EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62010TN0061
Case T-61/10: Action brought on 8 February 2010 — Victoria Sánchez v Parliament and Commission
Kawża T-61/10: Rikors ippreżentat fit- 8 ta’ Frar 2010 — Fernando Marcelino Victoria Sánchez vs Il-Parlament Ewropew u Il-Kummissjoni Ewropea
Kawża T-61/10: Rikors ippreżentat fit- 8 ta’ Frar 2010 — Fernando Marcelino Victoria Sánchez vs Il-Parlament Ewropew u Il-Kummissjoni Ewropea
ĠU C 100, 17.4.2010, p. 58–59
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
17.4.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 100/58 |
Rikors ippreżentat fit- 8 ta’ Frar 2010 — Fernando Marcelino Victoria Sánchez vs Il-Parlament Ewropew u Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża T-61/10)
2010/C 100/86
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Partijiet
Rikorrent: Fernando Marcelino Victoria Sánchez (Sevilla, Spanja) (rappreżentant: N. Domínguez Varela, avukat)
Konvenuti: Il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrent
— |
Tiddikjara li n-nuqqas ta’ tweġiba tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni Ewropea għall-mistoqsija bil-miktub tas-6 ta’ Ottubru 2009, imur kontra d-dritt Komunitarju u tordna lill-dawn l-istituzzjonijiet jirmedjaw għal dan l-istat ta’ fatt. |
Motivi u argumenti prinċipali
Fit-28 ta’ Awwissu 2008 ir-rikorrent ressaq petizzjoni quddiem il-Kumitat tal-Parlament Ewropew għall-Petizzjonijiet, fir-rigward ta’ allegat netwerk ta’ korruzzjoni, fi Spanja, fil-qasam tas-sigurtà soċjali u tas-saħħa pubblika. Fit-3 ta’ Mejju 2009, il-President ta’ dan il-kumitat informa lir-rikorrent li l-petizzjoni tiegħu ġiet arkivjata.
Fis-6 ta’ Diċembru 2009, ir-rikorrent bagħat ittra ta’ intimazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 265 TFUE, lill-Parlament u lill-Kummissjoni Ewropea. F’din l-ittra huwa talab:
— |
lill-Parlament Ewropew jannulla d-deċiżjoni tal-President tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet tat-3 ta’ Mejju 2009, u jordna inkjesta fuq iċ-ċirkustanzi li fihom ġiet adottata din id-deċiżjoni; |
— |
lill-Kummissjoni Ewropea, tiftaħ investigazzjoni fuq l-amministrazzjoni tal-ġustizzja fi Spanja. |
Peress li ma rċeviex risposta fit-termini previsti għal dan il-għan, ir-rikorrenti ppreżenta dan ir-rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni.
Insostenn tal-allegazzjonijiet tiegħu, ir-rikorrent jinvoka l-ksur tad-drittijiet fundamentali tiegħu ta’ ugwaljanza f’għajnejn il-liġi, ta’ nondiskriminazzjoni, u li jressaq petizzjoni, kif ukoll li f’dan il-każ huma sodisfatti r-rekwiżiti neċessarji sabiex jiġi kkonstatat li l-istituzzjonijiet inkwistjoni naqsu milli jieħdu azzjoni.