Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CJ0464

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba' Awla) tal-14 ta' Lulju 2011.
    Stat Belġjan vs Pierre Henfling et..
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Cour d'appel de Mons - il-Belġju.
    Tassazzjoni - Sitt Direttiva tal-VAT - Artikolu 6(4) - Eżenzjoni - Artikolu 13B(f) - Logħob tal-ażżard - Servizzi pprovduti minn aġent (riċevitur tal-lottu) li jaġixxi f’ismu proprju iżda għall-benefiċċju ta’ prinċipal li jeżerċita attività ta’ ġbir ta’ mħatri.
    Kawża C-464/10.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:489

    Partijiet
    Motivi tas-sentenza
    Parti operattiva

    Partijiet

    Fil-Kawża C-464/10,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-cour d’appel de Mons (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Settembru 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Settembru 2010, fil-proċedura

    L-Istat Belġjan

    vs

    Pierre Henfling, Raphaël Davin u Koenraad Tanghe, bħala kuraturi ta’ falliment ta’ Tiercé Franco-Belge SA,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

    komposta minn D. Šváby, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta u T. von Danwitz (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: Y. Bot,

    Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ Mejju 2011,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    – għal P. Henfling, R. Davin u K. Tanghe, bħala kuraturi tal-falliment ta’ Tiercé Franco-Belge SA, minn O. Bertin, avukat,

    – għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs u L. Van den Broeck kif ukoll minn J.-C. Halleux, bħala aġenti,

    – għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Recchia, B. Stromsky u C. Soulay, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    Motivi tas-sentenza

    1. It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 6(4), u 13B(f) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”).

    2. Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn l-Istat Belġjan u P. Henfling, R. Davin et K. Tanghe bħala kuraturi ta’ falliment ta’ Tiercé Franco-Belge SA (iktar ’il quddiem “TFB”) fir-rigward ta’ rifjut ta’ dan l-Istat li jeżenta servizzi mwettqa minn aġenziji ta’ mħatri għal TFB mit-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”).

    Il-kuntest ġuridiku

    Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

    3. L-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva tissuġġetta għall-VAT “il-provvista ta’ oġġetti u servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali”.

    4. Skont l-Artikolu 5(1) u (4)(ċ) ta’ din id-direttiva, huma meqjusa bħala provvista ta’ oġġetti “it-trasferiment tad-dritt ta’ sid li jiddisponi minn proprjetà korporali” kif ukoll “it-trasferiment ta’ merkanzija skond kuntratt li bih titħallas kummissjoni meta jsir xiri jew bejgħ”.

    5. L-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva jistipula:

    “1. “‘Provvista tas-servizzi’ tfisser kull operazzjoni [tranżazzjoni] li ma tikkostitwix[xix] provvista ta’ oġġetti skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 5.

    [...]

    4. Meta persuna taxxabbli taġixxi f’isimha iżda għall-benefiċċju ta’ persuna oħra, u tagħmel parti minn provvista ta’ servizzi, hija għandha titqies li tkun rċeviet u forniet dawk is-servizzi hija stess.

    [...]”

    6. L-Artikolu 13 tas-Sitt Direttiva, intitolat “Eżenzjonijet fit-territorju tal-pajjiż”, jipprovdi:

    “[...]

    B. Eżenzjonijet oħrajn

    Mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijet oħra tal-Komunità, l-Istati Membri għandhom jeżentaw li ġej taħt il-kondizzjonijiet li huma għandhom jistabilixxu għall-iskopijiet biex jassiguraw l-applikazzjoni korretta u ċara ta’ l-eżenzjonijet u tal-prevenzjoni ta’ kwalunkwe eżenzjoni possibbli, evitar u abbuż:

    [...]

    f) imħatri, lotteriji u forom oħrajn ta’ logħob [tal-ażżard], soġġetti għall-kondizzjonijiet u għal-limitazzjonijet mfasslin minn kull Stat Membru;

    [...]”

    Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

    7. L-Artikolu 10(1) tal-Kodiċi tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi dwar il-VAT”) jipprovdi:

    “Provvista ta’ beni’ tfisser it-trasferiment tad-dritt tal-proprjetarju li jiddisponi minn beni.

    B’mod partikolari, dan jikkonċerna t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ beni lil persuna li ser takkwistahom jew tirċevihom taħt kuntratt li jittrasferixxi proprjetà jew taħt kuntratt dikjaratorju.”

    8. L-Artikolu 13(1) u (2) jipprovdi:

    “1. L-aġent tax-xiri jitqies bħala xerrej u, fir-rigward tal-prinċipal tiegħu, bejjiegħ tal-beni mixtrija permezz tal-intermedjarju tiegħu; l-aġent tal-bejgħ jitqies bejjiegħ u, fir-rigward tal-prinċipal tiegħu, xerrej tal-beni li jinbiegħu mill-intermedjarju tiegħu”.

    2. Jitqies bħala aġent mhux biss min jaġixxi f’ismu proprju jew taħt isem ta’ negozju għall-benefiċċju ta’ prinċipal, iżda wkoll l-intermedjarju tal-bejgħ li jirċievi mingħand il-bejjiegħ jew l-intermedjarju għall-bejgħ li jagħti lix-xerrej, tkun xi tkun il-kapaċità tiegħu, fattura, nota ta’ debitu jew kwalunkwe kitba oħra ekwivalenti denominata f’ismu proprju.”

    9. Skont l-Artikolu 18 tal-Kodiċi dwar il-VAT:

    “Provvista ta’ servizzi’ tfisser kull tranżazzjoni li ma tikkostitwixxix provvista ta’ beni fis-sens tal-kodiċi preżenti.

    Hija partikolarment meqjusa bħala provvista ta’ servizzi, l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt li għandu bħala suġġett:

    [...]

    3. il-mandat;

    [...]”

    10. L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 20(1) tal-Kodiċi dwar il-VAT jipprovdi:

    “[...] meta aġent jew kwalunkwe intermedjarju, li jaġixxi taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 13(2), jinvolvi ruħu fil-provvista ta’ servizzi, dan jitqies bħala li jkun irċieva personalment dawn is-servizzi u li jkun ipprovdihom huwa personalment.”

    11. Skont il-punt 13 tal-Artikolu 44(3) ta’ dan il-kodiċi, “l-imħatri, lotteriji u logħob ieħor tal-ażżard jew logħob tal-flus, bla ħsara għall-kundizzjonijiet u l-limiti stabbiliti mir-Re”, huma eżenti mill-VAT.

    Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    12. TFB, li ġiet iddikjarata bħala falluta fis-27 ta’ Ottubru 2008, hija kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata rreġistrata għall-fini ta’ VAT fil-Belġju li l-attività tagħha tikkonsisti fil-ġbir ta’ mħatri, b’mod partikolari fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel fil-Belġju u fi Stati oħra.

    13. Fil-kuntest tal-attività tagħha, hija tuża netwerk ta’ aġenziji locali, imsejħa “riċevituri tal-lottu”, li jinsabu mifruxa mat-territorju kollu tar-Renju tal-Belġju. Dawn ir-riċevituri tal-lottu huma nkarigati li jiġbru l-flus li jintlagħbu mill-ġugaturi fuq tiġrijiet taż-żwiemel jew fuq avvenimenti sportivi oħra, li jirreġistraw l-imħatri, li joħorġu skedi tal-logħob jew biljetti għall-ġugaturi kif ukoll li jħallsu r-rebħ.

    14. Kull riċevitur tal-lottu huwa marbut ma’ TFB permezz ta’ ftehim imsejjaħ “kuntratt ta’ kummissjoni”.

    15. Bis-saħħa ta’ dan il-kuntratt, TFB hija s-sid tal-proprjetà kummerċjali mogħtija bi twellija lir-riċevitur tal-lottu. Hija tqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ dan tal-aħħar il-bini bil-provvista ta’ enerġiji neċessarja, tagħmel l-assigurazzjoni fuq il-bini u tiżgura l-istallazzjoni tas-sinjal li jindika n-negozju kif ukoll iż-żamma tal-post fi stat tajjeb ta’ operat.

    16. L-imsemmi kuntratt jipprovdi wkoll li TFB tqiegħed għad-dispożizzjoni tar-riċevitur tal-lottu l-hardware li bih l-imħatri kollha li jsiru kif ukoll il-ħlasijiet tar-rebħ iridu jiġu rreġistrati. Il-hardware u d-dokumenti maħruġa minn TFB lir-riċevitur tal-lottu jingħatawlu bħala depożitu gratuwitu u jibqgħu proprjetà esklużiva tagħha. Ir-riċevitur tal-lottu jintrabat li juża dan il-materjal fdat lilu minn TFB bħala bonus paterfamilia u li jinforma lil din tal-aħħar bi kwalunkwe anomalija li jiltaqa’ magħha waqt l-operat ta’ dan il-materjal, bit-tiswija u l-manutenzjoni ta’ dan il-materjal ikun imwettaq minn TFB a spejjeż tagħha.

    17. Barra minn hekk, skont il-“kuntratt ta’ kummissjoni” magħmul ma’ TFB, ir-riċevitur tal-lottu huwa obbligat li josserva r-regoli li jikkonċernaw il-ġbir ta’ mħatri, b’mod partikolari r-reġistrazzjoni, il-kontabbiltà u l-ħlas tagħhom. Huwa jintrabat li jiżgura l-operat tal-aġenzija tiegħu b’mod regolari u li l-ftuħ tagħha jkun konformi mal-avvenimenti marbuta mal-attivitajiet u mal-prodotti ta’ TFB. Madankollu, huwa għandu l-jedd li jiddeċiedi liberament l-organizzazzjoni tal-aġenzija tiegħu u huwa liberu li jimpjega persunal sabiex jissodisfa l-obbligi tiegħu bl-aħjar mod.

    18. TFB tawtorizza lir-riċevitur tal-lottu sabiex jirċievi kull tip ta’ mħatra li għaliha hija awtorizzata, sew skont il-liġi, sew skont it-termini tal-mandat, u tħallih jeżerċita kwalunkwe attività oħra sakemm din ma tmurx kontra l-liġi dwar l-aġenziji tat-tiġrijiet taż-żwiemel u li ma tiġix eżerċitata għall-benefiċċju ta’ kompetitur dirett ta’ TFB.

    19. Skont id-dispożizzjonijiet ġenerali tar-regolament ta’ TFB, l-operatur tal-aġenzija, l-uniku wieħed awtorizzat li jirreġistra mħatra, dejjem jista’ jirrifjuta mħatra, kollha kemm hi jew parti minnha, mingħajr ma jkun obbligat li jiġġustifika r-rifjut tiegħu. Barra minn hekk, ġugatur li jirbaħ jista’ biss jiġbor ir-rebħ tiegħu mingħand ir-riċevitur tal-lottu li jkun lagħab għandu.

    20. Ir-riċevitur tal-lottu jitħallas permezz ta’ kummissjoni, stabbilita b’perċentwali tal-flus li jintlagħbu fuq l-imħatri rreġistrati wara tnaqqis tal-ammonti ta’ rimborsi li jkunu saru. Din il-kummissjoni hija kkalkulata u mħallsa kull xahar minbarra t-tranżazzjonijiet uffiċjali tal-imħatri. Ir-riċevitur tal-lottu ma joħroġ l-ebda fattura lil TFB għall-ġbir tal-kummissjoni tiegħu.

    21. L-iskedi tal-logħob maħruġa mir-riċevitur tal-lottu lill-ġugaturi sabiex jitwettqu l-imħatri jsemmu, fuq quddiem fil-parti ta’ fuq tagħhom, isem ir-riċevitur tal-lottu, in-numru tar-reġistrazzjoni kummerċjali tiegħu, kif ukoll in-numru tal-VAT tiegħu. Barra minn hekk, fuq in-naħa ta’ quddiem ta’ dawn l-iskedi tal-logħob hemm xi kitbiet mat-truf, jiġifieri fuq in-naħa t’isfel tal-imsemmija skedi tal-logħob hemm miktub “Belgische Tiercé” u mbagħad “Tiercé belge” u fuq in-naħa ta’ fuq tagħhom “Tiercé Franco Belge”. Fuq wara tal-istess skedi tal-logħob jidher it-test li ġej, jiġifieri “Permezz tal-parteċipazzjoni tiegħu, il-ġugatur jirrikonoxxi li jifhem u jissottometti ruħu għall-klawżoli tar-regolamenti tal-S.C.P.M.U. belge, tal-S.A.Tiercé Franco belge u ta’ Bingoal”.

    22. Matul kontroll, li nbeda fix-xahar ta’ Lulju 2000, l-amministrazzjoni fiskali Belġjana kkonstatat li l-kummissjoni li rċevew ir-riċevituri tal-lottu bejn l-1 ta’ Jannar 1997 u l-31 ta’ Diċembru 2000 ma ġietx soġġetta għall-VAT. Peress li r-riċevituri tal-lottu kienu jaħdmu għall-benefiċċju ta’ TFB u li, għaldaqstant, l-attività tagħhom kellha tkun suġġetta għall-VAT, din l-amministrazzjoni, fix-xahar ta’ Novembru 2001, innotifikat lil TFB b’ammont addizjonali ta’ VAT, b’żieda ta’ multi u ta’ interessi moratorji fir-rigward tal-VAT dovuta fuq l-imsemmija kummissjoni.

    23. TFB ppreżentat rikors quddiem il-qorti tal-Prim’Istanza ta’ Liège u talbet li din tiddeċiedi li l-VAT ma kinitx dovuta fuq il-kummissjoni inkwistjoni peress li, għall-fini tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-VAT, ir-riċevituri tal-lottu kellhom jitqiesu bħala aġenti li jintervjenu fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi eżentati minn din it-taxxa.

    24. Permezz ta’ sentenza tal-20 ta’ Settembru 2004, l-imsemmija qorti laqgħet it-talba ta’ TFB. Fuq appell tal-Istat Belġjan, il-qorti tal-appell ta’ Liège ikkonfermat id-dispożizzjonijiet kollha ta’ din is-sentenza permezz ta’ sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2005. Il-Cour de cassation annullat din is-sentenza u rrinvijat il-kwistjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.

    25. L-ewwel nett, din il-qorti eżaminat il-kuntratt li jorbot lil TFB mar-riċevituri tal-lottu u ddeċidiet li mill-għaqda tal-elementi intrinsiċi u estrinsiċi ta’ dan il-kuntratt jirriżulta li r-riċevituri tal-lottu rċevew mingħand TFB l-inkarigu kuntrattwali li jiġbru u jirreġistraw imħatri fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ kummissjoni u mhux fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ mandat. Barra minn hekk, din il-qorti tosserva li l-Artikolu 13(2) tal-Kodiċi dwar il-VAT ineħħi kull interess dwar il-kwistjoni ta’ jekk l-intermedjarju aġixxiex bħala mandatarju jew inkella bħala aġent b’kummissjoni. Hija kkonkludiet li r-riċevituri tal-lottu intervenew direttament f’isimhom proprju, skont il-kuntratt ta’ kummissjoni, fil-provvista ta’ servizzi li jinkludu r-reġistrazzjoni tal-imħatri u l-ħlas tar-rebħ għall-benefiċċju ta’ TFB.

    26. It-tieni nett, il-qorti tar-rinviju tfittex li tistabbilixxi jekk il-kummissjoni mħallsa minn TFB lir-riċevituri tal-lottu hijiex eżentata mill-VAT. Peress li qieset li, f’dan ir-rigward, is-soluzzjoni tal-kawża prinċipali tiddependi mill-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-qorti tal-appell ta’ Mons iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

    “L-Artikoli 6(4) u 13B(f) tas-[Sitt Direttiva], għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-għoti ta’ eżenzjoni mit-taxxa fuq is-servizzi pprovduti minn aġent li jaġixxi f’ismu stess iżda għan-nom ta’ mandant [prinċipal] li jorganizza provvisti tas-servizzi previsti fl-[imsemmi] Artikolu 13B(f) […]?”

    Fuq id-domanda preliminari

    27. Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikoli 6(4), u 13B(f) tas-Sitt Direttiva għandhomx jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu l-għoti ta’ eżenzjoni mill-VAT għal servizzi pprovduti minn aġent li jinvolvi ruħu f’ismu proprju, iżda għall-benefiċċju ta’ prinċipal li jorganizza l-provvista ta’ servizzi msemmija fl-imsemmi Artikolu 13B(f). B’mod iktar partikolari, din id-domanda hija ffukata fuq kif tiġi ttrattata, mill-perspettiva tal-VAT, ir-relazzjoni bejn impriża li teżerċita attività ta’ ġbir ta’ mħatri u operatur ekonomiku li jinvolvi ruħu fil-ġbir tal-imħatri f’ismu proprju iżda għall-benefiċċju tal-imsemmija impriża.

    28. Skont l-Artikolu 13B(f), tas-Sitt Direttiva, imħatri, lotteriji u forom oħrajn ta’ logħob [tal-ażżard] huma e żentati mill-VAT, bla ħsara għall-kundizzjonijiet u għal-limitazzjonijiet mfasslin minn kull Stat Membru.

    29. Din l-eżenzjoni hija mmotivata minn kunsiderazzjonijiet prattiċi, peress illi t-tranżazzjonijiet tal-logħob tal-ażżard ma humiex adattati għall-applikazzjoni tal-VAT u mhux, bħalma huwa l-każ għal ċerti provvisti ta’ servizzi ta’ interess ġenerali mwettqa fis-settur soċjali, minħabba x-xewqa li jiġi żgurat, għal dawn l-attivitajiet, trattament iktar favorevoli fil-qasam tal-VAT (ara s-sentenzi tat-13 ta’ Lulju 2006, United Utilities, C‑89/05, Ġabra p. I‑6813, punt 23, u tal-10 ta’ Ġunju 2010, Leo-Libera, C‑58/09, p. I‑5189, punt 24).

    30. It-tranżazzjoni ta’ mħatri mniżżla fl-imsemmija dispożizzjoni hija kkaratterizzata bl-għoti ta’ opportunità ta’ rebħ lill-ġugaturi u, bħala korrispettiv, bl-aċċettazzjoni tar-riskju li dan ir-rebħ irid jiġi ffinanzjat (sentenza United Utilities, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26).

    31. Minn dan, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-provvista ta’ servizzi ta’ “call centre”, magħmula għall-benefiċċju ta’ organizzatur ta’ mħatri bit-telefon u li tinkludi l-aċċettazzjoni ta’ mħatri għan-nom tal-organizzatur mill-persunal tal-persuna li tipprovdi l-imsemmija servizzi, ma tikkostitwixxix tranżazzjoni ta’ mħatri fis-sens tal-Artikolu 13B(f) tas-Sitt Direttiva u għaldaqstant, ma tistax tibbenefika mill-eżenzjoni tal-VAT prevista f’din id-dispożizzjoni (sentenza United Utilities, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29).

    32. Issa, il-kawża prinċipali tiddistingwi ruħha fuq diversi aspetti minn dik li tat lok għas-sentenza United Utilies, iċċitata iktar ’il fuq. Fil-fatt, min-naħa waħda, l-attività ta’ riċevitur tal-lottu hija differenti minn dik tal-hekk imsejjaħ“call centre” b’mod partikolari peress li r-riċevituri tal-lottu huma magħrufa mill-ġugaturi, li huma jistgħu jirrifjutaw imħatra mingħajr ma jkunu obbligati li jiġġustifikaw dan ir-rifjut u li huma inkarigati wkoll li jħallsu r-rebħ lill-ġugaturi. Min-naħa l-oħra, il-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza kienet tikkonċerna l-aċċettazzjoni ta’ mħatri f’isem l-organizzatur tagħhom, filwaqt li d-domanda magħmula fil-kawża prinċipali tikkontempla espressament is-sitwazzjoni ta’ operatur ekonomiku li jinvolvi ruħu fil-ġbir tal-imsemmija mħatri għall-benefiċċju tal-organizzatur tal-imħatri, iżda f’ismu proprju.

    33. Tali involviment f’ismu proprju jfisser li, kuntrarjament għall-każ fil-kawża li tat lok għas-sentenza United Utilities, iċċitata iktar ’il fuq, kif huwa ppreċiżat fil-punt 27 tagħha, ir-rabta legali ma titnissilx direttament bejn il-ġugatur u l-impriża li għall-benefiċċju tagħha l-operatur li jinvolvi ruħu jkun qiegħed jaġixxi, iżda bejn dan l-operatur u l-ġugatur, minn naħa, u bejn dan l-operatur u l-imsemmija impriża, min-naħa l-oħra.

    34. F’dak li jikkonċerna t-trattament ta’ tali intermedjarju mill-perspettiva tal-VAT, l-Artikolu 6(4) tas-Sitt Direttiva tipprovdi li persuna taxxabbli li taġixxi f’isimha proprju iżda għall-benefiċċju ta’ ħaddieħor tinvolvi ruħha fi provvista ta’ servizzi, titqies li rċeviet u pprovdiet dawk is-servizzi hija stess.

    35. Barra minnhekk, din id-dispożizzjoni toħloq finzjoni legali ta’ żewġ provvisti ta’ servizzi identiċi pprovduti konsekuttivament. Bis-saħħa ta’ din il-finzjoni, l-operatur, li jinvolvi ruħu fil-provvista ta’ servizzi u li jikkostitwixxi l-aġent, l-ewwel nett jitqies li rċieva s-servizzi inkwistjoni tal-operatur li għall-benefiċċju tiegħu huwa jkun qiegħed jaġixxi, li huwa l-prinċipal, qabel ma jipprovdi, it-tieni nett dawn is-servizzi personalment lill-klijent. Minn dan jirriżulta li, fir-rigward tar-relazzjoni legali bejn il-prinċipal u l-aġent, ir-rwol rispettiv tagħhom ta’ fornitur ta’ servizzi u ta’ min iħallas huwa invertit b’mod fittizju għall-finijiet tal-VAT.

    36. Peress li l-Artikolu 6(4) tas-Sitt Direttiva jaqa’ taħt it-Titolu V ta’ din id-direttiva, intitolat “Operazzjonijiet taxxabbli”, u li huwa miktub b’mod ġenerali mingħajr ma jinkludi restrizzjonijiet f’dak li għandu x’jaqsam mal-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu jew mal-portata tiegħu, il-finzjoni maħluqa minn din id-dispożizzjoni tikkonċerna wkoll l-applikazzjoni tal-eżenzjonijiet tal-VAT previsti mis-Sitt Direttiva. Minn dan jirriżulta li, jekk il-provvista ta’ servizzi, li fiha l-aġent jinvolvi ruħu, hija eżentata mill-VAT, din l-eżenzjoni tapplika wkoll għar-relazzjoni legali bejn il-prinċipal u l-aġent.

    37. Din il-konklużjoni tapplika wkoll għall-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 13B(f) tas-Sitt Direttiva, dwar tranżazzjonijiet ta’ mħatri. Fil-fatt, meta mqabbla ma eżenzjonijiet oħra, din l-eżenzjoni ma għandhiex karatteristiċi li jiġġustifikaw li jiġi limitat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 6(4) ta’ din id-direttiva u li teskludi l-imħatri minnha. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, il-fatt li l-imsemmi Artikolu 13B(f) ma jipprovdix għal eżenzjoni tal-provvisti ta’ intermedjarji jew ta’ negozjar, ma għandhiex rilevanza, sakemm tali eżenzjoni hija espressament prevista fl-Artikolu 13B(a) u (d) tas-Sitt Direttiva.

    38. Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Belġjan, lanqas il-prinċipju tan-newtralità fiskali ma jipprekludi l-applikazzjoni tal-eżenzjoni tal-VAT prevista fl-Artikolu 13B(f) tas-Sitt Direttiva fir-relazzjoni bejn il-prinċipal u l-aġent, minkejja li l-kummissjoni mħallsa lil mandatarju li jaġixxi f’ismu proprju u għall-benefiċċju tal-mandant hija suġġetta għall-VAT. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 6(4) tas-Sitt Direttiva, din stess tipprovdi regoli partikolari għall-provvisti ta’ servizzi pprovduti minn aġent, li jaġixxi f’ismu proprju iżda għall-benefiċċju ta’ ħaddieħor, li huma differenti minn dawk li jirregolaw il-provvisti pprovduti minn mandatarju li jaġixxi f’ismu proprju u għall-benefiċċju ta’ ħaddieħor.

    39. Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk ir-riċevituri tal-lottu fil-kawża prinċipali, waqt il-ġbir tal-imħatri, jaġixxux effettivament f’isimhom proprju fis-sens tal-Artikolu 6(4) tas-Sitt Direttiva, kwistjoni mqajma mill-Gvern Belġjan, għandu jiġi kkonstatat li d-domanda magħmula, li hija miktuba bħalma tinsab f’dan il-paragrafu, hija bbażata fuq il-premessa li l-imsemmija riċevituri tal-lottu jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu.

    40. Fil-kuntest tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija ġuriżdizzjoni tal-qorti nazzjonali li tkun qed tisma’ kawża dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 6(4) tas-Sitt Direttiva li tinvestiga, fid-dawl tal-fatti kollha tal-kawża, u b’mod partikolari tan-natura tal-obbligi kuntrattwali tal-operatur ekonomiku kkonċernat fir-rigward tal-klijenti tiegħu, jekk l-imsemmija kundizzjoni ta’ din id-dispożizzjoni hijiex issodisfatta jew le (ara, f’dan is-sens, f’dak li jikkonċerna l-Artikolu 26 tas-Sitt Direttiva, is-sentenzi tat-12 ta’Novembru 1992, Van Ginkel, C‑163/91, Ġabra p. I‑5723, punt 21, kif ukoll tat-13 ta’ Ottubru 2005, ISt, C‑200/04, Ġabra p. I‑8691, punti 19 u 20).

    41. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja, li qed tintalab tagħti risposta utli lill-qorti nazzjonali, għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħtiha indikazzjonijiet ibbażati fuq il-proċess tal-kawża prinċipali kif ukoll mill-osservazzjonijiet bil-miktub u orali li tressqu quddiemha, li jkunu tali li jippermettu lill-qorti nazzjonali tagħti deċiżjoni għall-kawża konkreta li hija ntalbet tiddeċiedi dwarha (ara s-sentenzi tal-11 ta’ Diċembru 2007, International Transport Workers’ Federation u Finnish Seamen’s Union, C‑438/05, Ġabra p. I‑10779, punt 85, kif ukoll tat-13 ta’ April 2010, Bressol et , C‑73/08, p. I‑2735, punt 65).

    42. Fir-rigward tal-attività tar-riċevituri tal-lottu fil-kawża prinċipali, għandu jiġi enfasizzat li jekk il-kundizzjoni relattiva għall-fatt li l-persuna taxxabbli trid taġixxi f’isimha proprju iżda għall-benefiċċju ta’ ħaddieħor, li tidher fl-Artikolu 6(4) tas-Sitt Direttiva, għandha tiġi interpretata fuq il-bażi tar-relazzjonijiet kuntrattwali inkwistjoni, hekk kif jirriżulta mill-punt 40 ta’ din is-sentenza, xorta jibqa’ l-fatt li l-operat tajjeb tas-sistema komuni tal-VAT stabbilita permezz ta’ din id-direttiva jeħtieġ, min-naħa tal-qorti tar-rinviju, verifika konkreta li tistabbilixxi jekk, fid-dawl tad-data kollha tal-każ, l-imsemmija riċevituri tal-lottu, matul il-ġbir tal-imħatri kinux effettivament qegħdin jaġixxu f’isimhom proprju.

    43. F’dan ir-rigward, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-fatt li l-eżerċizzju tal-attività tagħhom jeħtieġx jew le awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet pubbliċi, li l-iskedi tal-logħob maħruġa mir-riċevituri tal-lottu jsemmu l-isem ta’ TFB, li l-klijenti jaċċettaw, skont l-informazzjoni li tidher fuq dawn l-iskedi, li jissottomettu ruħhom għall-klawżoli tar-regolament ta’ din il-kumpannija, li l-proprjetà kummerċjali użata mir-riċevituri tal-lottu għandha t-tabella tal-imsemmija kumpannija li hija l-proprjetarja tagħha u li, quddiem il-fatti fil-kawża prinċipali, ir-riċevituri tal-lottu jaġixxux jew le bħala mandatarji. Min-naħa l-oħra, l-eżistenza eventwali ta’ dispożizzjoni nazzjonali fil-qasam tal-VAT li testendi l-finzjoni legali prevista fl-Artikolu 6(4) tas-Sitt Direttiva lil hinn mill-kriterji stabbiliti f’din id-dispożizzjoni ma tittiħidx inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-verifika li tippermetti li jiġi stabbilit jekk ir-riċevituri tal-lottu aġixxewx f’isimhom proprju jew le. Fil-fatt, jekk il-kundizzjonijiet bħal dawk li jirriżultaw mill-Artikolu 6(4) tas-Sitt Direttiva waħdu, ma kinux sodisfatti, l-eżenzjoni mill-VAT prevista fl-Artikolu 13B(f) ta’ din id-direttiva f’dak li jikkonċerna l-imħatri ma tkunx tapplika għall-kawża prinċipali.

    44. Minn dak li jippreċedi jirriżulta li t-tweġiba għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikoli 6(4), u 13B(f) tas-Sitt Direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li, sakemm operatur ekonomiku jopera f’ismu proprju, iżda għall-benefiċċju ta’ impriża li teżerċita attività ta’ ġbir ta’ mħatri, fil-ġbir ta’ mħatri li jaqa’ taħt eżenzjoni mill-VAT prevista f’dan l-Artikolu 13B(f), din l-aħħar impriża titqies, skont dan l-Artikolu 6(4), bħala illi tipprovdi lill-imsemmi operatur provvista ta’ mħatri li taqa’ taħt l-imsemmija eżenzjoni.

    Fuq l-ispejjeż

    45. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

    Parti operattiva

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

    L-Artikoli 6(4), u 13B(f) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, sakemm operatur ekonomiku jopera f’ismu proprju, iżda għall-benefiċċju ta’ impriża li teżerċita attività ta’ ġbir ta’ mħatri, fil-ġbir ta’ mħatri li jaqa’ taħt eżenzjoni mill-VAT prevista f’dan l-Artikolu 13B(f), din l-aħħar impriża titqies, skont dan l-Artikolu 6(4), bħala illi tipprovdi lill-imsemmi operatur provvista ta’ mħatri li taqa’ taħt l-imsemmija eżenzjoni.

    Top