Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CN0447

    Kawża C-447/10: Appell ippreżentat fil- 15 ta’ Settembru 2010 mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) mis-sentenza mogħtija fid- 9 ta' Lulju 2010 fil-Kawża T-430/08 — Grain Millers, Inc. vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), Grain Millers GmbH & Co. KG

    ĠU C 301, 6.11.2010, p. 18–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    6.11.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 301/18


    Appell ippreżentat fil-15 ta’ Settembru 2010 mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) mis-sentenza mogħtija fid-9 ta' Lulju 2010 fil-Kawża T-430/08 — Grain Millers, Inc. vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), Grain Millers GmbH & Co. KG

    (Kawża C-447/10)

    ()

    2010/C 301/26

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Appellanti: Grain Millers, Inc. (rappreżentant: L.-E. Ström, K. Martinsson, avukat)

    Appellat: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), Grain Millers GmbH & Co. KG

    Talbiet tal-appellanti

    tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (Is-Seba’ Awla), Kawża Nru T-430/08, tad-9 ta’ Lulju 2010, li kkonfermat id-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI, tat-23 ta’ Lulju 2008 (Każ R 478/2007-2), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Grain Millers GmbH & Co. KG u Grain Millers, Inc, u tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż sostnuti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali kif ukoll l-ispejjeż quddiem il-Bord tal-Appell u d-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-UASI.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    Il-kawża tirrigwarda l-kwistjoni li jsir magħruf jekk Grain Millers GmbH & KG ipprovdietx provi suffiċjenti tal-użu tas-sinjal GRAIN MILLERS sabiex tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament (1) sabiex l-imsemmi sinjal jikkostitwixxi projbizzjoni għall-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja tal-appellanti Nru 003650256 GRAIN MILLERS.

    Preċedentement, il-Qorti Ġenerali, fil-kawża tal-24 ta’ Marzu 2009, Alberto Jorge Moreira da Fonsecal vs UASI — General Optica, T-318/06 sa T-321/06, punti 33-35, indirizzat l-interpretazzjoni tal-għan tal-kundizzjoni ta’ “sinjifikat li mhuwiex biss lokali”, li jinsab fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament, b’mod partikolari sabiex jiġu ristretti l-possibbiltajiet ta’ kunflitt ma’ dawk eżistenti li għandhom sinjali li huma realment sinjifikattivi, u li dan ma għandux jiġi eżaminat minn perspettiva ġeografika biss iżda wkoll mill-perspettiva ekonomika tas-sinjifikat tas-sinjal, li huwa evalwat fid-dawl tat-tul ta’ żmien li fih wettaq il-funzjoni tiegħu fil-kummerċ u l-grad li fih intuża. Madankollu, fid-deċiżjoni appellata l-Qorti Ġenerali ma adottatx dan l-approċċ, u ma hemm xejn li jindika li l-Qorti Ġenerali saħansitra kienet taf bil-prinċipji stabbiliti f’din il-kawża.

    L-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li l-Artikolu 8(4) ma jeħtieġx prova tal-użu ġenwin tas-sinjal insostenn tal-oppożizzjoni bħal ma huwa meħtieġ mill-Artikolu 43(2) tar-Regolament.

    Il-Qorti Ġenerali injorat b’mod żbaljat ġurisprudenza preċedenti li tirrigwarda l-evalwazzjoni tal-provi u l-livell ta’ prova meħtieġ.


    (1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol, 1, p. 146).


    Top