This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62011CC0457
Opinion of Advocate General Sharpston delivered on 24 January 2013. # Verwertungsgesellschaft Wort (VG Wort) v Kyocera and Others (C-457/11) and Canon Deutschland GmbH (C-458/11), and Fujitsu Technology Solutions GmbH (C-459/11) and Hewlett-Packard GmbH (C-460/11) v Verwertungsgesellschaft Wort (VG Wort). # Reference for a preliminary ruling: Bundesgerichtshof - Germany. # Intellectual and industrial property - Copyright and related rights in the information society - Directive 2001/29/EC - Reproduction right - Fair compensation - Concept of ‘reproductions on paper or any similar medium, effected by the use of any kind of photographic technique or by some other process having similar effects’ - Consequences of the non-application of technological measures which are available to prevent or restrict unauthorised acts - Consequences of an express or implied authorisation to reproduce. # Joined cases C-457/11 to C-460/11.
Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Sharpston - 24 ta' Jannar 2013.
Verwertungsgesellschaft Wort (VG Wort) vs Kyocera u (C-457/11) u Canon Deutschland GmbH (C-458/11), u Fujitsu Technology Solutions GmbH (C-459/11) et Hewlett-Packard GmbH (C-460/11) vs Verwertungsgesellschaft Wort (VG Wort).
Talbiet għal deċiżjoni preliminari: Bundesgerichtshof - il-Ġermanja.
Proprjetà intellettwali u industrijali - Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni - Direttiva 2001/29/KE - Dritt ta’ riproduzzjoni - Kumpens ġust - Kunċett ta’ ‛Riproduzzjonijiet fuq il-karta jew mezz ieħor simili, effettwat mill-użu ta’ kull xorta ta’ teknika fotografika jew b’xi proċess ieħor li jkollu l-istess effetti’ - Konsegwenzi tan-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-miżuri teknoloġiċi disponibbli intiżi sabiex jipprevjenu jew jirrestrinġu l-atti mhux awtorizzati - Konsegwenzi ta’ awtorizzazzjoni espliċita jew impliċita għal riproduzzjoni.
Każijiet Magħquda C-457/11 sa C-460/11.
Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Sharpston - 24 ta' Jannar 2013.
Verwertungsgesellschaft Wort (VG Wort) vs Kyocera u (C-457/11) u Canon Deutschland GmbH (C-458/11), u Fujitsu Technology Solutions GmbH (C-459/11) et Hewlett-Packard GmbH (C-460/11) vs Verwertungsgesellschaft Wort (VG Wort).
Talbiet għal deċiżjoni preliminari: Bundesgerichtshof - il-Ġermanja.
Proprjetà intellettwali u industrijali - Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni - Direttiva 2001/29/KE - Dritt ta’ riproduzzjoni - Kumpens ġust - Kunċett ta’ ‛Riproduzzjonijiet fuq il-karta jew mezz ieħor simili, effettwat mill-użu ta’ kull xorta ta’ teknika fotografika jew b’xi proċess ieħor li jkollu l-istess effetti’ - Konsegwenzi tan-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-miżuri teknoloġiċi disponibbli intiżi sabiex jipprevjenu jew jirrestrinġu l-atti mhux awtorizzati - Konsegwenzi ta’ awtorizzazzjoni espliċita jew impliċita għal riproduzzjoni.
Każijiet Magħquda C-457/11 sa C-460/11.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:34
Opinion of the Advocate-General
1. Id-Direttiva 2001/29 (2) teżiġi li l-Istati Membri għandhom jagħmlu provvediment sabiex l-awturi jkollhom id-dritt esklużiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu r-riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti, b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parzjali, tax-xogħlijiet tagħhom. Madankollu, f’ċerti każijiet huma jistgħu wkoll jagħmlu provvediment għal eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet fir-rigward ta’ dan id-dritt, b’mod partikolari fir-rigward ta’ “riproduzzjonijiet fuq il-karta jew mezz ieħor simili, effettwat mill-użu ta’ kull xorta ta’ teknika fotografika jew b’xi proċess ieħor li jkollu l-istess effetti” u ta’ “riproduzzjonijiet ta’ kull mezz magħmula minn ċittadin fiżiku għal użu privat u għal skopijiet li huma la direttament u l-anqas indirettament kummerċjali” bil-patt li d-detenturi tad-drittijiet jirċievu kumpens ġust.
2. Fil-Ġermanja, il-kumpens ġust jinkiseb billi jiġi impost ħlas fuq min jimmanifattura, jimporta jew ibigħ apparati li huma kapaċi jagħmlu r-riproduzzjonijiet. Fil-proċeduri ewlenin tal-kawżi preżenti, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) trid tiddeċiedi jekk dan il-ħlas għandux jiġi impost fuq printers jew kompjuters personali li jistgħu jagħmlu r-riproduzzjonijiet biss meta dawn ikunu kkollegati ma’ apparat wieħed jew ma’ sensiela ta’ apparati, pereżempju skàners, li jistgħu waħedhom ikunu suġġetti għall-istess ħlas. Din għalhekk għamlet żewġ domandi fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-Direttiva, bl-iskop li tiġi ċċarata din il-kwistjoni. Tixtieq ukoll tkun taf kif il-possibbiltà li jiġu applikati miżuri teknoloġiċi għall-prevenzjoni tal-ikkupjar jew biex dan jiġi ristrett(3), u l-għoti espliċitu jew impliċitu tal-awtorizzazzjoni għar-riproduzzjoni, jaffettwaw l-intitolament għall-kumpens ġust. Fl-aħħar nett, din għandha domanda dwar l-applikazzjoni fiż-żmien tad-Direttiva.
3. Dawn id-domandi, għalkemm għall-ewwel jistgħu jidhru li huma relattivament mhux ikkomplikati, fil-fatt iqajmu kwistjonijiet kumplessi li jirrigwardaw kif jaffettwaw lil xulxin id-Direttiva u l-leġiżlazzjoni Ġermaniża, u d-diversi dispożizzjonijiet tagħhom.
Id-dritt tal-UE
Id-Direttiva
4. Skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva, intitolata “Dritt ta’ riproduzzjoni”:
“L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv li jawtorizza jew jipprojbixxi riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parti:
għall-awturi, tax-xogħolijiet tagħhom;
…”
5. L-Artikolu 5(2) jipprovdi, inter alia , li:
“L-Istati Membri jistgħu jipprovdu l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet għad-dritt ta’ riproduzzjoni provdut fl-Artikolu 2 fil-każi li ġejjin:
rigward riproduzzjonijiet fuq il-karta jew mezz ieħor simili, effettwat mill-użu ta’ kull xorta ta’ teknika fotografika jew b’xi proċess ieħor li jkollu l-istess effetti, bla ħsara għal mużika fuq il-karta, kemm-il darba li d-detenturi tad-drittijiet jirċievu kumpens ġust;
(b) rigward riproduzzjonijiet ta’ kull mezz magħmula minn ċittadin fiżiku għal użu privat u għal skopijiet li huma la direttament u l-anqas indirettament kummerċjali, bil-kondizzjoni li d-detenturi [tad-drittijiet] jirċievu kumpens ġust li jikkunsidra li jiġu jew ma jiġux applikati miżuri teknoloġiċi msemmija fl-Artikolu 6 tax-xogħol jew tas-suġġett relatat;
(ċ) rigward l-atti speċifiċi ta’ riproduzzjoni magħmula minn libreriji, stabbilimenti edukattivi jew mużewijiet jew arkivji li għandhom aċċess mill-pubbliku, li mhumiex għal vantaġġ ekonomiku jew kummerċjali dirett jew indirett;
…”
6. L-Artikolu 5(3) jipprovdi, inter alia :
“L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għad-drittijiet li hemm provdut dwarhom fl-Artikoli 2 u 3 fil-każi li ġejjin:
a) użu għall-iskop uniku ta’ illustrazzjoni għat-tagħlim jew riċerka xjentifika, kemm-il darba s-sors, magħdud l-isem ta’ l-awtur, tkun indikata, sakemm ma jinstabx li jkun impossibbli u sa fejn ikun ġustifikat li jintlaħaq mill-iskop mhux kummerċjali;
…
(n) użu b’komunikazzjoni jew b’li jagħmlu disponibbli, għal skop ta’ riċerka jew studju privat, lill-membri individwali tal-pubbliku kif b’terminali għal tapposta [terminals speċjalizzati] fuq il-post ta’ l-istabbilimenti msemmija fil-paragrafu 2(ċ) ta’ xogħolijiet u suġġett ieħor li mhumiex regolati bit-termini ta’ xiri jew liċenzar li jkunu fil-kollezzjonijiet tagħhom;
…”
7. Il-każijiet l-oħra elenkati fl-Artikolu 5(2) u (3) (4) kollha jirrigwardaw użu li ma huwiex kummerċjali jew, b’mod ġenerali, fl-interess pubbliku. Il-kundizzjoni li d-detenturi tad-drittijiet għandhom jingħataw kumpens ġust tapplika biss fis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(2)(a), (b), u (e) (5), iżda l-premessa 36 tal-preambolu tad-Direttiva tindika b’mod ċar li l-Istati Membri huma maħsuba li għandhom ikunu jistgħu jipprovdu għal dan il-kumpens fir-rigward ta’ xi eċċezzjoni mhux obbligatorja jew ta’ dawk l-eċċezzjonijiet mhux obbligatorji l-oħra kollha jew tal-limitazzjonijiet fuq id-dritt tar-riproduzzjoni (6) .
8. L-Artikolu 5(5) jispeċifika:
“L-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet li hemm provdut dwarhom fil-paragrafi 1, 2, 3 u 4 għandhom ikunu applikati biss f’ċerti każi speċjali li ma jmorrux kontra l-isfruttament normali tax-xogħol jew suġġett ieħor u ma jippreġudikawx b’mod bla raġuni l-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet.”
9. Wieħed jista’ jinnota li d-dispożizzjoni fl-Artikolu 5(5) tad-Direttiva, spiss magħruf bħala “it-test fi tliet stadji”, tirripoduċi b’mod kważi identiku l-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Berna (reviżjoni tal-1967) (7), l-Artikolu 13 tal-Ftehim TRIPS (1994) (8) u l-Artikolu 10(2) tat-Trattat WIPO Dwar id-Drittijiet tal-Awtur (1996) (9) . Fil-kuntest tat-TRIPS, it-tliet stadji ġew interpretati minn pànel tad-WTO (10) . Fil-qosor, il-fehma tal-pànel kienet li t-tliet kundizzjonijiet kienu kumulattivi, li l-ewwel kundizzjoni (ċerti każijiet speċjali) teżiġi li limitazzjoni jew eċċezzjoni għandha tiġi ddefinita b’mod ċar u għandha tkun ristretta fl-ambitu u fil-firxa tagħha, li t-tieni kundizzjoni (li ma jkunx hemm kunflitt mal-isfruttar normali) tfisser li eċċezzjoni jew limitazzjoni ma għandhiex tawtorizza dawk l-użi li jikkompetu ekonomikament mal-modi li bihom id-detenturi tad-drittijiet jiksbu valur ekonomiku mix-xogħol tagħhom, u li t-tielet kundizzjoni (li ma jkunx hemm preġudizzju mhux raġonevoli fir-rigward tal-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet) teskludi kull eċċezzjoni jew limitazzjoni li tikkawża jew li għandha l-potenzjal li tikkawża telf ta’ introjtu lid-detentur tad-drittijiet.
10. L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva jiddefinixxi l-frażi “miżuri teknoloġiċi” bħala “kull teknoloġija, tagħmir jew komponent li, matul il-kors normali tat-tħaddim tiegħu, ikun iddisinjat li jipprevjeni jew jirrestrinġi atti, rigward xogħolijiet jew suġġett ieħor, li mhumiex awtorizzati mid-detentur tad-drittijiet ta’ kull dritt ta’ l-awtur jew kull dritt relatat mad-drittijiet ta’ l-awtur [...] Drittijiet teknoloġiċi għandhom jitqiesu ‘effettivi’ fejn l-użu ta’ xogħol protett jew suġġett ieħor huwa kontrollat mid-detenturi tad-drittijiet permezz ta’ applikazzjoni ta’ kontroll għal aċċess jew proċess ta’ protezzjoni, bħal qlib f’ċifrarju, taqlib jew trasformazzjoni oħra tax-xogħol jew materjal ta’ xogħol ieħor jew mekkaniżmu ta’ kontroll ta’ ikkupjar li jilħaq l-għan ta’ protezzjoni.” Essenzjalment, l-Artikolu 6 fl-intier tiegħu jeżiġi li l-Istati Membri jagħtu lid-detenturi tad-drittijiet il-protezzjoni legali adegwata kontra kull mezz iddisinjat biex jevadi dawn il-miżuri teknoloġiċi li d-detenturi tad-drittijiet jistgħu japplikaw minn jeddhom, jew permezz tal-implementazzjoni ta’ miżuri adottati mill-Istati Membri nfushom.
11. L-Artikolu 10 tad-Direttiva, hu intitolat “Applikazzjoni maż-żmien”. Skont l-Artikolu 10(1), id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva għandhom japplikaw rigward ix-xogħlijiet kollha li huma, fit-22 ta’ Diċembru 2002, protetti mil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati. L-Artikolu 10(2) jipprovdi li: “Din id-Direttiva għandha tapplika mingħajr preġudizzju għal kull att konkluż u drittijiet miksuba qabel it-22 ta’ Diċembru 2002.”
12. Skont l-Artikolu 13(1), l-Istati Membri kellhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi mad-Direttiva qabel it-22 ta’ Diċembru 2002. Skont l-Artikolu 14, id-Direttiva daħlet fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, jiġifieri, fit-22 ta’ Ġunju 2001.
Is-Sentenza Padawan
13. Il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat xi dispożizzjonijiet tad-Direttiva f’numru ta’ sentenzi, li minnhom l-iżjed rilevanti għall-kawża preżenti hi dik ta’ Padawan (11), li ttrattat l-Artikolu 5(2)(b), spiss imsejjaħ l-eċċezzjoni fuq l-‘ikkupjar privat’.
14. Dik il-kawża kienet tikkonċerna ħlas impost ġewwa Spanja fir-rigward ta’ mezzi għar-rekordjar diġitali (12), fil-kuntest ta’ eċċezzjoni nazzjonali ta’ kkupjar privat u għalhekk fil-kuntest tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma mxietx skont is-sottomissjoni tal-Kummissjoni li l-mod tal-iffinanzjar tal-kumpens ġust, minħabba li ma huwiex irregolat mid-Direttiva, għandu jiġi ddeterminat mill-Istati Membri (suġġett biss għal xi limitazzjonijiet stabbiliti, b’mod partikolari, mid-drittijiet fundamentali u l-prinċipji ġenerali tad-dritt); Fi kliem ieħor, li l-obbligu tagħhom hu li jiksbu riżultat definit pjuttost milli jagħmlu dan b’mezzi definiti (13) . Din pjuttost kienet tal-fehma li persuna li tista’ tutilizza l-eċċezzjoni tal-ikkupjar privat, u li b’dan tkun qed tikkaġuna lid-detentur tad-drittijiet ħsara li fir-rigward tagħha hu jkun intitolat għal kumpens ġust, għandha tagħmel tajjeb għal dik il-ħsara billi tiffinanzja l-kumpens (14) . Għalhekk deherilha li kellu jkun hemm konnessjoni neċessarja bejn l-impożizzjoni ta’ ħlas fir-rigward ta’ tagħmir, apparat u mezzi li jagħmlu riproduzzjonijiet diġitali u l-użu tagħhom għall-ikkupjar privat (15) . Madankollu, minħabba li ma huwiex prattiku li wieħed jabbina l-ħlas mal-użu nnifsu, il-persuni fiżiċi jistgħu jitqiesu li jibbenefikaw b’mod sħiħ mill-funzjonijiet tat-tagħmir disponibbli lilhom bħala utenti privati; għalhekk, il-fatt li jkun possibbli li l-apparat jagħmel il-kopji jista’ jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ ħlas fuq l-ikkupjar privat (16) . Madankollu l-applikazzjoni arbitrarja ta’ dan il-ħlas fir-rigward ta’ tagħmir, apparati jew mezzi li ma jkunux disponibbli għall-utenti privati u li jkunu b’mod ċar irriżervati għal dawk l-użi barra mill-ikkupjar privat, hija inkompatibbli mad-Direttiva (17) .
Id-dritt Ġermaniż rilevanti
15. Il-Paragrafu 53 tal-Urheberrechtsgesetz (18) jistabbilixxi ċerti sitwazzjonijiet li fihom, bħala eċċezzjoni għar-regoli normali dwar id-drittijiet tal-awtur, ikun permess li jiġi riprodott materjal protett.
16. Mit-13 ta’ Settembru 2003 ’il quddiem, bis-saħħa tal-Paragrafu 53(1) tal-UrhG, persuna fiżika setgħet bi kwalunkwe mezz tagħmel kopji uniċi għall-użu privat, sakemm ma jkun jeżisti ebda skop kummerċjali dirett jew indirett u sakemm naturalment l-oriġinal ma jkunx inkiseb b’mod illegali — eċċezzjoni b’mod ġenerali simili għal dik tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva; madankollu, qabel dik id-data din ma kinitx ritretta biss għal persuni fiżiċi. Barra dan, persuna awtorizzata tagħmel il-kopji hi stess tista’ ukoll tqabbad persuna oħra tagħmlilha l-kopji jew sakemm ma jsir ebda ħlas — kundizzjoni li ma għandha ebda bażi espliċita fid-Direttiva — jew, mit-13 ta’ Settembru 2003 ’il quddiem, sakemm il-kopji jsiru fuq karta jew mezz ieħor simili permezz ta’ xi teknika fotomekkanika jew ta’ xi proċess ieħor b’effetti simili — kundizzjoni li tirrifletti l-Artikolu 5(2)(a).
17. Il-Paragrafu 53(2) għandu struttura iżjed kumplessa. Dan jippermetti li persuni (mhux persuni fiżiċi biss) li jagħmlu jew iqabbdu lil min jagħmilhom kopji uniċi għall-użu tagħhom stess: (i) għal skopijiet xjentifiċi; sa fejn dan ikun neċessarju; (ii) sabiex jiġu merfugħa fl-arkivju tal-persuna nnifisha, sa fejn dan ikun neċessarju u sakemm l-oriġinal ikun ukoll proprjetà ta’ din il-persuna; (iii) għall-informazzjoni dwar ġrajjiet kurrenti fil-każ fejn l-oriġinali jkun diġà xxandar; u (iv) fir-rigward ta’ artikoli u siltiet ta’ xogħlijiet ippubblikati li jkun ilhom ma jiġu stampati għal tal-inqas sentejn. Dawn l-eċċezzjonijiet ma jikkorrispondux b’mod ċar mad-dispożizzjonijiet previsti fid-Direttiva: fejn dawn ma jkunux qed jiġu ristretti għal persuni fiżiċi, ikunu qed jaqbżu l-limiti tal-Artikolu 5(2)(b); fejn dawn ma jkunux kundizzjonali għall-użu għal skopijiet tagħhom stess, ikunu iżjed ristrettivi minn dawk li jinsabu f’subparagrafi oħra.
18. Sakemm l-UrhG ġiet emendata fl-2003, ma ġewx miżjuda iżjed kundizzjonijiet mal-eċċezzjonijiet tal-Paragrafu 53(2). Permezz ta’ dik l-emenda, l-eċċezzjoni fis-subparagrafu (ii) saret suġġett għal tal-inqas waħda mill-kundizzjonijiet segwenti: li l-ikkupjar isir fuq karta jew mezz simili u permezz ta’ xi teknika fotomekkanika jew ta’ xi proċess ieħor b’effetti simili; li għandu jkun esklużivament analoġiku (19) ; u/jew li l-arkivju għandu jkun fl-interess pubbliku u mingħajr ebda skop kummerċjali jew ekonomiku. L-eċċezzjonijiet tas-subparagrafi (iii) u (iv) saru suġġetti għal tal-inqas waħda mill-ewwel żewġ kundizzjonijiet.
19. Il-Paragrafu 53(3) tal-UrhG għal darb’oħra jirrigwarda artikli jew siltiet, flimkien ma’ xogħlijiet iqsar, u jawtorizza l-ikkupjar għall-użu personali (għal darb’oħra mhix qed tiġi llimitata għal persuni fiżiċi biss) għal skopijiet ta’ edukazzjoni jew ta’ tħejjija għal eżamijiet, essenzjalment f’istituzzjonijiet edukattivi ta’ kull tip. Parti mill-kontenut tiegħu jidher li jikkorrispondi ma’ dak tal-Artikolu 5(2)(ċ) u (3)(a) tad-Direttiva.
20. Skont il-Paragrafu 54a(1) tal-UrhG, meta n-natura ta’ xi biċċa xogħol tkun tali li wieħed jistenna li x’aktarx tiġi riprodotta permezz ta’ fotokopji jew ta’ xi proċess b’effetti simili — kundizzjoni li għal darb’oħra tirrifletti l-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva — għall-iskopijiet stipulati fil-Paragrafu 53(1) sa (3), l-awtur jista’ jitlob “angemessene Vergütung” (20) mingħand il-produtturi, l-importaturi jew id-distributuri ta’ apparat “iddisinjat biex jagħmel dawn ir-riproduzzjonijiet”. Skont il-Paragrafu 54(g)(1), l-awtur jista’ jeżiġi li dawk obbligati jħallsuh jipprovduh bl-informazzjoni. Madankollu, skont il-Paragrafu 54h(1) tal-UrhG, huma biss dawk is-soċjetajiet kollettriċi awtorizzati li huma intitolati jitolbu r-rimunerazzjoni, jew li jeżiġu li jingħataw l-informazzjoni inkwistjoni.
21. Skont il-Paragrafu 54d tal-UrhG u l-Anness II tiegħu, il-ħlas impost fuq l-apparat imsemmi fil-Paragrafu 54a(1) għandu jkun ta’ somma li tvarja minn EUR 38.35 sa EUR 613.56, skont in-numru ta’ kopji li jsiru fil-minuta, u skont jekk ikunx disponibbli jew le l-ikkupjar bil-kulur; madankollu, jistgħu jiġu ffissati ammonti oħra permezz ta’ ftehim.
Il-fatti, il-proċedura u d-domandi magħmula
22. Verwertungsgesellschaft Wort (iktar ’il quddiem “VG Wort”) hija soċjetà kollettriċi awtorizzata. Din għandha r-responsabbiltà esklużiva li tirrappreżenta l-awturi u l-pubblikaturi ta’ xogħlijiet letterarji fil-Ġermanja. Hija għalhekk intitolata titlob ir-rimunerazzjoni mill-produtturi, l-importaturi jew id-distributuri ta’ apparati suġġetti għar-rekwiżit tal-ħlas ta’ rimunerazzjoni lill-awturi skont il-Paragrafu 54a(1) tal-UrhG. Kemm f’isimha kif ukoll f’isem soċjetà kollettriċi oħra li tirrappreżenta dawk li għandhom id-drittijiet fuq xogħlijiet grafiċi ta’ kull tip, hi talbet din ir-rimunerazzjoni mingħand il-partijiet l-oħra fil-kawżi prinċipali (iktar ’il quddiem il-‘fornituri’) (21), permezz ta’ ħlas impost fuq kompjuters personali, printers u/jew plotters (22) għall-bejgħ fil-Ġermanja bejn il-bidu tal-2001 u t-tmiem tal-2007. L-ammonti mitluba huma bbażati fuq ir-rati miftehma bejn iż-żewġ soċjetajiet kolletriċi u ppubblikati fil- Bundesanzeiger (il-Gazzetta Federali).
23. Il-fornituri jikkontendu b’mod partikolari li l- printers u l- plotters ma humiex kapaċi jirriproduċu x-xogħol waħedhom. Huma jistgħu jagħmlu dan biss meta jiġu mqabbda ma xi apparat li juża teknika fotografika jew proċess ieħor b’effetti simili sabiex tinħoloq immaġni tax-xogħol. Huma jsostnu li għalhekk, il-kumpens għandu jiġi impost biss fuq dan it-tip ta’ tagħmir. Dik il-fehma hija konsistenti mal-ġurisprudenza preċedenti li fiha l-Bundesgerichtshof kien deherilha li, meta apparat bħal ma hu skàner, kompjuter jew printer ikunu mqabbda flimkien biex ikun jista’ jiġi kkupjat dokument, ir-rimunerazzjoni għandha titħallas biss fuq dak l-apparat li fih il-karatteristiċi ta’ teknika fotografika jidhru l-iżjed ċar — jiġfieri l-iskàner.
24. Skont il-qorti nazzjonali, hemm żewġ kwistjonijiet oħra li jirrigwardaw kif għandha tiġi kkalkolata r-rimunerazzjoni dovuta. Meta l-miżuri teknoloġiċi maħsuba biex jipprevjenu l-ikkupjar huma disponibbli iżda ma jintużawx, jew meta l-ikkupjar ikun awtorizzat bi kwalunkwe mod, xorta waħda jkun dovut il-kumpens ġust fir-rigward tal-oriġinali kkonċernati? Barra dan, ma huwiex kompletament ċar mil-liema data, u fir-rigward ta’ liema ġrajjiet, id-dritt nazzjonali għandu jiġi interpretat skont id-Direttiva.
25. Għalhekk il-Bundesgerichtshof tistaqsi (23) :
“1. Id-Direttiva 2001/29 għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali, meta l-okkorrenzi kkonċernati seħħew wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva tat-22 ta’ Ġunju 2001, iżda qabel id-data tal-applikazzjoni tagħha tat-22 ta’ Diċembru 2002?
2. Ir-riproduzzjonijiet miksuba permezz ta’ printers [jew kompjuters personali] jistgħu jitqiesu bħala riproduzzjonijiet effettwati mill-użu ta’ kull xorta ta’ teknika fotografika jew b’xi proċess ieħor li jkollu l-istess effetti fis-sens tal-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2001/29?
3. Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda: fil-każ li eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għad-dritt ta’ riproduzzjoni huma previsti skont l-Artikolu 5(2) u (3) tad-Direttiva 2001/29, il-kundizzjonijiet previsti mid-direttiva fir-rigward tal-kumpens ġust jistgħu wkoll jiġu sodisfatti, fid-dawl tad-dritt fundamentali għal trattament ugwali stipulat fl-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, meta d-debituri tal-kumpens ġust [ (24) ] ma humiex il-produtturi, l-importaturi u d-distributuri ta’ printers [jew tal-kompjuters personali], iżda l-produtturi, l-importaturi u d-distributuri ta’ diversi apparati oħra li, flimkien ma’ apparati oħra, jippermettu li jsiru r-riproduzzjonijiet mixtieqa?
4. Il-possibbiltà li jiġu applikati l-miżuri teknoloġiċi previsti fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/29 hija suffiċjenti sabiex tħassar il-kundizzjoni tal-kumpens ġust prevista fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva?
5. Il-fatt li d-detentur tad-drittijiet jawtorizza espressament jew impliċitament ir-riproduzzjoni tax-xogħol tiegħu jippermetti li l-kundizzjoni (Artikolu 5(2)(a) u (b) tad-Direttiva 2001/29) u l-possibbiltà (premessa 36 tad-Direttiva) ta’ kumpens ġust jitħassru?
26. Ġew sottomessi osservazzjonijiet bil-miktub minn VG Wort, mill-fornituri, mill-Finlandja, il-Ġermanja, l-Irlanda, il-Litwanja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, Spanja u r-Renju Unit, u mill-Kummissjoni. Waqt is-seduta tat-22 ta’ Ottubru 2012, VG Wort, Fujitsu, Hewlett Packard, Kyocera, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Awstrija, ir-Renju Unit u l-Kummissjoni ssottomettew osservazzjonijiet orali.
Evalwazzjoni
27. Il-Bundesgerichtshof tqis li huwa importanti li jiġu interpretati ċerti dispożizzjonijiet tal-UrhG skont dawk tad-Direttiva, u sa fejn din l-interpretazzjoni hija meħtieġa mid-dritt tal-UE. Għaldaqstant hija tistaqsi domanda waħda fuq l-applikabbiltà tad-Direttiva ratione temporis, u erba’ dwar l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet sostantivi. Minħabba li ma hemmx dubju li d-Direttiva hija rilevanti għall-biċċa l-kbira tal-perijodu li jkopri t-tilwim fil-kawżi prinċipali, jien ser nittratta l-ewwel il-kwistjonijiet sostantivi. Madankollu, qabel ma nagħmel dan, jista’ jkun ta’ għajnuna li nikkunsidra xi punti ġenerali dwar id-Direttiva u r-relazzjoni tagħha mal-leġiżlazzjoni Ġermaniża.
Rimarki preliminari
Ir-relazzjoni bejn il-preambolu u l-parti normativa tad-Direttiva
28. Waħda mill-karatteristiċi tad-Direttiva hi t-tul tal-preambolu iddettaljat ħafna tagħha, li hu xi 40 % itwal mill-parti normativa. Meta kienu qed isiru s-sottomissjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, saret referenza estensiva għal ċerti premessi fil-preambolu, u l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenzi tagħha, ibbażat ruħha b’mod sinfikanti fuq dawn il-premessi (25) .
29. Jidher ċar minn dak il-preambolu li l-leġiżlatura mhux biss riedet kemm jista’ jkun tikseb l-uniformità neċessarja għas-suq intern (26), iżda riedet ukoll tħalli l-possibbiltà ta’ xi aġġustamenti fil-każ ta’ forom ġodda ta’ sfruttament, użi ġodda u żviluppi teknoloġiċi (27) . Għalhekk, l-adozzjoni ta’ metodu progressiv, adattabbli u armonjuż fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-Direttiva, hi xi ftit iġġustifikata.
30. Min-naħa l-oħra, wieħed għandu jżomm f’moħħu li qed titħalla libertà kbira lill-Istati Membri, u li hemm bosta aspetti li ma humiex armonizzati. Pereżempju, kemm għandu jingħata kumpens sabiex dan ikun tassew ġust, u xi provvediment għandu jkun hemm għal dan? Barra dan, is-sempliċi fatt li jeżistu 20 eċċezzjoni jew limitazzjoni mhux obbligatorji fir-rigward tad-dritt tar-riproduzzjoni, li 17 minhhom ukoll jinvolvu l-possibbiltà ta’ għażla fir-rigward tal-kumpens ġust, jidher li iżjed milli jikseb l-uniformità jew l-armonizzazzjoni, qiegħed prattikament jirrinunzja dawn l-għanijiet. Meta l-leġiżlatura tkun għalhekk deliberatament tat lill-Istati Membri dawn il-possibbiltajiet lill-Istati Membri, ma tkunx ħaġa xierqa li l-Qorti tal-Ġustizzja tissagrifikahom għal raġunijiet ta’ armonizzazzjoni ikbar.
31. Barra dan, iċ-ċertezza legali hi prerekwiżit sabiex tinkiseb l-armonizzazzjoni fis-suq intern (28), u metodu progressiv u adattabbli fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-dritt ma jwassalx għall-aqwa ċertezza legali. Fejn isiru żviluppi konnessi kemm fit-teknoloġija kif ukoll fit-tmexxija tan-negozju, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ biss tasal sa ċertu punt fl-isforz tagħha li tiżgura li l-leġiżlazzjoni tiġi interpretata b’tali mod li tieħu kont ta’ dawn l-iżviluppi. Ikun hemm punt fejn il-leġiżlatura biss tkun kompetenti biex tiżgura dan it-tip ta’ evoluzzjoni.
32. Fl-aħħar nett, nixtieq nirrikmanda li wieħed jogħqod attent li ma jiddipendix iż-żejjed fuq il-preambolu, iżjed milli fuq il-parti normativa tad-Direttiva. Hu veru li, meta wieħed ikun qed jinterpreta miżura, għandu jżomm f’moħħu r-raġunijiet li wasslu sabiex din tiġi adottata (29) . Madankollu nixtieq infakkar li l-punt 10 tal-Ftehim interistituzzjonali fuq linji gwida komuni għall-kwalità tal-abbozzar ta’ leġiżlazzjoni tal-Komunità (30) jgħid li: “L-iskop tal-premessi huwa li jiġu stabbiliti raġunijiet konċiżi għad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-parti normativa, mingħajr ma jirriproduċuhom jew jagħmluhom parafrażi. M’għandhomx jinsabu fihom dispożizzjonijiet normattivi jew eżortazzjonijiet politiċi” [Traduzzjoni mhux uffiċjali]. Wieħed għandu jippreżumi li, għalkemm dawn il-linji gwida ma jorbtux legalment, l-istituzzjonijiet li adottawhom bi qbil komuni (il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni) jimxu skonthom meta jkunu qed jabbozzaw il-leġiżlazzjoni (31) .
Ir-relazzjoni bejn id-Direttiva u l-leġiżlazzjoni Ġermaniża
33. Id-Direttiva l-ewwel u qabel kollox tipproteġi d-dritt fundamentali tal-awtur li jawtorizza jew jipprojbixxi r-riproduzzjoni tax-xogħlijiet tiegħu. Għalkemm din ma titrattax ftehim dwar il-liċenzjar, tibbaża ruħha fuq il-fatt li l-awturi jistgħu jinnegozjaw ir-rimunerazzjoni bi skambju għall-awtorizzazzjoni tar-riproduzzjoni tax-xogħlijiet tagħhom. Il-premessa 10 tal-Preambolu tgħid li dawn għandhom jirċievu “kumpens xieraq” għall-użu tax-xogħol tagħhom (32) .
34. L-Istati Membri jistgħu xorta waħda jagħżlu kemm iridu mil-lista komprensiva ta’ eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet fuq id-dritt tal-awtorizzazzjoni jew tal-projbizzjoni ta’ riproduzzjoni. Fi tlieta minn dawk il-każijiet huma għandhom (u fir-rigward tal-kumplament jistgħu jekk iridu) jiżguraw li l-awturi jirċievu kumpens ġust meta d-drittijiet tagħhom jiġu miksura (33) . Minn dawn it-tliet każijiet, l-iżjed li huma kkonċernati bih id-domandi preliminari huma dawk previsti fl-Artikolu 5(2)(a) tad-direttiva, liema artikolu jippermetti eċċezzjoni jew limitazzjoni fir-rigward ta’ riproduzzjonijiet “fuq il-karta jew mezz ieħor simili, effettwat mill-użu ta’ kull xorta ta’ teknika fotografika jew b’xi proċess ieħor li jkollu l-istess effetti”, u fl-Artikolu 5(2)(b), fir-rigward ta’ riproduzzjonijiet “ta’ kull mezz magħmula minn ċittadin fiżiku [persuna fiżika] għal użu privat u għal skopijiet li huma la direttament u l-anqas indirettament kummerċjali”. Madankollu, it-tielet domanda tal-Bundesgerichtshof tirreferi b’mod espliċitu għall-Artikolu 5(2) u (3) fl-intier tiegħu li jelenka 20 sitwazzjoni, li spiss jikkoinċidu, fejn eċċezzjoni jew limitazzjoni għad-dritt tar-riproduzzjoni huwa permissibbli (34), u l-kwistjoni fundamentali fil-ħames domanda tagħha (dik li tirrigwarda l-awtorizzazzjoni mid-detenturi tad-drittijiet) tista’ tkun rilevanti għal dawk is-sitwazzjonijiet kollha.
35. Wieħed għandu jżomm f’moħħu li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(2) u (3) jistgħu jintgħażlu biss jekk l-Istati Membri jkunu jridu, u li f’kull każ huma jistgħu jagħżlu jagħmlux provvediment għal eċezzjoni jew għal limitazzjoni fir-rigward tad-dritt tar-riproduzzjoni. In-natura volontarja tal-eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet tagħti lill-Istati Membri ċerta libertà f’dan il-qasam, liema libertà tinsab riflessa fil-preambolu tad-Direttiva, b’mod partikolari fil-premessi 34, 36, sa 40, 51 u 52.
36. Mill punti preċedenti jien nista’ nasal għal ċerti konklużjonijiet.
37. L-ewwel nett, eċċezzjoni jew limitazzjoni fuq id-dritt ta’ riproduzzjoni li taqbeż il-limiti ta’ dak li huwa awtorizzat minn waħda jew l-oħra mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(2) jew (3) tkun imkompatibbli mad-Direttiva. Madankollu, minħabba n-natura volontarja tad-dispożizzjonijiet u l-possibiltà li wieħed jista’ jagħżel limitazzjoni pjuttost milli eċċezzjoni, miżura li ma tasalx sa dak il-punt tkun ukoll kompatibbli. Pereżempju, Stat Membru ma jistax jagħmel provvediment, abbażi tal-Artikolu 5(2)(b), għal eċċezzjoni fuq ir-riproduzzjonijiet kollha magħmula minn persuna fiżika fuq kwlunkwe mezz, mingħajr ma jara għall-liema skop saru, minħabba li jekk jagħmel hekk ikun qed jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni iżjed minn dak li huwa awtorizzat minn dik id-dispożizzjoni (jew minn kwalunkwe dispożizzjoni oħra). Min-naħa l-oħra, jista’ xorta waħda, abbażi tal-Artikolu 5(2)(b), jistabbilixxi eċċezzjoni għar-riproduzzjonijiet magħmulha minn persuna fiżika biss meta dawn isiru fuq il-karta u esklużivament biex jintużaw għal studju privat, minħabba li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni jkun iżjed ristrett minn, iżda xorta kompriż, f’dak li hu awtorizzat.
38. It-tieni nett, wieħed għandu jieħu kont tan-natura koinċidentiva tad-diversi sitwazzjonijiet meta jkun qed jevalwa l-kompatibbiltà ta’ dispożizzjoni nazzjonali jew tal-interpretazzjoni tagħha mad-Direttiva skont id-dritt nazzjonali. Id-Direttiva ma teżiġix li jiġu abbozzati eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet nazzjonali b’tali mod li dawn iridu f’kull każ jaqblu eżattament ma kull waħda mill-20 sitwazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 5(2) u (3). Għalhekk eċċezzjoni jew limitazzjoni nazzjonali fuq id-dritt tar-riproduzzjoni tista’ tkun kompatibbli mad-Direttiva anki jekk tinkludi xi elementi minn żewġ dispożizzjonijiet jew iżjed tal-Artikolu 5(2) jew (3). Madankollu, minħabba li din ma tistax taqbeż il-limiti ta’ dak li hu permess minn dawk id-dispożizzjonijiet, għandu jiġi żgurat li din it-tip ta’ eċċezzjoni “amalgamata” ma tikkombinax xi kundizzjonijiet b’tali mod li tkopri ambitu li jaqa’ barra dawk permessi mid-Direttiva.
39. F’dan ir-rigward, ninnota li d-definizzjonijiet fl-Artikolu 5(2)(a) u (b), li huma bbażati fuq kriterji pjuttost differenti — anki kontrastanti — fil-fatt jikkoinċidu b’mod sinifikanti f’dak li jirrigwarda l-atti ta’ riproduzzjoni li huma jkopru. Filwaqt li d-definizzjoni fl-Artikolu 5(2)(a) hija ċċirkoskritta biss f’dak li jirrigwarda l-mod tar-riproduzzjoni u l-mezz użat, dik fl-Artikolu 5(2)(b) tirreferi esklużivament għall-identità tal-persuna li tkun qed tagħmel ir-riproduzzjoni u l-iskopijiet li għalihom tkun qed tagħmel dan.
40. Għalhekk, eċċezzjoni f’dak li jirrigwarda riproduzzjonijiet magħmula minn persuna fiżika, fuq il-karta jew fuq xi mezz simili, permezz ta’ teknika jew proċess ieħor b’effett simili, għall-użu privat u għal skopijiet li huma la direttament u lanqas indirettament kummerċjali — u għalhekk li jinkludu l-biċċa l-kbira tat-teħid privat ta’ fotokopji ta’ materjal suġġett għad-drittijiet tal-awtur — tkun taqa’ jew taħt xi waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet jew taħthom it-tnejn. B’kuntrast ma’ dan, ir-riproduzzjonijiet li jsiru minn persuna li ma hijiex persuna fiżika, u b’mezzi oħra, ma jaqgħu taħt ebda waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet; sabiex eċċezzjoni relatata magħhom tkun kompatibbli mad-Direttiva, dawn iridu jiġu koperti minn subparagrafu ieħor tal-Artikolu 5(2) jew (3).
41. Subparagrafi 1 sa 3 tal-paragrafu 53(1) sa (3) tal-UrhG, li l-Bundesgerichtshof u l-partijiet fil-kawżi prinċipali ċċitaw bħala rilevanti sabiex tiġi riżolta t-tilwima fl-istess kawżi, jidher li jkopri kemm dawk il-partijiet tal-Artikolu 5(2)(a) u (b) tad-Direttiva li jikkoinċidu kif ukoll dawk li ma jikkoinċidux. Dawn jestendu wkoll, għall-inqas sa ċertu punt, għal xi eċċezzjonijiet oħra, bħal ma huma dawk li għandhom x’jaqsmu ma’ għanijiet edukattivi u xjentifiċi, li fir-rigward tagħhom il-kumpens ġust hu volontarju pjuttost milli obbligatorju. Il-Paragrafi 54a(1) u 54d, meta jinqraw konġuntament mal-Anness II, jimponu skala unika ta’ ħlasijiet fuq apparat kapaċi jagħmel il-fotokopji, jew apparat ekwivalenti, ta’ materjal protett fi kwalunkwe waħda miċ-ċirkustanzi stabbiliti fil-Paragrafu 53(1) sa (3) (35) . In-nuqqas konsegwenti ta’ paralleliżmu bejn id-Direttiva u l-UrhG ma jgħinx biex wieħed jivverifika jekk xi interpretazzjoni tal-UrhG hijiex konsistenti mad-Direttiva. Meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali tikkombina eċċezzjonijiet diversi, tista’ anki f’xi każijiet titqajjem il-kwistjoni dwar jekk din hijiex kompatibbli mad-Direttiva. (Jien nixitieq inżid ma’ dan li l-użu tal-frażi “angemessene Vergütung” fil-Paragrafu 54a(1) tal-UrhG, li jista’ joħloq konfużjoni ma’ kunċetti oħra li ma humiex dak tal-“kumpens ġust” fi ħdan it-tifsira tad-Direttiva (36), ikompli jikkomplika l-affarijiet.)
42. Madankollu, sa fejn il-ħlas japplika biss fil-każ ta’ apparat li kapaċi jagħmel “riproduzzjonijiet fuq il-karta jew mezz ieħor simili [...]. mill-użu ta’ kull xorta ta’ teknika fotografika jew b’xi proċess ieħor li jkollu l-istess effetti”, l-atti ta’ riproduzzjoni kkonċernati kollha jaqgħu taħt l-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva, anki jekk xi wħud minnhom jistgħu wkoll jaqgħu taħt eċċezzjonijiet oħra, bħal ma hija dik tal-ikkupjar privat. Konsegwentement, sabiex tiġi żgurata l-konsistenza, il-kundizzjonijiet li jirregolaw il-ħlas għandhom f’kull każ ikunu konsistenti mal-Artikolu 5(2)(a).
Ir-relazzjoni bejn il-ħlas u l-kumpens ġust
43. Id-domandi numru 4 u 5 jirrigwardaw, b’mod ġenerali, ir-riperkussjonijiet ta’ ċertu aġir min-naħa tad-detenturi tad-drittijiet — in-nuqqas li japplikaw miżuri teknoloġiċi disponibbli lilhom sabiex jipprevjenu jew jirrestrinġu l-ikkupjar, u l-għoti impliċitu jew espliċitu tal-awtorizzazzjoni tal-ikkupjar — fuq l-intitolament tagħhom għall-kumpens ġust f’xi sitwazzjoni koperta minn eċċezzjoni jew limitazzjoni ppromulgata skont l-Artikolu 5(2) jew (3) tad-Direttiva. Dawk il-kwistjonijiet jinqalgħu meta jkun qed jiġi kkalkolat l-ammont tal-ħlas impost fuq l-apparat sabiex ikun jista’ jiġi ffinanzjat dan il-kumpens ġust u mhux fil-kuntest ta’ xi tilwima li tikkonċerna l-intitolament ta’ detentur tad-drittijiet individwali. Id-domandi huma xorta waħda affermati fuq l-assunzjoni li l-ammonti imposti jservu biex iħallsu lid-detenturi tad-drittijiet u għalhekk li jiġu kkalkolati abbażi tal-ammont ta’ kumpens ġust li għandu jitħallas meta jiġi kkunsidrat kollox.
44. Madankollu, wieħed għandu jinnota li f’diversi Stati Membri (għalkemm, apparentement mhux fil-Ġermanja) il-ħlasijiet fir-rigward ta’ apparat u tagħmir li jaħżen id-data vojt jiġu użati mhux biss sabiex jitħallas il-kumpens ġust lid-detenturi tad-drittijiet, iżda anki fil-kuntest ta’ skopijiet kollettivi jew kulturali, bħal ma hija l-promozzjoni ta’ produzzjoni letterarja, mużikali jew awdjoviżwali (37) .
45. Il-kwistjoni tar-relazzjoni bejn il-ħlasijiet, il-kumpens ġust u dawn l-iskopijiet kollettivi jew kulturali ma tqajmitx fil-kawżi preżenti iżda ġiet rinvjata lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Oberster Gerichtshof (Qorti Suprema) tal-Awstrija, f’rinviju ieħor pendenti (38) . Ma jkunx xieraq illi wieħed jantiċipa din il-kwistjoni fil-kawżi preżenti, iżda jista’ jkun utli li wieħed iżommha f’moħħu meta jkun qiegħed jeżamina d-domandi fil-kawżi preżenti. Sa fejn il-ħlasijiet jiġu kkalkolati abbażi tal-bżonn li jiġi pprovdut il-kumpens ġust lid-detenturi tad-drittijiet fi ħdan it-tifsira tad-Direttiva, il-livell ta’ libertà li jista’ jkollhom l-Istati Membri meta jkunu qed jiddeterminaw x’jista’ jikkostitwixxi kumpens ġust huwa rilevanti — kemm jekk dan il-kumpens ikun ristrett għall-għemil tajjeb tal-“ħsara” imsemmija fil-premessa 35 tad-Direttiva u fil-punt 39 et seq. tas-sentenza Padawan (39), jew jekk dan ikun jista’ jiġi pprovdut permezz ta’ kontribut ġenerali għall-benefiċċju kollettiv tad-detenturi tad-drittijiet.
46. Issa ser nikkunsidra d-domandi tal-Bundesgerichtshof, billi nibda bl-erba’ domandi sostantivi.
It-tieni domanda: il-kriterji fl-Artikolu 5(2)(a)
47. Fl-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva, ir-“riproduzzjonijiet fuq il-karta jew mezz ieħor simili, effettwat mill-użu ta’ kull xorta ta’ teknika fotografika jew b’xi proċess ieħor li jkollu l-istess effetti” jinkludu dawk magħmula mill- printers jew mill-kompjuters personali (essenzjalment meta dawn jaħdmu flimkien)?
48. Id-domanda mbagħad iddur fuq id-distinzjoni bejn kopji ta’ dokument oriġinali “analoġiku” (essenzjalment, wieħed li hu stess ikun fuq karta jew fuq mezz simili, u kkupjat permezz ta’ proċess “minn analoġiku għal analoġiku”, pereżempju fotokopja) u riproduzzjonijiet ta’ dokument “diġitali” (dokument li jeżisti f’forma elettronika, u li jiġi stampat permezz tal-ikkupjar “minn diġitali għal analoġiku”, pereżempju l-istampar ta’ paġna mill-internet). Meta wieħed jittratta din id-domanda, u minħabba li r-riproduzzjonijiet inkwistjoni huma ddefiniti skont kriterji tekniċi, ikun jidher utli li wieħed ikollu idea dwar kif jiffunzjonaw il-proċessi u l-apparati inkwistjoni (40) .
49. Il-fotografija, kif wieħed ġeneralment jifhimha, essenzjalment tikkonsisti fil-qbid b’mezzi ottiċi ta’ xena partikolari (dik li wieħed ikun ra mil-lenti tal-kamera fil-mument rilevanti) u t-taħżin tar-riżultat bil-għan li dan jiġi sussegwentement riprodott bħala immaġni. L-immaġni tista’ tkun ta’ dokument, u ser nuża l-kelma “immaġni” fis-sens li tinkludi riproduzzjoni ta’ kwalunkwe tip ta’ dokument, kemm jekk dan ikun jikkonsisti f’test kif ukoll jekk ikun jikkonsisti f’xi grafika.
50. Fil-fotografija tradizzjonali, ikun hemm film negattiv fotosensittiv li jiġi espost għad-dawl rifless minn xena partikolari u, wara li dan jiġi żviluppat, jintuża bħala filtru sabiex l-immaġni korrispondenti tkun tista’ tiġi pproġettata fuq il-karta fotosensittiva, li minn fuqha jiġu stampati kopji pożittivi. L-immaġni maqbuda u riprodotta tkun immaġni analoġika tax-xena li tkun dehret mill-lenti.
51. Il-fotografija diġitali ma taħżinx l-immaġni b’mod analoġiku iżda permezz ta’ numru kbir ta’ pixels li jvarjaw fil-kulur u fl-intensità. L-informazzjoni diġitali tista’ mbagħad tiġi ttrasferita (permezz ta’ kollegament dirett, inkluż kollegament wireless, jew permezz ta’ tagħmir li jista’ jinġarr, bħal pereżempju memory card ) fuq apparat ieħor li jista’ jirriproduċi immaġni analoġika fuq diversi tipi ta’ mezzi. Kameras tar-ritratti diġitali f’dawn iż-żminijiet jistgħu jinsabu wkoll fuq apparat ieħor, inkluż fuq bosta tipi (u forsi l-biċċa l-kbira) ta’ mobile phones u fuq kompjuters personali ‘ tablet ’.
52. Fil-fotokopjaturi kserografiċi (għall-anqas fil-biċċa l-kbira ta’ dawk moderni), jiġi pproġettat dawl qawwi fuq id-dokument li mbagħad jiġi rifless għal fuq ċilindru elettrostatiku li jiġbed jew ibiegħed it- toner (taħlita ta’ trab tal-linka) skont l-intensità tad-dawl li jkun qed jaqa’ fuq kull parti tad-dokument, u b’hekk jifforma immaġni analoġika li mbagħad tiġi ttrasferita fuq karta. Ebda waħda mill-partijiet li qiegħda tissottometti l-osservazzjonijiet ma qiegħda tikkontesta, u lanqas ma jidher li jeżisti xi lok għalfejn dan għandu jiġi kkontestat, il-fatt li dan il-proċess jikkostitwixxi “teknika fotografika” jew “proċess ieħor li jkollu l-istess effetti” fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva.
53. Skàner jaqbad xena ta’ dokument (ukoll permezz ta’ dawl ipproġettat) fil-forma ta’ informazzjoni diġitali, li tista’ tiġi ttrasferita fuq apparat ieħor li jippermetti li din tiġi maħżuna u/jew li jirripproduċi immaġni analoġika fuq diversi tipi ta’ mezzi.
54. Printer jipproduċi immaġnijiet permezz ta’ informazzjoni diġitali li jirċievi minn xi sors ieħor, bħal pereżempju komputer, kamera tar-ritratti diġitali, jew xi mezz li jaħżen id-data li jista’ jinġarr (pereżempju memory card, USB stick jew CD-Rom ). Tipi ta’ printers differenti jużaw proċessi differenti: minn sors diġitali, il- printers tal-lejżer jipproduċu fuq ċilindru immaġni analoġika li mbagħad tiġi ttrasferita fuq il-karta, kif ukoll bil-fotokopjaturi kserografiċi, mentri printers tal- inkjet joħolqu immaġni fuq il-karta b’mod dirett minn informazzjoni diġitali. Il-biċċa l-kbira tal-printers jipproduċu immaġnijiet fuq diversi tipi ta’ karta; hemm minnhom li jistgħu jistampaw fuq mezzi oħra bħal pereżempju ċ-ċaruta jew film trasparenti. Il- plotters huma, essenzjalment, printers speċjalizzati ddisinjati għal ċerti użi grafiċi; oriġinarjament dawn kienu jipproduċu immaġnijiet permezz ta’ biċċa għodda bil-ponta li tiċċaqlaq fuq karta, iżda llum il-ġurnata jistgħu jużaw teknika iżjed simili ta’ dik użata minn printers oħra.
55. Skàner u printer meta mħaddma flimkien, fl-aħħar mill-aħħar iwettqu l-istess funzjoni ta’ fotokopjatur. F’ċerti każijiet jista’ jkun hemm bżonn li għal dan l-iskop dawn jiġu mqabbda ma’ kompjuter, filwaqt li f’każijiet oħra jistgħu jagħmlu dan meta mqabbda flimkien biss, jew inkella l-informazzjoni tista’ tinġarr minn wieħed għall-ieħor fuq mezz li jaħżen id-data li jista’ jinġarr. Printers li kapaċi jwettqu diversi funzjonijiet jew inkella apparat all-in-one (iktar ’il quddiem “AIO”) jikkombina l-funzjonijiet ta’ ( inter alia ) skàner, printer u fotokopjatur; dan it-tip ta’ apparat għandu kapaċitajiet ta’ memorja u ta’ pproċessar speċjalizzata u limitata, filwaqt li l-kapaċitajiet ta’ kompjuter huma ikbar u inqas speċjalizzati.
56. L-informazzjoni diġitali ta’ immaġni tista’ tiddaħħal f’kompjuter (direttament, pereżempju minn kamera tar-ritratti diġitali jew minn skàner, jew indirettament, permezz ta’ xi mezz li jaħżen id-data li jista’ jinġarr jew permezz tal-internet) fejn tiġi mmemorizzata, possibilment immanipulata u mbagħad ittrasferita fuq apparat periferali (bħal ngħidu aħna skrin jew printer ) sabiex tkun tista’ tiġi riprodotta immaġni analoġika. Immaġni skànjata tiġi normalment maħżuna b’tali mod li r-riproduzzjoni tagħha tkun rappreżentazzjoni viżwali tal-oriġinal: madankollu, is-softwer tal- optical character recognition (OCR) jista’ jintuża sabiex jikkonverti t-test stampat f’informazzjoni diġitali newtrali, li permezz tagħha t-test jista’ jiġi riprodott f’forma viżwalment differenti mill-oriġinal. L-informazzjoni diġitali li tirrappreżenta dokument bit-test jew b’immaġni grafika tista’ wkoll tinħoloq f’kompjuter li ma jkollux fih l-immaġni oriġinali, permezz ta’ tastiera jew maws flimkien ma’ softwer apposta. Madankollu, mingħajr apparat periferali għad-dħul u l-ħruġ tal-informazzjoni, kompjuter ma jistax waħdu jaqbad jew jirriproduċi xi immaġni.
57. Il-modi li bihom immaġni tista’ tiġi riprodotta permezz ta’ wieħed jew iżjed mit-tipi ta’ apparat imsemmija iktar ’il fuq jistgħu għalhekk jiġu skematikament deskritti fis-sens li jikkostitwixxu l-istadju tad-dħul tal-informazzjoni, l-istadju intermedju, u l-istadju tal-ħruġ tal-informazzjoni. L-istadju tad-dħul tal-informazzjoni jista’ jkun jinvolvi d-dħul ottiku ta’ oriġinal analoġiku jew il-ħolqien mhux ottiku ta’ oriġinal diġitali. L-istadju intermedju jista’ jkun jinvolvi operazzjoni waħda jew iżjed ta’ ħżin, ta’ trasferiment jew ta’ manipulazzjoni, jew f’forma analoġika jew f’waħda diġitali. L-istadju tal-ħruġ tal-informazzjoni jinvolvi l-produzzjoni ta’ immaġni f’forma analoġika viżibbli (41) .
58. Meta wieħed iżomm dan f’moħħu, kif għandha tiġi interpretata “riproduzzjonijiet fuq il-karta jew mezz ieħor simili, effettwat mill-użu ta’ kull xorta ta’ teknika fotografika jew b’xi proċess ieħor li jkollu l-istess effetti” fil-kuntest tal-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva? Il-Bundesgerichtshof tistaqsi jekk dawn ir-riproduzzjonijiet (li wieħed għandu jiftakar ma humiex limitati biss għall-ikkupjar privat) jinkludux dawk magħmulha permezz ta’ printers (inklużi plotters ) jew kompjuters. Id-domanda fundamentali hija jekk dawn jinkludux kopji magħmulha minn sors diġitali jew dawk biss li jsiru minn oriġinal analoġiku.
59. VG Wort, l-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka u r-Renju Unit jidhrilhom li l-kopji magħmula minn sors diġitali huma inklużi. Il-Ġermanja ma tindirizzax din id-domanda. Il-kumplament tal-Istati Membri, il-Kummissjoni u l -fornituri kollha huma ta’ opinjoni kuntrarja (li tidher li hi ffavorita anki mill-qorti tar-rinviju).
60. F’livell wieħed ir-risposta tidher relattivament sempliċi.
61. Jidhirli li meta wieħed jikkunsidra d-definizzjoni fl-intier tagħha, it-tifsira fundamentali tagħha essenzjalment tkopri kopji analoġiċi minn sors analoġiku bl-użu ta’ fotokopjatur — permezz tar-reprografija, sabiex nuża l-kelma użata fil-premessa 37 tal-preambolu tad-Direttiva (42) . Madankollu, ma hemm ebda differenza bażika bejn dawn il-kopji u dawk magħmula pereżempju permezz ta’ skàner jew ta’ kamera tar-rittratti diġitali mqabbda ma’ printer (kemm jekk permezz ta’ kompjuter kemm jekk mod ieħor), jew ma’ apparat AIO. Anki jekk l-immaġni tgħaddi minn stadju intermedju ta’ kodifikazzjoni u ħżin diġitali, id-dħul u l-ħruġ tal-informazzjoni jibqa’ analoġiku, bħal ma jiġri fil-każ ta’ fotokopjatur. Il-proċess ma huwiex differenti mill-fotokopjar kserografiku iżjed milli l-fotografija diġitali hi differenti mill-fotografija tradizzjonali. Wieħed ma jistax jgħid, għall-iskopijiet tal-Artikolu 5(2)(a), li l-effetti ma humiex “l-istess”.
62. Għalhekk, il-kompjuters u l- printers jistgħu jintużaw biex isiru riproduzzjonijiet skont kif definit fl-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva. Madankollu, id-domanda li għandha tiġi risposta sabiex tiġi riżolta t-tilwima fil-kawżi prinċipali tmur oltre dan. Jekk l-informazzjoni diġitali li minnha l- printer jipproduċi d-dokument stampat ma tkunx ġejja minn skàner imqabbad magħha, iżda sempliċement minn kompjuter, li jkun seta’ rċieva l-informazzjoni minn sors imbiegħed (pereżempju bħala download minn sit tal-internet jew bħala fajl mehmuż ma’ ittra elettronika), din is-sitwazzjoni taqa’ wkoll fl-ambitu tal-Artikolu 5(2)(a)? Dik id-domanda hija relatata mat-tielet domanda, li tqajjem il-punt dwar jekk huwiex korrett illi wieħed jikkunsidra li, f’sensiela li tikkonsisti fi skàner, kompjuter u printer , huwiex l-iskàner li l-iżjed jixbah it-teknika fotografika jew proċess bl-istess effetti, u li għalhekk għandu waħdu jkun suġġett għal ħlas maħsub biex jipprovdi kumpens ġust lill-awturi.
63. L-ewwel nett, jiena niċħad is-suġġeriment magħmul minn VG Wort li, għall-iskopijiet tal-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva, kopja magħmulha fuq mezz għar-rekordjar diġitali jista’ jitqies bħala riproduzzjoni “fuq il-karta jew mezz ieħor simili” minħabba li jista’ jservi bħala antiċedent ta’ jew sostitut funzjonali ta’ dan tal-aħħar. Din l-interpretazzjoni tkun qiegħda sempliċement tinjora t-tifsira ta’ “karta” jew “simili” u tkun timplika li kull mezz ta’ rekordjar jista’ jintuża. Fil-fehma tiegħi huwa ċar li, sabiex ikun simili għall-karta bħala mezz ta’ riproduzzjoni, is-sottostrat għandu jkun kapaċi juri u għandu fil-fatt juri rappreżentazzjoni fiżika li tista’ tiġi pperċepita u interpretata mis-sensi umani.
64. Madankollu, għall-iskopijiet tal-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva, ma huwiex suffiċjenti li l-immaġni li tirriproduċi oriġinal suġġett għad-dritt tal-awtur issir fuq “il-karta jew mezz ieħor simili”; għandha ukoll issir “mill-użu ta’ kull xorta ta’ teknika fotografika jew b’xi proċess ieħor li jkollu l-istess effetti.” Skàner jaqbad l-immaġnijiet billi juża teknika fotografika iżda ma jistax, waħdu, jirriproduċihom; sempliċi printer jista jirriproduċihom iżda ma jistax jaqbadhom; u kompjuter waħdu ma jista’ jagħmel ebda ħaġa minn dawn iżda jista’ jwettaq funzjoni intermedja bejn it-tnejn.
65. Jekk sensiela ta’ apparati, bħal ma huma skàner imqabbad ma’ printer permezz ta’ kompjuter, tista’ fil-prinċipju tiġi meqjusa li tagħmel ir-riproduzzjonijiet skont l-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva, jista’ jingħad l-istess fir-rigward ta’ informazzjoni diġitali, li tirrappreżenta l-materjal oriġinali suġġett għad-dritt tal-awtur, li tidħol fil-kompjuter minn sors differenti (pereżempju bħala download minn sit tal-internet jew bħala fajl mehmuż ma’ ittra elettronika ), jew meta din tiġi pproċessata (pereżempju permezz ta’ softwer tal-OCR) b’tali mod li r-riżultat ma jikkostitwixxix faksimile tal-oriġinal?
66. L-ewwel osservazzjoni tiegħi hawn tkun li dawn is-sitwazzjonijiet ma humiex ċarament koperti mill-kliem tad-dispożizzjoni, meta dan il-kliem ikun qed jinftiehem f’sens ordinarju. Lanqas ma hemm xi ħaġa fl-istorja leġiżlattiva li tissuġġerixxi li qatt ġie kkontemplat li dan il-kliem għandu jestendi barra l-isfera tar-reprografija kif wieħed normalment jifhimha, jew anki (b’kuntrast mal-Artikolu 5(2)(b) li jirreferi għall-użu ta’ miżuri tekonoloġiċi) li jipprovdi għal xi żviluppi tekniċi futuri fir-reprografija.
67. It-tieni nett, billi jipprovdi eċċezzjoni fuq ir-regola ġenerali li tikkonferixxi dritt ta’ riproduzzjoni esklużiv lill-awturi fl-Artikolu 2, l-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva għandu, fil-prinċipju, jiġi interpretat b’mod strett.
68. It-tielet nett, l-Artikolu 5(5) espressament jeżiġi interpretazzjoni restrittiva pjuttost milli estensiva (43) . L-importanza ta’ dan fil-kuntest preżenti tidher ikbar minħabba li, mill-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet kollha permissibbli skont l-Artikolu 5(2) u (3), huma biss dawk tal-Artikolu 5(2)(a) li jistgħu jkopru r-riproduzzjonijiet magħmula għal skopijiet kummerċjali. Meta wieħed iħares b’mod speċifiku lejn it-test fi tliet stadji msemmi fl-Artikolu 5(5), interpretazzjoni tal-Artikolu 5(2)(a) li ma timponi ebda restrizzjoni f’dak li jirrigwarda n-natura tad-dokument oriġinali, x’aktarx li ma tissodisfax il-kriterju tal-ewwel stadju ta’ “ċerti każi speċjali” — fil-prattika, assolutament kull riproduzzjoni (ħlief dik tal-manuskritti tal-mużika) li tista’ ssir fuq karta jew fuq xi mezz simili, tkun taqa’ taħt din l-eċċezzjoni. Sa fejn dawn ir-riproduzzjonijiet ma jkunux limitati fin-numru jew f’dak li jirrigwarda l-iskop li għalih isiru, tiżdied ukoll il-possibbiltà ta’ konflitt mal-isfruttar normali tax-xogħol u l-interessi leġittimi tal-awtur, u għalhekk mat-tieni u mat-tielet stadji tat-test.
69. Jien għalhekk ma nsibx diffikultà kbira biex naqbel mal-maġġoranza tas-sottomissjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, fir-rigward ta’ din id-domanda, li l-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva jkopri biss l-ikkupjar mill-analoġiku għall-analoġiku. Il-kelma “fotografika” neċessarjament teħtieġ li d-dħul ottiku ta’ informazzjoni minn oriġinal analoġiku, u l-bżonn tal-karta jew ta’ mezz simili li fuqu jista’ jidher ir-riżultat, tfisser li r-riżultat għandu wkoll ikun analoġiku. Jekk wieħed jikkontendi li l-frażi “li jkollu l-istess effetti” tfisser sempliċement li “ir-riżultat tiegħu huwa simili ta’ dak li seta’ inkiseb permezz ta’ teknika fotografika” ikun qiegħed sempliċement jirrendi l-kelma “fotografika” mingħajr tifsira - ċertament, fil-każ ta’ riproduzzjoni magħmula permezz ta’ teknika fotografika, kwalunkwe riproduzzjoni fuq il-karta jew fuq xi mezz simili jista’ jiġi deskritt bħala “simili”. Fil-fehma tiegħi, effetti li huma simili ta’ dawk ta’ teknika fotografika għandhom jitqiesu bħala effetti li huma simili ta’ dawk tat-teknika meqjusa fl-intier tagħha; għandu jkun hemm riproduzzjoni perċettibbli ta’ xi ħaġa li hija perċettibbli fid-dinja fiżika. U, apparti l-kliem ċar tad-dispożizzjoni innifisha, il-kunċett tal-ikkupjar mill-analoġiku għall-analoġiku jirriżulta wkoll ċar mill-użu tal-kelma “reprografija” fil-premessa 37 tal-preambolu, u fit- travaux préparatoires (44), u anki kkonfermat mill-fatt li r-riferenzi għall-ikkupjar diġitali huma ristretti għall-qasam tal-ikkupjar privat (fil-premessa 38 u, permezz tat-tismija ta’ “miżuri teknoloġiċi”, fl-Artikolu 5(2)(b)).
70. Jidher li VG Wort tinsab ikkonċernata bil-fatt li l-ikkupjar fuq skala kbira ta’ materjal diġitali suġġett għad-drittijiet tal-awtur jista’ ma jkunx suġġett għal xi ħlas maħsub sabiex jipprovdi l-kumpens ġust lill-awturi jekk l-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva jiġi interpretat li jkopri biss l-ikkupjar mill-analoġiku għall-anaolġiku. Hu veru li, skont l-interpretazzjoni li niffavorixxi jiena, l-ikkupjar mid-diġitali għall-analoġiku ma jwassalx għall-obbligu li jingħata l-kumpens ġust sakemm dan ma jsirx minn persuna naturali għal skopijiet privati u mhux kummerċjali fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 5(2)(b). Dan minħabba l-fatt li dan l-ikkupjar ma jaqax taħt xi eċċezzjoni jew limitazzjoni prevista skont id-Direttiva. Għalhekk għandu jkun suġġett jew għal rimunerazzjoni nnegozjata jew għal proċeduri legali sabiex jinkiseb kumpens għall-ksur, fil-kuntest tad-dritt tar-riproduzzjoni esklużiva li hija r-regola ġenerali skont id-Direttiva. Jidher li dan huwa ġġustifikat meta wieħed jiftakar li l-ambitu tal-Artikolu 5(2)(a), sa fejn dan ma jikkoinċidix mal-ambitu ta’ xi eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet permissibbli oħra fir-rigward tad-dritt tar-riproduzzjoni, huwa essenzjalment ristrett għar-riproduzzjonijiet li jsiru għal skopijiet barra dawk tal-ikkupjar privat jew tal-użu fl-interess pubbliku — fil-qosor, x’aktarx li l-ambitu speċifiku tiegħu huwa ristrett għar-riproduzzjonijiet bi skopijiet direttament jew indirettament kummerċjali. B’kuntrast ma’ dan, ma jkunx jidher ġustifikat, abbażi ta’ interpretazzjoni neċessarjament stretta, u anki restrittiva, li wieħed iċaħħad lill-awturi mid-dritt esklużiv tagħhom ta’ riproduzzjoni fir-rigward ta’ kwantitajiet sinifikanti ta’ kkupjar għal dawn l-iskopijiet.
71. Jien, sa issa, wasalt għall-fehma li l-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li hu ristrett għall-ikkupjar mill-analoġiku għall-analoġiku, u li jeskludi l-ikkupjar mid-diġitali għall-analoġiku. Madankollu, jien ukoll jidhirli li l-kunċett tal-ikkupjar mill-analoġiku għall-analoġiku ma jistax ikun tant ristrett li jeskludi dawk il-metodi li jinvolvu stadju diġitali intermedju — pereżempju dawk fejn dokument skànjat jiġi mmemorizzat f’kompjuter, jew fejn dokument iffotografat b’mod diġitali jiġi tttrasferit f’kompjuter permezz ta’ memory card , qabel ma jiġi stampat minn printer imqabbad — fi kliem ieħor, l-ikkupjar mill-analoġiku għad-diġitali għall-analoġiku.
72. Jekk dan huwa minnu, ikun jidher neċessarju li wieħed jiddistingwi l-kategorija tal-aħħar (li fil-fehma tiegħi taqa’ taħt id-definizzjoni tal-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva) mis-sempliċi kkupjar mid-diġitali għall-analoġiku (u li fil-fehma tiegħi ma jaqax taħt l-imsemmi Artikolu). Id-dokumenti diġitali miksuba minn oriġinal analoġiku jistgħu jiġu maħżuna f’kompjuter u sussegwentement stampati f’ċirkustanzi differenti ħafna minn dawk li normalment jitqiesu bħala reprografija — pereżempju meta oriġinal skànjat jittella’ fuq sit tal-internet minn persuna waħda u jiġi sussegwentement ittrasferit fuq kompjuter ta’ persuna oħra. Fil-fehma tiegħi, dawn iċ-ċirkustanzi, ma jaqgħux taħt id-definizzjoni tal-Artikolu 5(2)(a), anki jekk il-proċess fl-intier tiegħu jista’ jitqies bħala kkupjar mill-analoġiku għad-diġitali għall-analoġiku. Li kieku jitqies li jaqgħu taħt din id-definizzjoni, ikun hemm għal darba oħra l-periklu li l-ewwel parti tat-test fi tliet stadji stabbilit fl-Artikolu 5(5) ma jiġix sodisfatt, minħabba li d-definizzjoni ssir wiesgħa wisq sabiex titqies bħala ristretta għal “ċerti każi speċjali”.
73. Sabiex tkun tista’ ssir id-distinzjoni neċessarja, ma huwiex xieraq li wieħed jibbaża ruħu fuq il-kriterju ta’ atti ta’ riproduzzjoni “temporanji jew inċidentali” użat fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva, minħabba li huwa ċar li l-ħżin ta’ immaġni diġitali fuq ħardisk jew fuq xi mezz ieħor li jaħżen id-data, waqt li jista’ jkun sempliċement stadju intermedju bejn id-dħul tal-informazzjoni (l-iskànjar jew il-fotografija) u l-ħruġ tal-informazzjoni (l-istampar), ma jistax jitqies bħala “temporanju” (45) .
74. Konsegwentement, jidhirli li l-ambitu tal-eċċezzjoni jew il-limitazzjoni permessi mill-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva, filwaqt li jkopri sitwazzjonijiet li fihom ir-riproduzzjoni mill-analoġiku għall-analoġiku jkun jinvolvi fażi diġitali intermedja, għandu jiġi interpretat fis-sens li jeskludi sitwazzjonijiet fejn il-proċess fl-intier tiegħu la qed jitwettaq mill-istess persuna u lanqas f’operazzjoni waħda.
It-tielet domanda: riproduzzjonijiet li jinvolvu sensiela ta’ apparati
75. Jekk (kif nemmen jien) ir-riproduzzjonijiet koperti jinkludu dawk magħmula permezz ta’ printers jew ta’ kompjuters, jista’ jiġi impost ħlas sabiex jipprovdi l-kumpens ġust — meta wieħed iżomm f’moħħu l-prinċipju ta’ trattament ugwali — mingħand il-produtturi, l-importaturi jew id-distributuri mhux ta’ printers jew ta’ kompjuters iżda ta’ xi oġġett ieħor jew oġġetti oħra f’sensiela ta’ apparati kapaċi jagħmlu r-riproduzzjonijiet rilevanti?
76. It-tielet domanda tal-qorti nazzjonali ġiet espressa formalment b’tali mod li għandha ssir biss jekk it-tieni domanda — li tikkonċerna biss l-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva — tiġi mwieġba fl-affermattiv. Madankollu, tirreferi għal dawk il-każijiet kollha fejn Stat Membru jkun għażel, skont l-Artikolu 5(2) jew (3), li jimplementa eċċezzjoni jew limitazzjoni fir-rigward tad-dritt tar-riproduzzjoni, b’kumpens ġust għad-detenturi tad-drittijiet. Madankollu, kif jien diġà indikajt (46), il-ħlas domestiku inkwistjoni japplika kollu kemm hu fi ħdan il-limiti stabbiliti mill-Artikolu 5(2)(a) u jista’ japplika barra dawk il-limiti stabbiliti f’subparagrafi oħra. Konsegwentement, sabiex tiġi żgurata applikazzjoni li tkun konsistenti kemm mad-dritt nazzjonali kif ukoll mad Direttiva, ikun neċessarju li tingħata risposta li fuq kollox tkun ibbażata fuq l-Artikolu 5(2)(a).
77. Jidher li l-kwistjoni fundamentali quddiem il-qorti nazzjonali hija jekk, kif jikkontendu l-fornituri, il-ġurisprudenza preċedenti tal- Bundesgerichtshof, li tippreċiża li fir-rigward tal-ikkupjar minn analoġiku għal analoġiku permezz ta’ sensiela ta’ apparati (pereżempju, skàner, kompjuter u printer) il-ħlas għandu jiġi impost biss fuq dak l-apparat li kapaċi jifforma immaġni tad dokument l-oriġinal (fl-eżempju, l-iskàner), huwiex kompatibbli mad-Direttiva jew jekk, kif tikkontendi VG Wort, il-ħlas għandux jinfirex fuq l-apparati kollha fis-sensiela, skont sa liema punt dawn ikunu ġew użati. Il-Bundesgerichtshof jidhrilha li ħlas fuq l-apparati kollha jkun imur kontra l-prinċipju ta’ trattament ugwali, b’mod partikolari minħabba l-fatt li huwa diffiċli li wieħed jiddetermina sa liema punt il-kompjuters personali u printers jintużaw fl-ikkupjar analoġiku. Għall-kuntrarju ta’ dan, VG Wort jidhrilha li ma huwiex diffiċli li wieħed jiddetermina dan u li l-impożizzjoni ta’ ħlas fuq l-iskàners u mhux fuq il-kompjuters u l-printers tkun tirrendi l-iskàners għoljin iżżejjed u tippermetti li r-riproduzzjonijiet isiru minn sors diġitali mingħajr ebda kontribut għall-kumpens ġust lill-awturi.
78. F’Padawan (47), il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat, fil-kuntest tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva, li l-Istati Membri jgawdu libertà wiesgħa meta jiġu biex jiddeterminaw kif għandu jiġi organizzat il-kumpens ġust; li fil-prinċipju dan il-kumpens huwa dovut lill-awturi li jkunu soffrew ħsara minħabba l-introduzzjoni tal-eċċezzjoni tal-ikkupjar privat minn persuni li jagħmlu l-kopji skont dik l-eċċezzjoni; li minkejja dan, ikun leġittimu li, abbażi tal-fatt li l-ħlas jista’ jiġi inkorporat fil-prezz, jiġi impost ħlas għal dak il-għan fuq dawk li jagħmlu l-kopji għal ħaddieħor jew dawk li jimmanifatturaw it-tagħmir, l-apparati jew il-mezzi disponibbli lilhom sabiex ikunu jistgħu jagħmlu dan. Jekk dawn il-prinċipji japplikaw fil-kuntest tal-Artikolu 5(2)(b), għandhom, fil-fehma tiegħi, japplikaw ukoll fejn ikun ikkonċernat l-Artikolu 5(2)(a).
79. Mandankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ippreċiżat ukoll li l-applikazzjoni arbitrarja ta’ ħlas fuq l-ikkupjar privat, b’mod partikolari fir-rigward ta’ tagħmir, apparati u mezzi li jagħmlu r-riproduzzjonijiet diġitali u li ma humiex disponibbli għall-utenti privati, u li ċarament huma rriżervati għal użu li ma jinvolvix l-ikkupjar privat, ma hijiex kompatibbli mal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva, iżda ukoll li, fejn it-tagħmir inkwistjoni jkun sar disponibbli lil persuni fiżiċi għal skopijiet privati ma jkunx neċessarju li dawn juru li għamlu kopji privati bl-għajnuna ta’ dak it-tagħmir u li għalhekk ikunu fil-fatt ikkaġunaw il-ħsara lill-awtur tax-xogħol protett (48) . Għalhekk jista’ jiġi impost ħlas fuq tagħmir, apparati jew mezzi abbażi, mhux tal-użu għar-riproduzzjoni li fil-fatt għandu l-materjal protett, imma tal-użu li jista’ jkollu, u għandu jiġi eskluż fejn dan l-użu nnifsu jkun eskluż. Għal darb’oħra jidher li l-istess għandu japplika fil-każ tal-ikkupjar analoġiku fi ħdan l-iskop tal-Artikolu 5(2)(a).
80. Konsegwentement, fid-dawl tar-risposta li qed nipproponi għat-tieni domanda, għandu fil-prinċipju jkun leġittimu li wieħed jimponi ħlas fuq il-manifattura, l-importazzjoni jew il-bejgħ mhux biss ta’ apparat bħal ma huma fotokopjaturi u apparat tal-AIO li jistgħu jipproduċu kopji mill-analoġiku għall-analoġiku waħedhom, iżda anki fuq apparati li jistgħu jintuzaw biex jipproduċu dawn il-kopji meta msensla flimkien, imma mhux individwalment.
81. Sa fejn dan il-ħlas jiġi impost skont id-Direttiva, u għalhekk b’implementazzjoni tad-dritt tal-UE, l-Istati Membri għandhom jirrispettaw il-prinċipji ġenerali ta’ dik il-liġi meta jkunu qed jeżerċitaw l-għażliet disponibbli lilhom (49) .
82. Meta jiġi impost ħlas fir-rigward ta’ sensiela ta’ apparati, ikun jidher inkonsistenti mal-prinċipju ta’ trattament ugwali jew tal-proporzjonalità — jew saħansitra, ma’ kwalunkwe kunċett ta’ kumpens ġust jew ta’ bilanċ ġust bejn id-detenturi tad-dritt u l-utenti (50) — li kull komponent tas-sensiela jiġi suġġett għall-istess ħlas li jiġi impost għalih apparat li jaħdem waħdu, bħal pereżempju fotokopjatur. Dan ir-raġunar ifisser li utent jista’ jsib ruħu f’sitwazzjoni fejn iħallas kontribuzzjonijiet għall-kumpens ġust li jvarjaw ħafna skont it-tagħmir li jagħżel, li ma jidhirx li hu “ġust” iżda li jidher li x’aktarx jgħawweġ il-kompetizzjoni bejn il-fornituri ta’ tipi differenti ta’ apparat.
83. Għall-ewwel il-loġika ta’ VG Wort li l-ħlas għandu jinqasam bejn id-diversi tipi ta’ apparat ma jidhirx li hu inkonsistenti mad-Direttiva. Lanqas, madankollu, ma jidher għall-ewwel inkonsistenti mad-Direttiva li l-ħlas jiġi sofrut minn apparat wieħed biss mis-sensiela. Iżda l-affarijiet huma iżjed ikkomplikati minn hekk, b’mod partikolari jekk wieħed jikkunsidra l-prinċipju ta’ trattament ugwali imsemmi mill-Bundesgerichtshof.
84. L-ewwel nett, ma hemmx dubju li tista’ tinkiseb statistika medja dwar l-użu tal-fotokopjaturi u tal-apparat AIO għar-riproduzzjoni ta’ materjal protett, u hu biss abbażi ta’ din l-informazzjoni li l-ħlas (jew tal-inqas kull ħlas tat-tip ikkontemplat f’Padawan) impost fuq dan l-apparat, u li hu intiż li jipprovdi l-kumpens ġust lill-awturi, jista’ jiġi kkalkolat. Madankollu, wieħed għandu jikkunsidra jekk din id-data tistax tiġi estrapolata minn sensiela ta’ apparati bħal ma huma skàner, kompjuter u printer . Ma jidhirx li din is-sensiela hi primarjament intiża għall-ikkupjar mill-analoġiku għall-analoġiku, li għalih huma iżjed adattati l-fotokopjaturi u l-apparat AIO. Jekk fil-fatt tintuża għal dan l-iskop, x’aktarx li l-użu jkun ristrett għall-iskop speċifiku tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva iżjed milli għal dak tal-Artikolu 5(2)(a), minħabba li jidher li hu iżjed probabbli li persuni li ma humiex persuni fiżiċi, jew dawk li jagħmlu l-kopji għal skopijiet li ma humiex privati jew kummerċjali, jagħżlu metodi inqas ingombranti għal-ikkupjar minn analoġiku għal analoġiku — fi kliem ieħor, għall-iffotoko pjar jew forsi anki xi tip ta’ stampar offset . Għalhekk, f’dak li jirrigwarda l-iskop attwali (fis-sens ta’ medja statistika) ta’ dan it-tip ta’ kkupjar, jidher diffiċli li wieħed iqabbel sensiela ta’ tliet apparati li kull wieħed minnhom iwettaq parti mil-proċess, ma’ apparat uniku li jwettaq il-proċess kollu.
85. It-tieni nett, jekk skàner, komputer personali u printer jistgħu jintużaw flimkien sabiex jagħmlu l-kopji mill-analoġiku għall-analoġiku, l-apparat li minnu tiddaħħal l-informazzjoni mhux bilfors għandu jkun skàner. Il-kameras tar-ritratti diġitali, inklużi dawk inkorporati f’tipi oħra ta’ apparat, jistgħu ukoll jintużaw għal dan l-iskop. Jekk għandu jiġi impost ħlas fuq skàners (kemm jekk b’mod proporzjonali għall-parti funzjonali tagħhom fil-proċess f’diversi stadji, u kemm jekk le), ma għandux ukoll jiġi impost fuq apparat li minnu tiddaħħal l-informazzjoni ekwivalenti?
86. It-tielet nett, is-sensiela ta’ tliet apparati li tirreferi għalihom il-Bundesgerichtshof, wieħed jista’ jarahom (u x’aktarx li dawn iktar jintużaw hekk) bħala żewġ pari ta’ apparati — skàner u kompjuter, kompjuter u printer — li kull wieħed minnhom jagħmel il-kopji li ma humiex ta’ tip analoġiku għall-analoġiku u li għalhekk, skont ir-risposta proposta tiegħi għat-tieni domanda, ma jaqawx taħt l-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva. Sa fejn dan l-użu jaqa’ fi ħdan l-eċċezzjonijiet l-oħra tal-Artikolu 5(2) jew (3), ikun jidher ċar li ħlas impost biex jipprovdi kumpens ġust jista’ jkun iġġustifikat — iżda dan ikun differenti minn ħlas biex jipprovdi kumpens ġust fir-rigward tal-ikkupjar tat-tip analoġiku għall-analoġiku (riproduzzjoni permezz tal-iffotokopjar jew ta’ proċess li għandu effetti simili skont l-UrhG).
87. Ir-raba’ nett, f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni proprja tal-ħlas kif speċifikat fl-Anness II tal-UrhG, huwa diffiċli li wieħed jara kif il-kriterji, li jirrigwardaw in-numru ta’ kopji fil-minuta u d-disponibbiltà tal-kulur, jistgħu jiġu applikati b’mod faċli għal sensiela ta’ apparati, irrispettivament jekk il-ħlas ikunx mifrux mas-sensiela kollha jew jekk jiġix applikat għal apparat wieħed sakemm, fil-każ tal-aħħar, dan l-apparat ikun il- printer .
88. Għalhekk jinqalgħu numru ta’ diffikultajiet f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni li għandha tiġi riżolta fil-proċeduri ewlenin. Dawn il-biċċa l-kbira jirriżultaw min-natura koinċidenti tal-eċċezzjonijiet fl-Artikolu 5(2) u (3) tad-Direttiva, u mill-fatt li s-sistema tal-impożizzjoni tal-ħlas inkwistjoni Ġermaniża hi kemxejn problematika minħabba li tolqot bosta minn dawn l-eċċezzjonijiet. Madankollu dawn ukoll jenfasizzaw ċerta tensjoni fir-rigward tal-loġika adottata mil-Qorti tal-Ġustizzja f’Padawan, li mhux bilfors kienet immedjatament evidenti fil-kuntest ta’ dak il-każ.
89. F’dik is-sentenza, il-Qorti essenzjalment deherilha li kien hemm (i) konnessjoni neċessarja bejn l-att tal-ikkupjar u l-obbligu li jitħallas kumpens ġust lid-detenturi tad-drittijiet, (ii) presupponiment li l-apparati li jistgħu jintużaw għall-ikkupjar fil-fatt qed jintużaw għalhekk u (iii) projbizzjoni fuq l-impożizzjoni tal-ħlas fuq apparati li ċarament jaqgħu barra mill-iskop tal-eċċezzjoni partikolari awtorizzata mid-Direttiva (51) .
90. Jien jidhirli li dik il-fehma kienet iżjed faċli li wieħed jasal għaliha u jsostniha fil-kuntest ta’ Padawan milli fil-kuntest tal-kawżi preżenti. B’mod partikolari, Padawan kienet tirrigwarda biss l-eċċezzjoni fir-rigward tal-ikkupjar privat skont l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva, u dawk l-oġġetti biss li huma prinċipalment intiżi għall-ikkupjar u li jistgħu jaqgħu taħt din l-eċċezzjoni. Dak li wassal għat-tilwima fil-kawża nazzjonali u għal-loġika li adottat il-Qorti tal-Ġustizzja biex tirrispondi d-domandi magħmula, kien il-presupponiment (bla ebda dubju ġġustifikat fiċ-ċirkustanzi preżenti) li teżisti distinzjoni ċara bejn l-ikkupjar privat, li jaqa’ fi ħdan id-definizzjoni tal-Artikolu 5(2)(b), u l-ikkupjar professjonali, li ma jaqax. Madankollu l-kawżi preżenti jikkonċernaw ħlas maħsub biex jiffinanzja kumpens ġust fir-rigward ta’ sensiela ta’ eċċezzjonijiet li jikkoinċidu b’mod ħafif, li ħafna minnhom jistgħu jaqgħu barra d-definizzjoni fl-Artikolu 5(2)(b) iżda li kollha kemm huma għandhom jaqaw fi ħdan id-definizzjoni fl-Artikolu 5(2)(a). Barra dan, dan il-ħlas irid jiġi applikat fir-rigward ta’ apparat li l-użu intiż u attwali tiegħu spiss jestendi barra l-eċċezzjonijiet inkwistjoni, u li spiss jiġi użat f’konfigurazzjonijiet differenti li jaqgħu esklużivament barra l-isfera ta’ koinċidenza, u f’sitwazzjoni fejn ma jkun hemm ebda mod ċar kif wieħed, meta jkun qed jixtri xi apparat, jidentifika għal xiex dan ser jintuża.
91. Jidhirli li jekk ir-raġunar adottat f’ Padawan għandu jiġi sostnut fl-intier tiegħu, ikun hemm bżonn li dan jiġi ristrett għal eċċezzjonijiet nazzjonali li jaqgħu esklużivament fi ħdan id-definizzjoni tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva, u għal ħlasijiet fuq apparat jew mezzi li wieħed jista’ jiddivrenzja bejniethom skont jekk jiġux użati għall-ikkupjar privat jew għall-ikkupjar mhux privat. F’dak li jirrigwarda l-ħlas inkwistjoni hawn, inħoss li jkun iktar utli li jiġi adottat raġunar li jagħmel distinzjonijiet iżjed fini, forsi wieħed li jippermetti iżjed libertà fl-Istati Membri.
92. Jien inklinata li naqbel mal-Kummissjoni u ma’ Kyocera li, filwaqt li l-kumpens ġust fi ħdan it-tifsira tad-Direttiva hu bla dubju intiż biex ipatti għall-ħsara kkaġunata mill-ikkupjar, li minħabba l-eċċezzjoni jew il-limitazzjoni fir-rigward tad-dritt tar-riproduzzjoni, id-detenturi tad-drittijiet jiġu mċaħħda minn kull kontroll, ma hemm xejn fid-direttiva li jeżiġi li dan il-kumpens għandu jitħallas dejjem minn dawk li jkunu qed iwettqu l-ikkupjar inkwistjoni. U bla dubju lanqas ma qiegħed jiġi b’xi mod eskluż dan l-iffinanzjar, iżda jekk dan hux il-metodu l-iżjed xieraq jista’ jiddependi fuq iċ-ċirkustanzi ta’ kull eċċezzjoni jew limitazzjoni. U fejn dan ikun xieraq, jekk ħlas fir-rigward ta’ apparat jew mezzi li jikkupjaw huwiex l-iżjed mezz xieraq biex jinkiseb dan jista’ wkoll jiddependi fuq iċ-ċirkustanzi. Pereżempju, ħlas fuq DVD vojt jista’ jkun xieraq bħala kumpens ġust fir-rigward tal-ikkupjar privat ta’ films, filwaqt li ħlas fuq karta vojta ma jkunx xieraq bħalma l-ħlas fir-rigward ta’ fotokopjaturi fil-kuntest ta’ eċċezzjoni fuq l-iffotokopjar. Fil-każ ta’ eċċezzjonijiet oħra — pereżempju, kwotazzjonijiet għall-iskop tal-kritika jew tal-analiżi, jew biex jintużaw għall-iskop ta’ karikatura, parodija jew pastiċċ — jista’ proprju ma jkun hemm ebda element li fuqu jkun utli li jiġi impost ħlas.
93. Fid-dawl tat-tip ta’ diffikultajiet li jien semmejt iktar ’il fuq, jidhirli li, pjuttost mill-Qorti tal-Ġustizzja, hi l-qorti nazzjonali li għandha teżamina f’iżjed dettall il-ħlas stabbilit mill-UrhG. Għandha tħares lejn il-mod li bih jiġi kkalkolat il-ħlas fir-rigward tal-fotokopjaturi, u teżamina sa liema punt jista’ dan il-ħlas jiġi applikat għal sensiela ta’ apparati li flimkien jistgħu jipproduċu kopji simili iżda fejn l-ebda waħda minnhom ma tista’ tagħmel dan indipendentement u fejn kull apparat partikolari normalment jintuża għal skopijiet oħra. Għandha tikkunsidra jekk l-applikazzjoni tal-ħlas fir-rigward ta’ sensiela ta’ apparati, jew fir-rigward ta’ apparat partikolari fi ħdan is-sensiela, tipprovdix bilanċ ġust tad-drittijiet u l-interessi ta’ bejn id-detenturi tad-drittijiet u l-utenti. Fl-opinjoni tiegħi, f’dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ trattament ugwali, li jikkostitwixxi l-preokkupazzjoni ewlenija tal-Bundesgerichtshof, għandha tikkunsidra b’mod partikolari l-aspett tat-trattament ugwali tax-xerrejja tal-apparat (inkluż apparat ieħor b’funzjonijiet simili) u mhux sempliċement dak tal-importaturi jew tad-distributuri, minħabba li fl-aħħar mill-aħħar l-ħlas ikun qed jiġi soffrut minn dawk ix-xerrejja.
Ir-raba’ domanda: miżuri teknoloġiċi sabiex jiġi kkumbattut l-ikkupjar mhux awtorizzat
94. F’dak li jirrigwarda l-ikkupjar privat, id-detenturi tad-drittijiet għandhom, skont l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva, jirċievu kumpens ġust li jieħu kont tal-applikazzjoni jew in-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-miżuri teknoloġiċi (52) għall-materjal protett ikkonċernat. Il-miżuri teknoloġiċi huma dawk maħsuba sabiex jipprevjenu jew jirrestrinġu atti mhux awtorizzati mid-detentur tad-drittijiet, u jitqiesu effettivi meta l-użu tal-materjal jiġi kkontrollat permezz ta’ kontroll fuq l-aċċess jew ta’ xi proċess ta’ protezzjoni (bħal pereżempju l-iċċifrar jew l- iscrambling ) jew ta’ xi mekkaniżmu li jikkontrolla l-ikkupjar. Il-possibbiltà li jiġu applikati dawn il-miżuri — għall-kuntrarju tal-applikazzjoni tagħhom fil-fatt — hija biżżejjed sabiex tirrendi inapplikabbli l-kundizzjoni relatata mal-kumpens ġust fl-Artikolu 5(2)(b)?
95. Fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, din id-domanda hija rilevanti sabiex ikun jista’ jiġi kkalkolat il-ħlas (wara li jkunu ġew iddeterminati dawk intitolati jirċievu kumpens ġust) (53) .
96. Mandankollu, jien nixtieq nerġa’ nenfasizza li dawn id-dispożizzjonijiet jirrigwardaw ħlas impost fuq atti ta’ riproduzzjoni li jaqgħu kemm ġewwa kif ukoll barra l-ambitu tal-eċċezzjoni għall-ikkupjar privat fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva, li waħdu jeżiġi li għandu jiġi kkunsidrat jekk il-miżuri teknoloġiċi ġew jew ma ġewx applikati. Barra dan, l-atti inkwistjoni huma, jekk ir-risposta ssuġġerita tiegħi għat-tieni domanda hija korretta, restritti għall-ikkupjar mill-analoġiku għall-analoġiku. Huwa veru li jistgħu jittieħdu ċerti miżuri biex jirrendu l-ikkupjar diffiċli (54), iżda dawn huma l-biċċa l-kbira applikati sabiex jikkumbattu l-iffalsifikar ta’ dokumenti uffiċjali jew biex iħarsu s-sigurtà ta’ sigrieti kummerċjali iżjed milli sabiex jipproteġu l-materjal li għandu d-dritt tal-awtur. Il-miżuri teknoloġiċi li hija kkonċernata bihom id-Direttiva huma pjuttost dawk li jipprevjenu jew jirrestrinġu r-riproduzzjoni minn sorsi diġitali. Sabiex nagħti eżempju, dokument jista’ jkun aċċessibbli sabiex wieħed jarah fuq kompjuter b’tali mod li ma jkunx jista’ jissejvjah jew jistampah mingħajr password ; l-utenti jistgħu jingħataw il- password wara li jkunu rreġistraw mad-detentur tad-drittijiet u aċċettaw ċerti kundizzjonijiet u l-ħlas ta’ dritt.
97. Jien għaldaqstant niddubita jekk ir-risposta għar-raba’ domanda hijiex rilevanti għall-ħlas inkwistjoni fil-kawżi prinċipali. (Madankollu, ma naqbilx mas-sottomissjoni ta’ Fujitsu li din hija rrilevanti minħabba li l-Artikolu 5(2)(b) ma jirrigwardax riproduzzjonijiet fuq “kull mezz” iżda biss fuq ;“mezz[i] ta’ rekordjar awdjo, viżiv jew awdjoviżiv analoġiku/diġitali”, [Traduzzjoni mhux uffiċjali] li kien il-kliem oriġinali tal-proposta tal-Kummissjoni, li ġie emendat mill-Kunsill biss “sabiex jissimplifika l-kliem” (55) . Id-Direttiva tuża l-kliem “kull mezz” u ma għandhiex issir interpretazzjoni li tmur kontra t-tifsira ċara tagħhom. Fi kwalunkwe każ, il-karta hija fil-fatt “mezz ta’ rekordjar viżiv analoġiku”, anki jekk hawn ftit li jiddiskrivuha b’dan il-mod). Xorta waħda, minkejja d-dubji tiegħi, jien ser nittratta d-domanda skont kif ġiet magħmula.
98. Apparti s-sottomissjoni ta’ Fujitsu dwar l-irrilevanza tad-domanda, ir-risposti proposti jaqgħu fi tliet gruppi. Hewlett Packard, Kyocera, il-Litwanja, il-Pajjiżi l-Baxxi u r-Renju Unit kollha jidhrilhom li s-sempliċi possibbiltà tal-użu ta’ “miżuri teknoloġiċi” sabiex tiġi protetta biċċa xogħol hija suffiċjenti sabiex jiġi eliminat kull rekwiżit ta’ provvediment ta’ kumpens ġust fir-rigward tar-riproduzzjonijiet tax-xogħol; L-Irlanda hija bejn wieħed u ieħor tal-istess idea iżda tiffavorixxi metodu li jittratta l-kwistjonijiet każ b’każ. Għal kuntrarju ta’ dan, VG Wort, il-Ġermanja, il-Polonja u l-Kummissjoni jidhrilhom li huwa biss l-użu proprju ta’ dawn il-miżuri li għandu jkollu dak l-effett. Min-naħa l-oħra, Spanja u l-Finlandja jidhrilhom li d-Direttiva ma hijiex suffiċjentement espliċita u li l-kwistjoni għandha tiġi deċiża mill-Istati Membri. (Madankollu, jidher li l-partijiet kollha jaqblu li meta l-miżuri teknoloġiċi effettivi jiġu fil-fatt implementati ma jkun hemm ebda intitolament għall-kumpens ġust).
99. Is-sottomissjonijiet li jiffavorixxu l-ewwel fehma jibbażaw ruħhom b’mod sinifikanti fuq il-premessi 35 u 39 fil-preambolu tad-Direttiva, li jirreferu għall-bżonn li jittieħed kont ta’, rispettivament, il-“grad ta’ użu ta’ miżuri ta’ protezzjoni teknoloġika” u l-iżviluppi teknoloġiċi “meta miżuri ta’ protezzjoni teknoloġika effettiva jkunu disponibbli”. Qiegħed jiġi enfasizzat ukoll li d-detenturi tad-drittijiet, li kieku dawn jistgħu jitolbu l-kumpens sempliċement abbażi tal-fatt li ma jkunux għażlu li jistabbilixxu dawn il-miżuri, ma jkollhomx inċentiva jipproteġu d-drittijiet tal-proprjetà intelletwali tagħhom jew inkella jeżerċitawhom skont l-għan prinċipali tad-Direttiva, iżda jiddependu biss fuq ħlas ġenerali li possibbilment ma jkunx relatat mad-domanda attwali għall-materjal tagħhom. Bosta mill-partijiet jirreferu għal abbozz ta’ dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni (56) li jidher li jiffavorixxi din il-fehma. Dawn jenfasizzaw ukoll dak li ppreċiżat il-Qorti tal-Ġustizzja f’ Padawan (57) li l-kumpens ġust għandu jitqies li hu maħsub biex jagħmel tajjeb għall-ħsara soffruta mill-awtur u li għandu jiġi kkalkolat abbażi ta’ dan; meta detentur tad-drittijiet ikun għamel kopja diġitali ta’ xogħlu disponibbli, u ma jkunx ħa l-passi sabiex, permezz ta’ miżuri teknoloġiċi, jipproteġi dan ix-xogħol milli jiġi kkupjat, ma jistax wieħed jgħid li dan ikun sofra l-ħsara jekk xogħlu jiġi kkupjat.
100. Hemm dawk li jiffavorixxu l-fehma opposta b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-kliem “jiġu jew ma jiġux applikati (58) ” fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva, u r-referenza fl-Artikolu 6(3) għal miżuri teknoloġiċi “effettivi”, li t-tnejn li huma jidhru li jeskludu li jittieħed kont tas-sempliċi possibbiltà tal-applikazzjoni ta’ miżuri tekniċi.
101. Jiena nista’ napprezza l-attrazzjoni ta’ sistema li permezz tagħha detentur tad-drittijiet li jippermetti l-aċċess għall-pubbliku ta’ xogħlu, iżda li ma jimplementax il-mezzi disponibbli biex jikkontrolla l-ikkupjar skont id-dritt ta’ riproduzzjoni tiegħu, li huwa d-dritt ewlieni skont l-intenzjoni ta’ din id-Direttiva, għandu jitlef l-intitolament tiegħu għall-kumpens ġust, li hu dritt sekondarju, meta jsir l-ikkupjar privat. Madankollu ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi favur jew kontra din is-sistema, iżda li tinterpreta d-Direttiva skont kif din ġiet ippromulgata.
102. Il-kliem tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva ma jagħmel ebda referenza għal xi kriterju ta’ disponibbiltà jew ta’ nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ miżuri teknoloġiċi: din id-dispożizzjoni tirreferi b’mod espliċitu u esklużiv għall-applikazzjoni jew nuqqas ta’ applikazzjoni tagħhom (jew għal jekk dawn ikunux ġew applikati jew le). U jekk il-kunsiderazzjoni tal-applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri lil materjal suġġett għad-drittijiet tal-awtur ikollha effett partikolari f’dak li jirrigwarda l-intitolament għall-kumpens ġust tad-detentur tad-drittijiet, allura l-kunsiderazzjoni tan-nuqqas ta’ applikazzjoni tagħhom (tkun xi tkun ir-raġuni) ma jistax ikollha l-istess effett jekk il-klawżola finali fl-Artikolu 5(2)(b) għandha tagħmel xi ftit tas-sens.
103. Huwa veru li hemm ċerti indikazzjonijiet fil-preambolu li jistgħu jiffavorixxu fehma differenti. Madankollu, ma nistax ninterpreta l-espressjoni “grad ta’ użu” fil-premessa 35, fis-sens ta’ kwalunkwe konsegwenza, meta l-miżuri jkunu disponibbli iżda mhux applikati. Il-premessa 39 ma ssemmix id-disponibbiltà. Din tgħid: “Meta japplikaw l-eċċezzjoni jew limitazzjoni dwar ikkupjar privat, l-Istati Membri għandhom jagħtu kunsiderazzjoni xierqa lil żviluppi teknoloġiċi u ekonomiċi, b’mod partikolari dwar ikkupjar diġitali privat u skemi ta’ rimunerazzjoni, meta miżuri ta’ protezzjoni teknoloġika effettiva jkunu disponibbli”. Madankollu, jidhirli li dan xorta jibqa’ ’il bogħod mill-asserzjoni li l-kumpens ġust għandu jiġi eskluż meta l-miżuri jkunu disponibbli iżda mhux użati. Lanqas ma nista’ nsib xi indikazzjoni xi mkien ieħor fid-direttiva jew fit- travaux préparatoires li kien intiż dan ir-riżultat. Fl-aħħar nett, ma naħsibx li wieħed jista’ jogħqod fuq dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni, li jidher li qatt ma żviluppa iżjed mill-istadju tal-abbozz, u li hu ċar li ma jirrappreżentax il-fehmiet tal-Kummissjoni kif ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja.
104. Lanqas ma jien konvint, madankollu, li d-Direttiva teżiġi li l-kumpens ġust jiġi previst fid-dritt tal-Istati Membri kollha fejn id-detenturi tad-drittijiet ikunu naqsu milli jipprevjenu jew jirrestrinġu l-ikkupjar mhux awtorizzat bil-mezzi disponibbli għalihom. Il-kliem “kumpens ġust li jikkunsidra li [...] ma jiġux applikati miżuri teknoloġiċi” jista’ ukoll jinkludi l-possibbiltà li n-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-miżuri disponibbli mhux bilfors iwassal għall-kumpens ġust. Il-kliem tal-premessa 39 fil-preambolu huwa bl-istess mod, jew anki iżjed, kapaċi jinkludi din il-possibbiltà. Barra dan, jien ninnota li l-premessa 39 ma tagħmilx (bħal ma tagħmel il-premessa 35 pereżempju) dikjarazzjoni ġenerali dwar il-kontenut tad-Direttiva, iżda pjuttost, tgħid li “l-Istati Membri għandhom jagħtu kunsiderazzjoni xierqa [...].”. Dan il-kliem huwa tipiku ta’ dawk il-premessi fil-preambolu li jirreferu għal ċertu livell ta’ libertà fir-rigward tal-Istati Membri (59) . Minħabba li d-domanda hawn hija essenzjalment waħda li tirrigwarda politika, u politika li ma hijiex stabbilita b’mod ċar fid-Direttiva, jien jidhirli li l-interpretazzjoni korretta għandha tkun li l-Artikolu 5(2)(b) jippermetti lill-Istati Membri jagħżlu jekk u sa liema punt għandu jiġi pprovdut il-kumpens ġust fil-każijiet fejn il-miżuri teknoloġiċi jkunu disponibbli lid-detenturi tad-drittijiet iżda meta dawn ma japplikawhomx.
Il-ħames domanda: kumpens ġust fil-każ ta’ awtorizzazzjoni għall-ikkupjar
105. Meta Stat Membru jkun implementa xi eċċezzjoni jew limitazzjoni fir-rigward tad-dritt ta’ riproduzzjoni, li jinvolvi l-intitolament (kemm jekk obbligatorju kif ukoll jekk volontarju) għall-kumpens ġust, dan l-intitolament japplika meta id-detenturi tad-drittijiet ikunu awtorizzaw, b’mod espress jew impliċitu, ir-riproduzzjoni tax-xogħlijiet tagħhom?
106. Għal darba oħra, din id-domanda hija rilevanti sabiex ikun jista’ jiġi kkalkolat il-ħlas b’referenza għall-identifikazzjoni ta’ dawk li jkunu intitolati jirċievu l-kumpens ġust. Din ukoll tqajjem kwistjoni ta’ prinċipju li jikkonċerna r-relazzjoni bejn, min-naħa l-waħda, id-dritt bażiku li wieħed jawtorizza jew jipprojbixxi r-riproduzzjoni, bid-dritt konkomitanti li jiġi nnegozjat id-dritt għar-remunerazzjoni fir-rigward tal-ikkupjar jew li jintalab il-kumpens fir-rigward ta’ ksur, u, min-naħa l-oħra, l-eċċezzjonijiet li jista’ jsir provvediment għalihom fi dritt nazzjonali, bl-intitolament konkomitanti tagħhom għall-kumpens ġust.
107. Il-Bundesgerichtshof tippreċiża li s-sentenza f’ Padawa n (60) tenfasizza l-konnessjoni bejn il-kumpens u l-ħsara kkaġunata lid-detenturi tad-drittijiet meta jiġu kkupjati x-xogħlijiet tagħhom, iżda tgħid ukoll li ma tista’ tiġi kkaġunata ebda ħsara lil detentur tad-drittijiet meta xogħlu jiġi kkupjat bl-awtorizzazzjoni tiegħu. Madankollu, hi predisposta għall-fehma li eċċezzjoni jew limitazzjoni għad-dritt tar-riproduzzjoni skont l-Artikolu 5(2) jew (3) tad-Direttiva ċċaħħad lid-detenur tad-drittijiet mid-dritt tiegħu li jawtorizza jew jipprojbixxi r-riproduzzjoni skont l-Artikolu 2, u li għalhekk kull awtorizzazzjoni ma jkollha ebda effett skont l-intenzjoni tad- Direttiva.
108. VG Wort, il-Ġermanja u l-Polonja essenzjalment jaqblu mal-fehma provviżorja tal-Bundesgerichtshof; il-Kummissjoni tadotta raġunar simili iżda li jagħmel distinzjonijiet iżjed fini; filwaqt li l-fornituri u l-kumplament tal-Istati Membri li ssottomettew l-osservazzjonijiet tagħhom essenzjalment iqisu li kull detentur tad-drittijiet li fl-eżerċitar tad-dritt tiegħu ggarantit mill-Artikolu 2 tad-Direttiva jawtorizza l-ikkupjar tax-xogħlijiet tiegħu (kemm jekk b’mod espliċitu jew impliċitu, u jekk ikunx irid jiġi kkunsidrat jew le), jitlef kull intitolament għall-kumpens ġust li altrimenti seta’ kien dovut lilu bis-saħħa ta’ eċċezzjoni jew ta’ limitazzjoni fuq id-dritt tiegħu stabbilita fil-liġi skont l-Artikolu 5(2) jew (3).
109. Din il-kwistjoni ta’ prinċipju tista’ tiġi espressa b’mod sempliċi. Jekk detentur tad-drittijiet irid jeżerċita d-dritt tiegħu li jawtorizza jew jipprojbixxi r-riproduzzjoni f’ċirkustanzi koperti b’eċċezzjoni fid-dritt nazzjonali għal dak id-dritt, liema waħda minn dawn it-tnejn tieħu preċedenza: id-dritt tar-riproduzzjoni jew l-eċċezzjoni?
110. Anki r-risposta tidher pjuttost sempliċi, għall-inqas fil-prinċipju. Meta persuna tgawdi dritt mogħti lilha mil-liġi, iżda dak id-dritt ikun suġġett għal xi eċezzjonijiet jew limitazzjonijiet li jkunu wkoll stabbiliti f’dik il-liġi, dan id-dritt ma jistax jiġi eżerċitat meta u sal-punt li fih japplikaw l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet. L-effetti legali tal-eżerċitar ta’ dak id-dritt ma jistgħux ikunu iżjed minn dawk previsti fir-regoli li jirregolaw dawk l-eċċezzjonjiet u l-limitazzjonijiet. Din hija eżattament is-sitwazzjoni li teżisti fir-rigward tad-dritt ta’ riproduzzjoni li jridu jipprovdu għalih l-Istati Membri skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva, u l-eċċezzjonijiet jew il-limitazzjonijiet li huma jistgħu jipprovdu għalihom skont l-Artikolu 5(2) u (3), meta dawn jagħżlu li jagħmlu provvediment għall-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet.
111. Pereżempju, jekk Stat Membru jistabbilixxi eċċezzjoni sempliċi fir-rigward tad-dritt tar-riproduzzjoni, mingħajr ebda provvediment għall-kumpens ġust, u fejn il-fotokopji jsiru fl-iskejjel u użati għal skopijiet ta’ tagħlim (kif inhu intitolat jagħmel skont l-Artikolu 5(2)(ċ) tad-Direttiva), id-detenturi tad-drittijiet ma jkollhom ebda opportunità li jinfluwenzaw il-kwistjoni. Ma jkunux jistgħu jipprojbixxu l-fotokopjar, u kull awtorizzazzjoni li huma jkunu jixtiequ jagħtu tkun kemm superfluwa kif ukoll bla effett ġuridiku. Din is-sitwazzjoni xorta ma tistax tinbidel jekk, minflok, l-Istat Membru jagħżel li jipprovdi għall-istess eċċezzjoni fil-leġiżlazzjoni iżda bl-intitolament għall-kumpens ġust. L-unika differenza tkun li d-detenturi tad-drittijiet jkunu intitolati għal dak il-kumpens taħt kwalunkwe kundizzjonijiet previsti fid-dritt nazzjonali. U lanqas ma tista’ s-sitwazzjoni tinbidel f’każijiet fejn (bħalma huma dawk imsemmija fl-Artikolu 5(2)(a) u (b)) l-Istat Membru ma jkollu ebda għażla ħlief li jagħmel provvediment għall-kumpens ġust.
112. Biex wieħed ipoġġiha mod ieħor, jekk Stat Membru jagħmel provvediment, skont l-Artikolu 5(2) jew (3) tad-Direttiva, għal eċċezzjoni fir-rigward tad-dritt tar-riproduzzjoni previst fl-Artikolu 2, id-detenturi tad-drittijiet ma jistgħux, fil-prinċipju, sempliċement jerġgħu jasserixxu dak id-dritt u jinjoraw l-eċċezzjoni.
113. Jien jidhirli li din għandha tkun il-pożizzjoni bażika u tal-anqas il-punt ta’ tluq sabiex wieħed ikun jista’ jagħti risposta għall-ħames domanda. Madankollu jista’ jkun xieraq illi wieħed jikkwalifika dik il-pożizzjoni fid-dawl ta’ wieħed jew iżjed mill-argumenti l-oħra mressqa.
114. L-ewwel nett, Fujitsu u Hewlett Packard jikkontendu li l-interpretazzjoni tal-Bundesgerichtshof ittellef id-dritt ta’ proprjetà ggarantita mill-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (61), minħabba li tipprevjeni lid-detenturi tad-drittijiet milli jagħtu l-liċenzji bla ħlas sabiex jiġu kkupjati x-xogħlijiet tagħhom. Madankollu, filwaqt li din tassew ittellef dak id-dritt, fil-fehma tiegħi din l-interferenza hija permessa b’mod ċar fit-tieni sentenza tal-Artikolu 17(1) tal-Karta, minħabba li huwa “fl-interess pubbliku u fil-każijiet u skont il-kondizzjonijiet previsti mil-liġi” u li kumpens ġust jitħallas.
115. It-tieni nett, il-fornituri u ħafna mill-Istati Membri ressqu argumenti li jirrigwardaw ċerti preċiżazzjonijiet f’ Padawan . Fil-punt 39 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-iskop tal-kumpens ġust huwa li jikkumpensa lill-awturi għall-użu li jkun sar tax-xogħlijiet protetti tagħhom mingħajr l-awtorizzazzjoni tagħhom ; fil-punt 40, hija kkonfermat li l-kumpens ġust huwa relatat mal-ħsara li ssir lill-awtur meta x-xogħol tiegħu jiġi riprodott għall-użu privat mingħajr l-awtorizzazzjoni tiegħu ; u fil-punt 45, li persuna li tikkaġuna l-ħsara lid-detentur tad-dritt tar-riproduzzjoni hija dik li tirripproduċi xogħol protett mingħajr ma tkun kisbet l-awtorizzazzjoni minn qabel mingħand id-detentur tad-drittijiet . Konsegwentement, qed jiġi sostnut, ma jistax ikun dovut il-kumpens ġust meta l-awtorizzazzjoni tkun diġà intalbet u ngħatat, kemm jekk tingħata mingħajr ħlas kif ukoll jekk bil-ħlas. Għalhekk f’ebda każ bħal dan ma tista issir ħsara jew ma għandu d-detentur tad-drittijiet ikun intitolat għal xi kumpens (ieħor), li ma jista’ qatt ikun “ġust”.
116. Jien ma iniex konvinta li s-siltiet iċċitati għandhom neċessarjament jiġu interpretati eżattament bil-mod issuġġerit. Fil-punt 2 tal-parti operattiva tas-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kumpens ġust għandu jiġi kkalkolat abbażi tal-kriterju tal-ħsara kkaġunata lill-awturi ta’ xogħlijiet protetti bl-introduzzjoni tal-eċċezzjoni dwar l-ikkupjar għal skopijiet privati. Huwa għalhekk f’dak id-dawl li qed ninterpreta r-referenzi preċedenti għan-nuqqas ta’ awtorizzazzjoni. L-awtorizzazzjoni ma tistax tingħata, minħabba l-fatt li d-detentur tad-drittijiet tneħħielu d-dritt li jagħtiha jew jirrifjutaha, u huwa f’dan ir-rigward li l-kumpens ġust huwa dovut.
117. It-tielet nett, madankollu, u b’mod iżjed importanti, qed tinġibed l-attenzjoni għal diversi passaġġi fil-preambolu tad-Direttiva. Il-premessa 30 tistipula li: “Id-drittijiet imsemmija f’din id-Direttiva jistgħu jiġu trasferiti, assenjati jew regolati mill-għotja ta’ liċenzji kuntrattwali, mingħajr preġudizzju għal-leġislazzjoni nazzjonali rilevanti dwar id-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati”. Fil-premessa 35, li titkellem dwar l-eċċezzjonijiet jew il-limitazzjonijiet, tinsab is-sentenza: “Fil-każi fejn id-detenturi tad-drittijiet ikunu diġà rċevew pagament f’xi forma jew oħra, per eżempju bħala parti minn ħlas ta’ liċenzja, l-ebda pagament speċifiku jew separat ma jkollu jitħallas”. Skont il-premessa 44, “l-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet ma jistgħux jiġu applikati b’mod li [...] jmorru kontra l-isfruttar normali tax-xogħol tiegħu jew ta’ suġġett ieħor”. Il-premessa 45 tistipula li: “L-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(2), (3) u (4) m’għandhomx [...] jimpedixxu t-tifsira ta’ relazzjonijiet kuntrattwali maħsuba biex jiżguraw kumpens ġust għad-detenturi tad-drittijiet sa fejn hu permess bil-liġi nazzjonali”. F’dak li jirrigwarda l-użu ta’ miżuri teknoloġiċi maħsuba biex jipprevjenu jew jirrestrinġu l-ikkupjar, il-premessa 51 tistipula: “L-Istati Membri għandhom jippromwovu miżuri volontarji meħuda minn ftehim detenturi tad-drittijiet, magħduda l-konklużjoni u l-implimentazzjoni ta’ ftehim bejn detenturi tad-drittijiet u partijiet oħra relatati, biex jiffaċilitaw li jilħqu l-għanijiet ta’ ċerti eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet li hemm provdut dwarhom fil-liġi nazzjonali skont din id-Direttiva”. U l-premessa 52 tkompli biex tistipula: “Meta jimplimentaw eċċezzjoni jew limitazzjoni għall-ikkupjar privat skont l-Artikolu 5(2)(b), l-Istati Membri għandhom bl-istess mod jippromwovu l-użu ta’ miżuri volontarji biex jiffaċilitaw li jiksbu l-għanijiet ta’ din l-eċċezzjoni jew limitazzjoni”.
118. Barra dan, l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva jipprovdi li l-eċċezzjonijiet jew il-limitazzjonijiet previsti, b’mod partikolari, fl-Artikolu 5(2) u (3), għandhom jiġu applikati biss “f’ċerti każi speċjali li ma jmorrux kontra l-isfruttament normali tax-xogħol jew suġġett ieħor u ma jippreġudikawx b’mod bla raġuni l-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet (62) ”. U l-Artikolu 6(4), f’dak li jirrigwarda l-miżuri teknoloġiċi maħsuba sabiex jipprevjenu jew jirrestrinġu l-ikkupjar, u fil kuntest tal-eċċezzjonijiet jew l-limitazzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(2)(a), (ċ), (d) jew (e), jew (3)(a), (b) jew (e), isemmi il-“miżuri volontarji meħuda mid-detenturi tad-drittijiet, magħduda ftehim bejn id-detenturi tad-drittijiet u partijiet oħra relatati”.
119. Fid-dawl ta’ dawk il-premessi u d-dispożizzjonijiet, jidher neċessarju illi wieħed jikkwalifika sa ċertu punt il-pożizzjoni bażika. Filwaqt li ma jidhirlix li l-premessa 30 kienet intiża sabiex tirreferi għall-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet previsti skont id-Direttiva, huwa ċar li l-leġiżlatura kellha l-intenzjoni li toħloq xi possibbiltà li l-arranġamenti kuntrattwali jikkoeżistu ma’ dawn l-eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet. Madankollu, il-limiti ta’ dik il-koeżistenza ma humiex iddefiniti b’mod ċar, jew għallinqas huma indikati b’mod wiesgħa. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, l-Istati Membri għandha tingħatalhom ftit tal-libertà.
120. Għandu xorta waħda jkun hemm il-limiti fuq dik il-libertà, u jidhirli li, meta wieħed iqis b’mod partikolari l-prinċipju bażiku li jien identifikajt bħala punt ta’ tluq għall-evalwazzjoni, il-loġika tal-Kummissjoni hija korretta. Din il-loġika tikkonsisti essenzjalment f’dan li ġej. L-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet kollha stipulati għandhom jibqgħu dan biss. Meta jkunu japplikaw, u fi ħdan il-limiti tal-applikazzjoni tagħhom, id-detenturi tad-drittijiet ma jibqgħux legalment f’pożizzjoni li jawtorizzaw jew jipprojbixxu l-ikkupjar li jagħmel ħaddieħor, jew li jippretendu l-kumpens għall-ikkupjar mhux awtorizzat. Meta il-kumpens ġust ma jkunx neċessarju, jew meta ma jkunx hemm provvediment għalih, ma jibqa’ xejn iżjed x’jingħad. Iżda meta l-kumpens ġust jingħata (jew għax teżiġih id-Direttiva jew għax l-Istat Membru jkun għażel li jagħmel provvediment għalih), l-Istati Membri jkollhom il-possibbiltà li jipprovdu li d-detenturi tad-drittijiet ikunu jistgħu jew jirrinunċjaw kull pretensjoni għall-kumpens ġust, jew jagħmlu xogħlijiethom disponibbli sabiex ikunu jistgħu jiġu kkupjati suġġett għal arranġamenti kuntrattwali (bħal pereżempju żieda xierqa fil-prezz bażiku) li jippermettilhom jirċievu l-kumpens ġust fir-rigward tal-ikkupjar futur li jagħmlu dawk li jkunu akkwistaw ix-xogħlijiet tagħhom.
121. Huwa ċar li d-detenturi tad-drittijiet li jagħżlu waħda minn dawn il-possibbiltajiet ma jista’ jkollhom ebda pretensjoni għal xi ħlas minn fondi bħal ma huma dawk stabbiliti mill-ħlas inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, u l-ħlas għandu jiġi kkalkolat b’tali mod li jipprovdi l-kumpens ġust biss lil dawk id-detenturi tad-drittijiet li ma jkunux għamlu din l-għażla. Għandu jkun ukoll il-każ li jkunu xi jkunu l-arranġamenti kuntrattwali miftiehma bejn id-detenturi tad-drittijiet u dawk li jakkwistaw ix-xogħlijiet tagħhom, ma għandhom la jnaqqsu mid-drittijiet li dawn tal-aħħar jiksbu minn xi eċċezzjoni jew limitazzjoni applikabbli, u lanqas ma jinvolvu xi ħlasijiet li jeċċedu l-“kumpens ġust” fi ħdan it-tifsira tad-Direttiva.
L-ewwel domanda: ir-rilevanza tad-Direttiva ratione temporis
122. Għad irid jiġi kkunsidrat sa liema punt għandu jittieħed kont tal-interpretazzjoni tad-Direttiva fir-rigward tal-perijodu rilevanti għat-tilwimiet fil-kawżi ewlenin.
123. Skont il-fajls tal-każ, dawn il-kawżi jirrigwardaw apparat mibjugħ bejn l-1 ta’ Jannar 2001 u l-31 ta’ Diċembru 2007.
124. Id-Direttiva ma ġietx ippubblikata, u ma daħlitx fis-seħħ qabel t-22 ta’ Ġunju 2001. Għalhekk ma għandha l-ebda rilevanza fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali f’dak li jikkonċerna ġrajjiet li seħħew qabel dik id-data.
125. L-Istati Membri kienu obbligati jdaħħlu fis-seħħ dawn il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi mad-Direttiva qabel it-22 ta’ Diċembru 2002. Madankollu jidher li l-Ġermanja ma kkompletatx dan il-proċess qabel it-13 ta’ Settembru 2003 (63) .
126. Xorta waħda, meta japplikaw id-dritt intern, il-qrati nazzjonali huma marbuta li jinterpretawh, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tat-test u tal-għan tad-direttiva inkwistjoni sabiex jintlaħaq ir-riżultat previst mid-direttiva u, b’hekk, ikunu konformi mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE (64) . Iżda dak l-obbligu japplika biss ladarba l-perijodu li fih trid tiġi ttrasposta d-direttiva jkun skada (65) . Sa dak iż-żmien, u mid-data tad-dħul fis-seħħ, l-uniku rekwiżit huwa li l-qrati nazzjonali għandhom kemm jista’ jkun iżommu lura kemm jista’ jkun milli jagħtu xi interpretazzjoni li tista’ serjament tikkomprometti, wara li jkun skada t-terminu għat-traspożizzjoni, il-ksib tal-għan mixtieq mid-direttiva (66) . Barra dan, għandhom jiġu kkunsidrati li jaqgħu fil kamp ta’ applikazzjoni ta’ direttiva, mhux biss dawk id-dispożizzjonijiet nazzjonali speċifikament intiżi li jittrasponu direttiva, iżda anki — mid-data tad-dħul fis-seħħ tad-direttiva — id-dispożizzjonijiet nazzjonali diġà eżistenti li kapaċi jiżguraw li d-dritt nazzjonali jkun konsistenti miegħu (67) .
127. Konsegwentement, kull dispożizzjoni rilevanti tad-dritt nazzjonali għandha tiġi interpretata b’mod konformi mad-Direttiva fir-rigward tal-perijodi kollha ta’ wara t-22 ta’ Diċembru 2002. F’dak li jirrigwarda l-perijodu mit-22 ta’ Ġunju 2001 sat-22 ta’ Diċembru 2002, ma hemmx għalfejn tiġi interpretata b’dak il-mod, sakemm l-interpretazzjoni tagħha ma tkunx qiegħda serjament tikkomprometti l-kisba sussegwenti tal-għan mixtieq — għalkemm ma hemm ebda prinċipju jew dispożizzjoni tad-dritt tal-UE li jipprekludi qorti nazzjonali milli tinterpreta d-dritt nazzjonali tagħha b’mod konformi ma’ direttiva qabel ma jkun skada ż-żmien li fih trid tiġi trasposta.
128. Dan ifisser, inter alia , li fejn Stat Membru jkun għamel provvediment għal eċċezzjoni jew limitazzjoni għad-dritt tar-riproduzzjoni skont l-Artikolu 5(2)(a) u/jew (b) tad-Direttiva, dan ikun meħtieġ jiżgura li d-detenturi tad-drittijiet jingħataw kumpens ġust fir-rigward ta’ ġrajjiet rilevanti li jkunu seħħew wara t-22 ta’ Diċembru 2002 iżda, fil-prinċipju, mhux neċessarjament fir-rigward ta’ dawk li jkunu seħħew qabel.
129. Madankollu, skont l-Artikolu 10(2), id-Direttiva tapplika bla ħsara għal xi atti konklużi u drittijiet miksuba qabel dik id-data. Din hija regola speċifika li tidher li tipprekludi l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali b’mod konformi mad-Direttiva jekk din l-interpretazzjoni tkun taffettwa “att konklużi” qabel it-22 ta’ Diċembru 2002.
130. Ma huwiex mal-ewwel ċar xi tfisser “atti konklużi” fil-kuntest ta’ kumpens ġust miksub permezz ta’ ħlas impost fuq il-bejgħ ta’ apparat intiż biex jagħmel ir-riproduzzjonijiet pjuttost milli fuq il-bejgħ tar-riproduzzjonijiet innifishom. Il-biċċa l-kbira tal-apparat mibjugħ bejn it-22 ta’ Ġunju 2001 u t-22 ta’ Diċembru 2002 kien kapaċi, u użat biex jagħmel, ir-riproduzzjonijiet wara din id-data tal-aħħar (68) .
131. Waqt is-seduta, il-Kummissjoni rreferiet lill-Qorti tal-Ġustizzja għall-istorja leġiżlattiva tad-Direttiva.
132. Kemm fil-proposta oriġinali kif ukoll f’dik emendata (u filwaqt li la l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lanqas il-Parlament ma kkummentaw fuq id-dispożizzjonijiet inkwistjoni), l-Artikolu 9(2) sa (4) stipula:
“2. Din id-Direttiva għandha tapplika fir-rigward ta’ kull att ta’ sfruttar li jkun sar qabel il-[limitu taż-żmien li fih għandha tiġi trasposta din id-Direttiva].
3. Din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa dawk il-kuntratti konklużi jew dawk id-drittijiet akkwistati qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tagħha.
4. Minkejja l-paragrafu 3, dawk il-kuntratti li jirrigwardaw l-isfruttar ta’ xogħlijiet u kwistjonijiet oħra li jkunu fis-seħħ fil- [limitu taż-żmien li fih għandha ssir it-traspożizzjoni] għandhom ikunu suġġetti għal din id-Direttiva sa ħames snin wara li din tkun daħlet fis-seħħ ladarba dawn ma jkunux diġà skadew qabel din id-data”. [Traduzzjoni mhux uffiċjali]
133. Fil-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-proposta oriġinali ġie ddikjarat li:
“2. Il-Paragrafu 2 jirrifletti prinċipju ġenerali li jiżgura li din id-direttiva ma jkollha ebda effett retroattiv, u li ma tapplikax fir-rigward ta’ atti ta’ sfruttar ta’ xogħlijiet u ta’ materjal ieħor protett li jkunu saru qabel id-data li fiha l-imsemmija direttiva għandha tiġi trasposta mill-Istati Membri [...]
3. Il-paragrafi 3 u 4 jistabbilixxu prinċipju ġenerali ieħor li skontu l-kuntratti li jkunu ġew konklużi u d-drittijiet li jkunu nkisbu qabel l-adozzjoni tad-Direttiva li setgħu kienu jafu bihom il-partijiet, ma jiġux affettwati minn dawn tal-aħħar, u b’hekk il-”kuntratti l-antiki” jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva. [...]” [Traduzzjoni mhux uffiċjali]
134. It-formulazzjoni finalment adottata rrifflettiet il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill tat-28 ta’ Settembru 2000, li fiha stqarret: “Fl-Artikolu 10, il-Kunsill ipprefera jinkorpora parti mill-paragrafu 3 tal-Artikolu 9 tal-proposta emendata tal-Kummissjoni fil-paragrafu 2, u li tħassar il-kumplament tal-paragrafu 3, kif ukoll il-paragrafu 4 kollu kemm hu, minħabba li nħass li kien ikun aħjar li l-kwistjonijiet relatati mal-interpretazzjoni tal-kuntratti jitħallew f’idejn id-dritt nazzjonali (69) ”. [Traduzzjoni mhux uffiċjali]
135. Għalhekk jidher ċar li l-intenzjoni tal-leġiżlatura fl-Artikolu 10(2) kien li d-Direttiva ma għandhiex taffettwa, fil-kuntest preżenti, atti ta’ sfruttar ta’ xi riproduzzjoni magħmula qabel it-22 ta’ Diċembru 2002.
136. Barra dan huwa importanti li wieħed jieħu kont tal-fatt li l-Ġermanja tiżgura li jsir dan il-kumpens permezz ta’ ħlas fuq il-bejgħ ta’ apparat li kapaċi jibqa’ jintuża biex isiru r-riproduzzjonijiet għal bosta snin, li ħadmet din is-sistema saħansitra qabel ma daħlet fis-seħħ id-Direttiva, u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprekludi li ssir interpretazzjoni waqt il-perijodu għat-traspożizzjoni, li tista’, wara li jkun skada l-perijodu għat-traspożizzjoni, tikkomprometti b’mod serju l-ksib tal-għan mixtieq. Għalhekk jidhirli li l-iżjed interpretazzjoni loġika hija li, mid-data tad-dħul fis-seħħ tagħha fit-22 ta’ Ġunju 2001, id-Direttiva għandha tiġi kkunsidrata, meta tkun qed tiġi interpretata l-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-kumpens ġust, b’tali mod li jiġi żgurat li l-għan tal-għoti ta’ dan il-kumpens fir-rigward ta’ atti ta’ riproduzzjoni li jseħħu fi jew wara t-22 ta’ Diċembru 2002 ma jiġix serjament kompromess minħabba l-mod li bih xi ħlas intiż li ji pprovdi l-kumpens ġust jiġi impost fuq bejgħ ta’ apparat qabel id-data tal-aħħar; madankollu d-Direttiva ma tirrigwardax atti ta’ riproduzzjoni li jkunu saru qabel it-22 ta’ Diċembru 2002.
Konklużjoni
137. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għad-domandi magħmula mill- Bundesgerichtshof kif ġej:
– Fl-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, il-kliem “riproduzzjonijiet fuq il-karta jew mezz ieħor simili, effettwat mill-użu ta’ kull xorta ta’ teknika fotografika jew b’xi proċess ieħor li jkollu l-istess effetti” għandu jiġi interpretat fis-sens li jirreferi biss għal riproduzzjonijiet ta’ oriġinali analoġiċi, li minnhom tinqabad immaġni permezz ta’ mezzi ottiċi. Dawn jinkludu r-riproduzzjoni permezz ta’ proċessi li jinvolvu, bħala stadju intermedju, il-ħżin ta’ immaġni diġitali fuq kompjuter jew fuq mezz li jaħżen id-data, sakemm dan il-proċess fl-intier tiegħu jitwettaq minn persuna unika u/jew bħala proċess uniku.
– Meta, skont l-Artikolu 5(2) jew (3) tad-Direttiva 2001/29, Stat Membru jkun għamel provvediment għal eċċezzjoni jew limitazzjoni fir-rigward tad-dritt ta’ riproduzzjoni previst fl-Artikolu 2 tal-istess Direttiva, u meta l-kumpens ġust fir-rigward tal-ikkupjar analoġiku suġġett għal dik l-eċċezzjoni jew il-limitazzjoni jkun sar provvediment għalih permezz ta’ ħlas fuq it-tagħmir kapaċi jipproduċi dawn il-kopji, qorti nazzjonali li tixtieq taċċerta jekk dan il-ħlas huwiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ trattament ugwali f’każijiet fejn il-kopji jsiru permezz ta’ sensiela ta’ apparati mqabbda flimkien, għandha teżamina kif jiġi kkalkolat il-ħlas fir-rigward tal-fotokopjaturi u sa fejn dan il-kalkolu jista’ jiġi applikat għal sensiela ta’ apparati. Għandha tqis jekk l-impożizzjoni tal-ħlas fir-rigward ta’ din is-sensiela ta’ apparati, jew ta’ apparati individwali fi ħdan l-istess sensiela, tipprovdix bilanċ ġust ta’ drittijiet u interessi bejn id-detenturi tad-drittijiet u l-utenti. Għandha b’mod partikolari tivverifika li ma hemm ebda diskriminazzjoni mhux ġustifikata, mhux biss bejn l-importaturi u d-distributuri tal-apparat (inkluż apparat ieħor b’funzjonijiet simili), iżda anki bejn ix-xerrejja ta’ diversi tipi ta’ apparat, li fl-aħħar mill-aħħar iġorru l-piż tal-ħlas.
– L-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 jippermetti lill-Istati Membri li jagħżlu jekk għandux jingħata l-kumpens ġust u sa liema punt, meta jkunu disponibbli għad-detenturi tad-drittijiet miżuri teknoloġiċi, iżda meta dawn ma jiġux applikati minnhom.
– Meta, skont l-Artikolu 5(2) jew (3) tad-Direttiva 2001/29, Stat Membru jkun għamel provvediment għal eċċezzjoni jew limitazzjoni fir-rigward tad-dritt tar-riproduzzjoni previst fl-Artikolu 2 tal-istess direttiva, ma jibqax possibbli għad-detenturi tad-drittijiet ikkonċernati li jeżerċitaw xi kontroll fuq l-ikkupjar ta’ xogħlijiethom billi jagħtu jew jirrifjutaw l-awtorizzazzjoni. Meta jkunu qed jipprovdu għall-kumpens ġust f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Istati Membri jistgħu xorta waħda jippermettu lid-detenturi tad-drittijiet jew li jirrinunċjaw kull pretensjoni għall-kumpens ġust, jew li jagħmlu xogħlijiethom disponibbli suġġett għal arranġamenti kuntrattwali li jippermettulhom jirċievu kumpens ġust fir-rigward tal-ikkupjar futur. F’kull wieħed miż-żewġ każijiet tal-aħħar, l-intitolament għall-kumpens ġust li jkollu d-detentur tad-drittijiet għandu jiġi meqjus li ġie eżawrit, u ma għandux jiġi kkunsidrat meta jkun qed jiġi kkalkolat l-iffinanzjar ta’ xi skema ġenerali ta’ kumpens ġust.
– Meta jkun qed jiġi interpretat id-dritt nazzjonali dwar il-kumpens ġust, id-Direttiva 2001/29 għandha titqies mid-data tad-dħul fis-seħħ tagħha fit-22 ta’ Ġunju 2001, b’tali mod li tiżgura li l-iskop li jiġi pprovdut il-kumpens ġust fir-rigward ta’ atti ta’ riproduzzjoni li jseħħu mit-22 ta’ Diċembru ’il quddiem ma jiġix kompromess b’mod serju mill-mod li fih xi ħlas intiż biex jipprovdi l-kumpens ġust jiġi impost fuq bejgħ ta’ tagħmir qabel it-22 ta’ Diċembru 2002. Madankollu d-Direttiva ma tirrigwardax atti ta’ riproduzzjoni li jkunu seħħew qabel it-22 ta’ Diċembru 2002.
(1) .
(2) – Id-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU L 167, 22.06.2001, p. 10) (iktar ’il quddiem “id-Direttiva”).
(3) – F’dawn il-Konklużjonijiet, jien ser nuża l-kliem “kopja/kupjar” u “riproduzzjoni” b’mod li jistgħu jiġu skambjati.
(4) – L-Artikolu 5(2) jirrigwarda eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet biss fir-rigward tad-drittijiet tar-riproduzzjoni skont l-Artikolu 2. L-Artikolu 5(3) jikkonċerna anki eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet f’dak li jirrigwarda d-dritt ta’ komunikazzjoni jew disponibbiltà tax-xogħol skont l-Artikolu 3, li ma huwiex speċifikament inkwistjoni fil-kawżi prinċipali. Ħlief fil-każ tal-Artikolu 5(2)(a), il-limitazzjonijiet jew l-eċċezzjonijiet kollha permissibbli skont l-Artikolu 5(2) jew (3) (b’kollox hemm 20 waħda) huma ddefiniti skont l-għan li għalih issir ir-riproduzzjoni; f’bosta każijiet, l-identità tal-persuna li tkun qed tagħmilhom tikkostiwixxi kriterju (pereżempju, persuni naturali, libreriji pubbliċi, stabbilimenti edukattivi jew mużewijiet, organizzazzjonijiet tax-xandir jew il-midja); ħlief fl-Artikolu 5(2)(a) f’żewġ każijiet biss issir referenza għal xi kriterji tekniċi ( recordings temporanji fl-Artikolu 5(2)(d) u l-kommunikazzjoni permezz ta’ terminals speċjalizzati imqabbda b’mod permanenti fl-Artikolu 5(3)(n)).
(5) – L-Artikolu 5(2)(e) jirrigwarda “riproduzzjonijiet ta’ xandiriet magħmula minn istituzzjonijiet soċjali immirati għal skopijiet mhux kummerċjali, bħal sptarijiet jew ħabsijiet”.
(6) – L-Artikolu 5(1), li ma huwiex inkwistjoni hawnhekk, jeżiġi eżenzjoni mid-dritt ta’ riproduzzjoni fir-rigward ta’ ċerti riproduzzjonijiet temporanji li jiffurmaw parti integrali u essenzjali ta’ proċess teknoloġiku u li ma għandhom ebda sinifikat ekonomiku indipendenti. Madankollu ma hu qed jiġi previst ebda kumpens f’dawn il-każijiet.
(7) – Il-Konvenzjoni ta’ Berna għall-Protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artisitiċi (1886), konkluża f’Pariġi (1896), riveduta f’Berlin (1908), ikkompletata f’Berna (1914), reveduta f’Ruma (1928), fi Brussel (1948), fi Stokkolma (1967) u f’Pariġi (1971), u emendata fl-1979 (Unjoni ta’ Berna). L-Istati Membri kollha huma partijiet kontraenti tal-Konvenzjoni ta’ Berna.
(8) – Il-Ftehim dwar Aspetti ta’ Drittijiet ta’ Proprjetà Intellettwali li għandhom x’jaqsmu mal-Kummerċ, Anness 1Ċ tal-Ftehim li jwaqqaf l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), iffirmat f’Marrakesch, fil-15 ta’ April 1994 u approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE, tat-22 ta’ Diċembru 1994, dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80).
(9) – It-Trattat tal-WIPO dwar id-Drittijiet tal-Awtur (WCT), Ginevra (1996) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 33, p. 210). Dan daħal fis-seħħ kemm fir-rigward tal-UE u l-Istati Membri kollha tagħha minħabba li kollha huma partijiet tal-WCT, fl-14 ta’ Marzu 2010 (ĠU L 32, p. 1).
(10) – Stati Uniti – Sezzjoni 110(5) tal- US Copyright Act , WT/DS160/R, tal-15 ta’ Ġunju 2000, punt 6.97 et seq .
(11) – Sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2010, Padawan SL, (C-467/08, Ġabra p. I-10055), b’mod partikolari l-punti 38 sa 50; ara wkoll is-Sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2011, Stichting de Thuiskopie (C-462/09, Ġabra p. I-5331, punti 18 sa 29).
(12) – CD-Rs, CD-RWs, DVD-Rs u apparat li jdoqq l-MP3. Għalkemm dawn it-tipi ta’ mezzi jistgħu jintużaw ukoll biex jaħżnu kopji diġitali ta’ test jew dokumenti grafiċi, huma iżjed użati sabiex jipproduċu l-awdjo jew materjal awdjoviżiv bħal ma huma l-mużika u l-films.
(13) – Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak, punt 32. Din il-pożizzjoni hi sostnuta mill-Kummissjoni, u fehma simili hi ffavorita minn Kyocera, fil-kawżi preżenti (ara l-punt 92 iktar ’l isfel). Madankollu, fis-sentenza Stichting de Thuiskopie (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11), il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt enfasizzat l-obbligu li wieħed jikseb riżultat partikolari (ara l-punti 34 u 39 ta’ dik is-sentenza).
(14) – Il-punti 40 u 45 tas-sentenza; ara wkoll il-punti 24 u 26 ta’ Stichting de Thuiskopie, iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11.
(15) – Il-paragrafu 52 tas-sentenza.
(16) – Il-paragrafi 46, 55 u 56 tas-Sentenza.
(17) – Il-paragrafu 59 tas-Sentenza.
(18) – Gesetz über Urheberrecht und verwandte Schutzrechte (Liġi dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati) tad-9 ta’ Settembru 1965, fil-verżjoni applikabbli qabel l-1 ta’ Jannar 2008 (iktar ’il quddiem il-“UrhG”). Skont il-Gvern Ġermaniż, l-UrhG sar kompletament konformi mad-Direttiva, b’seħħ mit-13 ta’ Settembru 2003, permezz tal-Gesetz zur Regelung des Urheberrechts in der Informationsgesellschaft (Liġi li tirregola id-drittijiet tal-awtur fis-soċjetà tal-informazzjoni). Safejn hu rilevanti għad-dispożizzjonijiet iċċitati mill-Bundesgerichtshof, jidher li din il-liġi emendat il-Paragrafu 53(1) sa (3) tal-UrhG.
(19) – Ara l-punt 48 et seq iktar ’l isfel.
(20) – Il-frażi “angemessene Vergütung” tintuża fil-premessa 10 fil-preambolu tad-Direttiva, fejn bl-Ingliż din tissejjaħ “appropriate reward” u bil-Franċiż “rémunération appropriée”. Jidher li l-premessa 10 qed tirreferi għall-isfruttar normali tad-drittijiet tal-awtur, pjuttost milli għall-eċċezzjonijiet tal-Artikolu 5(2) u (3). Il-verżjoni Ġermaniża tal-frażi “kumpens ġust” (“compensation équitable”) fid-Direttiva hija “gerechte Ausgleich”. U biex l-affarijiet ikomplu jikkumplikaw ruħhom, “angemessene Vergütung” tintuża fil-verżjoni Ġermaniża tal-Artikolu 11bis(2) u 13(1) tal-Konvenzjoni ta’ Berna (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7 iktar ’il fuq) fejn bl-Ingliż u bil-Franċiż rispettivament din tissejjaħ “equitable remuneration” u “rémunération équitable”; din il-frażi tintuża wkoll bħala ekwivalenti għal dawk il-frażijiet f’ċerti direttivi oħra tal-UE fil-qasam tal-proprjetà intelletwali.
(21) – KYOCERA Document Solutions Deutschland GmbH, Epson Deutschland GmbH u Xerox GmbH (Kawża C-457/11) u Canon Deutschland GmbH (Kawża C-458/11) (flimkien imsejħa, ‘Kyocera’); Fujitsu Technology Solutions GmbH (‘Fujitsu’) (Kawża C-459/11); u Hewlett Packard GmbH (iktar ’il quddiem ‘Hewlett Packard’) (Kawża C-460/11).
(22) – Plotter hija tip ta’ printer ; ara l-punt 54 iktar ’l isfel.
(23) – Il-ħames domandi msemmija fil-Kawżi C-457/11 u C-458/11 huma identiċi u jirrigwardaw il- printers imsemmija fit-tieni u fit-tielet domanda; l-istess domandi jissemmew fil-Kawża C-459/11, ħlief li t-tieni u t-tielet domanda jirrigwardaw kompjuters personali pjuttost milli printers ; fil-Kawża C-460/11, isiru biss l-ewwel tliet domandi, f’dak li jirrigwarda l- printers .
(24) – “angemessene Vergütung” ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 20 iktar ’il fuq.
(25) – Ara, pereżempju, Padawan u Stichting de Thuiskopie, ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11 iktar ’il fuq.
(26) – Ara wkoll is-sentenza Padawan, punti 35 u 36.
(27) – Ara, pereżempju, il-premessi 5 sa 7, 39, 44 u 47 fil-preambolu.
(28) – Ara, pereżmpju, il-premessi 4 u 21 fil-preambolu.
(29) – Ara f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ April 2004, L-Italja vs Il-Kummissjoni (C-298/00 P, Ġabra p. I-4087), punt 97.
(30) – Tat-22 ta’ Diċembru 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 39).
(31) – Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi magħquda tat-12 ta’ Lulju 2005, Alliance for Natural Health et (C-154/04 u C-155/04, Ġabra p. I-6451, punt 92), u s-sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006, IATE u ELFAA, (C-344/04, Ġabra p. I-403, punt 76).
(32) – Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 20.
(33) – F’dan ir-rigward tista’ ssir referenza għall-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li tħares id-dritt, inter alia , tal-użu u tad-disponiment ta’ proprjetà legalment akkwistata, inkluża l-proprjetà intellettwali, u li tgħid li ħadd ma jista’ jiġi mċaħħad minn dan, “ħlief fl-interess pubbliku u fil-każi jiet u skont il-kondizzjonijiet previsti mil-liġi, bi ħlas ta’ kumpens xieraq fi żmien utli għal dak [mitluf]” ara ukoll l-Artikolu 1 tal-Ewwel Protokoll tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem.
(34) – Il-premessa 32 fil-preambolu tgħid illi l-lista hi eżawrjenti u li “jikkunsidra kif inhu xieraq it-tradizzjonijiet legali differenti fl-Istati Membri”; fi kliem ieħor jidher li hija fil-prattika kumpilazzjoni ta’ eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet li diġà jeżistu f’diversi liġijiet nazzjonali, li hi karatteristika li tista’ tispjega għaliex jeżistu oqsma li jikkoinċidu (fil-proposta oriġinali tad-Direttiva tal-Kummissjoni kienu jinsabu biss tmien eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet possibbli; din il-lista mbagħad twalet u saret iżjed iddettaljata matul il-proċess leġiżlattiv).
(35) – Ara l-punti 15 sa 21 iktar ’il fuq.
(36) – Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 20.
(37) – Ara l- International Survey on Private Copying Law & Practice , Stichting de Thuiskopie, 2012, p. 9.
(38) – Każ C-521/11 Amazon.com International Sales et. Jidher li fl-Awstrija 50 % tal-ammonti miġbura huma allokati għal skopijiet soċjali jew kulturali mil-liġi.
(39) – Ara l-punti 13 u 14 iktar ’il fuq. Ninnota li f’dik is-sentenza, il-premessi tal-preambolu jissejħu, forsi bi żvista, “dispożizzjonijiet” tad-Direttiva.
(40) – Id-deskrizzjoni li ssegwi ma hijiex maħsubha sabiex tkun awtoritattiva jew kompleta iżda pjuttost sabiex tagħti deskrizzjoni ġenerali li tkopri l-biċċa l-kbira tat-tipi ta’ sitwazzjonijiet rilevanti għall-kunsiderazzjoni tad-domandi magħmula.
(41) – Fis-sommarju hawn fuq, jien ktibt f’termini viżivi fir-rigward tal-immaġnijiet analoġiċi, iżda metodi simili japplikaw fil-każ ta’ riproduzzjonijiet għal persuni nieqsa mid-dawl. L-intaljaturi tal-braille jipproduċu t-test mill-informazzjoni diġitali bi pjuttost l-istess metodu ta’ dak tal- printers , u jużaw il-karta bħala mezz tal- output . Imbagħad jintuża apparat ieħor biex jirripproduċi verżjonijiet intaljati tal-immaġnijiet li jistgħu jiġu pperċeputi viżwalment minn persuni li jistgħu jaraw. Ma jidhirlix li dawn ir-riproduzzjonijiet jaqaw barra l-ambitu tad-dritt tar-riproduzzjoni, jew għalhekk, barra l-ambitu tal-Artikolu 5(2) jew (3) tad-Direttiva. Għandu jiġi preżunt li dawn għandhom ikunu inklużi fl-analiżi tiegħi anki jekk, għas-sempliċità tal-lingwaġġ waħedha, jien ser inkompli nirreferi għad-dħul u l-ħruġ ta’ informazzjoni analoġika l-biċċa l-kbira f’termini viżivi.
(42) – Fil-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-proposta oriġinali tagħha għad-Direttiva, il-Kummissjoni qalet: “Din id-dispożizzjoni tapplika biss għar-reprografija, jiġifieri għal dawk il-metodi li jippermettu faksimile, jew fi kliem ieħor karta stampata. Ma tiffokax fuq it-teknika użata iżda pjuttost fuq ir-riżultat miksub, li għandu jkun fuq il-karta”. Għalkemm din l-istqarrija tiffoka iżjed fuq il-ħruġ milli fuq id-dħul tal-informazzjoni, jidhirli li l-kelma “faksimile” neċessarjament timplika ekwivalenza fir-rigward tal-forma bejn id-dħul u l-ħruġ.
(43) – Ara l-punt 9 iktar ’il fuq.
(44) – Green paper dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (KUM(95) 382 finali), Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (KUM(97) 628 finali) (ara wkoll in-nota ta’ qiegħ il-paġna 42 iktar ’il fuq), Proposta emendata għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (KUM(99) 250 finali).
(45) – Ara wkoll is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Infopaq International (C-5/08, Ġabra p. I-6569, punt 64).
(46) – Ara l-punti 41 u 42 iktar ’il fuq.
(47) – Punti 38 sa 50; ara wkoll is-sentenza Stichting de Thuiskopie, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punti 18 sa 29.
(48) – Padawan, punti 51 sa 59.
(49) – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Jannar 2008 , Promusicae (C-275/06, Ġabra p. I-271, punt 68).
(50) – Ara l-premessa 31 fil-preambolu tad-Direttiva.
(51) – Ara l-punti 13 u 14 iktar ’il fuq.
(52) – F’bosta mill-osservazzjonijiet ġie nnutat li l-verżjoni Ġermaniża tal-Artikolu 5(2)(b) hi differenti: din tesiġi li jittieħed kont ta’ jekk dawn il-miżuri ġewx applikati (“ob technische Maßnahmen … angewendet wurden”). Il-verżjoni Spanjola hi simili (“si se aplican o no”) iżda l-verżjonijiet l-oħra javviċinaw iżjed l-espressjoni newtrali Ingliża jew Franċiża.
(53) – Il-premessa 35 fil-Preambolu tad-Direttiva tgħid: “Il-livell ta’ kumpens ġust għandu jikkunsidra bis-sħiħ il-grad ta’ użu ta’ miżuri ta’ protezzjoni teknoloġika msemmija f’din id-Direttiva.”
(54) – L-eżistenza ta’ dawn il-miżuri (li jinkludu ologrammi, marki tal-ilma u linek speċjali) tista’ tispjega għaliex issir referenza għall-Artikolu 5(2)(a) fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva, f’dak li jirrigwarda l-protezzjoni li għandha tiġi pprovduta kontra l-evażjoni ta’ miżuri teknoloġiċi effettivi.
(55) – Ara l-pożizzjoni Komuni tal-Kunsill (KE) Nru 48/2000 (ĠU C 344, p. 1, punt 24 tar-raġunijiet tad-Dikjarazzjoni tal-Kunsill).
(56) – Fair compensation for private copying in a converging environment , Diċembru 2006, prodott minn Fujitsu, p. 60 u 61.
(57) – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punti 40 u 42. (Fil-punt 40 il-verżjoni Ingliża tas-sentenza tirreferi għal “recompense” (kumpens) għad-dannu soffrut, iżda ma jidhirlix li tirriffletti l-kelma “contrepartie” użata fil-verżjoni Franċiża jew “contrapartida” f’dik Spanjola.)
(58) – Ara ukoll in-nota ta’ qiegħ il-paġna 53 iktar ’il fuq; il-verżjoni Ġermaniża tidher li tiffavorixxi din il-fehma ħafna iżjed.
(59) – Ara l-punt 35 aktar ’il fuq.
(60) – Punti 39, 40 u 45.
(61) – Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 33 iktar ’il fuq.
(62) – Ara l-punt 9 aktar ’il fuq.
(63) – Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 18 iktar ’il fuq.
(64) – Ara, pereżempju, is-sentenza tal-24 ta’ Mejju 2012, Amia (C-97/11, punt 28).
(65) – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et (C-212/04, Ġabra p. I-6057, punti 113 sa 115).
(66) – Ara s-sentenza Adeneler et , iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 66, punt 123, u s-sentenzi magħquda tat-23 ta’ April 2009, VTB-VAB u Galatea (C-261/07 u C-299/07, Ġabra p. I-2949, punt 39).
(67) – Ara s-sentenzi magħquda VTB-VAB u Galatea, iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 69, punt 35.
(68) – Bosta osservazzjonijiet jippreċiżaw li l- printers u l-kompjuters personali għandhom ħajja tipika ta’ bejn tlieta u erba’ snin. L-istess tip ta’ kunsiderazzjoni (għalkemm mhux neċessarjament l-istess tul ta’ ħajja tipika) għandha tingħata lill-ħlasijiet fir-rigward tal-mezzi għar-rekordjar vojta sabiex jiġi pprovdut il-kumpens ġust għar-riproduzzjoni ta’ awdjo jew materjal awdjoviżiv, meta l-ħlas jinġabar mal-bejgħ tal-mezz tar-rekordjar qabel ma ssir ir-riproduzzjoni.
(69) – Punt 51 tal-motivi.
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SHARPSTON
ippreżentati fl-24 ta’ Jannar 2013 ( 1 )
Kawżi Magħquda C-457/11, C-458/11, C-459/11 u C-460/11
Verwertungsgesellschaft Wort (VG Wort)
vs
KYOCERA Document Solutions Deutschland GmbH et
Canon Deutschland GmbH
Fujitsu Technology Solutions GmbH
Hewlett-Packard GmbH
vs
Verwertungsgesellschaft Wort (VG Wort)
(Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja))
“Drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fis-soċjetà tal-informazzjoni — L-effett fiż-żmien tad-Direttiva 2001/29/KE — Dritt tar-riproduzzjoni — Eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet — Kumpens ġust — Kunċett ta’ ‘riproduzzjonijiet fuq il-karta jew mezz ieħor simili, imwettqa bl-użu ta’ kull xorta ta’ teknika fotografika jew b’xi proċess ieħor li jkollu l-istess effetti’ — Riproduzzjonijiet magħmula permezz ta’ printers jew kompjuters personali — Riproduzzjonijiet magħmulha minn sors diġitali — Riproduzzjonijiet magħmula permezz ta’ sensiela ta’ apparati — Konsegwenzi tan-nuqqas ta’ użu tal-miżuri teknoloġiċi disponibbli maħsuba biex jipprevjenu jew jirrestrinġu atti mhux awtorizzati — Konsegwenzi tal-awtorizzazzjoni impliċita jew espressa sabiex isiru riproduzzjonijiet”
1. |
Id-Direttiva 2001/29 ( 2 ) teżiġi li l-Istati Membri għandhom jagħmlu provvediment sabiex l-awturi jkollhom id-dritt esklużiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu r-riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti, b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parzjali, tax-xogħlijiet tagħhom. Madankollu, f’ċerti każijiet huma jistgħu wkoll jagħmlu provvediment għal eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet fir-rigward ta’ dan id-dritt, b’mod partikolari fir-rigward ta’ “riproduzzjonijiet fuq il-karta jew mezz ieħor simili, effettwat mill-użu ta’ kull xorta ta’ teknika fotografika jew b’xi proċess ieħor li jkollu l-istess effetti” u ta’ “riproduzzjonijiet ta’ kull mezz magħmula minn ċittadin fiżiku għal użu privat u għal skopijiet li huma la direttament u l-anqas indirettament kummerċjali” bil-patt li d-detenturi tad-drittijiet jirċievu kumpens ġust. |
2. |
Fil-Ġermanja, il-kumpens ġust jinkiseb billi jiġi impost ħlas fuq min jimmanifattura, jimporta jew ibigħ apparati li huma kapaċi jagħmlu r-riproduzzjonijiet. Fil-proċeduri ewlenin tal-kawżi preżenti, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) trid tiddeċiedi jekk dan il-ħlas għandux jiġi impost fuq printers jew kompjuters personali li jistgħu jagħmlu r-riproduzzjonijiet biss meta dawn ikunu kkollegati ma’ apparat wieħed jew ma’ sensiela ta’ apparati, pereżempju skàners, li jistgħu waħedhom ikunu suġġetti għall-istess ħlas. Din għalhekk għamlet żewġ domandi fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-Direttiva, bl-iskop li tiġi ċċarata din il-kwistjoni. Tixtieq ukoll tkun taf kif il-possibbiltà li jiġu applikati miżuri teknoloġiċi għall-prevenzjoni tal-ikkupjar jew biex dan jiġi ristrett ( 3 ), u l-għoti espliċitu jew impliċitu tal-awtorizzazzjoni għar-riproduzzjoni, jaffettwaw l-intitolament għall-kumpens ġust. Fl-aħħar nett, din għandha domanda dwar l-applikazzjoni fiż-żmien tad-Direttiva. |
3. |
Dawn id-domandi, għalkemm għall-ewwel jistgħu jidhru li huma relattivament mhux ikkomplikati, fil-fatt iqajmu kwistjonijiet kumplessi li jirrigwardaw kif jaffettwaw lil xulxin id-Direttiva u l-leġiżlazzjoni Ġermaniża, u d-diversi dispożizzjonijiet tagħhom. |
Id-dritt tal-UE
Id-Direttiva
4. |
Skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva, intitolata “Dritt ta’ riproduzzjoni”: “L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv li jawtorizza jew jipprojbixxi riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parti:
…” |
5. |
L-Artikolu 5(2) jipprovdi, inter alia, li: “L-Istati Membri jistgħu jipprovdu l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet għad-dritt ta’ riproduzzjoni provdut fl-Artikolu 2 fil-każi li ġejjin: rigward riproduzzjonijiet fuq il-karta jew mezz ieħor simili, effettwat mill-użu ta’ kull xorta ta’ teknika fotografika jew b’xi proċess ieħor li jkollu l-istess effetti, bla ħsara għal mużika fuq il-karta, kemm-il darba li d-detenturi tad-drittijiet jirċievu kumpens ġust;
…” |
6. |
L-Artikolu 5(3) jipprovdi, inter alia: “L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għad-drittijiet li hemm provdut dwarhom fl-Artikoli 2 u 3 fil-każi li ġejjin:
…
…” |
7. |
Il-każijiet l-oħra elenkati fl-Artikolu 5(2) u (3) ( 4 ) kollha jirrigwardaw użu li ma huwiex kummerċjali jew, b’mod ġenerali, fl-interess pubbliku. Il-kundizzjoni li d-detenturi tad-drittijiet għandhom jingħataw kumpens ġust tapplika biss fis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(2)(a), (b), u (e) ( 5 ), iżda l-premessa 36 tal-preambolu tad-Direttiva tindika b’mod ċar li l-Istati Membri huma maħsuba li għandhom ikunu jistgħu jipprovdu għal dan il-kumpens fir-rigward ta’ xi eċċezzjoni mhux obbligatorja jew ta’ dawk l-eċċezzjonijiet mhux obbligatorji l-oħra kollha jew tal-limitazzjonijiet fuq id-dritt tar-riproduzzjoni ( 6 ). |
8. |
L-Artikolu 5(5) jispeċifika: “L-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet li hemm provdut dwarhom fil-paragrafi 1, 2, 3 u 4 għandhom ikunu applikati biss f’ċerti każi speċjali li ma jmorrux kontra l-isfruttament normali tax-xogħol jew suġġett ieħor u ma jippreġudikawx b’mod bla raġuni l-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet.” |
9. |
Wieħed jista’ jinnota li d-dispożizzjoni fl-Artikolu 5(5) tad-Direttiva, spiss magħruf bħala “it-test fi tliet stadji”, tirripoduċi b’mod kważi identiku l-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Berna (reviżjoni tal-1967) ( 7 ), l-Artikolu 13 tal-Ftehim TRIPS (1994) ( 8 ) u l-Artikolu 10(2) tat-Trattat WIPO Dwar id-Drittijiet tal-Awtur (1996) ( 9 ). Fil-kuntest tat-TRIPS, it-tliet stadji ġew interpretati minn pànel tad-WTO ( 10 ). Fil-qosor, il-fehma tal-pànel kienet li t-tliet kundizzjonijiet kienu kumulattivi, li l-ewwel kundizzjoni (ċerti każijiet speċjali) teżiġi li limitazzjoni jew eċċezzjoni għandha tiġi ddefinita b’mod ċar u għandha tkun ristretta fl-ambitu u fil-firxa tagħha, li t-tieni kundizzjoni (li ma jkunx hemm kunflitt mal-isfruttar normali) tfisser li eċċezzjoni jew limitazzjoni ma għandhiex tawtorizza dawk l-użi li jikkompetu ekonomikament mal-modi li bihom id-detenturi tad-drittijiet jiksbu valur ekonomiku mix-xogħol tagħhom, u li t-tielet kundizzjoni (li ma jkunx hemm preġudizzju mhux raġonevoli fir-rigward tal-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet) teskludi kull eċċezzjoni jew limitazzjoni li tikkawża jew li għandha l-potenzjal li tikkawża telf ta’ introjtu lid-detentur tad-drittijiet. |
10. |
L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva jiddefinixxi l-frażi “miżuri teknoloġiċi” bħala “kull teknoloġija, tagħmir jew komponent li, matul il-kors normali tat-tħaddim tiegħu, ikun iddisinjat li jipprevjeni jew jirrestrinġi atti, rigward xogħolijiet jew suġġett ieħor, li mhumiex awtorizzati mid-detentur tad-drittijiet ta’ kull dritt ta’ l-awtur jew kull dritt relatat mad-drittijiet ta’ l-awtur [...] Drittijiet teknoloġiċi għandhom jitqiesu ‘effettivi’ fejn l-użu ta’ xogħol protett jew suġġett ieħor huwa kontrollat mid-detenturi tad-drittijiet permezz ta’ applikazzjoni ta’ kontroll għal aċċess jew proċess ta’ protezzjoni, bħal qlib f’ċifrarju, taqlib jew trasformazzjoni oħra tax-xogħol jew materjal ta’ xogħol ieħor jew mekkaniżmu ta’ kontroll ta’ ikkupjar li jilħaq l-għan ta’ protezzjoni.” Essenzjalment, l-Artikolu 6 fl-intier tiegħu jeżiġi li l-Istati Membri jagħtu lid-detenturi tad-drittijiet il-protezzjoni legali adegwata kontra kull mezz iddisinjat biex jevadi dawn il-miżuri teknoloġiċi li d-detenturi tad-drittijiet jistgħu japplikaw minn jeddhom, jew permezz tal-implementazzjoni ta’ miżuri adottati mill-Istati Membri nfushom. |
11. |
L-Artikolu 10 tad-Direttiva, hu intitolat “Applikazzjoni maż-żmien”. Skont l-Artikolu 10(1), id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva għandhom japplikaw rigward ix-xogħlijiet kollha li huma, fit-22 ta’ Diċembru 2002, protetti mil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati. L-Artikolu 10(2) jipprovdi li: “Din id-Direttiva għandha tapplika mingħajr preġudizzju għal kull att konkluż u drittijiet miksuba qabel it-22 ta’ Diċembru 2002.” |
12. |
Skont l-Artikolu 13(1), l-Istati Membri kellhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi mad-Direttiva qabel it-22 ta’ Diċembru 2002. Skont l-Artikolu 14, id-Direttiva daħlet fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, jiġifieri, fit-22 ta’ Ġunju 2001. |
Is-Sentenza Padawan
13. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat xi dispożizzjonijiet tad-Direttiva f’numru ta’ sentenzi, li minnhom l-iżjed rilevanti għall-kawża preżenti hi dik ta’ Padawan ( 11 ), li ttrattat l-Artikolu 5(2)(b), spiss imsejjaħ l-eċċezzjoni fuq l-‘ikkupjar privat’. |
14. |
Dik il-kawża kienet tikkonċerna ħlas impost ġewwa Spanja fir-rigward ta’ mezzi għar-rekordjar diġitali ( 12 ), fil-kuntest ta’ eċċezzjoni nazzjonali ta’ kkupjar privat u għalhekk fil-kuntest tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma mxietx skont is-sottomissjoni tal-Kummissjoni li l-mod tal-iffinanzjar tal-kumpens ġust, minħabba li ma huwiex irregolat mid-Direttiva, għandu jiġi ddeterminat mill-Istati Membri (suġġett biss għal xi limitazzjonijiet stabbiliti, b’mod partikolari, mid-drittijiet fundamentali u l-prinċipji ġenerali tad-dritt); Fi kliem ieħor, li l-obbligu tagħhom hu li jiksbu riżultat definit pjuttost milli jagħmlu dan b’mezzi definiti ( 13 ). Din pjuttost kienet tal-fehma li persuna li tista’ tutilizza l-eċċezzjoni tal-ikkupjar privat, u li b’dan tkun qed tikkaġuna lid-detentur tad-drittijiet ħsara li fir-rigward tagħha hu jkun intitolat għal kumpens ġust, għandha tagħmel tajjeb għal dik il-ħsara billi tiffinanzja l-kumpens ( 14 ). Għalhekk deherilha li kellu jkun hemm konnessjoni neċessarja bejn l-impożizzjoni ta’ ħlas fir-rigward ta’ tagħmir, apparat u mezzi li jagħmlu riproduzzjonijiet diġitali u l-użu tagħhom għall-ikkupjar privat ( 15 ). Madankollu, minħabba li ma huwiex prattiku li wieħed jabbina l-ħlas mal-użu nnifsu, il-persuni fiżiċi jistgħu jitqiesu li jibbenefikaw b’mod sħiħ mill-funzjonijiet tat-tagħmir disponibbli lilhom bħala utenti privati; għalhekk, il-fatt li jkun possibbli li l-apparat jagħmel il-kopji jista’ jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ ħlas fuq l-ikkupjar privat ( 16 ). Madankollu l-applikazzjoni arbitrarja ta’ dan il-ħlas fir-rigward ta’ tagħmir, apparati jew mezzi li ma jkunux disponibbli għall-utenti privati u li jkunu b’mod ċar irriżervati għal dawk l-użi barra mill-ikkupjar privat, hija inkompatibbli mad-Direttiva ( 17 ). |
Id-dritt Ġermaniż rilevanti
15. |
Il-Paragrafu 53 tal-Urheberrechtsgesetz ( 18 ) jistabbilixxi ċerti sitwazzjonijiet li fihom, bħala eċċezzjoni għar-regoli normali dwar id-drittijiet tal-awtur, ikun permess li jiġi riprodott materjal protett. |
16. |
Mit-13 ta’ Settembru 2003 ’il quddiem, bis-saħħa tal-Paragrafu 53(1) tal-UrhG, persuna fiżika setgħet bi kwalunkwe mezz tagħmel kopji uniċi għall-użu privat, sakemm ma jkun jeżisti ebda skop kummerċjali dirett jew indirett u sakemm naturalment l-oriġinal ma jkunx inkiseb b’mod illegali — eċċezzjoni b’mod ġenerali simili għal dik tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva; madankollu, qabel dik id-data din ma kinitx ritretta biss għal persuni fiżiċi. Barra dan, persuna awtorizzata tagħmel il-kopji hi stess tista’ ukoll tqabbad persuna oħra tagħmlilha l-kopji jew sakemm ma jsir ebda ħlas — kundizzjoni li ma għandha ebda bażi espliċita fid-Direttiva — jew, mit-13 ta’ Settembru 2003 ’il quddiem, sakemm il-kopji jsiru fuq karta jew mezz ieħor simili permezz ta’ xi teknika fotomekkanika jew ta’ xi proċess ieħor b’effetti simili — kundizzjoni li tirrifletti l-Artikolu 5(2)(a). |
17. |
Il-Paragrafu 53(2) għandu struttura iżjed kumplessa. Dan jippermetti li persuni (mhux persuni fiżiċi biss) li jagħmlu jew iqabbdu lil min jagħmilhom kopji uniċi għall-użu tagħhom stess: (i) għal skopijiet xjentifiċi; sa fejn dan ikun neċessarju; (ii) sabiex jiġu merfugħa fl-arkivju tal-persuna nnifisha, sa fejn dan ikun neċessarju u sakemm l-oriġinal ikun ukoll proprjetà ta’ din il-persuna; (iii) għall-informazzjoni dwar ġrajjiet kurrenti fil-każ fejn l-oriġinali jkun diġà xxandar; u (iv) fir-rigward ta’ artikoli u siltiet ta’ xogħlijiet ippubblikati li jkun ilhom ma jiġu stampati għal tal-inqas sentejn. Dawn l-eċċezzjonijiet ma jikkorrispondux b’mod ċar mad-dispożizzjonijiet previsti fid-Direttiva: fejn dawn ma jkunux qed jiġu ristretti għal persuni fiżiċi, ikunu qed jaqbżu l-limiti tal-Artikolu 5(2)(b); fejn dawn ma jkunux kundizzjonali għall-użu għal skopijiet tagħhom stess, ikunu iżjed ristrettivi minn dawk li jinsabu f’subparagrafi oħra. |
18. |
Sakemm l-UrhG ġiet emendata fl-2003, ma ġewx miżjuda iżjed kundizzjonijiet mal-eċċezzjonijiet tal-Paragrafu 53(2). Permezz ta’ dik l-emenda, l-eċċezzjoni fis-subparagrafu (ii) saret suġġett għal tal-inqas waħda mill-kundizzjonijiet segwenti: li l-ikkupjar isir fuq karta jew mezz simili u permezz ta’ xi teknika fotomekkanika jew ta’ xi proċess ieħor b’effetti simili; li għandu jkun esklużivament analoġiku ( 19 ); u/jew li l-arkivju għandu jkun fl-interess pubbliku u mingħajr ebda skop kummerċjali jew ekonomiku. L-eċċezzjonijiet tas-subparagrafi (iii) u (iv) saru suġġetti għal tal-inqas waħda mill-ewwel żewġ kundizzjonijiet. |
19. |
Il-Paragrafu 53(3) tal-UrhG għal darb’oħra jirrigwarda artikli jew siltiet, flimkien ma’ xogħlijiet iqsar, u jawtorizza l-ikkupjar għall-użu personali (għal darb’oħra mhix qed tiġi llimitata għal persuni fiżiċi biss) għal skopijiet ta’ edukazzjoni jew ta’ tħejjija għal eżamijiet, essenzjalment f’istituzzjonijiet edukattivi ta’ kull tip. Parti mill-kontenut tiegħu jidher li jikkorrispondi ma’ dak tal-Artikolu 5(2)(ċ) u (3)(a) tad-Direttiva. |
20. |
Skont il-Paragrafu 54a(1) tal-UrhG, meta n-natura ta’ xi biċċa xogħol tkun tali li wieħed jistenna li x’aktarx tiġi riprodotta permezz ta’ fotokopji jew ta’ xi proċess b’effetti simili — kundizzjoni li għal darb’oħra tirrifletti l-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva — għall-iskopijiet stipulati fil-Paragrafu 53(1) sa (3), l-awtur jista’ jitlob “angemessene Vergütung” ( 20 ) mingħand il-produtturi, l-importaturi jew id-distributuri ta’ apparat “iddisinjat biex jagħmel dawn ir-riproduzzjonijiet”. Skont il-Paragrafu 54(g)(1), l-awtur jista’ jeżiġi li dawk obbligati jħallsuh jipprovduh bl-informazzjoni. Madankollu, skont il-Paragrafu 54h(1) tal-UrhG, huma biss dawk is-soċjetajiet kollettriċi awtorizzati li huma intitolati jitolbu r-rimunerazzjoni, jew li jeżiġu li jingħataw l-informazzjoni inkwistjoni. |
21. |
Skont il-Paragrafu 54d tal-UrhG u l-Anness II tiegħu, il-ħlas impost fuq l-apparat imsemmi fil-Paragrafu 54a(1) għandu jkun ta’ somma li tvarja minn EUR 38.35 sa EUR 613.56, skont in-numru ta’ kopji li jsiru fil-minuta, u skont jekk ikunx disponibbli jew le l-ikkupjar bil-kulur; madankollu, jistgħu jiġu ffissati ammonti oħra permezz ta’ ftehim. |
Il-fatti, il-proċedura u d-domandi magħmula
22. |
Verwertungsgesellschaft Wort (iktar ’il quddiem “VG Wort”) hija soċjetà kollettriċi awtorizzata. Din għandha r-responsabbiltà esklużiva li tirrappreżenta l-awturi u l-pubblikaturi ta’ xogħlijiet letterarji fil-Ġermanja. Hija għalhekk intitolata titlob ir-rimunerazzjoni mill-produtturi, l-importaturi jew id-distributuri ta’ apparati suġġetti għar-rekwiżit tal-ħlas ta’ rimunerazzjoni lill-awturi skont il-Paragrafu 54a(1) tal-UrhG. Kemm f’isimha kif ukoll f’isem soċjetà kollettriċi oħra li tirrappreżenta dawk li għandhom id-drittijiet fuq xogħlijiet grafiċi ta’ kull tip, hi talbet din ir-rimunerazzjoni mingħand il-partijiet l-oħra fil-kawżi prinċipali (iktar ’il quddiem il-‘fornituri’) ( 21 ), permezz ta’ ħlas impost fuq kompjuters personali, printers u/jew plotters ( 22 ) għall-bejgħ fil-Ġermanja bejn il-bidu tal-2001 u t-tmiem tal-2007. L-ammonti mitluba huma bbażati fuq ir-rati miftehma bejn iż-żewġ soċjetajiet kolletriċi u ppubblikati fil-Bundesanzeiger (il-Gazzetta Federali). |
23. |
Il-fornituri jikkontendu b’mod partikolari li l-printers u l-plotters ma humiex kapaċi jirriproduċu x-xogħol waħedhom. Huma jistgħu jagħmlu dan biss meta jiġu mqabbda ma xi apparat li juża teknika fotografika jew proċess ieħor b’effetti simili sabiex tinħoloq immaġni tax-xogħol. Huma jsostnu li għalhekk, il-kumpens għandu jiġi impost biss fuq dan it-tip ta’ tagħmir. Dik il-fehma hija konsistenti mal-ġurisprudenza preċedenti li fiha l-Bundesgerichtshof kien deherilha li, meta apparat bħal ma hu skàner, kompjuter jew printer ikunu mqabbda flimkien biex ikun jista’ jiġi kkupjat dokument, ir-rimunerazzjoni għandha titħallas biss fuq dak l-apparat li fih il-karatteristiċi ta’ teknika fotografika jidhru l-iżjed ċar — jiġfieri l-iskàner. |
24. |
Skont il-qorti nazzjonali, hemm żewġ kwistjonijiet oħra li jirrigwardaw kif għandha tiġi kkalkolata r-rimunerazzjoni dovuta. Meta l-miżuri teknoloġiċi maħsuba biex jipprevjenu l-ikkupjar huma disponibbli iżda ma jintużawx, jew meta l-ikkupjar ikun awtorizzat bi kwalunkwe mod, xorta waħda jkun dovut il-kumpens ġust fir-rigward tal-oriġinali kkonċernati? Barra dan, ma huwiex kompletament ċar mil-liema data, u fir-rigward ta’ liema ġrajjiet, id-dritt nazzjonali għandu jiġi interpretat skont id-Direttiva. |
25. |
Għalhekk il-Bundesgerichtshof tistaqsi ( 23 ):
|
26. |
Ġew sottomessi osservazzjonijiet bil-miktub minn VG Wort, mill-fornituri, mill-Finlandja, il-Ġermanja, l-Irlanda, il-Litwanja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, Spanja u r-Renju Unit, u mill-Kummissjoni. Waqt is-seduta tat-22 ta’ Ottubru 2012, VG Wort, Fujitsu, Hewlett Packard, Kyocera, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Awstrija, ir-Renju Unit u l-Kummissjoni ssottomettew osservazzjonijiet orali. |
Evalwazzjoni
27. |
Il-Bundesgerichtshof tqis li huwa importanti li jiġu interpretati ċerti dispożizzjonijiet tal-UrhG skont dawk tad-Direttiva, u sa fejn din l-interpretazzjoni hija meħtieġa mid-dritt tal-UE. Għaldaqstant hija tistaqsi domanda waħda fuq l-applikabbiltà tad-Direttiva ratione temporis, u erba’ dwar l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet sostantivi. Minħabba li ma hemmx dubju li d-Direttiva hija rilevanti għall-biċċa l-kbira tal-perijodu li jkopri t-tilwim fil-kawżi prinċipali, jien ser nittratta l-ewwel il-kwistjonijiet sostantivi. Madankollu, qabel ma nagħmel dan, jista’ jkun ta’ għajnuna li nikkunsidra xi punti ġenerali dwar id-Direttiva u r-relazzjoni tagħha mal-leġiżlazzjoni Ġermaniża. |
Rimarki preliminari
Ir-relazzjoni bejn il-preambolu u l-parti normativa tad-Direttiva
28. |
Waħda mill-karatteristiċi tad-Direttiva hi t-tul tal-preambolu iddettaljat ħafna tagħha, li hu xi 40 % itwal mill-parti normativa. Meta kienu qed isiru s-sottomissjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, saret referenza estensiva għal ċerti premessi fil-preambolu, u l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenzi tagħha, ibbażat ruħha b’mod sinfikanti fuq dawn il-premessi ( 25 ). |
29. |
Jidher ċar minn dak il-preambolu li l-leġiżlatura mhux biss riedet kemm jista’ jkun tikseb l-uniformità neċessarja għas-suq intern ( 26 ), iżda riedet ukoll tħalli l-possibbiltà ta’ xi aġġustamenti fil-każ ta’ forom ġodda ta’ sfruttament, użi ġodda u żviluppi teknoloġiċi ( 27 ). Għalhekk, l-adozzjoni ta’ metodu progressiv, adattabbli u armonjuż fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-Direttiva, hi xi ftit iġġustifikata. |
30. |
Min-naħa l-oħra, wieħed għandu jżomm f’moħħu li qed titħalla libertà kbira lill-Istati Membri, u li hemm bosta aspetti li ma humiex armonizzati. Pereżempju, kemm għandu jingħata kumpens sabiex dan ikun tassew ġust, u xi provvediment għandu jkun hemm għal dan? Barra dan, is-sempliċi fatt li jeżistu 20 eċċezzjoni jew limitazzjoni mhux obbligatorji fir-rigward tad-dritt tar-riproduzzjoni, li 17 minhhom ukoll jinvolvu l-possibbiltà ta’ għażla fir-rigward tal-kumpens ġust, jidher li iżjed milli jikseb l-uniformità jew l-armonizzazzjoni, qiegħed prattikament jirrinunzja dawn l-għanijiet. Meta l-leġiżlatura tkun għalhekk deliberatament tat lill-Istati Membri dawn il-possibbiltajiet lill-Istati Membri, ma tkunx ħaġa xierqa li l-Qorti tal-Ġustizzja tissagrifikahom għal raġunijiet ta’ armonizzazzjoni ikbar. |
31. |
Barra dan, iċ-ċertezza legali hi prerekwiżit sabiex tinkiseb l-armonizzazzjoni fis-suq intern ( 28 ), u metodu progressiv u adattabbli fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-dritt ma jwassalx għall-aqwa ċertezza legali. Fejn isiru żviluppi konnessi kemm fit-teknoloġija kif ukoll fit-tmexxija tan-negozju, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ biss tasal sa ċertu punt fl-isforz tagħha li tiżgura li l-leġiżlazzjoni tiġi interpretata b’tali mod li tieħu kont ta’ dawn l-iżviluppi. Ikun hemm punt fejn il-leġiżlatura biss tkun kompetenti biex tiżgura dan it-tip ta’ evoluzzjoni. |
32. |
Fl-aħħar nett, nixtieq nirrikmanda li wieħed jogħqod attent li ma jiddipendix iż-żejjed fuq il-preambolu, iżjed milli fuq il-parti normativa tad-Direttiva. Hu veru li, meta wieħed ikun qed jinterpreta miżura, għandu jżomm f’moħħu r-raġunijiet li wasslu sabiex din tiġi adottata ( 29 ). Madankollu nixtieq infakkar li l-punt 10 tal-Ftehim interistituzzjonali fuq linji gwida komuni għall-kwalità tal-abbozzar ta’ leġiżlazzjoni tal-Komunità ( 30 ) jgħid li: “L-iskop tal-premessi huwa li jiġu stabbiliti raġunijiet konċiżi għad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-parti normativa, mingħajr ma jirriproduċuhom jew jagħmluhom parafrażi. M’għandhomx jinsabu fihom dispożizzjonijiet normattivi jew eżortazzjonijiet politiċi” [Traduzzjoni mhux uffiċjali]. Wieħed għandu jippreżumi li, għalkemm dawn il-linji gwida ma jorbtux legalment, l-istituzzjonijiet li adottawhom bi qbil komuni (il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni) jimxu skonthom meta jkunu qed jabbozzaw il-leġiżlazzjoni ( 31 ). |
Ir-relazzjoni bejn id-Direttiva u l-leġiżlazzjoni Ġermaniża
33. |
Id-Direttiva l-ewwel u qabel kollox tipproteġi d-dritt fundamentali tal-awtur li jawtorizza jew jipprojbixxi r-riproduzzjoni tax-xogħlijiet tiegħu. Għalkemm din ma titrattax ftehim dwar il-liċenzjar, tibbaża ruħha fuq il-fatt li l-awturi jistgħu jinnegozjaw ir-rimunerazzjoni bi skambju għall-awtorizzazzjoni tar-riproduzzjoni tax-xogħlijiet tagħhom. Il-premessa 10 tal-Preambolu tgħid li dawn għandhom jirċievu “kumpens xieraq” għall-użu tax-xogħol tagħhom ( 32 ). |
34. |
L-Istati Membri jistgħu xorta waħda jagħżlu kemm iridu mil-lista komprensiva ta’ eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet fuq id-dritt tal-awtorizzazzjoni jew tal-projbizzjoni ta’ riproduzzjoni. Fi tlieta minn dawk il-każijiet huma għandhom (u fir-rigward tal-kumplament jistgħu jekk iridu) jiżguraw li l-awturi jirċievu kumpens ġust meta d-drittijiet tagħhom jiġu miksura ( 33 ). Minn dawn it-tliet każijiet, l-iżjed li huma kkonċernati bih id-domandi preliminari huma dawk previsti fl-Artikolu 5(2)(a) tad-direttiva, liema artikolu jippermetti eċċezzjoni jew limitazzjoni fir-rigward ta’ riproduzzjonijiet “fuq il-karta jew mezz ieħor simili, effettwat mill-użu ta’ kull xorta ta’ teknika fotografika jew b’xi proċess ieħor li jkollu l-istess effetti”, u fl-Artikolu 5(2)(b), fir-rigward ta’ riproduzzjonijiet “ta’ kull mezz magħmula minn ċittadin fiżiku [persuna fiżika] għal użu privat u għal skopijiet li huma la direttament u l-anqas indirettament kummerċjali”. Madankollu, it-tielet domanda tal-Bundesgerichtshof tirreferi b’mod espliċitu għall-Artikolu 5(2) u (3) fl-intier tiegħu li jelenka 20 sitwazzjoni, li spiss jikkoinċidu, fejn eċċezzjoni jew limitazzjoni għad-dritt tar-riproduzzjoni huwa permissibbli ( 34 ), u l-kwistjoni fundamentali fil-ħames domanda tagħha (dik li tirrigwarda l-awtorizzazzjoni mid-detenturi tad-drittijiet) tista’ tkun rilevanti għal dawk is-sitwazzjonijiet kollha. |
35. |
Wieħed għandu jżomm f’moħħu li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(2) u (3) jistgħu jintgħażlu biss jekk l-Istati Membri jkunu jridu, u li f’kull każ huma jistgħu jagħżlu jagħmlux provvediment għal eċezzjoni jew għal limitazzjoni fir-rigward tad-dritt tar-riproduzzjoni. In-natura volontarja tal-eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet tagħti lill-Istati Membri ċerta libertà f’dan il-qasam, liema libertà tinsab riflessa fil-preambolu tad-Direttiva, b’mod partikolari fil-premessi 34, 36, sa 40, 51 u 52. |
36. |
Mill punti preċedenti jien nista’ nasal għal ċerti konklużjonijiet. |
37. |
L-ewwel nett, eċċezzjoni jew limitazzjoni fuq id-dritt ta’ riproduzzjoni li taqbeż il-limiti ta’ dak li huwa awtorizzat minn waħda jew l-oħra mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(2) jew (3) tkun imkompatibbli mad-Direttiva. Madankollu, minħabba n-natura volontarja tad-dispożizzjonijiet u l-possibiltà li wieħed jista’ jagħżel limitazzjoni pjuttost milli eċċezzjoni, miżura li ma tasalx sa dak il-punt tkun ukoll kompatibbli. Pereżempju, Stat Membru ma jistax jagħmel provvediment, abbażi tal-Artikolu 5(2)(b), għal eċċezzjoni fuq ir-riproduzzjonijiet kollha magħmula minn persuna fiżika fuq kwlunkwe mezz, mingħajr ma jara għall-liema skop saru, minħabba li jekk jagħmel hekk ikun qed jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni iżjed minn dak li huwa awtorizzat minn dik id-dispożizzjoni (jew minn kwalunkwe dispożizzjoni oħra). Min-naħa l-oħra, jista’ xorta waħda, abbażi tal-Artikolu 5(2)(b), jistabbilixxi eċċezzjoni għar-riproduzzjonijiet magħmulha minn persuna fiżika biss meta dawn isiru fuq il-karta u esklużivament biex jintużaw għal studju privat, minħabba li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni jkun iżjed ristrett minn, iżda xorta kompriż, f’dak li hu awtorizzat. |
38. |
It-tieni nett, wieħed għandu jieħu kont tan-natura koinċidentiva tad-diversi sitwazzjonijiet meta jkun qed jevalwa l-kompatibbiltà ta’ dispożizzjoni nazzjonali jew tal-interpretazzjoni tagħha mad-Direttiva skont id-dritt nazzjonali. Id-Direttiva ma teżiġix li jiġu abbozzati eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet nazzjonali b’tali mod li dawn iridu f’kull każ jaqblu eżattament ma kull waħda mill-20 sitwazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 5(2) u (3). Għalhekk eċċezzjoni jew limitazzjoni nazzjonali fuq id-dritt tar-riproduzzjoni tista’ tkun kompatibbli mad-Direttiva anki jekk tinkludi xi elementi minn żewġ dispożizzjonijiet jew iżjed tal-Artikolu 5(2) jew (3). Madankollu, minħabba li din ma tistax taqbeż il-limiti ta’ dak li hu permess minn dawk id-dispożizzjonijiet, għandu jiġi żgurat li din it-tip ta’ eċċezzjoni “amalgamata” ma tikkombinax xi kundizzjonijiet b’tali mod li tkopri ambitu li jaqa’ barra dawk permessi mid-Direttiva. |
39. |
F’dan ir-rigward, ninnota li d-definizzjonijiet fl-Artikolu 5(2)(a) u (b), li huma bbażati fuq kriterji pjuttost differenti — anki kontrastanti — fil-fatt jikkoinċidu b’mod sinifikanti f’dak li jirrigwarda l-atti ta’ riproduzzjoni li huma jkopru. Filwaqt li d-definizzjoni fl-Artikolu 5(2)(a) hija ċċirkoskritta biss f’dak li jirrigwarda l-mod tar-riproduzzjoni u l-mezz użat, dik fl-Artikolu 5(2)(b) tirreferi esklużivament għall-identità tal-persuna li tkun qed tagħmel ir-riproduzzjoni u l-iskopijiet li għalihom tkun qed tagħmel dan. |
40. |
Għalhekk, eċċezzjoni f’dak li jirrigwarda riproduzzjonijiet magħmula minn persuna fiżika, fuq il-karta jew fuq xi mezz simili, permezz ta’ teknika jew proċess ieħor b’effett simili, għall-użu privat u għal skopijiet li huma la direttament u lanqas indirettament kummerċjali — u għalhekk li jinkludu l-biċċa l-kbira tat-teħid privat ta’ fotokopji ta’ materjal suġġett għad-drittijiet tal-awtur — tkun taqa’ jew taħt xi waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet jew taħthom it-tnejn. B’kuntrast ma’ dan, ir-riproduzzjonijiet li jsiru minn persuna li ma hijiex persuna fiżika, u b’mezzi oħra, ma jaqgħu taħt ebda waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet; sabiex eċċezzjoni relatata magħhom tkun kompatibbli mad-Direttiva, dawn iridu jiġu koperti minn subparagrafu ieħor tal-Artikolu 5(2) jew (3). |
41. |
Subparagrafi 1 sa 3 tal-paragrafu 53(1) sa (3) tal-UrhG, li l-Bundesgerichtshof u l-partijiet fil-kawżi prinċipali ċċitaw bħala rilevanti sabiex tiġi riżolta t-tilwima fl-istess kawżi, jidher li jkopri kemm dawk il-partijiet tal-Artikolu 5(2)(a) u (b) tad-Direttiva li jikkoinċidu kif ukoll dawk li ma jikkoinċidux. Dawn jestendu wkoll, għall-inqas sa ċertu punt, għal xi eċċezzjonijiet oħra, bħal ma huma dawk li għandhom x’jaqsmu ma’ għanijiet edukattivi u xjentifiċi, li fir-rigward tagħhom il-kumpens ġust hu volontarju pjuttost milli obbligatorju. Il-Paragrafi 54a(1) u 54d, meta jinqraw konġuntament mal-Anness II, jimponu skala unika ta’ ħlasijiet fuq apparat kapaċi jagħmel il-fotokopji, jew apparat ekwivalenti, ta’ materjal protett fi kwalunkwe waħda miċ-ċirkustanzi stabbiliti fil-Paragrafu 53(1) sa (3) ( 35 ). In-nuqqas konsegwenti ta’ paralleliżmu bejn id-Direttiva u l-UrhG ma jgħinx biex wieħed jivverifika jekk xi interpretazzjoni tal-UrhG hijiex konsistenti mad-Direttiva. Meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali tikkombina eċċezzjonijiet diversi, tista’ anki f’xi każijiet titqajjem il-kwistjoni dwar jekk din hijiex kompatibbli mad-Direttiva. (Jien nixitieq inżid ma’ dan li l-użu tal-frażi “angemessene Vergütung” fil-Paragrafu 54a(1) tal-UrhG, li jista’ joħloq konfużjoni ma’ kunċetti oħra li ma humiex dak tal-“kumpens ġust” fi ħdan it-tifsira tad-Direttiva ( 36 ), ikompli jikkomplika l-affarijiet.) |
42. |
Madankollu, sa fejn il-ħlas japplika biss fil-każ ta’ apparat li kapaċi jagħmel “riproduzzjonijiet fuq il-karta jew mezz ieħor simili [...]. mill-użu ta’ kull xorta ta’ teknika fotografika jew b’xi proċess ieħor li jkollu l-istess effetti”, l-atti ta’ riproduzzjoni kkonċernati kollha jaqgħu taħt l-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva, anki jekk xi wħud minnhom jistgħu wkoll jaqgħu taħt eċċezzjonijiet oħra, bħal ma hija dik tal-ikkupjar privat. Konsegwentement, sabiex tiġi żgurata l-konsistenza, il-kundizzjonijiet li jirregolaw il-ħlas għandhom f’kull każ ikunu konsistenti mal-Artikolu 5(2)(a). |
Ir-relazzjoni bejn il-ħlas u l-kumpens ġust
43. |
Id-domandi numru 4 u 5 jirrigwardaw, b’mod ġenerali, ir-riperkussjonijiet ta’ ċertu aġir min-naħa tad-detenturi tad-drittijiet — in-nuqqas li japplikaw miżuri teknoloġiċi disponibbli lilhom sabiex jipprevjenu jew jirrestrinġu l-ikkupjar, u l-għoti impliċitu jew espliċitu tal-awtorizzazzjoni tal-ikkupjar — fuq l-intitolament tagħhom għall-kumpens ġust f’xi sitwazzjoni koperta minn eċċezzjoni jew limitazzjoni ppromulgata skont l-Artikolu 5(2) jew (3) tad-Direttiva. Dawk il-kwistjonijiet jinqalgħu meta jkun qed jiġi kkalkolat l-ammont tal-ħlas impost fuq l-apparat sabiex ikun jista’ jiġi ffinanzjat dan il-kumpens ġust u mhux fil-kuntest ta’ xi tilwima li tikkonċerna l-intitolament ta’ detentur tad-drittijiet individwali. Id-domandi huma xorta waħda affermati fuq l-assunzjoni li l-ammonti imposti jservu biex iħallsu lid-detenturi tad-drittijiet u għalhekk li jiġu kkalkolati abbażi tal-ammont ta’ kumpens ġust li għandu jitħallas meta jiġi kkunsidrat kollox. |
44. |
Madankollu, wieħed għandu jinnota li f’diversi Stati Membri (għalkemm, apparentement mhux fil-Ġermanja) il-ħlasijiet fir-rigward ta’ apparat u tagħmir li jaħżen id-data vojt jiġu użati mhux biss sabiex jitħallas il-kumpens ġust lid-detenturi tad-drittijiet, iżda anki fil-kuntest ta’ skopijiet kollettivi jew kulturali, bħal ma hija l-promozzjoni ta’ produzzjoni letterarja, mużikali jew awdjoviżwali ( 37 ). |
45. |
Il-kwistjoni tar-relazzjoni bejn il-ħlasijiet, il-kumpens ġust u dawn l-iskopijiet kollettivi jew kulturali ma tqajmitx fil-kawżi preżenti iżda ġiet rinvjata lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Oberster Gerichtshof (Qorti Suprema) tal-Awstrija, f’rinviju ieħor pendenti ( 38 ). Ma jkunx xieraq illi wieħed jantiċipa din il-kwistjoni fil-kawżi preżenti, iżda jista’ jkun utli li wieħed iżommha f’moħħu meta jkun qiegħed jeżamina d-domandi fil-kawżi preżenti. Sa fejn il-ħlasijiet jiġu kkalkolati abbażi tal-bżonn li jiġi pprovdut il-kumpens ġust lid-detenturi tad-drittijiet fi ħdan it-tifsira tad-Direttiva, il-livell ta’ libertà li jista’ jkollhom l-Istati Membri meta jkunu qed jiddeterminaw x’jista’ jikkostitwixxi kumpens ġust huwa rilevanti — kemm jekk dan il-kumpens ikun ristrett għall-għemil tajjeb tal-“ħsara” imsemmija fil-premessa 35 tad-Direttiva u fil-punt 39 et seq. tas-sentenza Padawan ( 39 ), jew jekk dan ikun jista’ jiġi pprovdut permezz ta’ kontribut ġenerali għall-benefiċċju kollettiv tad-detenturi tad-drittijiet. |
46. |
Issa ser nikkunsidra d-domandi tal-Bundesgerichtshof, billi nibda bl-erba’ domandi sostantivi. |
It-tieni domanda: il-kriterji fl-Artikolu 5(2)(a)
47. |
Fl-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva, ir-“riproduzzjonijiet fuq il-karta jew mezz ieħor simili, effettwat mill-użu ta’ kull xorta ta’ teknika fotografika jew b’xi proċess ieħor li jkollu l-istess effetti” jinkludu dawk magħmula mill-printers jew mill-kompjuters personali (essenzjalment meta dawn jaħdmu flimkien)? |
48. |
Id-domanda mbagħad iddur fuq id-distinzjoni bejn kopji ta’ dokument oriġinali “analoġiku” (essenzjalment, wieħed li hu stess ikun fuq karta jew fuq mezz simili, u kkupjat permezz ta’ proċess “minn analoġiku għal analoġiku”, pereżempju fotokopja) u riproduzzjonijiet ta’ dokument “diġitali” (dokument li jeżisti f’forma elettronika, u li jiġi stampat permezz tal-ikkupjar “minn diġitali għal analoġiku”, pereżempju l-istampar ta’ paġna mill-internet). Meta wieħed jittratta din id-domanda, u minħabba li r-riproduzzjonijiet inkwistjoni huma ddefiniti skont kriterji tekniċi, ikun jidher utli li wieħed ikollu idea dwar kif jiffunzjonaw il-proċessi u l-apparati inkwistjoni ( 40 ). |
49. |
Il-fotografija, kif wieħed ġeneralment jifhimha, essenzjalment tikkonsisti fil-qbid b’mezzi ottiċi ta’ xena partikolari (dik li wieħed ikun ra mil-lenti tal-kamera fil-mument rilevanti) u t-taħżin tar-riżultat bil-għan li dan jiġi sussegwentement riprodott bħala immaġni. L-immaġni tista’ tkun ta’ dokument, u ser nuża l-kelma “immaġni” fis-sens li tinkludi riproduzzjoni ta’ kwalunkwe tip ta’ dokument, kemm jekk dan ikun jikkonsisti f’test kif ukoll jekk ikun jikkonsisti f’xi grafika. |
50. |
Fil-fotografija tradizzjonali, ikun hemm film negattiv fotosensittiv li jiġi espost għad-dawl rifless minn xena partikolari u, wara li dan jiġi żviluppat, jintuża bħala filtru sabiex l-immaġni korrispondenti tkun tista’ tiġi pproġettata fuq il-karta fotosensittiva, li minn fuqha jiġu stampati kopji pożittivi. L-immaġni maqbuda u riprodotta tkun immaġni analoġika tax-xena li tkun dehret mill-lenti. |
51. |
Il-fotografija diġitali ma taħżinx l-immaġni b’mod analoġiku iżda permezz ta’ numru kbir ta’ pixels li jvarjaw fil-kulur u fl-intensità. L-informazzjoni diġitali tista’ mbagħad tiġi ttrasferita (permezz ta’ kollegament dirett, inkluż kollegament wireless, jew permezz ta’ tagħmir li jista’ jinġarr, bħal pereżempju memory card) fuq apparat ieħor li jista’ jirriproduċi immaġni analoġika fuq diversi tipi ta’ mezzi. Kameras tar-ritratti diġitali f’dawn iż-żminijiet jistgħu jinsabu wkoll fuq apparat ieħor, inkluż fuq bosta tipi (u forsi l-biċċa l-kbira) ta’ mobile phones u fuq kompjuters personali ‘tablet’. |
52. |
Fil-fotokopjaturi kserografiċi (għall-anqas fil-biċċa l-kbira ta’ dawk moderni), jiġi pproġettat dawl qawwi fuq id-dokument li mbagħad jiġi rifless għal fuq ċilindru elettrostatiku li jiġbed jew ibiegħed it-toner (taħlita ta’ trab tal-linka) skont l-intensità tad-dawl li jkun qed jaqa’ fuq kull parti tad-dokument, u b’hekk jifforma immaġni analoġika li mbagħad tiġi ttrasferita fuq karta. Ebda waħda mill-partijiet li qiegħda tissottometti l-osservazzjonijiet ma qiegħda tikkontesta, u lanqas ma jidher li jeżisti xi lok għalfejn dan għandu jiġi kkontestat, il-fatt li dan il-proċess jikkostitwixxi “teknika fotografika” jew “proċess ieħor li jkollu l-istess effetti” fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva. |
53. |
Skàner jaqbad xena ta’ dokument (ukoll permezz ta’ dawl ipproġettat) fil-forma ta’ informazzjoni diġitali, li tista’ tiġi ttrasferita fuq apparat ieħor li jippermetti li din tiġi maħżuna u/jew li jirripproduċi immaġni analoġika fuq diversi tipi ta’ mezzi. |
54. |
Printer jipproduċi immaġnijiet permezz ta’ informazzjoni diġitali li jirċievi minn xi sors ieħor, bħal pereżempju komputer, kamera tar-ritratti diġitali, jew xi mezz li jaħżen id-data li jista’ jinġarr (pereżempju memory card, USB stick jew CD-Rom). Tipi ta’ printers differenti jużaw proċessi differenti: minn sors diġitali, il-printers tal-lejżer jipproduċu fuq ċilindru immaġni analoġika li mbagħad tiġi ttrasferita fuq il-karta, kif ukoll bil-fotokopjaturi kserografiċi, mentri printers tal-inkjet joħolqu immaġni fuq il-karta b’mod dirett minn informazzjoni diġitali. Il-biċċa l-kbira tal-printers jipproduċu immaġnijiet fuq diversi tipi ta’ karta; hemm minnhom li jistgħu jistampaw fuq mezzi oħra bħal pereżempju ċ-ċaruta jew film trasparenti. Il-plotters huma, essenzjalment, printers speċjalizzati ddisinjati għal ċerti użi grafiċi; oriġinarjament dawn kienu jipproduċu immaġnijiet permezz ta’ biċċa għodda bil-ponta li tiċċaqlaq fuq karta, iżda llum il-ġurnata jistgħu jużaw teknika iżjed simili ta’ dik użata minn printers oħra. |
55. |
Skàner u printer meta mħaddma flimkien, fl-aħħar mill-aħħar iwettqu l-istess funzjoni ta’ fotokopjatur. F’ċerti każijiet jista’ jkun hemm bżonn li għal dan l-iskop dawn jiġu mqabbda ma’ kompjuter, filwaqt li f’każijiet oħra jistgħu jagħmlu dan meta mqabbda flimkien biss, jew inkella l-informazzjoni tista’ tinġarr minn wieħed għall-ieħor fuq mezz li jaħżen id-data li jista’ jinġarr. Printers li kapaċi jwettqu diversi funzjonijiet jew inkella apparat all-in-one (iktar ’il quddiem “AIO”) jikkombina l-funzjonijiet ta’ (inter alia) skàner, printer u fotokopjatur; dan it-tip ta’ apparat għandu kapaċitajiet ta’ memorja u ta’ pproċessar speċjalizzata u limitata, filwaqt li l-kapaċitajiet ta’ kompjuter huma ikbar u inqas speċjalizzati. |
56. |
L-informazzjoni diġitali ta’ immaġni tista’ tiddaħħal f’kompjuter (direttament, pereżempju minn kamera tar-ritratti diġitali jew minn skàner, jew indirettament, permezz ta’ xi mezz li jaħżen id-data li jista’ jinġarr jew permezz tal-internet) fejn tiġi mmemorizzata, possibilment immanipulata u mbagħad ittrasferita fuq apparat periferali (bħal ngħidu aħna skrin jew printer) sabiex tkun tista’ tiġi riprodotta immaġni analoġika. Immaġni skànjata tiġi normalment maħżuna b’tali mod li r-riproduzzjoni tagħha tkun rappreżentazzjoni viżwali tal-oriġinal: madankollu, is-softwer tal-optical character recognition (OCR) jista’ jintuża sabiex jikkonverti t-test stampat f’informazzjoni diġitali newtrali, li permezz tagħha t-test jista’ jiġi riprodott f’forma viżwalment differenti mill-oriġinal. L-informazzjoni diġitali li tirrappreżenta dokument bit-test jew b’immaġni grafika tista’ wkoll tinħoloq f’kompjuter li ma jkollux fih l-immaġni oriġinali, permezz ta’ tastiera jew maws flimkien ma’ softwer apposta. Madankollu, mingħajr apparat periferali għad-dħul u l-ħruġ tal-informazzjoni, kompjuter ma jistax waħdu jaqbad jew jirriproduċi xi immaġni. |
57. |
Il-modi li bihom immaġni tista’ tiġi riprodotta permezz ta’ wieħed jew iżjed mit-tipi ta’ apparat imsemmija iktar ’il fuq jistgħu għalhekk jiġu skematikament deskritti fis-sens li jikkostitwixxu l-istadju tad-dħul tal-informazzjoni, l-istadju intermedju, u l-istadju tal-ħruġ tal-informazzjoni. L-istadju tad-dħul tal-informazzjoni jista’ jkun jinvolvi d-dħul ottiku ta’ oriġinal analoġiku jew il-ħolqien mhux ottiku ta’ oriġinal diġitali. L-istadju intermedju jista’ jkun jinvolvi operazzjoni waħda jew iżjed ta’ ħżin, ta’ trasferiment jew ta’ manipulazzjoni, jew f’forma analoġika jew f’waħda diġitali. L-istadju tal-ħruġ tal-informazzjoni jinvolvi l-produzzjoni ta’ immaġni f’forma analoġika viżibbli ( 41 ). |
58. |
Meta wieħed iżomm dan f’moħħu, kif għandha tiġi interpretata “riproduzzjonijiet fuq il-karta jew mezz ieħor simili, effettwat mill-użu ta’ kull xorta ta’ teknika fotografika jew b’xi proċess ieħor li jkollu l-istess effetti” fil-kuntest tal-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva? Il-Bundesgerichtshof tistaqsi jekk dawn ir-riproduzzjonijiet (li wieħed għandu jiftakar ma humiex limitati biss għall-ikkupjar privat) jinkludux dawk magħmulha permezz ta’ printers (inklużi plotters) jew kompjuters. Id-domanda fundamentali hija jekk dawn jinkludux kopji magħmulha minn sors diġitali jew dawk biss li jsiru minn oriġinal analoġiku. |
59. |
VG Wort, l-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka u r-Renju Unit jidhrilhom li l-kopji magħmula minn sors diġitali huma inklużi. Il-Ġermanja ma tindirizzax din id-domanda. Il-kumplament tal-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-fornituri kollha huma ta’ opinjoni kuntrarja (li tidher li hi ffavorita anki mill-qorti tar-rinviju). |
60. |
F’livell wieħed ir-risposta tidher relattivament sempliċi. |
61. |
Jidhirli li meta wieħed jikkunsidra d-definizzjoni fl-intier tagħha, it-tifsira fundamentali tagħha essenzjalment tkopri kopji analoġiċi minn sors analoġiku bl-użu ta’ fotokopjatur — permezz tar-reprografija, sabiex nuża l-kelma użata fil-premessa 37 tal-preambolu tad-Direttiva ( 42 ). Madankollu, ma hemm ebda differenza bażika bejn dawn il-kopji u dawk magħmula pereżempju permezz ta’ skàner jew ta’ kamera tar-rittratti diġitali mqabbda ma’ printer (kemm jekk permezz ta’ kompjuter kemm jekk mod ieħor), jew ma’ apparat AIO. Anki jekk l-immaġni tgħaddi minn stadju intermedju ta’ kodifikazzjoni u ħżin diġitali, id-dħul u l-ħruġ tal-informazzjoni jibqa’ analoġiku, bħal ma jiġri fil-każ ta’ fotokopjatur. Il-proċess ma huwiex differenti mill-fotokopjar kserografiku iżjed milli l-fotografija diġitali hi differenti mill-fotografija tradizzjonali. Wieħed ma jistax jgħid, għall-iskopijiet tal-Artikolu 5(2)(a), li l-effetti ma humiex “l-istess”. |
62. |
Għalhekk, il-kompjuters u l-printers jistgħu jintużaw biex isiru riproduzzjonijiet skont kif definit fl-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva. Madankollu, id-domanda li għandha tiġi risposta sabiex tiġi riżolta t-tilwima fil-kawżi prinċipali tmur oltre dan. Jekk l-informazzjoni diġitali li minnha l-printer jipproduċi d-dokument stampat ma tkunx ġejja minn skàner imqabbad magħha, iżda sempliċement minn kompjuter, li jkun seta’ rċieva l-informazzjoni minn sors imbiegħed (pereżempju bħala download minn sit tal-internet jew bħala fajl mehmuż ma’ ittra elettronika), din is-sitwazzjoni taqa’ wkoll fl-ambitu tal-Artikolu 5(2)(a)? Dik id-domanda hija relatata mat-tielet domanda, li tqajjem il-punt dwar jekk huwiex korrett illi wieħed jikkunsidra li, f’sensiela li tikkonsisti fi skàner, kompjuter u printer, huwiex l-iskàner li l-iżjed jixbah it-teknika fotografika jew proċess bl-istess effetti, u li għalhekk għandu waħdu jkun suġġett għal ħlas maħsub biex jipprovdi kumpens ġust lill-awturi. |
63. |
L-ewwel nett, jiena niċħad is-suġġeriment magħmul minn VG Wort li, għall-iskopijiet tal-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva, kopja magħmulha fuq mezz għar-rekordjar diġitali jista’ jitqies bħala riproduzzjoni “fuq il-karta jew mezz ieħor simili” minħabba li jista’ jservi bħala antiċedent ta’ jew sostitut funzjonali ta’ dan tal-aħħar. Din l-interpretazzjoni tkun qiegħda sempliċement tinjora t-tifsira ta’ “karta” jew “simili” u tkun timplika li kull mezz ta’ rekordjar jista’ jintuża. Fil-fehma tiegħi huwa ċar li, sabiex ikun simili għall-karta bħala mezz ta’ riproduzzjoni, is-sottostrat għandu jkun kapaċi juri u għandu fil-fatt juri rappreżentazzjoni fiżika li tista’ tiġi pperċepita u interpretata mis-sensi umani. |
64. |
Madankollu, għall-iskopijiet tal-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva, ma huwiex suffiċjenti li l-immaġni li tirriproduċi oriġinal suġġett għad-dritt tal-awtur issir fuq “il-karta jew mezz ieħor simili”; għandha ukoll issir “mill-użu ta’ kull xorta ta’ teknika fotografika jew b’xi proċess ieħor li jkollu l-istess effetti.” Skàner jaqbad l-immaġnijiet billi juża teknika fotografika iżda ma jistax, waħdu, jirriproduċihom; sempliċi printer jista jirriproduċihom iżda ma jistax jaqbadhom; u kompjuter waħdu ma jista’ jagħmel ebda ħaġa minn dawn iżda jista’ jwettaq funzjoni intermedja bejn it-tnejn. |
65. |
Jekk sensiela ta’ apparati, bħal ma huma skàner imqabbad ma’ printer permezz ta’ kompjuter, tista’ fil-prinċipju tiġi meqjusa li tagħmel ir-riproduzzjonijiet skont l-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva, jista’ jingħad l-istess fir-rigward ta’ informazzjoni diġitali, li tirrappreżenta l-materjal oriġinali suġġett għad-dritt tal-awtur, li tidħol fil-kompjuter minn sors differenti (pereżempju bħala download minn sit tal-internet jew bħala fajl mehmuż ma’ ittra elettronika), jew meta din tiġi pproċessata (pereżempju permezz ta’ softwer tal-OCR) b’tali mod li r-riżultat ma jikkostitwixxix faksimile tal-oriġinal? |
66. |
L-ewwel osservazzjoni tiegħi hawn tkun li dawn is-sitwazzjonijiet ma humiex ċarament koperti mill-kliem tad-dispożizzjoni, meta dan il-kliem ikun qed jinftiehem f’sens ordinarju. Lanqas ma hemm xi ħaġa fl-istorja leġiżlattiva li tissuġġerixxi li qatt ġie kkontemplat li dan il-kliem għandu jestendi barra l-isfera tar-reprografija kif wieħed normalment jifhimha, jew anki (b’kuntrast mal-Artikolu 5(2)(b) li jirreferi għall-użu ta’ miżuri tekonoloġiċi) li jipprovdi għal xi żviluppi tekniċi futuri fir-reprografija. |
67. |
It-tieni nett, billi jipprovdi eċċezzjoni fuq ir-regola ġenerali li tikkonferixxi dritt ta’ riproduzzjoni esklużiv lill-awturi fl-Artikolu 2, l-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva għandu, fil-prinċipju, jiġi interpretat b’mod strett. |
68. |
It-tielet nett, l-Artikolu 5(5) espressament jeżiġi interpretazzjoni restrittiva pjuttost milli estensiva ( 43 ). L-importanza ta’ dan fil-kuntest preżenti tidher ikbar minħabba li, mill-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet kollha permissibbli skont l-Artikolu 5(2) u (3), huma biss dawk tal-Artikolu 5(2)(a) li jistgħu jkopru r-riproduzzjonijiet magħmula għal skopijiet kummerċjali. Meta wieħed iħares b’mod speċifiku lejn it-test fi tliet stadji msemmi fl-Artikolu 5(5), interpretazzjoni tal-Artikolu 5(2)(a) li ma timponi ebda restrizzjoni f’dak li jirrigwarda n-natura tad-dokument oriġinali, x’aktarx li ma tissodisfax il-kriterju tal-ewwel stadju ta’ “ċerti każi speċjali” — fil-prattika, assolutament kull riproduzzjoni (ħlief dik tal-manuskritti tal-mużika) li tista’ ssir fuq karta jew fuq xi mezz simili, tkun taqa’ taħt din l-eċċezzjoni. Sa fejn dawn ir-riproduzzjonijiet ma jkunux limitati fin-numru jew f’dak li jirrigwarda l-iskop li għalih isiru, tiżdied ukoll il-possibbiltà ta’ konflitt mal-isfruttar normali tax-xogħol u l-interessi leġittimi tal-awtur, u għalhekk mat-tieni u mat-tielet stadji tat-test. |
69. |
Jien għalhekk ma nsibx diffikultà kbira biex naqbel mal-maġġoranza tas-sottomissjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, fir-rigward ta’ din id-domanda, li l-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva jkopri biss l-ikkupjar mill-analoġiku għall-analoġiku. Il-kelma “fotografika” neċessarjament teħtieġ li d-dħul ottiku ta’ informazzjoni minn oriġinal analoġiku, u l-bżonn tal-karta jew ta’ mezz simili li fuqu jista’ jidher ir-riżultat, tfisser li r-riżultat għandu wkoll ikun analoġiku. Jekk wieħed jikkontendi li l-frażi “li jkollu l-istess effetti” tfisser sempliċement li “ir-riżultat tiegħu huwa simili ta’ dak li seta’ inkiseb permezz ta’ teknika fotografika” ikun qiegħed sempliċement jirrendi l-kelma “fotografika” mingħajr tifsira - ċertament, fil-każ ta’ riproduzzjoni magħmula permezz ta’ teknika fotografika, kwalunkwe riproduzzjoni fuq il-karta jew fuq xi mezz simili jista’ jiġi deskritt bħala “simili”. Fil-fehma tiegħi, effetti li huma simili ta’ dawk ta’ teknika fotografika għandhom jitqiesu bħala effetti li huma simili ta’ dawk tat-teknika meqjusa fl-intier tagħha; għandu jkun hemm riproduzzjoni perċettibbli ta’ xi ħaġa li hija perċettibbli fid-dinja fiżika. U, apparti l-kliem ċar tad-dispożizzjoni innifisha, il-kunċett tal-ikkupjar mill-analoġiku għall-analoġiku jirriżulta wkoll ċar mill-użu tal-kelma “reprografija” fil-premessa 37 tal-preambolu, u fit-travaux préparatoires ( 44 ) , u anki kkonfermat mill-fatt li r-riferenzi għall-ikkupjar diġitali huma ristretti għall-qasam tal-ikkupjar privat (fil-premessa 38 u, permezz tat-tismija ta’ “miżuri teknoloġiċi”, fl-Artikolu 5(2)(b)). |
70. |
Jidher li VG Wort tinsab ikkonċernata bil-fatt li l-ikkupjar fuq skala kbira ta’ materjal diġitali suġġett għad-drittijiet tal-awtur jista’ ma jkunx suġġett għal xi ħlas maħsub sabiex jipprovdi l-kumpens ġust lill-awturi jekk l-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva jiġi interpretat li jkopri biss l-ikkupjar mill-analoġiku għall-anaolġiku. Hu veru li, skont l-interpretazzjoni li niffavorixxi jiena, l-ikkupjar mid-diġitali għall-analoġiku ma jwassalx għall-obbligu li jingħata l-kumpens ġust sakemm dan ma jsirx minn persuna naturali għal skopijiet privati u mhux kummerċjali fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 5(2)(b). Dan minħabba l-fatt li dan l-ikkupjar ma jaqax taħt xi eċċezzjoni jew limitazzjoni prevista skont id-Direttiva. Għalhekk għandu jkun suġġett jew għal rimunerazzjoni nnegozjata jew għal proċeduri legali sabiex jinkiseb kumpens għall-ksur, fil-kuntest tad-dritt tar-riproduzzjoni esklużiva li hija r-regola ġenerali skont id-Direttiva. Jidher li dan huwa ġġustifikat meta wieħed jiftakar li l-ambitu tal-Artikolu 5(2)(a), sa fejn dan ma jikkoinċidix mal-ambitu ta’ xi eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet permissibbli oħra fir-rigward tad-dritt tar-riproduzzjoni, huwa essenzjalment ristrett għar-riproduzzjonijiet li jsiru għal skopijiet barra dawk tal-ikkupjar privat jew tal-użu fl-interess pubbliku — fil-qosor, x’aktarx li l-ambitu speċifiku tiegħu huwa ristrett għar-riproduzzjonijiet bi skopijiet direttament jew indirettament kummerċjali. B’kuntrast ma’ dan, ma jkunx jidher ġustifikat, abbażi ta’ interpretazzjoni neċessarjament stretta, u anki restrittiva, li wieħed iċaħħad lill-awturi mid-dritt esklużiv tagħhom ta’ riproduzzjoni fir-rigward ta’ kwantitajiet sinifikanti ta’ kkupjar għal dawn l-iskopijiet. |
71. |
Jien, sa issa, wasalt għall-fehma li l-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li hu ristrett għall-ikkupjar mill-analoġiku għall-analoġiku, u li jeskludi l-ikkupjar mid-diġitali għall-analoġiku. Madankollu, jien ukoll jidhirli li l-kunċett tal-ikkupjar mill-analoġiku għall-analoġiku ma jistax ikun tant ristrett li jeskludi dawk il-metodi li jinvolvu stadju diġitali intermedju — pereżempju dawk fejn dokument skànjat jiġi mmemorizzat f’kompjuter, jew fejn dokument iffotografat b’mod diġitali jiġi tttrasferit f’kompjuter permezz ta’ memory card, qabel ma jiġi stampat minn printer imqabbad — fi kliem ieħor, l-ikkupjar mill-analoġiku għad-diġitali għall-analoġiku. |
72. |
Jekk dan huwa minnu, ikun jidher neċessarju li wieħed jiddistingwi l-kategorija tal-aħħar (li fil-fehma tiegħi taqa’ taħt id-definizzjoni tal-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva) mis-sempliċi kkupjar mid-diġitali għall-analoġiku (u li fil-fehma tiegħi ma jaqax taħt l-imsemmi Artikolu). Id-dokumenti diġitali miksuba minn oriġinal analoġiku jistgħu jiġu maħżuna f’kompjuter u sussegwentement stampati f’ċirkustanzi differenti ħafna minn dawk li normalment jitqiesu bħala reprografija — pereżempju meta oriġinal skànjat jittella’ fuq sit tal-internet minn persuna waħda u jiġi sussegwentement ittrasferit fuq kompjuter ta’ persuna oħra. Fil-fehma tiegħi, dawn iċ-ċirkustanzi, ma jaqgħux taħt id-definizzjoni tal-Artikolu 5(2)(a), anki jekk il-proċess fl-intier tiegħu jista’ jitqies bħala kkupjar mill-analoġiku għad-diġitali għall-analoġiku. Li kieku jitqies li jaqgħu taħt din id-definizzjoni, ikun hemm għal darba oħra l-periklu li l-ewwel parti tat-test fi tliet stadji stabbilit fl-Artikolu 5(5) ma jiġix sodisfatt, minħabba li d-definizzjoni ssir wiesgħa wisq sabiex titqies bħala ristretta għal “ċerti każi speċjali”. |
73. |
Sabiex tkun tista’ ssir id-distinzjoni neċessarja, ma huwiex xieraq li wieħed jibbaża ruħu fuq il-kriterju ta’ atti ta’ riproduzzjoni “temporanji jew inċidentali” użat fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva, minħabba li huwa ċar li l-ħżin ta’ immaġni diġitali fuq ħardisk jew fuq xi mezz ieħor li jaħżen id-data, waqt li jista’ jkun sempliċement stadju intermedju bejn id-dħul tal-informazzjoni (l-iskànjar jew il-fotografija) u l-ħruġ tal-informazzjoni (l-istampar), ma jistax jitqies bħala “temporanju” ( 45 ). |
74. |
Konsegwentement, jidhirli li l-ambitu tal-eċċezzjoni jew il-limitazzjoni permessi mill-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva, filwaqt li jkopri sitwazzjonijiet li fihom ir-riproduzzjoni mill-analoġiku għall-analoġiku jkun jinvolvi fażi diġitali intermedja, għandu jiġi interpretat fis-sens li jeskludi sitwazzjonijiet fejn il-proċess fl-intier tiegħu la qed jitwettaq mill-istess persuna u lanqas f’operazzjoni waħda. |
It-tielet domanda: riproduzzjonijiet li jinvolvu sensiela ta’ apparati
75. |
Jekk (kif nemmen jien) ir-riproduzzjonijiet koperti jinkludu dawk magħmula permezz ta’ printers jew ta’ kompjuters, jista’ jiġi impost ħlas sabiex jipprovdi l-kumpens ġust — meta wieħed iżomm f’moħħu l-prinċipju ta’ trattament ugwali — mingħand il-produtturi, l-importaturi jew id-distributuri mhux ta’ printers jew ta’ kompjuters iżda ta’ xi oġġett ieħor jew oġġetti oħra f’sensiela ta’ apparati kapaċi jagħmlu r-riproduzzjonijiet rilevanti? |
76. |
It-tielet domanda tal-qorti nazzjonali ġiet espressa formalment b’tali mod li għandha ssir biss jekk it-tieni domanda — li tikkonċerna biss l-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva — tiġi mwieġba fl-affermattiv. Madankollu, tirreferi għal dawk il-każijiet kollha fejn Stat Membru jkun għażel, skont l-Artikolu 5(2) jew (3), li jimplementa eċċezzjoni jew limitazzjoni fir-rigward tad-dritt tar-riproduzzjoni, b’kumpens ġust għad-detenturi tad-drittijiet. Madankollu, kif jien diġà indikajt ( 46 ), il-ħlas domestiku inkwistjoni japplika kollu kemm hu fi ħdan il-limiti stabbiliti mill-Artikolu 5(2)(a) u jista’ japplika barra dawk il-limiti stabbiliti f’subparagrafi oħra. Konsegwentement, sabiex tiġi żgurata applikazzjoni li tkun konsistenti kemm mad-dritt nazzjonali kif ukoll mad Direttiva, ikun neċessarju li tingħata risposta li fuq kollox tkun ibbażata fuq l-Artikolu 5(2)(a). |
77. |
Jidher li l-kwistjoni fundamentali quddiem il-qorti nazzjonali hija jekk, kif jikkontendu l-fornituri, il-ġurisprudenza preċedenti tal- Bundesgerichtshof, li tippreċiża li fir-rigward tal-ikkupjar minn analoġiku għal analoġiku permezz ta’ sensiela ta’ apparati (pereżempju, skàner, kompjuter u printer) il-ħlas għandu jiġi impost biss fuq dak l-apparat li kapaċi jifforma immaġni tad dokument l-oriġinal (fl-eżempju, l-iskàner), huwiex kompatibbli mad-Direttiva jew jekk, kif tikkontendi VG Wort, il-ħlas għandux jinfirex fuq l-apparati kollha fis-sensiela, skont sa liema punt dawn ikunu ġew użati. Il-Bundesgerichtshof jidhrilha li ħlas fuq l-apparati kollha jkun imur kontra l-prinċipju ta’ trattament ugwali, b’mod partikolari minħabba l-fatt li huwa diffiċli li wieħed jiddetermina sa liema punt il-kompjuters personali u printers jintużaw fl-ikkupjar analoġiku. Għall-kuntrarju ta’ dan, VG Wort jidhrilha li ma huwiex diffiċli li wieħed jiddetermina dan u li l-impożizzjoni ta’ ħlas fuq l-iskàners u mhux fuq il-kompjuters u l-printers tkun tirrendi l-iskàners għoljin iżżejjed u tippermetti li r-riproduzzjonijiet isiru minn sors diġitali mingħajr ebda kontribut għall-kumpens ġust lill-awturi. |
78. |
F’Padawan ( 47 ), il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat, fil-kuntest tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva, li l-Istati Membri jgawdu libertà wiesgħa meta jiġu biex jiddeterminaw kif għandu jiġi organizzat il-kumpens ġust; li fil-prinċipju dan il-kumpens huwa dovut lill-awturi li jkunu soffrew ħsara minħabba l-introduzzjoni tal-eċċezzjoni tal-ikkupjar privat minn persuni li jagħmlu l-kopji skont dik l-eċċezzjoni; li minkejja dan, ikun leġittimu li, abbażi tal-fatt li l-ħlas jista’ jiġi inkorporat fil-prezz, jiġi impost ħlas għal dak il-għan fuq dawk li jagħmlu l-kopji għal ħaddieħor jew dawk li jimmanifatturaw it-tagħmir, l-apparati jew il-mezzi disponibbli lilhom sabiex ikunu jistgħu jagħmlu dan. Jekk dawn il-prinċipji japplikaw fil-kuntest tal-Artikolu 5(2)(b), għandhom, fil-fehma tiegħi, japplikaw ukoll fejn ikun ikkonċernat l-Artikolu 5(2)(a). |
79. |
Mandankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ippreċiżat ukoll li l-applikazzjoni arbitrarja ta’ ħlas fuq l-ikkupjar privat, b’mod partikolari fir-rigward ta’ tagħmir, apparati u mezzi li jagħmlu r-riproduzzjonijiet diġitali u li ma humiex disponibbli għall-utenti privati, u li ċarament huma rriżervati għal użu li ma jinvolvix l-ikkupjar privat, ma hijiex kompatibbli mal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva, iżda ukoll li, fejn it-tagħmir inkwistjoni jkun sar disponibbli lil persuni fiżiċi għal skopijiet privati ma jkunx neċessarju li dawn juru li għamlu kopji privati bl-għajnuna ta’ dak it-tagħmir u li għalhekk ikunu fil-fatt ikkaġunaw il-ħsara lill-awtur tax-xogħol protett ( 48 ). Għalhekk jista’ jiġi impost ħlas fuq tagħmir, apparati jew mezzi abbażi, mhux tal-użu għar-riproduzzjoni li fil-fatt għandu l-materjal protett, imma tal-użu li jista’ jkollu, u għandu jiġi eskluż fejn dan l-użu nnifsu jkun eskluż. Għal darb’oħra jidher li l-istess għandu japplika fil-każ tal-ikkupjar analoġiku fi ħdan l-iskop tal-Artikolu 5(2)(a). |
80. |
Konsegwentement, fid-dawl tar-risposta li qed nipproponi għat-tieni domanda, għandu fil-prinċipju jkun leġittimu li wieħed jimponi ħlas fuq il-manifattura, l-importazzjoni jew il-bejgħ mhux biss ta’ apparat bħal ma huma fotokopjaturi u apparat tal-AIO li jistgħu jipproduċu kopji mill-analoġiku għall-analoġiku waħedhom, iżda anki fuq apparati li jistgħu jintuzaw biex jipproduċu dawn il-kopji meta msensla flimkien, imma mhux individwalment. |
81. |
Sa fejn dan il-ħlas jiġi impost skont id-Direttiva, u għalhekk b’implementazzjoni tad-dritt tal-UE, l-Istati Membri għandhom jirrispettaw il-prinċipji ġenerali ta’ dik il-liġi meta jkunu qed jeżerċitaw l-għażliet disponibbli lilhom ( 49 ). |
82. |
Meta jiġi impost ħlas fir-rigward ta’ sensiela ta’ apparati, ikun jidher inkonsistenti mal-prinċipju ta’ trattament ugwali jew tal-proporzjonalità — jew saħansitra, ma’ kwalunkwe kunċett ta’ kumpens ġust jew ta’ bilanċ ġust bejn id-detenturi tad-dritt u l-utenti ( 50 ) — li kull komponent tas-sensiela jiġi suġġett għall-istess ħlas li jiġi impost għalih apparat li jaħdem waħdu, bħal pereżempju fotokopjatur. Dan ir-raġunar ifisser li utent jista’ jsib ruħu f’sitwazzjoni fejn iħallas kontribuzzjonijiet għall-kumpens ġust li jvarjaw ħafna skont it-tagħmir li jagħżel, li ma jidhirx li hu “ġust” iżda li jidher li x’aktarx jgħawweġ il-kompetizzjoni bejn il-fornituri ta’ tipi differenti ta’ apparat. |
83. |
Għall-ewwel il-loġika ta’ VG Wort li l-ħlas għandu jinqasam bejn id-diversi tipi ta’ apparat ma jidhirx li hu inkonsistenti mad-Direttiva. Lanqas, madankollu, ma jidher għall-ewwel inkonsistenti mad-Direttiva li l-ħlas jiġi sofrut minn apparat wieħed biss mis-sensiela. Iżda l-affarijiet huma iżjed ikkomplikati minn hekk, b’mod partikolari jekk wieħed jikkunsidra l-prinċipju ta’ trattament ugwali imsemmi mill-Bundesgerichtshof. |
84. |
L-ewwel nett, ma hemmx dubju li tista’ tinkiseb statistika medja dwar l-użu tal-fotokopjaturi u tal-apparat AIO għar-riproduzzjoni ta’ materjal protett, u hu biss abbażi ta’ din l-informazzjoni li l-ħlas (jew tal-inqas kull ħlas tat-tip ikkontemplat f’Padawan) impost fuq dan l-apparat, u li hu intiż li jipprovdi l-kumpens ġust lill-awturi, jista’ jiġi kkalkolat. Madankollu, wieħed għandu jikkunsidra jekk din id-data tistax tiġi estrapolata minn sensiela ta’ apparati bħal ma huma skàner, kompjuter u printer. Ma jidhirx li din is-sensiela hi primarjament intiża għall-ikkupjar mill-analoġiku għall-analoġiku, li għalih huma iżjed adattati l-fotokopjaturi u l-apparat AIO. Jekk fil-fatt tintuża għal dan l-iskop, x’aktarx li l-użu jkun ristrett għall-iskop speċifiku tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva iżjed milli għal dak tal-Artikolu 5(2)(a), minħabba li jidher li hu iżjed probabbli li persuni li ma humiex persuni fiżiċi, jew dawk li jagħmlu l-kopji għal skopijiet li ma humiex privati jew kummerċjali, jagħżlu metodi inqas ingombranti għal-ikkupjar minn analoġiku għal analoġiku — fi kliem ieħor, għall-iffotokopjar jew forsi anki xi tip ta’ stampar offset. Għalhekk, f’dak li jirrigwarda l-iskop attwali (fis-sens ta’ medja statistika) ta’ dan it-tip ta’ kkupjar, jidher diffiċli li wieħed iqabbel sensiela ta’ tliet apparati li kull wieħed minnhom iwettaq parti mil-proċess, ma’ apparat uniku li jwettaq il-proċess kollu. |
85. |
It-tieni nett, jekk skàner, komputer personali u printer jistgħu jintużaw flimkien sabiex jagħmlu l-kopji mill-analoġiku għall-analoġiku, l-apparat li minnu tiddaħħal l-informazzjoni mhux bilfors għandu jkun skàner. Il-kameras tar-ritratti diġitali, inklużi dawk inkorporati f’tipi oħra ta’ apparat, jistgħu ukoll jintużaw għal dan l-iskop. Jekk għandu jiġi impost ħlas fuq skàners (kemm jekk b’mod proporzjonali għall-parti funzjonali tagħhom fil-proċess f’diversi stadji, u kemm jekk le), ma għandux ukoll jiġi impost fuq apparat li minnu tiddaħħal l-informazzjoni ekwivalenti? |
86. |
It-tielet nett, is-sensiela ta’ tliet apparati li tirreferi għalihom il-Bundesgerichtshof, wieħed jista’ jarahom (u x’aktarx li dawn iktar jintużaw hekk) bħala żewġ pari ta’ apparati — skàner u kompjuter, kompjuter u printer — li kull wieħed minnhom jagħmel il-kopji li ma humiex ta’ tip analoġiku għall-analoġiku u li għalhekk, skont ir-risposta proposta tiegħi għat-tieni domanda, ma jaqawx taħt l-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva. Sa fejn dan l-użu jaqa’ fi ħdan l-eċċezzjonijiet l-oħra tal-Artikolu 5(2) jew (3), ikun jidher ċar li ħlas impost biex jipprovdi kumpens ġust jista’ jkun iġġustifikat — iżda dan ikun differenti minn ħlas biex jipprovdi kumpens ġust fir-rigward tal-ikkupjar tat-tip analoġiku għall-analoġiku (riproduzzjoni permezz tal-iffotokopjar jew ta’ proċess li għandu effetti simili skont l-UrhG). |
87. |
Ir-raba’ nett, f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni proprja tal-ħlas kif speċifikat fl-Anness II tal-UrhG, huwa diffiċli li wieħed jara kif il-kriterji, li jirrigwardaw in-numru ta’ kopji fil-minuta u d-disponibbiltà tal-kulur, jistgħu jiġu applikati b’mod faċli għal sensiela ta’ apparati, irrispettivament jekk il-ħlas ikunx mifrux mas-sensiela kollha jew jekk jiġix applikat għal apparat wieħed sakemm, fil-każ tal-aħħar, dan l-apparat ikun il-printer. |
88. |
Għalhekk jinqalgħu numru ta’ diffikultajiet f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni li għandha tiġi riżolta fil-proċeduri ewlenin. Dawn il-biċċa l-kbira jirriżultaw min-natura koinċidenti tal-eċċezzjonijiet fl-Artikolu 5(2) u (3) tad-Direttiva, u mill-fatt li s-sistema tal-impożizzjoni tal-ħlas inkwistjoni Ġermaniża hi kemxejn problematika minħabba li tolqot bosta minn dawn l-eċċezzjonijiet. Madankollu dawn ukoll jenfasizzaw ċerta tensjoni fir-rigward tal-loġika adottata mil-Qorti tal-Ġustizzja f’Padawan, li mhux bilfors kienet immedjatament evidenti fil-kuntest ta’ dak il-każ. |
89. |
F’dik is-sentenza, il-Qorti essenzjalment deherilha li kien hemm (i) konnessjoni neċessarja bejn l-att tal-ikkupjar u l-obbligu li jitħallas kumpens ġust lid-detenturi tad-drittijiet, (ii) presupponiment li l-apparati li jistgħu jintużaw għall-ikkupjar fil-fatt qed jintużaw għalhekk u (iii) projbizzjoni fuq l-impożizzjoni tal-ħlas fuq apparati li ċarament jaqgħu barra mill-iskop tal-eċċezzjoni partikolari awtorizzata mid-Direttiva ( 51 ). |
90. |
Jien jidhirli li dik il-fehma kienet iżjed faċli li wieħed jasal għaliha u jsostniha fil-kuntest ta’ Padawan milli fil-kuntest tal-kawżi preżenti. B’mod partikolari, Padawan kienet tirrigwarda biss l-eċċezzjoni fir-rigward tal-ikkupjar privat skont l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva, u dawk l-oġġetti biss li huma prinċipalment intiżi għall-ikkupjar u li jistgħu jaqgħu taħt din l-eċċezzjoni. Dak li wassal għat-tilwima fil-kawża nazzjonali u għal-loġika li adottat il-Qorti tal-Ġustizzja biex tirrispondi d-domandi magħmula, kien il-presupponiment (bla ebda dubju ġġustifikat fiċ-ċirkustanzi preżenti) li teżisti distinzjoni ċara bejn l-ikkupjar privat, li jaqa’ fi ħdan id-definizzjoni tal-Artikolu 5(2)(b), u l-ikkupjar professjonali, li ma jaqax. Madankollu l-kawżi preżenti jikkonċernaw ħlas maħsub biex jiffinanzja kumpens ġust fir-rigward ta’ sensiela ta’ eċċezzjonijiet li jikkoinċidu b’mod ħafif, li ħafna minnhom jistgħu jaqgħu barra d-definizzjoni fl-Artikolu 5(2)(b) iżda li kollha kemm huma għandhom jaqaw fi ħdan id-definizzjoni fl-Artikolu 5(2)(a). Barra dan, dan il-ħlas irid jiġi applikat fir-rigward ta’ apparat li l-użu intiż u attwali tiegħu spiss jestendi barra l-eċċezzjonijiet inkwistjoni, u li spiss jiġi użat f’konfigurazzjonijiet differenti li jaqgħu esklużivament barra l-isfera ta’ koinċidenza, u f’sitwazzjoni fejn ma jkun hemm ebda mod ċar kif wieħed, meta jkun qed jixtri xi apparat, jidentifika għal xiex dan ser jintuża. |
91. |
Jidhirli li jekk ir-raġunar adottat f’Padawan għandu jiġi sostnut fl-intier tiegħu, ikun hemm bżonn li dan jiġi ristrett għal eċċezzjonijiet nazzjonali li jaqgħu esklużivament fi ħdan id-definizzjoni tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva, u għal ħlasijiet fuq apparat jew mezzi li wieħed jista’ jiddivrenzja bejniethom skont jekk jiġux użati għall-ikkupjar privat jew għall-ikkupjar mhux privat. F’dak li jirrigwarda l-ħlas inkwistjoni hawn, inħoss li jkun iktar utli li jiġi adottat raġunar li jagħmel distinzjonijiet iżjed fini, forsi wieħed li jippermetti iżjed libertà fl-Istati Membri. |
92. |
Jien inklinata li naqbel mal-Kummissjoni u ma’ Kyocera li, filwaqt li l-kumpens ġust fi ħdan it-tifsira tad-Direttiva hu bla dubju intiż biex ipatti għall-ħsara kkaġunata mill-ikkupjar, li minħabba l-eċċezzjoni jew il-limitazzjoni fir-rigward tad-dritt tar-riproduzzjoni, id-detenturi tad-drittijiet jiġu mċaħħda minn kull kontroll, ma hemm xejn fid-direttiva li jeżiġi li dan il-kumpens għandu jitħallas dejjem minn dawk li jkunu qed iwettqu l-ikkupjar inkwistjoni. U bla dubju lanqas ma qiegħed jiġi b’xi mod eskluż dan l-iffinanzjar, iżda jekk dan hux il-metodu l-iżjed xieraq jista’ jiddependi fuq iċ-ċirkustanzi ta’ kull eċċezzjoni jew limitazzjoni. U fejn dan ikun xieraq, jekk ħlas fir-rigward ta’ apparat jew mezzi li jikkupjaw huwiex l-iżjed mezz xieraq biex jinkiseb dan jista’ wkoll jiddependi fuq iċ-ċirkustanzi. Pereżempju, ħlas fuq DVD vojt jista’ jkun xieraq bħala kumpens ġust fir-rigward tal-ikkupjar privat ta’ films, filwaqt li ħlas fuq karta vojta ma jkunx xieraq bħalma l-ħlas fir-rigward ta’ fotokopjaturi fil-kuntest ta’ eċċezzjoni fuq l-iffotokopjar. Fil-każ ta’ eċċezzjonijiet oħra — pereżempju, kwotazzjonijiet għall-iskop tal-kritika jew tal-analiżi, jew biex jintużaw għall-iskop ta’ karikatura, parodija jew pastiċċ — jista’ proprju ma jkun hemm ebda element li fuqu jkun utli li jiġi impost ħlas. |
93. |
Fid-dawl tat-tip ta’ diffikultajiet li jien semmejt iktar ’il fuq, jidhirli li, pjuttost mill-Qorti tal-Ġustizzja, hi l-qorti nazzjonali li għandha teżamina f’iżjed dettall il-ħlas stabbilit mill-UrhG. Għandha tħares lejn il-mod li bih jiġi kkalkolat il-ħlas fir-rigward tal-fotokopjaturi, u teżamina sa liema punt jista’ dan il-ħlas jiġi applikat għal sensiela ta’ apparati li flimkien jistgħu jipproduċu kopji simili iżda fejn l-ebda waħda minnhom ma tista’ tagħmel dan indipendentement u fejn kull apparat partikolari normalment jintuża għal skopijiet oħra. Għandha tikkunsidra jekk l-applikazzjoni tal-ħlas fir-rigward ta’ sensiela ta’ apparati, jew fir-rigward ta’ apparat partikolari fi ħdan is-sensiela, tipprovdix bilanċ ġust tad-drittijiet u l-interessi ta’ bejn id-detenturi tad-drittijiet u l-utenti. Fl-opinjoni tiegħi, f’dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ trattament ugwali, li jikkostitwixxi l-preokkupazzjoni ewlenija tal-Bundesgerichtshof, għandha tikkunsidra b’mod partikolari l-aspett tat-trattament ugwali tax-xerrejja tal-apparat (inkluż apparat ieħor b’funzjonijiet simili) u mhux sempliċement dak tal-importaturi jew tad-distributuri, minħabba li fl-aħħar mill-aħħar l-ħlas ikun qed jiġi soffrut minn dawk ix-xerrejja. |
Ir-raba’ domanda: miżuri teknoloġiċi sabiex jiġi kkumbattut l-ikkupjar mhux awtorizzat
94. |
F’dak li jirrigwarda l-ikkupjar privat, id-detenturi tad-drittijiet għandhom, skont l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva, jirċievu kumpens ġust li jieħu kont tal-applikazzjoni jew in-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-miżuri teknoloġiċi ( 52 ) għall-materjal protett ikkonċernat. Il-miżuri teknoloġiċi huma dawk maħsuba sabiex jipprevjenu jew jirrestrinġu atti mhux awtorizzati mid-detentur tad-drittijiet, u jitqiesu effettivi meta l-użu tal-materjal jiġi kkontrollat permezz ta’ kontroll fuq l-aċċess jew ta’ xi proċess ta’ protezzjoni (bħal pereżempju l-iċċifrar jew l-iscrambling ) jew ta’ xi mekkaniżmu li jikkontrolla l-ikkupjar. Il-possibbiltà li jiġu applikati dawn il-miżuri — għall-kuntrarju tal-applikazzjoni tagħhom fil-fatt — hija biżżejjed sabiex tirrendi inapplikabbli l-kundizzjoni relatata mal-kumpens ġust fl-Artikolu 5(2)(b)? |
95. |
Fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, din id-domanda hija rilevanti sabiex ikun jista’ jiġi kkalkolat il-ħlas (wara li jkunu ġew iddeterminati dawk intitolati jirċievu kumpens ġust) ( 53 ). |
96. |
Mandankollu, jien nixtieq nerġa’ nenfasizza li dawn id-dispożizzjonijiet jirrigwardaw ħlas impost fuq atti ta’ riproduzzjoni li jaqgħu kemm ġewwa kif ukoll barra l-ambitu tal-eċċezzjoni għall-ikkupjar privat fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva, li waħdu jeżiġi li għandu jiġi kkunsidrat jekk il-miżuri teknoloġiċi ġew jew ma ġewx applikati. Barra dan, l-atti inkwistjoni huma, jekk ir-risposta ssuġġerita tiegħi għat-tieni domanda hija korretta, restritti għall-ikkupjar mill-analoġiku għall-analoġiku. Huwa veru li jistgħu jittieħdu ċerti miżuri biex jirrendu l-ikkupjar diffiċli ( 54 ), iżda dawn huma l-biċċa l-kbira applikati sabiex jikkumbattu l-iffalsifikar ta’ dokumenti uffiċjali jew biex iħarsu s-sigurtà ta’ sigrieti kummerċjali iżjed milli sabiex jipproteġu l-materjal li għandu d-dritt tal-awtur. Il-miżuri teknoloġiċi li hija kkonċernata bihom id-Direttiva huma pjuttost dawk li jipprevjenu jew jirrestrinġu r-riproduzzjoni minn sorsi diġitali. Sabiex nagħti eżempju, dokument jista’ jkun aċċessibbli sabiex wieħed jarah fuq kompjuter b’tali mod li ma jkunx jista’ jissejvjah jew jistampah mingħajr password; l-utenti jistgħu jingħataw il-password wara li jkunu rreġistraw mad-detentur tad-drittijiet u aċċettaw ċerti kundizzjonijiet u l-ħlas ta’ dritt. |
97. |
Jien għaldaqstant niddubita jekk ir-risposta għar-raba’ domanda hijiex rilevanti għall-ħlas inkwistjoni fil-kawżi prinċipali. (Madankollu, ma naqbilx mas-sottomissjoni ta’ Fujitsu li din hija rrilevanti minħabba li l-Artikolu 5(2)(b) ma jirrigwardax riproduzzjonijiet fuq “kull mezz” iżda biss fuq ;“mezz[i] ta’ rekordjar awdjo, viżiv jew awdjoviżiv analoġiku/diġitali”, [Traduzzjoni mhux uffiċjali] li kien il-kliem oriġinali tal-proposta tal-Kummissjoni, li ġie emendat mill-Kunsill biss “sabiex jissimplifika l-kliem” ( 55 ). Id-Direttiva tuża l-kliem “kull mezz” u ma għandhiex issir interpretazzjoni li tmur kontra t-tifsira ċara tagħhom. Fi kwalunkwe każ, il-karta hija fil-fatt “mezz ta’ rekordjar viżiv analoġiku”, anki jekk hawn ftit li jiddiskrivuha b’dan il-mod). Xorta waħda, minkejja d-dubji tiegħi, jien ser nittratta d-domanda skont kif ġiet magħmula. |
98. |
Apparti s-sottomissjoni ta’ Fujitsu dwar l-irrilevanza tad-domanda, ir-risposti proposti jaqgħu fi tliet gruppi. Hewlett Packard, Kyocera, il-Litwanja, il-Pajjiżi l-Baxxi u r-Renju Unit kollha jidhrilhom li s-sempliċi possibbiltà tal-użu ta’ “miżuri teknoloġiċi” sabiex tiġi protetta biċċa xogħol hija suffiċjenti sabiex jiġi eliminat kull rekwiżit ta’ provvediment ta’ kumpens ġust fir-rigward tar-riproduzzjonijiet tax-xogħol; L-Irlanda hija bejn wieħed u ieħor tal-istess idea iżda tiffavorixxi metodu li jittratta l-kwistjonijiet każ b’każ. Għal kuntrarju ta’ dan, VG Wort, il-Ġermanja, il-Polonja u l-Kummissjoni jidhrilhom li huwa biss l-użu proprju ta’ dawn il-miżuri li għandu jkollu dak l-effett. Min-naħa l-oħra, Spanja u l-Finlandja jidhrilhom li d-Direttiva ma hijiex suffiċjentement espliċita u li l-kwistjoni għandha tiġi deċiża mill-Istati Membri. (Madankollu, jidher li l-partijiet kollha jaqblu li meta l-miżuri teknoloġiċi effettivi jiġu fil-fatt implementati ma jkun hemm ebda intitolament għall-kumpens ġust). |
99. |
Is-sottomissjonijiet li jiffavorixxu l-ewwel fehma jibbażaw ruħhom b’mod sinifikanti fuq il-premessi 35 u 39 fil-preambolu tad-Direttiva, li jirreferu għall-bżonn li jittieħed kont ta’, rispettivament, il-“grad ta’ użu ta’ miżuri ta’ protezzjoni teknoloġika” u l-iżviluppi teknoloġiċi “meta miżuri ta’ protezzjoni teknoloġika effettiva jkunu disponibbli”. Qiegħed jiġi enfasizzat ukoll li d-detenturi tad-drittijiet, li kieku dawn jistgħu jitolbu l-kumpens sempliċement abbażi tal-fatt li ma jkunux għażlu li jistabbilixxu dawn il-miżuri, ma jkollhomx inċentiva jipproteġu d-drittijiet tal-proprjetà intelletwali tagħhom jew inkella jeżerċitawhom skont l-għan prinċipali tad-Direttiva, iżda jiddependu biss fuq ħlas ġenerali li possibbilment ma jkunx relatat mad-domanda attwali għall-materjal tagħhom. Bosta mill-partijiet jirreferu għal abbozz ta’ dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni ( 56 ) li jidher li jiffavorixxi din il-fehma. Dawn jenfasizzaw ukoll dak li ppreċiżat il-Qorti tal-Ġustizzja f’Padawan ( 57 ) li l-kumpens ġust għandu jitqies li hu maħsub biex jagħmel tajjeb għall-ħsara soffruta mill-awtur u li għandu jiġi kkalkolat abbażi ta’ dan; meta detentur tad-drittijiet ikun għamel kopja diġitali ta’ xogħlu disponibbli, u ma jkunx ħa l-passi sabiex, permezz ta’ miżuri teknoloġiċi, jipproteġi dan ix-xogħol milli jiġi kkupjat, ma jistax wieħed jgħid li dan ikun sofra l-ħsara jekk xogħlu jiġi kkupjat. |
100. |
Hemm dawk li jiffavorixxu l-fehma opposta b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-kliem “jiġu jew ma jiġux applikati ( 58 )” fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva, u r-referenza fl-Artikolu 6(3) għal miżuri teknoloġiċi “effettivi”, li t-tnejn li huma jidhru li jeskludu li jittieħed kont tas-sempliċi possibbiltà tal-applikazzjoni ta’ miżuri tekniċi. |
101. |
Jiena nista’ napprezza l-attrazzjoni ta’ sistema li permezz tagħha detentur tad-drittijiet li jippermetti l-aċċess għall-pubbliku ta’ xogħlu, iżda li ma jimplementax il-mezzi disponibbli biex jikkontrolla l-ikkupjar skont id-dritt ta’ riproduzzjoni tiegħu, li huwa d-dritt ewlieni skont l-intenzjoni ta’ din id-Direttiva, għandu jitlef l-intitolament tiegħu għall-kumpens ġust, li hu dritt sekondarju, meta jsir l-ikkupjar privat. Madankollu ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi favur jew kontra din is-sistema, iżda li tinterpreta d-Direttiva skont kif din ġiet ippromulgata. |
102. |
Il-kliem tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva ma jagħmel ebda referenza għal xi kriterju ta’ disponibbiltà jew ta’ nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ miżuri teknoloġiċi: din id-dispożizzjoni tirreferi b’mod espliċitu u esklużiv għall-applikazzjoni jew nuqqas ta’ applikazzjoni tagħhom (jew għal jekk dawn ikunux ġew applikati jew le). U jekk il-kunsiderazzjoni tal-applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri lil materjal suġġett għad-drittijiet tal-awtur ikollha effett partikolari f’dak li jirrigwarda l-intitolament għall-kumpens ġust tad-detentur tad-drittijiet, allura l-kunsiderazzjoni tan-nuqqas ta’ applikazzjoni tagħhom (tkun xi tkun ir-raġuni) ma jistax ikollha l-istess effett jekk il-klawżola finali fl-Artikolu 5(2)(b) għandha tagħmel xi ftit tas-sens. |
103. |
Huwa veru li hemm ċerti indikazzjonijiet fil-preambolu li jistgħu jiffavorixxu fehma differenti. Madankollu, ma nistax ninterpreta l-espressjoni “grad ta’ użu” fil-premessa 35, fis-sens ta’ kwalunkwe konsegwenza, meta l-miżuri jkunu disponibbli iżda mhux applikati. Il-premessa 39 ma ssemmix id-disponibbiltà. Din tgħid: “Meta japplikaw l-eċċezzjoni jew limitazzjoni dwar ikkupjar privat, l-Istati Membri għandhom jagħtu kunsiderazzjoni xierqa lil żviluppi teknoloġiċi u ekonomiċi, b’mod partikolari dwar ikkupjar diġitali privat u skemi ta’ rimunerazzjoni, meta miżuri ta’ protezzjoni teknoloġika effettiva jkunu disponibbli”. Madankollu, jidhirli li dan xorta jibqa’ ’il bogħod mill-asserzjoni li l-kumpens ġust għandu jiġi eskluż meta l-miżuri jkunu disponibbli iżda mhux użati. Lanqas ma nista’ nsib xi indikazzjoni xi mkien ieħor fid-direttiva jew fit-travaux préparatoires li kien intiż dan ir-riżultat. Fl-aħħar nett, ma naħsibx li wieħed jista’ jogħqod fuq dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni, li jidher li qatt ma żviluppa iżjed mill-istadju tal-abbozz, u li hu ċar li ma jirrappreżentax il-fehmiet tal-Kummissjoni kif ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja. |
104. |
Lanqas ma jien konvint, madankollu, li d-Direttiva teżiġi li l-kumpens ġust jiġi previst fid-dritt tal-Istati Membri kollha fejn id-detenturi tad-drittijiet ikunu naqsu milli jipprevjenu jew jirrestrinġu l-ikkupjar mhux awtorizzat bil-mezzi disponibbli għalihom. Il-kliem “kumpens ġust li jikkunsidra li [...] ma jiġux applikati miżuri teknoloġiċi” jista’ ukoll jinkludi l-possibbiltà li n-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-miżuri disponibbli mhux bilfors iwassal għall-kumpens ġust. Il-kliem tal-premessa 39 fil-preambolu huwa bl-istess mod, jew anki iżjed, kapaċi jinkludi din il-possibbiltà. Barra dan, jien ninnota li l-premessa 39 ma tagħmilx (bħal ma tagħmel il-premessa 35 pereżempju) dikjarazzjoni ġenerali dwar il-kontenut tad-Direttiva, iżda pjuttost, tgħid li “l-Istati Membri għandhom jagħtu kunsiderazzjoni xierqa [...].”. Dan il-kliem huwa tipiku ta’ dawk il-premessi fil-preambolu li jirreferu għal ċertu livell ta’ libertà fir-rigward tal-Istati Membri ( 59 ). Minħabba li d-domanda hawn hija essenzjalment waħda li tirrigwarda politika, u politika li ma hijiex stabbilita b’mod ċar fid-Direttiva, jien jidhirli li l-interpretazzjoni korretta għandha tkun li l-Artikolu 5(2)(b) jippermetti lill-Istati Membri jagħżlu jekk u sa liema punt għandu jiġi pprovdut il-kumpens ġust fil-każijiet fejn il-miżuri teknoloġiċi jkunu disponibbli lid-detenturi tad-drittijiet iżda meta dawn ma japplikawhomx. |
Il-ħames domanda: kumpens ġust fil-każ ta’ awtorizzazzjoni għall-ikkupjar
105. |
Meta Stat Membru jkun implementa xi eċċezzjoni jew limitazzjoni fir-rigward tad-dritt ta’ riproduzzjoni, li jinvolvi l-intitolament (kemm jekk obbligatorju kif ukoll jekk volontarju) għall-kumpens ġust, dan l-intitolament japplika meta id-detenturi tad-drittijiet ikunu awtorizzaw, b’mod espress jew impliċitu, ir-riproduzzjoni tax-xogħlijiet tagħhom? |
106. |
Għal darba oħra, din id-domanda hija rilevanti sabiex ikun jista’ jiġi kkalkolat il-ħlas b’referenza għall-identifikazzjoni ta’ dawk li jkunu intitolati jirċievu l-kumpens ġust. Din ukoll tqajjem kwistjoni ta’ prinċipju li jikkonċerna r-relazzjoni bejn, min-naħa l-waħda, id-dritt bażiku li wieħed jawtorizza jew jipprojbixxi r-riproduzzjoni, bid-dritt konkomitanti li jiġi nnegozjat id-dritt għar-remunerazzjoni fir-rigward tal-ikkupjar jew li jintalab il-kumpens fir-rigward ta’ ksur, u, min-naħa l-oħra, l-eċċezzjonijiet li jista’ jsir provvediment għalihom fi dritt nazzjonali, bl-intitolament konkomitanti tagħhom għall-kumpens ġust. |
107. |
Il-Bundesgerichtshof tippreċiża li s-sentenza f’Padawan ( 60 ) tenfasizza l-konnessjoni bejn il-kumpens u l-ħsara kkaġunata lid-detenturi tad-drittijiet meta jiġu kkupjati x-xogħlijiet tagħhom, iżda tgħid ukoll li ma tista’ tiġi kkaġunata ebda ħsara lil detentur tad-drittijiet meta xogħlu jiġi kkupjat bl-awtorizzazzjoni tiegħu. Madankollu, hi predisposta għall-fehma li eċċezzjoni jew limitazzjoni għad-dritt tar-riproduzzjoni skont l-Artikolu 5(2) jew (3) tad-Direttiva ċċaħħad lid-detenur tad-drittijiet mid-dritt tiegħu li jawtorizza jew jipprojbixxi r-riproduzzjoni skont l-Artikolu 2, u li għalhekk kull awtorizzazzjoni ma jkollha ebda effett skont l-intenzjoni tad-Direttiva. |
108. |
VG Wort, il-Ġermanja u l-Polonja essenzjalment jaqblu mal-fehma provviżorja tal-Bundesgerichtshof; il-Kummissjoni tadotta raġunar simili iżda li jagħmel distinzjonijiet iżjed fini; filwaqt li l-fornituri u l-kumplament tal-Istati Membri li ssottomettew l-osservazzjonijiet tagħhom essenzjalment iqisu li kull detentur tad-drittijiet li fl-eżerċitar tad-dritt tiegħu ggarantit mill-Artikolu 2 tad-Direttiva jawtorizza l-ikkupjar tax-xogħlijiet tiegħu (kemm jekk b’mod espliċitu jew impliċitu, u jekk ikunx irid jiġi kkunsidrat jew le), jitlef kull intitolament għall-kumpens ġust li altrimenti seta’ kien dovut lilu bis-saħħa ta’ eċċezzjoni jew ta’ limitazzjoni fuq id-dritt tiegħu stabbilita fil-liġi skont l-Artikolu 5(2) jew (3). |
109. |
Din il-kwistjoni ta’ prinċipju tista’ tiġi espressa b’mod sempliċi. Jekk detentur tad-drittijiet irid jeżerċita d-dritt tiegħu li jawtorizza jew jipprojbixxi r-riproduzzjoni f’ċirkustanzi koperti b’eċċezzjoni fid-dritt nazzjonali għal dak id-dritt, liema waħda minn dawn it-tnejn tieħu preċedenza: id-dritt tar-riproduzzjoni jew l-eċċezzjoni? |
110. |
Anki r-risposta tidher pjuttost sempliċi, għall-inqas fil-prinċipju. Meta persuna tgawdi dritt mogħti lilha mil-liġi, iżda dak id-dritt ikun suġġett għal xi eċezzjonijiet jew limitazzjonijiet li jkunu wkoll stabbiliti f’dik il-liġi, dan id-dritt ma jistax jiġi eżerċitat meta u sal-punt li fih japplikaw l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet. L-effetti legali tal-eżerċitar ta’ dak id-dritt ma jistgħux ikunu iżjed minn dawk previsti fir-regoli li jirregolaw dawk l-eċċezzjonjiet u l-limitazzjonijiet. Din hija eżattament is-sitwazzjoni li teżisti fir-rigward tad-dritt ta’ riproduzzjoni li jridu jipprovdu għalih l-Istati Membri skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva, u l-eċċezzjonijiet jew il-limitazzjonijiet li huma jistgħu jipprovdu għalihom skont l-Artikolu 5(2) u (3), meta dawn jagħżlu li jagħmlu provvediment għall-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet. |
111. |
Pereżempju, jekk Stat Membru jistabbilixxi eċċezzjoni sempliċi fir-rigward tad-dritt tar-riproduzzjoni, mingħajr ebda provvediment għall-kumpens ġust, u fejn il-fotokopji jsiru fl-iskejjel u użati għal skopijiet ta’ tagħlim (kif inhu intitolat jagħmel skont l-Artikolu 5(2)(ċ) tad-Direttiva), id-detenturi tad-drittijiet ma jkollhom ebda opportunità li jinfluwenzaw il-kwistjoni. Ma jkunux jistgħu jipprojbixxu l-fotokopjar, u kull awtorizzazzjoni li huma jkunu jixtiequ jagħtu tkun kemm superfluwa kif ukoll bla effett ġuridiku. Din is-sitwazzjoni xorta ma tistax tinbidel jekk, minflok, l-Istat Membru jagħżel li jipprovdi għall-istess eċċezzjoni fil-leġiżlazzjoni iżda bl-intitolament għall-kumpens ġust. L-unika differenza tkun li d-detenturi tad-drittijiet jkunu intitolati għal dak il-kumpens taħt kwalunkwe kundizzjonijiet previsti fid-dritt nazzjonali. U lanqas ma tista’ s-sitwazzjoni tinbidel f’każijiet fejn (bħalma huma dawk imsemmija fl-Artikolu 5(2)(a) u (b)) l-Istat Membru ma jkollu ebda għażla ħlief li jagħmel provvediment għall-kumpens ġust. |
112. |
Biex wieħed ipoġġiha mod ieħor, jekk Stat Membru jagħmel provvediment, skont l-Artikolu 5(2) jew (3) tad-Direttiva, għal eċċezzjoni fir-rigward tad-dritt tar-riproduzzjoni previst fl-Artikolu 2, id-detenturi tad-drittijiet ma jistgħux, fil-prinċipju, sempliċement jerġgħu jasserixxu dak id-dritt u jinjoraw l-eċċezzjoni. |
113. |
Jien jidhirli li din għandha tkun il-pożizzjoni bażika u tal-anqas il-punt ta’ tluq sabiex wieħed ikun jista’ jagħti risposta għall-ħames domanda. Madankollu jista’ jkun xieraq illi wieħed jikkwalifika dik il-pożizzjoni fid-dawl ta’ wieħed jew iżjed mill-argumenti l-oħra mressqa. |
114. |
L-ewwel nett, Fujitsu u Hewlett Packard jikkontendu li l-interpretazzjoni tal-Bundesgerichtshof ittellef id-dritt ta’ proprjetà ggarantita mill-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ( 61 ), minħabba li tipprevjeni lid-detenturi tad-drittijiet milli jagħtu l-liċenzji bla ħlas sabiex jiġu kkupjati x-xogħlijiet tagħhom. Madankollu, filwaqt li din tassew ittellef dak id-dritt, fil-fehma tiegħi din l-interferenza hija permessa b’mod ċar fit-tieni sentenza tal-Artikolu 17(1) tal-Karta, minħabba li huwa “fl-interess pubbliku u fil-każijiet u skont il-kondizzjonijiet previsti mil-liġi” u li kumpens ġust jitħallas. |
115. |
It-tieni nett, il-fornituri u ħafna mill-Istati Membri ressqu argumenti li jirrigwardaw ċerti preċiżazzjonijiet f’Padawan. Fil-punt 39 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-iskop tal-kumpens ġust huwa li jikkumpensa lill-awturi għall-użu li jkun sar tax-xogħlijiet protetti tagħhom mingħajr l-awtorizzazzjoni tagħhom; fil-punt 40, hija kkonfermat li l-kumpens ġust huwa relatat mal-ħsara li ssir lill-awtur meta x-xogħol tiegħu jiġi riprodott għall-użu privat mingħajr l-awtorizzazzjoni tiegħu; u fil-punt 45, li persuna li tikkaġuna l-ħsara lid-detentur tad-dritt tar-riproduzzjoni hija dik li tirripproduċi xogħol protett mingħajr ma tkun kisbet l-awtorizzazzjoni minn qabel mingħand id-detentur tad-drittijiet. Konsegwentement, qed jiġi sostnut, ma jistax ikun dovut il-kumpens ġust meta l-awtorizzazzjoni tkun diġà intalbet u ngħatat, kemm jekk tingħata mingħajr ħlas kif ukoll jekk bil-ħlas. Għalhekk f’ebda każ bħal dan ma tista issir ħsara jew ma għandu d-detentur tad-drittijiet ikun intitolat għal xi kumpens (ieħor), li ma jista’ qatt ikun “ġust”. |
116. |
Jien ma iniex konvinta li s-siltiet iċċitati għandhom neċessarjament jiġu interpretati eżattament bil-mod issuġġerit. Fil-punt 2 tal-parti operattiva tas-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kumpens ġust għandu jiġi kkalkolat abbażi tal-kriterju tal-ħsara kkaġunata lill-awturi ta’ xogħlijiet protetti bl-introduzzjoni tal-eċċezzjoni dwar l-ikkupjar għal skopijiet privati. Huwa għalhekk f’dak id-dawl li qed ninterpreta r-referenzi preċedenti għan-nuqqas ta’ awtorizzazzjoni. L-awtorizzazzjoni ma tistax tingħata, minħabba l-fatt li d-detentur tad-drittijiet tneħħielu d-dritt li jagħtiha jew jirrifjutaha, u huwa f’dan ir-rigward li l-kumpens ġust huwa dovut. |
117. |
It-tielet nett, madankollu, u b’mod iżjed importanti, qed tinġibed l-attenzjoni għal diversi passaġġi fil-preambolu tad-Direttiva. Il-premessa 30 tistipula li: “Id-drittijiet imsemmija f’din id-Direttiva jistgħu jiġu trasferiti, assenjati jew regolati mill-għotja ta’ liċenzji kuntrattwali, mingħajr preġudizzju għal-leġislazzjoni nazzjonali rilevanti dwar id-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati”. Fil-premessa 35, li titkellem dwar l-eċċezzjonijiet jew il-limitazzjonijiet, tinsab is-sentenza: “Fil-każi fejn id-detenturi tad-drittijiet ikunu diġà rċevew pagament f’xi forma jew oħra, per eżempju bħala parti minn ħlas ta’ liċenzja, l-ebda pagament speċifiku jew separat ma jkollu jitħallas”. Skont il-premessa 44, “l-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet ma jistgħux jiġu applikati b’mod li [...] jmorru kontra l-isfruttar normali tax-xogħol tiegħu jew ta’ suġġett ieħor”. Il-premessa 45 tistipula li: “L-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(2), (3) u (4) m’għandhomx [...] jimpedixxu t-tifsira ta’ relazzjonijiet kuntrattwali maħsuba biex jiżguraw kumpens ġust għad-detenturi tad-drittijiet sa fejn hu permess bil-liġi nazzjonali”. F’dak li jirrigwarda l-użu ta’ miżuri teknoloġiċi maħsuba biex jipprevjenu jew jirrestrinġu l-ikkupjar, il-premessa 51 tistipula: “L-Istati Membri għandhom jippromwovu miżuri volontarji meħuda minn ftehim detenturi tad-drittijiet, magħduda l-konklużjoni u l-implimentazzjoni ta’ ftehim bejn detenturi tad-drittijiet u partijiet oħra relatati, biex jiffaċilitaw li jilħqu l-għanijiet ta’ ċerti eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet li hemm provdut dwarhom fil-liġi nazzjonali skont din id-Direttiva”. U l-premessa 52 tkompli biex tistipula: “Meta jimplimentaw eċċezzjoni jew limitazzjoni għall-ikkupjar privat skont l-Artikolu 5(2)(b), l-Istati Membri għandhom bl-istess mod jippromwovu l-użu ta’ miżuri volontarji biex jiffaċilitaw li jiksbu l-għanijiet ta’ din l-eċċezzjoni jew limitazzjoni”. |
118. |
Barra dan, l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva jipprovdi li l-eċċezzjonijiet jew il-limitazzjonijiet previsti, b’mod partikolari, fl-Artikolu 5(2) u (3), għandhom jiġu applikati biss “f’ċerti każi speċjali li ma jmorrux kontra l-isfruttament normali tax-xogħol jew suġġett ieħor u ma jippreġudikawx b’mod bla raġuni l-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet ( 62 )”. U l-Artikolu 6(4), f’dak li jirrigwarda l-miżuri teknoloġiċi maħsuba sabiex jipprevjenu jew jirrestrinġu l-ikkupjar, u fil kuntest tal-eċċezzjonijiet jew l-limitazzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(2)(a), (ċ), (d) jew (e), jew (3)(a), (b) jew (e), isemmi il-“miżuri volontarji meħuda mid-detenturi tad-drittijiet, magħduda ftehim bejn id-detenturi tad-drittijiet u partijiet oħra relatati”. |
119. |
Fid-dawl ta’ dawk il-premessi u d-dispożizzjonijiet, jidher neċessarju illi wieħed jikkwalifika sa ċertu punt il-pożizzjoni bażika. Filwaqt li ma jidhirlix li l-premessa 30 kienet intiża sabiex tirreferi għall-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet previsti skont id-Direttiva, huwa ċar li l-leġiżlatura kellha l-intenzjoni li toħloq xi possibbiltà li l-arranġamenti kuntrattwali jikkoeżistu ma’ dawn l-eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet. Madankollu, il-limiti ta’ dik il-koeżistenza ma humiex iddefiniti b’mod ċar, jew għallinqas huma indikati b’mod wiesgħa. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, l-Istati Membri għandha tingħatalhom ftit tal-libertà. |
120. |
Għandu xorta waħda jkun hemm il-limiti fuq dik il-libertà, u jidhirli li, meta wieħed iqis b’mod partikolari l-prinċipju bażiku li jien identifikajt bħala punt ta’ tluq għall-evalwazzjoni, il-loġika tal-Kummissjoni hija korretta. Din il-loġika tikkonsisti essenzjalment f’dan li ġej. L-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet kollha stipulati għandhom jibqgħu dan biss. Meta jkunu japplikaw, u fi ħdan il-limiti tal-applikazzjoni tagħhom, id-detenturi tad-drittijiet ma jibqgħux legalment f’pożizzjoni li jawtorizzaw jew jipprojbixxu l-ikkupjar li jagħmel ħaddieħor, jew li jippretendu l-kumpens għall-ikkupjar mhux awtorizzat. Meta il-kumpens ġust ma jkunx neċessarju, jew meta ma jkunx hemm provvediment għalih, ma jibqa’ xejn iżjed x’jingħad. Iżda meta l-kumpens ġust jingħata (jew għax teżiġih id-Direttiva jew għax l-Istat Membru jkun għażel li jagħmel provvediment għalih), l-Istati Membri jkollhom il-possibbiltà li jipprovdu li d-detenturi tad-drittijiet ikunu jistgħu jew jirrinunċjaw kull pretensjoni għall-kumpens ġust, jew jagħmlu xogħlijiethom disponibbli sabiex ikunu jistgħu jiġu kkupjati suġġett għal arranġamenti kuntrattwali (bħal pereżempju żieda xierqa fil-prezz bażiku) li jippermettilhom jirċievu l-kumpens ġust fir-rigward tal-ikkupjar futur li jagħmlu dawk li jkunu akkwistaw ix-xogħlijiet tagħhom. |
121. |
Huwa ċar li d-detenturi tad-drittijiet li jagħżlu waħda minn dawn il-possibbiltajiet ma jista’ jkollhom ebda pretensjoni għal xi ħlas minn fondi bħal ma huma dawk stabbiliti mill-ħlas inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, u l-ħlas għandu jiġi kkalkolat b’tali mod li jipprovdi l-kumpens ġust biss lil dawk id-detenturi tad-drittijiet li ma jkunux għamlu din l-għażla. Għandu jkun ukoll il-każ li jkunu xi jkunu l-arranġamenti kuntrattwali miftiehma bejn id-detenturi tad-drittijiet u dawk li jakkwistaw ix-xogħlijiet tagħhom, ma għandhom la jnaqqsu mid-drittijiet li dawn tal-aħħar jiksbu minn xi eċċezzjoni jew limitazzjoni applikabbli, u lanqas ma jinvolvu xi ħlasijiet li jeċċedu l-“kumpens ġust” fi ħdan it-tifsira tad-Direttiva. |
L-ewwel domanda: ir-rilevanza tad-Direttiva ratione temporis
122. |
Għad irid jiġi kkunsidrat sa liema punt għandu jittieħed kont tal-interpretazzjoni tad-Direttiva fir-rigward tal-perijodu rilevanti għat-tilwimiet fil-kawżi ewlenin. |
123. |
Skont il-fajls tal-każ, dawn il-kawżi jirrigwardaw apparat mibjugħ bejn l-1 ta’ Jannar 2001 u l-31 ta’ Diċembru 2007. |
124. |
Id-Direttiva ma ġietx ippubblikata, u ma daħlitx fis-seħħ qabel t-22 ta’ Ġunju 2001. Għalhekk ma għandha l-ebda rilevanza fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali f’dak li jikkonċerna ġrajjiet li seħħew qabel dik id-data. |
125. |
L-Istati Membri kienu obbligati jdaħħlu fis-seħħ dawn il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi mad-Direttiva qabel it-22 ta’ Diċembru 2002. Madankollu jidher li l-Ġermanja ma kkompletatx dan il-proċess qabel it-13 ta’ Settembru 2003 ( 63 ). |
126. |
Xorta waħda, meta japplikaw id-dritt intern, il-qrati nazzjonali huma marbuta li jinterpretawh, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tat-test u tal-għan tad-direttiva inkwistjoni sabiex jintlaħaq ir-riżultat previst mid-direttiva u, b’hekk, ikunu konformi mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE ( 64 ). Iżda dak l-obbligu japplika biss ladarba l-perijodu li fih trid tiġi ttrasposta d-direttiva jkun skada ( 65 ). Sa dak iż-żmien, u mid-data tad-dħul fis-seħħ, l-uniku rekwiżit huwa li l-qrati nazzjonali għandhom kemm jista’ jkun iżommu lura kemm jista’ jkun milli jagħtu xi interpretazzjoni li tista’ serjament tikkomprometti, wara li jkun skada t-terminu għat-traspożizzjoni, il-ksib tal-għan mixtieq mid-direttiva ( 66 ). Barra dan, għandhom jiġu kkunsidrati li jaqgħu fil kamp ta’ applikazzjoni ta’ direttiva, mhux biss dawk id-dispożizzjonijiet nazzjonali speċifikament intiżi li jittrasponu direttiva, iżda anki — mid-data tad-dħul fis-seħħ tad-direttiva — id-dispożizzjonijiet nazzjonali diġà eżistenti li kapaċi jiżguraw li d-dritt nazzjonali jkun konsistenti miegħu ( 67 ). |
127. |
Konsegwentement, kull dispożizzjoni rilevanti tad-dritt nazzjonali għandha tiġi interpretata b’mod konformi mad-Direttiva fir-rigward tal-perijodi kollha ta’ wara t-22 ta’ Diċembru 2002. F’dak li jirrigwarda l-perijodu mit-22 ta’ Ġunju 2001 sat-22 ta’ Diċembru 2002, ma hemmx għalfejn tiġi interpretata b’dak il-mod, sakemm l-interpretazzjoni tagħha ma tkunx qiegħda serjament tikkomprometti l-kisba sussegwenti tal-għan mixtieq — għalkemm ma hemm ebda prinċipju jew dispożizzjoni tad-dritt tal-UE li jipprekludi qorti nazzjonali milli tinterpreta d-dritt nazzjonali tagħha b’mod konformi ma’ direttiva qabel ma jkun skada ż-żmien li fih trid tiġi trasposta. |
128. |
Dan ifisser, inter alia, li fejn Stat Membru jkun għamel provvediment għal eċċezzjoni jew limitazzjoni għad-dritt tar-riproduzzjoni skont l-Artikolu 5(2)(a) u/jew (b) tad-Direttiva, dan ikun meħtieġ jiżgura li d-detenturi tad-drittijiet jingħataw kumpens ġust fir-rigward ta’ ġrajjiet rilevanti li jkunu seħħew wara t-22 ta’ Diċembru 2002 iżda, fil-prinċipju, mhux neċessarjament fir-rigward ta’ dawk li jkunu seħħew qabel. |
129. |
Madankollu, skont l-Artikolu 10(2), id-Direttiva tapplika bla ħsara għal xi atti konklużi u drittijiet miksuba qabel dik id-data. Din hija regola speċifika li tidher li tipprekludi l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali b’mod konformi mad-Direttiva jekk din l-interpretazzjoni tkun taffettwa “att konklużi” qabel it-22 ta’ Diċembru 2002. |
130. |
Ma huwiex mal-ewwel ċar xi tfisser “atti konklużi” fil-kuntest ta’ kumpens ġust miksub permezz ta’ ħlas impost fuq il-bejgħ ta’ apparat intiż biex jagħmel ir-riproduzzjonijiet pjuttost milli fuq il-bejgħ tar-riproduzzjonijiet innifishom. Il-biċċa l-kbira tal-apparat mibjugħ bejn it-22 ta’ Ġunju 2001 u t-22 ta’ Diċembru 2002 kien kapaċi, u użat biex jagħmel, ir-riproduzzjonijiet wara din id-data tal-aħħar ( 68 ). |
131. |
Waqt is-seduta, il-Kummissjoni rreferiet lill-Qorti tal-Ġustizzja għall-istorja leġiżlattiva tad-Direttiva. |
132. |
Kemm fil-proposta oriġinali kif ukoll f’dik emendata (u filwaqt li la l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lanqas il-Parlament ma kkummentaw fuq id-dispożizzjonijiet inkwistjoni), l-Artikolu 9(2) sa (4) stipula: “2. Din id-Direttiva għandha tapplika fir-rigward ta’ kull att ta’ sfruttar li jkun sar qabel il-[limitu taż-żmien li fih għandha tiġi trasposta din id-Direttiva]. 3. Din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa dawk il-kuntratti konklużi jew dawk id-drittijiet akkwistati qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tagħha. 4. Minkejja l-paragrafu 3, dawk il-kuntratti li jirrigwardaw l-isfruttar ta’ xogħlijiet u kwistjonijiet oħra li jkunu fis-seħħ fil- [limitu taż-żmien li fih għandha ssir it-traspożizzjoni] għandhom ikunu suġġetti għal din id-Direttiva sa ħames snin wara li din tkun daħlet fis-seħħ ladarba dawn ma jkunux diġà skadew qabel din id-data”. [Traduzzjoni mhux uffiċjali] |
133. |
Fil-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-proposta oriġinali ġie ddikjarat li:
|
134. |
It-formulazzjoni finalment adottata rrifflettiet il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill tat-28 ta’ Settembru 2000, li fiha stqarret: “Fl-Artikolu 10, il-Kunsill ipprefera jinkorpora parti mill-paragrafu 3 tal-Artikolu 9 tal-proposta emendata tal-Kummissjoni fil-paragrafu 2, u li tħassar il-kumplament tal-paragrafu 3, kif ukoll il-paragrafu 4 kollu kemm hu, minħabba li nħass li kien ikun aħjar li l-kwistjonijiet relatati mal-interpretazzjoni tal-kuntratti jitħallew f’idejn id-dritt nazzjonali ( 69 )”. [Traduzzjoni mhux uffiċjali] |
135. |
Għalhekk jidher ċar li l-intenzjoni tal-leġiżlatura fl-Artikolu 10(2) kien li d-Direttiva ma għandhiex taffettwa, fil-kuntest preżenti, atti ta’ sfruttar ta’ xi riproduzzjoni magħmula qabel it-22 ta’ Diċembru 2002. |
136. |
Barra dan huwa importanti li wieħed jieħu kont tal-fatt li l-Ġermanja tiżgura li jsir dan il-kumpens permezz ta’ ħlas fuq il-bejgħ ta’ apparat li kapaċi jibqa’ jintuża biex isiru r-riproduzzjonijiet għal bosta snin, li ħadmet din is-sistema saħansitra qabel ma daħlet fis-seħħ id-Direttiva, u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprekludi li ssir interpretazzjoni waqt il-perijodu għat-traspożizzjoni, li tista’, wara li jkun skada l-perijodu għat-traspożizzjoni, tikkomprometti b’mod serju l-ksib tal-għan mixtieq. Għalhekk jidhirli li l-iżjed interpretazzjoni loġika hija li, mid-data tad-dħul fis-seħħ tagħha fit-22 ta’ Ġunju 2001, id-Direttiva għandha tiġi kkunsidrata, meta tkun qed tiġi interpretata l-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-kumpens ġust, b’tali mod li jiġi żgurat li l-għan tal-għoti ta’ dan il-kumpens fir-rigward ta’ atti ta’ riproduzzjoni li jseħħu fi jew wara t-22 ta’ Diċembru 2002 ma jiġix serjament kompromess minħabba l-mod li bih xi ħlas intiż li jipprovdi l-kumpens ġust jiġi impost fuq bejgħ ta’ apparat qabel id-data tal-aħħar; madankollu d-Direttiva ma tirrigwardax atti ta’ riproduzzjoni li jkunu saru qabel it-22 ta’ Diċembru 2002. |
Konklużjoni
137. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għad-domandi magħmula mill- Bundesgerichtshof kif ġej:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) Id-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU L 167, 22.6.2001, p. 10) (iktar ’il quddiem “id-Direttiva”).
( 3 ) F’dawn il-Konklużjonijiet, jien ser nuża l-kliem “kopja/kupjar” u “riproduzzjoni” b’mod li jistgħu jiġu skambjati.
( 4 ) L-Artikolu 5(2) jirrigwarda eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet biss fir-rigward tad-drittijiet tar-riproduzzjoni skont l-Artikolu 2. L-Artikolu 5(3) jikkonċerna anki eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet f’dak li jirrigwarda d-dritt ta’ komunikazzjoni jew disponibbiltà tax-xogħol skont l-Artikolu 3, li ma huwiex speċifikament inkwistjoni fil-kawżi prinċipali. Ħlief fil-każ tal-Artikolu 5(2)(a), il-limitazzjonijiet jew l-eċċezzjonijiet kollha permissibbli skont l-Artikolu 5(2) jew (3) (b’kollox hemm 20 waħda) huma ddefiniti skont l-għan li għalih issir ir-riproduzzjoni; f’bosta każijiet, l-identità tal-persuna li tkun qed tagħmilhom tikkostiwixxi kriterju (pereżempju, persuni naturali, libreriji pubbliċi, stabbilimenti edukattivi jew mużewijiet, organizzazzjonijiet tax-xandir jew il-midja); ħlief fl-Artikolu 5(2)(a) f’żewġ każijiet biss issir referenza għal xi kriterji tekniċi (recordings temporanji fl-Artikolu 5(2)(d) u l-kommunikazzjoni permezz ta’ terminals speċjalizzati imqabbda b’mod permanenti fl-Artikolu 5(3)(n)).
( 5 ) L-Artikolu 5(2)(e) jirrigwarda “riproduzzjonijiet ta’ xandiriet magħmula minn istituzzjonijiet soċjali immirati għal skopijiet mhux kummerċjali, bħal sptarijiet jew ħabsijiet”.
( 6 ) L-Artikolu 5(1), li ma huwiex inkwistjoni hawnhekk, jeżiġi eżenzjoni mid-dritt ta’ riproduzzjoni fir-rigward ta’ ċerti riproduzzjonijiet temporanji li jiffurmaw parti integrali u essenzjali ta’ proċess teknoloġiku u li ma għandhom ebda sinifikat ekonomiku indipendenti. Madankollu ma hu qed jiġi previst ebda kumpens f’dawn il-każijiet.
( 7 ) Il-Konvenzjoni ta’ Berna għall-Protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artisitiċi (1886), konkluża f’Pariġi (1896), riveduta f’Berlin (1908), ikkompletata f’Berna (1914), reveduta f’Ruma (1928), fi Brussel (1948), fi Stokkolma (1967) u f’Pariġi (1971), u emendata fl-1979 (Unjoni ta’ Berna). L-Istati Membri kollha huma partijiet kontraenti tal-Konvenzjoni ta’ Berna.
( 8 ) Il-Ftehim dwar Aspetti ta’ Drittijiet ta’ Proprjetà Intellettwali li għandhom x’jaqsmu mal-Kummerċ, Anness 1Ċ tal-Ftehim li jwaqqaf l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), iffirmat f’Marrakesch, fil-15 ta’ April 1994 u approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE, tat-22 ta’ Diċembru 1994, dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80).
( 9 ) It-Trattat tal-WIPO dwar id-Drittijiet tal-Awtur (WCT), Ginevra (1996) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 33, p. 210). Dan daħal fis-seħħ kemm fir-rigward tal-UE u l-Istati Membri kollha tagħha minħabba li kollha huma partijiet tal-WCT, fl-14 ta’ Marzu 2010 (ĠU L 32, p. 1).
( 10 ) Stati Uniti – Sezzjoni 110(5) tal-US Copyright Act, WT/DS160/R, tal-15 ta’ Ġunju 2000, punt 6.97 et seq.
( 11 ) Sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2010, Padawan SL, (C-467/08, Ġabra p. I-10055), b’mod partikolari l-punti 38 sa 50; ara wkoll is-Sentenza tas-16 ta’ Ġunj 2011, Stichting de Thuiskopie (C-462/09, Ġabra p. I-5331, punti 18 sa 29).
( 12 ) CD-Rs, CD-RWs, DVD-Rs u apparat li jdoqq l-MP3. Għalkemm dawn it-tipi ta’ mezzi jistgħu jintużaw ukoll biex jaħżnu kopji diġitali ta’ test jew dokumenti grafiċi, huma iżjed użati sabiex jipproduċu l-awdjo jew materjal awdjoviżiv bħal ma huma l-mużika u l-films.
( 13 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak, punt 32. Din il-pożizzjoni hi sostnuta mill-Kummissjoni, u fehma simili hi ffavorita minn Kyocera, fil-kawżi preżenti (ara l-punt 92 iktar ’l isfel). Madankollu, fis-sentenza Stichting de Thuiskopie (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11), il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt enfasizzat l-obbligu li wieħed jikseb riżultat partikolari (ara l-punti 34 u 39 ta’ dik is-sentenza).
( 14 ) Il-punti 40 u 45 tas-sentenza; ara wkoll il-punti 24 u 26 ta’ Stichting de Thuiskopie, iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11.
( 15 ) Il-paragrafu 52 tas-sentenza.
( 16 ) Il-paragrafi 46, 55 u 56 tas-Sentenza.
( 17 ) Il-paragrafu 59 tas-Sentenza.
( 18 ) Gesetz über Urheberrecht und verwandte Schutzrechte (Liġi dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati) tad-9 ta’ Settembru 1965, fil-verżjoni applikabbli qabel l-1 ta’ Jannar 2008 (iktar ’il quddiem il-“UrhG”). Skont il-Gvern Ġermaniż, l-UrhG sar kompletament konformi mad-Direttiva, b’seħħ mit-13 ta’ Settembru 2003, permezz tal-Gesetz zur Regelung des Urheberrechts in der Informationsgesellschaft (Liġi li tirregola id-drittijiet tal-awtur fis-soċjetà tal-informazzjoni). Safejn hu rilevanti għad-dispożizzjonijiet iċċitati mill-Bundesgerichtshof, jidher li din il-liġi emendat il-Paragrafu 53(1) sa (3) tal-UrhG.
( 19 ) Ara l-punt 48 et seq iktar ’l isfel.
( 20 ) Il-frażi “angemessene Vergütung” tintuża fil-premessa 10 fil-preambolu tad-Direttiva, fejn bl-Ingliż din tissejjaħ “appropriate reward” u bil-Franċiż “rémunération appropriée”. Jidher li l-premessa 10 qed tirreferi għall-isfruttar normali tad-drittijiet tal-awtur, pjuttost milli għall-eċċezzjonijiet tal-Artikolu 5(2) u (3). Il-verżjoni Ġermaniża tal-frażi “kumpens ġust” (“compensation équitable”) fid-Direttiva hija “gerechte Ausgleich”. U biex l-affarijiet ikomplu jikkumplikaw ruħhom, “angemessene Vergütung” tintuża fil-verżjoni Ġermaniża tal-Artikolu 11bis(2) u 13(1) tal-Konvenzjoni ta’ Berna (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7 iktar ’il fuq) fejn bl-Ingliż u bil-Franċiż rispettivament din tissejjaħ “equitable remuneration” u “rémunération équitable”; din il-frażi tintuża wkoll bħala ekwivalenti għal dawk il-frażijiet f’ċerti direttivi oħra tal-UE fil-qasam tal-proprjetà intelletwali.
( 21 ) KYOCERA Document Solutions Deutschland GmbH, Epson Deutschland GmbH u Xerox GmbH (Kawża C-457/11) u Canon Deutschland GmbH (Kawża C-458/11) (flimkien imsejħa, ‘Kyocera’); Fujitsu Technology Solutions GmbH (‘Fujitsu’) (Kawża C-459/11); u Hewlett Packard GmbH (iktar ’il quddiem ‘Hewlett Packard’) (Kawża C-460/11).
( 22 ) Plotter hija tip ta’ printer; ara l-punt 54 iktar ’l isfel.
( 23 ) Il-ħames domandi msemmija fil-Kawżi C-457/11 u C-458/11 huma identiċi u jirrigwardaw il-printers imsemmija fit-tieni u fit-tielet domanda; l-istess domandi jissemmew fil-Kawża C-459/11, ħlief li t-tieni u t-tielet domanda jirrigwardaw kompjuters personali pjuttost milli printers; fil-Kawża C-460/11, isiru biss l-ewwel tliet domandi, f’dak li jirrigwarda l-printers.
( 24 ) “angemessene Vergütung” ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 20 iktar ’il fuq.
( 25 ) Ara, pereżempju, Padawan u Stichting de Thuiskopie, ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11 iktar ’il fuq.
( 26 ) Ara wkoll is-sentenza Padawan, punti 35 u 36.
( 27 ) Ara, pereżempju, il-premessi 5 sa 7, 39, 44 u 47 fil-preambolu.
( 28 ) Ara, pereżmpju, il-premessi 4 u 21 fil-preambolu.
( 29 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ April 2004, L-Italja vs Il-Kummissjoni (C-298/00 P, Ġabra p. I-4087), punt 97.
( 30 ) Tat-22 ta’ Diċembru 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 39).
( 31 ) Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi magħquda tat-12 ta’ Lulju 2005, Alliance for Natural Health et (C-154/04 u C-155/04, Ġabra p. I-6451, punt 92), u s-sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006, IATE u ELFAA, (C-344/04, Ġabra p. I-403, punt 76).
( 32 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 20.
( 33 ) F’dan ir-rigward tista’ ssir referenza għall-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li tħares id-dritt, inter alia, tal-użu u tad-disponiment ta’ proprjetà legalment akkwistata, inkluża l-proprjetà intellettwali, u li tgħid li ħadd ma jista’ jiġi mċaħħad minn dan, “ħlief fl-interess pubbliku u fil-każijiet u skont il-kondizzjonijiet previsti mil-liġi, bi ħlas ta’ kumpens xieraq fi żmien utli għal dak [mitluf]” ara ukoll l-Artikolu 1 tal-Ewwel Protokoll tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem.
( 34 ) Il-premessa 32 fil-preambolu tgħid illi l-lista hi eżawrjenti u li “jikkunsidra kif inhu xieraq it-tradizzjonijiet legali differenti fl-Istati Membri”; fi kliem ieħor jidher li hija fil-prattika kumpilazzjoni ta’ eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet li diġà jeżistu f’diversi liġijiet nazzjonali, li hi karatteristika li tista’ tispjega għaliex jeżistu oqsma li jikkoinċidu (fil-proposta oriġinali tad-Direttiva tal-Kummissjoni kienu jinsabu biss tmien eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet possibbli; din il-lista mbagħad twalet u saret iżjed iddettaljata matul il-proċess leġiżlattiv).
( 35 ) Ara l-punti 15 sa 21 iktar ’il fuq.
( 36 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 20.
( 37 ) Ara l-International Survey on Private Copying Law & Practice, Stichting de Thuiskopie, 2012, p. 9.
( 38 ) Każ C-521/11 Amazon.com International Sales et. Jidher li fl-Awstrija 50 % tal-ammonti miġbura huma allokati għal skopijiet soċjali jew kulturali mil-liġi.
( 39 ) Ara l-punti 13 u 14 iktar ’il fuq. Ninnota li f’dik is-sentenza, il-premessi tal-preambolu jissejħu, forsi bi żvista, “dispożizzjonijiet” tad-Direttiva.
( 40 ) Id-deskrizzjoni li ssegwi ma hijiex maħsubha sabiex tkun awtoritattiva jew kompleta iżda pjuttost sabiex tagħti deskrizzjoni ġenerali li tkopri l-biċċa l-kbira tat-tipi ta’ sitwazzjonijiet rilevanti għall-kunsiderazzjoni tad-domandi magħmula.
( 41 ) Fis-sommarju hawn fuq, jien ktibt f’termini viżivi fir-rigward tal-immaġnijiet analoġiċi, iżda metodi simili japplikaw fil-każ ta’ riproduzzjonijiet għal persuni nieqsa mid-dawl. L-intaljaturi tal-braille jipproduċu t-test mill-informazzjoni diġitali bi pjuttost l-istess metodu ta’ dak tal-printers, u jużaw il-karta bħala mezz tal-output. Imbagħad jintuża apparat ieħor biex jirripproduċi verżjonijiet intaljati tal-immaġnijiet li jistgħu jiġu pperċeputi viżwalment minn persuni li jistgħu jaraw. Ma jidhirlix li dawn ir-riproduzzjonijiet jaqaw barra l-ambitu tad-dritt tar-riproduzzjoni, jew għalhekk, barra l-ambitu tal-Artikolu 5(2) jew (3) tad-Direttiva. Għandu jiġi preżunt li dawn għandhom ikunu inklużi fl-analiżi tiegħi anki jekk, għas-sempliċità tal-lingwaġġ waħedha, jien ser inkompli nirreferi għad-dħul u l-ħruġ ta’ informazzjoni analoġika l-biċċa l-kbira f’termini viżivi.
( 42 ) Fil-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-proposta oriġinali tagħha għad-Direttiva, il-Kummissjoni qalet: “Din id-dispożizzjoni tapplika biss għar-reprografija, jiġifieri għal dawk il-metodi li jippermettu faksimile, jew fi kliem ieħor karta stampata. Ma tiffokax fuq it-teknika użata iżda pjuttost fuq ir-riżultat miksub, li għandu jkun fuq il-karta”. Għalkemm din l-istqarrija tiffoka iżjed fuq il-ħruġ milli fuq id-dħul tal-informazzjoni, jidhirli li l-kelma “faksimile” neċessarjament timplika ekwivalenza fir-rigward tal-forma bejn id-dħul u l-ħruġ.
( 43 ) Ara l-punt 9 iktar ’il fuq.
( 44 ) Green paper dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (KUM(95) 382 finali), Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (KUM(97) 628 finali) (ara wkoll in-nota ta’ qiegħ il-paġna 42 iktar ’il fuq), Proposta emendata għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (KUM(99) 250 finali).
( 45 ) Ara wkoll is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Infopaq International (C-5/08, Ġabra p. I-6569, punt 64).
( 46 ) Ara l-punti 41 u 42 iktar ’il fuq.
( 47 ) Punti 38 sa 50; ara wkoll is-sentenza Stichting de Thuiskopie, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punti 18 sa 29.
( 48 ) Padawan, punti 51 sa 59.
( 49 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Jannar 2008 , Promusicae (C-275/06, Ġabra p. I-271, punt 68).
( 50 ) Ara l-premessa 31 fil-preambolu tad-Direttiva.
( 51 ) Ara l-punti 13 u 14 iktar ’il fuq.
( 52 ) F’bosta mill-osservazzjonijiet ġie nnutat li l-verżjoni Ġermaniża tal-Artikolu 5(2)(b) hi differenti: din tesiġi li jittieħed kont ta’ jekk dawn il-miżuri ġewx applikati (“ob technische Maßnahmen … angewendet wurden”). Il-verżjoni Spanjola hi simili (“si se aplican o no”) iżda l-verżjonijiet l-oħra javviċinaw iżjed l-espressjoni newtrali Ingliża jew Franċiża.
( 53 ) Il-premessa 35 fil-Preambolu tad-Direttiva tgħid: “Il-livell ta’ kumpens ġust għandu jikkunsidra bis-sħiħ il-grad ta’ użu ta’ miżuri ta’ protezzjoni teknoloġika msemmija f’din id-Direttiva.”
( 54 ) L-eżistenza ta’ dawn il-miżuri (li jinkludu ologrammi, marki tal-ilma u linek speċjali) tista’ tispjega għaliex issir referenza għall-Artikolu 5(2)(a) fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva, f’dak li jirrigwarda l-protezzjoni li għandha tiġi pprovduta kontra l-evażjoni ta’ miżuri teknoloġiċi effettivi.
( 55 ) Ara l-pożizzjoni Komuni tal-Kunsill (KE) Nru 48/2000 (ĠU C 344, p. 1, punt 24 tar-raġunijiet tad-Dikjarazzjoni tal-Kunsill).
( 56 ) Fair compensation for private copying in a converging environment, Diċembru 2006, prodott minn Fujitsu, p. 60 u 61.
( 57 ) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punti 40 u 42. (Fil-punt 40 il-verżjoni Ingliża tas-sentenza tirreferi għal “recompense” (kumpens) għad-dannu soffrut, iżda ma jidhirlix li tirriffletti l-kelma “contrepartie” użata fil-verżjoni Franċiża jew “contrapartida” f’dik Spanjola.)
( 58 ) Ara ukoll in-nota ta’ qiegħ il-paġna 53 iktar ’il fuq; il-verżjoni Ġermaniża tidher li tiffavorixxi din il-fehma ħafna iżjed.
( 59 ) Ara l-punt 35 aktar ’il fuq.
( 60 ) Punti 39, 40 u 45.
( 61 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 33 iktar ’il fuq.
( 62 ) Ara l-punt 9 aktar ’il fuq.
( 63 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 18 iktar ’il fuq.
( 64 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal-24 ta’ Mejju 2012, Amia (C-97/11, punt 28).
( 65 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et (C-212/04, Ġabra p. I-6057, punti 113 sa 115).
( 66 ) Ara s-sentenza Adeneler et, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 66, punt 123, u s-sentenzi magħquda tat-23 ta’ April 2009, VTB-VAB u Galatea (C-261/07 u C-299/07, Ġabra p. I-2949, punt 39).
( 67 ) Ara s-sentenzi magħquda VTB-VAB u Galatea, iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 69, punt 35.
( 68 ) Bosta osservazzjonijiet jippreċiżaw li l-printers u l-kompjuters personali għandhom ħajja tipika ta’ bejn tlieta u erba’ snin. L-istess tip ta’ kunsiderazzjoni (għalkemm mhux neċessarjament l-istess tul ta’ ħajja tipika) għandha tingħata lill-ħlasijiet fir-rigward tal-mezzi għar-rekordjar vojta sabiex jiġi pprovdut il-kumpens ġust għar-riproduzzjoni ta’ awdjo jew materjal awdjoviżiv, meta l-ħlas jinġabar mal-bejgħ tal-mezz tar-rekordjar qabel ma ssir ir-riproduzzjoni.
( 69 ) Punt 51 tal-motivi.