eventwalment dovut lil U. u M. Wiering.

    76

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikoli 1(u)(i) u 4(1)(h) tar-Regolament Nru 1408/71 kif ukoll l-Artikolu 10(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 574/72 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għall-finijiet tal-kalkolu tas-suppliment għad-differenza eventwalment dovut lil ħaddiem migrant fl-Istat Membru tal-impjieg tiegħu, ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni l-benefiċċji tal-familja kollha li tirċievi l-familja ta’ dan il-ħaddiem bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza peress li, bla ħsara għal verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, l-“Elterngeld” previst mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża ma huwiex tal-istess natura, fis-sens tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1408/71, bħall-“Kindergeld” previst minn din il-leġiżlazzjoni u bħall-allowances tal-familja previsti mil-leġiżlazzjoni Lussemburgiża.

    Fuq l-ispejjeż

    77

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikoli 1(u)(i) u 4(1)(h) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għal persuni impjegati, għal persuni li jaħdmu għal rashom u għal membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità, fil-verżjoni tiegħu kif emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1606/98, tad-29 ta’ Ġunju 1998, kif ukoll l-Artikolu 10(1)(b)(i) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72, tal-21 ta’ Marzu 1972, li jistipula l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71, fil-verżjoni tiegħu kif emendata u aġġornata bir-Regolament Nru 118/97, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għall-finijiet tal-kalkolu tas-suppliment għad-differenza eventwalment dovut lil ħaddiem migrant fl-Istat Membru tal-impjieg tiegħu, ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni l-benefiċċji tal-familja kollha li tirċievi l-familja ta’ dan il-ħaddiem bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza peress li, bla ħsara għal verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, l-“Elterngeld” previst mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża ma huwiex tal-istess natura, fis-sens tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1408/71, bħall-Kindergeld” previst minn din il-leġiżlazzjoni u bħall-allowances tal-familja previsti mil-leġiżlazzjoni Lussemburgiża.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

    Top