Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CJ0281

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tad-19 ta’ Diċembru 2013.
    Trento Sviluppo srl u Centrale Adriatica Soc. coop. arl vs Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn Consiglio di Stato.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Prattiki kummerċjali żleali tal-impriżi fil-konfront tal-konsumaturi – Direttiva 2005/29/KE – Artikolu 6(1) – Kunċett ta’ ‘azzjoni qarrieqa’ – Natura kumulattiva tal-kundizzjonijiet elenkati mid-dispożizzjoni inkwistjoni.
    Kawża C‑281/12.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:859

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

    19 ta’ Diċembru 2013 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Protezzjoni tal-konsumaturi — Prattiki kummerċjali żleali tal-impriżi fil-konfront tal-konsumaturi — Direttiva 2005/29/KE — Artikolu 6(1) — Kunċett ta’ ‘azzjoni qarrieqa’ — Natura kumulattiva tal-kundizzjonijiet elenkati mid-dispożizzjoni inkwistjoni”

    Fil-Kawża C‑281/12,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Diċembru 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Ġunju 2012, fil-proċedura

    Trento Sviluppo srl,

    Centrale Adriatica Soc. coop. arl

    vs

    Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

    komposta minn A. Borg Barthet (Relatur), President tal-Awla, E. Levits u M. Berger, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Kokott,

    Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta’ Settembru 2013,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Trento Sviluppo srl u Centrale Adriatica coop. arl, minn M. Pacilio, avukat,

    għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Varone u P. Garofoli, avvocati dello Stato,

    għall-Gvern Litwan, minn D. Kriaučiūnas u V. Kazlauskaitė-Švenčionienė, bħala aġenti,

    għall-Gvern Ungeriż, minn M. Fehér u K. Szíjjártó, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Pignataro-Nolin u M. van Beek, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali”) (ĠU L 149, p. 22).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Trento Sviluppo srl (iktar ’il quddiem “Trento Sviluppo”) u Centrale Adriatica Soc. coop. arl (iktar ’il quddiem “Centrale Adriatica”) u l-Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato (l-Awtorità responsabbli għall-osservanza tal-kompetizzjoni u tar-regoli tas-suq, iktar ’il quddiem l-“AGCM”), dwar prattika kummerċjali ta’ dawn iż-żewġ kumpanniji kklassifikata bħala “qarrieqa” mill-AGCM.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    Il-premessa 7 tad-Direttiva 2005/29 tistabbilixxi, b’mod partikolari, li din id-direttiva tirrigwarda prattiki kummerċjali konnessi direttament mal-influwenza fuq id-deċiżjonijiet kummerċjali tal-konsumaturi fir-rigward ta’ prodotti.

    4

    Skont il-premessa 11 ta’ din id-direttiva, din tistabbilixxi projbizzjoni ġenerali waħda għal dawk il-prattiki kummerċjali żleali li joħolqu distorsjoni fl-imġiba ekonomika tal-konsumaturi.

    5

    Il-premessa 13 tal-imsemmija direttiva tipprovdi s-segwenti:

    “[...] Il-projbizzjoni ewlenija [ġenerali, komuni u uniku], stabbilita b’din id-Direttiva għalhekk tkopri prattiċi kummerċjali żleali li jgħawwġu l-imġieba ekonomika tal-konsumaturi. [...] Il-projbizzjoni ġenerali hija elaborata b’regoli dwar żewġ tipi ta’ prattiċi kummerċjali li b’marġni kbira huma l-iżjed komuni, jiġifieri l-prattiċi kummerċjali qarrieqa u l-prattiċi kummerċjali aggressivi.”

    6

    Skont il-premessa 14 tal-istess direttiva:

    “Il-prattiċi kummerċjali li jqarrqu għandhom ikopru dawk il-prattiċi, inkluż ir-reklamar qarrieqi, iżommu l-konsumatur milli jagħmel għażla għaqlija u effiċjenti. [...]”

    7

    L-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 2005/29 tiddefinixxi l-kunċett ta’ “ħolqien ta’ distorsjoni sostanzjali fl-imġieba ekonomika ta’ konsumaturi” bħalma hu “l-użu ta’ prattika kummerċjali sabiex tiġi mfixkla b’mod apprezzabbli l-kapaċità tal-konsumatur li jagħmel deċiżjoni infurmata, jew imġiegħel jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra”.

    8

    L-Artikolu 2(k) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi l-kunċett ta’ “deċiżjoni transazzjonali [kummerċjali]” tfisser “kwalunkwe deċiżjoni meħuda minn konsumatur dwar jekk, kif u taħt liema kondizzjonijiet jixtri, iħallas il-prezz sħiħ jew parti mill-prezz ta’ prodott, iżomm jew jiddisponi minn prodott jew jeżerċita xi dritt kontrattwali fir-rigward tal-prodott, kemm jekk il-konsumatur jiddeċiedi li jieħu jew ma jiħux xi azzjoni”.

    9

    L-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

    “Prattika kummerċjali għandha titqies bħala qarrieqa jekk ikun fiha tagħrif falz u għalhekk ma tkunx tikkorrispondi għall-verità, jew li b’xi mod, anki bil-preżentazzjoni totali tagħha, tqarraq bil-konsumatur medju, anke jekk it-tagħrif ikun korrett fattwalment, fir-rigward ta’ wieħed jew iktar mill-elementi li ġejjin, u li f’kull każ iġġiegħlu jew x’aktarx iġġiegħlu jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra:

    [...]

    b)

    il-karatteristiċi ewlenin tal-prodott, bħad-disponibbiltà [...];

    [...]”

    Id-dritt Taljan

    10

    Id-Digriet Leġiżlattiv Nru 206 li jirrigwarda l-kodiċi tal-konsum (decreto legislativo n. 206 – Codice del consumo), tas-6 ta’ Settembru 2005 (suppliment ordinarju tal-GURI Nru 162, tat-8 ta’ Ottubru 2005), jinkludi l-Artikolu 21(1)(b), li kien ġie inkluż permezz tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 146, tat-2 ta’ Awwissu 2007, li ttraspona b’mod partikolari d-Direttiva 2005/29 fid-dritt intern. Dan l-artikolu jipprovdi:

    “Prattika kummerċjali għandha titqies bħala qarrieqa jekk ikun fiha tagħrif falz u għalhekk ma tkunx tikkorrispondi għall-verità, jew li b’xi mod, anki bil-preżentazzjoni totali tagħha, tqarraq bil-konsumatur medju, anke jekk it-tagħrif ikun korrett fattwalment, fir-rigward ta’ wieħed jew iktar mill-elementi li ġejjin, u li f’kull każ iġġiegħlu jew x’aktarx iġġiegħlu jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra:

    [...]

    b)

    il-karatteristiċi ewlenin tal-prodott, bħad-disponibbiltà [...]”

    Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    11

    Trento Sviluppo tamministra diversi supermarkets kbar fil-provinċja ta’ Trento (l-Italja). Dawn is-supermarkets huma affiljati ma’ grupp ta’ distribuzzjoni kbira, COOP Italia, li Trento Sviluppo hija hi stess parti minnu.

    12

    Centrale Adriatica tipprovdi servizzi lill-kumpanniji li jiffurmaw parti mill-grupp COOP Italia, li hija parti minnu.

    13

    F’Marzu tal-2008, Centrale Adriatica organizzat promozzjoni speċjali f’ċerti punti ta’ bejgħ tad-ditta COOP Italia, promozzjoni li fil-kuntest tagħha ċerti prodotti ġew offruti bi prezzijiet vantaġġużi.

    14

    Il-promozzjoni damet mill-25 ta’ Marzu sad-9 ta’ April 2008. Il-brochure pubbliċitarju kien jindika “sa 50 % ta’ skont u ħafna offerti speċjali oħrajn”.

    15

    Fost il-prodotti li kienu qed jiġu offruti bi prezz promozzjonali f’dan il-brochure pubbliċitarju kien hemm laptop.

    16

    Fl-10 ta’ April 2008, konsumatur ilmenta mal-AGCM dwar il-fatt li dan ir-reklam ma kienx, skont hu, eżatt, peress li meta mar is-supermarket ta’ Trento matul il-perijodu ta’ validità tal-promozzjoni, dan il-prodott elettroniku ma kienx disponibbli.

    17

    Wara li sar dan l-ilment, l-AGCM bdiet proċedura fil-konfront ta’ Trento Sviluppo u ta’ Centrale Adriatica għal prattiki kummerċjali żleali, fis-sens tal-Artikoli 20, 21 u 23 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 206, tas-6 ta’ Settembru 2005, li jirrigwarda l-Kodiċi tal-Konsum. Din il-proċedura waslet għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni, fit-22 ta’ Jannar 2009, li imponiet sanzjoni pekunjarja fuq dawn iż-żewġ kumpanniji.

    18

    Kull waħda minnhom ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem it-Tribunale ammistrativo regionale per il Lazio (Qorti amministrattiva reġjonali tal-Lazio), li ċaħdet iż-żewġ rikorsi.

    19

    Trento Sviluppo u Centrale Adriatica konsegwentement ippreżentaw appell quddiem il-Consiglio di Stato mid-deċiżjonijiet mogħtija minn din il-qorti.

    20

    Il-qorti tar-rinviju għandha dubji inkwantu għall-portata tal-kunċett ta’ “prattiki kummerċjali qarrieqa”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2005/29. Hija tistaqsi, f’dan ir-rigward, jekk sabiex titqies li hija qarrieqa, il-prattika kummerċjali kkonċernata għandhiex tissodisfa l-kundizzjoni li tidher fl-aħħar parti tal-frażi introduttiva tal-Artikolu 6(1) skont liema, din il-prattika kummerċjali għandha tkun tali li tista’ tinfluwenza d-deċiżjoni kummerċjali tal-konsumatur. Hija tistaqsi jekk din il-kundizzjoni għandhiex tiżdied ma’ żewġ kundizzjonijiet alternattivi msemmija fl-ewwel parti ta’ din il-frażi introduttiva, jiġifieri li l-informazzjoni ppreżentata hija falza jew li tista’ tqarraq bil-konsumatur, jew jekk l-imsemmija kundizzjoni tikkostitwixxix każ alternattiv, ta’ prattiki kummerċjali qarrieqa.

    21

    Skont il-qorti tar-rinviju, il-problema ta’ interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2005/29 tinbet mid-diverġenzi bejn il-verżjonijiet lingwistiċi tiegħu. Fil-fatt, il-verżjonijiet bil-lingwa Taljana (li tuża l-espressjoni “e in ogni caso”) u bil-lingwa Ġermaniża (li tuża l-espressjoni “und [...] in jedem Fall”) jidhru li qed jagħmlu riferiment għal dispożizzjoni ġenerali skont liema s-sempliċi fatt li prattika kummerċjali tista’ tinfluwenza d-deċiżjoni kummerċjali tal-konsumatur huwa biżżejjed sabiex tiġi kklassifikata bħala qarrieqa. Min-naħa l-oħra, il-verżjonijiet bil-lingwa Ingliża (li ssemmi l-espressjoni “and in either case”) u bil-lingwa Franċiża (“et dans un cas comme dans l’autre”) jindikaw li prattika kummerċjali qarrieqa tista’ teżisti biss meta jiġu sodisfatti, minn naħa, waħda miż-żewġ kundizzjonijiet alternattivi msemmija fl-ewwel parti tas-sentenza introduttiva ta’ dan l-artikolu, u, mill-oħra, il-kundizzjoni skont liema l-prattika kummerċjali għandha tkun tali li tinfluwenza d-deċiżjoni kummerċjali tal-konsumatur.

    22

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Consiglio di Stato ddeċieda li jissospendi l-proċedimenti u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domanda preliminari:

    “L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2005/29/KE, fir-rigward tal-parti li fiha l-verżjoni Taljana tuża t-termini ‘e in ogni caso’, għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ prattika kummerċjali qarrieqa, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li jeżisti wieħed biss mill-elementi msemmija fl-ewwel parti ta’ dan il-paragrafu jew jekk il-fatt li l-prattika kummerċjali tkun ta’ natura li tbiddel id-deċiżjoni kummerċjali adottata mill-konsumatur jikkostitwixxi element neċessarju ieħor sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ din il-prattika kummerċjali qarrieqa?”

    Fuq id-domanda preliminari

    23

    Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk prattika kummerċjali għandhiex tkun ikklassifikata bħala “qarrieqa”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2005/29, sempliċiment minħabba li din il-prattika jkun fiha informazzjoni falza jew li tista’ tqarraq bil-konsumatur medju, jew jekk ikun meħtieġ ukoll, li l-imsemmija prattika tkun tista’ ġġiegħel lill-konsumatur jieħu deċiżjoni kummerċjali li kieku ma kienx jieħu f’ċirkustanzi oħra.

    24

    L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2005/29 jipprovdi li prattika kummerċjali għandha titqies li hija qarrieqa jekk ikun fiha informazzjoni falza u għalhekk ma tkunx tikkorrispondi għall-verità, jew li b’xi mod, anki bil-preżentazzjoni ġenerali tagħha, tqarraq jew tkun tista’ tqarraq bil-konsumatur medju, fir-rigward tal-karatteristiċi prinċipali tal-prodott, bħalma hija d-disponibbiltà tiegħu u li, fi kwalunkwe każ, iġġiegħlu jew tista’ ġġiegħlu jieħu deċiżjoni kummerċjali li ma kienx jieħu f’ċirkustanzi oħra.

    25

    Għandu jiġi kkonstatat, f’dan ir-rigward, li jekk il-verżjoni bil-lingwa Taljana tuża l-espressjoni “e in ogni caso” li, skont il-qorti tar-rinviju, tinkludi termini li jintroduċu speċi ta’ “klawżola finali” skont liema s-sempliċi fatt, għal prattika kummerċjali, li tista’ tbiddel l-aġir ekonomiku tal-konsumatur huwa biżżejjed biex tikklassifika tali prattika bħala qarrieqa, min-naħa l-oħra l-verżjonijiet bil-lingwi Spanjola, Franċiża u Ingliża tal-imsemmi Artikolu 6(1) jużaw rispettivament l-espressjonijiet “y en calquiera de estos casos”, “and in either case” kif ukoll “et dans un cas comme dans l’autre”. Billi għamlet riferiment espliċitu għaż-żewġ każijiet relattivi għan-natura qarrieqa tal-prattika kummerċjali kkonċernata, dawn it-tliet verżjonijiet lingwistiċi tal-aħħar jindikaw li l-prattika kummerċjali għandha ġġiegħel ukoll lill-konsumatur jieħu deċiżjoni kummerċjali li kieku ma kienx jieħu f’ċirkustanzi oħra.

    26

    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-formulazzjoni użata f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tistax isservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jew tingħata, f’dan ir-rigward, prijorità fil-konfront tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra. Fil-fatt approċċ bħal dan ikun inkompatibbli mar-rekwiżit ta’ applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni. F’każ ta’ diverġenza bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal-għan tal-leġiżlazzjoni li din id-dispożizzjoni tifforma parti minnha (ara s-sentenzi tad-12 ta’ Novembru 1998, Institute of the Motor Industry, C-149/97, Ġabra p. I-7053, punt 16, tal-25 ta’ Marzu 2010, Helmut Müller, C-451/08, Ġabra p. I-2673, punt 38).

    27

    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-istruttura ġenerali tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2005/29, għandu jitfakkar li l-prattiki kummerċjali qarrieqa, fis-sens tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2005/29, jikkostitwixxu kategorija preċiża ta’ prattiki kummerċjali żleali projbiti mill-Artikolu 5 tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ April 2009, VTB-VAB u Galatea, C-261/07 u C-299/07, Ġabra p. I-2949, punt 55, kif ukoll tad-19 ta’ Settembru 2013, CHS Tour Services, C‑435/11, punt 37).

    28

    Skont l-Artikolu 5(2) ta’ din id-direttiva, prattika kummerċjali tkun żleali jekk tikser ir-rekwiżiti tad-diliġenza professjonali u li tbiddel jew tista’ tbiddel b’mod sostanzjali l-aġir ekonomiku tal-konsumatur medju fir-rigward tal-prodott (is-sentenzi ċċitati iktar ’il punt VTB-VAB u Galatea, punt 54, kif ukoll CHS Tour Services, punt 36).

    29

    Skont l-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 2005/29, hija kkunsidrata bħala “distorsjoni sostanzjali fl-imġieba ekonomika ta’ konsumaturi”, l-użu ta’ prattika kummerċjali li tfixkel b’mod apprezzabbli l-kapaċità tal-konsumatur li jieħu deċiżjoni infurmata, u jiġi mġiegħel jieħu deċiżjoni kummerċjali li kieku ma kienx jieħu f’ċirkustanzi oħra. Konsegwentement, sabiex prattika tkun żleali fis-sens tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2005/29, għandha tkun tali li ġġiegħel lill-konsumatur jieħu deċiżjoni kummerċjali li kieku ma kienx jieħu f’ċirkustanzi oħra.

    30

    Peress li l-prattiki kummerċjali qarrieqa imsemmija fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2005/29 jikkostitwixxu kategorija speċifika ta’ prattiki kummerċjali żleali imsemmija fl-Artikolu 5(2) tal-imsemmija direttiva, huma għandhom neċessarjament jissodisfaw l-elementi kollha li jikkostitwixxu tali natura żleali u, għaldaqstant, l-element tal-kapaċità tal-prattika li tbiddel sostanzjalment l-aġir ekonomiku tal-konsumatur, billi jiġi mġiegħel jieħu deċiżjoni kummerċjali li kieku ma kienx jieħu f’ċirkustanzi oħra.

    31

    It-tieni nett, fir-rigward tal-għan imfittex mill-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2005/29, għandu jiġi kkonstatat li dan huwa bbażat fuq l-Artikolu 169 TFUE u huwa intiż sabiex jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi billi jqarreb id-dispożizzjonijiet tal-Istati Membri dwar prattiki kummerċjali żleali li jikkawżaw preġudizzju lill-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi. Il-premessa 7 tad-Direttiva 2005/29 tirrigwarda l-prattiki kummerċjali konnessi direttament mal-influwenza fuq id-deċiżjonijiet kummerċjali tal-konsumaturi fir-rigward ta’ prodotti. Il-premessa 11 ta’ din id-direttiva ssemmi li hija tistabbilixxi projbizzjoni ġenerali waħda għall-prattiki kummerċjali żleali li jibdlu l-aġir ekonomiku tal-konsumaturi. Mill-premessa 13 tal-imsemmija direttiva jirriżulta li huma ż-żewġ tipi ta’ prattiki kummerċjali bil-bosta l-iktar numerużi, jiġifieri l-prattiki kummerċjali qarrieqa u l-prattiki kummerċjali aggressivi, li kienu ġġustifikaw l-adozzjoni ta’ regoli speċifiċi bil-għan li jiġġieldu kontra dawn. Skont il-premessa 14 tal-istess direttiva, din għandha l-għan li l-kunċett ta’ “prattiki kummerċjali qarrieqa” jkopri l-prattiki li jqarrqu bil-konsumatur, jimpeduh milli jagħmel għażla infurmata u għaldaqstant b’mod effikaċi.

    32

    Minn dan jirriżulta li d-Direttiva 2005/29, bil-għan li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, stabbilit projbizzjoni ġenerali waħda tal-prattiki kummerċjali żleali li jibdlu l-aġir ekonomiku tagħhom.

    33

    Minn dan jirriżulta li sabiex prattika kummerċjali tiġi kklassifikata bħala “qarrieqa” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2005/29, għandha ġġiegħel lill-konsumatur jieħu deċiżjoni kummerċjali li kieku ma jiħux f’ċirkustanzi oħra.

    34

    Din l-interpretazzjoni hija, barra minn hekk, ikkorroborata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, mill-punt 47 tas-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2012, Pereničová u Perenič (C‑453/10), u mill-punt 42 tas-sentenza CHS Tour Services, iċċitata iktar ’il fuq, jirriżulta li prattika kummerċjali titqies li hija qarrieqa, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2005/29, sakemm l-informazzjoni tkun qarrieqa u tkun tista’ ġġiegħel lill-konsumatur jieħu deċiżjoni kummerċjali li kieku ma kienx jieħu fl-assenza ta’ din il-prattika.

    35

    Barra dan, bil-għan li jingħataw l-elementi kollha neċessarji lill-qorti tar-rinviju, sabiex tkun tista’ tiddeċiedi l-kawża quddiemha, għandha tiġi ddeterminata l-portata tal-kunċett ta’ “deċiżjoni kummerċjali”, fis-sens tal-Artikolu 2(k) tad-Direttiva 2005/29. Fil-fatt, sa fejn fil-kawża prinċipali, il-prattika kummerċjali tikkonċerna informazzjoni dwar id-disponibbiltà ta’ prodott bi prezz vantaġġuż matul ċertu perijodu, għandu jiġi ddeterminat jekk atti preparatorji għax-xiri potenzjali ta’ prodott, bħal ma hu ċ-ċaqliq tal-konsumatur lejn il-ħanut jew il-fatt li jidħol fih, jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu deċiżjonijiet kummerċjali, fis-sens tal-imsemmija direttiva.

    36

    Mill-formulazzjoni nfisha tal-Artikolu 2(k) tad-Direttiva 2005/29 jirriżulta li l-kunċett ta’ “deċiżjoni kummerċjali” huwa ddefinit b’mod wiesa’. Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni, deċiżjoni kummerċjali hija “kwalunkwe deċiżjoni meħuda minn konsumatur dwar jekk, kif u taħt liema kondizzjonijiet jixtri”. Dan il-kunċett jinkludi għalhekk mhux biss id-deċiżjoni li jiġi akkwistat jew le prodott, iżda wkoll dak li joħloq rabta diretta magħha, b’mod partikolari dik tad-dħul fil-ħanut.

    37

    L-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva jsostni wkoll favur din l-interpretazzjoni peress li, skont din id-dispożizzjoni, l-imsemmija direttiva għandha tapplika għall-prattiki kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur, kif stabbilit fl-Artikolu 5, qabel, matul jew wara tranżazzjoni kummerċjali fir-rigward ta’ xi prodott.

    38

    Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula għandha tkun li prattika kummerċjali għandha tiġi kklassifikata bħala “qarrieqa”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2005/29, meta din il-prattika, minn naħa, ikun fiha informazzjoni falza jew li tista’ tqarraq bil-konsumatur medju, u min-naħa l-oħra, li l-imsemmija prattika tkun tista’ ġġiegħel lill-konsumatur jieħu deċiżjoni kummerċjali li kieku ma kienx jieħu f’ċirkustanzi oħra. L-Artikolu 2(k) ta’ din id-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li taqa’ taħt dan il-kunċett tad-deċiżjoni kummerċjali kull deċiżjoni li għandha rabta diretta ma’ dik ta’ xiri jew le ta’ prodott.

    Fuq l-ispejjeż

    39

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    Prattika kummerċjali għandha tiġi kklassifikata bħala “qarrieqa”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali”), meta din il-prattika, minn naħa, ikun fiha informazzjoni falza jew li tista’ tqarraq bil-konsumatur medju, u min-naħa l-oħra, li l-imsemmija prattika tkun tista’ ġġiegħel lill-konsumatur jieħu deċiżjoni kummerċjali li kieku ma kienx jieħu f’ċirkustanzi oħra. L-Artikolu 2(k) ta’ din id-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li taqa’ taħt dan il-kunċett tad-“deċiżjoni kummerċjali” kull deċiżjoni li għandha rabta diretta ma’ dik ta’ xiri jew le ta’ prodott.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

    Top