Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CJ0307

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tad-19 ta’ Ġunju 2012.
    Chartered Institute of Patent Attorneys vs Registrar of Trade Marks.
    [talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn The Person Appointed by the Lord Chancellor under Section 76 of The Trade Marks Act 1994, on Appeal from the Registrar of Trade Marks ir-Renju Unit].
    Trade marks — Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri — Direttiva 2008/95/KE — Identifikazzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom tintalab il-protezzjoni tat-trade mark — Rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni — Użu tal-intestaturi tal-klassijiet tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tat-trade marks — Ammissibbiltà — Portata tal-protezzjoni mogħtija mit-trade mark.
    Kawża C‑307/10.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:361

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

    19 ta’ Ġunju 2012 ( *1 )

    “Trade marks — Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri — Direttiva 2008/95/KE — Identifikazzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom tintalab il-protezzjoni tat-trade mark — Rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni — Użu tal-intestaturi tal-klassijiet tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tat-trade marks — Ammissibbiltà — Portata tal-protezzjoni mogħtija mit-trade mark”

    Fil-Kawża C-307/10,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa minn The Person Appointed by the Lord Chancellor under Section 76 of the Trade Marks Act 1994, on Appeal from the Registrar of Trade Marks (ir-Renju Unit), b’deċiżjoni tas-27 ta’ Mejju 2010, imressqa mill-High Court of Justice (Queen’s Bench Division) u li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Ġunju 2010, fil-kawża

    Chartered Institute of Patent Attorneys

    vs

    Registrar of Trade Marks,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

    komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, J.-C. Bonichot, J. Malenovský u U. Lõhmus (Relatur), Presidenti ta’ Awla, M. Ilešič, E. Levits, A. Ó Caoimh, T. von Danwitz, A. Arabadjiev u C. Toader, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: Y. Bot,

    Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Ottubru 2011,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għaċ-Chartered Institute of Patent Attorneys, minn M. Edenborough, QC,

    għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Hathaway, bħala aġent, assistit minn S. Malynicz, barrister,

    għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u V. Štencel, bħala aġenti,

    għall-Gvern Daniż, minn C. Vang, bħala aġent,

    għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Kemper, bħala aġenti,

    għall-Irlanda, minn N. Travers, BL,

    għall-Gvern Franċiż, minn B. Cabouat, G. de Bergues u S. Menez, bħala aġenti,

    għall-Gvern Awstrijak, minn E. Riedl, bħala aġent,

    għall-Gvern Pollakk, minn M. Szpunar, bħala aġent,

    għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, bħala aġent,

    għall-Gvern Slovakk, minn B. Ricziová, bħala aġent,

    għall-Gvern Finlandiż, minn J. Heliskoski, bħala aġent,

    għall-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), minn D. Botis u R. Pethke, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. W. Bulst u J. Samnadda, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-29 ta’ Novembru 2011,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU L 299, p. 25).

    2

    Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kwistjoni bejn iċ-Chartered Institute of Patent Attorneys (iktar ’il quddiem is-“CIPA”) u r-Registrar of Trade Marks (awtorità kompetenti fil-qasam tar-reġistrazzjonijiet tat-trade marks fir-Renju Unit, iktar ’il quddiem ir-“Registrar”) fir-rigward taċ-ċaħda, minn dan tal-aħħar, li jirreġistra s-sinjal verbali “IP TRANSLATOR” bħala trade mark nazzjonali.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt internazzjonali

    3

    Fuq il-livell internazzjonali, id-dritt tat-trade marks huwa rregolat mill-Konvenzjoni għall-protezzjoni tal-proprjetà industrijali, iffirmata f’Pariġi fl-20 ta’ Marzu 1883, irriveduta l-aħħar fi Stokkolma fl-14 ta’ Lulju 1967 u emendata fit-28 ta’ Settembru 1979 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 828, Nru 11851, p. 305, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Pariġi”). L-Istati Membri kollha huma firmatarji ta’ din il-konvenzjoni.

    4

    Skont l-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, l-Istati li għalihom tapplika din il-konvenzjoni jirriżervaw id-dritt li jadottaw b’mod separat, bejniethom, arranġamenti partikolari għall-protezzjoni tal-proprjetà industrijali.

    5

    Din id-dispożizzjoni kienet il-bażi għall-adozzjoni tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-Klassifikazzjoni internazzjonali tal-prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tat-trade marks, adottat fil-konferenza diplomatika ta’ Nice fil-15 ta’ Ġunju 1957, rivedut l-aħħar f’Genève fit-13 ta’ Mejju 1977 u emendat fit-28 ta’ Settembru 1979 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1154, Nru I-18200, p. 89, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Nice”). Skont l-Artikolu 1 ta’ dan il-ftehim:

    “1)   Il-pajjiżi li għalihom japplika dan il-Ftehim jikkostitwixxu Unjoni partikolari u jadottaw klassifikazzjoni komuni tal-prodotti u tas-servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tat-trade marks [iktar ’il quddiem il-“Klassifikazzjoni ta’ Nice”].

    2)   Il-Klassifikazzjoni [ta’ Nice] tinkludi:

    i)

    lista ta’ klassijiet, flimkien ma’, jekk ikun il-każ, noti ta’ spjega;

    ii)

    lista alfabetika tal-prodotti u tas-servizzi […], bl-indikazzjoni tal-klassi li fiha jitpoġġa kull prodott jew servizz.

    […]”

    6

    L-Artikolu 2 tal-Ftehim ta’ Nice, intitolat “Portata legali u applikazzjoni tal-Klassifikazzjoni”, huwa mfassal b’dan il-mod:

    “1)   Mingħajr preġudizzju għall-obbligi imposti mill-preżenti Ftehim, il-portata tal-Klassifikazzjoni [ta’ Nice] hija dik li ġiet attribwita lilha minn kull pajjiż tal-Unjoni partikolari. B’mod partikolari, il-klassifikazzjoni [ta’ Nice] la torbot lill-pajjiżi tal-Unjoni partikolari f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-portata tal-protezzjoni tat-trade mark, u lanqas f’dak li jirrigwarda r-rikonoxximent tat-trade marks fir-rigward ta’ servizzi.

    2)   Kull wieħed mill-pajjiżi tal-Unjoni partikolari jirriżerva l-fakultà li japplika l-Klassifikazzjoni [ta’ Nice] bħala sistema prinċipali jew bħala sistema sussidjarja.

    3)   L-amministrazzjonijiet kompetenti tal-pajjiżi tal-Unjoni partikolari għandhom jinkludu fid-dokumenti u fil-pubblikazzjonijiet uffiċjali tar-reġistrazzjonijiet tat-trade marks in-numri tal-klassijiet tal-Klassifikazzjoni [ta’ Nice] li taħthom jaqgħu l-prodotti jew is-servizzi li għalihom hija reġistrata t-trade mark.

    4)   Il-fatt li isem jidher fil-lista alfabetika [tal-prodotti u tas-servizzi] bl-ebda mod ma jolqot id-drittijiet li jistgħu ikunu jeżistu fuq dan l-isem.”

    7

    Il-Klassifikazzjoni ta’ Nice hija amministrata mill-Bureau Internazzjonali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO). Il-lista tal-klassijiet ta’ din il-klassifikazzjoni fiha, mill-1 ta’ Jannar 2002, 34 klassi ta’ prodotti u 11-il klassi ta’ servizzi. Kull klassi hija indikata b’indikazzjoni ġenerali waħda jew iktar normalment imsejħa “intestatura tal-klassi”, li jindikaw b’mod ġenerali l-oqsma li bħala prinċipju jiffurmaw parti minnhom il-prodotti jew is-servizzi ta’ din il-klassi. Il-lista alfabetika tal-prodotti u tas-servizzi tinkludi madwar 12000 reġistrazzjoni.

    8

    B’mod konformi mal-gwida tal-utent tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice, sabiex tiġi żgurata l-klassifikazzjoni korretta ta’ kull prodott jew servizz, għandha tiġi kkonsultata l-lista alfabetika tal-prodotti u tas-servizzi kif ukoll in-noti ta’ spjega li jikkonċernaw lid-diversi klassijiet. Jekk prodott jew servizz ma jistax jiġi kklassifikat bl-għajnuna tal-lista tal-klassijiet, tan-noti ta’ spjega jew tal-lista alfabetika tal-prodotti u tas-servizzi, ir-rimarki ġenerali jsemmu l-kriterji li jkollhom jiġu applikati.

    9

    Skont id-database tal-WIPO, minn fost l-Istati Membri huma biss ir-Repubblika ta’ Ċipru u r-Repubblika ta’ Malta li ma humiex firmatarji tal-Ftehim ta’ Nice, iżda xorta jużaw il-Klassifikazzjoni ta’ Nice.

    10

    Il-Klassifikazzjoni ta’ Nice hija riveduta kull ħames snin minn kumitat ta’ esperti. Id-disa’ edizzjoni, li kienet fis-seħħ fiż-żmien meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, ġiet sostitwita, mill-1 ta’ Jannar 2012, bit-tieni edizzjoni.

    Id-dritt tal-Unjoni

    Id-Direttiva 2008/95

    11

    Id-Direttiva 2008/95 issostitwixxiet l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 1989, L 40, p. 1).

    12

    Skont il-premessi 6, 8, 11 u 13 tad-Direttiva 2008/95:

    “(6)

    L-Istati Membri għandhom jibqgħu […] liberi li jiffissaw id-dispożizzjonijiet ta’ proċedura dwar ir-reġistrazzjoni, ir-revokazzjoni u n-nullità’ tat-trade marks miksuba mir-reġistrazzjoni. […]

    […]

    (8)

    Il-kisba ta’ l-għanijiet li għalihom taspira din l-approssimazzjoni tal-liġijiet [tal-Istati Membri] tirrikjedi li l-kondizzjonijiet għall-kisba u ż-żamma ta’ trade mark reġistrata ikunu ġeneralment identiċi fl-Istati Membri kollha. […]

    […]

    (11)

    Il-protezzjoni mogħtija lit-trade marks reġistrati, li l-funzjoni tagħhom hi partikolarment li jiggarantixxu t-trade mark bhala indikazzjoni ta’ oriġini, għandha tkun assoluta fil-każ ta’ identità bejn il-marka u s-sinjal u l-merkanzija jew is-servizzi. […]

    […]

    (13)

    L-Istati Membri kollha huma marbuta mill-Konvenzjoni ta’ Pariġi […]. Huwa meħtieġ li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jkunu għal kollox konsistenti ma’ dawk tal-Konvenzjoni msemmija. Din id-Direttiva m’għandhiex tinċidi fuq l-obbligi ta’ l-Istati Membri li jirriżultaw minn dik il-Konvenzjoni. […]”

    13

    L-Artikolu 3(1) u (3) tad-Direttiva 2008/95 jipprovdi:

    “1.   Is-segwenti m’għandhomx jiġu reġistrati jew, jekk jiġu reġistrati, għandhom ikunu suxxettibbli għal dikjarazzjoni ta’ nullità:

    […]

    b)

    trade marks li ma għandhom l-ebda karatteristika distintiva;

    c)

    trade marks li jikkonsistu esklussivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jistgħu jservu, fil-kummerċ, sabiex jindikaw it-tip, kwalità, kwantità, skop intiż, valur, oriġini ġeografika, jew iż-żmien ta’ produzzjoni tal-merkanzija jew ta’ l-għoti tas-servizz, jew karatteristiċi oħra tal-merkanzija jew tas-servizz;

    […]

    3.   Trade mark m’għandhiex tiġi rifjutata reġistrazzjoni jew tiġi dikjarata nulla skond il-paragrafu 1 (b), (c) jew (d) jekk, qabel id-data ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni u wara l-użu magħmul minnha, hi akkwistat karattru distintiv. Kwalunkwe Stat Membru jista’ addizzjonalment jistipula li din id-dispożizzjoni għandha tapplika wkoll fejn il-karatteristika distintiva kienet akkwistata wara d-data ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jew wara d-data tar-reġistrazzjoni.”

    14

    L-Artikolu 4(1)(a) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

    “1.   Trade mark m’għandhiex tiġi reġistrata jew, jekk reġistrata, għandha tkun suxxettibbli għal dikjarazzjoni ta’ nullità:

    a)

    jekk tkun identika għal trade mark preċedenti, u l-merkanzija jew is-servizzi li għalihom it-trade mark hi applikata jew reġistrata jkunu identiċi għall-merkanzija jew servizzi li għalihom it-trade mark preċedenti hi protetta”.

    Il-Komunikazzjoni Nru 4/03

    15

    Il-Komunikazzjoni Nru 4/03 tal-president tal-Uffiċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), tas-16 ta’ Ġunju 2003, dwar l-użu ta’ intestaturi ta’ klassijiet fil-listi ta’ prodotti u servizzi għall-applikazzjonijiet u r-reġistrazzjonijiet ta’ trade marks Komunitarji (ĠU UASI 9/03, p. 1647), għandha l-għan, b’mod konformi mal-punt I tagħha, li tispjega u li tiċċara l-prattika tal-UASI “dwar l-użu ta’ intestaturi ta’ klassijiet u l-konsegwenzi ta’ dan l-użu meta l-applikazzjonijiet jew ir-reġistrazzjonijiet ta’ trade marks Komunitarji jkunu suġġetti għal limitazzjoni jew rinunzja parzjali jew meta jkunu involuti fi proċedimenti ta’ oppożizzjoni jew ta’ kanċellazzjoni”.

    16

    Skont it-tieni subparagrafu tal-punt III tal-Komunikazzjoni msemmija:

    “Il-fatt li jintużaw l-indikazzjonijiet ġenerali jew l-intestaturi ta’ klassi sħaħ previsti fil-Klassifikazzjoni ta’ Nice jikkostitwixxi speċifikazzjoni korretta tal-prodotti u tas-servizzi f’applikazzjoni għal trade mark Komunitarja. L-użu ta’ dawn l-indikazzjonijiet jippermetti klassifikazzjoni u ragruppament korretti. L-[UASI] ma jipprekludix l-użu ta’ indikazzjonijiet ġenerali u ta’ intestaturi ta’ klassi mill-fatt li huma wisq vagi jew indefiniti, kuntrarjament għall-prattika ta’ ċerti uffiċċji nazzjonali tal-Unjoni Ewropea u ta’ pajjiżi terzi fir-rigward ta’ ċerti intestaturi ta’ klassi u ta’ ċerti indikazzjonijiet ġenerali.”

    17

    L-ewwel subparagrafu tal-punt IV tal-Komunikazzjoni Nru 4/03 jipprovdi:

    “L-34 klassi ta’ prodotti u l-11-il klassi ta’ servizzi jinkludu l-prodotti u s-servizzi kollha, u konsegwentement dak l-użu tal-indikazzjonijiet ġenerali kollha tal-intestatura ta’ klassi għal klassi partikolari tikkostitwixxi pretensjoni fir-rigward tal-prodotti jew tas-servizzi kollha li jifformaw parti minn din il-klassi partikolari.”

    Id-dritt Ingliż

    18

    Id-Direttiva 89/104 ġiet trasposta fid-dritt Ingliż bil-Liġi tal-1994 dwar it-trade marks (Trade Marks Act 1994, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-1994”).

    19

    B’mod konformi mal-Artikolu 32(2)(c) ta’ din il-liġi, l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni għandha b’mod partikolari tinkludi “l-indikazzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni”.

    20

    Skont l-Artikolu 34(1) tal-istess liġi:

    “1.   Għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tat-trade marks, il-prodotti jew is-servizzi għandhom jiġu kklassifikati skont il-klassifikazzjoni stabbilita.

    2.   Kull kwistjoni dwar il-klassi li jifformaw parti minnha l-prodotti jew is-servizzi għandha tiġi deċiża mir-Registrar, li d-deċiżjoni tiegħu ma hijiex appellabbli.”

    21

    Il-Liġi tal-1994 hija kkompletata bir-Regolament dwar it-trade marks (Trade Mark Rules 2008) li jittratta l-prattika u l-proċedura quddiem l-Uffiċċju tal-proprjetà intelletwali tar-Renju Unit (UKIPO). Skont ir-regola 8(2)(b) ta’ dan ir-Regolament, l-applikant għandu jispeċifika l-prodotti u s-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark nazzjonali sabiex tintwera b’mod ċar in-natura tagħhom.

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    22

    Fis-16 ta’ Ottubru 2009, is-CIPA ressqet talba għar-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni “IP TRANSLATOR” bħala trade mark nazzjonali abbażi tal-Artikolu 32 tal-Liġi tal-1994. Sabiex tidentifika s-servizzi kkonċernati minn din ir-reġistrazzjoni, is-CIPA użat it-termini ġenerali tal-intestatura tal-klassi 41 tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice, jiġifieri “Edukazzjoni; taħriġ; divertiment; attivitajiet sportivi u kulturali”.

    23

    B’deċiżjoni tat-12 ta’ Frar 2010, ir-Registrar ċaħad din it-talba fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jikkorrispondu għall-Artikolu 3(1)(b) u (c) u (3) tad-Direttiva 2008/95. Fil-fatt, ir-Registrar interpreta l-applikazzjoni msemmija b’mod konformi mal-Komunikazzjoni Nru 4/03 u kkonkluda li din kienet tkopri mhux biss servizzi tat-tip speċifikat mis-CIPA, iżda anki kull servizz ieħor li jifforma parti mill-klassi 41 tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice, inklużi s-servizzi ta’ traduzzjoni. Għal dawn l-aħħar servizzi, id-denominazzjoni “IP TRANSLATOR”, min-naħa waħda, hija nieqsa minn karattru distintiv u, min-naħa l-oħra, għandha karattru deskrittiv. Barra minn hekk, ma teżisti l-ebda prova li s-sinjal verbali “IP TRANSLATOR” kien kiseb, qabel id-data tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, karattru distintiv permezz tal-użu f’dak li jirrigwarda s-servizzi ta’ traduzzjoni. Is-CIPA lanqas ma talbet sabiex dawn is-servizzi jiġu esklużi mill-applikazzjoni tagħha għal reġistrazzjoni tat-trade mark.

    24

    Fil-25 ta’ Frar 2010, is-CIPA ppreżentat appell minn din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, fejn sostniet li l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tagħha ma kinitx tindika, u għalhekk ma kinitx tkopri s-servizzi ta’ traduzzjoni li jifformaw parti mill-imsemmija klassi 41. Għal din ir-raġuni, l-oġġezzjonijiet għar-reġistrazzjoni mressqa mir-Registrar huma żbaljati u l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tagħha ġiet miċħuda b’mod żbaljat.

    25

    Skont il-qorti tar-rinviju, ma huwiex ikkontestat li s-servizzi ta’ traduzzjoni ma humiex normalment ikkunsidrati bħala sottokategoriji tas-servizzi ta’ “edukazzjoni”, ta’ “taħriġ”, ta’ “divertiment”, ta’ “attivitajiet sportivi” jew ta’ “attivitajiet kulturali”.

    26

    Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, minbarra l-lista alfabetika tal-prodotti u tas-servizzi li tinkludi 167 entrata li jsemmu fid-dettall is-servizzi tal-klassi 41 tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice, id-database amministrata mir-Registrar għall-finijiet tal-Liġi tal-1994 tinkludi iktar minn 2000 entrata li jsemmu fid-dettall is-servizzi li jifformaw parti mill-imsemmija klassi 41, u d-database Euroace, amministrata mill-UASI għall-finijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1), tinkludi iktar minn 3 000.

    27

    Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, għalkemm l-approċċ tar-Registrar kien korrett, dawn l-entrati kollha, inklużi s-servizzi ta’ traduzzjoni, huma koperti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tas-CIPA. F’dan il-każ, din l-applikazzjoni tkopri prodotti jew servizzi li ma humiex imsemmija fiha u lanqas f’xi reġistrazzjoni li tirriżulta minnha. Fil-fehma tagħha, tali interpretazzjoni tkun inkompatibbli mal-ħtiġijiet ta’ ċarezza u preċiżjoni li permezz tagħhom għandhom jiġu identifikati l-prodotti jew is-servizzi differenti koperti minn applikazzjoni għal trade mark.

    28

    Il-qorti tar-rinviju ssemmi wkoll investigazzjoni mwettqa fl-2008 mill-Association of European Trade Mark Owners (Marques), li wriet li l-prattika tvarja skont l-Istati Membri peress li ċerti awtoritajiet kompetenti japplikaw l-approċċ interpretattiv stabbilit mill-Komunikazzjoni Nru 4/03, filwaqt li oħrajn jadottaw approċċ differenti.

    29

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, The Person Appointed by the Lord Chancellor under Section 76 of the Trade Marks Act 1994, on Appeal from the Registrar of Trade Marks, iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “Fil-kuntest tad-Direttiva 2008/95 […]:

    1)

    Huwa neċessarju li d-diversi prodotti jew servizzi koperti b’appplikazzjoni għal trade mark ikunu identifikati bi kjarezza u preċiżjoni, u, jekk iva, sa liema punt preċiżament?

    2)

    Huwa permissibbli l-użu ta’ termini ġenerali tal-intestaturi tal-klassijiet tal-klassifikazzjoni [ta’ Nice] sabiex jiġu identifikati d-diversi prodotti jew servizzi koperti b’applikazzjoni għal trade mark?

    3)

    Huwa neċessarju jew permessibbli li tali użu ta’ termini ġenerali tal-intestaturi tal-klassijiet tal-imsemmija klassifikazzjoni […] jiġi interpretat skont il-Komunikazzjoni Nru 4/03 […]?”

    Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

    30

    Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, l-UASI jsostni li t-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi ddikjarata inammissibbli minħabba li din għandha karattru artifiċjali, b’tali mod li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi preliminari tkun irrilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali. Il-Kummissjoni Ewropea wkoll tesprimi dubji fir-rigward tal-bżonn reali tar-reġistrazzjoni inkwistjoni.

    31

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza kostanti, il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għalihom sabiex jinqatgħu l-kawżi li jkunu tressqu quddiemhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 1992, Meilicke, C-83/91, Ġabra p. I-4871, punt 22, u tal-24 ta’ Marzu 2009, Danske Slagterier, C-445/06, Ġabra p. I-2119, punt 65).

    32

    Fil-kuntest ta’ din il-kooperazzjoni, id-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Iċ-ċaħda mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ domanda mressqa minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jkun jidher manifestament li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex twieġeb b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Ottubru 2003, Traunfellner, C-421/01, Ġabra p. I-11941, punt 37; tal-5 ta’ Diċembru 2006, Cipolla et, C-94/04 u C-202/04, Ġabra p. I-11421, punt 25, kif ukoll tal-1 ta’ Ġunju 2010, Blanco Pérez u Chao Gómez, C-570/07 u C-571/07, Ġabra p. I-4629, punt 36).

    33

    Madankollu, dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża. Fil-fatt, ma huwiex ikkontestat li l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark ġiet effettivament ippreżentata u li r-Registrar irrifjutaha, minkejja li dan ma segwiex il-prassi abitwali tiegħu. Barra minn hekk, l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba mill-qorti tar-rinviju tirrispondi b’mod effettiv għall-bżonn oġġettiv inerenti għas-soluzzjoni ta’ kawża pendenti quddiemha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2005, Mangold, C-144/04, Ġabra p. I-9981, punt 38).

    34

    Minn dan isegwi li din it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi kkunsidrata bħala ammissibbli.

    Fuq id-domandi preliminari

    35

    Permezz tat-tliet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva 2008/95 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li din teżiġi li l-prodotti u s-servizzi li għalihom tintalab il-protezzjoni permezz tat-trade mark ikunu identifikati b’ċertu livell ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni. Fl-affermattiv, il-qorti tar-rinviju trid tkun taf jekk, fid-dawl tar-rekwiżit ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni msemmija, id-Direttiva 2008/95 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li din tipprekludi li l-applikant għat-trade mark nazzjonali jidentifika l-prodotti u s-servizzi msemmija billi juża l-indikazzjonijiet ġenerali tal-intestaturi tal-klassijiet tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice u li l-użu tal-indikazzjonijiet ġenerali kollha tal-intestaturi tal-klassijiet partikolari tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice jitqies bħala pretensjoni fir-rigward tal-prodotti u s-servizzi kollha li jiffurmaw parti minn din il-klassi partikolari.

    36

    Qabel kollox għandu jitfakkar li l-għan tal-protezzjoni mogħtija mit-trade mark, hekk kif inhu speċifikat fil-premessa 11 tad-Direttiva 2008/95, huwa b’mod partikolari dak li tiżgura l-funzjoni tal-oriġini tagħha, jiġifieri li tiżgura lill-konsumatur jew lill-untent finali l-identità tal-oriġini tal-prodott jew tas-servizz ikkonċernat mit-trade mark, biex b’hekk ikun jista’ jagħmel distinzjoni mingħajr konfużjoni possibbli dan il-prodott jew servizz minn dawk li għandhom provenjenza oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ Settembru 1998, Canon, C-39/97, Ġabra p. I-5507, punt 28; tat-12 ta’ Diċembru 2002, Sieckmann, C-273/00, Ġabra p. I-11737, punti 34 u 35, kif ukoll tal-11 ta’ Ġunju 2009, Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli, C-529/07, Ġabra p. I-4893, punt 45).

    37

    Isegwi li r-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark għandha dejjem tintalab fir-rigward ta’ ċerti prodotti jew servizzi. Għalkemm ir-rappreżentazzjoni grafika tas-sinjal f’applikazzjoni għal reġistrazzjoni għandha l-iskop li tiddefinixxi l-għan eżatt tal-protezzjoni mogħtija mit-trade mark (ara s-sentenza Sieckmann, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48), il-portata ta’ din il-protezzjoni hija ddeterminata min-natura u min-numru tal-prodotti u tas-servizzi li huma identifikati fl-applikazzjoni msemmija.

    Fuq ir-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni għall-identifikazzjoni tal-prodotti u tas-servizzi

    38

    Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li ebda dispożizzjoni tad-Direttiva 2008/95 ma tirregola direttament il-kwistjoni tal-identifikazzjoni tal-prodotti u tas-servizzi kkonċernati.

    39

    Madankollu, din il-konstatazzjoni ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li d-determinazzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade mark nazzjonali hija kwistjoni li ma tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/95.

    40

    Fil-fatt, għalkemm huwa minnu li mill-premessa 6 tad-Direttiva 2008/95 jirriżulta li l-Istati Membri għandhom il-libertà kollha li jiffissaw id-dispożizzjonijiet tal-proċedura b’mod partikolari fir-rigward tar-reġistrazzjoni tat-trade marks (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Lulju 2005, Praktiker Bau- und Heimwerkermärkte, C-418/02, Ġabra p. I-5873, punt 30, u tal-14 ta’ Ġunju 2007, Häupl, C-246/05, Ġabra p. I-4673, punt 26), xorta jibqa’ l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-determinazzjoni tan-natura u tal-kontenut tal-prodotti u tas-servizzi li jistgħu jkunu protetti minn trade mark irreġistrata ma taqax taħt id-dispożizzjonijiet relattivi għall-proċeduri ta’ reġistrazzjoni, iżda taħt il-kundizzjonijiet sostantivi għall-kisba tad-dritt mogħti mit-trade mark (sentenza Praktiker Bau- und Heimwerkermärkte, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31).

    41

    F’dan ir-rigward, il-premessa 8 tad-Direttiva 2008/95 tenfasizza li t-twettiq tal-għanijiet imfittxija mill-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri jippresupponi li l-ksib tad-dritt fuq it-trade mark irreġistrata huwa fil-prinċipju suġġett, fl-Istati Membri kollha, għall-istess kundizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Sieckmann, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36; tat-12 ta’ Frar 2004, Koninklijke KPN Nederland, C-363/99, Ġabra p. I-1619, punt 122, u tat-22 ta’ Settembru 2011, Budějovický Budvar, C-482/09, Ġabra p. I-8701, punt 31).

    42

    Fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni għall-identifikazzjoni tal-prodotti u tas-servizzi kkunsidrati minn applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark, għandu jiġi kkonstatat li l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/95 tiddependi ħafna fuq il-kwistjoni jekk il-prodotti jew is-servizzi kkonċernati minn trade mark irreġistrata humiex indikati b’ċarezza u bi preċiżjoni biżżejjed.

    43

    B’mod partikolari, il-kwistjoni jekk it-trade mark tidħolx jew le taħt waħda mir-raġunijiet għal rifjut tar-reġistrazzjoni tat-trade marks jew ta’ nullità tat-trade marks irreġistrati stabbiliti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/95 għandha tiġi evalwata in concreto fil-konfront tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom issir l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni (ara s-sentenzi Koninklijke KPN Nederland, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33, u tal-15 ta’ Frar 2007, BVBA Management, Training en Consultancy, C-239/05, Ġabra p. I-1455, punt 31).

    44

    Bl-istess mod, ir-raġunijiet ulterjuri għal rifjut jew għal nullità li jikkonċernaw konflitti ma’ drittijiet preċedenti stabbiliti fl-Artikolu 4(1) tad-direttiva msemmija jippreżupponu l-identiċità jew ix-xebh tal-prodotti jew tas-servizzi koperti miż-żewġ trade marks konfliġġenti.

    45

    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, għalkemm ma huwiex neċessarju li s-servizz jew servizzi li għalihom issir applikazzjoni għal reġistrazzjoni jiġu msemmija b’mod konkret, peress li l-identifikazzjoni tagħhom tista’ tkun biżżejjed bl-użu ta’ formoli ġenerali, min-naħa l-oħra l-applikant għandu jkun meħtieġ li jispeċifika l-prodotti jew it-tipi ta’ prodotti kkonċernati minn dawn is-servizzi permezz ta’, pereżempju, indikazzjonijiet oħra iktar preċiżi. Fil-fatt, tali dettalji jistgħu jiffaċilitaw l-applikazzjoni tal-artikoli tad-Direttiva 2008/95 msemmija fil-punti preċedenti, mingħajr madankollu ma tiġi limitata ħafna l-protezzjoni mogħtija lit-trade mark (ara, b’analoġija, is-sentenza Praktiker Bau- und Heimwerkermärkte, iċċitata iktar ’il fuq, punti 49 sa 51).

    46

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-reġistrazzjoni tat-trade mark f’reġistru pubbliku għandha l-għan li tagħmilha aċċessibbli għall-awtoritajiet kompetenti u għall-pubbliku, b’mod partikolari għall-operaturi ekonomiċi (sentenzi Sieckmann, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49, u tal-24 ta’ Ġunju 2004, Heidelberger Bauchemie, C-49/02, Ġabra p. I-6129, punt 28).

    47

    Minn naħa, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu jafu b’ċarezza u bi preċiżjoni biżżejjed il-prodotti jew is-servizzi koperti minn trade mark sabiex ikunu f’pożizzjoni li jissodisfaw l-obbligi tagħhom fir-rigward tal-eżami preliminari tal-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni kif ukoll fir-rigward tal-pubblikazzjoni u taż-żamma ta’ reġistru xieraq u preċiż tat-trade marks (ara, b’analoġija, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Sieckmann, punt 50, kif ukoll Heidelberger Bauchemie, punt 29).

    48

    Min-naħa l-oħra, l-operaturi ekonomiċi għandhom ikunu jistgħu jiżguraw irwieħhom, b’ċarezza u preċiżjoni, mir-reġistrazzjonijiet magħmula jew mill-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ppreżentati mill-kompetituri attwali u potenzjali tagħhom u b’hekk li jibbenefikaw minn informazzjoni rilevanti li tikkonċerna d-drittijiet ta’ terzi persuni (sentenzi ċċitata iktar ’il fuq Sieckmann, punt 51, kif ukoll Heidelberger Bauchemie, punt 30).

    49

    Konsegwentement, id-Direttiva 2008/95 teżiġi li l-prodotti jew is-servizzi li għalihom tintalab il-protezzjoni permezz tat-trade mark jiġu identifikati mill-applikant b’ċarezza u bi preċiżjoni biżżejjed sabiex l-awtoritajiet kompetenti u l-operaturi ekonomiċi jkunu jistgħu, fuq din il-bażi biss, jiddeterminaw il-portata tal-protezzjoni mitluba.

    Fuq l-użu tal-indikazzjonijiet ġenerali tal-intestaturi ta’ klassi tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice

    50

    Għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 2008/95 ma fiha ebda riferenza għall-Klassifikazzjoni ta’ Nice u, konsegwentement, ma timponi ebda obbligu u lanqas projbizzjoni fuq l-Istati Membri li jużaw il-Klassifikazzjoni ta’ Nice għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tat-trade marks nazzjonali.

    51

    Madankollu, l-obbligu li jintuża dan l-istrument jirriżulta mill-Artikolu 2(3) tal-Ftehim ta’ Nice li jipprovdi li l-amministrazzjonijiet kompetenti tal-Istati tal-Unjoni partikolari, li jinkludi l-kważi totalità tal-Istati Membri, għandhom juru fit-titoli u fil-pubblikazzjonijiet uffiċjali tar-reġistrazzjonijiet tat-trade marks in-numri tal-klassijiet tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice li jappartjenu għalihom il-prodotti jew is-servizzi li għalihom it-trade mark ġiet irreġistrata.

    52

    Peress li l-Ftehim ta’ Nice ġie adottat b’applikazzjoni tal-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi u peress li d-Direttiva 2008/95, skont il-premessa 13 tagħha, ma hijiex intiża sabiex tolqot l-obbligi tal-Istati Membri li jirriżultaw minn din il-konvenzjoni, għandu jiġi kkonstatat li din id-direttiva ma tipprekludix li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jeżiġu jew jaċċettaw li l-applikant għal trade mark nazzjonali jidentifika l-prodotti u s-servizzi li fil-konfront tagħhom jitlob il-protezzjoni tat-trade mark billi juża l-Klassifikazzjoni ta’ Nice.

    53

    Madankollu, sabiex jiġi żgurat l-effett utli tad-Direttiva 2008/95 u l-funzjonament tajjeb tas-sistema ta’ reġistrazzjoni tat-trade marks, tali identifikazzjoni għandha tissodisfa r-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni meħtieġa minn din id-direttiva, hekk kif ikkonstatat fil-punt 49 ta’ din is-sentenza.

    54

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li xi wħud mill-indikazzjonijiet ġenerali li jinsabu fl-intestaturi ta’ klassi tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice huma, minnhom infushom, ċari u preċiżi biżżejjed sabiex jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti u lill-operaturi ekonomiċi li jiddeterminaw il-portata tal-protezzjoni mogħtija mit-trade mark, filwaqt li oħrajn ma jistgħux jissodisfaw dan ir-rekwiżit peress li huma ġenerali wisq u jkopru prodotti jew servizzi wisq varjati sabiex ikunu kompatibbli mal-funzjoni tal-oriġini tat-trade mark.

    55

    Għalhekk, huma l-awtoritajiet kompetenti li għandhom jagħmlu evalwazzjoni każ b’każ, skont il-prodotti jew is-servizzi li għalihom l-applikant jitlob il-protezzjoni mogħtija mit-trade mark, sabiex jiddeterminaw jekk dawn l-indikazzjonijiet jissodisfawx ir-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni meħtieġa.

    56

    Konsegwentement, id-Direttiva 2008/95 ma tipprekludix l-użu tal-indikazzjonijiet ġenerali tal-intestaturi ta’ klassi tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice sabiex jiġu identifikati l-prodotti u s-servizzi li għalihom tintalab il-protezzjoni permezz tat-trade mark, sakemm tali identifikazzjoni tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti u lill-operaturi ekonomiċi li jiddeterminaw il-portata tal-protezzjoni mitluba.

    Fuq il-portata tal-protezzjoni li tirriżulta mill-użu tal-indikazzjonijiet ġenerali kollha tal-intestatura ta’ klassi partikolari

    57

    Għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li huwa possibbli li ssir applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark jew għat-totalità tal-prodotti jew tas-servizzi koperti minn klassi tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice, jew għal xi wħud biss minn dawn il-prodotti jew servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Koninklijke KPN Nederland, iċċitata iktar ’il fuq, punt 112).

    58

    Mid-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll mill-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li fil-preżent jeżistu żewġ approċċi fir-rigward tal-użu tal-indikazzjonijiet ġenerali tal-intestaturi ta’ klassi tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice, jiġifieri l-approċċ li jikkorrispondi għal dak li jirriżulta mill-Komunikazzjoni Nru 4/03, li tgħid li l-użu tal-indikazzjonijiet ġenerali kollha tal-intestaturi ta’ klassi partikolari tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice jikkostitwixxi pretensjoni fir-rigward tal-prodotti jew tas-servizzi kollha li jifformaw parti minn din il-klassi partikolari, u l-approċċ litterali intiż sabiex jagħti t-tifsira naturali u abitwali lit-termini użati f’dawn l-indikazzjonijiet.

    59

    F’dan ir-rigward, il-parti l-kbira tal-partijiet preżenti waqt is-seduta osservaw, b’risposta għal domanda magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, li l-eżistenza, fl-istess ħin, ta’ dawn iż-żewġ approċċi tista’ taffettwa l-funzjonament tajjeb tas-sistema ta’ trade marks tal-Unjoni. B’mod partikolari, ġie enfasizzat li ż-żewġ approċċi jistgħu jwasslu għal diverġenza fil-portata ta’ protezzjoni ta’ trade mark nazzjonali jekk din tiġi rreġistrata f’diversi Stati Membri, iżda wkoll fil-konfront tal-istess trade mark jekk din tiġi rreġistrata wkoll bħala trade mark Komunitarja. Tali diverġenza tista’ tolqot, fost oħrajn, ir-riżultati ta’ proċediment ta’ vjolazzjoni, peress li din jista’ jkollha iktar suċċess fl-Istati Membri li jsegwu l-approċċ tal-Komunikazzjoni Nru 4/03.

    60

    Barra minn hekk, is-sitwazzjoni fejn il-portata tal-protezzjoni mogħtija mit-trade mark tiddependi mill-approċċ interpretattiv adottat mill-awtorità kompetenti u mhux mir-rieda effettiva tal-applikant tirriskja li tikser iċ-ċertezza legali kemm għall-imsemmi applikant kif ukoll għall-operaturi ekonomiċi terzi.

    61

    Għalhekk, bil-għan li josserva r-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni, imsemmija iktar ’il fuq, l-applikant għal trade mark nazzjonali li juża l-indikazzjonijiet ġenerali kollha tal-intestatura ta’ klassi partikolari tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice sabiex jidentifika l-prodotti jew is-servizzi li għalihom tintalab il-protezzjoni tat-trade mark, għandu jispeċifika jekk l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tiegħu tirrigwardax il-prodotti jew is-servizzi kollha elenkati fil-lista alfabetika tal-klassi partikolari kkonċernata jew jekk tirrigwardax biss lil xi wħud minn dawn il-prodotti jew servizzi. Fil-każ fejn l-applikazzjoni tkun tirrigwarda biss lil xi wħud mill-prodotti jew servizzi msemmija, l-applikant ikun marbut li jispeċifika liema prodotti jew servizzi li jiffurmaw parti minn din il-klassi huma koperti.

    62

    Applikazzjoni għal reġistrazzjoni li ma tippermettix li jiġi stabbilit jekk, bl-użu tal-intestatura ta’ klassi partikolari tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice, l-applikant jirreferix għall-prodotti kollha f’din il-klassi jew għal parti minnhom biss, ma tistax titqies bħala ċara u preċiża biżżejjed.

    63

    Għalhekk, fil-kawża prinċipali, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk is-CIPA, meta użat l-indikazzjonijiet ġenerali kollha tal-intestatura tal-klassi 41 tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice, speċifikatx fl-applikazzjoni tagħha jekk din kinitx tkopri jew le s-servizzi kollha ta’ din il-klassi u, b’mod partikolari, jekk l-applikazzjoni tagħha kinitx tirrigwarda jew le s-servizzi ta’ traduzzjoni.

    64

    Għaldaqstant, ir-risposti għad-domandi li saru għandhom ikunu fis-sens li:

    id-Direttiva 2008/95 għandha tiġi interpretata fis-sens li din teżiġi li l-prodotti jew is-servizzi li għalihom tintalab il-protezzjoni permezz tat-trade mark jiġu identifikati mill-applikant b’ċarezza u bi preċiżjoni biżżejjed sabiex l-awtoritajiet kompetenti u l-operaturi ekonomiċi jkunu jistgħu, fuq din il-bażi biss, jiddeterminaw il-portata tal-protezzjoni mogħtija mit-trade mark;

    id-Direttiva 2008/95 għandha tiġi interpretata fis-sens li din ma tipprekludix l-użu tal-indikazzjonijiet ġenerali tal-intestaturi ta’ klassi tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice sabiex jiġu identifikati l-prodotti u s-servizzi li għalihom tintalab il-protezzjoni permezz tat-trade mark, sakemm tali identifikazzjoni tkun ċara u preċiża biżżejjed;

    l-applikant għal trade mark nazzjonali li juża l-indikazzjonijiet ġenerali kollha tal-intestatura ta’ klassi partikolari tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice sabiex jidentifika l-prodotti jew is-servizzi li għalihom tintalab il-protezzjoni tat-trade mark, għandu jispeċifika jekk l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tiegħu tirrigwardax il-prodotti jew is-servizzi kollha elenkati fil-lista alfabetika ta’ din il-klassi jew jekk tirrigwardax biss lil xi wħud minn dawn il-prodotti jew servizzi. Fil-każ fejn l-applikazzjoni tkun tirrigwarda biss lil xi wħud mill-prodotti jew servizzi msemmija, l-applikant ikun marbut li jispeċifika liema prodotti jew servizzi li jiffurmaw parti mill-klassi msemmija huma koperti.

    Fuq l-ispejjeż

    65

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    Id-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks, għandha tiġi interpretata fis-sens li din teżiġi li l-prodotti jew is-servizzi li għalihom tintalab il-protezzjoni permezz tat-trade mark jiġu identifikati mill-applikant b’ċarezza u bi preċiżjoni biżżejjed sabiex l-awtoritajiet kompetenti u l-operaturi ekonomiċi jkunu jistgħu, fuq din il-bażi biss, jiddeterminaw il-portata tal-protezzjoni mogħtija mit-trade mark.

     

    Id-Direttiva 2008/95 għandha tiġi interpretata fis-sens li din ma tipprekludix l-użu tal-indikazzjonijiet ġenerali tal-intestaturi ta’ klassijiet tal-klassifikazzjoni stabbilita fl-Artikolu 1 tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-Klassifikazzjoni internazzjonali tal-prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tat-trade marks, adottat fil-konferenza diplomatika ta’ Nice fil-15 ta’ Ġunju 1957, rivedut l-aħħar f’Genève fit-13 ta’ Mejju 1977 u emendat fit-28 ta’ Settembru 1979, sabiex jiġu identifikati l-prodotti u s-servizzi li għalihom tintalab il-protezzjoni permezz tat-trade mark sakemm tali identifikazzjoni tkun ċara u preċiża biżżejjed.

     

    L-applikant għal trade mark nazzjonali li juża l-indikazzjonijiet ġenerali kollha tal-intestatura ta’ klassi partikolari tal-klassifikazzjoni stabbilita fl-Artikolu 1 tal-imsemmi Ftehim ta’ Nice sabiex jidentifika l-prodotti jew is-servizzi li għalihom tintalab il-protezzjoni tat-trade mark għandu jispeċifika jekk l-applikazzjoni tiegħu tirrigwardax il-prodotti jew is-servizzi kollha elenkati fil-lista alfabetika ta’ din il-klassi jew biss lil xi wħud minn dawn il-prodotti jew servizzi. Fil-każ fejn l-applikazzjoni tkun tirrigwarda biss lil xi wħud mill-prodotti jew servizzi msemmija, l-applikant ikun marbut li jispeċifika liema prodotti jew servizzi li jiffurmaw parti mill-klassi msemmija huma koperti.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    Top