Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011TN0465

    Kawża T-465/11: Rikors ippreżentat fis- 26 ta’ Awwissu 2011 — Globula vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 305, 15.10.2011, p. 8–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    15.10.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 305/8


    Rikors ippreżentat fis-26 ta’ Awwissu 2011 — Globula vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-465/11)

    2011/C 305/10

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrenti: Globula a.s. (Hodonín, ir-Republika Ċeka) (rappreżentanti: M. Petite, D. Paemen, A. Tomtsis, D. Koláček u P. Zákoucký, avukati)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tas-27 ta’ Ġunju 2011, li tordna lir-Repubblika Ċeka biex tirtira d-deċiżjoni nnotifikata tal-Ministeru tal-Industrija u tal-Kummerċ Ċek, tas-26 ta’ Ottubru 2010, li tagħti eżenzjoni temporanja lir-rikorrenti mill-obbligu li tipprovdi aċċess innegozjat għal partijiet terzi għal faċilità futura ta’ ħażna tal-gass taħt l-art f’Dambořice (C(2011) 4509); u

    tikkundanna lill-konvenuta tħallas ispejjeż tar-rikorrenti.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

    (1)

    L-ewwel motiv, ibbażat fuq li l-konvenuta applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 36(9) tat-Tielet Direttiva tal-Gass (1), minflok applikat l-Artikolu 22(4) tat-Tieni Direttiva tal-Gass (2). B’riżultat ta’ dan, il-konvenuta ħarġet id-deċiżjoni ikkontestat fil-forma ta’ deċiżjoni vinkolanti minflok ta’ talba informali. Barra minn hekk, abbażi tal-perjodu ta’ żmien previst fl-Artikolu 36(9) tat- Tielet Direttiva tal-Gass, il-konvenuta ħarġet id-deċiżjoni ikkontesta tard, peress li skont it-Tieni Direttiva tal-Gass il-perijodu ta’ żmien oriġinali jista’ jiġi estiż b’xahar addizzjonali wieħed biss. B’riżultat ta’ dan id-deċiżjoni kkontestata hija mingħajr ebda effett ġuridiku.

    (2)

    It-tieni motiv, ibbażat fuq li l-konvenuta kisret l-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti meta l-ewwel tat garanziji preċiżi, mingħajr kundizzjoni u konsistenti rigward meta u taħt liema ċirkostanzi d-deċiżjoni nnotifikata tal-Ministeru tal-Industrija u tal-Kummerċ Ċek issir finali, iktar tard b’mod inekwivoku kkonfermat mill-ġdid dan u mbagħad, b’mod mhux mistenni, ħarġet id-deċiżjoni kkontestata b’mod inkonsistenti mad-dikjarazzjonijiet preċedenti.

    (3)

    It-tielet motiv, ibbażat fuq li l-konvenuta kisret it-Trattati u l-istat tad-dritt dwar l-applikazzjoni tagħhom. F’dan ir-rigward, id-deċiżjoni kkontestata applikat dritt sostantiv żbaljat. Ir-rikorrenti ssostni li r-regoli sostantivi applikabbli, li fid-dawl tagħhom il-Kummissjoni kellha tirevedi d-deċiżjoni nnotifikata, jinsabu fl-Artikolu 22 tat-Tieni Direttiva tal-Gass. Għaldaqstant il-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ ċertezza legali u tal-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti.

    (4)

    Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq li l-konvenuta wettqet żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti meta, b’mod żbaljat, irrifjutat l-ispjegazzjoni offruta mill-Ministeru tal-Industrija u tal-Kummerċ Ċek, li r-rikorrenti kienet u baqgħet ma sabitx sieħeb affidabbli u għal żmien twil skont ir-regoli tad-dritt Ċek għall-allokazzjoni tal-kapaċità ta’ ħżin, applikabbli kemm fiż-żmien meta r-rikorrenti ippreżentat ir-rikors għal eżenzjoni lill-Ministeru kif ukoll attwalment.


    (1)  Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE (ĠU L 211, p. 94).

    (2)  Direttiva 2003/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2003, rigward regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 98/30/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12 Vol. 2 p. 230


    Top