EUR-Lex Dostop do prava EU

Nazaj na domačo stran EUR-Lex

Dokument je izvleček s spletišča EUR-Lex.

Dokument 62010CN0160

Kawża C-160/10: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Frankfurt am Main (il-Ġermanja) fit- 2 ta’ April 2010 — Gerhard Fuchs vs Land Hessen

ĠU C 161, 19.6.2010, str. 26–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

19.6.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 161/26


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Frankfurt am Main (il-Ġermanja) fit-2 ta’ April 2010 — Gerhard Fuchs vs Land Hessen

(Kawża C-160/10)

(2010/C 161/35)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Verwaltungsgericht Frankfurt am Main.

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Peter Köhler.

Konvenut: Land Hessen.

Domandi preliminari

(1)

Id-dispożizzjonijiet tal-Hessisches Beamtengesetz dwar il-limitu obbligatorju tal-età tal-irtirar tal-uffiċjali, huma bbażati fuq interess ġenerali skont il-kriterji tad-dritt tal-Unjoni?

F’dan ir-rigward, jitqajmu fuq kollox is-segwenti domandi partikolari:

 

X’inhuma r-rekwiżiti speċifiċi li għan bħal dan ta’ interess ġenerali għandu jissodisfa fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni? X’aspetti oħra għandhom jiġu eżaminati mill-qorti tar-rinviju sabiex jiġu ċċarati l-fatti?

 

L-interess li jiġu ekonomizzati r-riżorsi tal-baġit u li jiġu llimitati l-ispejjeż tar-riżorsi umani — f’dan il-każ li jiġi evitat reklutaġġ sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-persunal — jammonta għal għan leġittimu fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78/KE (1)?

 

L-għan ta’ entità pubblika li tħaddem li tippjana sa ċertu punt l-irtirar tal-uffiċjali jista’ jiġi kkunsidrat bħala għan leġittimu ta’ interess ġenerali, anki meta kull entità pubblika li tħaddem suġġetta għall-HBG jew għall-Beamtenstatusgesetz tista’ tiżviluppa u tapplika l-pjanijiet tagħha f’dak li jirrigwarda t-tmexxija tar-riżorsi umani?

 

Jista’ l-interess ta’ “tqassim favorevoli skont il-faxxa ta’ età” jew ta’ “struttura favorevoli skont l-età” ikun għan ta’ interess ġenerali, anki fin-nuqqas tad-dispożizzjonijiet legali jew tar-regoli ġenerali fuq dak li huwa mixtieq fil-qasam tal-faxxa ta’ età jew struttura skont l-età?

 

Jista’ l-ftuħ tal-possibiltajiet tal-promozzjoni għall-uffiċjali jiġi kkunsidrat bħala għan leġittimu ta’ interess ġenerali fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78/KE?

 

Inkwantu għandu bħala għan li jevita disputi ma’ persuni iktar anzjani dwar jekk għadhomx tajbin sabiex jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom, limitu tal-età għandu għan leġittimu ta’ interess ġenerali?

 

L-interess ġenerali previst fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78/KE jippresupponi kunċett tal-politika tax-xogħol li jmur oltre entitajiet pubbliċi li jħaddmu u/jew privati individwali? Jekk fl-affermattiv, kemm għandu jkun uniformi u obbligatorju dan il-kunċett?

 

Huwa possibbli li l-limiti fl-età ta’ portata tant ristrettiva jippermettu lil entitajiet pubbliċi li jħaddmu jew privati individwali li jsegwu għanijiet ta’ interess ġenerali għal gruppi ta’ impjegati, limitati f’dan il-każ għall-uffiċjali li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-HBG?

 

Taħt liema kundizzjonijiet jista’ l-għan li jista’ jiġi mħaddan b’mod mhux obbligatorju, li jiġu okkupati postijiet vakanti ta’ impjegati li rtiraw, minn rekluti ġodda, fejn ikun neċessarju wara li impjegati eżistenti ġew promossi, jiġi kkunsidrat li huwa fl-interess pubbliku fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78/KE? Ir-referenza għall-interess pubbliku għandha tkun appoġġata mhux biss minn talbiet ġenerali li r-regoli jissodisfaw dak l-għan, iżda wkoll minn statistika jew sejbiet oħra li minnhom jista’ jiġi stabbilit li għan bħal dan huwa suffiċjentement serju u jista’ attwalment jintlaħaq?

(2)

X’inhuma r-rekwiżiti li limitazzjoni fl-età fis-sens tal-HBG għandha jkollha sabiex tkun xierqa u adattata għat-twettiq tal-għan imħaddan?

Hemm bżonn ta’ investigazzjonijiet iktar profondi sabiex jiġi stabbilit ir-rapport tan-numru — probabbli — ta’ ħaddiema tas-servizz pubbliku li jibqgħu volontarjament fis-servizz wara l-età tal-irtirar għan-numru li jixtiequ jirċievu pensjoni sħiħa meta jaslu għall-età tal-pensjoni, jekk mhux qabel, u b’hekk ċertament iridu jitilqu mis-servizz? Ma jkunx xieraq f’dan ir-rigward li tingħata preferenza volontarja ta’ rtirar fuq irtirar obbligatorju, stante li arranġamenti għall-pensjonijiet isiru sabiex jitnaqqsu meta dawn jittieħdu qabel ma tintlaħaq l-età stabbilita ta’ rtirar sabiex jiġi prekluż infiq mhux raġonevoli ta’ baġit għall-pensjonijiet u spejjeż relatati tax-xogħol (tluq volontarju minflok tluq obbligatorju bħala l-arranġament iktar xieraq u fil-prattika, mhux inqas adegwat).

Jista’ ikun xieraq u neċessarju li tintemm awtomatikament, fuq il-bażi ta’ preżunzjoni inkonfutabbli ta’ inadegwatezza għas-servizz, ir-relazzjoni tax-xogħol tal-uffiċjali li jkunu laħqu ċerta età, fil-każ preżenti li jkunu għalqu 65 sena?

Huwa xieraq li ż-żamma fis-sevizz pubbliku, li fih innifsu huwa possibbli, f’kwalunkwe każ sal-età ta’ 68 sena, ikun esklussivament abbażi tal-interessi partikolari tal-entità pubblika li tħaddem u li n-nuqqas ta’ interess ta’ dan it-tip iwassal neċessarjament għat-tmiem tar-relazzjoni tax-xogħol, mingħajr l-ebda possibbiltà ġuridika taħt ir-Regolamenti tal-Persunal li wieħed jerġa jinħatar?

Meta, minflok tillimita ruħha għall-iffissar, b’mod konformi mal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2000/78/KE, tal-kundizzjonijiet ta’ kisba ta’ pensjoni ta’ rtirar bir-rata sħiħa, il-limitu tal-età jinvolvi neċessarjament it-telf tax-xogħol, dan il-limitu għandu jkun ikkunsidrat bħala li jaffettwa b’mod mhux iġġustifikat l-interessi tal-persuni anzjani, ikkomparat ma’ dawk ta’ persuni iżgħar fl-età, li l-valur tagħhom, bħala prinċipju, ma huwiex ogħla?

Jekk l-għan li jiġu ffaċilitati r-reklutaġġ u/jew il-promozzjonijiet huwa rrikonoxxut bħala leġittimu, x’inhuma r-rekwiżiti fattwali speċifiċi li għandhom jiġu sodisfatti sabiex jiġi stabbilit sa liema punt il-possibbiltajiet korrispondenti huma verament meħuda? F’dan ir-rigward, għandha ssir referenza għal kull entità pubblika li tħaddem li tapplika l-limitu tal-età jew għall-entitajiet pubbliċi li jħaddmu kollha li huma suġġetti għal-leġiżlazzjoni, u s-suq tax-xogħol inġenerali għandu jkun inkluż jew le?

Fid-dawl tal-lakuni ta’ karattru demografiku diġà perċepibbli fis-suq tax-xogħol u tal-ħtieġa imminenti ta’ persunal ikkwalifikat ta’ kull tip, inkluż fosthom fis-servizz pubbliku federali u tal-Lands, huwa xieraq u neċessarju li l-uffiċjali adatti għas-servizz u li jixtiequ jeżerċitaw l-attività tagħhom ikunu mġegħla jitilqu mis-servizz pubbliku, minkejja l-ħtieġa imminenti u kunsiderevoli ta’ persunal, li s-suq tax-xogħol bil-kemm ikun jista’ jissodisfa? F’dan ir-rigward ikun neċessarju li fil-futur tinġabar din l-informazzjoni li tirrigwarda kull parti tas-suq tax-xogħol?

(3)

X’rekwiżiti fil-qasam tal-koerenza għandhom jiġu sodisfatti mid-dispożizzjonijiet f’dak li jirrigwarda l-limitu fl-età previsti mil-leġiżlazzjoni ta’ Hessen, u jekk ikun il-każ, mil-leġiżlazzjoni federali Ġermaniża?

Jista’ jiġi kkunsidrat li ma hemmx kontradizzjoni bejn il-paragrafu 1 u l-paragrafu 3 tal-Artikolu 50 tal-HBG, b’mod li l-proroga fir-relazzjoni tax-xogħol wara l-limitu tal-età tiddependi esklużivament fuq interessi tal-entità pubblika li tħaddem?

Interpretazzjoni tal-Artikolu 50(3) tal-HBG konformi mad-direttiva tista’, jekk ikun il-każ, twassal sabiex, bl-iskop li tiġi evitata diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, ir-relazzjoni tax-xogħol tkun dejjem ipprorogata jekk l-ebda raġuni tas-servizz ma tipprojbiha? X’inhuma r-rekwiżiti li għandhom jiġu sodisfatti minn raġuni bħal din ta’ servizz? Għandu jiġi kkunsidrat li, sabiex l-interessi ta’ servizz jeħtieġu ż-żamma tar-relazzjoni tax-xogħol, huwa biżżejjed li t-tmiem tagħha jwassal għal diskriminazzjoni mhux iġġustifikata bbażata fuq l-età?

B’liema mod interpretazzjoni bħal din tal-Artikolu 50(3) tal-HBG tista’ tippermetti li tipproroga jew terġa tibda l-kariga ta’ uffiċjal tar-rikorrenti, anki jekk dak l-impjieg kien diġà ġie tterminat? F’din is-sitwazzjoni jeħtieġ li l-applikazzjoni tal-Artikolu 50(1) tal-HBG tibqa inapplikabbli sakemm ir-rikorrenti tagħlaq 68 sena?

Huwa xieraq u neċessarju li minn naħa jitwaqqaf it-tluq volontarju mill-età ta’ 60 jew 63 sena rispettivament, billi jitnaqqas b’mod permanenti l-ammont tal-pensjoni ta’ irtirar, billi min-naħa l-oħra tiġi eskluża l-proroga volontarja tar-relazzjoni tax-xogħol wara l-65 sena, ħlief jekk l-entità pubblika li tħaddem turi eċċezzjonalment interess partikolari f’din il-proroga?

L-eżistenza ta’ skemi iktar vantaġġużi previsti għall-persuni li jibbenefikaw minn xogħol part-time għal persuni anzjani minn naħa u għall-uffiċjali reklutati għal perijodu fiss min-naħa l-oħra jneħħu mil-limitu fl-età previst fl-Artikolu 50(1) tal-HBG l-karattru tiegħu xieraq u neċessarju?

Mill-perspettiva tal-koerenza, kif jeħtieġ li jiġu evalwati r-regolamenti differenti tad-dritt tas-servizz pubbliku, tad-dritt tax-xogħol u tad-dritt tas-sigurtà soċjali li minn naħa għandhom bħala għan li permanentement iżidu l-età tal-pensjoni tal-irtirar bir-rata sħiħa, minn naħa oħra jipprojbixxu t-terminazzjoni minħabba li tkun intlaħqet l-età prevista għall-pensjoni tax-xjuħija normali u minn naħa oħra timponi t-tmiem tar-relazzjoni tax-xogħol tal-persuni li laħqu din l-età?

Huwa importanti mill-perspettiva tal-koerenza li ż-żieda progressiva tal-limiti fl-età fis-sigurtà soċjali u fis-servizz pubbliku tal-Istat Federali u ta’ ċerti Lands isservi qabel kollox l-interess tal-impjegati sabiex ikunu suġġetti l-iktar tard possibbli għall-kundizzjonijiet iktar stretti applikabbli għall-kisba ta’ pensjoni tax-xjuħija bir-rata sħiħa fis-settur pubbliku jew fis-settur privat? Dawn id-domandi għandhom ikunu kkunsidrati irrilevanti għaliex l-uffiċjali suġġetti għall-HBG għadhom ma huma suġġetti għall-ebda żieda fil-limitu fl-età, filwaqt li din iż-żieda hija imminenti għall-membri tal-persunal bil-kuntratt?


(1)  Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79)


Na vrh