EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CN0313

Kawża C-313/11: Rikors ippreżentat fil- 21 ta’ Ġunju 2011 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Polonja

ĠU C 252, 27.8.2011, p. 23–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

27.8.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 252/23


Rikors ippreżentat fil-21 ta’ Ġunju 2011 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Polonja

(Kawża C-313/11)

2011/C 252/44

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: D. Bianchi u A. Szmytkowska, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika tal-Polonja

Talbiet

tiddikjara li, bl-introduzzjoni tal-projbizzjoni tal-manifattura, tat-tqegħid fis-suq u tal-użu għall-ikel tal-annimali fil-Polonja ta’ għalf immodifikat ġenetikament u ta’ organiżmi mmodifikati ġenetikament intiżi għall-użu tal-għalf, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 16(5), 19, 20 u 34 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Settembru 2003, dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament; (1)

tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-Kummissjoni tilmenta li, billi adottat il-liġi nazzjonali dwar l-għalf li tipprojbixxi l-manifattura, it-tqegħid fis-suq u l-użu għall-ikel tal-annimali fil-Polonja ta’ għalf immodifikat ġenetikament u ta’ organiżmi mmodifikati ġenetikament intiżi għall-użu tal-għalf, ir-Repubbika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt ir-Regolament Nru 1829/2003. Bħala konsegwenza tal-adozzjoni ta’ dan ir-regolament, li jintroduċi armonizzazzjoni sħiħa fil-qasam ta’ awtorizzazzjonijiet ta’ għalf GMO f’livell tal-Unjoni, il-Polonja ma tistax tadotta dispożizzjonijiet legali li jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq, l-użu u l-manifattura fit-territorju tagħha ta’ prodotti li huma suġġetti għal tali awtorizzazzjonijiet. B’mod speċifiku, il-Polonja kisret:

l-Artikolu 16(5) tar-Regolament Nru 1829/2003, li jipprovdi li l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq, l-użu jew l-ipproċessar ta’ GMOs għall-użu bħala għalf, għal għalf li fih jew jikkonsisti minn GMOs u għalf prodott minn GMOs għandha tingħata, tiġi rrifjutata, imġedda, immodifikata, sospiża jew revokata biss għar-raġunijiet imsemmija fir-regolament u skont il-proċeduri stabbiliti fih;

l-Artikolu 19 tar-regolament, li jipprovdi li hija l-Kummissjoni li għandha s-setgħa toħroġ l-awtorizzazzjonijiet;

l-Artikolu 20 tar-regolament, li jistipula li prodotti diġà mqegħda fuq is-suq u awtorizzati bis-saħħa tal-liġi fis-seħħ qabel id-dħul fis-seħħ tar-regolament huma meqjusa bħala awtorizzati fis-sens tar-regolament;

l-Artikolu 34 tar-regolament (klawżola dwar miżuri protettivi), dispożizzjoni li, fid-dawl tal-armonizzazzjoni sħiħa tal-qasam inkwistjoni, tikkostitwixxi l-unika possibbiltà għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ emerġenza intiżi li jissospendu jew jimmodifikaw awtorizzazzjoni li ngħatat.

F’dan ir-rigward huwa irrilevanti li d-dħul fis-seħħ tal-projbizzjoni inkwistjoni ġie pospost taħt il-liġi nazzjonali, għaliex l-adozzjoni stess mil-leġiżlatura tad-dispożizzjonijiet ikkontestati li huma kuntrarji għad-dritt tal-Unjoni Ewropea u l-publikazzjoni tagħhom jiksru l-obbligi tar-Repubblika tal-Polonja imposti bir-regolament.


(1)  ĠU 2003 L 268, p. 1


Top