Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CJ0385

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-18 ta’ Ottubru 2012.
    Elenca Srl vs Ministero dell’Interno.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato.
    Moviment liberu tal-merkanzija — Restrizzjonijiet kwantitattivi u miżuri li għandhom effett ekwivalenti — Kisi intern taċ-ċmieni u kanali vertikali taċ-ċmieni — Assenza ta’ marka ta’ konformità CE — Kummerċjalizzazzjoni eskluża.
    Kawża C-385/10.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:634

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

    18 ta’ Ottubru 2012 ( *1 )

    “Moviment liberu tal-merkanzija — Restrizzjonijiet kwantitattivi u miżuri li għandhom effett ekwivalenti — Kisi intern taċ-ċmieni u kanali vertikali taċ-ċmieni — Assenza ta’ marka ta’ konformità CE — Kummerċjalizzazzjoni eskluża”

    Fil-Kawża C-385/10,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ April 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Lulju 2010, fil-proċedura

    Elenca Srl

    vs

    Ministero dell’Interno,

    Il-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

    komposta minn M. Ilešič, li qed jaġixxi bħala President tal-ħames Awla, E. Levits (Relatur) u J.-J. Kasel, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: Y. Bot,

    Reġistratur: A. Impellizzeri,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ Settembru 2011,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Elenca Srl, minn E. Pasquinelli u G. Saltini, avukati,

    għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn C. Colelli, avvocato dello Stato,

    għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u T. Müller, bħala aġenti,

    għall-Gvern Ungeriż, minn K. Szíjjártó u Z. Tóth, kif ukoll minn G. Koós, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Zadra u G. Zavvos, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, dwar l-approssimazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar il-prodotti għall-bini (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 9, p. 296), kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ Settembru 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 447, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 89/106”), kif ukoll l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-moviment liberu tal-merkanzija.

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Elenca Srl (iktar ’il quddiem “Elenca”), li tikkummerċjalizza tubi li jintefħu għaċ-ċmieni u kanen tad-duħħan u l-Ministero dell’Interno dwar leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ dawn it-tubi fl-Italja.

    Il-kuntest ġuridiku

    Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

    3

    L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 89/106 jipprovdi li:

    “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-prodotti li għalihom jirreferi Artikolu 1, li huma maħsuba biex jintużaw f’xogħlijiet, jistgħu jitqiegħdu fis-suq biss jekk ikunu tajbin għall-użu maħsub, li jfisser li jkollhom dawk il-karatteristiċi li x-xogħlijiet li ser jiddaħħlu fihom, magħquda, imħaddma jew stallati, jistgħu, jekk iddisinjati u mibnija sew, jissodisfaw il-ħtiġijiet essenzjali li għalihom jirreferi Artikolu 3 meta u fejn dawk ix-xogħlijiet huma esposti għar-regolamenti li fihom dawk il-ħtiġijiet.”

    4

    L-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

    “L-Istati Membri għandhom jassumu li l-prodotti huma tajbin għall-użu jekk jippermettu x-xogħlijiet li fihom jintużaw, sakemm dawn ta’ l-aħħar ikunu ddisinjati u mibnijin sew, jissodisfaw il-ħtiġiet essenzjali saret referenza għalihom fl-Artikolu 3 fejn dawn il-prodotti għandhom l-immarkar CE li jindika li jissodisfaw id-dispożizzjonijiet kollha ta’ din id-Direttiva, li jinkludu l-proċeduri ta’ stima ta’ konformità stabbilita fil-Kapitolu V u l-proċeduri stabbiliti fil-Kapitolu III. L-immarkar CE għandu jindika:

    (a)

    li huma jaqblu man-normi nazzjonali relevanti li jbiddlu l-pożizzjoni tan-normi armonizzati, li kien hemm riferenza għalihom ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Stati Membri jippubblikaw ir-referenzi ta’ dawn in-normi nazzjonali;

    (b)

    li huma jaqblu ma’ l-approvazzjoni teknika Ewropea, imwassla skond il-proċedura tal-Kapitolu III;

    jew

    (ċ)

    li huma jaqblu ma’ l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi nazzjonali li għalihom jirreferi l-paragrafu 3 sa fejn ma jeżistux l-ispeċifikazzjonijiet armonizzati; lista ta’ dawn l-ispeċifikazzjonijiet nazzjonali tissawwar skond il-proċedura ta’ Artikolu 5(2).”

    5

    L-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva jipprovdi li:

    “1.   L-Istati Membri ma għandhomx iwaqqfu il-moviment liberu, it-tqegħid fis-suq jew l-użu fit-territorju tagħhom ta’ prodotti li jissodisfaw id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-użu ta’ prodotti bħal dawn, għall-għan li ġew maħsuba għalih, ma jitwaqqfux minn regoli jew kundizzjonijiet imposti minn korpi pubbliċi jew korpi privati li jaġixxu bħala impriża pubblika jew f’isem korp pubbliku fuq bażi tal-pożizzjoni ta’ monopolju.

    2.   L-Istati Membri, iżda, għandhom iħallu li prodotti mhux coperti b’Artiklu 4 (2) jitqiegħdu fis-suq fit-territorju tagħhom jekk jissodisfaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali konsistenti mat-Trattat sakemm ma jingħatax lok mod ieħor mill-ispeċifikazzjonijiet tekniċi Ewropej li għalihom jirreferi l-Kapitoli II u III. Il-Kummissjoni u l-kumitat li għalih jirreferi Artikolu 19 għandhom jissorveljaw u jirrevedu l-iżvilupp ta’ lispeċifikazzjonijiet tekniċi Ewropej fuq bażi regolari.

    [...]”

    Il-leġiżlazzjoni Taljana

    6

    Id-Digriet Leġiżlattiv Nru 152/2006, tal-4 ta’ April 2006, jipprovdi fl-Artikolu 285(1), intitolat “Karatteristiċi tekniċi”:

    “1. L-installazzjonijiet ċivili ta’ tisħin li għandhom saħħa termika nominali ogħla mill-livell massimu għandhom josservaw il-karatteristiċi tekniċi previsti fit-Taqsima II tal-Anness IX tat-Taqsima V ta’ dan id-digriet skont it-tip ta’ kombustibbli użat.”

    7

    L-Anness IX tal-imsemmi digriet, intitolat “installazzjonijiet ċivili ta’ tisħin” fit-Taqsima II intitolata “Rekwiżiti tekniċi u għall-bini”, jipprovdi:

    “2.

    Karatteristiċi taċ-ċmieni:

    […]

    2.7

    L-installazzjonijiet […] għandhom ikunu mgħammra bi ċmieni magħmula minn prodotti li għandhom il-marka ‘CE’. B’mod partikolari, dawn iċ-ċmieni għandhom:

    ikunu magħmula minn materjali mhux kombustibbli;

    […]”

    8

    Iċ-ċirkulari Nru 4853/2009 tal-Ministero dell’Interno — Dipartiment tal-pumpieri, tal-assistenza pubblika u tad-difiża ċivili — Direttorat Ċentrali tal-prevenzjoni u tas-sigurtà teknika (iktar ’il quddiem iċ-“ċirkulari kkontestata”) hija fformulata kif ġej:

    “[…] Is-sistemi ta’ kisi intern ta’ kanen tad-duħħan magħmula minn materjal tal-plastik […] jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 89/106/KEE. Sal-lum, ma jidhirx li jeżistu regoli speċifiċi ta’ armonizzazzjoni. L-unika regola mfassla mis-CEN li tapplika għall-kanen tad-duħħan magħmula minn materjali tal-plastik […] hija in-NE 1447: 2005 li fir-realtà teskludi espressament l-applikazzjonijiet li huma intiżi jimmodifikaw il-proprjetajiet tas-superfiċi u li huma f’kuntatt ma’ prodotti tal-kombustjoni. Għaldaqstant, l-immarkar CE ma huwiex possibbli fuq dawn is-sistemi ħlief b’riferiment għal approvazzjoni teknika Ewropea (ETA) mogħtija minn korp membru tal-EOTA.

    L-użu tal-prodotti inkwistjoni għandu jiġi eskluż fl-impjanti termiċi ċivili li għandhom saħħa nominali ogħla minn 35 kW;

    għall-impjanti termiċi li għandhom saħħa ta’ inqas minn 35 kW, [...] l-awtorità awtriċi ta’ din iċ-ċirkulari hija, fi kwalunkwe każ, tal-fehma li l-użu eventwali ta’ dawn il-prodotti għandu jiġi limitat esklużivament għal dawk li għandhom il-marka CE fuq il-bażi ta’ approvazzjoni teknika Ewropea, u huma installati skont l-użu previst mill-manifattur”.

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    9

    Elenca timporta u tiddistribwixxi fis-suq Taljan kisi fformat bis-sħana (thermoset), li jintefaħ u li jintuża għaċ-ċmieni u kanen tad-duħħan prodotti fl-Ungerija. Dan il-kisi jippermetti r-restawrar taċ-ċmieni qodma u tal-kanen tad-duħħan qodma mingħajr ma jsiru xogħlijiet tal-ġebel. Din it-teknoloġija ġiet introdotta f’diversi swieq Ewropej, b’mod partikolari fis-suq Taljan, filwaqt li ssostitwixxiet s-sistemi tradizzjonali użati preċedentement, li kienu jikkonsistu fl-installazzjoni ta’ kanen tad-duħħan esterni, essenzjalment tal-azzar li ma jsaddadx jew taċ-ċeramika, jew ta’ tubi riġidi ġewwa l-bini.

    10

    Skont Elenca, iċ-ċirkulari kkontestata, ibbażata fuq id-Digriet Leġiżlativ Nru 152/2006, jikser b’mod partikolari l-Artikoli 34 TFUE sa 37 TFUE sa fejn l-issuġġettar tal-possibbiltà li jiġi kkummerċjalizzat prodott li joriġina minn Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea (f’dan il-każ ir-Repubblika tal-Ungerija) għal rekwiżit tekniku — jiġifieri għat-twaħħil tal-marka CE — li huwa ma jistax jissodisfa peress li ma jeżistux normi armonizzati korrispondenti, jostakola fil-prattika l-possibbiltà ta’ importazzjoni u ta’ distribuzzjoni.

    11

    It-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (Qorti amministrattiva reġjonali ta’ Lazio) iddikkjara inammissibbli t-talba ta’ Elenca għall-annullament taċ-ċirkulari kkontestata, fuq il-bażi li din tal-aħħar ma kellhiex in-natura ta’ att regolatorju u għaldaqstant ma setgħatx tiġi appellata.

    12

    Elenca appellat quddiem il-Consiglio di Stato minn din id-deċiżjoni. Il-qorti tar-rinviju laqgħet l-appell ta’ Elenca, filwaqt li kkunsidrat li ċ-ċirkulari kkontestata kellha impatt fuq is-sitwazzjoni legali ta’ din il-kumpannija. Hija għandha l-istess dubji bħal din tal-aħħar dwar il-legalità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni.

    13

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Consiglio di Stato ddeċieda li jissospendi l-proċeduri u jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Iċ-ċirkolari kkontestata fl-ewwel istanza u r-regoli nazzjonali li ssir referenza għalihom huma kompatibbli mal-liġi Komunitarja u mar-regoli li ssir referenza speċifika għalihom? B’mod partikolari, iċ-ċirkolari u r-regoli nazzjonali jiksru l-prinċipji u r-regoli stabbiliti mid-Direttiva 89/106[...] dwar il-prodotti għall-bini, li bl-ebda mod ma timponi l-użu tas-simbolu CE, iżda, għall-kuntrarju, tipprovdi, (fl-Artikolu 6(1) u (2)[, tad-Direttiva 89/106]) li l-Istati Membri ‘ma għandhomx iwaqqfu il-moviment liberu, it-tqegħid fis-suq jew l-użu fit-territorju tagħhom ta’ prodotti li jissodisfaw id-dispożizzjonijiet’ ta’ din id-direttiva [89/106], u għandhom jiżguraw li, ’l-użu ta’ prodotti bħal dawn, għall-għan li ġew maħsuba għalih, ma jitwaqqfux minn regoli jew kundizzjonijiet imposti minn korpi pubbliċi jew korpi privati li jaġixxu bħala impriża pubblika jew f’isem korp pubbliku fuq bażi tal-pożizzjoni ta’ monopolju’ u jippermettu li ‘prodotti mhux koperti b’Artiklu 4 (2) [tad-Direttiva 89/106] jitqiegħdu fis-suq fit-territorju tagħhom jekk jissodisfaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali konsistenti mat-Trattat sakemm ma jingħatax lok mod ieħor mill-ispeċifikazzjonijiet tekniċi Ewropej li għalihom jirreferi l-Kapitoli II u III [ta’ din id-direttiva]’?

    2)

    Iċ-ċirkolari kkontestata u r-regoli nazzjonali invokati fiha jiksru, b’mod partikolari, l-Artikoli 34 sa 37 tat-Trattat KE, li jipprojbixxu restrizzjonijiet fuq importazzjonijiet u miżuri li għandhom effett ekwivalenti, sa fejn jissuġġettaw il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott li joriġina minn Stat Membru Komunitarju ieħor [tal-Unjoni], bħal fil-każ preżenti, għal rekwiżit tekniku, speċifikament, l-użu tas-simbolu CE — possibbli u legali biss jekk ikun hemm standard armonizzat korrispondenti — li jwassal għal projbizzjoni tal-importazzjoni u d-distribuzzjoni tal-prodott inkwistjoni fuq it-territorju tal-Italja, bi ksur tal-prinċipji stabbiliti mill-imsemmija dispożizzjonijiet tat-Trattat KE u mil-liġi Komunitarja, li jiżguraw kompetizzjoni ħielsa, billi jeżiġu prinċipji adegwati li jiżguraw trattament ugwali, kif ukoll trasparenza, proporzjonalità u rispett tad-drittijiet ta’ kull impriża?

    3)

    Skont ir-regoli Komunitarji ta’ kompetizzjoni effettiva fil-qasam li jirrigwarda din il-kawża, il-parlament nazzjonali u l-awtoritajiet amministrattivi kellhom jevitaw milli jadottaw il-miżuri leġiżlattivi li ssir referenza għalihom fiċ-ċirkolari [kkontestata] u fid-Digriet Leġiżlattiv Nru 152/2006?

    4)

    Fl-aħħar, il-pluraliżmu u l-kompetizzjoni fil-qasam inkwistjoni li huma żgurati mil-liġi Ewropea, huma protetti mir-regoli nazzjonali — bħad-Digriet Leġiżlattiv Nru 152/2006 (b’mod partikolari l-Artikolu 285 u l-paragrafi 2.7 u 3.4 tal-Anness IX tat-Taqsima II) — li jistabbilixxu u jimponu r-restrizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel domanda

    14

    Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva 89/106/KE għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi dispożizzjonijiet nazzjonali li jissuġġettaw ex officio l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti għall-bini, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li joriġinaw minn Stat Membru ieħor, għat-twaħħil tal-marka CE.

    15

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-Direttiva 89/106 għandha bħala għan prinċipali l-eliminazzjoni tal-ostakoli għall-kummerċ billi toħloq kundizzjonijiet li permezz tagħhom il-prodotti għall-bini jkunu jistgħu jiġu kkummerċjalizzati b’mod liberu fi ħdan l-Unjoni. Għal dan il-għan, din id-direttiva tippreċiża r-rekwiżiti essenzjali li għandhom jissodisfaw il-prodotti għall-bini u li għandhom jiġu implementati permezz ta’ normi armonizzati u ta’ normi nazzjonali ta’ traspożizzjoni, permezz ta’ approvazzjonijiet tekniċi Ewropej kif ukoll permezz ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi nazzjonali rikonoxxuti fuq livell tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-227/06, punt 31).

    16

    Huwa paċifiku li t-tubi li jintefħu għaċ-ċmieni u kanen tad-duħħan ikkontestati huma “prodotti għall-bini”, fis-sens tad-Direttiva 89/106.

    17

    Barra minn hekk, is-seduta ppermettiet li jintwera li l-imsemmija prodotti għall-bini la huma suġġetti għal norma armonizzata jew għal approvazzjoni teknika Ewropea u lanqas ta’ speċifikazzjoni teknika nazzjonali rrikonoxxuta fil-livell tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 89/106.

    18

    Issa, fir-rigward ta’ prodott għall-bini li ma huwiex kopert mill-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 89/106, l-Artikolu 6(2) ta’ din id-direttiva jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw it-tqegħid fis-suq ta’ dan il-prodott fit-territorju tagħhom jekk jissodisfa dispożizzjonijiet nazzjonali li jkunu konformi mat-Trattat, u dan sakemm l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi Ewropej ma jipprovdux mod ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33, kif ukoll tal-1 ta’ Marzu 2012, Ascafor u Asidac, C-484/10, punt 40).

    19

    Minn dan jirriżulta li Stat Membru ma jistax jeżiġi ex officio t-twaħħil tal-marka CE fuq prodotti għall-bini li ma huwiex kopert mill-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 89/106, li joriġina minn Stat Membru ieħor sabiex dan il-prodott ikun jista’ jiġi kkummerċjalizzat fit-territorju tiegħu. L-imsemmi Stat ma jistax jissottometti l-imsemmija kummerċjalizzazzjoni ħlief għal dispożizzjonijiet nazzjonali li jkunu konformi mal-obbligi li joħorġu mit-Trattat, b’mod partikolari mal-prinċipju tal-moviment liberu tal-merkanzija stabbilit fl-Artikoli 34 TFUE u fl-Artikolu 36 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, punt 34, kif ukoll Ascafor u Asidac, punt 50).

    20

    Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li d-Direttiva 89/106 għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi dispożizzjonijiet nazzjonali li jissuġġettaw ex officio l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti għall-bini, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li joriġinaw minn Stat Membru ieħor, għat-twaħħil tal-marka CE.

    Fuq it-tieni domanda

    21

    Permezz tat-tieni domanda, il-qorti essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 34 TFUE sa 37 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjonijiet nazzjonali li jissuġġettaw ex officio l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti għall-bini, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li joriġinaw minn Stat Membru ieħor, għat-twaħħil tal-marka CE.

    Fuq l-eżistenza ta’ ostakolu għall-moviment liberu tal-merkanzija

    22

    Skont ġurisdizzjoni stabbilita, kull leġiżlazzjoni kummerċjali tal-Istati Membri li tista’ tostakola, direttament jew indirettament, attwalment jew potenzjalment, il-kummerċ fi ħdan l-Unjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fis-sens tal-Artikolu 34 TFUE (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1974, Dassonville, 8/74, Ġabra p. 837, punt 5, u tat-2 ta’ Diċembru 2010, Ker-Optika, C-108/09, Ġabra p. I-12213, punt 47). Għaldaqstant, is-sempliċi fatt li jiġu skoraġġuti l-introduzzjoni jew il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti inkwistjoni fl-Istat Membru kkonċernat jikkostitwixxi, għall-importatur, ostakolu għall-moviment liberu tal-merkanzija (sentenza tat-12 ta’ Lulju 2012, C-171/11, Fra.bo, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    23

    Minn ġurisprudenza daqstant ieħor stabbilita jirriżulta li l-Artikolu 34 TFUE jirrifletti l-obbligu li jiġu osservati l-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ rikonoxximent reċiproku tal-prodotti mmanifatturati u kkummerċjalizzati legalment fi Stati Membri oħra kif ukoll l-obbligu li jiġi żgurat aċċess liberu għas-swieq nazzjonali għall-prodotti tal-Unjoni Ewropea (ara s-sentenzi tal-10 ta’ Frar 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-110/05, Ġabra p. I-519, punt 34 u Ker-Optika, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48).

    24

    F’dan il-każ, ir-rekwiżit relattiv għall-marka CE, previst mid-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti, minkejja li japplika mingħajr ebda distinzjoni, jipprojbixxi l-kummerċjalizzazzjoni fl-Italja tal-prodotti għall-bini kkontestati, ikkummerċjalizzati legalment fi Stati Membri oħrajn.

    25

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-obbligu tal-marka CE għandu jitqies li għandu l-effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva għall-importazzjoni fis-sens tal-Artikolu 34 TFUE u jikkostitwixxi, għaldaqstant, ostakolu għall-moviment liberu tal-merkanzija.

    Fuq il-ġustifikazzjoni tal-ostakolu għall-moviment liberu tal-merkanzija

    26

    Huwa paċifiku li ostakolu għall-moviment liberu tal-merkanzija jista’ jiġi ġġustifikat b’raġunijiet ta’ interess ġenerali msemmija fl-Artikolu 36 TFUE jew b’rekwiżiti imperattivi. Fiż-żewġ każijiet, il-miżura nazzjonali għandha tkun adegwata sabiex tiggarantixxi li jintlaħaq l-għan mixtieq u ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq (ara s-sentenza ċċitata iktar ’il fuq, Ker-Optika, punt 57, kif ukoll Ascafor u Asidac, punt 58).

    27

    F’dan il-każ, il-Gvern Taljan jenfasizza li l-leġiżlazzjoni nazzjonali kkontestata hija ġġustifikata mill-għan ta’ protezzjoni tas-siġurtà pubblika, tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni inkwantu hija intiża sabiex tiggarantixxi li l-prodotti tat-tip inkwistjoni jissodisfaw ir-rekwiziti ta’ sigurtà meħtieġa.

    28

    Għalkemm, f’dan ir-rigward, huwa minnu li, fl-assenza ta’ regoli ta’ armonizzazzjoni, huwa l-obbligu tal-Istati Membri sabiex jiddeċiedu dwar il-livell sa fejn jixtiequ jiżguraw il-protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni u dwar in-neċessità tal-ispezzjoni tal-prodotti kkonċernati meta jkunu qegħdin jintużaw (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Ġunju 1996, Brandsma, C-293/94, Ġabra p. I-3159, punt 11, u tal-10 ta’ Novembru 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C-432/03, Ġabra p. I-9665, punt 44), għandu madankollu jiġi kkonstatat li leġiżlazzjoni li tipprojbixxi, b’mod awtomatiku u assolut, il-kummerċjalizzazzjoni fit-territorju nazzjonali ta’ prodotti legalment ikkummerċjalizzati fi Stati Membri oħrajn peress li l-imsemmija prodotti ma jkollhomx il-marka CE, ma hijiex kompatibbli mar-rekwiżit ta’ proporzjonalità impost mid-dritt tal-Unjoni.

    29

    Fil-fatt, hekk kif jenfasizzaw b’mod paritkolari, il-Gvern Ungeriż u l-Kummissjoni, dan ir-rekwiżit strett tal-marka CE li jipprekludi, mill-bidu nett, l-applikazzjoni stess tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ prodotti li għalihom il-leġiżlatur Ewropew ma wettaqx armonizzazzjoni sħiħa jew ma stabbilixxiex approvazzjonijiet tekniċi Ewropej, filwaqt li jipprojbixxi l-istħarriġ tal-osservanza, mill-prodotti kkontestati, tar-rekwiżiti ta’ sigurtà meħtieġa fuq il-bażi tal-proċeduri ta’ omologazzjoni u ta’ ċertifikazzjoni mwettqa fl-Istat Membru ta’ oriġini, imur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan ta’ sigurtà mfittex.

    30

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikoli 34 TFUE sa 37 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjonijiet nazzjonali li jissuġġettaw ex officio l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti għall-bini, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li joriġinaw minn Stat Membru ieħor, għat-twaħħil tal-marka CE.

    Fuq it-tielet u r-raba’ domanda

    31

    Għal dak li jirrigwarda t-tielet u r-raba’ domanda, għandu jiġi kkonstatat qabel kollox li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni li l-qorti tar-rinviju titlob l-interpretazzjoni tagħhom, huma manifestament inapplikabbli f’kuntest bħal dak tal-kawża prinċipali.

    32

    Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li t-tielet u r-raba’ domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju huma inammissibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2010, C-393/08, Sbarigia, p. I-6337, punti 29 u 38).

    Fuq l-ispejjeż

    33

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Id-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar l-approssimazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar il-prodotti għall-bini, kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ Settembru 2003, għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi dispożizzjonijiet nazzjonali li jissuġġettaw ex officio l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti għall-bini, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li joriġinaw minn Stat Membru ieħor, għat-twaħħil tal-marka CE.

     

    2)

    L-Artikoli 34 TFUE sa 37 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjonijiet nazzjonali li jissuġġettaw ex officio l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti għall-bini, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li joriġinaw minn Stat Membru ieħor, għat-twaħħil tal-marka CE.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

    Top