Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CN0184

    Kawża C-184/11: Rikors ippreżentat fit- 18 ta’ April 2011 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju ta’ Spanja

    ĠU C 186, 25.6.2011, p. 14–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    25.6.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 186/14


    Rikors ippreżentat fit-18 ta’ April 2011 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju ta’ Spanja

    (Kawża C-184/11)

    2011/C 186/25

    Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

    Partijiet

    Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: B. Stromsky u C. Urraca Caviedes, aġenti)

    Konvenut: Ir-Renju ta’ Spanja

    Talbiet tar-rikorrenti

    tiddikjara li billi ma adottax il-miżuri kollha sabiex jeżegwixxi s-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Diċembru 2006 fil-kawża Il-Kummissjoni vs Spanja (Kawżi magħquda C-485/03 sa C-490/03, Ġabra p. I-11887; iktar ’il quddiem is-“sentenza tal-2006”), dwar in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi li r-Renju ta’ Spanja għandu taħt id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2002/820/KE, tal-11 ta’ Lulju 2001, dwar l-iskema ta’ għajnuna mill-Istat implementata minn Spanja favur l-impriżi tal-provinċja ta’ Álava fil-forma ta’ kreditu ta’ taxxa ta’ 45 % tal-investimenti (ĠU 2002 L 296, p. 1); 202/892/KE, tal-11 ta’ Lulju 2001, dwar l-iskema ta’ għajnuna mill-Istat implementata minn Spanja favur ċerti impriżi ġodda stabbiliti fil-provinċja ta’ Álava (ĠU 2002 L 314, p. 1); 2003/27/KE, tal-11 ta’ Lulju 2001, dwar l-iskema ta’ għajnuna mill-Istat implementata minn Spanja favur l-impriżi tal-provinċja ta’ Vizcaya fil-forma ta’ kreditu tat-taxxa ta’ 45 % tal-investimenti (ĠU 2003 L 17, p. 1); 2002/806/KE, tal-11 ta’ Lulju 2001, dwar l-iskema ta’ għajnuna mill-Istat implementata minn Spanja favur ċerti impriżi ġodda stabbiliti fil-provinċja ta’ Vizcaya (ĠU 2002 L 279, p. 35); 2002/894/KE, tal-11 ta’ Lulju 2001, dwar l-iskema ta’ għajnuna mill-Istat implementata minn Spanja favur l-impriżi tal-provinċja ta’ Guipúzcoa fil-forma ta’ kreditu tat-taxxa ta’ 45 % tal-investimenti (ĠU 2002 L 314, p. 26); u 2002/540/KE, tal-11 ta’ Lulju 2001, dwar l-iskema ta’ għajnuna mill-Istat implementata minn Spanja favur ċerti impriżi ġodda stabbiliti fil-provinċja ta’ Guipúzcoa (ĠU 2002 L 174, p. 31) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjonijiet tal-2001”), kif ukoll taħt l-Artikolu 260 TFUE, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt dawn id-deċiżjonijiet.

    tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja jħallas lill-Kummissjoni pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 236 044,8 għal kull ġurnata ta’ dewmien fl-eżekuzzjoni tas-sentenza, mill-ġurnata tal-qari tas-sentenza f’din il-kawża sal-ġurnata tal-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-2006.

    tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja jħallas lill-Kummissjoni somma f’daqqa li l-ammont tagħha jirriżulta mill-multiplikazzjoni ta’ ammont ta’ kuljum ta’ EUR 25 817,40 bin-numru ta ġranet li matulhom dam għaddej il-ksur, b’effett mill-ġurnata tal-qari tas-sentenza tal-2006 sakemm:

    ir-Renju ta’ Spanja jirkupra l-għajnuna ddikjarata illegali permezz tad-Deċiżjonijiet tal-2001, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li l-irkupru effettivament seħħ qabel l-għoti tas-sentenza f’din il-kawża;

    tinħareġ sentenza f’din il-kawża, fil-każ fejn is-sentenza tal-2006 tkun għadha ma ġietx eżegwita kompletament qabel din id-data.

    tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjez.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Il-Kummissjoni tikkunsidra li, billi ma rkuprawx l-għajnuna kollha ddikjarata illegali u inkompatibbli permezz tad-deċiżjonijiet tal-2001, l-awtoritajiet Spanjoli ma adottawx il-miżuri kollha sabiex jeżegwixxu s-sentenza tal-2006. Fl-ewwel lok, l-awtoritajiet Spanjoli qiesu li ċerta għajnuna individwali kienet kompatibbli mas-suq intern, filwaqt li l-għajnuna ma kinitx tissodisfa r-rekwiżiti ta’ skema nazzjonali ta’ għajnuna reġjonali approvata mill-Kummissjoni u sa fejn dawn bl-ebda mod ma kienu jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fil-Linji ta’ gwida dwar għajnuna nazzjonali reġjonali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 226). Fit-tieni lok, l-awtoritajiet Spanjoli applikaw, fil-konfront ta’ ċerti benefiċjarji, tnaqqis li jista’ jilħaq EUR 100 000 għal kull benefiċjarju fuq perijodu ta’ tliet snin, mingħajr ma osservaw ir-regoli dwar l-għajnuna de minimis. Fit-tielet lok, f’ċerti każijiet l-awtoritajiet Spanjoli applikaw b’mod retroattiv it-tnaqqis fiskali previst mir-regoli fiskali Spanjoli filwaqt li r-kwiżiti kollha previsti mil-leġiżlazzjoni Spanjola għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan it-tnaqqis mhux kollha kienu ssodisfatti. Fl-aħħar nett, fir-raba’ lok l-ordnijiet kollha ta’ ħlas maħruġa mill-awtoritajiet Spanjoli ma ġewx imħallsa mill-benefiċjarji tal-għajnuna illegali. Skont il-kalkoli tal-Kummissjoni, l-ammonti li għad fadal jitħallsu jirrappreżentaw madwar 87 % tal-ammont totali tal-għajnuna illegali li għandha tiġi rkuprata.


    Top