Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011TN0564

    Kawża T-564/11: Rikors ippreżentat fit- 28 ta’ Ottubru 2011 — Farage vs Il-Parlament u Buzek

    ĠU C 25, 28.1.2012, p. 53–54 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    28.1.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 25/53


    Rikors ippreżentat fit-28 ta’ Ottubru 2011 — Farage vs Il-Parlament u Buzek

    (Kawża T-564/11)

    (2012/C 25/105)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrent: Nigel Paul Farage (Brussell, il-Belġju) (rappreżentant: P. Bennett, Solicitor)

    Konvenuti: Il-Parlament Ewropew u Jerzy Buzek (Brussell, il-Belġju)

    Talbiet

    Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tħassar id-deċiżjoni tal-President tal-Parlament Ewropew, Jerzy Buzek, tat-2 ta’ Marzu 2010, li timponi fuq ir-rikorrent it-telf tal-jedd għall-allowance ta’ sussistenza ta’ kuljum għal għaxart’ijiem, kif ukoll id-deċiżjoni tal-bureau tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ Marzu 2010 u tal-President tal-Parlament Ewropew tal-31 ta’ Awwissu 2011, li jiddikjaraw bħala inammissibbli t-talba tar-rikorrent għal immunità parlamentari; u

    alternattivament, tiddikjara li l-ebda waħda mid-deċiżjonijiet suesposti ma hija valida jew li qatt ma kellha ssir.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka erba’ motivi.

    (1)

    L-ewwel motiv jallega ksur tal-Artikolu 8 tal-Protokoll (Nru 7) dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2010 C 84, p. 99), peress li d-diskors tar-rikorrent tal-24 ta’ Frar 2010 sar fil-kwalità tiegħu ta’ membru tal-Parlament Ewropew. Bħala tali, id-diskors inkwistjoni għamel punti politiċi u huwa importanti ħafna li membru tal-Parlament Ewropew ikun jista’ jitkellem b’mod liberu.

    (2)

    It-tieni motiv jallega ksur tal-libertà tal-espressjoni peress li ma ġiex ikkunsidrat b’mod xieraq l-Artikolu 9(3) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew (ĠU 2011 L 116, p. 1).

    (3)

    It-tielet motiv jallega ksur tad-dritt għal qorti indipendenti u imparzjali, kif sanċit fl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, peress li kull parteċipazzjoni tal-President tal-Parlament fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet f’din il-kwistjoni, jew ta’ xi ħaddieħor li kien preżenti matul is-sessjoni plenarja tal-24 ta’ Frar 2010 u li kien ifforma opinjoni, tinibixxi lil tali persuna milli tieħu sehem f’dak il-proċess.

    (4)

    Ir-raba’ motiv jallega nuqqas ta’ interpretazzjoni korretta tal-Artikolu 152(1) u tal-Artikolu 153 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew, peress li s-sanzjonijiet stabbiliti f’din l-aħħar dispożizzjoni għandhom jinqraw fil-kuntest tal-kliem tal-bidu tagħha li huma marbuta ma’ każijiet serji ta’ diżordni jew sfrattar “… bi ksur tal-prinċipji mniżżla fl-Artikolu 9 …”.


    Top