Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011TN0167

    Kawża T-167/11: Rikors ippreżentat fil- 15 ta’ Marzu 2011 — Centre national de la recherche scientifique vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 145, 14.5.2011, p. 34–34 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    14.5.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 145/34


    Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Marzu 2011 — Centre national de la recherche scientifique vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-167/11)

    2011/C 145/56

    Lingwa tal-kawża: il-Franċiz

    Partijiet

    Rikorrent: Centre national de la recherche scientifique (Pariġi, Franza) (rappreżentant: N. Lenoir, avukat)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    Ir-rikorrent jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat;

    tikkundanna lill-Kummissjoni sabiex tirrestitwixxi l-allegat kreditu ta’ EUR 20 989,82 mitlub mill-Kummissjoni skont il-kuntratt fit-talba għal ħlas tagħha Nru 2010-1232, tas-26 ta’ Ottubru 2010, u li wassal għall-att ta’ tpaċċija tas-17 ta’ Diċembru 2010 (ref. BUDG/C3 D(2010) B.2 — 1232), flimkien mal-interessi moratorji skont ir-rata legali, skont id-dritt Belġjan li jirregola l-kuntratt;

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha kemm huma.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.

    (1)

    L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu II.19(1) tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt LSHB-CT-2004-503319 dwar il-proġett “ALLOSTEM” li jaqa’ taħt is-sitt programm-qafas ta’ riċerka u ta’ żvilupp teknoloġiku (2002-2006) (iktar ’il quddiem “il-kuntratt ALLOSTEM”), peress li l-Kummissjoni llimitat, jekk mhux ċaħdet, lir-rikorrent mill-possibbiltà li jipproduċi prova ta’ eżekuzzjoni xierqa tal-kuntratt fir-rigward tal-eliġibbiltà għall-ispejjeż tal-persunal u billi ma osservatx il-kriterji ta’ definizzjoni tal-ispejjeż eliġibbli.

    (2)

    It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligi kuntrattwali li jirriżultaw mill-Artikoli II.19 u II.20 tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt “ALLOSTEM”, peress li l-Kummissjoni eskludiet l-eliġibbiltà tal-ispejjeż relatati mar-“riżerva għat-telf tal-post tax-xogħol” u mal-leave tal-maternità ta’ bijologa impjegata b’kuntratt għal żmien determinat.

    (3)

    It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 12 tal-kuntratt “ALLOSTEM” li jissuġġetta għad-dritt Belġjan l-evalwazzjoni tan-natura ċerta ta’ kull kreditu dovut skont l-imsemmi kuntratt. Ir-rikorrent isostni:

    li l-Kummissjoni bbażat ruħha unikament fuq id-dritt tal-Unjoni u mhux fuq id-dritt Belġjan sabiex tevalwa jekk il-kreditu mitlub kienx ta’ natura ċerta jew le, u

    li l-kreditu huwa s-suġġett ta’ kontestazzjoni serja li tneħħilha kull natura ċerta.


    Top