Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011TJ0372

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (is-Sitt Awla) tas-26 ta' Ġunju 2014.
    Basic AG Lebensmittelhandel vs l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trademarks u disinni) (UASI).
    Trade mark Komunitarja - Proċedimenti ta’ oppożizzjoni - Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja figurattiva basic - Trade mark Komunitarja figurattiva preċedenti BASIC - Raġuni relattiva għal rifjut - Xebh tas-servizzi - Probabbiltà ta’ konfużjoni - Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009.
    Kawża T-372/11.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:T:2014:585

    SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

    26 ta’ Ġunju 2014 ( *1 )

    “Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja figurattiva basic — Trade mark Komunitarja figurattiva preċedenti BASIC — Raġuni relattiva għal rifjut — Xebh tas-servizzi — Probabbiltà ta’ konfużjoni — Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009”

    Fil-Kawża T‑372/11,

    Basic AG Lebensmittelhandel, stabbilita f’München (il-Ġermanja), irrappreżentata minn D. Altenburg u H. Bickel, avukati,

    rikorrenti,

    vs

    L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn G. Schneider, bħala aġent,

    konvenut,

    il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjent quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

    Repsol YPF, SA, stabbilita f’Madrid (Spanja), irrappreżentata minn J.‑B. Devaureix, avukat,

    li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI tal-31 ta’ Marzu 2011 (Każ R 1440/2010‑1), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Repsol YPF, SA u Basic AG Lebensmittelhandel,

    IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

    komposta minn S. Frimodt Nielsen, President, F. Dehousse u A. M Collins (Relatur), Imħallfin,

    Reġistratur: C. Heeren, Amministratur,

    wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ Lulju 2011,

    wara li rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ Novembru 2011,

    wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Novembru 2011,

    wara li rat il-bidla fil-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali,

    wara s-seduta tat-12 ta’ Frar 2014,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    1

    Fl-14 ta’ Marzu 2008, ir-rikorrenti, Basic AG Lebensmittelhandel, ippreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), abbażi tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat [sostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)].

    2

    It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal figurattiv segwenti:

    Image

    3

    Il-prodotti u s-servizzi li fir-rigward tagħhom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, b’mod partikolari, jaqgħu fil-klassijiet 35 u 39 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

    klassi 35: “Frankiġjar, jiġifieri distribuzzjoni ta’ know-how ekonomiku u organizzativ għall-marketing ta’ prodotti u servizzi;amministrazzjoni ta’ negozji, bejgħ ta’ merkanzija promozzjonali (promozzjonijiet), marketing dirett, konsulenza dwar negozju u ġestjoni tan-negozju fil-kunċett, l-organizzazzjoni u t-tmexxija ta’ sistemi li jsibu klijenti ġodda u tal-lojaltà [lealtà] tal-klijenti, spejalment fil-qasam ta’ programmi tal-posta, tal-offerti, vawċers u rigali;ħruġ ta’ ġarriera tal-informazzjoni u tad-dejta [data carriers] għal terzi persuni (inklużi fil-klassi 35), għar-reġistrazzjoni ta’ transazzjonijiet b’offerta, b’vawċer u bi premji, speċjalment ta’ kotba taċ-ċekkijiet tal-vawċers, ta’ karti tal-kreditu u kards taċ-ċekkijiet [cheque cards], li fihom dejta ta’ l-identifikazzjoni u/jew informazzjoni viżwali u/jew li jistgħu jinqraw minn magni, speċjalment kards manjetiċi u kards b’ċipep bħala hekk imsejħa smart cards [(inklużi fil-klassi 35)];mezzi tal-promozzjoni tal-bejgħ, tmexxija ta’ logħob bir-rebħ u kompetizzjonijiet bħala mezzi pubbliċitarji, inklużi fil-klassi 35; servizzi ta’ negozju bl-imnut u bl-ingrossa fil-qasam ta’ aġenti tal-ħasil u tal-ibbliċjar, preparazzjonijiet għat-tindif, illustrar, tneħħija tax-xaħam u preparazzjonijiet li joborxu, sapun, fwejjaħ, żjut essenzjali, aġenti għall-kura tal-ġisem u tas-sbuħija, lozjonijiet tax-xagħar, dentifriċi, materjali luminixxenti, xemgħat u ftieli għax-xemgħat, prodotti farmaċewtiċi u veterinarji, prodotti sanitarji għal skopijiet mediċi, sustanzi dijetetiċi għal skopijiet mediċi, ikel għat-trabi, plasters, materjali għall-ilbies ta’ feriti, diżinfettanti, preparazzjonijiet għall-qirda tal-vermini, funguċidji, erbiċidi, addittivi mediċinali għall-banju, supplimenti tal-ikel għal skopijiet mediċinali u mhux għal skopijiet mediċinali, karti, kartunċin (kartun) u oġġetti magħmula minn dawn il-materjali, materjal stampat, ritratti, kartoleriji, mezzi tat-tagħlim u edukattivi, materjali tal-plastik għall-ippakkjar, ġilda u imitazzjonijiet tal-ġilda kif ukoll prodotti magħmula minnhom, ġlud u ferijiet, bagalji u valiġġi, basktijiet, rucksacks, umbrelel, parasols u bsaten għall-mixi, frosti, sraġ ta’ żiemel u oġġetti magħmula minn sarraġ, tagħmir u kontenituri għad-dar u l-kċina, pettnijiet u sponoż, xkupilji, materjal biex isiru l-ixkupilji, oġġetti għat-tindif, ħġieġ mhux maħdum jew nofsu maħdum, oġġetti tal-ħġieġ, oġġetti tal-porċellana u oġġetti tal-fuħħar, oġġetti ta’ l-ilbies, xedd is-saqajn, xedd ir-ras, logħob, ġugarelli, oġġetti tal-ġinnastika u sportivi, dekorazzjonijiet għas-siġra tal-Milied, ikel, prodotti agrikoli, tal-ortikultura u tal-forestrija kif ukoll żrieragħ, annimali ħajjin, frott u ħxejjex friski, żrieragħ, pjanti ħajjin u fjuri ħajjin, għalf, qamħ, xorb bl-alkoħol u mingħajr alkoħol kif ukoll ġulepp, pilloli effervexxenti u preparazzjonijiet oħrajn għat-tlestija tax-xorb, servizzi ta’ ordnijiet bil-posta (minbarra t-trasport) jew bejgħ bl-Internet, rispettivament ta’ oġġetti ta’ spiżerija, kosmetiċi, fwejjaħ, oġġetti tal-karti, tessuti, xorb u ikel”;

    klassi 39: “Trasport; l-ippakkjar u l-ħżin ta’ oġġetti; arranġamenti ta’ l-ivvjaġġar”.

    4

    L-applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja ġiet ippubblikata fil-Bullettin tat-trade marks Komunitarji Nru 23/2008, fit-9 ta’ Ġunju 2008.

    5

    Fit-8 ta’ Settembru 2008, l-intervenjenti, Repsol YPF, SA ressqet oppożizzjoni, skont l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009), kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għall-prodotti msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq.

    6

    L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq it-trade mark figurattiva preċedenti miġjuba hawn taħt:

    Image

    7

    Is-servizzi koperti mit-trade mark preċedenti li fuqhom hija bbażata l-oppożizzjoni jaqgħu fil-klassijiet 35, 37 u 39 u jikkorrispondu, għal kull waħda mill-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

    klassi 35: “Bejgħ bl-imnut ta’ tabakk, gazzetti, batteriji, oġġetti tal-logħob, oġġetti għall-karozzi, aċċessorji u sperparts għall-karozzi, lubrikanti, fjuwil għall-karozzi; reklamar; funzjonijiet ta’ l-uffiċċji”;

    klassi 37: “Il-kostruzzjoni ta’ bini; tiswija; servizzi ta’ installazzjoni, stazzjonijiet tas-servizzi (petrolstejxins); it-tiswija ta’ vetturi; preservazzjoni, griżjar u ħasil ta’ vetturi; it-tiswija ta’ tajers”;

    klassi 39: “Servizzi ta’ tqassim ta’ prodotti ta’ l-ikel għall-konsum bażiku, ikel ta’ l-għaż[ġ]ina u ħelu, ġelat, ikel imħejji, tabakk, materjal ta’ l-istampar, batteriji, ġugarelli, prodotti għall-karozzi, aċċessorji u sperparts għall-karozzi, lubrikanti, kombustibbli u fjuwils għall-karozzi, trasport; ippakkjar, ħażna u provvista ta’ kull xorta ta’ prodotti, inklużi kombustibbli u fjuwils; arranġamenti ta’ l-ivvjaġġar”.

    8

    Il-motiv invokat insostenn tal-oppożizzjoni kien dak imsemmi fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009].

    9

    Fit-28 ta’ Mejju 2010, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-UASI laqgħet l-oppożizzjoni. Fil-fatt, din ġiet milqugħa għal uħud mis-servizzi fil-klassi 35 u għal dawk fil-klassi 39.

    10

    Fit-28 ta’ Lulju 2010, l-intervenjenti ppreżentat appell quddiem l-UASI, skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009, mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

    11

    Permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Marzu 2011 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), l-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI laqa’ parzjalment l-appell. B’mod partikolari, huwa kkunsidra li s-“servizzi ta’ bejgħ bl-imnut u bl-ingrossa fil-qasam tal-ikel, frott u ħxejjex friski xorb bl-alkoħol u mingħajr alkoħol kif ukoll ġulepp, pilloli effervexxenti u preparazzjonijiet oħrajn għat-tlestija tax-xorb, servizzi ta’ ordnijiet bil-posta (minbarra t-trasport) jew bejgħ bl-internet, rispettivament ta’ ikel u xorb” imsemmija mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni inklużi fil-klassi 35 kienu simili għas-servizzi koperti mit-trade mark preċedenti fil-klassi 39. Min-naħa l-oħra, hija qieset li s-servizzi l-oħra fil-klassi 35 koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, kienu differenti mis-servizzi koperti mit-trade mark preċedenti. Il-Bord tal-Appell irrileva li t-trade marks kunfliġġenti kienu juru xebh viżiv dgħajjef, iżda li kienu identiċi fuq il-livell fonetiku u fuq dak kunċettwali. Barra minn hekk, il-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti huwa ġeneralment pjuttost dgħajjef.

    12

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bord tal-Appell ikkonkluda li kien hemm probabbiltà ta’ konfużjoni f’dak li jikkonċerna s-servizzi kkunsidrati bħala simili msemmija fil-punt 11 iktar ’il fuq. Għaldaqstant, huwa laqa’ l-oppożizzjoni fir-rigward ta’ dawk is-servizzi, filwaqt li ċaħad l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja li tikkonċerna s-servizzi u ċaħad l-appell li tikkonċerna s-servizzi l-oħra inklużi fil-klassi 35.

    It-talbiet tal-partijiet

    13

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

    tiċħad l-appell mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni;

    tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

    14

    L-UASI u l-intervenjenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tiċħad ir-rikors;

    tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

    15

    Matul is-seduta, ir-rikorrenti bidlet it-talbiet tagħha fis-sens li hija titlob għaldaqstant lill-Qorti Ġenerali sabiex jogħġobha:

    tibdel id-deċiżjoni kkontestata fis-sens li l-appell jiġi miċħud fl-intier tiegħu;

    alternattivament, tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tilqa’ r-rikors tal-intervenjenti;

    tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

    16

    Matul is-seduta, ir-rikorrenti tenniet mill-ġdid it-talba tagħha għas-sospensjoni tal-proċedura abbażi tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-UASI tat-8 ta’ Ottubru 2013 (5863 C), li fiha din tal-aħħar iddikjarat it-trade mark preċedenti invalida f’dak li jikkonċerna uħud mis-servizzi inkwistjoni. F’dan il-kuntest, l-intervenjenti talbet li l-Qorti Ġenerali tikkunsidra l-appell tagħha minn din id-deċiżjoni. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talba tagħha għas-sospensjoni tal-proċedura.

    Id-dritt

    17

    Ir-rikorrenti tinvoka motiv uniku, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

    18

    Ir-rikorrenti tqis li s-servizzi fil-klassi 35 koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma jixbhux is-servizzi fil-klassi 39 koperti mit-trade mark preċedenti u għaldaqstant ma teżisti ebda probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti.

    19

    L-UASI u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

    20

    Skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, dwar l-oppożizzjoni tal-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, ir-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandha tiġi rrifjutata meta, għal raġuni ta’ identità jew xebh tagħha ma’ trade mark preċedenti u għal raġuni ta’ identità jew ta’ xebh tal-prodotti jew tas-servizzi koperti miż-żewġ trade marks, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku fit-territorju li fih it-trade mark preċedenti hija protetta. Il-probabbiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti.

    21

    Skont ġurisprudenza stabbilita, tikkostitwixxi probabbiltà ta’ konfużjoni l-probabbiltà li l-pubbliku jista’ jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni joriġinaw mill-istess impriża jew minn impriżi marbuta ekonomikament. Skont din l-istess ġurisprudenza, il-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tiġi evalwata globalment, skont il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tas-sinjali u tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni, u b’kunsiderazzjoni tal-fatturi rilevanti kollha tal-każ, b’mod partikolari tal-interdipendenza tax-xebh tas-sinjali u ta’ dak tal-prodotti jew tas-servizzi koperti [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2003, Laboratorios RTB vs UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T-162/01, Ġabra p. II-2821, punti 30 sa 33 u l-ġurisprudenza ċċitata].

    22

    Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, probabbiltà ta’ konfużjoni tippreżupponi kemm identiċità jew xebh tat-trade marks kunfliġġenti kif ukoll identiċità jew xebh tal-prodotti jew tas-servizzi indikati minnhom. Dawn huma kundizzjonijiet kumulattivi [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Jannar 2009, Commercy vs UASI – easyGroup IP Licensing (easyHotel), T-316/07, Ġabra p. II-43, punt 42, u l-ġurisprudenza ċċitata].

    23

    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat jekk il-Bord tal-Appell qies ġustament li ma teżisti l-ebda probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti f’dak li jikkonċerna uħud mis-servizzi fil-klassi 35 koperta mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u s-servizzi fil-klassi 39 koperti mit-trade mark preċedenti.

    Fuq il-pubbliku rilevanti

    24

    Skont il-ġurisprudenza fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-konsumatur medju tal-kategorija ta’ prodotti kkonċernati, normalment informat u raġonevolment attent u avżat. Għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li l-livell ta’ attenzjoni tal-konsumatur medju jista’ jvarja skont il-kategorija ta’ prodotti jew ta’ servizzi inkwistjoni [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Frar 2007, Mundipharma vs UASI – Atlana Pharma (RESPICUR), T-256/04, Ġabra p. II-449, punt 42, u l-ġurisprudenza ċċitata].

    25

    L-ewwel nett, meta l-protezzjoni tat-trade mark preċedenti hija mifruxa mal-Unjoni Ewropea kollha, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-perċezzjoni tat-trade marks kunfliġġenti mill-konsumatur tas-servizzi inkwistjoni fit-territorju. Din il-konstatazzjoni ma ġietx ikkontestata f’dan il-każ.

    26

    It-tieni nett, fil-punt 15 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ikkunsidra, li l-pubbliku rilevanti huwa magħmul minn professjonisti f’dak li jikkonċerna s-servizzi fil-klassi 39 koperti mit-trade mark preċedenti. Din l-evalwazzjoni ma ġietx ikkontestata mir-rikorrenti. Din tal-aħħar argumentat biss li s-servizzi ta’ bejgħ bl-imnut fil-klassi 35 koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma humiex immirati lejn il-professjonisti, iżda lejn il-konsumaturi finali.

    27

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li huwa biss il-pubbliku rilevanti komuni għas-servizzi inkwistjoni li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-paragun tal-imsemmija servizzi. Fil-fatt, il-pubbliku rilevanti huwa magħmul, skont ġurisprudenza stabbilita, mill-konsumaturi li jistgħu jużaw kemm prodotti jew servizzi tat-trade mark preċedenti kif ukoll dawk tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 2010, PVS vs UASI – MeDiTA Medizinische Kurierdienst (medidata), T‑270/09, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 28, u l-ġurisprudenza ċċitata].

    28

    F’dan il-każ, huwa stabbilit li s-servizzi fil-klassi 39 koperti mit-trade mark preċedenti huma servizzi ta’ tqassim. Madankollu, huma mmirati lejn pubbliku ta’ professjonisti.

    29

    Fir-rigward tas-servizzi ta’ bejgħ bl-imnut fil-klassi 35 koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u inkwistjoni f’dan il-każ, huwa żbaljat li, permezz tal-argument invokat fil-punt 26 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti qed tipprova tissuġġerixxi li dawn is-servizzi ma setgħux ikunu mmirati lejn pubbliku ta’ professjonisti. Jekk huwa minnu li dawn is-servizzi huma indirizzati lejn il-konsumatur finali, huwa wkoll minnu li huma indirizzati lejn il-manifattur tal-prodott kif ukoll lejn intermedjarji kummerċjali eventwali fir-rigward li jaġixxu qabel il-bejgħ bl-imnut finali, bħala servizzi li jiggarantixxu lil dawn l-operaturi ekonomiċi l-aħħar parti tal-kummerċjalizzazzjoni tal-imsemmi prodott.

    30

    Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell essenzjalment ikkunsidra ġustament bħala pubbliku rilevanti biss dawk il-professjonisti, li jistgħu jużaw is-servizzi fil-klassi 35 koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u inkwistjoni f’din il-kawża kif ukoll dawk fil-klassi 39 koperti mit-trade mark preċedenti u wkoll inkwistjoni f’dan il-każ.

    31

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-definizzjoni ta’ pubbliku rilevanti kkunsidrata mill-Bord tal-Appell fil-punt 15 tad-deċiżjoni kkontestata f’dak li jikkonċerna s-servizzi fil-klassijiet 35 u 39 għandha tiġi approvata.

    Fuq il-paragun tas-servizzi

    32

    Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġi evalwat ix-xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni bejniethom. Dawn il-fatturi jinkludu, b’mod partikolari, in-natura tagħhom, l-użu intenzjonat tagħhom, l-użu tagħhom, kif ukoll in-natura tagħhom bħala prodotti li jikkompetu jew li jikkomplementaw lil xulxin. Fatturi oħra jistgħu wkoll jittieħdu inkunsiderazzjoni, bħas-sistemi ta’ tqassim tal-prodotti rilevanti [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Lulju 2007, El Corte Inglés vs UASI – Bolaños Sabri (PiraÑAM diseño original Juan Bolaños), T-443/05, Ġabra p. II-2579, punt 37, u l-ġurisprudenza ċċitata].

    33

    Il-prodotti jew is-servizzi komplementari huma dawk li bejniethom teżisti rabta stretta, fis-sens li wieħed huwa indispensabbli jew importanti għall-użu tal-ieħor, b’mod li l-konsumaturi jistgħu jaħsbu li r-responsabbiltà għall-manifattura ta’ dawn il-prodotti jew għall-provvista ta’ dawn is-servizzi hija tal-istess impriża. B’hekk rabta ta’ natura komplementari ma tistax teżisti bejn, minn naħa, il-prodotti jew is-servizzi li huma neċessarji għall-funzjonament ta’ impriża kummerċjali u, min-naħa l-oħra, il-prodotti u s-servizzi li din l-impriża timmanifattura jew tipprovdi. Għaldaqstant, servizzi indirizzati lejn tipi ta’ pubbliku differenti ma jistax ikollhom natura komplementari (ara s-sentenza easyHotel, punt 22 iktar ’il fuq, punti 57 u 58, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    34

    Fir-rigward tad-deċiżjonijiet tal-UASI invokati mill-partijiet, għandu jitfakkar ukoll li l-UASI huwa obbligat jeżerċita l-kompetenzi tiegħu skont il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Jekk, fid-dawl tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, l-UASI għandu jieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet diġà meħuda fil-konfront ta’ applikazzjonijiet simili u jistħarreġ b’attenzjoni partikolari l-punt dwar jekk hemmx lok jew le li jiddeċiedi fl-istess sens, l-applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji għandhom madankollu jiġu rrikonċiljati mal-prinċipju ta’ legalità. Barra minn hekk, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u, b’mod preċiż, ta’ amministrazzjoni tajba, l-eżami ta’ kull applikazzjoni għal reġistrazzjoni għandu jkun strett u komplet bil-għan li jiġi evitat li trade marks jiġu rreġistrati b’mod illeġittimu. Għalhekk, eżami bħal dan għandu jsir f’kull każ konkret. Fil-fatt, ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark Komunitarja tiddependi fuq kriterji speċifiċi, applikabbli fil-kuntest ta’ ċirkustanzi fattwali tal-każ ineżami, maħsuba sabiex jiġi vverifikat jekk is-sinjal inkwistjoni jaqax taħt xi raġuni għal rifjut (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Marzu 2011, Agencja Wydawnicza Technopol vs UASI, C-51/10, Ġabra p. I-1541, punti 73 sa 77).

    35

    Fir-rigward tad-deċiżjonijiet nazzjonali invokati mill-partijiet, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li r-reġistrazzjonijiet li diġà saru fl-Istati Membri mingħajr ma jikkostitwixxu elementi determinanti, jistgħu biss jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja, [is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Frar 2000, Procter & Gamble vs UASI (Forma ta’ sapuna), T-122/99, Ġabra p. II-265, punt 61, u tad-19 ta’ Settembru 2001, Henkel vs UASI (Tablet tonda ħamra u bajda), T-337/99, Ġabra p. II-2597, punt 58].

    36

    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, li għandhom jitqabblu s-“servizzi ta’ bejgħ bl-imnut u bl-ingrossa fil-qasam tal-ikel, frott u ħxejjex friski, xorb bl-alkoħol u mingħajr alkoħol kif ukoll ġulepp, pilloli effervexxenti u preparazzjonijiet oħrajn għat-tlestija tax-xorb, servizzi ta’ ordnijiet bil-posta (minbarra t-trasport) jew bejgħ bl-internet, rispettivament ta’ ikel u xorb”, koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, inklużi fil-klassi 35 flimkien mas-“[s]ervizzi ta’ tqassim ta’ prodotti ta’ l-ikel għall-konsum bażiku, ikel ta’ l-għa[ġ]ina u ħelu, ġelat, ikel imħejji” koperti mit-trade mark preċedenti inklużi fil-klassi 39.

    Fuq ix-xebh bejn il-prodotti msemmijin mis-servizzi inkwistjoni

    37

    Ir-rikorrenti targumenta li l-prodotti msemmija mis-servizzi inkwistjoni f’dan il-każ, jiġifieri x-xorb u l-prodotti tal-ikel, ma jixxiebhux biżżejjed sabiex jikkostitwixxu xebh bejn is-servizzi ta’ bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut ta’ xorb u ta’ servizzi ta’ tqassim ta’ prodotti tal-ikel. Skont ir-rikorrenti, ix-xorb u l-prodotti tal-ikel min-natura tagħhom jikkorrispondu għal modi ta’ tqassim, ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ konsum distinti.

    38

    Matul is-seduta, il-partijiet urew il-qbil tagħhom mal-interpretazzjoni li tgħid li għandhom jitqabblu kemm il-prodotti msemmija mis-servizzi inkwistjoni kif ukoll is-servizzi bejniethom.

    39

    F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Appell iddikjara ġustament, fil-punti 26 u 27 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-prodotti kkonċernati mis-“servizzi ta’ bejgħ bl-imnut u bl-ingrossa fil-qasam tal-ikel, frott u ħxejjex friski, xorb bl-alkoħol u mingħajr alkoħol kif ukoll ġulepp, pilloli effervexxenti u preparazzjonijiet oħrajn għat-tlestija tax-xorb, servizzi ta’ ordnijiet bil-posta (minbarra t-trasport) jew bejgħ bl-internet, rispettivament ta’ ikel u xorb” imsemmijin mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni huma identiċi jew simili ħafna għall-“prodotti ta’ l-ikel għall-konsum bażiku” imsemmijin mit-trade mark preċedenti. Fil-fatt, ix-xorb u l-ikel għandhom l-istess natura u għandhom l-istess għan fis-sens li huma intiżi għall-konsum mill-bniedem. Barra minn hekk, dawn il-prodotti jistgħu jiġu mmanifatturati mill-istess impriżi, jiġu ġeneralment mibjugħa fl-istess ħwienet peress li huma spiss kkonsmati fl-istess ħin.

    40

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argumenti tar-rikorrenti, li jridu jikkontestaw l-eżistenza ta’ xebh bejn is-servizzi inkwistjoni minħabba l-assenza ta’ xebh suffiċjenti bejn il-prodotti kkonċernati minnhom, għandhom jiġu miċħuda.

    Fuq id-definizzjoni ta’ servizzi ta’ tqassim u dawk ta’ bejgħ bl-ingrossa

    41

    Ir-rikorrenti tqis li l-Bord tal-Appell ikkonkluda b’mod żbaljat li s-servizzi inkwistjoni fil-klassi 35 huma identiċi jew jixbhu s-servizzi tal-klassi 39 koperti mit-trade mark preċedenti. Hija bbażat ir-raġunament tagħha fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kelma “tqassim”, is-sens ta’ liema għandu jiġi dedott mill-klassifikazzjoni ta’ Nice. L-intervenjenti interpretat il-kelma “tqassim” meta deliberatament għażlet li tirreġistra t-trade mark preċedenti għal servizzi inklużi fil-klassi 39 b’mod partikolari. B’dan il-mod, il-kelma “tqassim” hija relatata biss mas-servizzi ta’ tgħabija, ta’ kunsinna, ta’ ħżin u ta’ trasport.

    42

    Fir-rigward, minn naħa, tad-definizzjoni tas-servizzi ta’ tqassim u ta’ bejgħ bl-ingrossa, l-argument tar-rikorrenti dwar kif tinftiehem il-kelma “tqassim” u tal-espressjoni “bejgħ bl-ingrossa” fil-lingwaġġ kurrenti għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, din tal-aħħar ma tippreċiżax f’liema minn dawn id-definizzjonijiet ta’ dawn il-kunċetti li hija tinvoka jippermettu li tiġi eskluża l-identità tas-servizzi inkwistjoni.

    43

    Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-preżunta natura determinanti tal-klassifikazzjoni ta’ Nice fid-definizzjoni tas-servizzi, għandu jitfakkar li, skont ir-Regola 2(4) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189), kif emendat, din il-klassifikazzjoni ssir għal finijiet esklużivament amministrattivi. Għalhekk, din tal-aħħar ma tiddeterminax, fiha nnifisha, in-natura u l-karatteristiċi tas-servizzi inkwistjoni f’dan il-każ.

    44

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-definizzjoni tal-kunċett ta’ tqassim invokat mir-rikorrenti, ibbażata fuq il-formulazzjoni tal-klassi 39, ma tistax tinżamm. Barra minn hekk, in-nota ta’ spjega dwar il-klassi 39 li hija tikkwota ma tikkostitwixxix enumerazzjoni eżawrjenti tas-servizzi koperti minn din il-klassi.

    Fuq il-preżunta assenza ta’ xebh bejn is-servizzi ta’ tqassim u dawk ta’ bejgħ bl-ingrossa

    45

    Skont ir-rikorrenti, is-servizzi ta’ bejgħ bl-ingrossa huma distinti mis-servizzi ta’ tqassim. Fid-dawl tad-deċiżjonijiet tal-UASI u tan-noti ta’ spjega għall-klassijiet 35 u 39 tal-klassifikazzjoni ta’ Nice, dawn iż-żewġ kategoriji ta’ servizzi ma jixxiebhux, jew min-natura tagħhom jew minħabba l-għan tagħhom, u ma jistgħux jitqiesu li huma komplementari fir-rigward tal-pubbliku rilevanti. Barra minn hekk, kuntrarjament għas-servizzi ta’ tqassim, is-servizzi ta’ bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut ma jinkludux it-trasport tal-merkanzija.

    46

    F’dan ir-rigward, jirriżulta wkoll mir-Regola 2(4) tar-Regolament Nru 2868/95 (ara punt 43 iktar ’il fuq) li s-servizzi ma jistgħux jitqiesu li huma differenti biss minħabba li jidhru fi klassijiet differenti tal-Ftehim ta’ Nice. Din ir-regola hija kkorroborata mill-ġurisprudenza li tgħid li l-prodotti jew s-servizzi ma għandhomx neċessarjament jaqgħu taħt l-istess klassi, jew fl-istess kategorija fi ħdan klassi partikolari, biex ikunu jistgħu jiġu validament imqabbla u jwasslu għall-konklużjoni li l-eżistenza jew l-assenza ta’ xebh bejn dawn il-prodotti jew servizzi [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Diċembru 2006, Gagliardi vs UASI – Norma Lebensmittelfilialbetrieb (MANŪ MANU MANU), T‑392/04, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 77, u l-ġurisprudenza ċċitata]. Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti dwar l-għażla deliberata tal-intervenjenti li tirreġistra t-trade mark preċedenti biss għas-servizzi li jaqgħu fil-klassi 39, għandu jiġi eskluż.

    47

    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li s-servizzi ta’ tqassim u s-servizzi ta’ bejgħ bl-ingrossa jippermettu l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott u għandhom funzjoni intermedjarja bejn il-produzzjoni u l-konsum finali ta’ prodott. Dawn iż-żewġ kategoriji ta’ servizzi jikkontribwixxu għat-twettiq tal-istess għan finali li huwa l-bejgħ lill-konsumatur finali.

    48

    Fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 33 iktar ’il fuq, għandha tiġi rrilevata wkoll ir-rabta stretta li teżisti bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ servizzi meta bejjiegħ bl-ingrossa jista’ jinvoka servizzi ta’ tqassim u li distributur jista’ wkoll jagħmel użu minn servizzi ta’ bejgħ bl-ingrossa. Barra minn hekk, bejjiegħ bl-ingrossa jista’ joffri servizzi oħra ta’ tqassim, kif ukoll il-bejgħ bl-ingrossa jista’ jifforma parti mis-servizzi offruti minn distributur.

    49

    Fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrenti li t-tqassim ma huwiex karatteristiku tan-natura tas-servizzi ta’ bejgħ bl-ingrossa, anki jekk din hija fondata, ma tistax fiha nnifisha, teskludi xebh bejn iż-żewġ kategoriji ta’ servizzi.

    50

    Il-kumplament tal-argumenti mressqa mir-rikorrenti jitilqu mill-premessa żbaljata li s-servizzi ta’ tqassim jillimitaw ruħhom għal servizzi ta’ trasport u ta’ kunsinna. Madankollu, dawn is-servizzi jirrappreżentaw biss parti mill-attivitajiet koperti mis-servizzi ta’ tqassim.

    51

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Bord tal-Appell ġustament ikkonstata, fil-punt 27 tad-deċiżjoni kkontestata, l-eżistenza ta’ xebh bejn is-servizzi ta’ bejgħ bl-ingrossa koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u s-servizzi ta’ tqassim koperti mit-trade mark preċedenti, peress li l-prodotti kkonċernati minn dawn kienu identiċi jew simili ħafna.

    Fuq il-preżunt xebh bejn is-servizzi ta’ tqassim u dawk ta’ bejgħ bl-imnut

    52

    Ir-rikorrenti allegat li l-Bord tal-Appell qabbel b’mod żbaljat is-servizzi inkwistjoni f’dan il-każ billi qiegħed lilu nnifsu fil-perspettiva tal-manifattur meta s-servizzi ta’ bejgħ bl-imnut huma fil-fatt orjentati lejn il-konsumatur finali. Hija tirrileva wkoll li dawn iż-żewġ kategoriji ta’ servizzi huma distinti, kemm minn natura tagħhom kif ukoll mill-għan tagħhom, u ma humiex komplementari, kemm mill-perspettiva tal-manifattur kif ukoll minn dik tal-konsumatur finali. Barra minn hekk, il-bejjiegħa bl-imnut ma jipproponux servizzi ta’ kunsinna lil terzi.

    53

    F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-punt 21 iktar ’il fuq li l-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tiġi evalwata globalment, skont il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tas-servizzi inkwistjoni. Barra minn hekk, ġie kkonstatat, fil-punti 26 sa 31 iktar ’il fuq, li l-pubbliku rilevanti kien kompost minn professjonisti. Għalhekk, il-Bord tal-Appell ma wettaqx żball ta’ evalwazzjoni billi ma qiegħedx lilu nnifsu fil-perspettiva tal-konsumatur finali.

    54

    Fir-rigward tal-karattru distintiv tal-għan allegat tas-servizzi ta’ bejgħ bl-imnut u ta’ dak tas-servizz ta’ tqassim, għandu jiġi rrilevat li dawn jaqsmu l-istess għan finali li huwa l-bejgħ lill-konsumatur finali. Kif ikkonstata ġustament il-Bord tal-Appell fil-punt 28 tad-deċiżjoni kkontestata, dawn iż-żewġ kategoriji ta’ servizzi jikkonsistu f’li jwasslu l-prodotti lill-konsumaturi finali. Din il-konstatazzjoni ma hijiex kontradetta mill-ġurisprudenza li tgħid li l-għan tal-kummerċ bl-imnut huwa l-bejgħ ta’ merkanzija lill-konsumaturi, kummerċ li jinkludi, barra l-att ġuridiku tal-bejgħ, kull attività mwettqa min-negozjant bl-iskop li jinkoraġġixxi l-konklużjoni ta’ tali att u li din l-attività tikkonsisti, b’mod partikolari, fl-għażla ta’ taħlita ta’ merkanzija mqiegħda għall-bejgħ u fl-offerta ta’ diversi servizzi intiżi sabiex iwasslu lill-konsumatur sabiex jikkonkludi l-imsemmi att man-negozjant inkwistjoni iktar milli ma’ kompetitur [ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Lulju 2005, Praktiker Bau- und Heimwerkermärkte, C-418/02, Ġabra p. I-5873, punt 34, u tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Frar 2011, Yorma’s vs UASI – Norma Lebensmittelfilialbetrieb (YORMA’S), T‑213/09, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 33, u l-ġurisprudenza ċċitata].

    55

    Fi kwalunkwe każ, kif ġie ġustament irrilevat mill-intervenjenti matul is-seduta, ir-rikorrenti ma tistax tibbaża l-argument tagħha fuq il-punt 34 tas-sentenza Praktiker Bau- und Heimwerkermärkte, punt 54 iktar ’il fuq. Fil-fatt, din il-ġurisprudenza taqa’ fil-kuntest limitat sew tat-talba għal deċiżjoni preliminari tal-Bundespatentgericht (Qorti Federali tal-Privattivi), li staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kwistjoni ta’ jekk il-kummerċ bl-imnut tal-merkanzija jikkostitwixxix servizz fis-sens tal-Artikolu 2 tal-ewwel Direttiva tal-Kunsill, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 92). Madankollu, l-interpretazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża ma tikkostitwixxix definizzjoni eżawrjenti u ta’ portata ġenerali tal-kunċett ta’ servizz ta’ bejgħ bl-imnut.

    56

    Fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 33 iktar ’il fuq, l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell li tgħid li s-servizzi ta’ bejgħ bl-imnut u dawk ta’ tqassim huma komplementari għandha tiġi approvata. Fil-fatt, il-fornituri ta’ servizzi ta’ bejgħ bl-imnut huma ġeneralment dipendenti fuq servizzi ta’ distributuri bil-għan li jiżguraw l-attività tagħhom, b’mod partikolari fir-rigward tat-trasport tal-prodotti lejn ħwienet. Barra minn hekk, peress li l-attivitajiet ta’ tqassim u dawk ta’ bejgħ bl-imnut isegwu l-istess għan u jintervjenu f’fażi relattivament avvanzata tal-proċess ta’ kummerċjalizzazzjoni, huwa possibbli li l-pubbliku rilevanti jaħseb li dawn is-servizzi huma żgurati mill-istess impriża.

    57

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bord tal-Appell ġustament ikkonstata, fil-punt 28 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-servizzi ta’ tqassim u dawk ta’ bejgħ bl-imnut kienu jixxiebhu fir-rigward ta’ prodotti identiċi jew simili ħafna.

    Fuq il-paragun tas-sinjali

    58

    Il-Bord tal-Appell ġustament ikkunsidra li t-trade marks kunfliġġenti juru xebh viżiv dgħajjef, iżda li huma kienu identiċi fuq il-livell fonetiku u fuq dak kunċettwali, li barra minn hekk ma huwiex ikkontestat mill-partijiet.

    Fuq il-probabbiltà ta’ konfużjoni

    59

    F’dan il-każ, għandha tiġi aċċettata l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell, li kkunsidra, fil-punt 42 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti kien globalment pjuttost dgħajjef, li barra minn hekk ma huwiex ikkontestat mill-partijiet.

    60

    Fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, għaldaqstant għandu jitfakkar ix-xebh tas-servizzi inkwistjoni, id-dgħufija tax-xebh tas-sinjali kunfliġġenti fuq il-livell viżiv u l-identiċità tagħhom fuq il-livell fonetiku u fuq dak kunċettwali kif ukoll id-dgħufija tal-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bord tal-Appell ġustament ikkonkluda li teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni fl-ispirtu tal-pubbliku rilevanti.

    61

    Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti li dan il-motiv uniku għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    62

    Għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

    Fuq l-ispejjeż

    63

    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li din tiġi kkundannata għall-ispejjeż, skont it-talbiet tal-UASI u tal-intervenjenti.

     

    Għal dawn il-motivi,

    IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

    taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Ir-rikors huwa miċħud.

     

    2)

    Basic AG Lebensmittelhandel hija kkundannata għall-ispejjeż.

     

    Frimodt Nielsen

    Dehousse

    Collins

    Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-26 ta’ Ġunju 2014.

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    Top