Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011TJ0437

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tas-16 ta' Settembru 2013.
    Golden Balls Ltd vs l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trademarks u disinni) (UASI).
    Trade mark Komunitarja - Proċedimenti ta’ oppożizzjoni - Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali GOLDEN BALLS - Trade mark Komunitarja verbali preċedenti BALLON D’OR - Xebh tas-sinjali - Probabbiltà ta’ konfużjoni - Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 - Talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità mressqa mill-intervenjenti - Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali - Portata tal-eżami li għandu jsir mill-Bord tal-Appell - Obbligu li tingħata deċiżjoni dwar l-appell kollu - Artikolu 8(5), Artikolu 64(1) u Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009.
    Kawża T-437/11.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:T:2013:441

    SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

    16 ta’ Settembru 2013 ( *1 )

    “Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali GOLDEN BALLS — Trade mark Komunitarja verbali preċedenti BALLON D’OR — Xebh tas-sinjali — Probabbiltà ta’ konfużjoni — Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 — Talba għal annullament imressqa mill-intervenjenti — Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali — Portata tal-eżami li għandu jsir mill-Bord tal-Appell — Obbligu li tingħata deċiżjoni dwar l-appell kollu — Artikolu 8(5), Artikolu 64(1) u Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009”

    Fil-Kawża T‑437/11,

    Golden Balls Ltd, stabbilita f’Londra (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn M. Edenborough, QC, u S. Smith, solicitor,

    rikorrenti,

    vs

    L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn A. Folliard-Monguiral, bħala aġent,

    konvenut,

    il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

    Intra-Presse, stabbilita f’Boulogne-Billancourt (Franza), irrappreżentata minn P. Péters, T. de Haan u M. Laborde, avukati,

    li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI, tas-26 ta’ Mejju 2011 (Każ R 1310/2010‑1), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Intra-Presse u Golden Balls Ltd,

    IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

    komposta minn J. Azizi (Relatur), S. Frimodt Nielsen u M. Kancheva, Imħallfin,

    Reġistratur: T. Weiler, Amministratur,

    wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ Awwissu 2011,

    wara li rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Diċembru 2011,

    wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-12 ta’ Diċembru 2011,

    wara li rat ir-replika, ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-26 ta’ Marzu 2012,

    wara s-seduta tat-30 ta’ April 2013,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    1

    Fl-1 ta’ Ottubru 2007, ir-rikorrenti, Golden Balls Ltd, ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat [issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)].

    2

    It-trade mark li għaliha ntalbet ir-reġistrazzjoni huwa s-sinjal verbali GOLDEN BALLS.

    3

    Il-prodotti li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu taħt il‑klassijiet 16, 21 u 24 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrevedut u emendat, u li jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

    klassi 16: “Karti, kartunċin u oġġetti magħmula minn dawn il-materjali mhux inklużi fi klassijiet oħra; materjal stampat; materjal għal-legatura tal-kotba; ritratti; kartoleriji; sustanza li twaħħal għall-użu ta’ kartolerija jew tad-dar; materjali għall-artisti; pniezel taż-żebgħa; tajprajters u oġġetti neċessarji għall-uffiċċju (apparti l-għamara); materjal istruttiv u ta’ tagħlim (ħlief apparat); materjali tal-plastik għall-ippakjar (mhux inkluż fi klassijiet oħra); tipa tal-printer; inċiżjonijiet tal-istampar”;

    klassi 21: “Għodod għad-dar u għall-kċina u kontenituri; pettnijiet u sponoż; pniezel (ħlief pniezel taż-żebgħa); materjal biex isiru l-pniezel; artikli għat-tindif; steelwool; ħġieġ mhux maħdum jew nofsu maħdum (ħlief ħġieġ użat fil-bini);oġġetti tal-ħġieġ, porċellana u oġġetti tal-fuħħar mhux inklużi fi klassijiet oħra”;

    klassi 24: “Tessuti u oġġetti tat-tessuti, mhux inklużi fi klassijiet oħra; għata tas-sodda u tal-mejda”.

    4

    L-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja ġiet ippubblikata fil-Bullettin tat-Trade marks Komunitarji Nru 8/2008, tat-18 ta’ Frar 2008.

    5

    Fis-16 ta’ Mejju 2008, l-intervenjenti, Intra-Presse, ressqet oppożizzjoni skont l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009) kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni fir-rigward tal-prodotti indikati fil-punt 3 iktar ’il fuq.

    6

    L-oppożizzjoni hija b’mod partikolari bbażata fuq it-trade mark Komunitarja verbali preċedenti BALLON D’OR, ippreżentata fl-24 ta’ Diċembru 2004 u rreġistrata fis-7 ta’ Novembru 2006 taħt in-numru 4226148, għal prodotti u servizzi li jaqgħu taħt il-klassijiet 9, 14, 16, 18, 25, 28, 38 u 41 u li jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

    klassi 9: “Apparat u strumenti xjentifiċi (għajr għal skopijiet mediċi), nawtiċi, tal-istħarriġ, fotografiku, ċinematografiku, ottiku, tal-użin, tal-kejl, tas-senjalar, li jivverifika (ispezzjonar), tas-salvataġġ tal-ħajja; apparat u strumenti tat-tagħlim; apparat għar-reġistrazzjoni, trażmissjoni u riproduzzjoni ta’ ħsejjes jew stampi; CD, tagħmir manjetiku u ottiku għar-reġistrazzjoni, diski akustiċi; kasetts tal-vidjo, kasetts tal-awdjo, apparat tar-radju, apparat tat-televiżjoni, apparat telefoniku, distributuri awtomatiċi u mekkaniżmi għal apparat imħallas bil-quddiem; cash registers, magni li jikkalkulaw; apparat għat-tifi tan-nar; apparat u tagħmir għall-ipproċessar tal-informazzjoni, kompjuters, softwer (programmi rreġistrati), apparat u għodod tat-telekomunikazzjoni, apparat u għodod għat-trażmissjoni u għar-riċeviment ta’ immaġni, ta’ ħsejjes u ta’ data, djarji elettroniċi, maskri tal-għaddasa, oġġetti tal-vista, nuċċalijiet tal-vista, nuċċalijiet tax-xemx”;

    klassi 14: “Materjal prezzjuż u l-ligi tagħhom għal raġunijiet diversi minn dawk dentali; ġojjelli, ħaġar prezzjuż; strumenti li juru l-ħin u strumenti kronometriċi, arloġġi tal-id, arloġġi, żveljarini, kronometri, labar (ġojjellerija), arloġġi tax-xemx, midalji, figurini (statwetti) ta’ metalli prezzjużi, stoċċijiet tas-sigarri, tas-sigarretti u lajters ta’ metalli prezzjużi, axtrejs (ta’ metalli prezzjużi), kaxxetti tas-sigarretti (ta’ metalli prezzjużi), ħoloq taċ-ċwievet dekorattivi”;

    klassi 16: “Karti u kartunċin (mhux ipproċessat, nofsu lest jew għall-kartoleriji); materjal stampat; materjal għal-legatura tal-kotba; ritratti; kartoleriji; sustanza li twaħħal għall-użu ta’ kartolerija jew tad-dar; materjali għall-artisti; pniezel taż-żebgħa; tajprajters u oġġetti neċessarji għall-uffiċċju (apparti l-għamara); materjal istruttiv u ta’ tagħlim (ħlief apparat); karta għat-tgeżwir ta’ pakketti; xkejjer, boroż u folji għall-ippakjar bil-karti jew bil-plastik; tipa tal-printer; inċiżjonijiet tal-istampar, ġurnali, kotba, rivisti, magażins”;

    klassi 18: “Ġilda u imitazzjoni tal-ġilda u oġġetti ta’ dawn il-materjali mhux inklużi fi klassijiet oħra; bagolli u valiġġi, umbrelel, parasols u bsaten, frosti, oġġetti tas-sarrâg”;

    klassi 25: “Ħwejjeġ (x’wieħed jilbes), żraben (bl-eċċezzjoni ta’ żraben ortopediċi); kpiepel; ilbies għas-sewwieqa; malji u kuffji tal-għawm; ġagaga tal-banju; brieret; bluża; ħwejjeġ ta’ taħt; brieret; stvali; ċineg; qliezet ta’ taħt; brieret; ċinturini; xall; ġagaga; ġersi; kpiepel; kalzetti; papoċċi; żraben tal-futbol; stvali għall-iskijjar; żraben għall-isports; qomos; qomos ta’ taħt; tajts; ilbies tal-iskijar fuq l-ilma; ilbiesi; ħwejjeġ taċ-ċiklista; màflers; espadrilles; xalpi; kowtjiiet għax-xita; sdieri; żraben tal-ġinnastika; inċirati; slips; faxex għat-trabi li għadom kif ġew imwielda; kowtijiet; qliezet; papoċċi; kappotti; parka; ġagaga tal-banju; ġersi; piġjami; ilbiesi; ġagaga; zukkletti; fradal (ħwejjeġ); uniformijiet; ġkieket; ħwejjeġ tal-ġinnastika; ilbies tal-ġilda jew ta’ imitazzjoni tal-ġilda; viżiera biex tħares lill-għajnejn mix-xemx”;

    klassi 28: “Logħob u ġugarelli; artikli tal-ġinnastika u tal-isports (ħlief ħwejjeġ, żraben u twapet zgħar); dekorazzjonijiet għas-siġra tal-Milied; hang gliders; ċejmbers tal-arja għal blalen; xkubetti li jisparaw bi pressjoni tal-arja tal-logħob; għalf tal-ħut artifiċjali; poppers (ġugarelli); ġugarelli għall-annimali domestiċi; ċrieket tal-logħob; dekorazzjonijiet għas-siġra tal-Milied (minbarra oġġetti li jixgħelu u ħelu); tagħmir biex fuqu jinżammu is-siġar tal-milied; siġar tal-milied ta’ materjal sintetiku; materjal għall-isparar bil-qaws; sparar bil-qaws; ċajt (logħob); bandli; boċċi u blalen tal-logħob; ingwanti tal-bejżbol; vaski (pixxini, oġġetti għal-logħob jew għall-isport); rota wieqfa biex fuqha isiru l-eżerċizzji; bilji, stikki, imwejjed tal-biljard; boċċi żgħar tal-ħġieġ għal-logħob; slitti ta’ fuq is-silġ; blalen għal-logħob; ingwanti kkuttunati tal-boksers; intestini għall-użu f’rakketti; qasab tas-sajd; stikek tal-golf; maskri tal-karnival; tajr; kmamar tal-pupi; żwiemel jitbandlu; targits; strutturi tal-bini bħala ġugarelli; tagħmir għall-eżerċitazzjoni; borża twila għaż-żamm tal-pala tal-krikit; stikek tal-golf; basktijiet għall-istikek tal-golf bir-roti jew mingħajr; stikek tal-ħoki; tagħmir tal-ġinnastika; logħob tad-damma; dadi; diskus għall-isports; dominò; settijiet taċ-ċess; armi tan-nar; ingwanti u maskri tal-iżgirma; bardgħa tal-alpinist; expanders; xbieki għall-użu fl-isports; ski bindings; darts; fjurett użat fil-logħob bix-xabla; tagħmir li jżomm fil-wiċċ tal-ilma waqt is-sajd; imwejjed għall-futbol ta’ ġewwa; xkubetti tal-ħarpun (oġġetti sportivi); ingwanti tal-golf; bar-bells; sunnara; ċuqlajta; fixex tal-logħob; logħbiet awtomatiċi u elettroniċi minbarra dawk imħallsa bil-quddiem u dawk maħsuba biex ikunu wżati biss ma’ riċevitur tat-televiżjoni; mah-jongs; marjunetti; mudelli ta’ vettura maħduma skont l-iskala ta’ qisien; fliper; ġugarelli tat-tfal fil-forma ta’ ors; paraglajders; skejz tas-silġ; skejz bir-roti; tagħmir tas-sajd; skejtbords; sailbords; serfbord; pupi; kuttunar protettiv (partijiet mill-ilbies għall-isport); kuttunar għall-minkeb, għall-irkupptejn u għall-qasba tas-sieq (oġġetti għall-isport); birilli; paletti għal-logħob; ġerrejja marbutin taħt is-saqajn biex tiskijja; skis għall-ilma; snowbord; logħob tad-da; imwejjed tat-table tennis; żrieżaq għal-logħob (toboggan); zugraga; slitti (tagħmir sportiv); trampolini (oġġetti sportivi); skuter (ġugarell); vetturi tal-logħob; ilbies għall-pupi; logħob tal-karti”;

    klassi 38: “Telekomunikazzjonijiet; trażmissjoni ta’ immaġni, ta’ ħsejjes u ta’ data b’mezz telefoniku, b’terminali tal-kompjuter, b’netwerk globali għall-komunikazzjoni dinjija (internet) jew lokali (intranet), bis-satellita, posta elettronika; ipproċessar, sorveljanza, ħruġ u riċeviment ta’ data, ta’ sinjali, ta’ immaġni u ta’ informazzjoni pproċessati bil-kompjuter jew b’apparat u għodod tat-telekomunikazzjonijiet; trażmissjoni ta’ informazzjoni li tinsab f’banek ta’ data u banek ta’ stampi; servizzi ta’ diffużjoni ta’ informazzjoni b’mezz elettroniku, aġenziji tal-istampa u tal-informazzjoni (aħbarijiet); komunikazzjonijiet b’networks tal-fibra ottika; servizzi ta’ komunikazzjonijiet bir-radju, telegraf, telefon; xandir ta’ programmi tat-televiżjoni; xandir fuq ir-radju; xandir fuq it-televiżjoni, trażmissjoni ta’ telegrammi; xandir fuq ir-radju; trażmissjoni bis-satellita; telematika; xandir fuq kejbil televixin”;

    klassi 41: “Edukazzjoni; taħriġ; divertiment; attivitajiet sportivi u kulturali; żamma tal-ħin għal wirjiet sportivi, organizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet sportivi u ta’ għoti ta’ trofej, servizzi ta’ klabbs tad-divertiment u ta’ klabbs sportivi, divertiment fuq ir-radju u fuq it-televiżjoni, użu ta’ installazzjonijiet sportivi, użu ta’ postijiet tad-divertiment u tal-mogħdija taż-żmien; pubblikazzjoni ta’ kotba, magażins, rivisti u ġurnali, produzzjoni ta’ programmi fuq ir-radju u fuq it-televiżjoni, kiri ta’ apparat għall-isport (minbarra l-vetturi); organizzazzjoni u tmexxija ta’ konferenzi, forums u seminars; tagħlim tal-ġinnastika, parks tad-divertiment, organizzazzjoni u konkorsi (edukazzjoni jew divertiment), produzzjoni ta’ spettakli, korsijiet (kampijiet) ta’ perfezzjonament sportiv, produzzjoni ta’ films, kiri ta’ stadji”.

    7

    Ir-raġunijiet invokati insostenn tal-oppożizzjoni kienu dawk imsemmija fl-Artikolu 8(1)(b) u fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 [li saru l-Artikolu 8(1)(b) u l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009).

    8

    Fid-19 ta’ Mejju 2010, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni fl-intier tagħha. Il-prodotti u s-servizzi koperti mis-sinjali kunfliġġenti huma parzjalment identiċi u parzjalment differenti. Is-sinjali huma viżwalment u fonetikament differenti u kunċettwalment ftit simili għal parti mill-pubbliku rilevanti. Peress li s-sinjali huma globalment differenti, ma jkun hemm ebda probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq ir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti, is-sinjali huma differenti u l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 ma huwiex applikabbli.

    9

    Fl-15 ta’ Lulju 2010, l-intervenjenti ppreżentat appell quddiem l-UASI, skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009, mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

    10

    Permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Mejju 2011 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), l-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI laqa’ parzjalment l-appell, jiġifieri għal prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 16, u parzjalment ċaħad l-appell, jiġifieri għal prodotti li jaqgħu taħt il-klassijiet 21 u 24. B’mod partikolari, huwa kkonstata dan li ġej:

    il-pubbliku rilevanti huwa l-pubbliku ġenerali tal-Unjoni Ewropea (punt 12 tad-deċiżjoni kkontestata);

    dwar il-paragun tal-prodotti, il-Bord tal-Appell qabel mal-evalwazzjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, mhux ikkontestata mill-partijiet. Għalhekk, huwa kkunsidra l-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni li jaqgħu taħt il-klassi 16 li huma identiċi għal dawk koperti mit-trade mark preċedenti f’din l-istess klassi u fil-klassijiet 21 u 24 li huma differenti minn dawk koperti mit-trademark preċedenti (punti 13 sa 16 tad-deċiżjoni kkontestata);

    dwar il-paragun tas-sinjali, fir-rigward tal-paragun viżiv u fonetiku tagħhom, il-Bord tal-Appell qabel mar-raġunament tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni li tikkunsidra s-sinjali viżivi u fonetiċi differenti (punt 18 tad-deċiżjoni kkontestata). Fir-rigward tal-paragun kunċettwali, kuntrarjament għad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, il-Bord tal-Appell ikkonkluda li hemm identiċità “jew għall-inqas” xebh kunċettwali qawwi (punt 22 tad-deċiżjoni kkontestata);

    fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Bord tal-Appell ikkonkluda li kien hemm probabbiltà ta’ konfużjoni jew ta’ assoċjazzjoni bejn is-sinjali kunfliġġenti għall-prodotti identiċi, jiġifieri l-prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 16, kif ukoll għall-assenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni għall-prodotti differenti li jaqgħu taħt il-klassijiet 21 u 24 (punti 23 sa 32 tad-deċiżjoni kkontestata);

    dwar l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li ma kienx neċessarju li dan jiġi eżaminat (punt 33 tad-deċiżjoni kkontestata).

    It-talbiet tal-partijiet

    11

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla d-deċiżjoni kkontestata dwar il-prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 16;

    tikkundanna lill-UASI jew, sussidjarjament, lill-intervenjenti għall-ispejjeż.

    12

    Barra minn hekk, fir-replika ppreżentata mir-rikorrenti b’mod konformi mal-Artikolu 135(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha “tiċħad ir-risposta” ppreżentata mill-intervenjenti b’mod konformi mal-Artikolu 134(3) ta’ dan ir-regolament.

    13

    L-UASI jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tiċħad ir-rikors fl-intier tiegħu;

    tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

    14

    L-intervenjenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tiċħad ir-rikors fl-intier tiegħu;

    tannulla d-deċiżjoni kkontestata peress li din ċaħdet l-oppożizzjoni tagħha magħmula mill-intervenjenti kontra l-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni li jaqgħu taħt il-klassijiet 21 u 24;

    tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż, inklużi dawk l-ispejjeż indispensabbli li ġew sostnuti minnha għall-finijiet tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI.

    Id-dritt

    Elementi preliminari

    15

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. Barra minn hekk, insostenn ta’ talba għal annullament imressqa bis-saħħa tal-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura, l-intervenjenti tinvoka motiv wieħed, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(5), tal-Artikolu 64(1) u tal-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009.

    Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 invokat mir-rikorrenti

    16

    Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

    17

    Essenzjalment, ir-rikorrenti tikkontesta l-konstatazzjoni tal-Bord tal-Appell li hemm probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali kunfliġġenti għall-prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 16. B’mod partikolari, hija tikkontesta x-xebh kunċettwali u globali bejn is-sinjali kunfliġġenti adottati mill-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata.

    18

    L-UASI u l-intervenjenti jikkontestaw il-fondatezza tal-motiv invokat mir-rikorrenti u jallegaw l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali kunfliġġenti għall-prodotti identiċi li jaqgħu taħt il-klassi 16.

    19

    Il-Qorti Ġenerali tfakkar, li skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, fuq oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, ir-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandha tiġi rrifjutata meta, minħabba identiċità jew xebh ma’ trade mark preċedenti u minħabba identiċità jew xebh tal-prodotti jew servizzi koperti miż-żewġ trade marks, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta. Il-probabbiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti.

    20

    Hekk kif ġie rikonoxxut minn ġurisprudenza stabbilita, tikkostitwixxi probabbiltà ta’ konfużjoni, fis-sens tad-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq, il-probabbiltà li l-pubbliku jista’ jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni joriġinaw mill-istess impriża jew minn impriżi marbuta ekonomikament. Il-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tiġi evalwata globalment, skont il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tas-sinjali u tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni, u b’kunsiderazzjoni tal-fatturi rilevanti kollha f’din il-kawża, b’mod partikolari tal-interdipendenza tax-xebh tas-sinjali u dak tal-prodotti jew tas-servizzi koperti [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2003, Laboratorios RTB vs UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T-162/01, Ġabra p. II-2821, punti 30 sa 33 u l-ġurisprudenza ċċitata].

    21

    Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, probabbiltà ta’ konfużjoni tippresupponi kemm identiċità jew xebh tat-trade marks kunfliġġenti u identiċità jew xebh tal-prodotti jew tas-servizzi koperti minnhom. Dawn huma kundizzjonijiet kumulattivi [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Jannar 2009, Commercy vs UASI – easyGroup IP Licensing (easyHotel), T-316/07, Ġabra p. II-43, punt 42, u l-ġursprudenza ċċitata fiha].

    22

    L-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku rilevanti tiddependi fuq numru ta’ fatturi u għandha ssir globalment, waqt li tikkunsidra l-fatturi rilevanti kollha tal-kawża inkwistjoni. Din l-evalwazzjoni globali għandha, f’dak li jirrigwarda x-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tat-trade marks inkwistjoni, tkun ibbażata fuq l-impressjoni sħiħa mogħtija minnhom, b’mod partikolari inkunsiderazzjoni tal-elementi distintivi u dominanti tagħhom (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Ġunju 2007, UASI VS Shaker, C-334/05 P, Ġabra p. I-4529, punti 34 u 35, u tat-3 ta’ Settembru 2009, Aceites del Sur-Coosur vs Koipe, C-498/07 P, Ġabra p. I-7371, punti 59 u 60, u l-ġurisprudenza ċċitata fiha). Barra minn hekk, din timplika ċerta interdipendenza tal-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni, b’mod li xebh ta’ livell baxx bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti jista’ jiġi kkumpensat minn livell għoli ta’ xebh bejn it-trade marks u viċe versa (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ April 2008, Ferrero Deutschland vs UASI, C‑108/07 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 44 u 45, u sentenza easyHotel, punt 21 iktar ’il fuq, punt 41).

    Dwar il-pubbliku rilevanti

    23

    Hekk kif huwa rikonoxxut mill-ġurisprudenza, fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-konsumatur medju tal-kategorija ta’ prodotti jew ta’ servizzi kkonċernata, normalment informat u raġonevolment attent u informat. Għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li l-livell ta’ attenzjoni tal-konsumatur medju jista’ jvarja skont il-kategorija ta’ prodotti jew ta’ servizzi inkwistjoni [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Frar 2007, Mundipharma vs UASI – Atlana Pharma (RESPICUR), T-256/04, Ġabra p. II-449, punt 42, u l-ġurisprudenza ċċitata fiha].

    24

    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tikkontesta li l-Bord tal-Appell kien stabbilixxa l-livell ta’ attenzjoni tal-pubbliku rilevanti bħala inqas minn normal meta dan kellu jżomm livell normali ta’ attenzjoni.

    25

    Għandu jiġi kkonstatat li skont l-UASI u l-intervenjenti, dan l-ilment huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tad-deċiżjoni kkontestata min-naħa tar-rikorrenti.

    26

    Fil-fatt, il-Bord tal-Appell ikkunsidra, fil-punt 12 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-pubbliku rilevanti għall-prodotti li jaqgħu taħt il-klassijiet 16, 21 u 24 jikkonsisti fil-konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u prudenti, u li ċerti prodotti, jiġifieri “materjali għall-artisti” li jaqgħu taħt il-klassi 16 kif ukoll il-“materjal biex isiru l-pniezel” u l-“ħġieġ mhux maħdum jew nofsu maħdum” li jaqgħu taħt il-klassi 21, jirrigwardaw ukoll professjonisti. Barra minn hekk hija kkonstatat li fil-każ fejn il-pubbliku rilevanti kien jikkonsisti kemm minn konsumaturi medji kif ukoll minn professjonisti, il-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tiġi evalwata fir-rigward tal-parti tal-pubbliku li għandu l-iktar livell baxx ta’ attenzjoni, jiġifieri l-konsumatur medju fl-Unjoni Ewropea, u mhux il-professjonisti, hekk kif kien ukoll ġie rikonoxxut mill-ġurisprudenza [sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Frar 2011, Yorma’s vs UASI – Norma Lebensmittelfilialbetrieb (YORMA’S), T‑213/09, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 25].

    27

    Għalhekk, il-Bord tal-Appell fil-fatt — u ġustament — ikkunsidra li l-pubbliku rilevanti kien jikkonsisti f’dan il-każ fil-konsumatur medju tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari informat u raġonevolment attent u prudenti. Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, huwa bbaża ruħu fuq pubbliku li għandu livell normali ta’ attenzjoni.

    28

    Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell dwar il-pubbliku rilevanti u l-livell ta’ attenzjoni tiegħu ma huwiex żbaljat.

    Dwar il-paragun tal-prodotti

    29

    Kif ġie rikonoxxut minn ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġi evalwat ix-xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni bejn dawn il-prodotti u dawn is-servizzi. Dawn il-fatturi jinkludu, b’mod partikolari, in-natura tagħhom, l-użu intenzjonat tagħhom, l-użu tagħhom kif ukoll in-natura tagħhom bħala li jikkompetu jew li jikkomplementaw lil xulxin. Jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll fatturi oħra, bħalma huma l-kanali ta’ distribuzzjoni tal-prodotti kkonċernati [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Lulju 2007, El Corte Inglés vs UASI – Bolaños Sabri (PiraÑAM diseño original Juan Bolaños), T-443/05, Ġabra p. II-2579, punt 37, u l-ġurisprudenza ċċitata fiha].

    30

    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell qabel mal-evalwazzjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni fuq il-paragun tal-prodotti koperti mis-sinjali kunfliġġenti, li, barra minn hekk, ma ġietx ikkontestata mill-partijiet. Għalhekk, il-prodotti koperti mis-sinjali kunfliġġenti li jaqgħu taħt il-klassi 16 huma identiċi, filwaqt li dawk li jaqgħu taħt il-klassijiet 21 u 24 huma differenti (punti 13 sa 16 tad-deċiżjoni kkontestata).

    31

    F’din il-kawża, il-konklużjonijiet tal-Bord tal-Appell li jikkonċernaw il-paragun tal-prodotti, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 16 inkwistjoni, ma humiex ikkontestati mill-partijiet. Barra minn hekk, peress li l-ebda punt fil-proċess ma jippermetti dubju fuq din l-evalwazzjoni, dawn il-konklużjonijiet għandhom jinżammu.

    Dwar il-paragun tas-sinjali

    32

    Skont il-ġurisprudenza, żewġ trade marks ikunu jixxiebhu meta, mill-perspettiva tal-pubbliku rilevanti, ikun hemm almenu parzjalment identiċità f’dak li jirrigwarda aspett rilevanti wieħed jew iktar [sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Ottubru 2002, Matratzen Concord vs UASI – Hukla Germany (MATRATZEN), T-6/01, Ġabra p. II-4335, punt 30, ikkonfermata permezz tad-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ April 2004, Matratzen Concord vs UASI, C-3/03 P, Ġabra p. I-3657]. Hekk kif ukoll ġie kkonstatat mill-ġurisprudenza, l-aspetti viżivi, fonetiċi u kunċettwali huma rilevanti (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novembru 1997, SABEL, C-251/95, Ġabra p. I-6191, punt 23, u tat-22 ta’ Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C-342/97, Ġabra p. I-3819, punt 25).

    33

    L-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha, f’dak li jirrigwarda x-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tas-sinjali kunfliġġenti, tkun ibbażata fuq l-impressjoni ġenerali prodotta minnhom, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-elementi distintivi u dominanti tagħhom. Il-perċezzjoni tat-trade marks li jkollu l-konsumatur medju tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni għandha rwol determinanti fl-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà msemmija. F’dan ir‑rigward, il‑konsumatur medju normalment jipperċepixxi trade mark bħala unità u ma jagħmilx eżami tad‑diversi dettalji tagħha (ara s-sentenza UASI vs Shaker, punt 22 iktar ’il fuq, punt 35, u l-ġurisprudenza ċċitata fiha).

    34

    Fil-kawża preżenti, il-Bord tal-Appell ikkunsidra s-sinjali kunfliġġenti bħala differenti viżwalment u fonetikament, l-istess bħal fir-raġunament tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni (punt 18 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, kunċettwalment, is-sinjali inkwistjoni huma identiċi jew għall-inqas simili ħafna (punt 22 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-kliem “golden” u “balls” huma parti mill-vokabularju bażiku tal-lingwa Ingliża magħruf mill-parti l-kbira tal-pubbliku rilevanti u jinftehmu bħala li jirreferu għal “ballun dehbi” jew “ballun tad-deheb” jew “magħmul mid-deheb” (punt 21 tad-deċiżjoni kkontestata).

    35

    Ir-rikorrenti tikkonferma l-assenza ta’ xebh viżiv jew fonetiku bejn is-sinjali kunfliġġenti, iżda tikkontesta x-xebh kunċettwali tagħhom ikkonstatat mill-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fehma tagħha, anki l-persuna l-inqas attenta jew informata tipperċepixxi t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni bħala ta’ lingwa Ingliża u t-trade mark preċedenti bħala ta’ lingwa Franċiża. Din id-differenza fundamentali tiggarantixxi li fiċ-ċirkustanzi kollha, trade mark qatt ma tista’ tiġi konfuża ma’ oħra. Barra minn hekk, is-sinjali kunfliġġenti ma jikkostitwixxu la transliterazzjoni u lanqas traduzzjoni eżatta ta’ xulxin. Għalhekk, l-ewwel nett, il-kelma Ingliża “balls” hija fil-plural u tagħti l-idea ta’ numru ta’ blalen, filwaqt li l-kelma Franċiża “ballon” hija fis-singular u tagħti l-idea ta’ ballun wieħed. Barra minn hekk, il-kelma Franċiża “ballon”, li tista’ wkoll tfisser “diriġibbli”, ma hijiex eżattament ekwivalenti għall-kelma Ingliża “ball”, u s-sinjali ma humiex identiċi. Fl-aħħar nett, il-trade mark preċedenti BALLON D’OR hija tradotta bl-Ingliż fi “balloon of gold” jew “ball of gold” u mhux “golden ball”.

    36

    L-UASI u l-intervenjenti ma jikkontestawx id-differenzi viżivi u fonetiċi bejn is-sinjali kunfliġġenti, iżda kuntrarjament għar-rikorrenti jallegaw identiċità jew kważi identiċità kunċettwali bejn is-sinjali kunfliġġenti u xebh globali bejn dawn is-sinjali.

    37

    Il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell fir-rigward tal-paragun viżiv u tal-paragun fonetiku tas-sinjali kunfliġġenti, li barra minn hekk ma huwiex ikkontestat mill-partijiet, huwa korrett.

    38

    Fil-fatt, viżwalment, is-sinjali kunfliġġenti għandhom biss l-istess grupp ta’ ittri jiġifieri “ball”, li qiegħed fil-bidu tas-sinjal fit-trade mark preċedenti u fl-aħħar tas-sinjal fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Dawn is-sinjali huma differenti viżwalment għall-bqija. Fil-fatt, minbarra l-grupp ta’ ittri “ball”, it-trade mark preċedenti tinkludi l-grupp ta’ ittri “on” u l-element “d’or” fl-aħħar tas-sinjal u t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jibda bl-element “golden” u jispiċċa bl-ittra “s”. Konsegwentement, is-sinjali kunfliġġenti huma, globalment, viżwalment differenti.

    39

    Fonetikament, is-sinjali kunfliġġenti huma ppronunzjati b’mod kompletament distint, f’lingwi differenti, u għalhekk huma wkoll differenti.

    40

    Konsegwentement, hemm lok li tiġi kkonfermata l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell li tgħid li s-sinjali kunfliġġenti huma viżwalment u fonetikament differenti.

    41

    F’dak li jirrigwarda, barra minn hekk, l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell li tgħid li s-sinjali kunfliġġenti huma kunċettwalment identiċi jew għall-inqas simili ħafna, il-Qorti Ġenerali tqis, l-ewwel nett, li dawn is-sinjali jevokaw minn perspettiva oġġettiva u apparti minn xi differenzi fid-dettall (ara l-punt 47 iktar ’il quddiem), bħala prinċipju l-istess kontenut semantiku jew l-istess idea, jiġifieri ballun dehbi jew ballun żgħir dehbi jew magħmul mid-deheb. F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkonstatat li, barra minn hekk, fit-tweġiba tiegħu għall-mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti ma seta jiċċita l-ebda eżempju ta’ traduzzjoni fil-gazzetti bl-Ingliż bl-espressjoni “ballon d’or” minbarra l-espressjoni “golden ball”.

    42

    Madankollu, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tax-xebh kunċettwali fl-għajnejn tal-pubbliku rilevanti, b’mod partikolari l-pubbliku Anglofonu u Frankofonu medju, għandu jittieħed kont dovut tal-fatt li t-trade mark preċedenti hija ta’ lingwa Franċiża waqt li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija ta’ lingwa Ingliża, b’tali mod li s-sinjali kunfliġġenti huma differenti fir-rigward tal-lingwa li tippermetti aċċess għall-fehim kunċettwali rispettiv tagħhom.

    43

    F’dan ir-rigward, differenza lingwistika bejn is-sinjali ma hijiex, kuntrarjament għal dak li jidher li qed tissuġġerixxi r-rikorrenti, awtomatikament biżżejjed sabiex tiġi eskluża l-eżistenza ta’ xebh kunċettwali mill-perspettiva tal-konsumaturi rilevanti. Xorta waħda jibqa’ l-fatt li tali differenza – sa fejn din tkun teħtieġ traduzzjoni mill-konsumatur – tista’ b’mod partikolari tagħmel l-għarfien lingwistiku mill-pubbliku rilevanti, il-grad ta’ relazzjoni bejn il-lingwi kkonċernati u l-istess kliem tas-sinjali inkwistjoni, bħala ostakolu kunċettwali ftit jew wisq immedjat sabiex ikun hemm rikonċiljazzjoni fil-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Ġunju 2011, Oetker Nahrungsmittel vs UASI – Bonfait (Buonfatti), T‑471/09, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 82, u tas-26 ta’ Settembru 2012, Serrano Aranda vs UASI – Burg Groep (LE LANCIER), T‑265/09, punt 66].

    44

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, ma huwiex stabbilit li s-sens tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni li tikkonsisti fil-kliem “golden” u “balls” ser tinftiehem immedjatament mill-pubbliku rilevanti, jiġifieri mill-pubbliku ġenerali fl-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari il-pubbliku Frankofonu, li jifhem l-espressjoni Franċiża “ballon d’or” li tikkostitwixxi t-trade mark preċedenti.

    45

    Fil-fatt, anki jekk jitqies, hekk kif qal il-Bord tal-Appell, li l-kliem “golden” u “ball” jagħmlu parti mill-vokabularju bażiku tal-lingwa Ingliża u għalhekk, bħala tali, huma jinftehmu mill-konsumatur medju, inkluż il-konsumatur medju Frankofonu, dan ma jfissirx li dan il-konsumatur li normalment ikollu, hekk kif huwa stabbilit fost il-partijiet, ftit għarfien tal-lingwa Ingliża, jifhem spontanjament dawn il-kliem fil-kombinazzjoni speċifika tagħhom “golden balls” bħala traduzzjoni bl-Ingliż tal-espressjoni Franċiża “ballon d’or” li tikkostitwixxi t-trade mark preċedenti.

    46

    F’dan ir-rigward, hemm lok li jitqiesu d-differenzi bejn is-sinjali kunfliġġenti li jimmilitaw kontra tali rabta kunċettwali immedjata.

    47

    L-ewwel lok, sa fejn ir-rikorrenti ssostni li s-sinjal GOLDEN BALLS ma tikkostitwixxix traduzzjoni eżatta tas-sinjal BALLON D’OR, peress li l-kelma Franċiża “ballon” ma hijiex eżattament l-ekwivalenti tal-kelma Ingliża “ball” u minħabba li l-kelma Franċiża “ballon d’or” hija tradotta b’mod korrett bil-kelma Ingliża “gold ball” jew “ball of gold” minflok bil-kelma Ingliża “golden ball”, għandu jkun ikkunsidrat, skont l-UASI u l-intervenjenti, li dawn l-ineżattezzi fit-traduzzjoni, anki jekk fil-fatt ikunu jeżistu, dawn huma irrilevanti, peress li tali dettalji lingwistiċi żgħar bħal dawn jaħarbu mill-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti, b’mod partikolari dik tal-konsumatur Frankofonu, li għandu għarfien limitat tal-Ingliż. Madankollu, il-Qorti Ġenerali tqis li kuntrarjament għall-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell, għandu jiġi kkonstatat li huwa differenti f’dak li jirrigwarda l-fatt li s-sinjal GOLDEN BALLS huwa differenti mis-sinjal BALLON D’OR permezz tal-użu tal-plural. Dan huwa element grammatikali pjuttost bażiku li jista’ wkoll ikun magħruf u meqjus mill-pubbliku Frankofonu, speċjalment peress li, hekk kif ir-rikorrenti osservat ġustament, il-plural tal-kliem isir bl-istess mod bl-Ingliż u bil-Franċiż. Għalhekk, il-konsumatur medju, b’mod partikolari dak Franċiż, li għandu, hekk kif sostnew l-UASI u l-intervenjenti għarfien limitat tal-Ingliż, iżda biżżejjed biex jifhem il-kliem “golden” u “balls”, se jipperċepixxi wkoll ukoll l-użu tal-plural.

    48

    It-tieni lok, għandha tiġi nnotata l-pożizzjoni differenti tal-elementi “golden” u “d’or”, rispettivament, fil-bidu tas-sinjal għal wieħed u fl-aħħar tas-sinjal għall-ieħor, kif ukoll l-oriġini nettament differenti tal-kelma Ingliża “gold” li jirreferi għaliha l-ewwel element u l-kelma Franċiża “or” li jirreferi għaliha t-tieni element. Jekk dawn id-differenzi jagħmlu t-traduzzjoni tal-kelma Ingliża għall-Franċiż u tal-kelma Franċiża għall-Ingliż ftit iktar diffiċli, xorta jibqa’ l-fatt li dawn id-differenzi x’aktarx jostakolaw, kemm għall-konsumatur Frankofonu kif ukoll għall-konsomatur Anglofonu medjament attent, l-iskoperta spontanja tas-sens simili, li huwa moħbi, tas-sinjali kunfliġġenti.

    49

    Għalhekk, anki jekk wieħed jassumi li l-konsumaturi Frankofoni għandhom, bħala prinċipju, biżżejjed għarfien tal-Ingliż sabiex jifhmu s-sens tal-espressjoni “golden balls” u li jibdew, minkejja l-fatt li dan jikkonċerna sempliċi att ta’ xiri ta’ prodotti ta’ konsum ta’ kuljum, billi jittraduċu dan is-sinjal b’mod li jsir eqreb tas-sens sottostanti tat-trade mark BALLON D’OR, jidher improbabbli li r-riżultat ta’ tali analiżi tiġi spontanja lill-konsumatur medju kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Buonfatti, punt 43 iktar ’il fuq, punt 82).

    50

    Għaldaqstant, konsegwentement għandu jiġi konkluż li l-Bord tal-Appell b’mod żbaljat ikkunsidra li s-sinjali kunfliġġenti għandhom xebh qawwi jew identiċità fuq livell kunċettwali. Dawn is-sinjali fil-fatt l-iktar juru livell baxx – jew baxx ħafna – ta’ xebh kunċettwali għall-pubbliku rilevanti, b’mod partikolari Frankofonu, medjament informat u attent.

    51

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li f’dan il-każ ma hemm l-ebda xebh viżiv jew fonetiku bejn is-sinjali inkwistjoni u li x-xebh kunċettwali l-iktar l-iktar huwa wieħed ta’ livell baxx, li jeħtieġ traduzzjoni minn qabel.

    52

    Għalhekk, għandu jiġi globalment evalwat jekk, f’din il-kawża, dan ix-xebh kunċettwali huwiex biżżejjed biex joħloq probabbiltà ta’ konfużjoni hekk kif ikkunsidra l-Bord tal-Appell [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Marzu 2005, Osotspa vs UASI – Distribution & Marketing (Hai), T-33/03, Ġabra p. II-763, punt 62, u tat-13 ta’ Ġunju 2012, Organismos Kypriakis Galaktokomikis Viomichanias vs UASI – Garmo (HELLIM), T‑534/10, punt 43].

    Fuq l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali kunfliġġenti

    53

    Għandu jitfakkar, minn naħa, li hekk kif ġie rikonoxxut minn ġurisprudenza stabbilita, il-probabbiltà ta’ konfużjoni hija ħafna iktar ogħla milli l-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti huwa importanti. Għalhekk ma jistax jiġi eskluż li x-xebh kunċettwali li jirriżulta mill-fatt li żewġ trade marks jużaw sinjali li jaqblu fil-kontenut semantiku tagħhom jista’ joħloq probabbiltà ta’ konfużjoni fil-każ fejn it-trade mark preċedenti jkollha karattru partikolarment distintiv, jew minħabba l-għarfien ta’ dan fuq is-suq [ara s-sentenza Hai, punt 52 iktar ’il fuq, punt 56, u l-ġurisprudenza ċċitata fiha; sentenza SABEL, punt 32 iktar ’il fuq, punt 24, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Frar 2004, Koubi vs UASI – Flabesa (CONFORFLEX), T-10/03, Ġabra p. II-719, punt 50; ara s-sentenza Hai, punt 52 iktar ’il fuq, punt 56 u l-ġurisprudenza fiha ċċitata].

    54

    Min-naħa l-oħra u hekk kif ġie rikonoxxut minn din l-istess ġurisprudenza, is-sempliċi xebh kunċettwali bejn it-trade marks ma huwiex madankollu biżżejjed biex joħloq probabbiltà ta’ konfużjoni f’ċirkustanzi fejn it-trade mark preċedenti ma hijiex partikolarment magħrufa u tikkonsisti f’sinjal bi ftit elementi immaġinarji (sentenzi SABEL, punt 32 iktar ’il fuq, punt 25, u Hai, punt 52 iktar ’il fuq, punt 55).

    55

    Il-Bord tal-Appell ikkunsidra, fil-punti 31 u 32 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-identiċità tal-prodotti inkwistjoni, flimkien ma’ identiċità jew xebh kunċettwali qawwi kien responsabbli sabiex jikkumpensa d-differenzi viżivi u fonetiċi u li, konsegwentement, kien hemm probabbiltà ta’ konfużjoni jew ta’ assoċjazzjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, bejn is-sinjali kunfliġġenti għall-prodotti identiċi li jaqgħu taħt il-klassi 16 koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. F’dan ir-rigward, filwaqt li jiġi nnotat li l-intervenjenti kienet ipproduċiet kwantità impressjonanti ta’ dokumenti sabiex tipprova r-reputazzjoni tat-trade mark BALLON D’OR fir-rigward ta’ “kompetizzjoni sportiva”, il-Bord tal-Appell ikkonstata li fil-kuntest tal-analiżi tal-probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ir-reputazzjoni u, lil hinn, il-karattru distintiv tat-trade mark kien ikkunsidrat biss meta din ir-reputazzjoni ġiet stabbilita fir-rigward tal-prodotti inkwistjoni (punti 27 u 28 tad-deċiżjoni kkontestata).

    56

    Ir-rikorrenti tikkontesta l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali kunfliġġenti. B’mod partikolari, hija tallega karattru distintiv normali tat-trade mark preċedenti għal prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 16 u tikkontesta l-identiċità jew ix-xebh kunċettwali qawwi tas-sinjali kunfliġġenti.

    57

    L-UASI u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti. Barra minn hekk, l-intervenjenti ssostni karattru distintiv ħafna u r-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti.

    58

    Fir-rigward tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, il-Qorti Ġenerali l-ewwel nett tqis li, hekk kif ġie deċiż fil-punti 50 u 51 iktar ’il fuq, is-sinjali inkwistjoni ma għandhomx identiċità jew xebh kunċettwali qawwi, iżda, l-iktar l-iktar livell ta’ xebh baxx. Għalhekk, kuntrarjament għal dak li l-Bord tal-Appell ikkunsidra fil-punt 31 tad-deċiżjoni kkontestata, għalhekk għandu jingħad li, anki minħabba l-identiċità tal-prodotti inkwistjoni, dan il-livell ta’ xebh kunċettwali baxx – jew baxxa ħafna – jeħtieġ traduzzjoni minn qabel, ma huwiex suffiċjenti sabiex jagħmel tajjeb għad-differenzi viżivi u fonetiċi eżistenti.

    59

    F’dan il-kuntest, huwa minnu li jirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita, hekk kif ġie mfakkar fil-punti 53 u 54 iktar ’il fuq, li ma huwiex eskluż li xebh kunċettwali bejn iż-żewġ it-trade marks jista’ joħloq probabbiltà ta’ konfużjoni fil-każ ta’ xebh tal-prodotti, sakemm, madankollu, it-trade mark preċedenti għandha karattru distintiv qawwi. Iżda huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li tali karattru distintiv partikolari tat-trade mark BALLON D’OR f’dan il-każ ma ġiex stabbilit f’dak li jirrigwarda l-prodotti kkonċernati. Barra minn hekk, anki jekk jitqies li din it-trade mark għandha karattru distintiv qawwi, u dan waqt li wieħed jikkunsidra l-karattru identiku tal-prodotti inkwistjoni, ix-xebh kunċettwali ta’ livell baxx ħafna, li jeħtieġ traduzzjoni minn qabel, ma jistax, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża, ikun biżżejjed biex waħdu joħloq probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku kkonċernat (sentenza Hai, punt 52 iktar ’il fuq, punti 61, 64 u 65).

    60

    Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Appell ikkonkluda b’mod żbaljat li kien hemm probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku rilevanti għall-prodotti identiċi koperti mis-sinjali kunfliġġenti u li jaqgħu taħt il-klassi 16. Fil-fatt, minħabba fil-lingwi differenti tas-sinjali kunfliġġenti, distinzjoni ċara bejniethom hija stabbilita sabiex, hekk kif ġie kkonstatat fil-punti 44 sa 48 iktar ’il fuq, il-konsumatur medju ma jassoċjahomx immedjatament mingħajr ma jagħti bidu għal proċess intellettwali ta’ traduzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Buonfatti, punt 43 iktar ’il fuq, punt 87).

    61

    Konsegwentement għandu jiġi konkluż li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata f’dak li jirrigwarda l-ewwel punt tad-dispożittiv tagħha, peress li din annullat id-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u laqgħet l-oppożizzjoni għall-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni li jaqgħu taħt il-klassi 16, għall-ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

    Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(5), tal-Artikolu 64(1) u tal-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009 invokat mill-intervenjenti

    62

    L-intervenjenti ressqet talba bbażata fuq l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

    63

    Essenzjalment, l-intervenjenti tinvoka motiv separat ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(5), tal-Artikolu 64(1), u tal-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009 insostenn tat-talba għal annullament tagħha tad-deċiżjoni kkontestata inkwantu hija tiċħad l-oppożizzjoni għall-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni li jaqgħu taħt il-klassijiet 21 u 24 fit-tieni punt tad-dispożittiv tagħha. Fil-fehma tagħha, il-Bord tal-Appell kellu jevalwa l-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(5) ta’ dan ir-regolament, dwar dawn il-prodotti li jaqgħu taħt il-klassijiet 21 u 24. Dan huwa ksur ta’ forma proċedurali essenzjali kif ukoll ta’ żball ta’ liġi.

    64

    Ir-rikorrenti tikkontesta l-argumenti tal-intervenjenti. Ġustament, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li ma kienx neċessarju li jiddeċiedi fuq l-argument ibbażat fuq l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 invokat mill-intervenjenti, peress li dan l-argument huwa manifestament infondat.

    65

    L-UASI, li ma ħax l-opportunità li jippreżenta nota sabiex jirrispondi għat-talbiet u għall-motivi invokati, fuq il-bażi tal-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura, għall-ewwel darba fir-risposta tal-intervenjenti, essenzjalment ammetta matul is-seduta n-nuqqas tal-Bord tal-Appell milli jiddeċiedi fuq l-aggravju bbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 jikkostitwixxi ksur ta’ forma proċedurali sostanzjali.

    66

    Il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, permezz tat-talba tagħha għal ċaħda tar-rikors tar-rikorrenti u sabiex tannulla d-deċiżjoni kkontestata inkwantu hija tiċħad l-oppożizzjoni tal-intervenjenti intiża kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal prodotti li jaqgħu taħt il-klassijiet 21 u 24, l-intervenjenti tagħmel użu mill-opportunità li ngħatat lilha mill-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura li tifformula, fir-risposta tagħha, talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata fuq punt mhux imqajjem fir-rikors [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Frar 2006, Royal County of Berkshire Polo Club vs UASI – Polo/Lauren (ROYAL COUNTY OF BERKSHIRE POLO CLUB), T-214/04, Ġabra p. II-239, punt 50].

    67

    Sa fejn l-intervenjenti ssostni, fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ksur tal-Artikolu 8(5), tal-Artikolu 64(1), u tal-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009, hija tikkontesta l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata peress li l-Bord tal-Appell ma eżaminax l-aggravju ta’ oppożizzjoni bbażata fuq ksur tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009.

    68

    F’din il-kawża, il-Bord ta-Appell ikkunsidra, b’kuntrast mal-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, li s-sinjali kunfliġġenti kienu jixxiebhu globalment u kkonkludiet li kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni għall-prodotti identiċi li jaqgħu taħt il-klassi 16 taħt l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. Fid-dawl ta’ din il-konklużjoni, huwa kkunsidra li ma kienx neċessarju li jiġu eżaminati l-aggravji invokati mill-intervenjenti fuq il-bażi tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 (punt 33 tal-deċiżjoni kkontestata), minkejja l-fatt li s-suġġett tal-kawża jinkludi wkoll diversi prodotti li jaqgħu taħt il-klassijiet 21 u 24 koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, mhux koperti mill-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni f’dak li jirrigwarda l-prodotti meqjusa identiċi li jaqgħu taħt il-klassi 16.

    69

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 64(1) tar-Regolament Nru 107/2009, “[w]ara li ssir l-eżaminazzjoni tal-permissibilità tal-appell, il-Bord tal-Appell għandu jiddeċiedi l-appell”. Il-Bord tal-Appell huwa mistenni li jagħmel eżami mill-ġdid komplet tal-mertu tal-oppożizzjoni, kemm fid-dritt u fil-fatt [sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Marzu 2007, UASI VS Kaul, C-29/05 P, Ġabra p. I-2213, punt 57, u sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Marzu 2007, Sigla vs UASI – Elleni Holding (VIPS), T-215/03, Ġabra p. II-711, punt 96]. Ġie rikonoxxut mill-ġurisprudenza li dan l-obbligu ta’ eżami tal-mertu tar-rikors għandu jinftiehem fis-sens li l-Bord tal-Appell huwa marbut li jiddeċiedi dwar kull wieħed mill-ilmenti mressqa quddiemu fl-intier tagħhom, billi jilqagħhom jew jiċħadhom bħala inammissibbli jew billi jiċħadhom fuq il-mertu. Sa fejn il-ksur ta’ dan l-obbligu jista’ jaffettwa l-kontenut tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, dan jikkostitwixxi ksur ta’ forma proċedurali essenzjali [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Settembru 2011, Ergo Versicherungsgruppe vs UASI – DeguDent (ERGO), T‑382/09, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 15, u l-ġurisprudenza ċċitata fiha].

    70

    Madankollu, għandu jiġi enfasizzat f’dan il-każ, li jirriżulta mill-kliem tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 li l-identiċità jew ix-xebh tas-sinjali kunfliġġenti wkoll jikkostitwixxu waħda mit-tliet kundizzjonijiet kumulattivi għall-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Mejju 2005, Spa Monopole vs UASI – Spa-Finders Travel Arrangements (SPA-FINDERS), T-67/04, Ġabra p. II-1825, punt 30].

    71

    Għandu jitfakkar ukoll li mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-ħsara msemmija fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, meta sseħħ, hija l-konsegwenza ta’ ċertu livell ta’ xebh bejn it-trade marks kunfliġġenti, li minħabba fih il-pubbliku kkonċernat jagħmel konnessjoni bejn dawn it-trade marks, jiġifieri jistabbilixxi rabta bejniethom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Novembru 2008, Intel Corporation, C-252/07, Ġabra p. I-8823, punt 30, u l-ġurisprudenza ċċitata fiha).

    72

    Madankollu, fid-dawl tal-evalwazzjonijiet magħmula fil-punti 41 sa 51 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li s-sinjali kunfliġġenti huma nieqsa mix-xebh meħtieġ għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009. Għalhekk, il-Bord tal-Appell f’kull każ kellu, anki jekk kien eżamina l-aggravju invokat mill-intervenjenti tal-ksur ta’ din id-dispożizzjoni, jiċħad l-oppożizzjoni għall-prodotti li jaqgħu taħt il-klassijiet 21 u 24.

    73

    Minn dan isegwi li l-oppożizzjoni f’kull każ għandha tiġi miċħuda fl-intier tagħha minħabba fl-assenza kemm ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) u kemm ta’ probabbiltà ta’ rabta fis-sens tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009.

    74

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, anki jekk jitqies li l-Bord tal-Appell żbalja meta naqas milli jiddeċiedi fuq l-aggravju bbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 f’dak li jirrigwarda l-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni li jaqgħu taħt il-klassijiet 21 u 24, ma jkunx xieraq li t-tieni punt tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jiġi annullat, peress li dan l-iżball ma setax fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, ikollu effett fuq din il-parti tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2008, Alitalia vs Il‑Kummissjoni, T-301/01, Ġabra p. II-1753, punt 307, u l-ġurisprudenza ċċitata fiha).

    75

    Konsegwentement, il-motiv tal-intervenjenti bbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(5), tal-Artikolu 64(1) u tal-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009 invokat insostenn tat-talba għal annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata f’dak li jikkonċerna l-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni li jaqgħu taħt il-klassijiet 21 u 24 għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv. Bħala riżultat ta’ dan, it-talba għal annullament imressqa mill-intervenjenti għandha tiġi miċħuda.

    76

    Jirriżulta minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq li hemm lok li jiġi biss annullat l-ewwel punt tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata.

    Fuq l-ispejjeż

    77

    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

    78

    Minn naħa, peress li l-UASI tilef, hemm lok li minbarra għall-ispejjeż tiegħu, jiġi kkundannat għall-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti, kif mitlub minn din tal-aħħar. Min-naħa l-oħra, huwa meħtieġ li jiġi deċiż li l-intervenjenti, li tilfet it-talba tagħha għal annullament ibbażata fuq l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura, għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll tiġi kkundannata għall-ispejjeż sostnuti fir-rigward ta’ din it-talba mir-rikorrenti, kif mitlub minn din tal-aħħar.

     

    Għal dawn il-motivi,

    IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

    taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-ewwel punt tad-dispożittiv tad-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) tas-26 ta’ Mejju 2011 (Każ R 1310/2010 1) huwa annullat.

     

    2)

    It-talba għal annullament imressqa minn Intra-Presse hija miċħuda.

     

    3)

    L-UASI, minbarra l-ispejjeż tiegħu, għandu jiġi kkundannat għall-ispejjeż sostnuti minn Golden Balls Ltd, ħlief għall-ispejjeż sostnuti minn din tal-aħħar fir-rigward tat-talba għal annullament ibbażata fuq l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

     

    4)

    Intra-Presse, minbarra l-ispejjeż tagħha, għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż sostnuti minn Golden Balls Ltd fir-rigward tat-talba għal annullament ibbażata fuq l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

     

    Azizi

    Frimodt Nielsen

    Kancheva

    Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-16 ta’ Settembru 2013.

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    Top