Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CN0489

    Kawża C-489/11 P: Appell ippreżentat fit- 23 ta’ Settembru 2011 minn Mitsubishi Electric Corp. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fit- 12 ta’ Lulju 2011 fil-Kawża T-133/07, Mitsubishi Electric Corp. vs Il-Kummissjoni Ewropea

    ĠU C 347, 26.11.2011, p. 15–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    26.11.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 347/15


    Appell ippreżentat fit-23 ta’ Settembru 2011 minn Mitsubishi Electric Corp. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fit-12 ta’ Lulju 2011 fil-Kawża T-133/07, Mitsubishi Electric Corp. vs Il-Kummissjoni Ewropea

    (Kawża C-489/11 P)

    2011/C 347/24

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Appellanti: Mitsubishi Electric Corp. (rappreżentant: R. Denton, Solicitor, J. J Vyavaharkar, Solicitor, K. Haegeman, avukat)

    Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet tal-appellanti

    L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla s-sentenza safejn tiċħad ir-rikors ta’ Melco quddiem il-Qorti Ġenerali,

    tannulla dawk l-artikoli tad-deċiżjoni li għadhom ma ġewx annullati mis-sentenza, sa fejn japplikaw għal Melco u għal TMT&D għall-perjodu li għalih Melco tikkondividi r-responsabbiltà in solidum ma’ Toshiba għall-attivitajiet ta’ TMT & D,

    fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tagħha stess u l-ispejjeż ta# Melco fil-kuntest ta’ din il-proċedura u tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    L-appellanti tissottometti li l-Qorti Ġenerali għamlet żbalji legali sinjifikattivi fl-evalwazzjoni tal-provi dwar l-eżistenza tal-allegat “fehim komuni”:

    il-Qorti Ġenerali wettqet żnaturament tal-informazzjoni fir-rigward tal-eżistenza tal-“approċċ komuni”;

    il-Qorti Ġenerali naqset milli tapplika l-kriterji adegwati għall-eżami tal-provi u applikat b’mod żbaljat il-prinċipju li jirriżulta mill-ġurisprudenza li jipprovdi li dikjarazzjonijiet li jmorru kontra l-interessi tad-dikjarant għandhom fil-prinċipju jiġu kkunsidrati bħala partikolarment attendibbli;

    il-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat il-ġurisprudenza dwar il-kriterji ta’ evalwazzjoni u l-kunsiderazzjoni tal-provi meta kkonkludiet li d-dikjarazzjoni ta’ M hija kredibbli u għandha valur probatorju;

    il-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbalajt il-liġi dwar il-korroborazzjoni tar-risposta ta’ Fuji għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet;

    il-Qorti Ġenerali naqset milli tikkunsidra l-effett ġenerali tad-diversi ksur mill-Kummissjoni tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal smigħ xieraq ta’ Melco;

    il-Qorti Ġenerali kisret id-drittijiet ta’ difiża ta’ Melco, b’mod partikolari l-preżunzjoni ta’ innoċenza, billi obbligat lil Melco ġġib prova fin-negattiv li tipprova li ma wetqitx ksur;

    il-Qorti Ġenerali kisret il-preżunzjoni ta’ innoċenza u applikat b’mod żbaljat il-prinċipji legali billi rrifjutat li tikkunsidra spjegazzjoni alternattiva plawsibbli.

    L-appellanti issostni wkoll li l-Qorti Ġenerali għamlet żbalji ta’ liġi serji fl-evalwazzjoni tat-tul ta’ żmien tal-allegat ksur:

    il-Qorti Ġenerali naqset milli tipprova l-allegat tul ta’ żmien tal-ksur fil-livell legali mitlub.


    Top