This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62011CJ0205
Judgment of the Court (Third Chamber), 18 July 2013.#Fédération internationale de football association (FIFA) v European Commission.#Appeal — Television broadcasting — Directive 89/552/EEC — Article 3a — Measures taken by the United Kingdom concerning events of major importance for the society of that Member State — Football World Cup — Decision declaring the measures compatible with EU law — Statement of reasons — Articles 43 EC, 49 EC and 86 EC — Right to property.#Case C‑205/11 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-18 ta’ Lulju 2013.
Fédération internationale de football association (FIFA) vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell — Xandir televiżiv — Direttiva 89/552/KEE — Artikolu 3a — Miżuri adottati mir-Renju Unit li jikkonċernaw avvenimenti ta’ importanza kbira għas-soċjetà ta’ dan l-Istat Membru — Tazza tad-dinja tal-futbol — Deċiżjoni li tiddikjara l-miżuri kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni — Motivazzjoni — Artikoli 43 KE, 49 KE u 86 KE — Dritt għall-proprjetà.
Kawża C‑205/11 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-18 ta’ Lulju 2013.
Fédération internationale de football association (FIFA) vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell — Xandir televiżiv — Direttiva 89/552/KEE — Artikolu 3a — Miżuri adottati mir-Renju Unit li jikkonċernaw avvenimenti ta’ importanza kbira għas-soċjetà ta’ dan l-Istat Membru — Tazza tad-dinja tal-futbol — Deċiżjoni li tiddikjara l-miżuri kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni — Motivazzjoni — Artikoli 43 KE, 49 KE u 86 KE — Dritt għall-proprjetà.
Kawża C‑205/11 P.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:478
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
18 ta’ Lulju 2013 ( *1 )
“Appell — Xandir televiżiv — Direttiva 89/552/KEE — Artikolu 3a — Miżuri adottati mir-Renju Unit li jikkonċernaw avvenimenti ta’ importanza kbira għas-soċjetà ta’ dan l-Istat Membru — Tazza tad-dinja tal-futbol — Deċiżjoni li tiddikjara l-miżuri kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni — Motivazzjoni — Artikoli 49 KE u 86 KE — Dritt għall-proprjetà”
Fil-Kawża C-205/11 P,
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fis-27 ta’ April 2011,
Fédération internationale de football association (FIFA), irrappreżentata minn A. Barav u D. Reymond, avukati,
rikorrenti,
il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn E. Montaguti u N. Yerrell, bħala aġenti, assistiti minn M. Gray, barrister, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenuta fl-ewwel istanza,
Ir-Renju tal-Belġju, irrappreżentat minn C. Pochet u J.-C. Halleux, bħala aġenti, assistiti minn A. Joachimowicz u J. Stuyck, advocaten,
Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn S. Ossowski u J. Beeko, bħala aġenti, assistiti minn T. de la Mare, QC,
intervenjent fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn R. Silva de Lapuerta, li qed jaġixxi bħala President tat-Tielet Awla, K. Lenaerts, E. Juhász, J. Malenovský (Relatur) u D. Šváby, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,
Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Settembru 2012,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ Diċembru 2012,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
Permezz tal-appell tagħha, l-Fédération internationale de football association (FIFA) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-17 ta’ Frar 2011, FIFA vs Il-Kummissjoni (T-68/08, Ġabra p. II-349, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha hija ċaħdet it-talba tagħha għal annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tas-16 ta’ Ottubru 2007, dwar il-kompatibbiltà mal-liġi Komunitarja tal-miżuri meħuda mir-Renju Unit skont l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni (ĠU L 295, p. 12, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”). |
Il-kuntest ġuridiku
2 |
Id-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE, tat-3 ta’ Ottubru 1989, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni (ĠU L 298, p. 23) kif emendata bid-Direttiva 97/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Ġunju 1997, (ĠU L 202, p. 60, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 89/552”) kienet tinkludi l-Artikolu 3a, miżjud minn din l-aħħar direttiva, li kien jipprovdi: “1. Kull Stat Membru jista’ jieħu miżuri skont il-liġi tal-Unjoni biex jiżgura li xandara taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu ma jxandrux fuq bażi esklussiva avvenimenti li huma meqjusa minn dak l-Istat Membru bħala ta’ importanza maġġuri għas-soċjetà b’tali mod li jċaħħdu lil proporzjon sostanzjali mill-pubbliku f’dak l-Istat Membru mill-possibbiltà li jsegwi tali avvenimenti permezz ta’ xandiriet diretti jew xandiriet differiti fuq televizjoni bla ħlas. Jekk jagħmel dan, l-Istat Membru kkonċernat għandu jfassal lista ta’ avvenimenti magħżula, nazzjonali jew mhux nazzjonali, li huwa jikkunsidra bħala ta’ importanza maġġuri għas-soċjetà. Huwa għandu jagħmel dan b’mod ċar u trasparenti fi żmien debitu u effettiv. Filwaqt li jagħmel dan l-Istat Membru kkonċernat għandu jiddetermina wkoll jekk dawn l-avvenimenti għandhomx ikunu disponibbli permezz ta’ xandiriet diretti sħaħ jew parzjali, jew, fejn huwa meħtieġ jew xieraq għal raġunijiet oġġettivi ta’ interess pubbliku, xandiriet differiti sħaħ jew parzjali. 2. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw immedjatament lill-Kummissjoni bi kwalunkwe miżura li tittieħed jew li tkun ser tittieħed skont il-paragrafu 1. Fi żmien perijodu ta’ tliet xhur min-notifika, il-Kummissjoni għandha tivverifika li tali miżuri huma kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni u tikkomunikahom lill-Istati Membri l-oħrajn. Għandha tfittex l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skond l-Artikolu 23a. Għandha minn hemm ’il quddiem tippubblika l-miżuri meħuda fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitàjiet Ewropej u mill-inqas darba fis-sena l-lista kkonsolidata tal-miżuri meħuda mill-Istati Membri. 3. L-Istati Membri għandhom jagħmlu ċert, b’mezzi xierqa, fi ħdan il-qafas leġiżlattiv tagħhom li x-xandara taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom ma jeżerċitawx id-drittijiet esklussivi mixtrija minn dawk ix-xandara wara d-data tal-pubblikazzjoni ta’ din id-Direttiva b’tali mod li proporzjon sostanzjali mill-pubbliku fi Stat Membru ieħor jiġi mċaħħad mill-possibiltà li jsegwi avvenimenti li jiġu nnominati minn dak l-Istat Membru l-ieħor skond il-paragrafi preċedenti permezz ta’ xandir dirett sħiħ jew parzjali jew, fejn ikun neċessarju jew xieraq għal raġunijiet oġġettivi fl-interess pubbliku, xandir differit sħiħ jew parzjali fuq it-televiżjoni ta’ mingħajr ħlas kif jiġi stabbilit minn dak l-Istat Membru l-ieħor skond il-paragrafu 1.” |
3 |
Il-premessi 18 sa 22 tad-Direttiva 97/36 huma fformulati b’dan il-mod:
|
Il-fatti li wasslu għall-kawża
4 |
Il-fatti li wasslu għall-kawża huma esposti kif isegwi fil-punti 6 sa 16 tas-sentenza appellata:
|
Id-deċiżjoni kkontestata
5 |
L-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jistabbilixxi li “[i]l-miżuri meħuda skond l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva [89/552] u nnotifikati mir-Renju Unit lill-Kummissjoni fil-5 ta’ Mejju 2000, kif ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej C 328 tat-18 ta’ Novembru 2000, huma kompatibbli mal-liġi Komunitarja”. |
6 |
Skont l-Artikolu 3 tagħha, l-imsemmija deċiżjoni “tapplika mit-18 ta’ Novembru 2000”. |
7 |
Il-premessi 3 sa 6, 18 sa 21 kif ukoll 24 u 25 tad-deċiżjoni kkontestata huma fformulati kif ġej:
[…]
[…]
|
Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza kkontestata
8 |
Il-FIFA ppreżentat rikors quddiem il-Qorti Ġenerali intiż kontra d-deċiżjoni kkontestata, minħabba li, fiha, il-Kummissjoni approvat il-klassifikazzjoni tal-parti kollha tal-fażi finali tat-Tazza tad-dinja bħala avveniment ta’ importanza kbira u b’hekk hija aċċettat li l-logħob kollu ta’ dan it-tornew jaqa’ taħt il-lista tal-avvenimenti ta’ importanza kbira stabbilita mill-ministru. Skont il-FIFA, dan tal-aħħar seta’ jikklassifika bħala tali avveniment biss il-logħob imsejjaħ “prime” jew “ta’ importanza primarja”, jiġifieri l-finali, is-semi-finali u l-logħob tat-timijiet tar-Renju Unit (iktar ’il quddiem il-“logħob ‘ta’ importanza primarja’”). B’hekk, dil-lista ma kellhiex tinkludi l-logħob l-ieħor tat-Tazza tad-dinja (iktar ’il quddiem il-“logħob ‘mhux ta’ importanza primarja’”). |
9 |
Insostenn tat-talba tagħha għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata, il-FIFA invokat sitt motivi. Dawn kienu bbażati, l-ewwel nett, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni, it-tieni nett, fuq il-ksur tal-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 89/552, it-tielet nett, fuq il-ksur tad-dritt tagħha għall-proprjetà, ir-raba’ nett, fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, il-ħames nett, fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-kompetizzjoni u, is-sitt nett, fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment. |
10 |
Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet kull wieħed mill-motivi invokati insostenn tar-rikors tal-FIFA u ċaħdet ir-rikors fl-intier tiegħu. |
11 |
Hija ċaħdet ukoll talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura mressqa mill-FIFA u intiża sabiex il-Qorti Ġenerali tistieden lill-Kummissjoni tipproduċi diversi dokumenti. |
Fuq l-appell
Osservazzjonijiet preliminari
12 |
Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrelevat li, permezz tal-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 89/552, il-leġiżlatur tal-Unjoni awtorizza lill-Istati Membri jikkwalifikaw ċerti avvenimenti bħala ta’ importanza kbira għas-soċjetà tal-Istat Membru kkonċernat (iktar ’il quddiem l-“avveniment ta’ importanza kbira”) u b’hekk ammetta espliċitament, fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lilu mit-Trattat, l-ostakoli għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, għal-libertà ta’ stabbiliment, għall-kompetizzjoni libera u għad-dritt għall-proprjetà li huma konsegwenza inevitabbli ta’ din il-kwalifika. Hekk kif jirriżulta mill-premessa 18 tad-Direttiva 97/36, il-leġiżlatur qies li tali ostakoli huma ġustifikati bl-għan intiż li jipproteġi d-dritt għall-informazzjoni u li jiġi żgurat aċċess wiesa’ tal-pubbliku għax-xandir televiżiv tal-imsemmija avvenimenti. |
13 |
Barra minn hekk, il-leġittimità li wieħed isegwi tali għan kienet diġà ġiet rrikonoxxuta mill-Qorti tal-Ġustizzja li osservat li l-kummerċjalizzazzjoni tan-natura esklużiva tal-avvenimenti li jippreżentaw interess kbir għall-pubbliku tista’ tirrestrinġi, b’mod kunsiderevoli, l-aċċess tal-pubbliku għall-informazzjoni li tikkonċerna dawn l-avvenimenti. Issa, f’soċjetà demokratika u pluralista, id-dritt għall-informazzjoni għandu importanza partikolari li hija ferm iżjed manifesta fil-każ ta’ tali avvenimenti (ara s-sentenza tat-22 ta’ Jannar 2013, Sky Österreich, C-283/11, punti 51 u 52). |
14 |
Fit-tieni lok, għandu jiġi ppreċiżat li, skont l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 89/552, id-determinazzjoni tal-avvenimenti ta’ importanza kbira ssir biss mill-Istati Membri li jgawdu, f’dan ir-rigward, minn marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’. |
15 |
Fil-fatt, minflok ma tarmonizza l-lista ta’ tali avvenimenti, id-Direttiva 89/552 hija bbażata fuq il-premessa li, fi ħdan l-Unjoni, jeżistu diverġenzi kunsiderevoli ta’ natura soċjali u kulturali fir-rigward tal-importanza tagħhom għall-pubbliku inġenerali. Konsegwentement, l-Artikolu 3a(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi li kull Stat Membru għandu jistabbilixxi lista tal-avvenimenti klassifikati bħala “li huma meqjusa ta’ importanza kbira” għas-soċjetà tiegħu. Il-premessa 18 tad-Direttiva 97/86 tenfasizza wkoll din is-setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri billi tipprovdi li huwa “essenzjali” li jkunu jistgħu jipproteġu d-dritt għall-informazzjoni u li jiżguraw aċċess wiesa’ tal-pubbliku għax-xandir televiżiv ta’ avvenimenti ta’ importanza kbira. |
16 |
L-importanza tal-imsemmija marġni ta’ diskrezzjoni barra minn hekk tirriżulta mill-fatt li d-Direttivi 89/552 u 97/36 ma jinkludux l-eżerċizzju tagħha permezz ta’ provvediment speċifiku. Fil-fatt, l-uniċi kriterji li huma jiffissaw sabiex l-Istat Membru kkonċernat ikun jista’ jagħżel avveniment bħala ta’ importanza kbira għas-soċjetà jissemmew fil-premessa 21 tad-Direttiva 97/36, li tipprovdi li dan għandu jkun avveniment straordinarju li jippreżenta interess għall-pubbliku inġenerali fl-Unjoni jew fl-Istat Membru speċifiku jew f’parti importanti ta’ Stat Membru speċifiku u li huwa organizzat bil-quddiem minn organizzatur ta’ avvenimenti li legalment għandu d-dritt li jbigħ drittijiet marbuta ma’ dan l-avveniment. |
17 |
Fid-dawl tan-nuqqas ta’ preċiżjoni relattiva ta’ dawn il-kriterji, huwa kull Stat Membru li għandu jagħtihom natura konkreta u li għandu jevalwa l-interess tal-avvenimenti kkonċernati għall-pubbliku inġenerali fir-rigward tal-partikolaritajiet soċjali u kulturali tas-soċjetà tiegħu. |
18 |
Fit-tielet lok, għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 3a(2) tad-Direttiva 89/552, il-Kummissjoni għandha setgħa ta’ kontroll tal-legalità tal-miżuri nazzjonali li permezz tagħhom jintgħażlu avvenimenti ta’ importanza kbira, li tippermettilha tiċħad il-miżuri li huma inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. |
19 |
Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, il-Kummissjoni għandha l-obbligu, b’mod partikolari, li tivverifika jekk il-kundizzjonijiet li ġejjin ġewx sodisfatti:
|
20 |
Min-naħa l-oħra, tali setgħa ta’ kontroll huwa ristrett, u dan b’mod partikolari fir-rigward tal-eżami tat-tieni u tat-tielet kundizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti. |
21 |
Minn naħa, fil-fatt mill-importanza tal-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri, imsemmija fil-punt 14 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li s-setgħa ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni għandha tkun limitata għat-tiftix tal-iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Istati Membri meta jiġu biex jagħżlu l-avvenimenti ta’ importanza kbira. Sabiex jiġi vverifikat jekk twettaqx tali żball ta’ evalwazzjoni, il-Kummissjoni għandha għalhekk, b’mod partikolari, tistħarreġ jekk l-Istat Membru kkonċernat eżaminax, b’reqqa u b’imparzjalità, l-elementi kollha relevanti tal-każ inkwistjoni, elementi li jsostnu l-konklużjonijiet misluta minnhom (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C-269/90, Ġabra p. I-5469, punt 14, u tat-22 ta’ Diċembru 2010, Gowan Comércio Internacional e Serviços, C-77/09, Ġabra p. I-13533, punti 56 u 57). |
22 |
Min-naħa l-oħra, iktar preċiżament fir-rigward tat-tielet kundizzjoni msemmija fil-punt 19 ta’ din is-sentenza, ma jistax jiġi injorat li l-kwalifika valida ta’ avveniment bħala ta’ importanza kbira tagħti lok għal ostakoli inevitabbli għal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi, għal-libertà ta’ stabbiliment, għal-libertà ta’ kompetizzjoni u għad-dritt għal proprjetà, intiżi mil-leġiżlatur tal-Unjoni u kkunsidrati minn dan tal-aħħar, hekk kif intqal fil-punt 12 ta’ din is-sentenza, bħala ġustifikati minħabba l-għan ta’ interess ġenerali intiż li jipproteġi d-dritt għall-informazzjoni u li jassumi aċċess wiesa’ għall-pubbliku għar-ritrażmissjoni televiżiv tal-imsemmija avvenimenti. |
23 |
Sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552, jeħtieġ għalhekk li jiġi kkonstatat li, jekk avveniment ġie validament ikkwalifikat mill-Istat Membru kkonċernat bħala wieħed ta’ importanza kbira, il-Kummissjoni għandha l-obbligu teżamina biss l-effetti ta’ din l-għażla fuq il-moviment liberu tas-servizzi, fuq il-libertà ta’ stabbiliment, fuq il-kompetizzjoni libera u fuq id-dritt ta’ proprjetà li jmorru lil hinn mill-effetti intrinsikament marbuta mal-inklużjoni ta’ dan l-avveniment fil-lista prevista fis-subartikolu 1 tal-Artikolu 3a. |
Fuq l-ewwel aggravju
L-argumenti tal-partijiet
24 |
L-ewwel aggravju huwa magħmul, essenzjalment, minn sitt partijiet. Permezz tal-ewwel parti, il-FIFA ssostni li l-Qorti Ġenerali għamlet raġunament inkoerenti f’dak li jikkonċerna n-natura reali, fil-fehma tagħha, tal-fażi finali tat-Tazza tad-dinja. |
25 |
Permezz tat-tieni parti ta’ dan l-istess aggravju, huwa sostnut li l-Qorti Ġenerali tidher li adottat pożizzjonijiet inkoerenti u kontradittorji billi ssostni, minn naħa, l-eżistenza ta’ natura unitarja tat-Tazza tad-dinja bħala avveniment u, min-naħa l-oħra, billi ssostni li elementi speċifiċi jistgħu juru li dan ma huwiex il-każ. |
26 |
It-tielet parti tal-imsemmi aggravju ssemmi l-punt 113 tas-sentenza appellata li jgħid li l-Istat Membru li jinnotifika ma għandux għalfejn jipprovdi raġunijiet speċifiċi sabiex jinkludi fil-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza kbira l-fażi finali kollha tat-Tazza tad-dinja. Billi ddeċidiet b’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali tipprekludi, b’mod partikolari, lill-Kummissjoni milli tagħmel verifika intensa u eżami fid-dettall tal-kompatibbiltà tal-miżuri nnotifikati mad-dritt tal-Unjoni. |
27 |
Fil-kuntest tar-raba’ parti tal-ewwel aggravju tagħha, il-FIFA targumenta li, kuntrarjament għal dak li jirriżulta mis-sentenza appellata, hija l-Kummissjoni li għandha tiġġustifika quddiem il-Qorti Ġenerali l-konklużjoni tagħha li l-logħob kollu tal-fażi finali tat-Tazza tad-dinja jikkostitwixxi avveniment uniku ta’ importanza kbira. Għalhekk, ma hija li l-FIFA u l-ebda parti interessata oħra li għandha turi, permezz ta’ provi speċifiċi, li dan ma huwiex il-każ. |
28 |
Permezz tal-ħames parti tal-ewwel aggravju, il-FIFA ssostni li, billi tat raġunijiet li ma jinsabux fid-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali marret lil hinn mil-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju li għandha teżerċita. |
29 |
Skont is-sitt parti tal-imsemmi aggravju, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta qieset li l-Kummissjoni kienet immotivat b’mod suffiċjenti l-inklużjoni tal-fażi finali kollha tat-Tazza tad-dinja fil-lista tar-Renju Unit tal-avvenimenti ta’ importanza kbira. |
30 |
Il-Kummissjoni, ir-Renju tal-Belġju u r-Renju Unit jikkontestaw il-fondatezza tal-ewwel aggravju invokat mill-FIFA insostenn tal-appell tagħha. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
31 |
Fid-dawl tal-importanza għar-raġunament tal-Qorti Ġenerali tal-konstatazzjonijiet magħmula fil-punt 113 tas-sentenza appellata, jaqbel li tiġi eżaminata l-ewwel it-tielet parti tal-ewwel aggravju tal-appell. |
– Fuq it-tielet parti tal-ewwel aggravju
32 |
Għandu jiġi rrelevat qabelxejn li l-Qorti Ġenerali stabbilixxiet, fil-punt 70 tas-sentenza appellata, li t-Tazza tad-dinja hija kompetizzjoni li tista’ raġonevolment titqies li hija avveniment uniku pjuttost milli bħala sensiela ta’ avvenimenti individwali mqassma f’logħob “ta’ importanza primarja” u f’logħob “mhux ta’ importanza primarja”. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 6 tas-sentenza appellata, hija interpretat il-kunċett ta’ “Tazza tad-dinja”, li tirreferi għalih il-premessa 18 tad-Direttiva 97/36, fis-sens li jinkludi biss il-fażi finali ta’ din il-kompetizzjoni. |
33 |
Għaldaqstant, la l-imsemmija premessa u la ebda element tad-Direttivi 85/552 jew 97/36 ma jinkludu indikazzjoni ta’ natura li jiġi stabbilit li l-kliem “Tazza tad-dinja” jinkludu biss il-fażi finali ta’ din il-kompetizzjoni. Għalhekk, dawn il-kliem għandhom bħala regola jkopru wkoll il-fażi inizjali ta’ dan il-kampjonat, jiġifieri l-logħob kollu tal-fażi eliminatorja. Issa, huwa paċifiku li l-logħob tal-fażi eliminatorja li jippreċedi l-fażi finali ma humiex tali, b’mod ġenerali, li joħolqu interess fil-pubbliku inġenerali ta’ Stat Membru paragunabbli ma’ dak li l-pubbliku inġenerali juri meta tkun qed tiżvolġi ruħha l-fażi finali. Fil-fatt, huma biss ċerti logħbiet speċifiċi tal-fażi eliminatorja, b’mod partikolari dawk li jinvolvu lit-tim nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat jew dawk tat-timijiet l-oħra tal-grupp ta’ kwalifika li fih ikun qed jilgħab dan it-tim, li jistgħu jqajmu tali interess. |
34 |
Barra minn hekk, ma jistax jiġi raġonevolment ikkontestat li l-importanza tal-logħbiet “ta’ importanza primarja” b’mod ġenerali tirriżulta li hija ogħla minn dik li b’mod ġenerali hija attribwita lil-logħob tal-fażi finali tat-Tazza tad-dinja li jippreċedihom, jiġifieri l-logħob ta’ selezzjoni fil-gruppi. Għalhekk ma jistax jiġi a priori sostnut li l-importanza mogħtija lil din l-aħħar kategorija ta’ logħob hija ekwivalenti għal dik tal-ewwel kategorija ta’ logħob u li, għalhekk, il-logħob kollu ta’ selezzjoni fil-gruppi huwa mingħajr distinzjoni reputat li jagħmel parti minn avveniment wieħed ta’ importanza kbira bħal-logħob “ta’ importanza primarja”. B’hekk, il-kwalifika ta’ kull logħba bħala avveniment ta’ importanza kbira tista’ tkun differenti minn Stat Membru għal ieħor. |
35 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni jindika li t-“Tazza tad-dinja”, fis-sens tal-premessa 18 tad-Direttiva 97/36, hija limitata biss għall-fażi finali u li dan jikkostitwixxi avveniment wieħed u indiviżibbli. Bil-kontra, it-Tazza tad-dinja għandha titqies li hija avveniment li huwa bħala prinċipju diviżibbli f’diversi logħbiet jew stadji, fejn mhux kollha jistgħu neċessarjament jiġu kkwalifikati bħala avveniment ta’ importanza kbira. |
36 |
Madankollu għandu jiġi speċifikat li tali interpretazzjoni żbaljata mill-Qorti Ġenerali tal-premessa 18 tad-Direttiva 97/36, u b’mod partikolari tal-kunċett tat-Tazza tad-dinja, ma kellhiex effett f’din il-kawża. |
37 |
Qabel kollox, fir-rigward tal-esklużjoni tal-logħob tal-fażi eliminatorja mid-definizzjoni tat-Tazza tad-dinja, jeħtieġ sempliċement li jitfakkar li l-ministru ma inkludiex dan il-logħob fil-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza kbira u li, għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata ma tikkonċernax tali logħob. |
38 |
Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali eżaminat fil-punti 120 sa 129 tas-sentenza appellata, abbażi tal-provi prodotti mill-FIFA u fir-rigward tal-perċezzjoni tal-pubbliku tar-Renju Unit, jekk il-logħob kollu tal-fażi finali tat-Tazza tad-dinja effettivament kienx iqajjem, fi ħdan dan il-pubbliku, biżżejjed interess sabiex ikun jista’ jagħmel parti minn avveniment ta’ importanza kbira. Issa, billi kkonkludiet li dan kien il-każ, il-Qorti Ġenerali kellha raġun tikkonstata li l-logħob kollu li jaqa’ taħt il-fażi finali tat-Tazza tad-dinja seta’ jitqies, fir-Renju Unit, li huwa avveniment wieħed ta’ importanza kbira. Fir-rigward tal-fatti, l-evalwazzjoni tagħha kienet għaldaqstant konformi ma’ dak li jirriżulta mill-punt 35 ta’ din is-sentenza. |
39 |
Fl-aħħar nett, mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punt 67 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-interpretazzjoni żbaljata tal-premessa 18 tad-Direttiva 97/36 ma kellhiex effett fuq il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 253 KE. |
40 |
B’hekk, skont ir-raġunament espost fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali waslet għall-konstatazzjoni, li tinsab fil-punt 113 tas-sentenza appellata, li ebda Stat Membru ma għandu l-obbligu jikkomunika lill-Kummissjoni r-raġunijiet speċifiċi li għalihom kienet intiża l-fażi finali tat-Tazza tad-dinja, kollha kemm hi, bħala avveniment wieħed ta’ importanza kbira fl-Istat Membru kkonċernat. |
41 |
Issa, ġaladarba l-fażi finali tat-Tazza tad-dinja ma tistax tiġi validament inkluża, kollha kemm hi, f’lista ta’ avvenimenti ta’ importanza kbira indipendentement mill-interess li jqajjem il-logħob fl-Istat Membru kkonċernat, din tal-aħħar ma hijiex eżentata mill-obbligu tagħha li tikkomunika lill-Kummissjoni r-raġunijiet li jippermettu li jiġi kkunsidrat li fil-kuntest speċifiku tas-soċjetà ta’ dan l-Istat, il-fażi finali tat-Tazza tad-dinja tikkostitwixxi avveniment wieħed li għandu jitqies kollu kemm hu li huwa ta’ importanza kbira għall-imsemmija soċjetà, pjuttost milli sekwenza ta’ avvenimenti individwali maqsuma fl-logħob ta’ diversi livelli ta’ interess. |
42 |
Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-punt 113 tas-sentenza appellata, billi ddeċidiet li l-Kummissjoni ma setgħetx tqis l-inklużjoni ta’ logħob tal-fażi finali tat-Tazza tad-dinja bħala kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni minħabba l-fatt li l-Istat Membru kkonċernat ma kkomunikalhiex ir-raġunijiet speċifiċi li jiġġustifikaw in-natura tagħhom ta’ avveniment ta’ importanza kbira għas-soċjetà ta’ dan l-Istat. |
43 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi eżaminat jekk, fir-rigward ta’ dan l-iżball, is-sentenza appellata għandhiex tiġi annullata. |
44 |
F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali ma huwiex tali li jinvalida s-sentenza appellata jekk id-dispożittiv tagħha jidher li huwa fondat minħabba motivi legali oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C-367/95 P, Ġabra p. I-1719, punt 47, kif ukoll tad-29 ta’ Marzu 2011, ThyssenKrupp Nirosta vs Il-Kummissjoni, C-352/09 P, Ġabra p. I-2359, punt 136). |
45 |
F’din il-kawża, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ teżerċita s-setgħa tagħha ta’ kontroll, il-motivazzjoni li wasslet lil Stat Membru jikkwalifika avveniment bħala ta’ importanza kbira tista’ tkun fil-qosor, bil-kundizzjoni li din il-motivazzjoni tkun relevanti. B’hekk, ma jistax jiġi rikjest, b’mod partikolari, li l-Istat Membru jindika, fin-notifika nnifisha tal-miżuri kkonċernati, informazzjoni fid-dettall u b’ċifri fir-rigward ta’ kull element jew parti mill-avveniment li kien suġġett għal notifika lill-Kummissjoni. |
46 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, jekk il-Kummissjoni jkollha dubji, abbażi tal-elementi għad-dispożizzjoni tagħha, fir-rigward tal-kwalifika ta’ avveniment bħala ta’ importanza kbira, hija għandha titlob kjarifiki mingħand l-Istat Membru li jkun għamel din l-għażla (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2012, Il-Kummissjoni vs L-Estonja, C-505/09 P, punt 67). |
47 |
F’dan il-każ, b’mod partikolari mill-komunikazzjoni tal-miżuri meħuda mibgħuta lill-Kummissjoni mill-ministru fil-5 ta’ Mejju 2000 u li huma annessi mad-deċiżjoni kkontestata, li dan tal-aħħar ikkwalifika l-fażi finali kollha tat-Tazza tad-Dinja bħala avveniment ta’ importanza kbira minħabba li dan il-logħob kollu, inkluż b’hekk il-logħob “mhux ta’ importanza primarja”, kellu reżonanza partikolari fil-livell nazzjonali u kien ukoll ta’ interess speċifiku għal persuni differenti minn dawk li normalment isegwu l-futbol, li l-udjenza televiżiva hija bla dubju sostanzjali u li dan il-logħob kollu kien tradizzjonalment imxandar f’xandira direttiva permezz ta’ servizzi mingħajr ħlas. |
48 |
Tali indikazzjonijiet, innotifikati mir-Renju Unit skont l-eżiġenzi tal-Artikolu 3a(2) tad-Direttiva 89/552, jippermettu lill-Kummissjoni tagħmel l-investigazzjoni tagħha u li titlob, fil-każ li hija kienet tqis li huwa neċessarju jew opportun, kjarifiki supplimentari lil dan l-Istat Membru jew il-produzzjoni ta’ provi minbarra dawk li jinsabu fin-notifika ta’ din tal-aħħar. |
49 |
Fit-tieni lok, xejn ma jindika li l-Kummissjoni ma għamlitx tali investigazzjoni, ta’ natura ristretta, u li hija ma eżaminatx, fir-rigward tal-motivi msemmija fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, jekk il-ministru ma wettqux żball manifest ta’ evalwazzjoni billi kkwalifika numru ta’ logħob li jagħmel parti mill-fażi finali tat-Tazza tad-dinja bħala avveniment ta’ importanza kbira. |
50 |
F’dan ir-rigward, qabel kollox mill-premessa 6 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni effettivament ivverifikat jekk il-logħob kollu li kien jagħmel parti mill-fażi finali tat-Tazza tad-dinja, għalhekk inkluż il-logħob “mhux ta’ importanza primarja”, kellux reżonanza partikolari fir-Renju Unit, jiġifieri jekk dan il-logħob kienx popolari ħafna għall-pubbliku inġenerali u mhux biss għat-telespettaturi li ġeneralment isegwu l-logħob tal-futbol fuq it-televiżjoni. Barra minn hekk, mill-premessa 18 ta’ din id-deċiżjoni jirriżulta li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li dan it-tornew kollu kemm hu, u għaldaqstant inkluż il-logħob “mhux ta’ importanza primarja”, dejjem kien jiġi trażmess mill-ġdid fuq stazzjonijiet televiżivi mingħajr ħlas u li kien ġibed lejh bosta telespettaturi. |
51 |
Sussegwentement, mill-proċess jirriżulta li, quddiem il-Qorti Ġenerali, il-partijiet ehmżu man-noti tagħhom diversi dokumenti b’ċifri li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuqhom sabiex tivverifika l-legalità tal-miżuri nnotifikati mir-Renju Unit, inkluż dawk li jirriżultaw minn dan l-Istat Membru. Dawn id-dokumenti b’mod partikolari indikaw ir-rata ta’ udjenza għal-logħob tal-fażijiet finali tat-Tazza tad-dinja tal-1994 u dik tal-1998, billi indikaw rati medji ta’ udjenza u billi semmew, bħala eżempju, rati ta’ udjenza ta’ diversi logħob “ta’ importanza primarja” u “mhux ta’ importanza primarja”. Barra minn hekk, l-imsemmija dokumenti jsemmu sondaġġ skont liema 76 % tar-residenti tar-Renju Unit jikkunsidraw li x-xandir tal-logħob kollu tal-fażi finali tat-Tazza tad-dinja kellu jsir fuq stazzjon mingħajr ħlas. |
52 |
Issa, il-FIFA ma kkontestatx li l-imsemmija dokumenti servew ta’ bażi għad-deċiżjoni kkontestata. |
53 |
Fl-aħħar nett, il-FIFA ma tistax effettivament issostni li n-natura allegatament difettuża tal-investigazzjoni magħmula mill-Kummissjoni tirriżulta mill-fatt li l-imsemmija dokumenti b’ċifri huma dwar perijodu preċedenti għas-sena 2000 u li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni d-data dwar il-perijodu 2000-2007, meta hija kellha tibbaża d-deċiżjoni kkontestata fuq l-elementi disponibbli fid-data tal-adozzjoni tagħha, jiġifieri s-16 ta’ Ottubru 2007. |
54 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrelevat li tali lment ma tqajjimx fl-ewwel istanza. Quddiem il-Qorti Ġenerali, il-FIFA fil-fatt illimitat ruħha sabiex tikkritika l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, billi sostniet li din ma kinitx tinkludi indikazzjoni dwar in-natura u d-data tad-data dwar ix-“ix-xena tal-midja fir-Renju Unit” li l-Kummissjoni kienet ħadet inkunsiderazzjoni. B’hekk, il-FIFA ma kkritikatx in-natura allegatament difettuża tal-investigazzjoni magħmula mill-Kummissjoni, peress li tali lment huwa relatat mal-fondatezza tal-kawża. Issa, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li kieku parti titħalla tqajjem għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja motiv li hija ma qajmitx quddiem il-Qorti Ġenerali jkun ifisser li din il-parti tkun qed titħalla tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja bi kwistjoni li tkun usa’ minn dik li fuqha ddeċidiet il-Qorti Ġenerali. Fil-kuntest ta’ appell, il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala regola, limitata għall-eżami tal-investigazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali tal-motivi li jkunu ġew diskussi quddiemha (ara s-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs Alliance One International et, C-628/10 P u C-14/11 P, punt 111 u l-ġurisprudenza ċċitata). Konsegwentement, għandu jiġi miċħud l-ilment imsemmi iktar ’il fuq peress li huwa inammissibbli. |
55 |
Fit-tielet lok, kien permess lill-FIFA li turi quddiem il-Qorti Ġenerali li l-Kummissjoni jmissha kkonkludiet li l-ministru kien wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni billi kkwalifika l-logħob kollu li kien jagħmel parti mill-fażi finali tat-Tazza tad-dinja bħala avveniment ta’ importanza kbira. |
56 |
Issa, għal dan il-għan, il-FIFA ssottomettiet quddiem il-Qorti Ġenerali d-data li tikkonċerna, b’mod partikolari, ir-rata tat-telespettaturi tal-fażijiet finali tat-Tazza tad-dinja tal-1994 sal-2006, filwaqt li sostniet li dawn l-elementi juru li l-logħob “mhux ta’ importanza primarja” ma kellux, fir-Renju Unit, reżonanza partikolari min-naħa tat-telespettaturi li ma jsegwux regolarment il-qasam tal-futbol. |
57 |
Il-Qorti Ġenerali eżaminat id-data fil-punti 122 sa 129 tas-sentenza appellata, iżda ma kkonfermatx l-evalwazzjoni proposta mill-FIFA. |
58 |
Hija kkonkludiet, fil-punti 130 u 134 tas-sentenza appellata, li l-FIFA ma kinitx uriet li l-konstatazzjonijiet li jinsabu fil-premessi 6 u 18 tad-deċiżjoni kkontestata u msemmija fil-punt 50 ta’ din is-sentenza huma vvizzjati bi żball u lanqas li, konsegwentement, il-Kummissjoni jmissha kkonkludiet li l-ministru kien wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni billi kkwalifika l-logħob kollu li kien jagħmel parti mill-fażi finali tat-Tazza tad-dinja bħala avveniment ta’ importanza kbira. |
59 |
Minn dak li jippreċedi jirriżulta li l-iżball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali ma jirriżultax li huwa tali li jinvalida s-sentenza appellata, peress li d-dispożittiv tagħha jidher li huwa fondat minħabba motivi legali oħra. Konsegwentement, it-tielet parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala ineffettiva. |
– Fuq il-partijiet l-oħra tal-ewwel aggravju
60 |
F’dak li jirrigwarda l-ewwel u t-tieni parti tal-ewwel aggravju, għandu jitfakkar li l-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali hijiex inkoerenti tikkostitwixxi, ċertament, kwistjoni ta’ liġi li tista’ tiġi invokata fil-kuntest ta’ appell, peress li l-motivazzjoni ta’ sentenza għandha turi b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament tal-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens, id-digriet tad-29 ta’ Novembru 2011, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, C-235/11 P, punti 29 u 30, kif ukoll is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs Planet, C-314/11 P, punti 63 u 64). |
61 |
Madankollu, dan l-obbligu ta’ koerenza tal-motivazzjoni ma jikkostitwixxix għan fih innifsu, iżda huwa intiż b’mod partikolari sabiex jippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tad-deċiżjoni meħuda (ara, f’dan is-sens, id-digriet Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30, u s-sentenza Il-Kummissjoni vs Planet, iċċitata iktar ’il fuq, punt 64). |
62 |
F’dan il-każ, għandu jiġi rrelevat li l-motivi kkritikati fil-kuntest tal-ewwel u tat-tieni partijiet huma intiżi sabiex isostnu, fis-sentenza appellata, il-konstatazzjonijiet stabbiliti fil-punti 70 u 113 ta’ din is-sentenza. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li kkonkludiet, fil-punti 32 sa 42 ta’ din is-sentenza li dawn il-konstatazzjonijiet kienu żbaljati, issostitwiet il-motivi b’mod li tiġġustifika d-deċiżjoni meħuda. |
63 |
Għalhekk, peress li l-imsemmija motivi kienu elementi aċċessorji ta’ konstatazzjonijiet ikkunsidrati bħala żbaljati mill-Qorti tal-Ġustizzja u peress li ġew sostitwiti minn din tal-aħħar, dawn ma għadhomx jikkostitwixxu l-bażi tad-deċiżjoni meħuda, b’mod li ma hemmx lok li tiġi eżaminata l-allegata inkoerenza tagħhom. |
64 |
Sabiex tingħata risposta għar-raba’ parti tal-ewwel aggravju, hemm lok li jitfakkar li d-deċiżjoni kkontestata u l-miżuri nazzjonali annessi magħha indikaw ir-raġunijiet għalfejn il-logħob kollu tal-fażi finali tat-Tazza tad-dinja ġew ikkwalifikati bħala avveniment ta’ importanza kbira. B’hekk, fid-dawl tal-preżunzjoni ta’ legalità marbuta mal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni (sentenza tal-20 ta’ Settembru 2007, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-177/06, Ġabra p. I-7689, punt 36), hija l-FIFA li għandha tikkontesta dawn il-motivazzjonijiet quddiem il-Qorti Ġenerali u turi li l-Kummissjoni kellha tikkonkludi li l-awtoritajiet tar-Renju Unit kienu wettqu żball manifest ta’ evalwazzjoni meta inkludew dan il-logħob kollu fil-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza kbira. Fil-fatt, il-FIFA pprovat tikkontesta, mingħajr suċċess, dawn il-motivazzjonijiet (ara l-punti 55 sa 58 ta’ din is-sentenza). |
65 |
Għaldaqstant, ir-raba’ parti tal-imsemmi aggravju ma tistax tintlaqa’. |
66 |
Fir-rigward tal-ħames parti tal-istess aggravju, għandu jiġi rrelevat li l-FIFA ma esponietx ir-raġunijiet preċiżi għalfejn hija kkunsidrat li l-Qorti Ġenerali marret lil hinn mill-istħarriġ ġuridiku li għandha l-obbligu li teżerċita. Barra minn hekk, hija ma indikatx il-punti preċiżi tas-sentenza appellata fejn jinsabu r-raġunijiet ikkritikati. Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, din il-parti għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli (ara s-sentenza tat-2 ta’ April 2009, France Télécom vs Il-Kummissjoni, C-202/07 P, Ġabra p. I-2369, punt 55, u d-digriet tat-2 ta’ Frar 2012, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, C-404/11 P, punt 15). |
67 |
Fir-rigward tas-sitt parti tal-ewwel aggravju, mill-kunsiderazzjonijiet ġenerali stabbiliti fil-punti 107 sa 111 tas-sentenza ta’ din il-ġurnata, UEFA vs Il-Kummissjoni (C-201/11 P) jirriżulta li r-raġuni tad-deċiżjoni kkontestata tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 253 KE. Fil-fatt, fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, huwa biżżejjed li l-premessi 6 u 18 ta’ din id-deċiżjoni jindikaw fil-qosor ir-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni qieset li l-logħob kollu tal-fażi finali tat-Tazza tad-dinja seta’ utilment jiġi inkluż fil-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza kbira għas-soċjetà tar-Renju Unit, peress li dawn ir-raġunijiet jippermettu lill-FIFA ssir taf il-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-Qorti Ġenerali li teżerċita l-istħarriġ tagħha fir-rigward tal-fondatezza ta’ din l-evalwazzjoni. |
68 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, hemm lok li l-ewwel aggravju jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat. |
Fuq it-tieni aggravju
L-argumenti tal-partijiet
69 |
It-tieni aggravju tal-appell jinkludi, essenzjalment, żewġ partijiet. Permezz tal-ewwel parti, il-FIFA ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta aċċettat il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li l-inklużjoni tal-logħob “mhux ta’ importanza primarja” fil-lista tal-avvenimenti ta’ importanza kbira tar-Renju Unit kienet saret skont proċedura ċara u trasparenti. B’mod partikolari, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali, il-fatt li ċerti uffiċjali jew ċerti korpi konsultattivi kienu, fil-kuntest tal-attribuzzjonijiet tagħhom, issuġġerew lill-ministru l-inklużjoni ta’ logħob “ta’ importanza primarja” biss fuq din il-lista rriżulta f’obbligu għall-Kummissjoni li tispjega għaliex dan ma kienx wettaq żball meta adotta pożizzjoni differenti. |
70 |
Skont it-tieni parti tal-imsemmi aggravju, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tiddeċiedi li l-Kummissjoni kellha d-dritt li tikkonkludi li din l-inklużjoni kienet saret skont proċedura ċara u trasparenti, meta r-Renju Unit iġġustifika, fin-notifika tiegħu lill-Kummissjoni tal-5 ta’ Mejju 2000, l-inklużjoni tal-logħob “mhux ta’ importanza primarja” fuq il-lista tal-avvenimenti ta’ importanza kbira, magħmula fil-25 ta’ Ġunju 1998, billi rrefera wkoll għal rati ta’ udjenza li kienu disponibbli biss mit-12 ta’ Lulju 1998. Skont il-FIFA, il-Kummissjoni kellha ċertament id-dritt li tieħu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi sussegwenti għad-data tal-tħejjija tal-imsemmija lista. Madankollu, hija ma setgħetx tikkunsidra li r-Renju Unit seta’ jibbaża ruħu fuq tali ċirkustanzi sabiex jiġġustifika l-għażla li kien għamel fil-25 ta’ Ġunju 1998. |
71 |
Il-Kummissjoni, ir-Renju tal-Belġju u r-Renju Unit jikkontestaw il-fondatezza tat-tieni aggravju. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
72 |
Fir-rigward tat-tieni parti tat-tieni aggravju, għandu jiġi rrelevat li l-obbligu ta’ ċarezza u ta’ trasparenza, impost mit-tielet sentenza tal-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 89/552, jittrasponi l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja intiża sabiex tevita li aġir tal-awtoritajiet nazzjonali jrendi mingħajr effett utli d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni relatati ma’ libertà fundamentali. Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, il-kwalifika ta’ avveniment bħala avveniment ta’ importanza kbira għandha ssir skont kriterji oġġettivi u magħrufa minn qabel, b’mod li jiġi inkwadrat l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali ta’ dawn l-awtoritajiet sabiex din ma tiġix użata b’mod arbitrarju (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2007, United Pan-Europe Communications Belgium et, C-250/06, Ġabra p. I-11135, punti 45 u 46). |
73 |
Għal dawn l-istess raġunijiet, il-proċedura nazzjonali għandha tiddetermina, minn qabel, l-awtorità responsabbli għall-imsemmija kwalifika u tiffissa l-kundizzjonijiet fejn il-persuni kkonċernati jew, skont il-każ, ċerti korpi konsultattivi jistgħu jissottomettulha osservazzjonijiet qabel ma din tieħu d-deċiżjoni tagħha. F’dan ir-rigward, fid-dawl tal-impatt ta’ tali deċiżjoni fuq id-drittijiet ta’ xandir relatati ma’ avveniment, huwa importanti b’mod partikolari li x-xandara kkonċernati u d-detenturi ta’ dawn id-drittijiet ikollhom il-possibbiltà li jippreżentaw osservazzjonijiet lil din l-awtorità. |
74 |
Min-naħa l-oħra, il-kundizzjoni ta’ ċarezza u ta’ trasparenza teżiġi li l-imsemmija persuni kkonċernati u korpi konsultattivi jkunu jistgħu jifformulaw osservazzjonijiet biss dwar l-elementi essenzjali li abbażi tagħhom l-imsemmija awtorità għandha tieħu d-deċiżjoni tagħha. Konsegwentement, xejn ma jipprekludi li Stat Membru jissottometti ulterjorment lill-Kummissjoni provi addizzjonali li jikkonfermaw din id-deċiżjoni u li jistgħu wkoll ikunu relatati ma’ perijodu sussegwenti għad-data ta’ adozzjoni tal-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza kbira. |
75 |
Issa, din kienet il-proċedura li ġiet segwita f’dan il-każ. |
76 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata. |
77 |
F’dak li jikkonċerna l-ewwel parti tal-imsemmi aggravju, mill-punt 14 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-awtorità nazzjonali responsabbli għall-kwalifika ta’ avveniment bħala wieħed ta’ importanza kbira tgawdi minn marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’. Minn dan isegwi li hija ma għandhiex issegwi l-pariri tal-korpi konsultattivi li ġew ikkonsultati minn din l-awtorità qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tagħha. Evidentement, hija lanqas ma hija obbligata li ssegwi l-opinjoni ta’ ċerti uffiċjali tal-amministrazzjoni nazzjonali. |
78 |
F’dak li jikkonċerna r-raġunijiet li għalihom tali pariri ma ġewx osservati mill-imsemmija awtorità, huwa minnu li, bħal ma huwa meħtieġ mill-awturi tal-atti tal-Unjoni (ara s-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C-413/06 P, Ġabra p. I-4951, punt 166), din l-awtorità għandha tindika r-raġunijiet għalfejn tali avveniment ġie kkwalifikat bħala wieħed ta’ importanza kbira, b’mod li jippermetti, minn naħa, lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda sabiex isostnu d-drittijiet tagħhom u, min-naħa l-oħra, lill-Kummissjoni u lill-qrati kompetenti li jeżerċitaw l-istħarriġ tagħhom. |
79 |
Madankollu, kuntrarjament għal dak li ssostni l-FIFA, sabiex jiġi sodisfatt tali għan, ma huwiex neċessarju li l-imsemmija awtorità turi r-raġunijiet speċifiċi għalfejn ma segwietx il-pariri mogħtija minn ċerti korpi konsultattivi jew uffiċjali, peress li ma hijiex lanqas obbligata li ssegwi tali opinjonijiet. F’dan ir-rigward, huwa irrelevanti li joriġinaw minn diversi korpi konsultattivi jew uffiċjali li għandhom l-istess approċċ. |
80 |
F’dawn il-kundizzjonijiet, l-ewwel parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda u, għaldaqstant, l-aggravju kollu għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
Fuq it-tielet aggravju
L-argumenti tal-partijiet
81 |
It-tielet aggravju fih essenzjalment, erba’ partijiet. Permezz tal-ewwel parti, il-FIFA ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball minħabba li ma indikatx jekk il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata kellhiex tiġi evalwata b’riferiment għall-fatti u għaċ-ċirkustanzi eżistenti fid-data tas-16 ta’ Ottubru 2007, li hija dik tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, jew fid-data tat-28 ta’ Lulju 2000, jiġifieri dik tal-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam, li ġiet annullata permezz tas-sentenza Infront WM vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, li ġiet sostitwita seba’ snin wara permezz tad-deċiżjoni kkontestata. |
82 |
Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kellha tqis li t-termini “id-data disponibbli dwar ix-xena tal-midja fir-Renju Unit”, imsemmija fil-premessa 3 tad-deċiżjoni kkontestata, ma jissodisfawx l-eżiġenza ta’ motivazzjoni adegwata u suffiċjenti peress li ma jippermettu li tiġi identifikata la n-natura u lanqas id-data tal-informazzjoni li l-Kummissjoni ssostni li ħadet inkunsiderazzjoni meta adottat din id-deċiżjoni. |
83 |
Skont it-tieni parti tal-imsemmi aggravju, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fil-punti 70 u 117 tas-sentenza appellata, fuq raġunijiet li ma jidhru mkien fid-deċiżjoni kkontestata meta ddeċidiet li l-logħob kollu tal-fażi finali tat-Tazza tad-dinja jista’ jitqies li huwa avveniment uniku u li l-Kummissjoni ma kellhiex tipprovdi raġunijiet oħra sabiex tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha li tapprova l-inklużjoni ta’ dan it-turnew fuq il-lista tar-Renju Unit tal-avvenimenti ta’ importanza kbira. |
84 |
Permezz tat-tielet parti tal-istess aggravju, il-FIFA takkuża lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi billi rrifjutat li tagħti kwalunkwe importanza għall-prattika tal-Istati Membri l-oħra li ma inkludewx il-logħob “mhux ta’ importanza primarja” fil-lista tal-avvenimenti ta’ importanza kbira. |
85 |
Ir-raba’ parti tat-tieni aggravju hija dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-kriterji li abbażi tagħhom ġiet ikkonstatata l-importanza kbira tal-logħob kollu li jagħmel parti mill-fażi finali tat-Tazza tad-dinja. Il-FIFA tikkunsidra, minn naħa, li l-Qorti Ġenerali approvat b’mod żbaljat il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li, fir-Renju Unit, dan il-logħob kollu kien jissodisfa l-kriterju dwar ir-“reżonanza partikolari” u qieset, ukoll b’mod żbaljat, li l-Kummissjoni kienet immotivament, suffiċjentement u ġustament din il-konstatazzjoni. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali xebbhet il-kriterju tar-“reżonanza partikolari” ta’ avveniment ma’ dak tal-popolarità tiegħu. Issa, il-“popolarità” ta’ avveniment ma hijiex kriterju relevanti u ma huwiex suffiċjenti sabiex jikkunsidra li jikkostitwixxi “avveniment straordinarju” skont il-premessa 21 tad-Direttiva 97/36. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 253 KE meta qieset li l-Kummissjoni kienet immotivat suffiċjentement u ġustament il-konstatazzjoni relattiva għall-kriterju tar-“reżonanza partikolari”. |
86 |
Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali wettqet xi żbalji meta approvat il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni skont liema l-logħob kollu tal-fażi finali tat-Tazza tad-dinja jissodisfa l-eżiġenzi tal-kriterju msemmi fil-premessa 18 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar ix-xandir tradizzjonali ta’ dan il-logħob kollu fil-passat u dwar in-numru kbir ta’ telespettaturi attratti mil-logħob “mhux ta’ importanza primarja”. Skont il-FIFA, il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali huma infondati u kontradetti mill-fatti. Barra minn hekk, din tal-aħħar qieset b’mod żbaljat li l-Kummissjoni kienet immotivat suffiċjentement u ġustament il-konklużjoni tagħha li l-imsemmija eżiġenzi kienu ġew osservati. |
87 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali b’mod partikolari ppreżentat rati ta’ udjenza ta’ kampjun mhux rappreżentattiv ta’ dan il-logħob u eskludiet il-logħob li rreġistraw rati ta’ udjenza iżgħar. Barra minn hekk, hija kellha tikkonstata li r-rati medji ta’ udjenzi għal-logħob “mhux ta’ importanza primarja” fir-Renju Unit ma jirrappreżentawx “udjenzi kbar ħafna” u lanqas a fortiori“numru eċċezzjonalment kbir ta’ telespettaturi”. Bl-istess mod, wettqet żbalji f’dak li jikkonċerna l-ispjegazzjoni tar-rati ta’ udjenza baxxi ta’ ċerti logħob “mhux ta’ importanza primarja”. |
88 |
Skont il-Kummissjoni, it-tielet aggravju huwa parzjalment inammissibbli u parzjalment ineffettiv. Barra minn hekk, dan l-aggravju huwa infondat fl-intier tiegħu, u din il-konklużjoni jaqblu magħha wkoll ir-Renju tal-Belġju u r-Renju Unit. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
89 |
F’dak li jirrigwarda l-ewwel parti tat-tielet aggravju, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma għandhiex tipprovdi preżentazzjoni li ssegwi, b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed, ir-raġunijiet kollha artikolati mill-partijiet fil-kawża. Konsegwentement, il-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali tista’ pjuttost tkun saħansitra impliċita dejjem jekk tippermetti li partijiet kkonċernati jkunu jafu r-raġunijiet għalfejn hija ma laqgħetx l-argumenti tagħhom u li Qorti tal-Ġustizzja jkollha biżżejjed elementi sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex tirrispondi għall-argumenti invokati minn parti li ma humiex biżżejjed ċari u preċiżi, peress li ma humiex is-suġġett ta’ żvilupp partikolari ieħor u ma humiex akkumpanjati minn argument speċifiku li jissostanzjahom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-120/06 P u C-121/06 P, Ġabra p. I-6513, punti 91 u 96, kif ukoll tal-5 ta’ Lulju 2011, Edwin vs UASI, C-263/09 P, Ġabra p. I-5853, punt 64). |
90 |
F’dan il-każ, il-FIFA ma invokatx quddiem il-Qorti Ġenerali, b’mod biżżejjed ċar u preċiż, motiv awtonomu bbażat fuq l-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata minħabba li jew il-Kummissjoni kienet adottat din id-deċiżjoni b’riferiment għall-fatti eżistenti fl-2000, meta kellha tibbaża ruħha fuq dawk eżistenti fl-2007, jew il-Kummissjoni kienet adottat l-imsemmija deċiżjoni b’riferiment għall-fatti eżistenti fl-2007, meta kellha tibbaża ruħha fuq dawk eżistenti fl-2000. Kif ġie kkonstatat fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, il-FIFA fil-fatt semmiet dan l-aspett fil-kuntest ta’ motiv dwar il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata billi sostniet li din ma kinitx tinkludi indikazzjoni dwar in-natura u d-data tad-data dwar ix-xena tal-midja fir-Renju Unit li l-Kummissjoni allegatament ħadet inkunsiderazzjoni. |
91 |
F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Qorti Ġenerali ma kellhiex neċessarjament tippreċiża, fis-sentenza appellata, jekk il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata kellhiex tiġi evalwata b’riferiment għall-fatti eżistenti fl-2000 jew fl-2007. |
92 |
Sussegwentement, fir-rigward tal-motiv invokat quddiem il-Qorti Ġenerali u bbażat fuq l-indikazzjoni tat-tip u tad-dati tad-data meħuda inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata, mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punt 67 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-Kummissjoni ma kellhiex tippreċiża, f’din id-deċiżjoni, it-tip u d-dati ta’ din id-data. |
93 |
F’dawn il-kundizzjonijiet, ma għadx hemm lok li jiġi eżaminat — kif ġie deċiż fil-punti 60 sa 63 ta’ din is-sentenza — jekk il-Qorti Ġenerali rrispondietx suffiċjentement għall-argument tal-FIFA dwar l-indikazzjoni tat-tip u tad-dati tal-imsemmija data. |
94 |
Għaldaqstant, l-ewwel parti tat-tielet aggravju ma tistax tintlaqa’. |
95 |
Fir-rigward tat-tieni parti tal-imsemmi aggravju, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità msemmi fl-Artikolu 263 TFUE, il-Qorti Ġenerali ma tistax tissostitwixxi l-motivazzjoni tagħha stess ma’ dik tal-awtur tal-att ikkontestat u ma tistax timla, permezz tal-motivazzjoni tagħha stess, lakuna fil-motivazzjoni ta’ dan l-att, b’tali mod li l-eżami tagħha ma tkun torbot ma’ ebda evalwazzjoni li tinsab f’din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Jannar 2013, Frucona Košice vs Il-Kummissjoni, C-73/11 P, punti 87 sa 90 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
96 |
Madankollu, f’dan il-każ, il-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punt 70 tas-sentenza appellata ma jimliex lakuna fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, iżda huma intiżi sabiex jiddeterminaw il-livell meħtieġ ta’ din il-motivazzjoni fid-dawl tal-eżiġenzi tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni applikabbli fil-qasam. Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punt 117 tal-imsemmija sentenza, dawn huma relatati mal-evalwazzjoni li tinsab fil-premessa 6 tal-istess deċiżjoni. B’hekk, il-Qorti Ġenerali ma ssostitwietx bil-motivazzjoni tagħha dik tal-awtur tal-att ikkontestat, iżda llimitat ruħha sabiex twettaq l-istħarriġ tiegħu skont il-missjoni tagħha. |
97 |
Għalhekk, it-tieni parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata. |
98 |
F’dak li jikkonċerna t-tielet parti tal-istess aggravju, għandu jiġi rrelevat li, quddiem il-Qorti Ġenerali, il-FIFA ma qajmitx motiv ibbażat fuq il-fatt li, sabiex jiġi evalwat jekk il-logħob “mhux ta’ importanza primarja” humiex ta’ importanza kbira għas-soċjetà tar-Renju Unit, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-prassi tal-Istati Membri l-oħra. Fir-rikors promotorju, il-FIFA fil-fatt sempliċement semmiet din il-prattika mingħajr ma sostniet li d-deċiżjoni kkontestata kienet illegali minħabba li l-awtoritajiet Belġjani u l-Kummissjoni ma taw l-ebda importanza lil tali prassi. |
99 |
Skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, din it-tielet parti għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli. |
100 |
Fil-kuntest tar-raba’ parti tal-imsemmi aggravju, il-FIFA qabelxejn invokat sensiela ta’ argumenti li permezz tagħhom tfittex li turi li l-parametri relatati mal-logħob “mhux ta’ importanza primarja” ma jissodisfawx il-kriterji stabbiliti fil-premessi 6 u 18 tad-deċiżjoni kkontestata u stabbiliti mill-ministru għall-finijiet tal-kwalifika tal-avvenimenti ta’ importanza kbira. |
101 |
Issa, permezz tal-argumenti tagħha, il-FIFA tfittex fil-verità li tikseb li l-Qorti tal-Ġustizzja tissostitwixxi bl-evalwazzjoni tagħha tal-fatti dik magħmula mill-Qorti Ġenerali, mingħajr ma turi żnaturament tal-fatti u tal-provi suġġetti lill-Qorti Ġenerali. Skont ġurisprudenza stabbilita, dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli (ara s-sentenzi tat-18 ta’ Mejju 2006, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, C-397/03 P, Ġabra p. I-4429, punt 85, kif ukoll ThyssenKrupp Nirosta vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 180). |
102 |
Sussegwentement, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq l-allegat tqabbil tal-kriterju tar-“reżonanza partikolari” ta’ avveniment ma’ dak tal-popolarità tiegħu, għandu jiġi rrelevat li l-FIFA ma invokatx tali motiv quddiem il-Qorti Ġenerali. Skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli. |
103 |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-ilmenti dwar l-insuffiċjenza tal-motivazzjoni formali tad-deċiżjoni kkontestata, dawn jikkoinċidu fil-verità mas-sitt parti tal-ewwel aggravju u għalhekk għandhom jiġu miċħuda għar-raġunijiet spjegati fil-punt 67 ta’ din is-sentenza. |
104 |
Fid-dawl ta’ dak kollu li jippreċedi, it-tielet aggravju tal-appell għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat. |
Fuq ir-raba’ aggravju
L-argumenti tal-partijiet
105 |
Ir-raba’ aggravju huwa magħmul, essenzjalment, minn tmien partijiet. Permezz tal-ewwel parti, il-FIFA ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball, fil-punti 161 u 162 tas-sentenza appellata, billi kkunsidrat, abbażi tal-motivi li hija stess ressqet, li d-deċiżjoni kkontestata stabbilixxiet li r-restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u għad-dritt ta’ stabbiliment li jirriżultaw mill-miżuri nnotifikati kienu proporzjonati. Issa, skont il-FIFA, hija l-Kummissjoni u mhux il-Qorti Ġenerali li għandha teżamina tali restrizzjonijiet. Għalhekk, din tal-aħħar ma setgħetx tiddeċiedi li, peress li l-fażi finali tat-Tazza tad-dinja għandha “natura unitarja”, il-Kummissjoni, li ma bbażatx ruħha fuq tali allegata natura ta’ dan it-turnew, hija meħlusa mill-obbligu li turi li r-restrizzjonijiet ikkawżati mid-deċiżjoni kkontestata kienu neċessarji, xierqa u proporzjonati. |
106 |
Skont it-tieni parti tal-istess aggravju, il-Qorti Ġenerali wettqet żball billi kkonkludiet, fil-punti 51, 52 u 158 tas-sentenza appellata, li l-għan li jiġi żgurat aċċess wiesa’ tal-pubbliku għax-xandir televiżiv ta’ avvenimenti ta’ importanza kbira u d-dritt għall-informazzjoni jiġġustifikaw ir-restrizzjonijiet ikkawżati mid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, aċċess wiesa’ tal-pubbliku ma jfissirx aċċess illimitat ta’ dan tal-aħħar. Għalhekk, id-dritt għall-informazzjoni ma jimplikax id-dritt li wieħed jara fuq l-istazzjonijiet tat-televiżjoni mingħajr ħlas il-logħob kollu tal-fażi finali tat-Tazza tad-dinja u ma jiġġustifikax il-projbizzjoni tax-xandir ta’ waħda minn dawn il-logħob b’esklużività permezz ta’ xandar differenti minn dak li jħaddem stazzjonijiet tat-televiżjoni mingħajr ħlas. |
107 |
Permezz tat-tielet parti tal-imsemmi aggravju, il-FIFA tikkunsidra li l-Qorti Ġenerali kellha tikkonstata li l-Kummissjoni kellha l-obbligu li teżamina l-kwistjoni jekk miżuri inqas restrittivi minn dawk approvati mid-deċiżjoni kkontestata kinux jippermettu li jiġi ggarantit it-twettiq tal-għan intiż mill-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552. |
108 |
Permezz tar-raba’ parti tat-tielet aggravju, il-FIFA ssostni li l-Kummissjoni ma setgħetx tagħmel verifika limitata tal-kompatibbiltà tal-miżuri nnotifikati mad-dritt tal-Unjoni. Il-Qorti Ġenerali kellha tiddeċiedi li hija kellha tagħmel verifika intensa u eżami fil-fond. |
109 |
Skont il-ħames parti tal-istess aggravju, il-Qorti Ġenerali kkonstatat b’mod żbaljat li l-Kummissjoni kienet immotivament b’mod suffiċjenti l-konklużjoni tagħha dwar il-proporzjonalità tar-restrizzjonijiet għal-libertà li jiġi pprovduti servizzi. |
110 |
Permezz tas-sitt parti tal-imsemmi aggravju, il-FIFA ssostni li l-Qorti Ġenerali kellha tikkunsidra li l-Kummissjoni kellha l-obbligu li teżamina l-kwistjoni dwar jekk il-miżuri inqas minatorji għad-dritt għall-proprjetà minn dawk approvati fid-deċiżjoni kkontestata kinux jippermettu li jiġi ggarantit it-twettiq tal-għan intiż mill-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552. Fil-fatt, meta żewġ drittijiet fundamentali huma kkonċernati, ir-restrizzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ wieħed jew iktar minn dawn id-drittijiet għandu jiġi suġġett għall-ibbilanċjar tad-drittijiet inkwistjoni, ħaġa li l-Kummissjoni ma għamlitx fid-deċiżjoni tagħha u li lanqas ma ġiet ikkunsidrata mill-Qorti Ġenerali fid-deċiżjoni kkontestata. |
111 |
Permezz tas-seba’ parti tal-imsemmi aggravju, il-FIFA ssostni li huwa billi bbażat ruħha fuq motivazzjoni insuffiċjenti li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-ostakli għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, għal-libertà ta’ stabbiliment u għad-dritt għall-proprjetà kienu ġġustifikati. |
112 |
Permezz tat-tmien parti tal-istess aggravju, il-FIFA takkuża lill-Qorti Ġenerali li wettqet żbalji ta’ liġi meta analizzat ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni. |
113 |
Minn naħa, il-Qorti Ġenerali wettqet żball, fil-punt 173 tas-sentenza appellata, meta qieset li, peress li l-effetti li jipproduċu l-miżuri nnotifikati mir-Renju Unit huma konsegwenza inevitabbli tar-restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, li ġew ikkunsidrati bħala ġustifikati mill-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni ma kellhiex tagħmel analiżi iktar fil-fond minn dik dwar il-konsegwenzi tagħha u din tal-aħħar għalhekk ma wettqitx żball meta kkonkludiet li l-imsemmija miżuri kienu kompatibbli mad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, u dan meta l-ebda determinazzjoni tas-suq relevanti ma kienet saret. Skont il-FIFA, il-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tal-kompetizzjoni, peress li l-evalwazzjoni tar-restrizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u għar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni taqa’ taħt żewġ tranżazzjonijiet differenti. |
114 |
Min-naħa l-oħra, il-FIFA tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli kkonstatat li l-miżuri nnotifikati mir-Renju Unit ma kinux taw lill-BBC u lill-ITV drittijiet speċjali fis-sens tal-Artikolu 86(1) TFUE. Din il-konstatazzjoni hija bbażata fuq kunsiderazzjonijiet purament formali u teoretiċi. Iċ-ċirkustanzi fattwali u r-realtà ekonomika kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali, li kellha tikkonkludi li, peress li l-imsemmija miżuri, kif approvati fid-deċiżjoni kkontestata, kienu jimplikaw li, fil-verità, il-BBC u l-ITV kienu jibbenefikaw minn sitwazzjoni privileġġata meta mqabbla mal-kompetituri tagħhom, bilfors li kienu ngħataw drittijiet speċjali lil dawn iż-żewġ impriżi. |
115 |
Skont il-Kummissjoni, ir-Renju tal-Belġju u r-Renju Unit, ir-raba’ motiv huwa infondat. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
116 |
L-ewwel parti tat-tielet aggravju hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tal-punti 161 u 162 tas-sentenza appellata. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx li d-deċiżjoni kkontestata kienet stabbilixxiet il-proporzjonalità tar-restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u għad-dritt ta’ stabbiliment li jirriżultaw mill-miżuri notifikati mir-Renju Unit. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motiv tal-FIFA peress li huwa bbażat fuq premessa żbaljata, peress li kien ibbażat fuq il-fatt li sabiex tkun proporzjonata, il-lista tal-avvenimenti ta’ importanza kbira kellha tkun limitata għall-inklużjoni tal-logħob “ta’ importanza primarja”, minħabba li dawn tal-aħħar huma l-uniċi li huma ta’ importanza kbira għas-soċjetà tar-Renju Unit. Issa, il-Qorti Ġenerali kellha raġun tiddeċiedi kif għamlet peress li kienet ikkonkludiet, fil-punti 116 sa 134 tas-sentenza appellata, li l-logħob kollu tal-fażi finali tat-Tazza tad-dinja seta’ jitqies li għandu importanza kbira għas-soċjetà tar-Renju Unit. |
117 |
Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-imsemmi aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata. |
118 |
Fir-rigward tat-tieni parti tal-imsemmi aggravju, għandu jiġi rrelevat li, fil-punti 51 sa 52 u 158 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma kkonkludietx li l-għan li jiġi żgurat aċċess wiesa’ tal-pubbliku għax-xandir fuq it-televiżjoni ta’ avvenimenti ta’ importanza kbira u d-dritt għall-informazzjoni kien jiġġustifika r-restrizzjonijiet speċifiċi li ġġib magħha d-deċiżjoni kkontestata. Hija ddeċidiet dwar din il-kwistjoni f’kuntest ġenerali, billi kkonstatat li, peress li dawn jikkonċernaw avvenimenti ta’ importanza kbira, il-miżuri msemmija fl-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 89/552 jistgħu jiġu ġġustifikati mill-imsemmi għan u mid-dritt għall-informazzjoni, bil-kundizzjoni li jkunu tali li jiggarantixxu t-twettiq tagħhom u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu. Issa, fir-rigward tal-prinċipji msemmija fil-punti 11 u 13 ta’ din is-sentenza, din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kkritikata. |
119 |
Barra minn hekk, mill-kunsiderazzjonijiet invokati fil-punti 12, 22 u 23 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-FIFA, il-Qorti Ġenerali ma kellhiex tirrikonċilja l-imsemmija għanijiet mal-eżiġenzi relatati mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-libertà ta’ stabbiliment. |
120 |
F’dawn il-kundizzjonijiet, it-tieni parti tar-raba’ aggravju ma tistax tintlaqa’. |
121 |
F’dak li jikkonċerna t-tielet parti tal-istess aggravju, mill-premessa 19 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni eżaminat jekk il-miżuri nnotifikati mir-Renju Unit kinux proporzjonati. Issa, tali eżami tal-proporzjonalità jimplika neċessarjament il-verifika tal-punt jekk l-għanijiet ta’ interess ġenerali setgħux jintlaħqu permezz ta’ miżuri inqas restrittivi għal-libertajiet ta’ moviment. F’dawn il-kundizzjonijiet, il-FIFA ma tistax issostni li l-Kummissjoni naqset kompletament milli tivverifika l-eżistenza ta’ possibbiltà li tirrikorri għal tali miżuri. F’dan ir-rigward, huwa irrelevanti l-fatt li din il-premessa sempliċement issemmi l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, peress li l-verifika tal-proporzjonalità ma hijiex essenzjalment differenti f’dak li jikkonċerna r-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment ikkawżati mill-miżuri notifikati u li dawn tal-aħħar jaffettwaw din il-libertà biss eċċezzjonalment. |
122 |
Konsegwentement, it-tielet parti tal-imsemmi aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata. |
123 |
Fir-rigward tar-raba’ parti tal-istess motiv, mill-punti 20 u 23 ta’ din is-sentenza jirriżulta li hija l-Kummissjoni li għandha tagħmel stħarriġ ristrett meta tapprova l-miżuri nazzjonali li jikkwalifikaw l-avvenimenti ta’ importanza kbira. Minn dan isegwi li l-FIFA kellha żball meta kkunsidrat li l-Qorti Ġenerali kellha tiddeċiedi li l-Kummissjoni kellha tagħmel verifika “intensa” u tagħmel “eżami fil-fond” tal-kompatibbiltà tal-miżuri notifikati mad-dritt tal-Unjoni. |
124 |
Għalhekk, ir-raba’ parti tar-raba’ aggravju ma tistax tintlaqa’. |
125 |
Fir-rigward tal-ħames parti tal-imsemmi aggravju, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali stabbiliti fil-punti 107 sa 111 tas-sentenza UEFA vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma hijiex suffiċjenti, b’mod li din il-parti għandha tiġi miċħuda bħala infondata. |
126 |
F’dak li jikkonċerna s-sitt parti tar-raba’ aggravju, minn kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti 12, 22 u 23 ta’ din is-sentenza jirriżulta, minn naħa, li l-imminar tad-dritt għall-proprjetà tal-FIFA jirriżulta diġà mill-Artikolu 3a tad-Direttiva 85/552 u li dan l-imminar jista’, bħala regola, jkun iġġustifikat mill-għan intiż li jipproteġi d-dritt għall-informazzjoni u li jiġi żgurat aċċess tal-pubbliku għax-xandir fuq it-televiżjoni ta’ avvenimenti ta’ importanza kbira. Min-naħa l-oħra, peress li l-logħob kollu tal-fażi finali tat-Tazza tad-dinja ġie utilment ikkwalifikat mill-awtoritajiet Belġjani bħala avveniment ta’ importanza kbira, il-Kummissjoni kellha teżamina biss l-effetti ta’ din il-kwalifika fuq id-dritt għall-proprjetà tal-FIFA li jmorru lil hinn minn dawk intrinsikament marbuta mal-inklużjoni ta’ dan l-avveniment fuq il-lista tal-avvenimenti ikkwalifikati minn dawn l-awtoritajiet. |
127 |
Issa, f’dan il-każ, il-FIFA ma pproduċiet l-ebda prova quddiem il-Qorti Ġenerali li setgħet tippermettilha tikkonstata li l-effetti fuq id-dritt għall-proprjetà ta’ din tal-aħħar tal-kwalifika tal-logħob kollu tal-fażi finali tat-Tazza tad-dinja bħala avveniment ta’ importanza kbira għas-soċjetà tar-Renju Unit kellha tali natura eċċessiva. |
128 |
F’dawn il-kundizzjonijiet, is-sitt parti tal-imsemmi aggravju għandha tkun miċħuda bħala infondata. |
129 |
Fir-rigward tas-seba’ parti tal-istess aggravju, huwa biżżejjed li jiġi rrelevat li, fil-punt 140 sa 146 u 156 sa 163 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali pprovdiet motivazzjoni suffiċjenti li tippermetti lill-FIFA tkun taf ir-raġunijiet għalfejn ma laqgħetx l-argumenti tagħha u lill-Qorti tal-Ġustizzja li jkollha elementi biżżejjed sabiex teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha. |
130 |
Konsegwentement, l-imsemmija parti ma tistax tintlaqa’. |
131 |
F’dak li jikkonċerna l-ewwel argument tat-tmien parti tar-raba’ aggravju, mill-kunsiderazzjonijiet stabbiliti fil-punti 22 u 23 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, jekk avveniment huwa utilment ikkwalifikat bħala avveniment ta’ importanza kbira, il-Kummissjoni għandha teżamina biss l-effetti ta’ din il-kwalifika fuq il-kompetizzjoni libera li jmorru lil hinn mill-effetti intrinsikament marbuta mal-inklużjoni tal-avveniment ikkonċernat fil-lista tal-avvenimenti kkwalifikati. Issa, f’dan il-każ, il-FIFA ma ssottomettiet lill-Qorti Ġenerali l-ebda prova li setgħet tippermettilha tikkonstata li l-effetti fuq il-kompetizzjoni libera tal-kwalifika tal-logħob kollu tal-fażi finali tat-Tazza tad-dinja bħala avveniment ta’ importanza kbira kienu ta’ natura eċċessiva. |
132 |
Fir-rigward tat-tieni argument tat-tieni parti tal-istess aggravju, huwa paċifiku li l-formulazzjoni tal-Artikoli 98 u 101 tal-Liġi tal-1996 dwar ix-xandir, kif emendata bir-Regolament tal-2000 dwar ix-xandir televiżiv, ma tagħmel l-ebda distinzjoni bejn id-diversi kategoriji ta’ xandara u, b’mod partikolari, ma tagħtix lix-xandara li jużaw kanali mingħajr ħlas protezzjoni li hija rrifjutata lil dawk li jużaw kanali bi ħlas, peress li dawn ix-xandara kollha kienu b’mod partikolari ħielsa li jakkwistaw id-drittijiet għax-xandir mhux esklużiv ta’ avvenimenti ta’ importanza kbira u li jxandruhom b’mod mhux esklużiv. |
133 |
Ċertament, ma jistax jiġi eskluż li, fil-prattika, huma biss ċerti xandara li jużaw kanali mingħajr ħlas, bħall-BBC u ITV, li jxandru finalment, wara li tingħata l-awtorizzazzjoni tal-Uffiċċju tal-Komunikazzjonijiet, il-logħob kollu tal-fażi finali tat-Tazza tad-dinja fir-Renju Unit, peress li x-xandara li jużaw kanali bi ħlas jinteressaw ruħhom fix-xandir li jibbenefika minn esklużività, u b’hekk, ma jissottomettux offerta sabiex jixtru d-drittijiet relatati. |
134 |
Madankollu, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali essenzjalment fil-punt 180 tas-sentenza appellata, tali effett huwa r-riżultat tal-istrateġija kummerċjali tax-xandara li jużaw kanali bi ħlas li għażlu mudell ta’ impriża li jaċċentwa l-esklużività, b’mod li huma inqas lesti li jaċċettaw xandira mhux esklużiva tal-avvenimenti ta’ importanza kbira mix-xandara li jużaw kanali mingħajr ħlas. Dan l-effett jirriżulta b’hekk prinċipalment mill-għażla kummerċjali libera ta’ din l-ewwel kategorija ta’ xandara u għalhekk ma jistax jiġi imputat fuq il-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit. |
135 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tmien parti tar-raba’ motiv għandha tiġi miċħuda. |
136 |
Fid-dawl ta’ dak li jippreċedi, hemm lok li dan l-aggravju jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat. |
137 |
Peress li l-ebda wieħed mill-erba’ aggravji invokati mill-FIFA insostenn tal-appell tagħha, ma jista’ jintlaqa’, hemm lok li l-appell jinċaħad fl-intier tiegħu. |
Fuq l-ispejjeż
138 |
Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ma huwiex fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess Regoli tal-Proċedura, applikabbli fl-appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dan, kull parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li FIFA tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.