This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62012CJ0059
Judgment of the Court (First Chamber), 3 October 2013.#BKK Mobil Oil Körperschaft des öffentlichen Rechts v Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs eV.#Request for a preliminary ruling from the Bundesgerichtshof.#Directive 2005/29/EC — Unfair commercial practices — Scope — Misleading information circulated by a health insurance fund which is part of the statutory social security system — Fund established as a public law body.#Case C‑59/12.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-3 ta’ Ottubru 2013.
BKK Mobil Oil Körperschaft des öffentlichen Rechts vs Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs eV.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof.
Direttiva 2005/29/KE — Prattiki kummerċjali żleali — Kamp ta’ applikazzjoni — Informazzjoni qarrieqa mxerrda minn fond ta’ assigurazzjoni għall-mard tas-sistema legali ta’ assigurazzjoni soċjali — Fond ta’ assigurazzjoni kkostitwit taħt il-forma ta’ organu rregolat mid-dritt pubbliku.
Kawża C‑59/12.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-3 ta’ Ottubru 2013.
BKK Mobil Oil Körperschaft des öffentlichen Rechts vs Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs eV.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof.
Direttiva 2005/29/KE — Prattiki kummerċjali żleali — Kamp ta’ applikazzjoni — Informazzjoni qarrieqa mxerrda minn fond ta’ assigurazzjoni għall-mard tas-sistema legali ta’ assigurazzjoni soċjali — Fond ta’ assigurazzjoni kkostitwit taħt il-forma ta’ organu rregolat mid-dritt pubbliku.
Kawża C‑59/12.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:634
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
3 ta’ Ottubru 2013 ( *1 )
“Direttiva 2005/29/KE — Prattiki kummerċjali żleali — Kamp ta’ applikazzjoni — Informazzjoni qarrieqa mxerrda minn fond ta’ assigurazzjoni għall-mard tas-sistema legali ta’ assigurazzjoni soċjali — Fond ta’ assigurazzjoni kkostitwit taħt il-forma ta’ organu rregolat mid-dritt pubbliku”
Fil-Kawża C‑59/12,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Jannar 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Frar 2012, fil-proċedura
BKK Mobil Oil Körperschaft des öffentlichen Rechts
vs
Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs eV,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, M. Berger, A. Borg Barthet, E. Levits u J.‑J. Kasel (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: Y. Bot,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għaz-Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs eV, minn C. von Gierke, Rechtsanwältin, |
— |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn W. Ferrante, avvocato dello Stato, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. van Beek u V. Kreuschitz, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-4 ta’ Lulju 2013,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“Direttiva dwar prattiki kummerċjali żleali”) (ĠU L 149, p. 22). |
2 |
Din id-domanda ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn BKK Mobil Oil Körperschaft des öffentlichen Rechts (iktar ’il quddiem “BKK”) u Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs eV (assoċjazzjoni tal-ġlieda kontra l-kompetizzjoni żleali, iktar ’il quddiem il-“Wettbewerbszentrale”) rigward informazzjoni mxandra minn BKK lill-affiljati tagħha. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
Il-premessi 5 sa 8, 11, 12 u 14 tad-Direttiva dwar prattiki kummerċjali żleali jipprovdu:
[…]
[...]
|
4 |
Skont l-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva: “L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern u li tikseb livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur billi tapprossima l-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar prattiċi kummerċjali żleali li jagħmlu ħsara lill-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi.” |
5 |
L-Artikolu 2 tal-istess direttiva huwa fformulat b’dan il-mod: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:
[...]” |
6 |
L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar prattiki kummerċjali żleali jipprovdi: “Din id-Direttiva għandha tapplika għal prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur, kif stabbilit fl-Artikolu 5, qabel, matul jew wara tranżazzjoni kummerċjali fir-rigward ta’ xi prodott.” |
7 |
L-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Il-Projbizzjoni ta’ Prattiċi Kummerċjali Żleali” huwa fformulat kif ġej: “1. Il-prattiċi kummerċjali żleali għandhom ikunu projbiti. 2. Prattika kummerċjali tkun żleali jekk:
[...] 4. B’mod partikolari, ikunu żleali dawk il-prattiċi kummerċjali li:
[...]” |
8 |
L-Artikolu 6(1) tal-istess direttiva jipprovdi: “Prattika kummerċjali għandha titqies bħala qarrieqa jekk ikun fiha tagħrif falz u għalhekk ma tkunx tikkorrispondi għall-verità, jew li b’xi mod, anki bil-preżentazzjoni totali tagħha, tqarraq bil-konsumatur medju, anke jekk it-tagħrif ikun korrett fattwalment, fir-rigward ta’ wieħed jew iktar mill-elementi li ġejjin, u li f’kull każ iġġiegħlu jew x’aktarx iġġiegħlu jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra: [...]” |
Id-dritt Ġermaniż
9 |
Id-Direttiva dwar prattiki kummerċjali żleali ġiet trasposta fid-dritt nazzjonali Ġermaniż permezz tal-liġi dwar ir-repressjoni ta’ kompetizzjoni żleali (Gesetz gegen den unlauteren Wettbewerb, BGBl. 2004 I, p. 1414, iktar ’il quddiem l-“UWG”). |
10 |
L-Artikolu 2 tal-UWG huwa fformulat kif ġej: “(1) Għall-finijiet ta’ din il-liġi:
[...]
[...]” |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
11 |
BKK hija fond ta’ assigurazzjoni għall-mard tas-sistema legali Ġermaniża kkostitwit taħt il-forma ta’ organu rregolat mid-dritt pubbliku. |
12 |
B’azzjoni mressqa fl-ewwel istanza, il-Wettbewerbszentrale talbet li BKK jiġi kkundannat jieqaf ixandar l-informazzjoni li ġejja, ippubblikata tul ix-xahar ta’ Diċembru 2008 fuq is-sit Internet ta’ din tal-aħħar: “Jekk tagħżlu li titilqu issa minn [...] BKK [...], tibqgħu affiljati mal-[fond obbligatorju ta’ assigurazzjoni għall-mard] il-ġdid għal 18-il xahar wara dan il-bdil. Għalhekk ma tkunux tistgħu tibbenefikaw iktar mill-offerti interessanti li ser jagħmel [...] BKK [...] is-sena li ġejja u fl-aħħar jista’ jkollkom tagħmlu pagament addizzjonali jekk l-ammont attribwit għall-fond il-ġdid tagħkom ma jkunx biżżejjed u dan għalhekk jitlob kontribuzzjoni addizzjonali.” |
13 |
Il-Wettbewerbszentrale tqis li din l-informazzjoni hija qarrieqa u li, għaldaqstant, hija pprojbita kemm mid-Direttiva dwar prattiki kummerċjali żleali kif ukoll mid-dritt nazzjonali dwar il-kompetizzjoni. Fil-fatt, BKK tonqos milli tindika li, fil-każ ta’ ġbir ta’ kontribuzzjoni addizzjonali, il-liġi Ġermaniża tagħti lill-persuna assigurata dritt speċjali ta’ rexissjoni. |
14 |
Għaldaqstant, b’ittra tas-17 ta’ Diċembru 2008, il-Wettbewerbszentrale intimat lil BKK jieqaf ixandar l-imsemmija informazzjoni u talbitu firma ta’ impenn f’dan is-sens, flimkien ma’ klawżola penali, kif ukoll ir-rimbors tal-ispejjeż extraġudizzjarji. |
15 |
Għaldaqstant BKK neħħa l-informazzjoni inkwistjoni mis-sit Internet tiegħu. B’ittra tas-6 ta’ Jannar 2009, huwa ammetta li kien ippubblika informazzjoni li ma kinitx korretta u impenja ruħu li ma jibqax jippromwovi s-servizzi tiegħu permezz tad-dikjarazzjonijiet li ġie akkużat bihom. Min-naħa l-oħra, BKK indika li la kien lest jagħti lill-Wettbewerbszentrale l-impenn mitlub, flimkien ma’ klawżola penali, u lanqas li jħallas l-ispejjeż extraġudizzjarji. |
16 |
Skont BKK, la d-dispożizzjonijiet tal-UWG u lanqas dawk tad-Direttiva dwar prattiki kummerċjali żleali ma huma applikabbli għall-kawża prinċipali. Fil-fatt, mill-Artikolu 2(d) ta’ din id-direttiva jirriżulta li din tapplika biss għal “prattiċi kummerċjali” minn “kummerċjant” fis-sens tal-Artikolu 2(b) tal-istess direttiva u l-punti 1 u 6 tal-Artikolu 2(1) tal-UWG għandhom kliem essenzjalment identiku għal dak tal-imsemmija dispożizzjonijiet tad-direttiva msemmija hawn fuq. Dawn il-kriterji ma humiex sodisfatti f’dan il-każ għaliex, bħala organu rregolat mid-dritt pubbliku, BKK ma għandu l-ebda skop ta’ lukru. |
17 |
Il-qorti fl-ewwel istanza ordnat lil BKK jieqaf, taħt piena ta’ pagamenti ta’ penalità, ixandar l-informazzjoni inkwistjoni għal skopijiet ta’ reklamar u ta’ kompetizzjoni fil-kuntest tal-attivitajiet tiegħu u kkundannatu jħallas lill-Wettbewerbszentrale s-somma ta’ EUR 208,65, flimkien mal-interessi. |
18 |
L-appell ippreżentat minn BKK mis-sentenza mogħtija fl-ewwel istanza ġie miċħud. Bir-rikors għal “reviżjoni” tiegħu li ġie awtorizzat mill-qorti tal-appell, BKK talab li l-azzjoni mressqa mill-Wettbewerbszentrale tiġi miċħuda. |
19 |
Il-Bundesgerichtshof tqis li l-informazzjoni ta’ reklamar imxandra minn BKK tikkostitwixxi prattika qarrieqa fis-sens tad-Direttiva dwar prattiki kummerċjali żleali u tqis li għandha tiġi pprojbita għaliex tikser l-UWG. |
20 |
Madankollu tali ksur jista’ jiġi kkonstatat biss jekk il-prattika inkwistjoni tkun tista’ tiġi evalwata fid-dawl ta’ dak li tiddisponi l-imsemmija direttiva li fuqha hija bbażata l-UWG. |
21 |
Ma huwiex stabbilit b’mod ċert li d-Direttiva fuq il-prattiki kummerċjali żleali għandha tiġi interpretata fis-sens li operatur bħalma huwa BKK, li għandu l-kwalità ta’ organu rregolat mid-dritt pubbliku sabiex jieħu ħsieb missjonijiet tal-assigurazzjoni legali għall-mard, aġixxa inkwantu “impriża” meta xandar l-informazzjoni li biha ġie akkużat. Fil-fatt jista’ jiġi sostnut li tali organu ma jeżerċitax attività ekonomika, iżda jsegwi għan esklużivament soċjali. |
22 |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Bundesgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “L-Artikolu 3(1) moqri flimkien mal-Artikolu 2(d) tad-[Direttiva dwar prattiki kummerċjali żleali] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li fond legali ta’ assigurazzjoni għall-mard jagħti lil min huwa rreġistrat miegħu informazzjoni (qarrieqa) fuq l-inkonvenzjenzi li dawn tal-aħħar ikollhom jgħaddu minnhom f’każ ta’ bdil ta’ fond legali ta’ assigurazzjoni għall-mard jikkostitwixxi wkoll azzjoni ta’ kummerċjant (li tippreżenta ruħha bħala prattika kummerċjali ta’ impriża fil-konfront tal-konsumaturi)?” |
Fuq id-domanda preliminari
23 |
B’mod preliminari, għandu jiġi osservat li mill-proċess jirriżulta li l-Bundesgerichtshof tqis li l-informazzjoni li tat lok għall-kawża prinċipali għandha tiġi deskritta bħala prattika qarrieqa fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar prattiki kummerċjali żleali u li hija tipproponi li l-imsemmija informazzjoni tiġi pprojbita, b’mod konformi mal-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva kif ukoll tal-UWG. |
24 |
Għal dan il-għan, il-qorti tar-rinviju tistaqsi madankollu jekk l-awtur ta’ tali informazzjoni, f’dan il-każ BKK, jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-imsemmija direttiva, meta dan l-awtur għandu l-kwalità ta’ organu rregolat mid-dritt pubbliku inkarigat b’missjoni ta’ interess ġenerali, bħalma hija l-ġestjoni ta’ sistema legali ta’ assigurazzjoni għall-mard. |
25 |
Sabiex jiġi deċiż jekk organu nazzjonali, bħalma huwa BKK, li huwa rregolat mid-dritt pubbliku u li huwa inkarigat bil-ġestjoni ta’ sistema legali ta’ assigurazzjoni għall-mard, għandux jitqies bħala “impriża” fis-sens tad-Direttiva dwar prattiki kummerċjali żleali u jekk, f’din il-kwalità, huwiex suġġett għar-rekwiżiti stabbiliti minn din tal-aħħar fil-każ fejn, bħal hawnhekk, huwa jipprovdi informazzjoni qarrieqa lill-affiljati tiegħu, għandu jitfakkar qabel kollox li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li t-termini ta’ dispożizzjoni ta’ dritt tal-Unjoni, li ma tinvolvi l-ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġi stabbilit is-sens u l-portata tagħha, normalment għandhom, fl-Unjoni kollha, jingħataw interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tiġi mfittxa billi jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm il-kuntest tad-dispożizzjoni kif ukoll l-għan segwit mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2000, Linster, C-287/98, Ġabra p. I-6917, punt 43; tal-11 ta’ Marzu 2003, Ansul, C-40/01, Ġabra p. I-2439, punt 26, u tat-30 ta’ Ġunju 2011, VEWA, C-271/10, Ġabra p. I-5815, punt 25). |
26 |
Għaldaqstant, id-deskrizzjoni, l-istatus legali kif ukoll il-karatteristiċi speċifiċi tal-organu inkwistjoni taħt id-dritt nazzjonali ma humiex rilevanti sabiex tiġi interpretata l-imsemmija direttiva mill-Qorti tal-Ġustizzja u sabiex din tal-aħħar tkun tista’ tirrispondi għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju. |
27 |
Sabiex tingħata risposta għal tali domanda, għandu jiġi kkonstatat li, jekk id-Direttiva dwar prattiki kummerċjali żleali tuża dejjem it-terminu “konsumatur”, hija tindika l-parti l-oħra fi tranżazzjoni kummerċjali dwar prodott bit-termini “fin-negozju” jew “kummerċjant”. |
28 |
Huwa b’dan il-mod li, skont l-Artikolu 3(1), l-imsemmija direttiva “tapplika għal prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur [...] qabel, matul jew wara tranżazzjoni kummerċjali”. |
29 |
L-Artikolu 2(d) tal-imsemmija direttiva jipprovdi li l-kunċett ta’ “prattiċi kummerċjali fin-negozju mal-konsumatur” jirreferi għal “kwalunkwe att, ommissjoni, imġieba jew rappreżentazzjoni, komunikazzjoni kummerċjali inlużi reklamar u kummerċjalizzazzjoni, minn kummerċjant, konnessi direttament mal‑promozzjoni jew bejgħ jew fornitura ta’ xi prodott lil konsumaturi”. Il-kunċett ta’ “prodott” huwa ddefinit fl-istess artikolu, taħt il-paragrafu (ċ) fis-sens li jirreferi għal kwalunkwe merkanzija jew servizz, u l-ebda settur ta’ attività ma huwa eskluż. |
30 |
L-imsemmi Artikolu 2(b) jiddefinixxi l-kunċett ta’ “kummerċjant” bħala wieħed li jindika “kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li, fi prattiċi kummerċjali koperti minn din id-Direttiva, taġixxi għal skopijiet marbuta mal-kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni tagħha u kull min jaġixxi f’isem jew fl-interessi ta’ kummerċjant”. |
31 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, għandu jitqies li, għall-applikazzjoni tad-Direttiva dwar prattiki kummerċjali żleali, iż-żewġ termini “fin-negozju” u “kummerċjant” għandhom tifsira u portata ġuridika identiċi. Għall-bqija, huwa dan it-terminu msemmi l-aħħar li jintuża l-iktar ta’ spiss fid-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva. |
32 |
F’dan ir-rigward, mill-kliem tal-Artikolu 2(b) dwar prattiki kummerċjali żleali jirriżulta, mal-ewwel daqqa t’għajn, li l-leġiżlatur tal-Unjoni ta sens partikolarment wiesa’ lill-kunċett ta’ “kummerċjant”, li jirreferi għal “kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika” ladarba teżerċita attività bi qligħ u ma jeskludix mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu la l-entitajiet li jsegwu missjoni ta’ interess ġenerali u lanqas dawk li huma rregolati mid-dritt pubbliku. |
33 |
Minbarra dan, fid-dawl tal-kliem innifsu tad-definizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2(a) u (b) tal-imsemmija direttiva, is-sens u l-portata tal-kunċett ta’ “kummerċjant” kif tirreferi għalih din tal-aħħar għandhom jiġu stabbiliti b’rabta mal-kunċett, korrelattiv iżda inkompatibbli, ta’ “konsumatur”, li jindika l-individwi li ma humiex involuti f’attivatijiet kummerċjali jew professjonali (ara, b’mod analogu, is-sentenza tad-19 ta’ Jannar 1993, Shearson Lehman Hutton, C-89/91, Ġabra p. I-139, punt 22). |
34 |
Kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 1 u mill-premessa 23 tagħha, id-Direttiva dwar prattiki kummerċjali żleali hija intiża sabiex tiżgura livell komuni għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi billi twettaq armonizzazzjoni kompleta tar-regoli rigward il-prattiki kummerċjali żleali, inkluż ir-reklamar żleali tal-kummerċjanti fil-konfront tal-konsumaturi, li jippreġudikaw l-interessi ekonomiċi ta’ dawn tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010, Mediaprint Zeitungs- und Zeitschriftenverlag, C-540/08, Ġabra p. I-10909, punt 27). |
35 |
Dan l-għan segwit mid-Direttiva dwar prattiki kummerċjali żleali, li jikkkonsisti fil-protezzjoni sħiħa tal-konsumaturi kontra l-prattiki ta’ din in-natura, huwa bbażat fuq il-fatt li, fil-konfront ta’ kummerċjant, il-konsumatur jinsab f’pożizzjoni ta’ inferjorità, għaliex għandu jitqies bħala ekonomikament iktar dgħajjef u legalment b’inqas esperjenza mill-parti kontraenti tiegħu (ara, b’mod analogu, is-sentenza Shearson Lehman Hutton, iċċitata iktar ’il fuq, punt 18). |
36 |
Minbarra dan il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-imsemmija direttiva, il-kunċett ta’ konsumatur huwa ta’ importanza primordjali u li d-dispożizzjonijiet tagħha huma maħsuba essenzjalment fid-dawl tal-konsumatur inkwantu destinatarju u vittma ta’ prattiki kummerċjali żleali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Mejju 2011, Ving Sverige, C-122/10, Ġabra p. I-3903, punti 22 u 23, kif ukoll tad-19 ta’ Settembru 2013, CHS Tour Services, C‑435/11, punt 43). |
37 |
F’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipli, l-affiljati ta’ BKK, li b’mod ċar għandhom jitqiesu bħala konsumaturi fis-sens tad-Direttiva dwar prattiki kummerċjali żleali għandhom mnejn jiġu mqarrqa permezz ta’ informazzjoni qarrieqa li hija mxandra minn dan l-organu billi tipprekludihom milli jagħmlu għażla informata (ara l-premessa 14 ta’ din id-direttiva) u billi twassalhom jieħdu deċiżjoni li ma kinux jieħdu fl-assenza ta’ tali informazzjoni, kif jipprovdi l-Artikolu 6(1) tal-istess direttiva. F’dan il-kuntest, in-natura pubblika jew privata tal-organu inkwistjoni l-istess bħall-missjoni speċifika segwita minn dan tal-aħħar ma humiex rilevanti. |
38 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, għandu jingħad li organu bħalma huwa BKK għandu l-kwalità ta’ “kummerċjant” fis-sens tal-imsemmija direttiva. |
39 |
L-interpretazzjoni mogħtija hawn fuq hija, fil-fatt, l-unika tali li tagħti effett sħiħ lid-Direttiva dwar prattiki kummerċjali żleali, billi tiggarantixxi li, b’mod konformi mar-rekwiżit ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, il-prattiki kummerċjali żleali jiġu miġġielda b’mod effikaċi. |
40 |
Interpretazzjoni bħal din taqbel ukoll mal-portata wiesgħa ħafna li diġà ngħatat lill-imsemmija direttiva f’dak li jirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Mediaprint Zeitungs- und Zeitschriftenverlag, iċċitata iktar ’il fuq, punt 21). |
41 |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li d-Direttiva dwar prattiki kummeċjali żleali għandha tiġi interpretata fis-sens li organu rregolat mid-dritt pubbliku inkarigat b’missjoni ta’ interess ġenerali, bħall-ġestjoni ta’ sistema legali ta’ assigurazzjoni għall-mard, jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tagħha. |
Fuq l-ispejjeż
42 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
Id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“Direttiva dwar prattiki kummerċjali żleali”), għandha tiġi interpretata fis-sens li organu rregolat mid-dritt pubbliku inkarigat b’missjoni ta’ interess ġenerali, bħall-ġestjoni ta’ sistema legali ta’ assigurazzjoni għall-mard, jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tagħha. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.