Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CC0286

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sur P. Mengozzi ppreżentati f* 19 Lulju 2012.
    Il-Kummissjoni Ewropea vs Tomkins plc.
    Appell — Kompetizzjoni — Akkordji — Suq Ewropew tal-attrezzaturi tar-ram u tal-liga tar-ram — Responsabbiltà tal-kumpannija parent li tirriżulta biss mill-aġir li jikkostitwixxi ksur tas-sussidjarja tagħha — Prinċipju ne ultra petita — Effett fuq is-sitwazzjoni ġuridika tal-kumpannija parent ta’ annullament ippronunċat minn sentenza li tirrigwarda sussidjarja.
    Kawża C‑286/11 P.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:499

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    MENGOZZI

    ippreżentati fid-19 ta’ Lulju 2012 ( 1 )

    Kawża C-286/11 P

    Il-Kummissjoni Ewropea

    vs

    Tomkins plc

    “Akkordji — Suq Ewropew tal-attrezzaturi tar-ram u tal-liga tar-ram — Multi — Responsabbiltà konġunta u in solidum tal-kumpannija parent għall-aġir tas-sussidjarja tagħha — Regola ne ultra petita — Klassifikazzjoni tar-rikors fl-ewwel istanza — Kompetenza ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti Ġenerali — Teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi fattwali kollha — Osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju”

    I – Introduzzjoni

    1.

    Permezz ta’ dan l-appell, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Marzu 2011, Tomkins vs Il-Kummissjoni ( 2 ) (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”) li biha din tal-aħħar annullat parzjalment id-deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/691/KE, tal-20 ta’ Settembru 2006, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE (Każ Nru COMP/F/38.121 – Attrezzaturi) ( 3 ) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li tikkonċerna akkordju li seħħ bejn il-31 ta’ Diċembru 1988 u l-1 ta’ April 2004, li jirrigwarda l-iffissar tal-prezzijiet u tal-ammonti tal-iskontijiet u roħs, il-qbil dwar il-mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni taż-żieda fil-prezzijiet, l-allokazzjoni tal-klijenti u l-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjali fis-suq Ewropew tal-attrezzaturi tar-ram, b’mod partikolari l-attrezzaturi tal-liga tar-ram, u naqqset l-ammont tal-multa imposta fuq Tomkins plc (iktar ’il quddiem “Tomkins”), li nżammet responsabbli in solidum mas-sussidjarja tagħha Pegler Ltd (iktar ’il quddiem “Pegler”) biex tħallas l-imsemmija multa.

    2.

    Filwaqt li għamlet riferiment espliċitu għall-kawża li wasslet għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-istess jum, Pegler vs Il-Kummissjoni ( 4 ), dwar ir-rikors ippreżentat mis-sussidjarja tagħha Tomkins, fejn il-Qorti Ġenerali annullat l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata inkwantu kkonstatat il-parteċipazzjoni ta’ Pegler fil-ksur fil-perijodu bejn il-31 ta’ Diċembru 1988 u d-29 ta’ Ottubru 1993 u naqqset l-ammont tal-multa imposta lil dik il-kumpannija minn EUR 5.25 miljun għal EUR 3.4 miljun, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-konsegwenzi li kellhom jinstiltu mis-sentenza msemmija fil-konfront tal-kumpannija parent Tomkins.

    3.

    Minkejja l-fatt li Tomkins ikkontestat il-parteċipazzjoni ta’ Pegler fil-ksur fir-rigward biss tal-perijodu ta’ qabel is-7 ta’ Frar 1989 (u mhux, kif għamlet Pegler, sad-29 ta’ Ottubru 1993), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li r-responsabbiltà ta’ Tomkins, bħala kumpannija parent ta’ Pegler li ma pparteċipatx direttament fl-akkordju, ma setgħetx teċċedi dik tas-sussidjarja tagħha. Filwaqt li qieset li hija kellha quddiemha rikors għal annullament li t-talbiet tiegħu kellhom l-istess suġġett bħal dak tar-rikors ippreżentat b’mod parallel minn Pegler, il-Qorti Ġenerali, filwaqt li evitat li tikser ir-regola ne ultra petita, annullat ukoll, fil-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata inkwantu jsemmmi l-perijodu ta’ bejn il-31 ta’ Diċembru 1988 sad-29 ta’ Ottubru 1993 f’dak li jikkonċerna lil Tomkins u, fil-punt 2 tal-imsemmi dispożittiv, naqqset l-ammont tal-multa imposta lil din tal-aħħar għall-ammont ta’ EUR 4.25 miljun, li EUR 3.4 miljun minnhom għandhom jitħallsu in solidum ma’ Pegler.

    4.

    Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni ressqet ħames aggravji, li huma bbażati rispettivament fuq ksur min-naħa tal-Qorti Ġenerali tar-regola ne ultra petita, fuq il-konstatazzjoni żbaljata li r-rikorsi tal-kumpannija parent Tomkins u tas-sussidjarja tagħha Pegler kellhom l-istess suġġett, fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni min-naħa tal-Qorti Ġenerali tal-fatt li Tomkins kienet tagħmel parti minn impriża li ammettiet li wettqet ksur, fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni u fuq kontradizzjoni fis-sentenza appellata, u fl-aħħar nett, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ kontradittorju u tad-dritt għal smigħ xieraq.

    5.

    Tomkins titlob li l-appell jiġi miċħud.

    6.

    Wara domanda bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja li għaliha l-partijiet irrispondew fit-termini imposti, sawn tal-aħħar għamlu s-sottomissjonijiet orali tagħhom fis-seduta li nżammet fit-2 ta’ Mejju 2012.

    II – Analiżi

    7.

    Nixtieq nippreċiża mill-ewwel li t-tieni aggravju tal-appell imressaq mill-Kummissjoni għandu, fil-fehma tiegħi jiġi milqugħ, u għaldaqstant għandu jkun hemm l-annullament parzjali tas-sentenza appellata. Fil-fatt, jidhirli li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta kklassifikat it-talba ta’ Tomkins fl-ewwel istanza bħala rikors għal annullament li t-talbiet tiegħu kellhom l-istess suġġett bħal dak tar-rikors parallel ippreżentat mis-sussidjarja tagħha Pegler. Għaldaqstant, ser neżamina fl-ewwel lok dan l-aggravju. L-analiżi tiegħi teħtieġ, qabel xejn, kjarifika tal-motivi mressqa minn Tomkins quddiem il-qorti tal-ewwel istanza kif ukoll tal-iżvolġiment tal-proċedura quddiem din il-qorti.

    A – Fuq it-tieni aggravju tal-appell, ibbażat fuq il-konstatazzjoni żbaljata li skont din, ir-rikors tal-kumpannija parent Tomkins u dik tas-sussidjarja tagħha Pegler kellhom l-istess suġġett

    8.

    Għandu jiġi mfakkar, l-ewwel nett, li fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li Pegler u Tomkins kienu pparteċipaw fi ksur tal-Artikolu 81 KE għall-perijodu ta’ bejn il-31 ta’ Diċembru 1988 sat-22 ta’ Marzu 2001. Fl-Artikolu 2(h) tad-deċiżjoni msemmija, hija imponiet fuqhom, għaldaqstant, multa ta’ EUR 5.25 miljun u l-kumpannija parent Tomkins u s-sussidjarja tagħha Pegler inżammu responsabbli in solidum bejniethom għall-ħlas tal-multa msemmija.

    9.

    Pegler u Tomkins ippreżentaw rikorsi separati kontra d-deċiżjoni kkontestata quddiem il-Qorti Ġenerali.

    10.

    Huwa stabbilit li fil-kawża li wasslet għas-sentenza Pegler vs Il-Kummissjoni, ċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali kellha quddiemha talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u, sussidjarjament, għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta lil Pegler.

    11.

    Infakkar li, fir-rikors tagħha ppreżentat fil-15 ta’ Diċembru 2006 kontra d-deċiżjoni kkontestata, Tomkins, min-naħa tagħha, talbet l-annullament ta’ din tal-aħħar kif ukoll it-tnaqqis tal-ammont tal-multa li kienet ġiet imposta mill-Kummissjoni fl-Artikolu 2(h), tad-deċiżjoni kkontestata. Insostenn tar-rikors tagħha, Tomkins kienet ressqet erba’ motivi, li l-ewwel tlieta minnhom kienu jikkonċernaw il-problema tal-imputabbiltà tal-aġir ta’ Pegler li jikkostitwixxi ksur, lil Tomkins u r-raba’ wieħed kien ibbażat fuq “żbalji ta’ liġi u ta’ fatt fil-kalkolu tal-multa” ( 5 ). Dan il-motiv kien maqsum f’żewġ partijiet, l-ewwel waħda kienet tirrigwarda żball ta’ evalwazzjoni f’dak li jikkonċerna ż-żieda fl-ammont tal-multa għall-finijiet ta’ dissważjoni, ibbażata fuq id-dħul mill-bejgħ ta’ Tomkins, u t-tieni waħda kienet ibbażata fuq żball tal-Kummissjoni fid-determinazzjoni tad-dewmien tal-ksur ta’ Pegler.

    12.

    Kif issemma’ fil-punt 23 tas-sentenza appellata, fit-22 ta’ Diċembru 2009, Tomkins irrinunzjat għall-ewwel, it-tieni u t-tielet motiv tagħha kif ukoll għall-ewwel parti tar-raba’ motiv tagħha.

    13.

    Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kien għad kellha quddiemha biss it-tieni parti tar-raba’ motiv, li kienet ibbażata fuq żball fid-determinazzjoni tad-dewmien tal-ksur, iżda li kienet taqa’ fil-kuntest ta’ motiv intiż għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta lil Tomkins.

    14.

    Għaldaqstant, wara r-rinunzja parzjali ta’ Tomkins fir-rigward tal-motivi tagħha, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tikkunsidra, fil-fehma tiegħi, li hija kien għad kellha quddiemha rikors għall-annullament fir-rigward tal-konstatazzjoni tal-ksur li kienet tinsab fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata. Min-naħa l-oħra, hija kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-kap tat-talbiet ta’ Tomkins intiż għall-annullament ta’ dak l-artikolu tad-deċiżjoni kkontestata ma baqax issostanzjat bil-motivi u li, fi kwalunkwe każ, it-talba ta’ Tomkins kienet limitata, skont l-Artikolu 229 KE u l-Artiklu 31 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat ( 6 ), sabiex titlobha teżerċita l-kompetenza ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tagħha fuq l-ammont tal-multa imposta mill-Kummissjoni fl-Artikolu 2(h) tad-deċiżjoni kkontestata.

    15.

    Din il-kwalifika tat-talba ta’ Tomkins fl-ewwel istanza, li kellha tagħmel il-Qorti Ġenerali, mhux biss kienet possibbli, iżda wkoll neċessarja.

    16.

    Fl-ewwel lok, ma kien hemm ebda ostakolu ta’ natura proċedurali biex il-Qorti Ġenerali tillimita ruħha għall-konstatazzjoni li din it-talba, wara r-rinunzja min-naħa ta’ Tomkins għall-motivi essenzjali tagħha, kienet limitata biex tagħmel użu mis-setgħa tagħha biex tbiddel l-ammont tal-multa.

    17.

    Ċertament, it-Trattat KE ma jistabbilixxix bħala mezz ta’ rimedju awtonomu l-“użu tal-ġurisdizzjoni sħiħa” u jidher, għaldaqstant, li jissuġġetta l-eżerċizzju tal-kompetenza ta’ ġurisdizzjoni sħiħa għall-osservanza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors għal annullament ( 7 ). Konsegwentement, it-talba għal tibdil ippreżentata wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu hija inammissibbli.

    18.

    Madankollu, f’dan il-każ, huwa stabbilit li t-terminu stabbilit fl-Artikolu 230 KE ġie, fil-fatt, osservat meta ġie ppreżentat ir-rikors ta’ Tomkins quddiem il-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ Diċembru 2006, qabel ma din il-kumpannija rrinunzjat għall-motivi tagħha dwar in-natura illegali tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata.

    19.

    Barra minn hekk, wara li Tomkins irrinunzjat għall-motivi essenzjali tagħha, il-Qorti Ġenerali ma setgħet bl-ebda mod tiddikjara inammissibbli t-talba ta’ Tomkins hekk mibdula kemm minħabba l-fatt li l-ammissibbiltà ta’ rikors għandha tiġi evalwata fil-mument tal-preżentata tiegħu ( 8 ), kif ukoll minħabba li jkun inkompatibbli mal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja li talba tiġi ddikjarata inammissibbli wara li parti tkun irrinunzjat, b’mod partikolari minħabba raġunijiet ta’ ħeffa tal-ġustizzja, għal parti mill-motivi tagħha li jikkorroboraw it-talbiet tagħha.

    20.

    Barra minn hekk, il-ġurisprudenza ssemmi’ sitwazzjonijiet fejn il-Qorti Ġenerali kellha quddiemha talbiet għal tibdil indipendentement mir-rikors għal annullament, mingħajr ma l-Qorti tal-Unjoni Ewropea sabet xi ostakolu biex tiddeċiedi fuq il-mertu tat-talba ( 9 ).

    21.

    Fit-tieni lok, il-fatt li t-tieni parti tar-raba’ motiv imressaq minn Tomkins quddiem il-Qorti Ġenerali kienet tirreferi għal żball fir-rigward tad-determinazzjoni tad-dewmien tal-ksur ma jfissirx li din kienet tinkludi, apparti l-kritika dwar il-kalkolu tal-ammont tal-multa, talba għal annullament tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata li jikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE.

    22.

    Ċertament, huwa minnu li d-dewmien tal-ksur jikkostitwixxi element komuni għall-konstatazzjoni ta’ ksur tal-Artikolu 81 KE u għall-iffissar tal-ammont tal-multi, kif previst fl-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003.

    23.

    Madankollu, għalkemm huwa possibbli li jiġi aċċettat li l-fatt li l-Qorti Ġenerali tiġi mitluba tannulla l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni dwar ksur tal-Artikolu 81 KE jista’ jinvolvi, anki impliċitament, li l-istess Qorti Ġenerali tiġi mitluba tneħħi jew tnaqqas l-ammont tal-multa stabbilita mill-Kummissjoni ( 10 ), is-sitwazzjoni bil-maqlub ma hijiex, fil-fehma tiegħi, konċepibbli. Fil-fatt, kieku tiġi adottata tali soluzzjoni, din tkun testendi wisq il-kwistjoni minn kif tkun ġiet definita mill-partijiet.

    24.

    Il-ġurisprudenza ssemmi’, anki fuq dan il-punt, diversi kawżi fejn, ġustament, il-qorti tal-Unjoni Ewropea eżaminat motivi bbażati fuq żbalji ta’ liġi fl-evalwazzjoni tad-dewmien tal-ksur unikament għall-finijiet ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa, mingħajr ma dan iwassalha biex tevalwa tali żbalji fil-kuntest tal-konstatazzjoni tal-ksur min-naħa tal-Kummissjoni ( 11 ).

    25.

    Ċertament, għalkemm minix ċert, jidhirli li x-xewqa tal-Qorti Ġenerali kienet li twassal għal soluzzjoni koerenti fiż-żewġ sentenzi, jiġifieri s-sentenza kkontestata u s-sentenza Pegler vs Il-Kummissjoni ċċitata iktar ’il fuq. Fil-fatt, ġaladarba hija kienet annullat l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata f’dak li jikkonċerna l-parteċipazzjoni ta’ Pegler fil-ksur għall-perijodu bejn il-31 ta’ Diċembru 1988 sad-29 ta’ Ottubru 1993 ( 12 ), deherilha li kien ħażin, jidhirli, li ma timxix bl-istess mod f’dak li jikkonċerna lil Tomkins, li r-responsabbiltà tagħha bħala l-kumpannija parent, fil-fehma tagħha, ma setgħetx teċċedi dik tas-sussidjarja tagħha Pegler ( 13 ).

    26.

    Dan it-tħassib, għalkemm jista’ jidher li huwa leġittimu, ma għandux madankollu jwassal biex jiġu żnaturati r-rikorsi li kellha quddiemha l-qorti tal-ewwel istanza. B’mod partikolari, huma x’inhuma l-motivi li jispirawha, hija ma għandhiex tissostitwixxi lill-partijiet billi tipprova, pereżempju, tirranġa n-nuqqasijiet tar-rikorsi tagħhom jew li tneħħi l-inkoerenzi ta’ dawn tal-aħħar bi ksur taċ-ċertezza legali tal-partijiet l-oħra u bir-riskju li tivvizzja s-sentenzi tagħha bl-arbitrarjetà.

    27.

    Fit-tielet lok, hekk kif jirriżulta mir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u kif ġie kkonfermat minn Tomkins fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatt li dik il-kumpannija talbet it-tnaqqis tal-ammont tal-multa fil-kuntest tat-tieni parti tar-raba’ motiv huwa biżżejjed biex jikkonferma l-konklużjoni li hija riedet biss tattiva l-kompetenza ta’ ġurisdizzjoni sħiħa.

    28.

    Il-Qorti Ġenerali, biex tirrispetta l-petitum, kellha tillimita ruħha, għaldaqstant, biex tikkonstata li l-parti msemmija setgħet tikkorrobora biss il-kap tat-talbiet ta’ Tomkins li kien intiż għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta mill-Kummissjoni fl-Artikolu 2(h), tad-deċiżjoni kkontestata.

    29.

    Barra minn hekk, għalkemm, wara r-rinunzja tal-motivi essenzjali tagħha, Tomkins illimitat ruħha biex iżżomm l-ewwel parti tar-raba’ motiv tagħha, li nfakkar kien ibbażat fuq żball fl-evalwazzjoni f’dak li jikkonċerna ż-żieda fl-ammont tal-multa għall-finijiet dissważivi, huwa ċar li l-Qorti Ġenerali setgħet tinterpreta tali talba biss bħala appell biex hija teżerċita l-kompetenza ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, mingħajr ma teżamina minn qabel, il-legalità tad-deċiżjoni kontenzjuża f’dak li jikkonċerna l-konstatazzjoni tal-ksur tal-Artikolu 81 KE.

    30.

    Mis-suespost jirriżulta li, kif sostniet il-Kummissjoni fit-tieni aggravju tal-appell tagħha, is-suġġett tat-talbiet ta’ Tomkins fil-kawża T-382/06 u dak fit-talbiet ta’ Pegler fil-kawża T-386/06 ma kienx identiku, u dan peress li r-rikors ta’ Tomkins, wara r-rinunzja tal-motivi essenzjali tagħha, ma kienx għadu jikkontempla l-annullament tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata.

    31.

    Nipproponi għaldaqstant li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla l-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata li bih il-Qorti Ġenerali annullat l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata inkwantu jsemmi’ l-perijodu ta’ bejn il-31 ta’ Diċembru 1988 sad-29 ta’ Ottubru 1993 għal dak li jikkonċerna lil Tomkins.

    32.

    Għaldaqstant, ma hemmx għalfejn li jiġu evalwati l-aggravji l-oħra tal-appell tal-Kummissjoni fejn dawn huma intiżi għall-annullament ta’ dan l-istess punt tad-dispożittiv tas-sentenza appellata.

    33.

    Min-naħa l-oħra, dawn għandhom jiġu eżaminati peress li l-Kummissjoni qed titlob ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla l-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, li bih il-Qorti Ġenerali naqqset l-ammont tal-multa imposta lil Tomkins.

    B – Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq ksur tar-regola ne ultra petita

    34.

    Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-multi imposti fuq entitajiet ġuridiċi ta’ impriża waħda jistgħu jvarjaw anki jekk, għal parti speċifika ta’ dawk il-multi, tiġi imposta r-responsabbiltà in solidum. Konsegwentement, ir-responsabbiltà in solidum ta’ żewġ entitajiet tal-istess impriża ma taffettwax l-applikazzjoni tar-regola li tistabbilixxi li l-qorti ma tistax tiddeċiedi ultra petita. Fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni reġgħet sostniet il-pożizzjoni tagħha li l-projbizzjoni ta’ deċiżjoni ultra petita kienet testendi wkoll għall-eżerċizzju min-naħa tal-Qorti Ġenerali tal-kompetenza ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tagħha.

    35.

    Iktar minn hekk, skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet fuq il-motiv dwar id-dewmien tal-ksur mingħajr ma eżaminat l-argumenti legali mressqa minn Tomkins stess fir-rigward tad-data tal-bidu tal-ksur u billi llimitat ruħha, minflok, biex tirreferi għall-eżitu tas-sentenza Pegler vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq.

    36.

    Tomkins issostni li l-Qorti Ġenerali eżerċitat biss il-kompetenza ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tagħha fir-rigward tas-sanzjonijiet, u dan skont il-ġurisprudenza tagħha, meta ħadet inkunsiderazzjoni punti ta’ fatt imsemmija mill-partijiet fil-proċedura. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma kisritx il-projbizzjoni ta’ deċiżjoni ultra petita, u din tal-aħħar tista’ tneħħi u/jew tnaqqas il-multa.

    37.

    Min-naħa tiegħi, nikkunsidra li l-aggravju tal-Kummissjoni ma jistax jiġi milqugħ minħabba r-raġuni essenzjali li r-regola ne ultra petita, li tillimita s-setgħat tal-qorti għall-kwistjonijiet li jitressqu quddiemha mill-partijiet, ma għandha kważi ebda rwol fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ ġurisdizzjoni sħiħa mill-qorti tal-Unjoni Ewropea, skont l-Artikolu 229 KE ( 14 ).

    38.

    Fil-fatt, skont ġurisprudenza illum stabbilita, il-kompetenza ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tippermetti lill-Qorti Ġenerali, iktar milli s-sempliċi stħarriġ ta’ legalità, li jippermetti biss li r-rikors għal annullament jiġi miċħud, jew li l-att ikkontestat jiġi annullat, sabiex tibdel l-att ikkontestat, jiġifieri sabiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha ma’ dik tal-Kummissjoni, anki jekk l-att ma jiġix annullat, billi tikkunsidra ċ-ċirkustanzi fattwali kollha, sabiex tneħħi jew iżżid l-ammont tal-multa imposta ( 15 ).

    39.

    Għaldaqstant, fis-sentenza Groupe Danone vs Il-Kummissjoni ċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-aggravju bbażat fuq l-allegat ksur, min-naħa tal-Qorti Ġenerali, tar-regola ne ultra petita, fil-kuntest tat-tibdil, minn din tal-aħħar, fil-modi ta’ applikazzjoni ta’ koeffiċjent minħabba ċirkustanzi attenwanti fin-nuqqas ta’ talba f’dan is-sens, minħabba s-sempliċi raġuni li, sakemm il-kwistjoni tal-ammont tal-multa kienet suġġetta għall-evalwazzjoni tagħha, il-Qorti Ġenerali kienet awtorizzata, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 229 KE u tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-Ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat ( 16 ), li warajh ġie r-Regolament Nru 1/2003, sabiex tneħħi, tnaqqas jew iżżid l-ammont tal-multa imposta mill-Kummissjoni ( 17 ).

    40.

    Din l-evalwazzjoni tinftiehem faċilment jekk il-funzjoni tal-kompetenza ta’ ġurisdizzjoni sħiħa titqies bħala garanzija supplimentari għall-benefiċċju tal-impriżi ta’ stħarriġ tal-ogħla intensità minn qorti indipendenti u imparzjali fuq l-ammont tal-multa li hija imposta fuqhom ( 18 ).

    41.

    Din il-klassifikazzjoni tal-ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti Ġenerali bħala “garanzija supplementari” diġà ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tad-definizzjoni tal-portata tad-drittijiet tad-difiża tal-impriżi quddiem il-Kummissjoni fil-konfront tal-impożizzjoni tal-multi ( 19 ).

    42.

    F’dan il-kuntest, din tista’ tfisser biss li, permezz tal-kontestazzjoni tal-ammont tal-multa quddiem il-Qorti Ġenerali, l-impriżi, filwaqt li jkunu jafu sew l-ammont preċiż iffissat mill-Kummissjoni, għandhom il-possibbiltà li jressqu kull kritika fuq il-kalkolu tal-ammont magħmul mill-Kummissjoni, kemm mil-lat tal-legalità kif ukoll mil-lat ta’ jekk kellux isir b’dak il-mod, b’mod li jkunu jistgħu jinfluwenzaw bil-mezzi ta’ difiża kollha tagħhom, lil hinn mil-limitazzjonijiet inerenti għall-istħarriġ tal-legalità, il-konvinzjoni tal-qorti fir-rigward tal-ammont xieraq tal-multa ( 20 ).

    43.

    F’dan il-każ, biex din il-funzjoni tal-garanzija supplimentari tkun effettiva, il-Qorti Ġenerali għandha, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet, tkun awtorizzata, b’mod partikolari, tieħu inkunsiderazzjoni ċ-“ċirkustanzi fattwali kollha” ( 21 ) inklużi, pereżempju, iċ-ċirkustanzi li jseħħu wara d-deċiżjoni kkontestata li jkollha quddiemha ( 22 ), ħaġa li l-limitazzjonijiet inerenti għall-istħarriġ tal-legalità, fil-prinċipju, ma jippermettulhiex ( 23 ).

    44.

    F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tinjora l-konstatazzjonijiet tagħha stess li hija għamlet fil-kuntest tas-sentenza Pegler vs Il-Kummissjoni, ċċitata iktar ’il fuq, dwar is-sussidjarja tagħha Tomkins, u li permezz tagħhom, il-Kummissjoni ma kinitx ipprovat li Pegler kienet ipparteċipat direttament fil-ksur għall-perijodu bejn il-31 ta’ Diċembru 1988 sad-29 ta’ Ottubru 1993. Dawn il-konstatazzjonijiet, li huma bbażati fuq dokumenti mill-fajl amministrattiv tal-Kummissjoni, huma ċertament ta’ natura ta’ ċirkustanzi fattwali fil-kuntest tal-evalwazzjonijiet magħmula fis-sentenza appellata li l-Qorti Ġenerali kienet awtorizzata tieħu inkunsiderazzjoni, fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq.

    45.

    B’kuntrast ma’ dak li l-Kummissjoni sostniet fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Ġenerali, f’dan ir-rigward, ma qajmitx dan il-motiv ta’ dritt ex officio, ħaġa li, skont is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Diċembru 2011 ( 24 ), hija pprojbita anki fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenza ta’ ġurisdizzjoni sħiħa ( 25 ), iżda ħadet inkunsiderazzjoni sempliċiment iċ-ċirkustanzi fattwali kollha tal-proċess, inkluż, għaldaqstant, il-konstatazzjonijiet tagħha stess li hija għamlet fil-kawża parallela dwar is-sussidjarja tagħha Tomkins, biex tevalwa n-natura xierqa tal-multa imposta lil Tomkins, kif din kienet invokatha fit-tieni parti tar-raba’ motiv tagħha.

    46.

    Mill-bqija, il-kritika tal-Kummissjoni li l-konstatazzjoni dwar ir-responsabbiltà in solidum ta’ Tomkins u Pegler ma kinitx tippermetti lill-Qorti Ġenerali li tevita, anki fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenza ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, ir-regola ne ultra petita, hija mhux effettiva. Fil-fatt, kif għadni kif urejt, il-Qorti Ġenerali ma kinitx obbligata tosserva din ir-regola f’dan il-kuntest.

    47.

    Għaldaqstant, nipproponi li l-ewwel aggravju tal-appell tal-Kummissjoni jiġi miċħud.

    C – Fuq it-tielet aggravju tal-appell, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni, min-naħa tal-Qorti Ġenerali, tal-fatt li Tomkins kienet tagħmel parti minn impriża li ammettiet li wettqet ksur

    48.

    Skont il-Kummissjoni, li tirreferi għas-sentenza Pegler vs Il-Kummissjoni ċċitata iktar ’il fuq, it-tnaqqis tar-responsabbiltà ta’ din il-kumpannija fir-rigward tal-ksur huwa bbażat fuq l-istat tagħha ta’ “kumpannija inattiva” u mhux fuq il-fatt li l-grupp Tomkins ma kienx ipparteċipa fil-ksur. Il-fatt li Pegler seta’ ma kienx id-destinatarju tajjeb tad-deċiżjoni kkontestata fi ħdan il-grupp, għal perijodu speċifiku, jikkonċerna biss lil din is-sussidjarja u ma jeżentax lill-impriża fl-intier tagħha mir-responsabbiltà tagħha fil-konfront tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali legalment ma setgħetx tnaqqas il-multa ta’ Tomkins għall-perijodu ta’ bejn l-20 ta’ Jannar 1989 u d-29 ta’ Ottubru 1993 billi ssostni li r-“responsabbiltà ta[‘ Tomkins kienet] marbuta strettament ma dik ta’ Pegler”, u tibbaża fuq dik ir-rabta li ma teżistix. Fi kwalunkwe każ, ir-rabta stretta ta’ responsabbiltà bejn il-kumpannija parent u s-sussidjarja ma hijiex regola assoluta.

    49.

    Jiena naqbel kompletament mal-Kummissjoni fejn din issostni li r-rabta stretta ta’ responsabbiltà kkonstatata mill-Qorti Ġenerali bejn Tomkins u Pegler ma tistax titqies bħala regola li tapplika fis-sitwazzjonijiet kollha fejn kumpannija parent tinżamm responsabbli minħabba l-aġir tas-sussidjarja tagħha.

    50.

    Madankollu din ma hijiex il-kwistjoni u l-Qorti Ġenerali qatt ma ppretendiet fis-sentenza appellata li l-konstatazzjonijiet tagħha kellhom ikollhom applikazzjoni universali.

    51.

    Fir-realtà, dan l-aggravju tal-appell iwassal, kif sostniet Tomkins, biex jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex terġa’ tevalwa l-konstatazzjonijiet fattwali li għamlet il-Qorti Ġenerali mhux biss fis-sentenza appellata imma wkoll fis-sentenza tagħha tal-istess jum Pegler vs Il-Kummissjoni, ċċitata iktar ’il fuq, li llum saret res judicata minħabba li l-Kummissjoni ma ppreżentat ebda appell kontriha. Tali talba hija meqjusa inammissibbli fil-kuntest ta’ appell ( 26 ).

    52.

    Anki kieku dan l-aggravju kellu jitqies ammissibbli, xorta waħda għandu jiġi ddikjarat infondat.

    53.

    Fil-fatt, mill-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali jirriżulta li, fid-deċiżjoni kkontestata, Tomkins inżammet responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa minħabba biss il-parteċipazzjoni diretta ta’ Pegler fil-ksur. Issa, peress li l-Qorti Ġenerali rrilevat kemm fis-sentenza Pegler vs Il-Kummissjoni, ċċitata iktar ’il fuq, kif ukoll fil-punti 37 sa 39 tas-sentenza appellata, li ma ġiex ipprovat, fid-deċiżjoni kkontestata, li Pegler, l-unika entità msemmija fid-deċiżjoni msemmija, kienet ipparteċipat direttament fil-ksur bejn il-31 ta’ Diċembru 1988 u d-29 ta’ Ottubru 1993, dan ineħħi loġikament kull bażi għar-responsabbiltà in solidum ta’ Tomkins kif ikkonstatata fid-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ġustament setgħet tikkonstata, fis-sentenza appellata, li r-responsabbiltà ta’ Tomkins ma setgħetx teċċedi lil dik ta’ Pegler (punt 38 in fine) jew li hija kienet strettament marbuta ma’ dik ta’ din tal-aħħar (punt 46).

    54.

    Barra minn hekk, l-istess kif għamlet fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni la indikat u lanqas, a fortiori, ipprovat li entità oħra, apparti Pegler, setgħet ipparteċipat fil-ksur għall-perijodu bejn il-31 ta’ Diċembru 1988 sad-29 ta’ Ottubru 1993 b’mod li jwassal għar-responsabbiltà tal-kumpannija parent Tomkins, fl-istess perijodu, għall-ħlas tal-multa li ġiet imposta lilha fid-deċiżjoni kkontestata.

    55.

    Għaldaqstant, nipproponi li dan l-aggravju jiġi miċħud.

    D – Fuq ir-raba’ aggravju, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni u fuq kontradizzjoni fis-sentenza appellata

    56.

    Il-Kummissjoni ssostni li s-sentenza appellata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni, inkwantu ma tgħidx b’mod ċar b’dettalji suffiċjenti d-deroga mir-regola ne ultra petita li kienet ġiet introdotta għall-ewwel darba mill-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, fil-punt 57 tas-sentenza appellata, li jikkonċerna l-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni b’għan dissważiv, il-Qorti Ġenerali kienet inkoerenti u ma kinitx preċiża meta stiednet lill-Kummissjoni tislet il-konsegwenzi mir-responsabbiltà in solidum għall-ħlas tal-multa fil-konfront ta’ Tomkins, qabel ma ffissat hija stess l-ammont tal-multa.

    57.

    Dan l-aggravju jidhirli li ma huwiex effettiv.

    58.

    Fir-rigward tal-ewwel ilment, dan ma huwiex effettiv peress li, kif urejt fil-punti preċedenti, il-Qorti Ġenerali ma hijiex obbligata tosserva r-regola ne ultra petita fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa ( 27 ).

    59.

    Fir-rigward tat-tieni lment, infakkar li l-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx fuq l-ewwel parti tar-raba’ motiv invokat minn Tomkins li kienet ibbażata fuq żball ta’ evalwazzjoni f’dak li jikkonċerna ż-żieda tal-multa għall-finijiet ta’ dissważjoni, u dan peress li Tomkins kienet irrinunzjat għal dik il-parti.

    60.

    Għaldaqstant, anki kieku kellha tintlaqa’ l-kritika tal-Kummissjoni fir-rigward tal-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar din il-parti, din l-istess kritika bl-ebda mod ma taffettwa l-annullament tal-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, inkwantu dan il-punt jiffissa l-ammont tal-multa mingħajr ma jbiddel il-kalkolu li jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward taż-żieda msemmija għall-finijiet ta’ dissważjoni.

    61.

    Konsegwentement, nipproponi li r-raba’ aggravju tal-appell jiġi miċħud.

    E – Fuq il-ħames aggravju, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ kontradittorju u tad-dritt għal smigħ xieraq

    62.

    Skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ kontradittorju u d-dritt għal smigħ xieraq meta ma tathiex l-opportunità tieħu pożizzjoni fuq l-intenzjoni tagħha li tnaqqas il-multa imposta lil Tomkins filwaqt li bbażat ruħha fuq il-motivi mressqa mis-sussidjarja tagħha biss fil-kawża li wasslet għas-sentenza Pegler vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq.

    63.

    Għalkemm fil-fatt, il-Qorti Ġenerali, fil-fehma tiegħi, ivvizzjat l-evalwazzjoni tagħha b’irregolarità proċedurali, jidhirli li dan ma huwiex suffiċjenti biex iwassal għall-annullament tal-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata.

    64.

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li skont il-ġurisprudenza, il-prinċipju tal-kontradittorju, li jagħmel parti mid-drittijiet tad-difiża u li l-qrati tal-Unjoni Ewropea għandhom jiżguraw li jiġi osservat, jimplika, bħala regola ġenerali, id-dritt tal-partijiet f’kawża li jaraw il-provi u l-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-qorti u li jiddiskutuhom ( 28 ). F’dan l-istess kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li jkun qed jinkiser prinċipju fundamentali tal-liġi jekk deċiżjoni ġudizzjarja tkun ibbażata fuq fatti u dokumenti li tagħhom il-partijiet, jew waħda minnhom, ma setgħux jieħdu konjizzjoni u li fir-rigward ta’ liema, konsegwentement, ma setgħux jieħdu pożizzjoni ( 29 ). Fil-fatt, sabiex ikunu sodisfatti r-rekwiżiti marbuta mad-dritt ta’ smigħ xieraq, huwa importanti li l-partijiet ikollhom l-opportunità ta’ trattazzjoni kemm fuq punti ta’ fatt kif ukoll fuq punti ta’ liġi li huma deċiżivi għall-eżitu tal-proċedura ( 30 ).

    65.

    Il-prinċipju tal-kontradittorju għandu jkun ta’ benefiċċju lil kull parti fil-kawża li għandha quddiemha l-qorti tal-Unjoni, irrispettivament mill-kwalità ġuridika tagħha. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistgħu jgawdu wkoll minn dan meta huma stess ikunu parti f’tali kawża ( 31 ).

    66.

    Fil-fehma tiegħi, il-qorti tal-Unjoni Ewropea ma tistax tevita li tosserva dan il-prinċipju fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenza ta’ ġurisdizzjoni sħiħa.

    67.

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja mhux biss irrilevat in-natura kontradittorja tal-proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni Ewropea, inkluż fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa, skont l-Artikolu 229 KE ( 32 ) iżda vverifikat ukoll l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża, li jinkludu l-prinċipju ta’ kontradittorju, fl-eżerċizzju, min-naħa tal-Qorti Ġenerali, tal-kompetenza tagħha biex tibdel l-ammont tal-multa imposta mill-Kummissjoni ( 33 ).

    68.

    Dan l-approċċ huwa r-riżultat tax-xewqa leġittima biex l-eżerċizzju tal-kompetenza ta’ ġurisdizzjoni sħiħa ma jwassalx għal eżami ta’ fatti jew ta’ kriterji li l-partijiet ma kellhomx realment il-possibbiltà li jiddiskutu ( 34 ).

    69.

    Kif indikajt diġà fil-punti preċedenti dwar l-inapplikabbiltà tar-regola ne ultra petita fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa mill-Qorti Ġenerali, din tal-aħħar hija awtorizzata tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi fattwali kollha biex teżamina n-natura xierqa tal-ammont tal-multi imposti mill-Kummissjoni fuq l-impriżi. Dawn iċ-ċirkustanzi jinkludu wkoll, fil-fehma tiegħi, il-konstatazzjonijiet fattwali stess magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-kawżi konkomitanti li jirrigwardaw id-diversi entitajiet tal-istess impriża, kif inhu l-każ hawnhekk.

    70.

    Madankollu, din il-kompetenza għandha tiġi eżerċitata filwaqt li jiġi osservat il-prinċipju ta’ kontradittorju, regola li l-Qorti Ġenerali kisret fis-sentenza appellata.

    71.

    L-ewwel nett, huwa ċar li, permezz ta’ dan l-aggravju, il-Kummissjoni ma tillimitax ruħha milli tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ma tathiex l-opportunità li tgħid tagħha dwar il-prinċipju nnifsu tat-tnaqqis tal-multa imposta lil Tomkins. Fil-fatt, matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, hija bbenefikat mill-possibbiltà li tiddiskuti din il-kwistjoni espliċitament imqajma fit-tieni parti tar-raba’ motiv tar-rikors ta’ Tomkins.

    72.

    Min-naħa l-oħra, huwa stabbilit li l-Qorti Ġenerali, fl-ebda mument qabel ma qatgħet is-sentenza appellata, ma stiednet lill-Kummissjoni tressaq l-osservazzjonijiet tagħha dwar il-konstatazzjonijiet magħmula fis-sentenza Pegler vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, li jirrigwardaw in-nuqqas ta’ parteċipazzjoni diretta tas-sussidjarja tagħha fil-ksur għall-perijodu ta’ bejn il-31 ta’ Diċembru 1988 sad-29 ta’ Ottubru 1993, li abbażi tagħhom il-Qorti Ġenerali, fis-sentenza kkontestata, naqqset l-ammont tal-multa imposta lill-kumpannija parent ( 35 ).

    73.

    Issa, ma jistax jiġi kkontestat li l-konstatazzjonijiet magħmula fis-sentenza Pegler vs Il-Kummissjoni, ċċitata iktar ’il fuq, li jirrigwardaw id-dewmien tal-parteċipazzjoni fil-ksur tas-sussidjarja, kellhom in-natura ta’ “punti ta’ fatt [...] deċiżivi għall eżitu tal-proċedura” fis-sentenza appellata, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 64 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    74.

    Din l-evalwazzjoni ma tfissirx madankollu li l-ksur tal-prinċipju ta’ kontradittorju jwassal għal annullament tas-sentenza appellata iktar mifruxa minn dik proposta f’dawn il-konklużjonijiet, jiġifieri mhux biss l-annullament tal-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza msemmija imma wkoll dik tal-punt 2 tagħha.

    75.

    F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din tal-aħħar għandha tivverifika, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ( 36 ), jekk il-ksur tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali tagħmilx ħsara lill-interessi tal-appellant.

    76.

    Dan l-eżami jirrigwarda, f’dan il-każ, il-punt dwar jekk, f’każ li l-Kummissjoni kienet f’pożizzjoni li tressaq osservazzjonijiet, dwar l-impossibbiltà li l-Qorti Ġenerali tieħu inkunsiderazzjoni l-kritika ta’ Pegler fir-rigward tad-dewmien tal-parteċipazzjoni ta’ din tal-aħħar fil-ksur, esposti fil-kawża parallela li wasslet għas-sentenza Pegler vs Il-Kummissjoni, ċċitata iktar ’il fuq, dawn l-osservazzjonijiet setgħux jaffettwaw it-tnaqqis, min-naħa tal-Qorti Ġenerali, tal-ammont tal-multa imposta lil Tomkins fis-sentenza appellata.

    77.

    Fil-fehma tiegħi, din id-domanda għandha tingħata risposta negattiva.

    78.

    Kif diġà semmejt waqt l-analiżi tal-ewwel aggravju tal-Kummissjoni, kien korrett li l-Qorti Ġenerali setgħet, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenza ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, tieħu inkunsiderazzjoni l-konstatazzjonijiet tagħha stess, li hija għamlet fis-sentenza Pegler vs Il-Kummissjoni, ċċitata iktar ’il fuq, dwar id-dewmien tal-parteċipazzjoni diretta tas-sussidjarja fil-ksur, għall-finijiet li tiddeċiedi t-talba ta’ Tomkins għal tibdil.

    79.

    Iktar minn hekk, kif ġie indikat iktar ’il fuq fil-kuntest tal-eżami tat-tielet aggravju tal-appell, kien ukoll mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali setgħet tikkonstata, fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-kawża, li r-responsabbiltà ta’ Tomkins għall-ħlas tal-multa imposta mill-Kummissjoni ma setgħetx teċċedi dik ta’ Pegler.

    80.

    Konsegwentement, anki f’każ kieku fejn il-Kummissjoni setgħet tinvoka l-motivi msemmija quddiem il-Qorti Ġenerali, dawn l-osservazzjonijiet ma setgħux jaffettwaw it-tnaqqis tal-ammont tal-multa ffissata fis-sentenza appellata.

    81.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, nipproponi li l-ħames aggravju tal-Kummissjoni jiġi miċħud kif ukoll jiġi miċħud l-appell kollu sa fejn huwa intiż għall-annullament tal-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata li permezz tiegħu l-Qorti Ġenerali naqqset il-multa imposta fuq Tomkins minn EUR 5.25 miljun għal EUR 4.25 miljun, li minnhom EUR 3.4 miljun għandhom jitħallsu in solidum ma’ Pegler.

    III – Konklużjoni fuq l-appell

    82.

    Biex nikkonkludi dawn il-punti kollha, kif ippreċiżajt fil-punti 30 u 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet, għandu jiġi milqugħ, fil-fehma tiegħi, it-tieni aggravju tal-appell tal-Kummissjoni u jiġi annullat il-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata inkwantu dan annulla min-naħa tiegħu l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn dan tal-aħħar isemmi’ l-perijodu ta’ bejn il-31 ta’ Diċembru 1988 sad-29 ta’ Ottubru 1993 f’dak li jikkonċerna lil Tomkins.

    IV – Eżami tat-talba ta’ Tomkins

    83.

    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta appell huwa fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, hija tista’ għaldaqstant jew taqta’ definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, inkella tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċidiha.

    84.

    F’dan il-każ, il-kawża hija ċertament fi stat li tiġi deċiża u l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tagħti deċiżjoni definittiva fuqha. Fil-fatt għandha tiġi eżaminata biss it-tieni parti tar-raba’ aggravju tar-rikors ta’ Tomkins.

    85.

    Kif indikajt diġà, din il-parti kienet limitata biex titlob lill-Qorti Ġenerali tnaqqas l-ammont tal-multa imposta lil Tomkins mill-Kummissjoni fl-Artikolu 2(h) tad-deċiżjoni kkontestata, u għaldaqstant ma setgħetx twassal għall-annullament tal-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni li tikkonċerna l-konstatazzjoni ta’ ksur min-naħa ta’ Tomkins.

    V – Fuq l-ispejjeż

    86.

    Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 118 ta’ dawn l-istess Regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Skont l-Artikolu 69(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom, jew għal raġunijiet eċċezzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż.

    87.

    Peress li l-appell tal-Kummissjoni għandu jintlaqa’ parzjalment biss, jidhirli li għandu jiġi applikat l-Artikolu 69(3) tar-regoli msemmija u l-partijiet għandhom jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż tagħhom stess fiż-żewġ istanzi.

    VI – Konklużjoni

    88.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

    1)

    Il-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, tal-24 ta’ Marzu 2011, Tomkins vs Il-Kummissjoni (T-382/06) huwa annullat.

    2)

    Il-kumplament tal-appell huwa miċħud.

    3)

    Il-Kummissjoni Ewropea u Tomkins plc għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom fiż-żewġ istanzi.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 ) T-382/06, Ġabra p. II-1157.

    ( 3 ) ĠU 2007, L 283, p. 63.

    ( 4 ) T-386/06, Ġabra p. II-1267.

    ( 5 ) Ara l-punt 3.4 u l-punt b tad-dispożittiv tar-rikors ta’ Tomkins quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll ir-rapport tas-seduta ppreparat minn din tal-aħħar, anness mar-risposta tal-appell (Anness PB.5).

    ( 6 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol 2, p. 205.

    ( 7 ) Ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti Ġenerali, tad-9 ta’ Novembru 2004, FNICGV vs Il-Kummissjoni (T-252/03, Ġabra p. II-3795, punti 22 u 25).

    ( 8 ) Ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Novembru 1984, Bensider et vs Il-Kummissjoni (50/84, Ġabra p. 3991, punt 8) u tat-18 ta’ April 2002, Spanja vs Il-Kunsill (C-61/96, C-132/97, C-45/98, C-27/99, C-81/00 u C-22/01, Ġabra p. I-3439, punt 23).

    ( 9 ) Ara, f’dan ir-rigward, it-talba għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa li wasslet għas-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Mejju 2009, KME Germany et vs Il-Kummissjoni (T-127/04, Ġabra p. II-1167) kif ukoll tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-8 ta’ Diċembru 2011, KME Germany et vs Il-Kummissjoni (C-272/09 P, Ġabra p. I-12789).

    ( 10 ) Ħaġa li l-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet fis-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 1957, ALMA vs L-Awtorità Għolja (8/56, Ġabra, p. 179, 191).

    ( 11 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, KME Ġermany et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punti 62 sa 71) kif ukoll tas-sentenzi tal-Qorti Ġenerali, KME Ġermany et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punti 100 sa 105), u tas-16 ta’ Novembru 2011, Sachsa Verpackung vs Il-Kummissjoni (T-79/06, li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 179 sa 181 u 191 sa 198), sentenza li ġiet appellata, Kawża Gascogne Sack Deutschland vs Il-Kummissjoni (C-40/12 P), pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

    ( 12 ) Anki jekk dawn is-sentenzi ngħataw fl-istess ġurnata, ir-referenzi kontinwi tal-Qorti Ġenerali fil-kawża li wasslet għas-sentenza Pegler vs Il-Kummissjoni, ċċitata iktar ’il fuq, juru fil-fatt li hija kienet qed tqis it-tieni waħda bħala li ppreċediet lill-ewwel waħda fiż-żmien.

    ( 13 ) Fuq il-kwistjoni tar-responsabbiltà ta’ Tomkins intrinsikament marbuta ma’ dik ta’ Pegler, ara l-analiżi tiegħi tat-tielet aggravju tal-appell tal-Kummissjoni fil-punti 49 sa 54 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 14 ) Ara, f’dan is-sens, il-punt 49 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat-8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni (C-3/06 P, Ġabra p. I-1331).

    ( 15 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni (C-238/99 P, C-244/99 P, C-245/99 P, C-247/99 P, C-250/99 P sa C-252/99 P u C-254/99 P, Ġabra p. I-8375, punt 692); Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, ċċitata iktar ’il fuq (punt 61), kif ukoll tat-3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni (C-534/07 P, Ġabra p. I-7415, punt 86). Ara wkoll is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ Ottubru 2011, Romana Tabacchi vs Il-Kummissjoni (T-11/06, Ġabra p. II-6681, punt 265). Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, “fost il-karatteristiċi ta’ korp ġudizzjarju ta’ ġurisdizzjoni sħiħa hemm is-setgħa li jibdel fil-punti kollha, kemm dawk fattwali kif ukoll ta’ liġi, id-deċiżjoni mogħtija mill-korp inferjuri. Huwa għandu jkollu, b’mod partikolari, il-kompetenza li tittratta l-punti ta’ fatt u ta’ liġi kollha li huma rilevanti għall-kwistjoni li jkollha quddiemha” (ara, fl-aħħar nett, il-QEDB, tas-27 ta’ Settembru 2011, sentenza Menarini vs L-Italja tas-27 ta’ Settembru 2011, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, rikors Nru 43509/08, punt 59).

    ( 16 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3.

    ( 17 ) Ara s-sentenza Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punti 56 u 61 sa 63).

    ( 18 ) Ara P. Mengozzi, “La compétence de pleine juridiction du juge communautaire”, Liber Amicorum en l’honneur de Bo Vesterdorf, Bruylant, Brussell, 2007, p. 227.

    ( 19 ) Ara s-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P, Ġabra p. I-5425, punt 445). Ara wkoll, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Ottubru 1994, Tetra Pak vs Il-Kummissjoni (T-83/91, Ġabra p. II-755, punt 235) u tal-20 ta’ Marzu 2002, LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni (T-23/99, Ġabra p. II-1705, punt 200).

    ( 20 ) Għal kull buon fini, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat diversi drabi li l-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali fuq il-multi imposti mill-Kummissjoni huwa intiż li jivverifika n-natura xierqa tal-ammont stabbilit fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża li jkollha quddiemha. Ara, f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2000, Cascades vs Il-Kummissjoni (C-279/98 P, Ġabra p. I-9693, punti 42 u 48) kif ukoll Mo och Domsjö vs Il-Kummissjoni (C-283/98 P, Ġabra p. I-9855, punti 42 u 48).

    ( 21 ) Enfażi miżjuda minni.

    ( 22 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tas-6 ta’ Marzu 1974, Istituto Chemioterapico Italiano u Commercial Solvents vs Il-Kummissjoni (6/73 u 7/73, Ġabra p. 223, punti 51 u 52) u tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni (C-185/95 P, Ġabra p. I-8417, punt 141), kif ukoll is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni (T-236/01, T-239/01, T-244/01 sa T-246/01, T-251/01 u T-252/01, Ġabra p. II-1181, punt 274) u tat-18 ta’ Lulju 2005, Scandinavian Airlines System vs Il-Kummissjoni (T-241/01, Ġabra p. II-2917, punt 227).

    ( 23 ) Dan jippermetti wkoll li jinftiehem għaliex, pereżempju, fis-sentenza tagħha tat-28 ta’ Marzu 1984, Officine Bertoli vs Il-Kummissjoni (8/83, Ġabra p. 1649, punt 29), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, għalkemm il-motiv invokat mir-rikorrenti insostenn tat-talba tagħha għat-tnaqqis tal-multa ma setax jintlaqa’, ċerti ċirkustanzi partikolari għal dik il-kawża kienu jiġġustifikaw tnaqqis għal raġunijiet ta’ ekwità.

    ( 24 ) Sentenzi KME Ġermany et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 104), Chalkor vs Il-Kummissjoni (C-386/10 P, Ġabra p. I-13085, punt 64), kif ukoll KME Germany et vs Il-Kummissjoni (C-389/10 P, Ġabra p. I-13125, punt 131).

    ( 25 ) Din it-teżi ma tikkonvinċinix għalkollox. Anki jekk wieħed jippreżumi li l-motivi tas-sentenzi invokati mill-Kummissjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li tali projbizzjoni biex ma jitressqux punti ta’ liġi ex officio mill-Qorti Ġenerali, dan l-approċċ jidher li ma tantx jaqbel mas-setgħa mogħtija lill-qorti tal-Unjoni Ewropea biex tegħleb il-limitazzjonijiet inerenti għall-istħarriġ tal-legalità. F’dan ir-rigward, pereżempju, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li hija kienet awtorizzata tevalwa n-natura xierqa ta’ multa anki fin-nuqqas ta’ talba mir-rikorrenti f’dan is-sens [ara s-sentenza ALMA vs L-Awtorità Għolja, iċċitata iktar ’il fuq, (p. 191), kif ukoll is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Lulju 2001, Tate & Lyle et vs Il-Kummissjoni (T-202/98, T-204/98 u T-207/98, Ġabra p. II-2035, punti 22 u 164), u tal-1 ta’ Lulju 2010, AstraZeneca vs Il-Kummissjoni (T-321/05, Ġabra p. II-2805, punt 884), sentenza li ġiet appellata AstraZeneca vs Il-Kummissjoni (C-457/10 P, pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja)]. Fil-preżenza ta’ indizji serji li jippermettu li tiġi ddubitata n-natura xierqa tal-ammont tal-multa, jidhirli li l-Qorti Ġenerali hija awtorizzata tbiddel l-imsemmi ammont, dment li tosserva l-prinċipju ta’ kontradittorju (ara, fuq dan il-punt, l-analiżi tiegħi tal-ħames aggravju fil-punti 63 sa 81 ta’ dawn il-konklużjonijiet). L-attivazzjoni tat-tibdil tal-ammont tal-multa f’dan il-każ tippermetti wkoll, fil-fehma tiegħi, li jiġi osservat de facto l-“istħarriġ sħiħ, fil-liġi u fil-fatt” fis-sens, b’mod partikolari tas-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, KME Germany et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 136), minn qorti imparzjali u indipendenti tal-ammont tal-multi imposti lill-impriżi.

    ( 26 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-3 ta’ Mejju 2012, Comap vs Il-Kummissjoni (C-290/11 P, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 27 ) Barra minn hekk, il-premessa li abbażi tagħha ġiet introdotta r-regola ne ultra petita mill-Qorti Ġenerali, jiġifieri s-suġġett kemm tat-talba li għamlet Tomkins u dik ta’ Pegler fir-rikorsi rispettivi tagħhom, hija nieqsa, kif urejt iktar qabel, minn kull bażi. Fil-fehma tiegħi, għaldaqstant, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq l-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni li suppost kienet milquta bih l-introduzzjoni ta’ din l-eċċezzjoni mill-Qorti Ġenerali.

    ( 28 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et (C-89/08 P, Ġabra p. I-11245, punti 50 sa 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 29 ) Ibidem (punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 30 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 56) kif ukoll deċiżjoni tas-17 ta’ Diċembru 2009, eżami mill-ġdid M vs EMEA (C-197/09 RX-II, Ġabra p. I-12033, punt 41).

    ( 31 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 53) kif ukoll id-deċiżjoni eżami mill-ġdid M vs EMEA, ċċitata iktar ’il fuq (punt 42).

    ( 32 ) Ara s-sentenzi Chalkor vs Il-Kummissjoni (punt 64) kif ukoll tat-8 ta’ Diċembru 2011, KME Germany et vs Il-Kummissjoni, (C-389/10 P, punt 131) u.

    ( 33 ) Ara s-sentenza Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punti 70 sa 83).

    ( 34 ) F’dan is-sens ara l-punt 56 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawża li wasslet għas-sentenza Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq.

    ( 35 ) Għandu jiġi mfakkar li ma nżammet ebda seduta quddiem il-Qorti Ġenerali u din tal-aħħar ma ħadet ebda miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura fir-rigward ta’ din il-kwistjoni u qabel ma ddeċidiet is-sentenza appellata, li ngħatat fl-istess jum bħas-sentenza Pegler vs Il-Kummissjoni, ċċitata iktar ’il fuq.

    ( 36 ) B’mod partikolari ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 61).

    Top