This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62011CJ0302
Judgment of the Court (Sixth Chamber), 18 October 2012.#Rosanna Valenza and Others v Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato.#References for a preliminary ruling from the Consiglio di Stato.#Social policy – Directive 1999/70/EC − Framework agreement on fixed-term work concluded by ETUC, UNICE and CEEP – Clause 4 − Fixed-term employment contracts in the public sector – National Competition Authority – Stabilisation procedure – Recruitment of workers employed for a fixed term as career civil servants without a public competition – Determination of length of service – Complete disregard of periods of service completed under fixed-term employment contracts – Principle of non-discrimination.#Joined Cases C-302/11 to C-305/11.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tat-18 ta’ Ottubru 2012.
Rosanna Valenza et vs Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato.
Politika soċjali — Direttiva 1999/70/KE — Ftehim qafas konkluż mill-ETUC, UNICE u CEEP dwar xogħol għal żmien determinat — Klawżola 4 — Kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat fis-settur pubbliku — Awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni — Proċedura ta’ stabilizzazzjoni — Reklutaġġ ta’ ħaddiema impjegati għal żmien determinat bħala uffiċjali permanenti mingħajr kompetizzjoni pubblika — Determinazzjoni tal-anzjanità — Assenza totali ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi tas-servizz imwettqa taħt kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat — Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.
Kawżi magħquda C-302/11 sa C-305/11.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tat-18 ta’ Ottubru 2012.
Rosanna Valenza et vs Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato.
Politika soċjali — Direttiva 1999/70/KE — Ftehim qafas konkluż mill-ETUC, UNICE u CEEP dwar xogħol għal żmien determinat — Klawżola 4 — Kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat fis-settur pubbliku — Awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni — Proċedura ta’ stabilizzazzjoni — Reklutaġġ ta’ ħaddiema impjegati għal żmien determinat bħala uffiċjali permanenti mingħajr kompetizzjoni pubblika — Determinazzjoni tal-anzjanità — Assenza totali ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi tas-servizz imwettqa taħt kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat — Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.
Kawżi magħquda C-302/11 sa C-305/11.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:646
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)
18 ta’ Ottubru 2012 ( *1 )
“Politika soċjali — Direttiva 1999/70/KE — Ftehim qafas konkluż mill-ETUC, UNICE u CEEP dwar xogħol għal żmien determinat — Klawżola 4 — Kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat fis-settur pubbliku — Awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni — Proċedura ta’ stabilizzazzjoni — Reklutaġġ ta’ ħaddiema impjegati għal żmien determinat bħala uffiċjali permanenti mingħajr kompetizzjoni pubblika — Determinazzjoni tal-anzjanità — Assenza totali ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi tas-servizz imwettqa taħt kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat — Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni”
Fil-Kawżi magħquda C-302/11 sa C-305/11,
li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (l-Italja), permezz ta’ deċiżjonijiet tad-29 ta’ April 2011, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Ġunju 2011, fil-proċeduri
Rosanna Valenza (C-302/11 u C-304/11),
Maria Laura Altavista (C-303/11),
Laura Marsella,
Simonetta Schettini,
Sabrina Tomassini (C-305/11)
vs
Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),
komposta minn U. Lõhmus, li qed jaġixxi bħala President tas-Sitt Awla, A. Arabadjiev u C. G. Fernlund (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Sharpston,
Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Ġunju 2012,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal Valenza u Altavista, minn G. Pafundi, avukat, |
— |
għal Marsella, Schettini u Tomassini, minn G. Arrigo u G. Patrizi, avukati, |
— |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Varone, avvocato dello Stato, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. van Beek u C. Cattabriga, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Klawżoli 4 u 5 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [xogħol għal żmien determinat], konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim qafas”), li huwa anness mad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [xogħol għal żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368). |
2 |
Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ kawżi bejn, rispettivament, R. Valenza, M. L. Altavista, L. Marsella, S. Schettini u S. Tomassini, minn naħa waħda, u l-Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato (iktar ’il quddiem l-“AGCM”), min-naħa l-oħra, dwar ir-rifjut minn din tal-aħħar li tieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-anzjanità tagħhom fil-mument tar-reklutaġġ tagħhom għal żmien indeterminat, fl-ambitu ta’ proċedura speċifika ta’ stabilizzazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom, bħala uffiċjali permanenti, perijodi ta’ servizz li saru preċedentement ma’ din l-istess awtorità pubblika taħt kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat. |
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni
3 |
Mill-premessa 14 tad-Direttiva 1999/70, ibbażata fuq l-Artikolu 139(2) KE, jirriżulta li l-partijiet firmatarji tal-Ftehim qafas xtaqu, permezz tal-konklużjoni ta’ ftehim bħal dan, itejbu l-kwalità tax-xogħol għal żmien determinat billi jiggarantixxu l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u jistabbilixxu qafas sabiex jipprekludu l-abbużi li jirriżultaw mill-użu ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol jew ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi. |
4 |
Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 1999/70, din għandha l-għan “li [ġġib] fis-seħħ il-ftehim qafas […], konkluż […] bejn l-organizzazzjonijiet ġenerali ta’ l-industrija (ETUC, UNICE u CEEP) [anness] hawn”. |
5 |
L-ewwel u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprovdu: “L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattvi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa l-10 ta’ Lulju 2001, jew għandhom jiżguraw li, sa dik id-data mill-inqas, l-imsieħba soċjali jkunu introduċew il-miżuri neċessarji skond il-ftehim, u l-Istati Membri jkunu meħtieġa jieħdu xi miżuri neċessarji sabiex ikunu jistgħu f’kull ħin ikunu f’posizzjoni li jiggarantixxu r-riżultati imposti b’din id-Direttiva. Għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni bihom. [...] Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-disposizzjonijiet imsemmija fl-ewwel paragrafu, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandu jkollhom magħhom din ir-referenza fil-ħin tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-proċedura għal din ir-referenza għandha tiġi adottata mill-Istati Membri.” |
6 |
Skont l-Artikolu 3 tagħha, id-Direttiva 1999/70 daħlet fis-seħħ fl-10 ta’ Lulju 1999, id-data tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. |
7 |
Skont il-Klawżola 1 tal-ftehim qafas, dan għandu l-għan:
|
8 |
Il-punt 1 tal-Klawżola 2 tal-Ftehim qafas huwa redatt kif ġej: “Dan il-ftehim japplika għal ħaddiema għal terminu fiss li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg kif definit fil-liġi, fil-ftehim kollettiv jew fil-prattika f’kull Stat Membru.” |
9 |
Il-Klawżola 3 tal-Ftehim qafas tipprovdi li: “Għall-iskop ta’ dan il-ftehim:
|
10 |
Il-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas, intitolata “Il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni”, tipprovdi li:
[...]
|
11 |
Il-Klawżola 5 tal-Ftehim qafas, intitolata “Miżuri għal prevenzjoni ta’ l-abbuż”, tistipula:
|
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
12 |
L-Artikolu 3 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Taljana jistipula l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. |
13 |
Fi kliem l-Artikolu 97 ta’ din l-istess kostituzzjoni: “L-aċċess għall-impjiegi tal-amministrazzjonijiet pubbliċi jingħata permezz ta’ kompetizzjonijiet, minbarra l-każijiet stabbiliti mil-liġi”. |
14 |
L-Artikolu 1(519) tal-Liġi Nru 296 jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-istabbiliment tal-baġit annwali u multiannwali tal-Istat (Liġi tal-finanzi 2007) [legge n. 296 disposizioni per la formaziione del bilancio e pluriennale dello Stato (legge finanziaria 2007)], tas-27 ta’ Diċembru 2006 (Suppliment ordinarju għall-GURI Nru 299 tas-27 ta’ Diċembru 2006, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 296/2006”), jipprevedi dan li ġej: “Għas-sena 2007, somma fl-ammont ta’ 20 % mill-fondi previsti fil-paragrafu 513 hija intiża għall-istabilizzazzjoni fuq talba tal-persunal li ma huwiex maniġerjali impjegat għal żmien determinat għal mill-inqas tliet snin, anki mhux konsekuttivi, jew li jissodisfa din il-kundizzjoni fuq il-bażi ta’ kuntratti mogħtija qabel id-29 ta’ Settembru 2006, jew kien fis-servizz għal mill-inqas tliet snin, anki mhux konsekuttivi fil-ħames snin qabel id-data ta’ dħul fis-seħħ tal-liġi u li għamel it-talba, sa fejn kien impjegat permezz ta’ proċeduri ta’ selezzjoni taħt forma ta’ kompetizzjoni jew previsti mil-liġi. L-istabilizzazzjoni tal-persunal impjegat għal żmien determinat għandha ssir skont diversi proċeduri, permezz tal-organizzazzjoni ta’ testijiet selettivi [...]”. |
15 |
Mill-informazzjoni pprovduta lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Gvern Taljan jirriżulta li tali stabilizzazzjoni, inkwantu saret permezz ta’ miżura amministrattiva adottata fi tmiem ta’ proċedura prevista mil-liġi, tagħti lill-benefiċjarju tagħha l-istatus ta’ uffiċjal, li b’dan il-mod jiddistingwi ruħu mill-“ħaddiema impjegati minn amministrazzjoni pubblika” fuq il-bażi ta’ kuntratt tad-dritt privat. |
16 |
L-Artikolu 75(2) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 112 li jipprovdi dispożizzjonijiet urġenti fir-rigward tal-iżvilupp ekonomiku, tas-simplifikazzjoni, tal-kompetittività, tal-istabilizzazzjoni tal-finanzi pubbliċi, kif ukoll tal-ekwalizzazzjoni fiskali (decreto-legge n. 112 disposizioni urgenti per lo sviluppo economico, la semplificazione, la competitività, la stabilizzazione della finanza pubblica e la perequazione tributario), tal-25 ta’ Ġunju 2008 (Suppliment ordinarju tal-GURI Nru 147 tal-25 ta’ Ġunju 2008), huwa redatt kif ġej: “Fir-rigward tal-organizzazzjonijiet indipendenti, id-drittijiet pekunjarji tal-persunal affettwat mill-proċeduri previsti fl-Artikolu 1(519) tal-Liġi [Nru 296/2006], huma stabbiliti fil-pożizzjoni ta’ remunerazzjoni tad-dħul, mingħajr rikonoxximent tal-anzjanità tas-servizz miksuba fl-attività għal żmien determinat jew ta’ speċjalizzazzjoni, mingħajr spejjeż supplimentari, iżda bl-għoti ta’ allowance ‘ad personam’, assorbabbli u mhux rievalwabbli li tammonta għad-differenza eventwali bejn id-drittijiet pekunjarji rċevuti u dawk korrispondenti fil-livell tad-dħul fi ħdan il-persunal permanenti”. |
17 |
L-Artikolu 36 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 165 li jipprovdi regoli ġenerali dwar l-organizzazzjoni tax-xogħol fl-amministrazzjonijiet pubbliċi (decreto-legislativo n. 165 norme generali sull’ordinamento del lavoro alle dipendenze delle amministrazioni pubbliche), tat-30 ta’ Marzu 2001 (Suppliment ordinarju għall-GURI Nru 106, tad-9 ta’ Mejju 2001), jipprovdi: “1. Għall-ħtiġijiet marbuta mal-bżonnijiet ordinarji tagħhom, l-amministrazzjonijiet pubbliċi jirreklutaw biss permezz ta’ kuntratti ta’ xogħol bis-salarju għal żmien indeterminat skont il-proċeduri ta’ reklutaġġ previsti fl-Artikolu 35. 2. Sabiex jagħmlu tajjeb għall-ħtiġijiet temporanji u eċċezzjonali, l-amministrazzjonijiet pubbliċi jistgħu jirrikorru għall-forom kuntrattwali flessibbli ta’ reklutaġġ u ta’ impjieg tal-persunal previsti mill-Kodiċi Ċivili u mil-liġijiet dwar ir-relazzjonijiet tax-xogħol fl-impriża, bl-osservanza tal-proċeduri ta’ reklutaġġ fis-seħħ. Mingħajr ħsara għall-kompetenza tal-amministrazzjonijiet fir-rigward tad-definizzjoni tal-bżonnijiet ta’ organizzazzjoni b’mod koerenti mad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi fis-seħħ, il-ftehim kollettivi nazzjonali jirregolaw il-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat. […] [...] 5. Fi kwalunkwe każ, il-ksur ta’ dispożizzjonijiet imperattivi fil-qasam tar-reklutaġġ jew tal-impjieg ta’ ħaddiema mill-amministrazzjonijiet pubbliċi ma jistax iwassal għall-istabbiliment ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat ma’ dawn l-amministrazzjonijiet pubbliċi, mingħajr ħsara għar-responsabbiltà u sanzjonijiet li dawn jistgħu jsostnu. Il-ħaddiem ikkonċernat għandu dritt għall-kumpens tad-danni li jirriżultaw mis-servizz ta’ xogħol li jsir bi ksur ta’ dispożizzjonijiet imperattivi. L-amministrazzjonijiet huma marbuta li jirkupraw l-ammonti mħallsa fuq din il-bażi mingħand id-diriġenti responsabbli meta l-ksur ikun intenzjonat jew riżultat ta’ nuqqas serju [...] [...]” |
Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari
18 |
Wara t-talba tagħhom ta’ stabilizzazzjoni mressqa fis-27 ta’ Jannar 2007 skont il-Liġi Nru 296/2006, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali, li kienu lkoll impjegati mill-AGCM b’kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, ġew irreklutati minn din l-istess awtorità fuq il-bażi ta’ relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat bl-integrazzjoni tagħhom fi ħdan il-persunal permanenti fid-data tas-17 ta’ Mejju 2007. |
19 |
B’deċiżjoni tas-17 ta’ Lulju 2008, l-AGCM ikklassifikat lir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali, b’effett retroattiv mis-17 ta’ Mejju 2007, fil-livell inizjali tal-iskala li huma kellhom fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt tagħhom għal żmien determinat preċedenti, mingħajr rikonoxximent tal-anzjanità miksuba permezz ta’ dawn il-kuntratti, u tathom allowance “ad personam” li tammonta għad-differenza bejn id-drittijiet pekunjarji li huma kienu jgawdu fid-data tas-17 ta’ Mejju 2007 u dawk li jirriżultaw mill-istabilizzazzjoni tagħhom. |
20 |
It-Tribunale amministrativo Lazio — Roma ċaħad l-azzjoni mressqa mir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali kontra din id-deċiżjoni minħabba li, b’mod partikolari, il-proċedura ta’ stabilizzazzjoni, minkejja li din tippermetti deroga mir-regola tal-kompetizzjoni ġenerali, ma tippermettix, min-naħa l-oħra, ir-rikonoxximent tal-anzjanità miksuba fl-attività għal żmien determinat. |
21 |
Ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali appellaw minn din id-deċiżjoni quddiem il-Consiglio di Stato. Huma jsostnu, f’dan ir-rigward, ksur tal-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas inkwantu s-sistema ta’ stabilizzazzjoni stabbilita mil-Liġi Nru 296/2006 tħassar l-anzjanità miksuba fil-kuntest tal-attività eżerċitata għal żmien determinat, meta għadhom jiġu eżerċitati l-istess dmirijiet u li s-suċċessjoni tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat kienet abbużiva. |
22 |
Il-Consiglio di Stato jirrileva li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali ppermettiet ir-reklutaġġ dirett ta’ persuni b’impjieg prekarju permezz ta’ deroga mir-regola tal-kompetizzjoni ġenerali intiża għall-aċċess għall-impjieg pubbliku, iżda bl-integrazzjoni tagħhom fi ħdan il-persunal permanenti fil-livell inizjali tal-iskala, mingħajr ma tiġi kkonservata l-anzjanità miksuba fl-attività għal żmien determinat. |
23 |
Skont din il-qorti, il-leġiżlatur nazzjonali ma riedx, b’din il-leġiżlazzjoni, jirregolarizza reklutaġġi għal żmien determinat illegali u abbużivi bil-konverżjoni ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat, minħabba użu abbużiv tagħhom bi ksur tal-Klawżola 5 tal-Ftehim qafas. Min-naħa l-oħra, huwa kkunsidra li l-anzjanità miksuba fl-attività għal żmien determinat kienet tikkostitwixxi titolu li jiġġustifika l-istabbiliment ta’ relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat, permezz ta’ deroga mir-regola tal-kompetizzjoni ġenerali għall-aċċess għall-persunal permanenti tal-amministrazzjoni pubblika. It-tħassir tal-anzjanità huwa, f’dan il-kuntest, iġġustifikat min-neċessità li tiġi evitata diskriminazzjoni inversa kontra l-ħaddiema li kienu diġà parti mill-persunal permanenti u li kienu ġew irreklutati għal żmien indeterminat wara kompetizzjoni ġenerali. Fil-fatt, jekk il-benefiċjarji tal-istabilizzazzjoni jistgħu jikkonservaw l-anzjanità tagħhom, dawn jieħdu post dawn il-ħaddiema li għandhom inqas anzjanità. |
24 |
Il-Consiglio di Stato jfakkar, barra minn hekk, li r-regola tal-projbizzjoni tal-konverżjoni ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat f’kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat hija prevalenti fis-settur pubbliku. Issa, fid-digriet tal-1 ta’ Ottubru 2010, Affatato (C-3/10), il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat il-leġittimità ta’ din il-projbizzjoni. |
25 |
Fl-aħħar nett, il-Consiglio di Stato jenfasizza li, fis-sentenza tiegħu Nru 1138, tat-23 ta’ Frar 2011, huwa eskluda wkoll l-inkompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawżi prinċipali mal-Ftehim qafas, minħabba li dan jipprojbixxi trattament sfavorevoli tal-ħaddiem għal żmien determinat meta mqabbel mal-ħaddiem għal żmien indeterminat biss matul ir-relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat. Min-naħa l-oħra, dan il-ftehim qafas ma jipprekludix it-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat fl-iskadenza stabbilita u l-istabbiliment sussegwenti ta’ relazzjoni ġdida ta’ xogħol għal żmien indeterminat mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni l-anzjanità miksuba qabel, sa fejn din tkun preċiżament relazzjoni ġdida ta’ xogħol. Għalhekk, il-Ftehim qafas ma huwiex applikabbli. B’żieda ma’ dan, il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni tal-ħaddiem għal żmien determinat ma tistax twassal sal-punt li timponi diskriminazzjoni inversa kontra l-ħaddiem għal żmien indeterminat. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-applikazzjoni ta’ kriterji differenti għal ħaddiema għal żmien determinat u għal dawk għal żmien indeterminat hija ġġustifikata permezz ta’ raġunijiet oġġettivi fis-sens tal-punt 4 tal-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas. |
26 |
Madankollu, il-Consiglio di Stato jirrileva li t-Tribunale del lavoro di Torino, f’sentenza Nru 4148 tad-9 ta’ Novembru 2009, iddeċieda li l-osservanza tal-punt 4 tal-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas jeżiġi ż-żamma tal-anzjanità miksuba fil-każ ta’ konverżjoni ta’ relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat. Minn dan jirriżulta, anki jekk din is-sentenza tikkonċerna ċirkustanzi differenti minn dawk tal-każ ineżami, diverġenza fl-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Konsegwentement hemm dubju fir-rigward tal-kompatibbiltà tad-dritt nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali mad-dritt tal-Unjoni. |
27 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Consiglio di Stato ddeċieda li jissospendi l-proċeduri u jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:
|
28 |
Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Lulju 2011, il-Kawżi C-302/11 sa C-305/11 ingħaqda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u dik orali kif ukoll għall-finijiet tas-sentenza. |
Fuq id-domandi preliminari
29 |
Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu ttrattati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-klawżola 4 tal-Ftehim qafas, moqri flimkien mal-Klawżola 5 tiegħu, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li teskludi totalment it-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ servizz li jkunu saru minn ħaddiem għal żmien determinat ta’ awtorità pubblika għad-determinazzjoni tal-anzjanità ta’ dan tal-aħħar fil-mument tar-reklutaġġ tiegħu għal żmien indeterminat mill-istess awtorità bħala uffiċjal permanenti fl-ambitu ta’ proċedura speċifika ta’ stabilizzazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu. |
Fuq l-applikabbiltà tal-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas
30 |
Il-Gvern Taljan isostni li l-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas ma huwiex applikabbli għall-kwistjonijiet fil-kawżi prinċipali. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tipprojbixxi biss kull differenza fit-trattament bejn il-ħaddiema għal żmien indeterminat u l-ħaddiema prekarji matul iż-żmien tar-relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat. Issa, il-kawżi prinċipali ma jqajmux kwistjonijiet ta’ paragun bejn dawn il-kategoriji ta’ ħaddiema, peress li l-kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat preċedenti huwa meqjus mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali bħala titolu li jiġġustifika l-kisba ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat, permezz ta’ deroga mir-regola ġenerali tal-kompetizzjoni ġenerali għall-aċċess għall-persunal permanenti tal-amministrazzjoni pubblika. Għalhekk, dan il-kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat jikkostitwixxi biss kundizzjoni sabiex ikun hemm aċċess għall-proċedura speċjali intiża għal reklutaġġ awtonomu fuq il-bażi ta’ relazzjoni għal żmien indeterminat totalment distinta minn dik preċedenti. Għalhekk, il-proċedura ta’ stabilizzazzjoni għandha bħala effett mhux it-trasformazzjoni jew il-konverżjoni f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat konklużi abbużivament bi ksur tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas, iżda l-istabbiliment ta’ relazzjoni ġdida ta’ xogħol li tinvolvi l-obbligu li wieħed jagħmel perijodu ta’ prova. B’mod parallel, tali stabilizzazzjoni ttemm ir-relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat, bl-obbligu li tingħalaq kull sitwazzjoni pendenti u li ssir, b’mod partikolari, likwidazzjoni tas-salarju dovut fi tmiem ir-relazzjoni kif ukoll tal-kumpens għall-ġranet tal-leave li ma tteħdux. |
31 |
B’din l-argumentazzjoni, li taqbel essenzjalment mal-evalwazzjoni tal-Consiglio di Stato fid-deċiżjonijiet ta’ rinviju kif ukoll fis-sentenza tiegħu Nru 1138, tat-23 ta’ Frar 2011, il-Gvern Taljan isostni essenzjalment li l-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas hija inapplikabbli f’sitwazzjonijiet bħalma huma dawk tal-kawżi prinċipali, peress li titfaċċa d-differenza fit-trattament invokata mir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali, li huma marbuta, sa mis-17 ta’ Mejju 2007, mal-AGCM permezz ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat, fir-rigward ta’ ħaddiema oħra għal żmien indeterminat. |
32 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-punt 1 tal-Klawżola 2 tal-Ftehim qafas, dan japplika għall-ħaddiema għal żmien determinat li għandhom kuntratt jew relazzjoni tax-xogħol iddefinita mil-leġiżlazzjoni, il-ftehim kollettivi jew il-prattiċi fis-seħħ f’kull Stat Membru (sentenza tat-8 ta’ Settembru 2011, Rosado Santana C-177/10, Ġabra p. I-7907, punt 39). |
33 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-Direttiva 1999/70 u l-Ftehim qafas japplikaw għall-ħaddiema kollha li jipprovdu servizzi remunerati fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ impjieg għal żmien determinat li torbothom mal-persuna li timpjegahom (sentenzi tat-13 ta’ Settembru 2007, Del Cerro Alonso, C-307/05, Ġabra p. I-7109, punt 28 u Rosado Santana, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40). |
34 |
Is-sempliċi fatt li r-rikorrenti fil-kawżi prinċipali kisbu l-kwalità ta’ ħaddiem għal żmien indeterminat ma jeskludix il-possibbiltà li jinvokaw, f’ċerti ċirkustanzi, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stipulat fil-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas (ara s-sentenza Rosado Santana, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41, kif ukoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Marzu 2012, Huet, C-251/11, punt 37). |
35 |
Fil-fatt, fil-kawżi prinċipali, ir-rikorrenti għandhom essenzjalment bħala għan, fil-kwalità tagħhom ta’ ħaddiema għal żmien indeterminat, li jqajmu kwistjoni dwar id-differenza fit-trattament li ssir meta tittieħed inkunsiderazzjoni l-anzjanità u l-esperjenza professjonali miksuba għall-finijiet ta’ proċedura ta’ reklutaġġ li skontha huma saru uffiċjali permanenti. Filwaqt li l-perijodi ta’ servizz imwettqa bħala ħaddiema għal żmien indeterminat jittieħdu inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tal-anzjanità u, għalhekk, għall-iffissar tal-livell tar-remunerazzjoni, dawk imwettqa bħala ħaddiema għal żmien determinat ma jittiħdux inkunsiderazzjoni, mingħajr ma, skonthom, in-natura tax-xogħol imwettaq u l-karatteristiċi inerenti għalih ma jiġu eżaminati. Peress li d-diskriminazzjoni li tmur kontra l-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas li r-rikorrenti fil-kawżi prinċipali jsostnu li huma l-vittmi tagħha tikkonċerna l-perijodi ta’ servizz imwettqa bħala ħaddiema għal żmien determinat, il-fatt li, fil-frattemp, dawn tal-aħħar saru ħaddiema għal żmien indeterminat huwa irrilevanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Rosado Santana, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42). |
36 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas tipprovdi, fil-punt 4 tagħha, li l-kriterji dwar perijodi ta’ anzjanità fir-rigward ta’ kundizzjonijiet partikolari ta’ impjieg għall-ħaddiema għal żmien determinat għandhom ikunu l-istess bħalma huma għall-ħaddiema għal żmien indeterminat, ħlief meta kriterji differenti huma ġġustifikati minn raġunijiet oġġettivi. La mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni u lanqas mill-kuntest tagħha ma jirriżulta li din ma tibqax applikabbli ladarba l-ħaddiem ikkonċernat jikseb l-istatus ta’ ħaddiem għal żmien indeterminat. Fil-fatt, l-għanijiet tad-Direttiva 1999/70 u l-Ftehim qafas, li huma intiżi kemm biex jipprojbixxu d-diskriminazzjoni kif ukoll biex jipprekludu l-abbużi li jirriżultaw mill-użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol suċċessivi għal żmien determinat, jimmilitaw favur interpretazzjoni kuntrarja (sentenza Rosado Santana, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43). |
37 |
L-esklużjoni mill-bidu tal-applikazzjoni tal-Ftehim qafas f’sitwazzjonijiet bħalma huma dawk fil-kawżi prinċipali, twassal sabiex jitnaqqas, bi ħsara għall-għan tal-imsemmija Klawżola 4, il-kamp tal-protezzjoni mogħtija lill-ħaddiema kkonċernati kontra d-diskriminazzjonijiet u twassal għal interpretazzjoni indebitament restrittiva ta’ din il-klawżola li tmur kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza Rosado Santana, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
38 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi rrilevat li, għall-kuntrarju tal-interpretazzjoni sostnuta mill-Gvern Taljan, xejn ma jipprekludi l-applikabbiltà tal-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas għall-kwistjoni fil-kawżi prinċipali. |
Fuq l-interpretazzjoni tal-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas
39 |
Hemm lok li jiġi mfakkar li l-punt 1 tal-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas jistipula projbizzjoni li l-ħaddiema għal żmien determinat jiġu ttrattati, għal dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tax-xogħol, b’mod inqas favorevoli mill-ħaddiema komparabbli għal żmien indeterminat biss għar-raġuni li jaħdmu għal żmien determinat, sakemm it-trattament differenti ma jkunx iġġustifikat minn raġunijiet oġġettivi. Il-punt 4 ta’ din il-klawżola jistipula l-istess projbizzjoni għal dak li jirrigwarda l-kriterji ta’ perijodi ta’ anzjanità relattivi għal kundizzjonijiet partikolari tal-impjieg (sentenza Rosado Santana, iċċitata iktar ’il fuq, punt 64). |
40 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm dan it-trattament ma jkunx iġġustifikat oġġettivament (sentenza Rosado Santana, iċċitata iktar ’il fuq, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
41 |
Għalhekk wieħed għandu, fl-ewwel lok, jeżamina l-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet inkwistjoni, imbagħad, fit-tieni lok, jeżamina l-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva li jista’ jkun hemm. |
Fuq il-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet inkwistjoni
42 |
Sabiex jiġi evalwat jekk il-persuni kkonċernati jeżerċitawx xogħol identiku jew simili fis-sens tal-Ftehim qafas, b’mod konformi mal-punt 2 tal-Klawżoli 3 u mal-punt 1 tal-Klawżola 4 tiegħu, għandu jiġi eżaminat jekk, fid-dawl ta’ numru ta’ fatturi, bħan-natura tax-xogħol, il-kundizzjonijiet tat-taħriġ u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, dawn il-persuni jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli (sentenza Rosado Santana, iċċitata iktar ’il fuq, punt 66, kif ukoll id-digrieti tat-18 ta’ Marzu 2011, Montoya Medina, C-273/10, punt 37, kif ukoll tad-9 ta’ Frar 2012, Lorenzo Martínez, C-556/11, punt 43). |
43 |
Bħala regola, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi jekk ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali, meta kienu jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom mal-AGCM fuq il-bażi ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat, kinux f’sitwazzjoni komparabbli għal dik tal-uffiċjali permanenti rreklutati għal żmien indeterminat minn din l-istess awtorità (ara s-sentenza Rosado Santana, iċċitata iktar ’il fuq, punt 67, u d-digriet Lorenzo Martínez, iċċitat iktar ’il fuq punt 44). |
44 |
Fil-fatt, in-natura tal-funzjonijiet eżerċitati mir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali fis-snin li matulhom ħadmu fis-servizzi tal-AGCM fuq il-bażi ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat u l-kwalità tal-esperjenza li kisbu fuq din il-bażi ma jikkostitwixxux biss wieħed mill-fatturi li jistgħu jiġġustifikaw oġġettivament differenza fit-trattament fir-rigward tal-uffiċjali permanenti. Huma jinsabu wkoll fost il-kriterji li jippermettu li jiġi vverifikat jekk il-persuni kkonċernati jinsabux f’sitwazzjoni komparabbli ma’ dik ta’ dawn tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Rosado Santana, iċċitata iktar ’il fuq, punt 69). |
45 |
F’dan il-każ, jidher li r-rikorrenti fil-kawżi prinċipali, benefiċjarji tal-proċedura ta’ stabilizzazzjoni, ma għaddewx, bħalma għamlu uffiċjali permanenti, mill-kompetizzjoni ġenerali tal-aċċess għas-servizz pubbliku. Madankollu, tali fatt, kif il-Kummissjoni ġustament sostniet, ma jistax jimplika li dawn jinsabu f’sitwazzjoni differenti, peress li l-kundizzjonijiet tal-istabilizzazzjoni stabbiliti mil-leġiżlatur nazzjonali fil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li jirrigwardaw rispettivament it-tul tar-relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat u r-rekwiżit li jkunu ġew irreklutati għal dan il-għan permezz ta’ proċedura ta’ selezzjoni taħt il-forma ta’ kompetizzjoni jew ta’ proċedura prevista mil-liġi, huma speċifikament intiżi sabiex jippermettu biss l-istabilizzazzjoni tal-ħaddiema għal żmien determinat li s-sitwazzjoni tagħhom tista’ tiġi assimilata ma’ dik tal-uffiċjali permanenti. |
46 |
Fir-rigward tan-natura tal-funzjonijiet eżerċitati fil-kawżi prinċipali, ma jirriżultax ċar mill-proċessi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha għad-dispożizzjoni tagħha liema funzjonijiet ġew eżerċitati mir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali fis-snin li matulhom huma ħadmu taħt kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat mal-AGCM u lanqas ma jirriżulta ċar x’kienet ir-relazzjoni bejn dawn u l-funzjonijiet li waqgħu fuq l-istess rikorrenti bħala uffiċjali permanenti. |
47 |
Madankollu, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali jsostnu, kif tirrileva wkoll il-Kummissjoni, li l-funzjonijiet eżerċitati minnhom bħala uffiċjali permanenti fi tmiem il-proċedura ta’ stabilizzazzjoni huma l-istess bħal dawk eżerċitati qabel taħt kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat. Barra minn hekk, mill-ispjegazzjonijiet stess tal-Gvern Taljan jirriżulta fir-rigward tal-iskop tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali li, billi tiżgura r-reklutaġġ għal żmien indeterminat tal-ħaddiema impjegati qabel għal żmien determinat, hija tfittex li tagħti iktar importanza lill-esperjenza miksuba minn dawn fi ħdan l-AGCM. Madankollu, huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tagħmel il-verifiki neċessarji f’dan ir-rigward. |
48 |
Fil-każ li jirriżulta li l-funzjonijiet eżerċitati mir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali mal-AGCM taħt kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat ma jikkorrispondux ma’ dawk eżerċitati minn uffiċjal permanenti li jaqa’ taħt il-kategorija rilevanti ta’ din l-awtorità, id-differenza fit-trattament allegata dwar it-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ servizz fil-mument tar-reklutaġġ tar-rikorrenti fil-kawżi prinċipali bħala uffiċjali permanenti ma tkunx kuntrarja għall-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas, peress li din id-differenza fit-trattament tkun marbuta ma’ sitwazzjonijiet differenti (ara, bħala analoġija, is-sentenza Rosado Santana, iċċitata iktar ’il fuq, punt 68). |
49 |
Min-naħa l-oħra, kemm-il darba l-funzjonijiet eżerċitati mir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali mal-AGCM taħt kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat kienu jikkorrispondu għal dawk eżerċitati minn uffiċjal permanenti li jaqa’ taħt il-kategorija rilevanti ta’ din l-awtorità, ikun meħtieġ li jiġi vverifikat jekk hemmx raġuni oġġettiva li tiġġustifika l-assenza ta’ kull teħid inkunsiderazzjoni ta’ perijodi ta’ servizz li jkunu saru taħt kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat fil-mument tar-reklutaġġ tar-rikorrenti fil-kawżi prinċipali bħala uffiċjali permanenti u, għaldaqstant, tal-integrazzjoni tagħhom fi ħdan il-persunal permanenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Rosado Santana, iċċitata iktar ’il fuq, punt 71). |
Fuq l-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva
50 |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “bażi oġġettiva” fis-sens tal-punt 1 tal-Klawżola 4 għandu jiġi interpretat bħala li ma jippermettix li tiġi ġġustifikata differenza fit-trattament bejn il-ħaddiema għal żmien determinat u l-ħaddiema għal żmien indeterminat minħabba l-fatt li din id-differenza hija prevista minn regola nazzjonali ġenerali u astratta, bħal liġi jew ftehim kollettiv (sentenzi Del Cerro Alonso, iċċitata iktar ’il fuq, punt 57; tat-22 ta’ Diċembru 2010, Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres, C-444/09 u C-456/09, Ġabra p. 14031, punt 54, kif ukoll Rosado Santana, iċċitata iktar ’il fuq, punt 72, u d-digrieti ċċitati iktar ’il fuq Montoya Medina, punt 40, u Lorenzo Martínez, punt 47). |
51 |
L-imsemmi kunċett jeħtieġ li l-inugwaljanza fit-trattament ikkonstatata tkun iġġustifikata mill-eżistenza ta’ elementi preċiżi u konkreti, li jikkaratterizzaw il-kundizzjoni tax-xogħol ikkonċernat, fil-kuntest partikolari li fih hija taqa’ u fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi u trasparenti, sabiex jiġi vverifikat jekk din l-inugwaljanza tweġibx għal bżonn veru, hijiex adattata sabiex jintlaħaq l-għan imfittex u hijiex neċessarja għal dan il-għan. L-imsemmija elementi jistgħu jirriżultaw, b’mod partikolari, min-natura partikolari tal-kompiti li għat-twettiq tagħhom il-kuntratti għal żmien determinat ġew konklużi u mill-karatteristiċi inerenti għalihom jew, jekk ikun il-każ, mit-tħaddin ta’ għan leġittimu tal-politika soċjali ta’ Stat Membru (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Del Cerro Alonso, punti 53 u 58; Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres, punt 55, kif ukoll Rosado Santana, punt 73, u d-digrieti ċċitati iktar ’il fuq Montoya Medina, punt 41, u Lorenzo Martínez, punt 48). |
52 |
L-użu tan-natura temporanja tax-xogħol tal-persunal tal-amministrazzjoni pubblika biss ma huwiex konformi ma’ dawn ir-rekwiżiti u b’hekk ma jistax, waħdu, jammonta għal “bażi oġġettiva” fis-sens tal-punt 1 u/jew 4 tal-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas. Fil-fatt, l-aċċettazzjoni tal-argument li n-natura temporanja ta’ relazzjoni ta’ impjieg hija suffiċjenti sabiex tiġġustifika differenza fit-trattament bejn ħaddiema għal żmien determinat u ħaddiema għal żmien indeterminat iġġib fix-xejn l-għanijiet tad-Direttiva 1999/70 u tal-Ftehim qafas u tipperpetwa l-manteniment ta’ sitwazzjoni sfavorevoli għall-ħaddiema għal żmien determinat (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Gavieiro Gavieiro, punti 56 u 57, kif ukoll Rosado Santana, punt 74, u d-digrieti ċċitati iktar ’il fuq Montoya Medina, punti 42 u 43, u Lorenzo Martínez, punti 49 u 50). |
53 |
F’dan il-każ, sabiex id-differenza fit-trattament sostnuta fil-kawżi prinċipali tiġi ġġustifikata, il-Gvern Taljan jinvoka l-eżistenza ta’ diversi differenzi oġġettivi bejn l-uffiċjali permanenti u l-ħaddiema għal żmien determinat irreklutati iktar tard bħala uffiċjali permanenti. |
54 |
Qabelxejn, huwa jsostni li tali reklutaġġ fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni msejħa ta’ “stabilizzazzjoni” seħħ fl-ambitu ta’ proċedura li ma għandhiex l-elementi karatteristiċi tal-proċedura ta’ kompetizzjoni u li, għalhekk, inkwantu hija deroga mill-proċeduri normali ta’ reklutaġġ, ma tistax tikkostitwixxi raġuni valida għall-għoti ta’ trattament superjuri għal dak previst għal-livell inizjali tal-iskala applikabbli għall-uffiċjali permanenti. |
55 |
Imbagħad, il-Gvern Taljan isostni li tali leġiżlazzjoni, sa fejn din tqis l-anzjanità miksuba fuq il-bażi ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat bħala kundizzjoni għall-benefiċċju tal-istabilizzazzjoni u mhux bħala element li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni fl-ambitu tar-relazzjoni ġdida ta’ xogħol għal żmien indeterminat, issib il-ġustifikazzjoni tagħha fin-neċessità li tiġi evitata diskriminazzjoni inversa fil-konfront tal-uffiċjali permanenti diġà integrati fi ħdan il-persunal permanenti. Fil-fatt, jekk il-ħaddiema stabilizzati jistgħu jikkonservaw din l-anzjanità, l-integrazzjoni tagħhom fi ħdan il-persunal permanenti sseħħ bi preġudizzju għall-ħaddiema diġà permanenti rreklutati għal żmien indeterminat, wara kompetizzjoni ġenerali, li iżda għandhom inqas anzjanità. Fil-fatt, dawn tal-aħħar jitqiegħdu fi ħdan il-persunal permanenti f’livell inferjuri għal dak tal-benefiċjarji tal-istabilizzazzjoni. |
56 |
Fl-aħħar nett, huwa jenfasizza li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-anzjanità miksuba taħt kuntratti preċedenti ta’ xogħol għal żmien determinat imur kontra l-Artikolu 3 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Taljana, moqri fis-sens li trattament sfavorevoli ma jistax jiġi applikat għal sitwazzjonijiet li għandhom mertu ogħla, u, min-naħa l-oħra, kontra l-Artikolu 97 ta’ din l-istess kostituzzjoni, li jipprovdi li l-kompetizzjoni ġenerali, inkwantu hija mekkaniżmu imparzjali ta’ selezzjoni teknika u newtrali tal-persuni l-iktar kompetenti fuq il-bażi ta’ merti, tikkostitwixxi l-forma ġenerali ta’ reklutaġġ għall-amministrazzjonijiet pubbliċi bil-għan li jiġu sodisfatti r-rekwiżiti ta’ imparzjalità u ta’ effikaċja tal-azzjoni amministrattiva. |
57 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istat Membri fir-rigward tal-organizzazzjoni tal-amministrazzjonijiet pubbliċi tagħhom, huma jistgħu, bħala regola ġenerali, mingħajr ma jiksru d-Diretettiva 1999/70 jew il-Ftehim qafas, jipprovdu għall-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-kwalità ta’ uffiċjali permanenti kif ukoll għall-kundizzjonijiet tal-impjieg ta’ dawn l-uffiċjali, b’mod partikolari meta dawn ikunu preċedentement ġew impjegati minn dawn l-amministrazzjonijiet permezz ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Rosado Santana, iċċitata iktar ’il fuq, punt 76). |
58 |
Għalhekk, kif sostniet il-Kummissjoni fis-seduta, l-esperjenza professjonali ta’ ħaddiema għal żmien determinat, riflessa mill-perijodi ta’ servizz imwettqa minnhom fl-amministrazzjoni pubblika taħt kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat, tista’ tikkostitwixxi, bħalma tipprovdi l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li tissuġġetta l-istabilizzazzjoni, b’mod partikolari, għat-twettiq ta’ perijodu ta’ servizz ta’ tliet snin taħt kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat, kriterju ta’ selezzjoni għall-finijiet ta’ proċedura ta’ reklutaġġ bħala uffiċjal. |
59 |
Madankollu, minkejja din il-marġni ta’ diskrezzjoni, l-applikazzjoni tal-kriterji li l-Istati Membri jistabbilixxu għandha ssir b’mod trasparenti u għandha tkun tista’ tiġi kkontrollata sabiex jiġi prekluż kull trattament sfavorevoli tal-ħaddiema għal żmien determinat biss abbażi tal-perijodu tal-kuntratti jew tar-relazzjonijiet ta’ xogħol li jiġġustifikaw l-anzjanità tagħhom u l-esperjenza professjonali tagħhom (ara s-sentenza Rosado Santana, iċċitata iktar ’il fuq, punt 77). |
60 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi aċċettat li ċerti differenzi invokati mill-Gvern Taljan fir-rigward tar-reklutaġġ ta’ ħaddiema impjegati għal żmien determinat fl-ambitu ta’ proċeduri ta’ stabilizzazzjoni bħalma huma dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali b’paragun mal-uffiċjali permanenti rreklutati fi tmiem kompetizzjoni ġenerali, fir-rigward tal-kwalifiki meħtieġa u n-natura tal-funzjonijiet li tagħhom huma għandhom jassumu r-responsabbiltà jistgħu, bħala regola ġenerali, jiġġustifikaw differenza fit-trattament fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ impjieg tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Rosado Santana, iċċitata iktar ’il fuq, punt 78). |
61 |
Meta tali trattament differenzjat jirriżulta mill-ħtieġa li jittieħdu inkunsiderazzjoni rekwiżiti oġġettivi fir-rigward tal-impjieg li l-proċedura ta’ reklutaġġ hija intiża li timla u li ma għandhomx x’jaqsmu maż-żmien determinat tar-relazzjoni ta’ xogħol li torbot lill-ħaddiem mal-persuna li timpjegah, dan it-trattament jista’ jiġi ġġustifikat fis-sens tal-punt 1 u/jew 4 tal-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas. |
62 |
F’dan il-każ, fir-rigward tal-għan pretiż li jiġu evitati diskriminazzjonijiet inversi kontra uffiċjali permanenti impjegati fi tmiem b’suċċess ta’ kompetizzjoni ġenerali, għandu jiġi osservat li, minkejja li tali għan jista’ jikkostitwixxi “bażi oġġettiva” fis-sens tal-punt 1 u/jew 4 tal-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas, tali għan ma jistax, fi kwalunkwe każ, jiġġustifika leġiżlazzjoni nazzjonali sproporzjonata bħalma hija dik fil-kawżi prinċipali li teskludi totalment u f’kull ċirkustanza t-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi kollha ta’ servizz magħmula minn ħaddiema fuq il-bażi ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-anzjanità tagħhom fil-mument tar-reklutaġġ tagħhom għal żmien indeterminat u, għalhekk, tal-livell ta’ remunerazzjoni tagħhom. Fil-fatt, tali esklużjoni totali u assoluta tistrieħ intrinsikament fuq il-premessa ġenerali li ż-żmien indeterminat tar-relazzjoni ta’ impjieg ta’ ċerti uffiċjali pubbliċi jiġġustifika fih innifsu differenza fit-trattament fir-rigward tal-uffiċjali pubbliċi impjegati għal żmien determinat, b’mod li jinġiebu fix-xejn l-għanijiet tad-Direttiva 1999/70 u tal-Ftehim-qafas. |
63 |
Fir-rigward tal-fatt sostnut fis-seduta mill-Gvern Taljan, li l-proċedura ta’ stabilizzazzjoni tagħti lok, fid-dritt nazzjonali, għal relazzjoni ġdida ta’ xogħol, għandu jitfakkar li ċertament il-Ftehim qafas ma jippreskrivix il-kundizzjonijiet li fihom jistgħu jintużaw kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat u ma għandux l-għan li jarmonizza r-regoli nazzjonali kollha dwar il-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat. Fil-fatt, dan il-ftehim qafas huwa biss intiż, billi jistabbilixxi prinċipji ġenerali u kundizzjonijiet minimi, li jistabbilixxi qafas ġenerali sabiex jiżgura trattament ugwali għall-ħaddiema b’kuntratt għal żmien determinat billi jipproteġihom kontra d-diskriminazzjoni u jipprevjeni l-abbuż li jirriżulta mill-użu ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol jew ta’ kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Huet, iċċitata iktar ’il fuq, punti 40 u 41 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
64 |
Madankollu, is-setgħa mogħtija lill-Istati Membri sabiex jiddeterminaw il-kontenut tar-regoli nazzjonali tagħhom ma tistax twassal sal-punt li dawn ikunu jistgħu jippreġudikaw l-għan jew l-effett prattiku tal-Ftehim qafas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Huet, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
65 |
Issa, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stipulat fil-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas ikun nieqes minn kull kontenut jekk is-sempliċi natura ġdida ta’ relazzjoni ta’ xogħol skont id-dritt nazzjonali kellha titqies li tista’ tikkostitwixxi “bażi oġġettiva” fis-sens tal-imsemmija klawżola b’mod li tiġġustifika differenza fit-trattament, bħalma hija dik pretiża fil-kawżi prinċipali, fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni, fil-mument tar-reklutaġġ għal żmien indeterminat minn awtorità pubblika ta’ ħaddiema għal żmien determinat, tal-anzjanità miksuba minn dawn tal-aħħar ma’ din l-istess awtorità fuq il-bażi tal-kuntratti ta’ xogħol tagħhom għal żmien determinat. |
66 |
Min-naħa l-oħra, huwa importanti li titqies in-natura speċifika tax-xogħol tar-rikorrenti fil-kawżi prinċipali. |
67 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi aċċettat li, jekk jiġi stabbilit, bħalma r-rikorrenti sostnew fil-kawżi prinċipali, kif jirriżulta mill-punt 47 ta’ din is-sentenza, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, li l-funzjonijiet eżerċitati minnhom bħala uffiċjali permanenti huma identiċi għal dawk li huma eżerċitaw qabel fuq il-bażi ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat, u jekk, kif il-Gvern Taljan sostna fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni hija intiża sabiex tingħata iktar importanza lill-esperjenza miksuba mill-uffiċjali temporanji fi ħdan l-AGCM, tali elementi jistgħu jissuġġerixxu li n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ servizz imwettqa mill-ħaddiema għal żmien determinat huwa, fir-realtà, iġġustifikat biss miż-żmien tal-kuntratti ta’ xogħol tagħhom u, għalhekk, li d-differenza fit-trattament inkwistjoni fil-kawżi prinċipali ma tistrieħx fuq ġustifikazzjonijiet marbuta mar-rekwiżiti oġġettivi tal-impjiegi li kienu s-suġġett tal-proċedura ta’ stabilizzazzjoni li jistgħu jiġu kklassifikati bħala li jaqgħu taħt il-“bażi oġġettiva” fis-sens tal-punt 1 u/jew 4 tal-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas. |
68 |
Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li, fil-kawżi prinċipali, għandha, minn naħa, tivverifika jekk is-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawżi prinċipali kinitx, fir-rigward tal-perijodi ta’ servizz li wettqu fuq il-bażi ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat, komparabbli ma’ dik ta’ impjegat ieħor tal-AGCM li wettaq il-perijodi ta’ servizz tiegħu bħala uffiċjal permanenti fil-kategoriji rilevanti tal-persunal permanenti u, min-naħa l-oħra, tevalwa, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 50 sa 52 ta’ din is-sentenza, jekk ċerti argumenti ppreżentati quddiemha mill-AGCM jikkostitwixxux “bażi oġġettiva” fis-sens tal-punt 1 u/jew 4 tal-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas (sentenza Rosado Santana, iċċitata iktar ’il fuq, punt 83). |
69 |
Peress li l-Klawżola 5 tal-Ftehim qafas hija f’dan il-kuntest irrilevanti, u barra minn hekk id-deċiżjonijiet tar-rinviju ma jipprovdu ebda informazzjoni konkreta u preċiża dwar użu abbużiv eventwali ta’ kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat, ma hemmx lok, kif ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali sostnew, li tingħata deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni ta’ din il-klawżola. |
70 |
Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li l-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas hija inkundizzjonata u suffiċjentement preċiża sabiex tkun tista’ tiġi invokata, b’effett mid-data li fih jiskadi t-terminu mogħti lill-Istati Membri sabiex jittrasponu d-Direttiva 1999/70, fil-konfront tal-Istat minn individwi quddiem qorti nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres, iċċitata iktar ’il fuq, punti 78 sa 83 kif ukoll 97 u 98; digriet Montoya Medina, iċċitat iktar ’il fuq, punt 46, kif ukoll is-sentenza Rosado Santana, iċċitata iktar ’il fuq, punt 56). |
71 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, għad-domanda li saret għandha tingħata r-risposta li l-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas, li huwa anness mad-Direttiva 1999/70, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li teskludi totalment it-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ servizz li jkunu saru minn ħaddiem għal żmien determinat ta’ awtorità pubblika għad-determinazzjoni tal-anzjanità ta’ dan tal-aħħar fil-mument tar-reklutaġġ tiegħu għal żmien indeterminat minn din l-istess awtorità bħala uffiċjal permanenti fl-ambitu ta’ proċedura speċifika ta’ stabilizzazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu, sakemm din l-esklużjoni ma tkunx iġġustifikata fuq “bażi oġġettiva” fis-sens tal-punt 1 u/jew 4 ta’ din il-klawżola. Il-fatt biss li l-ħaddiem għal żmien determinat ikun għamel dawn il-perijodi ta’ servizz fuq il-bażi ta’ kuntratt jew ta’ relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat ma jikkostitwixxix tali bażi oġġettiva. |
Fuq l-ispejjeż
72 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawżi prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
Il-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [xogħol għal żmien determinat], konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999, li huwa anness mad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li teskludi totalment it-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ servizz li jkunu saru minn ħaddiem għal żmien determinat ta’ awtorità pubblika għad-determinazzjoni tal-anzjanità ta’ dan tal-aħħar fil-mument tar-reklutaġġ tiegħu għal żmien indeterminat minn din l-istess awtorità bħala uffiċjal permanenti fl-ambitu ta’ proċedura speċifika ta’ stabilizzazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu, sakemm din l-esklużjoni ma tkunx iġġustifikata fuq “bażi oġġettiva” fis-sens tal-punt 1 u/jew 4 ta’ din il-klawżola. Il-fatt biss li l-ħaddiem għal żmien determinat ikun għamel dawn il-perijodi ta’ servizz fuq il-bażi ta’ kuntratt jew ta’ relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat ma jikkostitwixxix tali bażi oġġettiva. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.