Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CJ0553

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-25 ta’ Ottubru 2012.
    Bernhard Rintisch vs Klaus Eder.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof.
    Trade marks — Direttiva 89/104/KEE — Artikolu 10(1) u (2)(a) — Użu ġenwin — Użu f’forma, li hija nnifisha ġiet irreġistrata bħala trade mark, li hija differenti fir-rigward ta’ elementi li ma jbiddlux il-karattru distintiv tat-trade mark — Effetti ratione temporis ta’ sentenza.
    Kawża C-553/11.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:671

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

    25 ta’ Ottubru 2012 ( *1 )

    “Trade marks — Direttiva 89/104/KEE — Artikolu 10(1) u(2)(a) — Użu ġenwin — Użu f’forma, li hija nnifisha ġiet irreġistrata bħala trade mark, li hija differenti fir-rigward ta’ elementi li ma jbiddlux il-karattru distintiv tat-trade mark — Effetti ratione temporis ta’ sentenza”

    Fil-Kawża C-553/11,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Awwissu 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Novembru 2011, fil-proċedura

    Bernhard Rintisch

    vs

    Klaus Eder,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

    komposta minn R. Silva de Lapuerta, li qed jaġixxi bħala President tat-Tielet Awla, K. Lenaerts (Relatur), E. Juhász, T. von Danwitz u D. Šváby, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal K. Eder, minn M. Douglas, avukat,

    għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Kemper, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Bulst, bħala aġent,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 10(1) u(2)(a) tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill Nru 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 92).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn B. Rintisch u K. Eder rigward l-użu ġenwin ta’ trade mark, użata f’forma li tkun differenti, fir-rigward ta’ elementi li ma jbiddlux il-karattru distintiv tagħha, fil-forma li fiha ġiet irreġistrata, peress li l-forma użata kienet hija nnifisha rreġistrata bħala trade mark.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt internazzjonali

    3

    L-Artikolu 5C(2) tal-Konvenzjoni għall-protezzjoni tal-proprjetà industrijali, iffirmata f’Pariġi fl-20 ta’ Marzu 1883, irriveduta l-aħħar fi Stokkolma fl-14 ta’ Lulju 1967 u emendata fit-28 ta’ Settembru 1979 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 828, Nru 11851, p. 305, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Pariġi”), jiddisponi:

    “L-użu ta’ trade mark, mill-proprjetarju, f’forma li tkun differenti, fir-rigward ta’ elementi li ma jbiddlux il-karattru distintiv tat-trade mark fil-forma li fiha ġiet irreġistrata f’wieħed mill-pajjiżi tal-Unjoni [ikkostitwita mill-Istati li lilhom tapplika l-Konvenzjoni ta’ Pariġi], ma jwassalx għall-invalidazzjoni tar-reġistrazzjoni u ma jnaqqasx mill-protezzjoni mogħtija lit-trade mark.”[traduzzjoni mhux uffiċjali]

    Id-dritt tal-Unjoni

    4

    It-tnax-il premessa tad-Direttiva 89/104 hija fformulata kif ġej:

    “billi l-Istati Membri kollha tal-Komunità huma marbuta mill-Konvenzjoni ta’ Pariġi għall-protezzjoni tal-propjetà industrijali; billi huwa neċessarju li d-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva huma għal kollox konsistenti ma’ dawk tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi; billi l-obbligazzjonijiet ta’ l-Istati Membri li jirriżultaw minn din il-Konvenzjoni ma jintlaqtux minn din id-Direttiva; billi fejn xieraq, it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu [267] tat-[TFUE] huma applikabbli”.

    5

    L-Artikolu 10(1) u(2)(a), tad-Direttiva 89/104, hekk kif iddaħħal mingħajr emendi fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008 , biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU L 299, p. 25)

    “1.   Jekk, f’perijodu ta’ ħames snin wara d-data tat-tlestija tal-proċedura tar-reġistrazzjoni, il-proprjetarju ma wżax it-trade mark ġenwinament fl-Istat Membru relattivament għall-merkanzija jew is-servizzi li għalihom hija ġiet reġistrata, jew jekk tali użu ġie sospiż matul perijodu mhux interrott ta’ ħames snin, it-trade mark għandha tkun suġġettibbli għas-sanzjonijiet previsti f’din id-Direttiva, sakemm m’hemmx raġunijiet tajba għan-nuqqas ta’ użu.

    2.   Is-segwenti għandhom ukoll jikkostitwixxu użu fis-sens tal-ewwel subparagrafu:

    (a)

    l-użu tat-trade mark f’forma li tkun differenti fir-rigward ta’ elementi li ma jbiddlux il-karattru distintiv tal-marka [tat-trade mark] fil-forma li fiha ġiet reġistrata”.

    Id-dritt Ġermaniż

    6

    L-Artikolu 26(3) tal-Liġi dwar il-protezzjoni tat-trade marks u sinjali distintivi oħra (Gesetz über den Schutz von Marken und sonstigen Kennzeichen), tal-25 ta’ Ottubru 1994 (BGBl. 1994 I, p. 3082, iktar ’il quddiem il-“MarkenG”), jiddisponi:

    “L-użu tat-trade mark f’forma li hija differenti minn dik li fiha ġiet irreġistrata huwa wkoll ikkunsidrat bħala użu ta’ trade mark irreġistrata, bil-kundizzjoni li d-differenzi ma jbiddlux il-karattru distintiv tat-trade mark. L-ewwel frażi tapplika anki jekk it-trade mark ġiet irreġistrata f’forma li hija użata”.

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    7

    B. Rintisch, rikorrent fil-kawża prinċipali, huwa l-proprjetarju tat-trade marks verbali PROTIPLUS, irreġistrata fl-20 ta’ Mejju 1996 taħt in-numru 395 49 559.8 u PROTI, irreġistrata fit-3 ta’ Marzu 1997 taħt in-numru 397 02 429 kif ukoll tat-trade mark verbali u figurattiva Proti Power, irreġistrata fil-5 ta’ Marzu 1997 taħt in-numru 396 08 644.6. Dawn it-trade marks nazzjonali huma b’mod partikolari rreġistrati għall-prodotti abbażi tal-proteina.

    8

    K. Eder, konvenut fil-kawża prinċipali, huwa l-proprjetarju tat-trade mark verbali sussegwenti Protifit, irreġistrata fil-11 ta’ Frar 2003 taħt in-numru 302 47 818, għal supplimenti tal-ikel, preparazzjonijiet ta’ vitamini u ikel dijetetiku.

    9

    B. Rintisch ippreżenta rikors intiż sabiex, l-ewwel nett, jikseb il-kunsens minn K. Eder sabiex iħassar it-trade mark Protifit u, t-tieni nett, sabiex jipprojbixxi l-użu tagħha billi jistrieħ fuq id-drittijiet li jirriżultaw mit-trade marks preċedenti tiegħu. Għaldaqstant, huwa bbaża prinċipalment t-talbiet tiegħu fuq it-trade mark PROTI u sussidjarjament, fuq it-trade marks PROTIPLUS u Proti Power. Huwa ukoll talab għall-kundanna tal-konvenut sabiex iħallas id-danni allegatament subiti minnu.

    10

    K. Eder qajjem eċċezzjoni bbażata fuq in-nuqqas ta’ użu tat-trade mark PROTI minn B. Rintisch. Dan tal-aħħar irrisponda li huwa kien għamel użu minn din it-trade mark permezz tal-użu tad-denominazzjonijiet “PROTIPLUS” u “Proti Power”. Il-qorti tal-ewwel istanza ċaħdet it-talbiet ta’ B. Rintisch, minħabba l-fatt li d-drittijiet bbażati fuq it-trade mark PROTI ma setgħux jiġu invokati fil-konfront tat-trade mark Protifit. Meta tressaq l-appell quddiem l-Oberlandesgericht Köln, din l-aħħar qorti kkonfermat iċ-ċaħda tat-talbiet ta’ B. Rintisch.

    11

    Peress li ġie ppreżentat rikors għal “Reviżjoni” minn B. Rintisch quddiem il-Bundesgerichtshof, din l-aħħar qorti tinnnota li, qabel kollox, skont ir-regoli tad-dritt proċedurali Ġermaniż, fl-istadju attwali tal-proċedura, hemm lok li jiġi rikonoxxut il-fatt li, minkejja t-tibdil li dawn jirrappreżentaw fir-rigward tat-trade mark PROTI, id-denominazzjoni “PROTIPLUS” u “Proti Power” ma jbiddlux il-karattru distintiv ta’ dan it-trade mark u li r-rikorrent għamel użu ġenwin mit-trade marks PROTIPLUS u Proti Power qabel il-pubblikazzjoni tar-reġistrazzjoni tat-trade mark Protifit. Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju tibbaża ruħha fuq il-premessa li t-trade mark PROTI għandha tiġi meqjusa bħala li kienet is-suġġett ta’ użu ġenwin skont l-Artikolu 26(3) tal-MarkenG.

    12

    Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kwistjoni jekk u, jekk ikun il-każ, f’liema ċirkustanzi t-tieni sentenza tal-Artikolu 26(3) tal-MarkenG hija konformi mal-Artikolu 10(1) u (2)(a) tad-Direttiva 89/104.

    13

    F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Bundesgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

    “1)

    L-Artikolu 10(1) u (2)(a) tad-Direttiva 89/104/KEE għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tipprekludi fi kwalunkwe każ li leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha l-użu ta’ trade mark (trade mark 1) huwa wkoll preżunt meta hija (trade mark 1) tiġi użata f’forma li hija differenti minn dik li biha ġiet irreġistrata, mingħajr ma d-differenzi jbiddlu l-karattru distintiv tat-trade mark (trade mark 1), u li hija wkoll irreġistrata fil-forma li hija użata (trade mark 2)?

    2)

    F’każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda:

    Id-dispożizzjoni nazzjonali msemmija fl-ewwel domanda hija kompatibbli mad-Direttiva 89/104/KEE, jekk tiġi interpretata b’mod restrittiv bħala ma tapplikax għal trade mark (trade mark 1) li r-reġistrazzjoni tagħha ma għandha l-ebda għan ieħor għajr li tiggarantixxi jew testendi [l-kamp ta’] l-protezzjoni ta’ trade mark oħra rreġistrata (trade mark 2), li hija fil-forma li hija użata?

    3)

    F’każ ta’ risposta pożittiva għall-ewwel domanda jew ta’ risposta negattiva għat-tieni domanda:

    a)

    Ma hemmx użu ta’ trade mark irreġistrata (trade mark 1), fis-sens tal-Artikolu 10(1) u (2)(a) tad-Direttiva [89/104],

    meta l-proprjetarju jagħmel użu minn sinjal f’forma li hija differenti minn dawk li huma rreġistrati t-trade mark (1) u oħra mit-trade marks tiegħu (trade mark 2) fir-rigward ta’ elementi li ma jbiddlux il-karattru distintiv tat-trade marks (trade mark 1 u [trade mark] 2);

    meta l-proprjetarju jagħmel użu minn sinjali f’żewġ forom, li ebda waħda minnhom ma tikkorrispondi għat-trade mark irreġistrata (trade mark 1), iżda li l-ewwel waħda minnhom (il-forma 1) hija konsistenti ma’ trade mark oħra rreġistrata (trade mark 2) tal-proprjetarju u li t-tieni waħda minnhom (forma 2) hija differenti miż-żewġ trade marks irreġistrati (trade mark 1 u trade mark 2) fir-rigward ta’ ċerti elementi li ma jbiddlux il-karattru distintiv tat-trade marks, u li din il-forma (il-forma 2) għandha l-ikbar xebh mat-trade mark l-oħra (trade mark 2) tal-proprjetarju?

    b)

    Dispożizzjoni nazzjonali [f’dan il-każ, it-tieni sentenza tal-Artikolu 26(3) tal-Liġi dwar it-Trade marks — Markengesetz] li tmur kontra dispożizzjoni ta’ direttiva [f’dan il-każ, l-Artikolu 10(1) u (2)(a) tad-Direttiva 89/104/KEE] tista’ tiġi applikata minn qorti ta’ Stat Membru għal sitwazzjonijiet li kienu diġà nqalgħu qabel ma l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ddeċidiet sentenza li għall-ewwel darba ħarġet indikazzjonijiet tal-inkompatibilità ta’ din id-dispożizzjoni nazzjonali ma’ dik tad-direttiva [f’din il-kawża, is-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2007, Il-Ponte Finanziaria vs UASI […], C-234/06 P, Ġabra p. I-7333], jekk din il-qorti nazzjonali tikkunsidra li l-aspettattivi li għandha parti fi proċedimenti ġudizzjarji dwar il-validità tad-drittijiet tagħha li huma kostituzzjonalment garantiti huma superjuri għal-implimentazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-direttiva?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ammissibbiltà

    14

    K. Eder isostni li t-talba għal domanda preliminari hija inammissibbli minħabba l-fatt li hija irrilevanti għall-kwistjoni fil-kawża prinċipali peress li l-Oberlandesgericht Köln kienet tat id-deċiżjoni tagħha fuq il-kwistjonijiet ta’ fatt u ta’ dritt waqt il-proċeduri quddiem din il-qorti.

    15

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ proċedura skont l-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali kif ukoll sabiex tinterpreta u tapplika d-dritt nazzjonali. Bl-istess mod, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha tressqet il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi mressqa jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi (sentenzi tat-12 ta’ April 2005, Keller, C-145/03, Ġabra p. I-2529, punt 33; tat-18 ta’ Lulju 2007, Lucchini, C-119/05, Ġabra p. I-6199, punt 43, kif ukoll tal-11 ta’ Settembru 2008, Eckelkamp et , C-11/07, Ġabra p. I-6845, punti 27 u 32).

    16

    Għalhekk, ir-rifjut mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jidher b’mod evidenti li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda konnessjoni mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex twieġeb b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenzi tal-14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito, C-618/10, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    17

    Issa, għandu jiġi kkonstat li dan ma huwiex il-każ f’din il-kwistjoni. Fil-fatt, l-interpretazzjoni mitluba tal-Artikolu 10(1) u(2)(a) tad-Direttiva 89/104 jista’ jkollha impatt fuq il-kuntest ġuridiku li japplika għall-kawża prinċipali u, għaldaqstant, fuq is-soluzzjoni li hija teżiġi. Għaldaqstant, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi ddikjarata ammissibbli.

    Fuq l-ewwel domanda u t-tielet domanda (a)

    18

    Permezz tal-ewwel domanda u tat-tielet domanda tagħha, subparagrafu (a), li huwa xieraq li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 10(2)(a) tad-Direttiva 89/104 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi lill-proprjetarju ta’ trade mark irreġistrata milli jkun jista’, għall-finijiet tal-istabbiliment tal-użu tagħha skont din id-dispożizzjoni, jistrieħ fuq l-użu tagħha f’forma differenti minn dik li biha kienet ġiet irreġistrata mingħajr ma’ d-differenzi bejn dawn iż-żewġ forom ibiddlu l-karattru distintiv ta’ din it-trade mark, u dan minkejja l-fatt li din il-forma differenti hija wkoll irreġistrata bħala trade mark.

    19

    F’dan ir-rigward, hemm lok li, minn naħa, jiġi osservat li l-karattru distintiv ta’ trade mark, skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 89/104, ifisser li din it-trade mark tippermetti li jiġi identifikat il-prodott li għalih kienet ġiet mitluba r-reġistrazzjoni bħala li ġej minn impriża stabbilita u għalhekk li tiddistingwi dan il-prodott minn dawk ta’ impriżi oħra (ara, b’analoġija, is-sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Procter & Gamble vs UASI, C-468/01 P sa C-472/01 P, Ġabra p. I-5141, punt 32; tal-21 ta’ Ottubru 2004, UASI vs Erpo Möbelwerk, C-64/02 P, Ġabra p. I-10031, punt 42; tat-8 ta’ Mejju 2008, Eurohypo vs UASI, C-304/06 P, Ġabra p. I-3297, punt 66, u tat-12 ta’ Lulju 2012, Smart Technologies vs UASI, C-311/11 P, punt 23).

    20

    Min-naħa l-oħra, huwa xieraq li jiġi rrilevat li mill-formulazzjoni tal-Artikolu 10(2)(a) tad-Direttiva 89/104 ma jirriżultax li l-forma differenti li fiha t-trade mark hija użata ma tistax hija wkoll tiġi rregistrata bħala trade mark. Fil-fatt, l-unika kundizzjoni stabbilita f’din id-dispożizzjoni hija dik li l-forma użata ma tistax tkun differenti mill-forma li fiha kienet irreġistrata din it-trade mark ħlief għall-elementi li ma jbiddlux il-karattru distintiv ta’ din tal-aħħar.

    21

    Għal dak li jirrigwarda l-għan aħħari tal-Artikolu 10(2)(a) tad-Direttiva 89/104, hemm lok li jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni, meta tkun qed teżiġi konformità stretta bejn il-forma użata fil-kummerċ u dik li biha ġiet irreġistrata t-trade mark, tippermetti lill-proprjetarju ta’ din tal-aħħar li jagħmel il-bidliet, fil-każ tal-użu kummerċjali tagħha, lis-sinjal li, mingħajr ma jbiddlu l-karattru distintiv tiegħu, jippermettu li jiġi adattat aħjar għall-eżiġenzi tal-kummerċjalizzazzjoni u tal-promozzjoni ta’ prodotti jew ta’ servizzi rilevanti.

    22

    Issa, dan l-għan aħħari jiġi kompromess kieku, għall-istabbiliment tal-użu tat-trade mark irreġistrata, tiġi pretiża kundizzjoni supplimentari li biha skont il-forma differenti li fiha ġiet użata din it-trade mark ma għandhiex tkun hija stess suġġetta għal reġistrazzjoni bħala trade mark. Fil-fatt, ir-reġistrazzjoni tal-forom il-ġodda ta’ trade mark tippermetti, jekk ikun il-każ, li jiġu antiċipati l-bidliet li jistgħu jsiru lill-immaġni tat-trade mark u, konsegwentement, li tiġi adattata għall-karatteristiċi ta’ suq li qed jiżviluppa.

    23

    Barra minn hekk, kif jirriżulta mit-tnax-il premessa tad-Direttiva 89/104, id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva għandhom ikunu “għal kollox konsistenti ma’ dawk tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi”. Għaldaqstant, hemm lok li l-Artikolu 10(2)(a) tal-imsemmija direttiva jiġi interpretat f’konformità mal-Artikolu 5C(2) ta’ din il-konvenzjoni. Issa, ma hemm xejn f’din l-aħħar dispożizzjoni li jħalli x’jinftiehem li r-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark għandha bħala konsegwenza li l-użu tagħha ma jistax jibqa’ jiġi invokat sabiex jistabbilixxi l-użu ta’ trade mark oħra rreġistrata li hija differenti biss b’mod li l-karattru distintiv ta’ din tal-aħħar ma jirriżultax mibdul.

    24

    Minn dan jirriżulta li r-reġistrazzjoni bħala trade mark tal-forma li biha trade mark oħra rreġistrata ġiet użata, forma li hija differenti minn dik li biha din l-aħħar trade mark ġiet irreġistrata, li ma tbiddlix il-karattru distintiv ta’ din tal-aħħar, ma tipprekludix l-applikazzjoni tal-Artikolu 10(2)(a) tad-Direttiva 89/104.

    25

    Din l-interpretazzjoni ma tmurx kontra dik li tirriżulta mis-sentenza Il Ponte Finanziaria vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, u b’mod partikolari mal-punt 86 ta’ din tal-aħħar, imsemmija fid-deċiżjoni tar-rinviju.

    26

    Fil-kawża li waslet għall-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha quddiemha kawża li fil-kuntest tagħha parti kienet qed titlob għall-protezzjoni ta’ “grupp” jew ta’ “serje” ta’ trade marks simili, bil-għan li tiġi evalwata l-probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark li għaliha kienet ġiet mitluba r-reġistrazzjoni. Din il-kawża kienet taqa’ taħt l-Artikolu 15(2)(a) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), dispożizzjoni li kienet tikkorrispondi, fid-data tal-fatti tal-imsemmija kawża, mal-Artikolu 10(2)(a) tad-Direttiva 89/104, peress li l-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet kienu sostanzjalment identiċi.

    27

    Peress li ġie deċiż, fil-punt 63 tas-sentenza Il Ponte Finanziaria vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, li, fil-preżenza ta’ “grupp” jew ta’ “serje” ta’ trade marks, il-probabbiltà ta’ konfużjoni tirriżulta b’mod iktar speċifiku mill-fatt li l-konsumatur jista’ jieħu żball fir-rigward tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti jew tas-servizzi koperti mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni u jqis, b’mod żbaljat, li din tagħmel parti minn dan il-grupp jew minn din is-serje ta’ trade marks, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ “grupp” jew ta’ “serje” ta’ trade marks, l-użu ta’ numru suffiċjenti ta’ trade marks li jistgħu jikkostitwixxu dan il-“grupp” jew din is-“serje” għandu jiġi ppruvat.

    28

    Il-Qorti tal-Ġustizzja kompliet sabiex tiddikjara, fil-punt 64 tas-sentenza Il Ponte Finanziaria vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, li l-ebda konsumatur ma jista’ jiġi mistenni, fin-nuqqas ta’ użu ta’ numru suffiċjenti ta’ trade marks suxxettibbli li jikkostitwixxu “grupp” jew “serje”, li jagħraf element komuni fl-imsemmi grupp jew serje ta’ trade marks u/jew li jassoċja ma’ dak il-grupp jew serje trade mark oħra li tinkludi l-istess element komuni. Għaldaqstant, sabiex tkun teżisti probabbiltà li l-pubbliku jiżbalja dwar jekk it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni tagħmilx parti minn “grupp” jew “serje”, it-trade marks l-oħra li jagħmlu parti minn dan il-“grupp” jew “serje” għandhom ikunu preżenti fis-suq.

    29

    Huwa f’dan il-kuntest partikolari tal-eżistenza ta’ allegat “grupp” jew “serje” ta’ trade marks li huwa xieraq li tinftiehem id-dikjarazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 86 tas-sentenza Il Ponte Finanziaria vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, li tiddikjara li l-Artikolu 15(2)(a) tar-Regolament Nru 40/94, u għaldaqstant l-Artikolu 10(2)(a) tad-Direttiva 89/104, ma jippermettux li tiġi estiża, mill-prova tal-użu tagħha, il-protezzjoni li għandha trade mark irreġistrata meta mqabbla ma’ trade mark oħra rreġistrata, li l-użu tagħha ma ġiex ippruvat, minħabba l-fatt li din tal-aħħar hija biss verżjoni kemxejn immodifikata tal-ewwel waħda. Fil-fatt, l-użu ta’ trade mark ma jistax jiġi invokat sabiex jiġġustifika l-użu ta’ trade mark oħra, peress li l-għan huwa li jiġi stabbilit l-użu ta’ numru suffiċjenti ta’ trade marks tal-istess “grupp”.

    30

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjoni preċedenti, hemm lok li r-risposta għall-ewwel u għat-tielet domanda (a) tkun li l-Artikolu 10(2)(a) tad-Direttiva 89/104 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma jipprekludix li l-proprjetarju ta’ trade mark irreġistrata jista’, sabiex jistabbilixxi l-użu tagħha skont din id-dispożizzjoni, jibbaża ruħu fuq l-użu tagħha f’forma li hija differenti minn dik li biha ġiet irreġistrata, mingħajr ma d-differenzi bejn dawn iż-żewġ forom ibiddlu l-karattru distintiv ta’ din it-trade mark, u dan mikejja l-fatt li din il-forma differenti hija wkoll irreġistrata bħala trade mark.

    Fuq it-tieni domanda

    31

    Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 10(2)(a) tad-Direttiva 89/104 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi interpretazzjoni tad-dispożizzjoni nazzjonali intiża sabiex tittrasponi l-imsemmi Artikolu 10(2)(a) fid-dritt nazzjonali fis-sens li din l-aħħar dispożizzjoni ma tapplikax għal trade mark “difensiva” li r-reġistrazzjoni tagħha ma għandha l-ebda għan ieħor għajr li tiggarantixxi jew testendi l-kamp tal-protezzjoni ta’ trade mark oħra rreġistrata, li hija fil-forma li hija użata.

    32

    F’dan ir-rigward, huwa xieraq li jiġi rrilevat li ma hemm xejn li jista’ jippermetti li tingħata interpretazzjoni lill-Artikolu 10(2)(a) tad-Direttiva 89/104 li teskludi l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għal sitwazzjoni bħal dik imsemmija fil-punt preċedenti. Fil-fatt, l-intenzjoni suġġettiva li twassal għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark ma għandha l-ebda rilevanza għall-għanijiet tal-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni u, f’dan ir-rigward, tali kunċett ta’ trade marks “difensivi”, li ma japplikax għalihom, ma għandu l-ebda bażi fid-Direttiva 89/104 u lanqas f’dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni.

    33

    Mis-suespost jirriżulta li hemm lok li r-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 10(2)(a) tad-Direttiva 89/104 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi interpretazzjoni tad-dispożizzjoni nazzjonali intiża sabiex tittrasponi l-imsemmija Artikolu 10(2)(a) fid-dritt nazzjonali fis-sens li din l-aħħar dispożizzjoni ma hijiex applikabbli għal trade mark “difensiva” li r-reġistrazzjoni tagħha ma għandha l-ebda għan ieħor għajr li tiggarantixxi jew testendi l-kamp tal-protezzjoni ta’ trade mark oħra rreġistrata, li hija fil-forma li hija użata.

    Fuq it-tielet domanda,(b)

    34

    Permezz tat-tielet domanda (b) tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi dwar il-kwistjoni li jsir magħruf f’liema ċirkustanzi sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, bħas-sentenza Il Ponte Finanziaria vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, għandha tipprovdi l-konsegwenzi tagħha, jew uħud minnhom, biss għall-perijodu li jiġi wara d-data li fiha ngħatat.

    35

    Il-qorti tar-rinviju tqajjem it-tielet domanda kollha kemm hi “f’każ ta’ risposta pożittiva għall-ewwel domanda jew ta’ risposta negattiva għat-tieni domanda”. Fil-każ inkwisjtoni, ir-risposta għat-tieni domanda taqa’ taħt din it-tieni ipotesi.

    36

    Madakollu, it-tielet domanda (b) hija bbażata fuq il-premessa illi teżisti inkompatibbiltà bejn dispożizzjoni nazzjonali, jiġifieri t-tieni sentenza tal-Artikolu 26(3) tal-MarkenG, u dispożizzjoni ta’ direttiva, f’dan il-każ l-Artikolu 10(1) u (2)(a) tad-Direttiva 89/104. Issa, la r-risposta għall-ewwel domanda u għat-tielet domanda (a), u lanqas dik għat-tieni domanda ma jikkorrispondu ma’ tali premessa.

    37

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda (b).

    Fuq l-ispejjeż

    38

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikolu 10(2)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill Nru 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma jipprekludix li l-proprjetarju ta’ trade mark irreġistrata jista’, sabiex jistabbilixxi l-użu tagħha skont din id-dispożizzjoni, jibbaża ruħu fuq l-użu tagħha f’forma li hija differenti minn dik li biha ġiet irreġistrata mingħajr ma d-differenzi bejn dawn iż-żewġ forom ibiddlu l-karattru distintiv ta’ din it-trade mark, u dan mikejja l-fatt li din il-forma differenti hija wkoll irreġistrata bħala trade mark.

     

    2)

    L-Artikolu 10(2)(a) tad-Direttiva 89/104 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi interpretazzjoni tad-dispożizzjoni nazzjonali intiża sabiex tittrasponi l-imsemmi Artikolu 10(2)(a) fid-dritt nazzjonali fis-sens li din l-aħħar dispożizzjoni ma hijiex applikabbli għal trade mark “difensiva” li r-reġistrazzjoni tagħha ma għandha l-ebda għan ieħor għajr li tiggarantixxi jew testendi l-kamp tal-protezzjoni ta’ trade mark oħra rreġistrata, li hija fil-forma li hija użata.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top