Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CN0587

Kawża C-587/11 P: Appell ippreżentat fl- 24 ta’ Novembru 2011 minn Omnicare, Inc. kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tad- 9 ta’ Settembru 2011 fil-Kawża T-289/09, Omnicare, Inc. vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

ĠU C 25, 28.1.2012, pp. 40–41 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

28.1.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 25/40


Appell ippreżentat fl-24 ta’ Novembru 2011 minn Omnicare, Inc. kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tad-9 ta’ Settembru 2011 fil-Kawża T-289/09, Omnicare, Inc. vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

(Kawża C-587/11 P)

(2012/C 25/76)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanta: Omnicare, Inc. (rappreżentant: M. Edenborough QC)

Partijiet oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), Astellas Pharma GmbH

Talbiet tal-appellanta

L-appellanta titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tannulla s-sentenza li hija s-suġġett tal-appell. Barra minn hekk, l-appellanta titlob l-UASI jiġi kkundannat għall-ispejjeż kemm għall-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll għal dawk quddiem il-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanta tinvoka aggravju wieħed, jiġifieri li l-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 (1) (ir-“Regolament ġdid”). Il-każ preżenti jirrigwarda l-oppożizzjoni li saret mill-kumpannija Astellas Pharma GmbH (li qabel kienet Yamanouchi Pharma GmbH) (il-“parti li għamlet l-oppożizzjoni”) fuq il-bażi tat-trade mark Ġermaniża Nru 394 010348, irreġistrata mill-parti li għamlet l-oppożizzjoni, u l-allegazzjoni tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 (2) (ir-“Regolament l-antik”) (iżda li, għal dak li jirrigwarda l-partijiet rilevanti, huwa identiku għar-Regolament ġdid). Peress li t-trade mark preċedenti kienet irreġistrata għal iktar minn ħames snin qabel ma saret l-oppożizzjoni, il-parti li għamlet l-oppożizzjoni kellha turi li t-trade mark kienet intużat b’mod ġenwin sabiex tkun tista’ tiġi invokata insostenn tal-oppożizzjoni tagħha.

L-appellanta ssostni li l-Qorti Ġenerali kienet b’mod żbaljat iddeċidiet li t-trade mark preċedenti invokata mill-parti li għamlet l-oppożizzjoni kienet, b’mod konformi mal-liġi, intużat b’mod ġenwin. Ma huwiex ikkontestat li t-trade mark inkwistjoni kienet effettivament is-suġġett ta’ użu f’transazzjonijiet kummerċjali li seħħew minn jew bil-kunsens tal-parti li għamlet l-oppożizzjoni fir-rigward tas-servizzi li għalihom hija kienet ġiet irreġistrata. Madankollu, dan l-użu kien jirrigwarda l-provvista ta’ servizzi mingħajr ħlas. Konsegwentement, użu bħal dan ma jistax, skont id-dispożizzjonijiet applikabbli, jiġi invokat sabiex jiġi stabbilit li t-trade mark kienet intużat b’mod ġenwin. Dan il-punt kien is-suġġett ta’ ġurisprudenza li, skont l-appellanta, (a) ġiet applikata b’mod żbaljat mill-Qorti Ġenerali u (b) li, fi kwalunkwe każ, hija kontradittorja. Konsegwentement, il-kwistjoni dwar il-konsegwenzi legali li għandhom jirriżultaw minn sitwazzjoni ta’ fatt bħal din għandha tiġi deċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja.


(1)  Regolament (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1).

(2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17 Vol. 1, p. 146).


Top