Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010TN0415

    Kawża T-415/10: Rikors ippreżentat fit- 18 ta’ Settembru 2010 — Nexans France vs Impriża Konġunta Fusion for Energy

    ĠU C 301, 6.11.2010, p. 58–59 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    6.11.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 301/58


    Rikors ippreżentat fit-18 ta’ Settembru 2010 — Nexans France vs Impriża Konġunta Fusion for Energy

    (Kawża T-415/10)

    ()

    2010/C 301/93

    Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

    Partijiet

    Rikorrenti: Nexans France SAS (Clichy, Franza) (rappreżentanti: J.-P. Tran Thiet u J.-F. Le Corre, avukati)

    Konvenuta: Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni

    Talbiet tar-rikorrenti

    tiddeċiedi li l-kuntratt ingħata wara proċedura li matulha nkisru l-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ aspettativi leġittimi, ta’ trasparenza, ta’ trattament ugwali u ta’ amministrazzjoni tajba;

    tiddeċiedi li l-konvenuta wettqet żball ta’ liġi billi ħalliet lir-rikorrenti f’inċertezza rigward id-deċiżjoni tagħha li teskludi l-offerta tagħha qabel kwalunkwe eżami u billi informatha b’dan biss permezz tal-ittra tas-16 ta’ Lulju 2010;

    tiddeċiedi li l-konvenuta wettqet żball ta’ liġi billi ċaħdet l-offerta tar-rikorrenti abbażi tal-Artikolu 120.4 tar-regolament li jimplementa r-regolament finanzjarju;

    tiddikjara nulla u bla effett d-deċiżjoni tas-16 ta’ Lulju;

    tiddikjara nulla u bla efffett id-deċiżjoni tat-8 ta’ Lulju;

    tiddikjara nulli u bla effett l-atti kollha adottati mill-konvenuta wara d-deċiżjonijiet tat-8 u tas-16 ta’ Lulju;

    tagħti lir-rikorrenti kumpens ġust sa EUR 175 453 flimkien mal-interessi, b’effett mid-data tas-sentenza sa kemm isir il-ħlas kollu (b’riżerva tal-iffissar tal-ammont preċiż tas-suq u tal-kalkolu definittiv tal-ispejjeż tal-avukati, li jista’ biss jiġi kkomunikat fi tmiem din il-proċedura);

    sussidjarjament, jekk fid-data li tingħata s-sentenza ma jkunx probabbli li ssir sejħa għal offerti oħra għall-kuntratt, tagħti lir-rikorrenti kumpens ġust sa EUR 50 175 453 flimkien mal-interessi, b’effett mid-data tas-sentenza sa kemm isir il-ħlas kollu (b’riżerva tal-iffissar tal-ammont preċiż tas-suq u tal-kalkolu definittiv tal-ispejjeż tal-avukati, li jista’ biss jiġi kkomunikat fi tmiem din il-proċedura);

    tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni li tiċħad l-offerta sottomessa mir-rikorrenti fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti F4E-2009-OPE-18 (MS-MG), intiża sabiex jingħataw kuntratti għall-provvista ta’ materjal tal-elettriku (ĠU 2009/S 149-218279), u li jagħtu l-kuntratt lil offerent ieħor. Barra minn hekk, ir-rikorrenti titlob il-kumpens għad-dannu allegatament ikkawżat mid-deċiżjonijiet ikkontestati.

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka numru ta’ motivi bbażati:

    fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ trasparenza, peress li l-konvenuta ma informatx lir-rikorrenti li l-offerta tagħha kienet ser tkun miċħuda mingħajr ma ġie evalwat jekk hija rrifjutat li tiffirma l-abbozz tal-kuntratt anness tal-kuntratt, u li b’hekk ma ppermettitx lir-rikorrenti tifhem il-portata tal-obbligi li kellha bħala offerenti;

    fuq ksur tal-prinċipju ta’ aspettativi leġittimi, inkwantu l-konvenuta tat garanziji lir-rikorrenti li hija ma kinitx ser tiċħad awtomatikament l-offerta ta’ din tal-aħħar;

    fuq ksur tal-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ opportunitajiet ugwali bejn il-kandidati ta’ kuntratt pubbliku inkwantu

    s-sejħa għal offerti kienet organizzata b’mod li jiffavorixxi l-kandidatura tal-konsorzju ICAS (l-offerent li ngħata l-kuntratt), sa fejn it-termini previsti fil-kuntest tal-kuntratt huma manifestament insuffiċjenti u sproporzjonati u ma setgħux jiġu osservati fil-prattika mill-offerenti li ma humiex mgħammra b’linja ta’ produzzjoni speċifika, li kellu biss il-konsorzju ICAS;

    kien hemm konflitt ta’ interessi tali li jiffavorixxi l-kandidatura tal-konsorzju ICAS, inkwantu persuna li taħdem għal membru tal-konsorzju ICAS ipparteċipat fil-proċedura tal-għażla tal-offerti u persuna oħra li taħdem għal membru tal-konsorzju ICAS ipparteċipat fil-preparazzjoni tas-sejħa għal offerti;

    il-konsorzju ICAS ibbenifika minn informazzjoni li tagħtu vantaġġ minħabba ż-żjara, bħala espert ta’ ITER, ta’ persuna impjegata minn membru tal-konsorzju ICAS fil-fabbriki tar-rikorrenti fil-Korea, kif ukoll fil-fabbriki tal-kejbils fiċ-Ċina u fil-Ġappun;

    fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tal-Artikoli 84 u 94 tar-regolament finanzjarju, peress li l-proċedura ta’ evalwazzjoni tkompliet minkejja li kien għad fadal offerta waħda u peress li l-konvenuta ma ħadet ebda azzjoni minkejja li r-rikorrenti informatha bl-eżistenza ta’ kunflitt ta’ interessi li jiffavorixxi lill-konsorzju ICAS;

    fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-konvenuta billi ċaħdet l-offerta tar-rikorrenti abbażi tal-Artikolu 120(4) tar-regolament li jimplementa r-regolament finanzjarju, peress li dan l-artikolu ma jippermettix iċ-ċaħda awtomatika ta’ offerta mingħajr ma tiġi evalwata, ħlief jekk din ma tissodisfax xi kundizzjoni essenzjali jew xi kundizzjoni partikolari tal-ispeċifikazzjonijiet tal-proġett;

    fuq il-fatt li l-allegat ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi kkawża dannu dirett u ċert lir-rikorrenti li abbażi tiegħu għandha dritt titlob kumpens.


    Top