Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CJ0148

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tat-13 ta' Ottubru 2011.
    DHL International NV, magħrufa qabel bħala Express Line NV vs Belgisch Instituut voor Postdiensten en Telecommunicatie.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Hof van beroep te Brussel - il-Belġju.
    Servizzi postali - Proċeduri esterni għat-trattament ta’ lmenti mressqa mill- utenti - Direttiva 97/67/KE - Artikolu 19 - Kamp ta’ applikazzjoni - Natura addizzjonali tal-mezzi ta’ rikors possibbli taħt id-dritt nazzjonali u d-dritt tal-Unjoni - Marġni ta’ manuvra tal-Istati Membri - Limiti - Artikolu 49 TFUE - Libertà ta’ stabbiliment.
    Kawża C-148/10.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2011 I-09543

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:654

    Kawża C-148/10

    DHL International NV, li kienet Express Line NV

    vs

    Belgisch Instituut voor Postdiensten en Telecommunicatie

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hof van beroep te Brussel)

    “Servizzi postali — Proċeduri esterni għall-ipproċessar tal-ilmenti mressqa mill-utenti — Direttiva 97/67/KE — Artikolu 19 — Kamp ta’ applikazzjoni — Natura addizzjonali tar-rimedji possibbli taħt id-dritt nazzjonali u d-dritt tal-Unjoni — Marġni ta’ manuvra tal-Istati Membri — Limiti — Artikolu 49 TFUE — Libertà ta’ stabbiliment”

    Sommarju tas-sentenza

    1.        Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Servizzi postali — Direttiva 97/67 — Obbligu għall-fornituri ta’ servizzi postali li jaqgħu taħt is-servizz universali li jistabbilixxu proċeduri esterni ta’ pproċessar tal-ilmenti tal-utenti

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 97/67, kif emendata bid-Direttivi 2002/39 u 2008/6, Artikolu 19)

    2.        Moviment liberu tal-persuni — Libertà ta’ stabbiliment — Restrizzjonijiet — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga lill-fornituri ta’ servizzi postali li ma jaqgħux taħt is-servizz universali li jistabbilixxu proċedura esterna ta’ pproċessar tal-ilmenti tal-utenti

    (Artikolu 49 TFUE)

    1.        Id-Direttiva 97/67, dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz, fil-verżjoni inizjali tagħha kif ukoll kif emendata bid-Direttiva 2002/39 u 2008/6, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li trendi obbligatorju, għall-fornituri ta’ servizzi postali li ma jaqgħux taħt is-servizz universali, proċedura esterna ta’ pproċessar tal-ilmenti tal-utenti ta’ dawn is-servizzi.

    Fil-fatt, id-Direttiva 97/67 ma twassalx għal armonizzazzjoni kompleta fir-rigward tal-proċeduri ta’ pproċessar tal-ilmenti li tipprovdi għalihom. Fil-verżjoni inizzjali tagħha bħal fil-verżjonijiet emendati, hija tikkonċepixxi l-imsemmija proċeduri bħala qafas minimu li jikkumplimenta rimedji miftuħa mid-dritt nazzjonali u mid-dritt tal-Unjoni. L-Istati Membri għalhekk għandhom marġni ta’ manuvra sabiex jiffissaw il-proċeduri preċiżi u jagħżlu sistema li hija l-iktar adattata għas-sitwazzjoni partikolari tagħhom, filwaqt li jiġu rrispettati l-limiti u l-orjentazzjonijiet imposti minn din id-direttiva u li huma intiżi sabiex jestendu l-proċeduri ta’ pproċessar tal-ilmenti għal kull fornitur tas-servizzi postali.

    (ara l-punti 35, 40, 47, 52, id-dispożittiv 1)

    2.        L-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li trendi obbligatorja għall-fornituri li ma jaqgħux taħt is-servizz universali proċedura esterna ta’ pproċessar tal-ilmenti tal-utenti ta’ dawn is-servizzi.

    Fil-fatt, tali leġiżlazzjoni ma tinkludi l-ebda restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment. L-ewwel nett, hija applikata, mingħajr distinzjoni ta’ nazzjonalità, għal kull fornitur ta’ servizzi postali li ma jaqax taħt is-servizz universali. Sussegwentement, l-operaturi ma jistgħux jippretendu li Stat Membru ma jkollux strutturi ta’ protezzjoni ġuridika fl-interessi tal-klijenti tagħhom li joffru metodi għas-soluzzjoni extraġudizzjarja tat-tilwim. Fl-aħħar nett, il-kważi totalità tal-Istati Membri estendew is-sistemi esterni ta’ pproċessar tal-ilmenti lill-fornituri ta’ servizzi postali li ma jaqgħux taħt is-servizz universali.

    (ara l-punti 61, 62, 64, id-dispożittiv 2)







    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

    13 ta’ Ottubru 2011 (*)

    “Servizzi postali – Proċeduri esterni għall-ipproċessar tal-ilmenti mressqa mill-utenti – Direttiva 97/67/KE – Artikolu 19 – Kamp ta’ applikazzjoni – Natura addizzjonali tar-rimedji possibbli taħt id-dritt nazzjonali u d-dritt tal-Unjoni – Marġni ta’ manuvra tal-Istati Membri – Limiti – Artikolu 49 TFUE – Libertà ta’ stabbiliment”

    Fil-Kawża C‑148/10,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hof van beroep te Brussel (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Marzu 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Marzu 2010, fil-proċedura

    DHL International NV, li kienet Express Line NV

    vs

    Belgisch Instituut voor Postdiensten en Telecommunicatie,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

    komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, J. Malenovský, R. Silva de Lapuerta (Relatur), E. Juhász u D. Šváby, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

    Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta’ Marzu 2011,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    –        għal DHL International NV, li kienet Express Line NV, minn F. Vandendriessche u J. Roets, avukati,

    –        għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs, bħala aġent, assistita minn F. Petillion, avukat, u J. Jansen, avukat,

    –        għall-Gvern Pollakk, minn M. Szpunar, bħala aġent,

    –        għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Lozano Palacios u P. Van Nuffel, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta’ Mejju 2011,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Diċembru 1997, dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t‑titjib fil-kwalità tas-servizz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 71) u b’mod partikolari l-Artikolu 19 tagħha, ta’ din id-direttiva kif emendata bid-Direttiva 2002/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-10 ta’ Ġunju 2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 316) u ta’ din l-istess direttiva kif emendata bid-Direttiva 2008/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Frar 2008, (ĠU L 52, p. 3), kif ukoll tal-Artikolu 49 TFUE.

    2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn DHL International NV, li kienet Express Line NV (iktar ’il quddiem “Express Line”) u Belgisch Instituut voor Postdiensten en Telecommunicatie (Istitut Belġjan tas-servizzi postali u l‑komunikazzjonijiet, iktar ’il quddiem l-“IBPT”), dwar il-ħlas ta’ kontribuzzjoni għas-servizz ta’ medjazzjoni tas-servizz postali li Express Line ġiet ikkundannata tħallas.

     Il-kuntest ġuridiku

     Id-dritt tal-Unjoni

    3        Il-premessi 10 u 35 tad-Direttiva 97/67 jipprovdu:

    “(10) Billi, skond il-prinċipji tas-sussidjarjetà, sett ta’ prinċipji ġenerali għandu jiġi adottat fuq livell Komunitarju, waqt li l-għażla tal-proċeduri eżatti għandha tibqa’ f’idejn l-Istati Membri, li għandhom ikunu ħielsa li jagħżlu s‑sistema l-aktar adattata għaċ-ċirkostanzi tagħhom;

    […]

    (35)      Billi l-ħtieġa ta’ titjib fil-kwalità tas-servizz tfisser li l-kwistjonijiet għandhom jissolvew malajr u b’mod effiċjenti; billi, minbarra l-forom ta’ rimedju legali disponibbli taħt il-liġi nazzjonali u tal-Komunità, għandha tiġi pprovduta proċedura għall-ilmenti, li għandha tkun trasparenti, sempliċi u ma tiswiex ħafna u għandha tkun tippermetti lill-partijiet relevanti li jipparteċipaw”.

    4        L-Artikolu 2(1), (14) u (17) tad-Direttiva 97/67 jipprovdi:

    “Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, it-tifsiriet li ġejjin għandhom japplikaw:

    1)      servizzi postali: servizzi li jinvolvu l-ikklerjar, l-issortjar, it-trasport u l‑kunsinna ta’ oġġetti postali;

    […]

    14)      awtorizzazzjonijiet: tfisser kull permess li jistabbilixxi d-drittijiet u l-obbligi speċifiċi għas-settur postali u li jippermettu lill-intrapriżi li jipprovdu servizzi postali u, fejn japplika, li jiġu stabbiliti u/jew jitħaddmu networks postali għall-provvista ta’ dawk is-servizzi, fil-forma ta’ ‘awtorizzazzjoni ġenerali’ jew ‘liċenzja individwali’ kif imfisser hawn taħt:

    -      ‘awtorizzazzjoni ġenerali’ tfisser awtorizzazzjoni, irrispettivament jekk tkunx regolata minn ‘klassi ta’ liċenzji’ jew taħt liġi ġenerali u irrispettivament jekk dik ir-regolamentazzjoni teħtieġx reġistrazzjoni jew proċeduri ta’ dikjarazzjoni, li ma teħtieġx li l-intrapriża involuta tikseb deċizjoni espliċita mill-awtorità nazzjonali regolatorja qabel ma teżerċita d-drittijiet li joħorġu mill-awtorizzazzjoni,

    -      ‘liċenzja individwali’ tfisser awtorizzazzjoni li tingħata mill-awtorità nazzjonali regolatorja u li tagħti lill-intrapriża drittijiet speċifiċi jew li tissuġġetta t-tħaddim ta’ l-intrapriża għall-obbligi speċifiċi li jissupplimentaw l-awtorizzazzjoni ġenerali meta din tkun applikabbli, meta l-intrapriża ma tkunx intitolata teżerċita d-drittijiet konċernati sakemm ma tkunx irċeviet id-deċiżjoni mill-awtorità nazzjonali regolatorja;

    […]

    17)      ‘konsumaturi’: kull persuna fiżika jew ġuridika li tibbenefika minn provvista ta’ servizz universali bħala l-mittenti jew id-destinatarju.”

    5        Skont l-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 97/67, l-Istati Membri għandhom jaħtru fornitur jew fornituri tas-servizz universali, fejn dan is-servizz ikun jikkorrispondi għal offerta ta’ servizzi postali ta’ kwalità partikolari pprovduti b’mod permanenti fuq kull parti tat-territorju għal prezzijiet konvenjenti għall-utenti kollha. F’dak li jikkonċerna l-fornituri mhux magħżula, l-Istati Membri jistgħu jintroduċu, skont l‑Artikolu 9 tad-Direttiva 97/67, jew awtorizzazzjonijiet ġenerali, għas-servizzi postali li ma jaqgħux taħt is-servizz universali, jew proċeduri ta’ awtorizzazzjoni, inkluż liċenzji individwali, għas-servizzi postali li jaqgħu taħt is-servizz universali.

    6        Barra minn hekk, l-Istati Membri setgħu, b’mod ġenerali, jirriżervaw, sal-31 ta’ Diċembru 2010, sa fejn dan kien neċessarju għaż-żamma tas-servizz universali, servizzi postali għall-fornitur(i) tas-servizz universali, skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 97/67.

    7        Skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 97/67:

    “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li proċeduri trasparenti, sempliċi u rħas jiġu stabbiliti sabiex jittrattaw l-ilmenti tal-konsumaturi, b’mod partikolari fil-każijiet li jinvolvu telf, serq, ħsara jew nuqqas ta’ konformità ma’ l-istandards ta’ kwalità tas-servizz.

    L-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri sabiex jiżguraw li dawk il-proċeduri li jippermettu li l-kwistjonijiet jiġu solvuti b’mod ġust u malajr u li jipprovdu, fejn meħtieġ, għal sistema ta’ rifużjoni u/jew kumpens.

    Mingħajr preġudizzju għall-possibiltajiet l-oħra ta’ appell taħt leġislazzjoni nazzjonali jew tal-Komunità, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konsumaturi, waqt li jaġixxu individwalment jew, meta dan ikun permess mill-liġi nazzjonali, flimkien ma’ organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-utenti u/jew konsumaturi, jkunu jistgħu jressqu quddiem l-awtorità kompetenti nazzjonali każijiet fejn l‑ilmenti tal-konsumatur lill-fornitur ta’ servizz universali ma jkunux ġew riżolti b’mod sodisfaċenti.

    Skond l-Artikolu 16, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri ta’ servizzi universali jippubblikaw, flimkien mar-rapport annwali dwar is-sorveljanza tal-prestazzjoni tagħhom, tagħrif dwar in-numru ta’ lmenti u l-mod li bih ikunu ġew trattati”.

    8        Il-premessa 28 tad-Direttiva 2002/38 tipprovdi:

    “Jista’ jkun approprjat għal awtoritajiet regolatorji nazzjonali li jorbtu l‑introduzzjoni ta’ liċenzi mal-ħtiġiet li konsumaturi tas-servizzi tal-liċenzjati għandu jkollhom proċeduri trasparenti, sempliċi u mhux għoljin disponibbli lilhom biex jittrattaw l-ilmenti tagħhom, minkejja l-fatt ta’ jekk jirrelatawx għas-servizzi tal-provditur (i) tas-servizz universali jew għal dawk ta’ operaturi fil-pussess ta’ awtorizzazzjonijiet, inklużi detenturi individwali ta’ liċenza, Jista’ wkoll ikun approprjat li dawn il-proċeduri jkunu disponibbli lill-utenti tas-servizzi postali kollha, kemm jekk huma servizzi universali u kemm jekk le. Dawn il‑proċeduri għandhom jinkludu proċeduri biex tiġi determinata responsabbiltà fil-każ ta’ telf ta’, jew ħsara lil, oġġetti tal-posta”.

    9        L-Artikolu 19 tad-Direttiva 97/67, kif emendata bid-Direttiva 2002/39 jipprovdi:

    “Stati Membri għandhom jassiguraw li proċeduri trasparenti, sempliċi u mhux għaljin jitfaslu biex jiġu trattati ilmenti ta’ utenti, partikolarment f każijiet li jinvolvu telf, serq, ħsara jew non-konformità ma’ standards ta’ kwalità ta’ servizz (inklużi proċeduri biex jiġideterminat fejn hi r-responsabbiltà f’każijiet fejn iktar minn operatur wieħed hu involut).

    L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li dan il-prinċipju huwa wkoll applikat lil benefiċjarji ta’ servizzi li huma:

    –        barra l-qasam ta’ applikazzjoni tas-servizz universali kif definit fl-Artikolu 3, u

    –        fil-qasam ta’ applikazzjoni tas-servizz universali kif definit fl-Artikolu 3, imma li mhumiex provduti mill-provditur tas-servizz universali.

    L-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri sabiex jasiguraw li l-proċeduri msemmija fl-ewwel subparagrafu jippermettu li disputazzjonijiet jiġu riżoluti b’mod ġust u malajr b’disposizzjoni, meta garantita, għal sistema ta' rimbors u/jew kumpens.

    Mingħajr preġudizzju għall-possibiltajiet l-oħra ta’ appell taħt leġislazzjoni nazzjonali jew tal-Komunità, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konsumaturi, waqt li jaġixxu individwalment jew, meta dan ikun permess mill-liġi nazzjonali, flimkien ma’ organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-utenti u/jew konsumaturi, jkunu jistgħu jressqu quddiem l-awtorità kompetenti nazzjonali każijiet fejn l‑ilmenti tal-konsumatur lill-fornitur ta’ servizz universali ma jkunux ġew riżolti b’mod sodisfaċenti.

    Skond l-Artikolu 16, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri ta’ servizzi universali jippubblikaw, flimkien mar-rapport annwali dwar is-sorveljanza tal-prestazzjoni tagħhom, tagħrif dwar in-numru ta’ lmenti u l-mod li bih ikunu ġew trattati.”

    10      Il-premesa 42 tad-Direttiva 2008/6 tipprovdi:

    “(42) F’konformità mar-regoli fis-seħħ f’oqsma oħrajn tas-settur tas-servizzi biex tiżdied il-protezzjoni tal-konsumatur, jixraq li tiġi estiża l-applikazzjoni tal-prinċipji minimi dwar il-proċeduri ta’ lment lil hinn mill-fornituri ta’ servizz universali. Bil-ħsieb li tiżdied l-effettività tal-proċeduri tat-trattament ta’ ilmenti, jixraq li jkun imħeġġeġ l-użu ta’ proċeduri ta’ riżoluzzjoni barra mill-qorti, kif stabbilit fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 98/257/KE tat-30 ta’ Marzu 1998 rigward il-prinċipji applikabbli għall-korpi responsabbli għar-riżoluzzjoni ta’ tilwim tal-konsumaturi [ĠU L 115, p. 31] barra mill-qorti u r-Rakkomandazzjoni 2001/310/KE tal-Kummissjoni ta’ l‑4 ta’ April 2001 rigward il-prinċipju għall-korpi extraġudizzjarji involuti fis-soluzzjoni konsenswali ta’ tilwim tal- konsumaturi [ĠU L 109, p. 56]. L‑interessi tal-konsumaturi jkomplu javvanzaw ukoll permezz ta’ l‑interoperabbiltà msaħħa bejn l-operaturi li tirriżulta mill-aċċess għal ċerti elementi ta’ l-infrastruttura u s-servizzi, u l-ħtieġa għal kooperazzjoni bejn l‑awtoritajiet regolatorji nazzjonali u l-korpi għall-protezzjoni tal-konsumaturi.

          Sabiex jiġu protetti l-interessi ta’ l-utenti fil-każ ta’ serq jew telf ta’, jew ħsara għal, oġġetti postali, meta jkunu garantiti, l-Istati Membri għandhom jintroduċu, fejn xieraq, sistema ta’ rimborż u/jew kumpens”.

    11      L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 97/67, kif emendata bid-Direttiva 2008/6 jipprovdi:

    “Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, it-tifsiriet li ġejjin għandhom japplikaw

    […]

    (17) utent: kull persuna fiżika jew ġuridika li tibbenefika minn forniment ta’ servizz postali bħala mittenti jew indirizzat”.

    12      L-Artikolu 19 tad-Direttiva 97/67, kif emendata bid-Direttiva 2008/6 jipprovdi:

    “1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu disponibbli proċeduri trasparenti, sempliċi u mhux għaljin mill-fornituri ta’ servizz postali kollha biex jiġu ttrattati lmenti ta’ utenti tal-posta, b’mod partikolari f’każijiet li jinvolvu telf, serq, ħsara jew non-konformità ma’ l-istandards ta’ kwalità tas-servizz (inklużi proċeduri biex jiġi determinat min hu responsabbli f’każijiet fejn ikunu involuti aktar minn operatur wieħed), mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet internazzjonali u nazzjonali rilevanti dwar l-iskemi ta’ kumpens.

    L-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri sabiex jiżguraw li l-proċeduri msemmijin fl-ewwel subparagrafu jippermettu li t-tilwim jiġi solvut b’mod ġust u malajr, bil-forniment ta’ sistema ta’ rimborż u/jew kumpens, meta dan ikun iġġustifikat.

    L-Istati Membri għandhom ukoll jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta’ skemi indipendenti ta’ barra mill-qorti għar-riżoluzzjoni ta’ tilwim bejn il-fornituri ta’ servizz postali u l-utenti.

    2.      Mingħajr preġudizzju għal possibilitajiet oħrajn ta’ appell jew ta’ mezzi għal rikors skond il-leġislazzjoni nazzjonali u Komunitarja, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-utenti, filwaqt li jaġixxu individwalment jew, meta dan ikun permess mil-leġislazzjoni nazzjonali, flimkien ma’ organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l‑interessi ta’ l-utenti u/jew tal-konsumaturi, jkunu jistgħu jressqu quddiem l‑awtorità kompetenti nazzjonali każijiet fejn l-ilmenti ta’ l-utenti lill-impriżi li jipprovdu servizzi postali fl-ambitu tas-servizz universali ma jkunux ġew solvuti b’mod sodisfaċenti.

    Bi qbil ma’ l-Artikolu 16, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri ta’ servizzi universali u, fejn ikun il-każ, l-impriżi li jipprovdu servizzi fl-ambitu tas-servizz universali, jippubblikaw, flimkien mar-rapport annwali dwar is‑sorveljanza tal-prestazzjoni tagħhom, tagħrif dwar in-numru ta’ lmenti u l-mod li bih ikunu ġew ittrattati”.

     Id-dritt nazzjonali

    13      Il-liġi tal-21 ta’ Marzu 1991, li tirriforma ċerti impriżi pubbliċi ekonomiċi (Belgisch Staatsblad tas-27 ta’ Marzu 1991, p. 6155), kif emendata bid-Digriet Irjali tad-9 ta’ Ġunju 1999 (Belgisch Staatsblad tat-18 ta’ Awwissu 1999, p. 30697), ittrasponiet, fost liġijiet oħra, id-Direttiva 97/67 fl-ordinament ġuridiku Belġjan.

    14      Din il-liġi taħtar fornitur tas-servizz universali u tirriżerva għal dan il-fornitur ċerti servizzi postali. Il-fornitura ta’ servizz postali mhux irriżervat li taqa’ taħt is‑servizz universali hija suġġetta għall-għoti ta’ liċenzja individwali. Barra minn hekk, il-forniment ta’ servizz postali li ma jkunx jaqa’ taħt is-servizz univerali huwa suġġett, fost kundizzjonijiet oħra, għal dikjarazzjoni lill-IBPT.

    15      L-imsemmija liġi, kif emendata bil-liġi tal-21 ta’ Diċembru 2006, li tinkludi dispożizzjonijiet intiżi għall-ħolqien tas-servizz ta’ medjazzjoni għas-settur postali u li temenda l-liġi tat-13 ta’ Ġunju 2005, dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi (Belgisch Staatsblad tat-23 ta’ Jannar 2007, p. 2965, iktar ’il quddiem il-“liġi tal-1991”), tipprovdi fl-Artikolu 43b:

    “§ 1. Qed jiġi stabbilit, fi ħdan l-[IBPT], servizz ta’ medjazzjoni għas-settur postali, li għandu jkun kompetenti f’oqsma li jikkonċernaw l-utenti tal-impriżi segwenti

    1°      [il-fornitur tas-servizz universali];

    2°      l-impriżi li joffru servizzi postali […] li l-offerta tagħhom tirrikjedi liċenzja […];

    3°      l-impriżi li joffru servizzi postali […], li l-offerta tagħhom tirrikjedi dikjarazzjoni […].

    L-oqsma li jikkonċernaw lill-utenti, huma dawk l-oqsma li jikkonċernaw l‑interessi tal-utenti li ma joffrux is-servizz postali huma stess.

    […]

    § 3.      Is-servizz ta’ medjazzjoni għas-settur postali għandu l-għanijiet segwenti:

    1°      jinvestiga l-ilmenti kollha tal-utenti relatati:

    a)      mal-attivitajiet [tal-fornitur tas-servizz universali], […]

    b)      mal-attivitajiet postali tal-impriżi stabbiliti f’punti 2 u 3 tal-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu.

    2°      Għall-applikazzjoni ta’ dan il-kapitolu, b’attivitajiet postali għandu jinftiehem:

    […]

    3°      l-intervent biex jiġi ffaċilitat il-kompromess amikevoli tal-kwistjonijiet bejn l-impriżi msemmija fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu u l-utenti;

    4°      li tindirizza rakkomandazzjoni lill-impriżi msemmija fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu f’każ fejn ma jistax jintlaħaq kompromess amikevoli. Għandha tintbagħat kopja tar-rakkomandazzjoni lil min iressaq l-ilment;

    5°      li tiggwida fl-aħjar interess u drittijiet tagħhom, lill-utenti li jduru fuqu bil-miktub jew bil-fomm; […].

    6°      li tagħti, fuq talba tal-ministru li għandu s-settur postali taħt ir‑responsabbiltà tiegħu jew tal-ministru responsabbli għall-protezzjoni tal-konsumaturi jew tal-[IBPT] u tat-telekomunikazzjoni jew tal-kumitat konsultattiv għas-servizzi postali, opinjonijiet fil-kuntest tal-missjonijiet tagħhom;

    7°      tikkollabora ma’:

    a)      kummissjonijiet settorjali indipendenti oħra ta’ tilwim u medjaturi indipendenti, […];

    b)      il-medjaturi barranin jew istanzi li l-funzjoni tagħhom hija ekwivalenti li jaġixxu kemm bħala istanza ta’ rikors għas-smigħ tal-ilmenti li hu kompetenti għalihom is-servizz ta’ medjazzjoni għas-settur postali.

    Jekk ikun il-każ, għandhom jiġu konklużi protokolli ta’ kollaborazzjoni mill-ministru responsabbli għall-konsum.

    § 4.      L-ilmenti tal-utenti finali huma ammissibbli biss meta l-persuna tressaq l‑ilment skont il-proċedura interna tal-impriża kkonċernata. L-ilmenti tal-utenti finali huma inammissibbli meta dawn jitressqu b’mod anonimu jew ma jitressqux bil-miktub, fis-servizz ta’ medjazzjoni għas-settur postali.

    […]

    § 5.      Is-servizz ta’ medjazzjoni għas-settur postali jista’, fil-kuntest ta’ lment imressaq quddiemu, jkollu aċċess, fuq il-post, għall-kotba, il-korrispondenza, minuti u b’mod ġenerali d-dokumenti kollha u l-kitbiet tal-impriża jew impriżi kkonċernati li jkollhom direttament x’jaqsmu mas-suġġett tal-ilment bl-eċċezzjoni għad-dokumenti li jaqgħu taħt is-sigriet tal-ittri. Jista’ jitlob mingħand l-organi amministrattivi u mingħand il-persunal tal-impriżi kkonċernati l-ispjegazzjonijiet jew l-informazzjoni kollha u jagħmel il-verifiki li huma meħtieġa għall-eżami tiegħu.

    L-informazzjoni hekk miksuba hija kunfidenzjali peress li x-xandir tagħha jista’ jippreġudika l-impriża fuq livell ġenerali.

    Fil-limiti tal-attribuzzjonijiet tiegħu, is-servizz ta’ medjazzjoni ma jirċievi ordnijiet mingħand l-ebda awtorità.

    L-eżami ta’ lment jispiċċa meta dan isir is-suġġett ta’ rikors ġuridiku.

    § 6.      L-impriża kkonċernata għandha terminu ta’ għoxrin ġurnata ta’ xogħol sabiex timmotiva d-deċiżjoni tagħha fil-każ fejn ma ssegwix ir-rakkomandazzjoni msemmija fil-paragrafi 3 u 4 ta’ dan l-artikolu. Id-deċiżjoni motivata għandha tintbagħat lil min iressaq l-ilment u lis-servizz ta’ medjazzjoni.

    Wara li jiskadi t-terminu msemmi fil-paragrafu preċedenti, is-servizz ta’ medjazzjoni għandu jibgħat tfakkira lill-impriża kkonċernata. Din għandha terminu ġdid ta’ għoxrin ġurnata ta’ xogħol sabiex timmotiva d-deċiżjoni tagħha fil-każ fejn ma ssegwix ir-rakkomandazzjoni msemmija fil-paragrafi 3 u 4 ta’ dan l-artikolu. Id-deċiżjoni motivata għandha tintbagħat lil min iressaq l-ilment u lis-servizz ta’ medjazzjoni.

    Meta ma tosservax it-terminu previst, l-impriża kkonċernata timpenja ruħha li tapplika l-opinjoni sa fejn tikkonċerna l-kumpens speċifiku u personali ta’ dak li jagħmel l-ilment inkwistjoni.

    § 7.      Jekk l-ilment ta’ utent jiġi ddikjarat ammissibbli mis-servizz ta’ medjazzjoni għas-settur postali, il-proċedura ta’ rkupru tiġi sospiża mill-operatur għal perijodu massimu ta’ 4 xhur, li jibdew jiddekorru mill-introduzzjoni tal-ilment quddiem is‑servizz ta’ medjazzjoni jew sakemm is-servizz ta’ medjazzjoni għas-settur postali jħejji r-rakkomandazzjoni jew sakemm ikun jista’ jintlaħaq kompromess amikevoli.”

    16      L-Artikolu 45b tal-liġi tal-1991 jirregola l-finanzjament tas-servizz ta’ medjazzjoni għas-settur postali, billi jistabbilixxi “kontribuzzjoni għall-medjazzjoni” annwali li għandha titħallas lill-IBPT mill-impriżi msemmija fl-Artikolu 43b(1) ta’ din il-liġi, li d-dħul mill-bejgħ tagħhom jaqbeż il‑EUR 500 000.

    17      L-ammont tal-kontribuzzjoni dovut għandu jiġi ddeterminat annwalment mill-IBPT skont formula li, essenzjalment tieħu inkunsiderazzjoni, minn naħa, id-dħul mill-bejgħ tal-impriża inkwistjoni miksub matul is-sena ta’ qabel għall-attivitajiet li jaqgħu taħt il-kamp tal-kompetenza tas-servizz ta’ medjazzjoni, u, min-naħa l‑oħra, tan-numru ta’ lmenti kontra din l-impriża kkunsidrati s-sena ta’ qabel mis‑servizz ta’ medjazzjoni. Il-kontribuzzjonijiet mhux imħallsa fl-iskadenza stabbilita jikkostitwixxu ipso iure interessi legali ta’ 2 %.

     Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    18      Express Line tagħmel parti mill-grupp ta’ impriżi DHL, li għandu l-uffiċċju rreġistrat tiegħu f’Bonn (il-Ġermanja). L-attività ta’ Express Line tikkonsisti b’mod partikolari fil-provvista ta’ servizzi ta’ posta espress, jiġifieri, skont din, it‑trasport individwalizzat ta’ dokumenti, pakketti, palits jew tagħbija sħiħa permezz tal-ajru jew fuq l-art.

    19      Fil-bidu tas-sena 2006, l-IBPT bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lil Express Line u diversi impriżi ta’ messaġġi u ta’ posta espress sabiex jitolbu liċenzja individwali jew jiddikkjaraw, skont id-dispożizzjonijiet relevanti tal-liġi tal-1991, dwar il‑forniment tas-servizzi li l-IBPT kienet tikkunsidra bħala servizzi postali mhux irriżervati li jaqgħu taħt is-servizz universali, jiġifieri bħala servizzi postali li ma jaqgħux taħt is-servizz universali.

    20      Fit-23 ta’ Novembru 2006, Express Line għamlet, skont il-liġi tal-1991, għal ċerti servizzi li kienet toffri, dikjarazzjoni dwar il-forniment ta’ servizzi postali li ma jaqgħux taħt is-servizz universali. Madankollu mad-dikjarazzjoni żiedet riżerva espressa, fis-sens li ma kinitx taċċetta l-kwalifika bħala “servizzi postali” tas-servizzi ta’ posta espress.

    21      Permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Lulju 2007, l-IBPT, minn naħa, informa lil Express Line li kienet taqa’ taħt is-servizz ta’ medjazzjoni u li kienet ikkunsidrata bħala responsabbli għall-ħlas tal-kontribuzzjoni għall-medjazzjoni u, min-naħa l-oħra, talbitha informazzjoni sabiex tikkalkola l-ammont tal-kontribuzzjoni dovut.

    22      Express Line, permezz ta’ ittra rreġistrata, żammet il-pożizzjoni tagħha, li tikkuntesta l-fatt li hija suġġetta għas-servizz ta’ medjazzjoni tas-settur postali u, konsegwentement, responsabbli għall-ħlas tal-kontribuzzjoni intiża għall-finanzjament tas-servizz. Skont din, is-servizzi tagħha ta’ posta espress ma humiex servizzi postali, iżda servizzi ta’ trasport u ta’ loġistika b’valur miżjud intiżi għall-impriżi.

    23      Fit-13 ta’ Novembru 2008, l-IBPT ikkonstatat li Express Line kienet wettqet ksur tal-liġi tal-1991 u intimatha tikkomunikalha l-informazzjoni neċessarja sabiex tikkalkola l-ammont tal-kontribuzzjoni għall-medjazzjoni li hija responsabbli għaliha, taħt piena ta’ multa amministrattiva. Express Line ippreżentat rikors kontra din l-intimazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.

    24      Huwa f’dan il-kuntest li l-Hof van beroep te Brussel (Qorti tal-Appell ta’ Brussell) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

    “1)      Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 97/67 […], kif emendata bid-Direttiva 2002/39 […] u b’mod partikolari, iżda mhux biss, l-Artikolu 19 tagħha, speċifikament fir-rigward tal-emendi li saru bid-Direttiva 2008/6 […], li għandhom jiġu trasposti fid-dritt nazzjonali sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2010, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-Istati Membri mhumiex awtorizzati jimponu sistema mandatorja ta’ lmenti esterni fuq il‑fornituri ta’ servizzi postali mhux universali peress li:

    a)      fir-rigward tal-proċeduri ta’ lmenti applikabbli għall-protezzjoni tal-utenti ta’ servizzi postali, id-Direttiva tipprovdi armonizzazzjoni kompleta; jew peress li

    b)      dan l-obbligu ġie impost bid-Direttiva 2002/39 biss fuq il-fornitur tas-servizz universali u, b’effett mid-Direttiva 2008/6 […], fuq il-fornituri ta’ servizzi universali kollha, minkejja li, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 19(1) [97/67, kif emendata bid-Direttiva] tad-Direttiva 2008/6 […], l-Istati Membri jistgħu sempliċement jinkoraġġixxu, iżda mhux jimponu, l-iżvilupp ta’ sistemi indipendenti ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim bejn il-fornituri ta’ servizzi postali, minbarra l-fornituri ta’ servizzi universali u l-konsumaturi finali?

    2)      Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda hija li d-Direttiva dwar il-Posta ma tipprekludix fiha nnifisha li l-Istati Membri jimponu obbligu fuq il-fornituri ta’ servizz postali mhux universali ta’ sistema ta’ pproċessar ta’ lmenti kif previst fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19(2) [tad-Direttiva 97/67, kif emendata bid-Direttiva 2008/6], għall-fornituri tas-servizzi postali universali, il-prinċipji tal-moviment liberu tas-servizzi (Artikoli 49 KE et seq, [li saru] Artikoli 56 TFUE et seq) għandhom jiġu interpretati fis-sens li r-restrizzjonijiet għall-moviment liberu ta’ servizzi introdotti minn Stat Membru bbażati fuq raġunijiet mandatorji ta’ interess ġenerali tal-protezzjoni tal-konsumaturi, li bis-saħħa tagħhom il-fornituri ta’ servizzi postali mhux universali huma suġġetti għal sistema esterna mandatorja ta’ pproċessar ta’ lmenti prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19(2) [tad-Direttiva 97/67, kif emendata bid-Direttiva 2008/6], għall-fornituri ta’ servizzi postali universali, huma kompatibbli mat-[trattat FUE], anki jekk, fil-kuntest tal-applikazzjoni tas-sistema ta’ pproċessar tal-ilmenti inkwistjoni, ma ssir ebda distinzjoni bejn l-ilmenti li joriġinaw minn konsumaturi u dawk li joriġinaw minn utenti finali oħra, minkejja li l-parti l‑kbira tal-utenti ta’ dawn is-servizzi (f’dan il-każ servizzi ta’ posta espress u servizzi ta’ messaġġi) huma utenti professjonali?”

     Fuq id-domandi preliminari

     Osservazzjonijiet preliminari

    25      Skont Express Line, minn naħa, il-qorti tar-rinviju kellha tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja domanda addizzjonali li din il-qorti espressament irrifjutat li tagħmel, jiġifieri, jekk l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 97/67 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkunsidra bħala servizzi postali mhux biss is-servizzi li jikkonsistu kumulattivament fl-ikklerjar, l-issortjar, it-trasport u l‑kunsinna ta’ oġġetti postali, iżda wkoll is-servizzi li jikkonsistu f’wieħed jew iktar minn dawn l-operazzjonijiet.

    26      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tikkunsidra li, minħabba r‑rinunzja fil-kawża prinċipali tal-motivi tagħha li jikkonċernaw id-dritt tal-Unjoni, ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari sar mingħajr skop.

    27      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il‑Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, kif prevista fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il‑qorti nazzjonali, li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tagħti d-deċiżjoni, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża li tinsab quddiemha, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari biex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill‑Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-7 ta’ Jannar 2003, BIAO, C‑306/99, Ġabra p. I‑1, punt 88; tal-14 ta’ Diċembru 2006, Confederación Española de Empresarios de Estaciones de Servicio, C‑217/05, Ġabra p. I‑11987, punt 16, u tat-2 ta’ April 2009, Pedro IV Servicios, C‑260/07, Ġabra p. I‑2437, punt 28).

    28      Il-fakultà li jiġu ddeterminati d-domandi li għandhom isiru lill-Qorti tal‑Ġustizzja hija mogħtija biss lill-qorti nazzjonali u l-partijiet ma jistgħux jibdlu l‑kontenut tagħhom. Barra minn hekk, bdil fis-sustanza tad-domandi preliminari jew risposta għad-domandi addizzjonali msemmija mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fl-osservazzjonijiet tagħhom huwa inkompatibbli mar-rwol mogħti lill-Qorti tal-Ġustizzja permezz tal-Artikolu 267 TFUE kif ukoll mal‑obbligu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiżgura l-possibbiltà lill-gvernijiet tal-Istati Membri u lill-partijiet interessati li jippreżentaw osservazzjonijiet skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal‑Ġustizzja, fid-dawl tal-fatt li, skont din id-dispożizzjoni, huma biss id‑deċiżjonijiet tar-rinviju li jiġu nnotifikati lill-partijiet interessati (ara s-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2009, Hochtief u Linde-Kca-Dresden, C‑138/08, Ġabra p. I‑9889, punti 21 u 22 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    29      Barra minn hekk, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tiddeċiedi meta l‑proċeduri quddiem il-qorti tar-rinviju jkunu magħluqa (sentenza tas-16 ta’ Lulju 1992, Lourenço Dias, C‑343/90, Ġabra p. I‑4673, punt 18), l-Artikolu 267 TFUE lanqas ma jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa l-interess attwali, fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-qorti nazzjonali, tad-domanda magħmula, anki fil‑preżenza ta’ emendi fid-dritt intern li jikkonċerna l-każ preżenti (sentenza tal-14 ta’ Diċembru 1971, Politi, 43/71, Ġabra p. 1039, punt 3).

    30      F’dan il-każ, minn naħa, peress li l-qorti tar-rinviju ma ammettiet la l-ħtieġa u lanqas ir-relevanza ta’ kwistjoni dwar in-natura kumulattiva jew alternattiva tal-operazzjonijiet inklużi fil-kunċett ta’ “servizzi postali” fis-sens tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 97/67, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tagħmel analiżi f’dan ir‑rigward.

    31      Min-naħa l-oħra, peress li l-qorti tar-rinviju ma rtiratx formalment it-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, minkejja t-talba f’dan is-sens tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, u peress li l-proċeduri fil-kawża prinċipali għadhom ma ntemmux, għandu jiġi kkonstatat li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għal dawn id-domandi magħmula minn din il-qorti għadha neċessarja għal din sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha.

     Fuq l-ewwel domanda

    32      Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id‑Direttiva 97/67, fid-dawl tal-emendi li saru bid-Direttivi 2002/39 u 2008/6, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li trendi obbligatorju għall-fornituri ta’ servizzi postali li ma jaqgħux taħt is-servizz universali proċedura esterna ta’ pproċessar tal-ilmenti tal-utenti ta’ dawn is‑servizzi.

    33      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 97/67, kemm fil-verżjoni inizzjali tagħha kif ukoll dik li tirriżulta mill-emendi li saru bid-Direttivi 2002/39 u 2008/6, tipprovdi, fl-Artikolu 19 tagħha, żewġ tipi ta’ proċedura ta’ pproċessar tal-ilmenti tal-utenti tas-servizzi postali, jiġifieri proċedura interna fi ħdan il‑fornitur tas-servizzi u proċedura esterna fi ħdan l-awtorità kompetenti.

    34      Il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji fir-rigward tal-possibbiltà li ssir obbligatorja, għall-fornituri ta’ servizzi postali li ma jaqgħux taħt is-servizz universali, il‑proċedura esterna ta’ pproċessar tal-ilmenti, peress li, skont din il-qorti, id‑Direttiva 97/67 twassal għal armonizzazzjoni kompleta f’dak li jikkonċerna l‑proċeduri ta’ pproċessar tal-ilmenti u imponiet tali obbligu biss lill-fornitur tas-servizz universali, wara l-emendi li saru mid-Direttiva 2002/39, u lill-fornituri kollha l-oħra ta’ servizzi postali li jaqgħu taħt is-servizz universali, wara l-emendi bid-Direttiva 2008/6.

    35      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li, kuntrarjament għal dak li tqis il-qorti tar-rinviju, id-Direttiva 97/67 ma twassalx għal armonizzazzjoni kompleta fir-rigward tal-proċeduri ta’ pproċessar tal-ilmenti li tipprovdi għalihom.

    36      Fil-fatt, minn naħa, kif jirriżulta mill-premessa 2 tad-Direttiva 97/67, din tal-aħħar tidher bħala qafas ta’ prinċipji ġenerali adottati fuq il-livell tal-Unjoni, fejn huma l-Istati Membri li jiffissaw il-proċeduri preċiżi (sentenza tal-11 ta’ Marzu 2004, Asempre u Asociación Nacional de Empresas de Externalización y Gestión de Envíos y Pequeña Paquetería, C‑240/02, Ġabra p. I‑2461, punt 30), liema Stati għandhom jagħżlu s-sistema li hija l-iktar adattata għas-sitwazzjoni partikolari tagħhom.

    37      Min-naħa l-oħra tali nuqqas ta’ armonizzazzjoni kompleta hija iktar evidenti f’dak li jikkonċerna l-proċeduri ta’ pproċessar tal-ilmenti previsti bid-Direttiva 97/67.

    38      Għalhekk, mill-premessa 35 u mill-Artikolu 19 tad-Direttiva 97/67, fil-verżjoni inizzjali kif ukoll fil-verżjonijiet ulterjuri tagħha, jirriżulta li l-proċeduri ta’ pproċessar tal-ilmenti, li għandhom ikunu trasparenti, sempliċi u ma jiswewx ħafna flus, minn naħa, huma intiżi għat-titjib tal-kwalità tas-servizz billi jipprovdu għas-soluzzjoni rapida, ekwa u effikaċi tat-tilwim eventwali u, min-naħa l-oħra, jikkumplimentaw ir-rimedji miftuħa bid-dritt nazzjonali u d-dritt tal-Unjoni.

    39      Fit-tieni lok, id-dubji l-oħra espressi mill-qorti tar-rinviju f’dak li jikkonċerna l‑konformità tal-liġi tal-1991 mad-Direttiva 97/67 għandhom jitwarrbu għaliex lanqas dawn ma jikkorrispondu mal-kontenut tad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ din id-direttiva, fil-verżjoni tagħha inizzjali bħal fil-verżjoni tagħha emendata, fir-rigward tal-proċeduri ta’ pproċessar tal-ilmenti.

    40      Fil-fatt, id-Direttiva 97/67 dejjem żammet in-natura kumplimentari tal-imsemmija proċeduri meta mqabbla mar-rimedji miftuħa mid-dritt nazzjonali u, għaldaqstant, il-marġni ta’ manuvra tal-Istati Membri f’dan ir-rigward. Għalkemm l-emendi li saru għal din id-direttiva llimitaw progressivament dan il-marġni ta’ manuvra, għandu jiġi rrilevat li l-limiti u l-orjentazzjonijiet hekk imposti huma intiżi sabiex jestendu l-proċeduri ta’ pproċessar tal-ilmenti għal kull fornitur tas-servizzi postali.

    41      Għalhekk, l-ewwel nett, skont l-ewwel u t-tielet paragrafi tal-Artikoli 2(17) u (19) tad-Direttiva 97/67, l-Istati Membri kellhom jaraw li l-fornitur tas-servizzi jistabbilixxi proċeduri interni u esterni ta’ pproċessar tal-ilmenti, sempliċement dwar il-prestazzjonijiet tal-imsemmi servizz. L-obbligu li kellhom l-Istati Membri għalhekk kien limitat għal dawn il-fornimenti u għall-imsemmi fornitur, fejn madankollu l-imsemmija Stati kellhom marġni ta’ manuvra li jippermettilhom li jiftħu mezzi oħra ta’ rikors.

    42      Sussegwentement, id-Direttiva 2002/39 żiedet b’mod partikolari paragrafu ġdid għall-imsemmi Artikolu 19, li jipprovdi li, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l‑“prinċipju” li jikkonsisti fil-fatt li l-istabbiliment ta’ proċeduri ta’ pproċessar ta’ ilmenti kien ġie applikat ukoll għall-benefiċjarji ta’ servizzi li ma jaqgħux taħt is‑servizz universali jew li, għalkemm jaqgħu taħt dan is-servizz, ma kinux forniti mill-fornitur tas-servizz universali.

    43      Essenzjalment, peress li t-termini tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 fil-verżjoni inizzjali tiegħu ma ġewx emendati, l-obbligu u l-marġni ta’ manuvra tal-Istati Membri, invokati fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, jibqgħu l-istess f’dawn il‑verżjonijiet tad-Direttiva 97/67. Madankollu, kif jirriżulta mill-premessa 28 tad-Direttiva 2002/39, l-emendi inklużi fl-Artikolu 19 tad-Direttiva 97/67 għandhom l-għan li jinkoraġġixxu l-Istati Membri jestendu l-proċeduri interni ta’ pproċessar tal-ilmenti għall-benefiċċju tal-utenti tas-servizzi postali kollha, kemm jekk ikunu servizzi postali jew le u li l-fornitur tal-imsemmija servizzi jkun il-fornitur tas-servizz universali jew il-pussessur ta’ tali awtorizzazzjoni.

    44      Fl-aħħar nett, id-Direttiva 2008/6 emendat b’mod partikolari l-Artikolu 2(17) tad-Direttiva 97/67 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19 ta’ din id-direttiva, kif emendata bid-Direttiva 2002/39, billi pprovdiet għall-istabbiliment mill-fornituri kollha ta’ servizzi postali ta’ proċeduri interni ta’ pproċessar tal-ilmenti tal-utenti, fejn dawn tal-aħħar huma ddefiniti bħala kwanlunkwe persuna fiżika jew ġuridika benefiċjarja ta’ forniment ta’ servizz postali.

    45      It-tielet paragrafu tal-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 97/67, kif emendat bid-Direttiva 2008/6, li hija dispożizzjoni ġdida jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu wkoll l-implementazzjoni ta’ sistemi indipendenti ta’ soluzzjoni amikevoli tat-tilwim bejn il-fornituri ta’ servizzi postali u l-utenti. L-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu jinkludi wkoll obbligu ġdid peress li testendi l-proċedura esterna ta’ pproċessar tal-ilmenti tal-utenti għall-impriżi li jipprovdu servizzi postali li jaqgħu taħt is-servizz universali.

    46      Kif jirriżulta mill-premessa 42 tad-Direttiva 2008/6, dawn l-emendi huma intiżi sabiex ma jillimitawx iżjed l-applikazzjoni tal-prinċipji minimi stabbiliti għall-ipproċessar tal-ilmenti sempliċement għall-fornituri tas-servizz universali.

    47      Minn dan isegwi li d-Direttiva 97/67, fil-verżjoni inizzjali tagħha bħal fil-verżjonijiet emendati, tikkonċepixxi l-proċeduri ta’ pproċessar tal-ilmenti li tipprovdi bħala qafas minimu li jikkumplimenta rimedji miftuħa mid-dritt nazzjonali u d-dritt tal-Unjoni, u li l-Istati Membri għalhekk għandhom marġni ta’ manuvra sabiex jiffissaw il-proċeduri preċiżi u jagħżlu sistema li hija l-aktar adattata għas-sitwazzjoni partikolari tagħhom, filwaqt li jiġu rrispettati l-limiti u l‑orjentazzjonijiet imposti minn din id-direttiva.

    48      Tali limiti u orjentazzjoni jikkonsistu, qabelxejn, fl-obbligu tal-implementazzjoni tal-proċeduri interni u esterni ta’ pproċessar tal-ilmenti mill-fornitur jew fornituri tas-servizz universali, obbligu li huwa diġà previst fil-verżjoni inizzjali tad-Direttiva 97/67.

    49      Sussegwentement, id-Direttiva 97/67 imponiet l-obbligu li tiġi żgurata l‑implementazzjoni tal-proċeduri, interni, mill-fornituri tas-servizzi postali u esterni, mill-impriżi li jipprovdu servizzi postali li jaqgħu taħt is-servizz universali, li huwa obbligu introdott bid-Direttiva 2008/6, li jikkompleta l‑orjentazzjoni diġà stabbilita bid-Direttiva 2002/39.

    50      Fl-aħħar nett, mid-Direttiva 97/76 jirriżulta l-obbligu li jiġu implementati sistemi indipendenti ta’ soluzzjoni bonarja tat-tilwim bejn il-fornituri ta’ servizzi postali u l-utenti, obbligu li ġie introdott bid-Direttiva 2008/6.

    51      Għalhekk, leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal-liġi tal-1991, li trendi obbligatorja għall-fornituri ta’ servizzi postali li ma jaqgħux taħt is-servizz universali proċedura esterna ta’ pproċessar tal-ilmenti tal-utenti ta’ dawn is-servizzi, mhux biss ma tipprekludix id-Direttiva 97/67, fil-verżjoni inizzjali tagħha kif ukoll fil-verżjonijiet emendati, iżda tirrispondi, fil-fatt, għall-obbligu previst minn din tal-aħħar, sa mill-emendi bid-Direttiva 2008/6, li tinkoraġġixxi l-implementazzjoni ta’ sistemi indipendenti ta’ soluzzjoni bonarja tat-tilwim bejn il-fornituri ta’ servizzi postali u l-utenti.

    52      Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel domanda mressqa għandha tkun li d-Direttiva 97/67, fil-verżjoni inizzjali u kif emendata bid-Direttivi 2002/39 u 2008/6, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li trendi obbligatorju għall-fornituri ta’ servizzi postali li ma jaqgħux taħt is-servizz universali proċedura esterna ta’ pproċessar tal-ilmenti tal-utenti ta’ dawn is-servizzi.

     Fuq it-tieni domanda

    53      Permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l‑Artikolu 56 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li trendi obbligatorju għall-fornituri ta’ servizzi postali li ma jaqgħux taħt is-servizz universali proċedura esterna ta’ pproċessar tal-ilmenti tal-utenti ta’ dawn is-servizzi.

    54      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm Express Line hija kumpannija taħt id-dritt Belġjan, hija madankollu tagħmel parti mill-grupp ta’ impriżi DHL, li l-uffiċċju rreġistrat tiegħu jinsab fil-Ġermanja. Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jew mill-preċedenti tal-kawża prinċipali ma jirriżultax li din il-kawża għandha fl-oriġni tagħha forniment ta’ servizzi partikolari f’żewġ Stati Membri jew iktar.

    55      F’dawn il-kundizzjonijiet, il-libertà kkontestata fil-kawża prinċipali hija mhux il‑libertà li jiġu pprovduti servizzi, iżda l-libertà ta’ stabbiliment. Konsegwentement, it-tieni domanda magħmula għandha tinftiehem fis-sens li qed tistaqsi dwar jekk l-Artikolu 49 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, bħal-liġi tal-1991, trendi obbligatorju għall-fornituri ta’ servizzi postali li ma jaqgħux taħt is-servizz universali proċedura esterna ta’ pproċessar tal-ilmenti tal-utenti ta’ dawn is-servizzi.

    56      Skont il-qorti tar-rinviju, l-obbligu li tintuża tali proċedura jikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment tal-fornituri ta’ servizzi postali li ma jaqgħux taħt is-servizz universali oriġinarji minn Stati Membri barra r-Renju tal-Belġju u li jixtiequ jistabbilixxu ruħhom f’dan l-Istat Membru. Issa, għalkemm l‑imsemmija restrizzjoni tista’ tiġi ġġustifikata b’raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, l-Artikolu 49 TFUE ma jippermettix li din il-proċedura ssir obbligatorja fir-rigward ta’ tilwim li jikkonċerna servizzi postali bħall-posta espress, fejn il-parti l-kbira tal-utenti huma professjonisti.

    57      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif imfakkar fil-punt 35 ta’ din is‑sentenza, id-Direttiva 97/67 ma twassalx għal armonizzazzjoni kompleta f’dak li jirrigwarda l-proċeduri ta’ pproċessar tal-ilmenti tal-utenti tas-servizzi postali, u li, konsegwentement, l-Istati Membri għandhom marġni ta’ manuvra f’dan ir‑rigward, dwar il-limiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni.

    58      Fir-rigward tal-libertà ta’ stabbiliment taċ-ċittadini ta’ Stat Membru fuq it‑territorju ta’ Stat Membru ieħor, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, tali libertà tinkludi l-aċċess għall-attivitajiet mhux imħallsa u l‑eżerċizzju tagħhom, kif ukoll il-kostituzzjoni u t-tmexxija ta’ impriżi taħt il‑kundizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ stabbiliment għaċ-ċittadini tiegħu stess (ara s-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2009, Gaz de France – Berliner Investissement, C‑247/08, Ġabra p. I‑9225, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    59      F’dak li jikkonċerna l-kumpanniji inkorporati skont il‑leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru u li jkollhom l‑uffiċċju rreġistrat, it‑tmexxija ċentrali jew is‑sede prinċipali tagħhom ġewwa l‑Unjoni Ewropea, din il-libertà tinkludi, skont l‑Artikolu 54 TFUE, id‑dritt li jeżerċitaw l‑attività tagħhom fl‑Istat Membru kkonċernat permezz ta’ fergħa, sussidjarja jew aġenzija (ara, b’mod partikolari, is‑sentenzi tal‑21 ta’ Settembru 1999, Saint‑Gobain ZN, C‑307/97, Ġabra p. I‑6161, punt 35; tat-12 ta’ Settembru 2006, Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, C-196/04, Ġabra p. I-7995, punt 41, kif ukoll tat-13 ta’ Marzu 2007, Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation, C‑524/04, Ġabra p. I‑2107, punt 36).

    60      Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret diversi drabi li l‑Artikolu 49 TFUE jipprekludi kull miżura nazzjonali li, anki jekk tapplika mingħajr distinzjoni minħabba ċittadinanza, tista’ tostakola jew tagħmel inqas attraenti l‑eżerċizzju, miċ‑ċittadini tal‑Unjoni, tal‑libertà ta’ stabbiliment iggarantita mit‑Trattat u li tali effetti restrittivi jistgħu jirriżultaw meta, minħabba leġiżlazzjoni nazzjonali, kumpannija tiġi skoraġġuta milli toħloq entitajiet subordinati, bħal stabbiliment stabbli, fi Stati Membri oħra u li teżerċita l-attivitajiet tagħha permezz ta’ tali entitajiet (sentenza tal-11 ta’ Marzu 2010, Attanasio Group, C‑384/08, Ġabra p. I-2055, punti 43 u 44, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    61      F’dan il-każ, il-miżura inkwistjoni ma tinkludi l-ebda restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment.

    62      Fil-fatt, l-ewwel nett, din il-miżura hija applikata mingħajr distinzjoni ta’ nazzjonalità, għal kull fornitur ta’ servizzi postali li ma jaqax taħt is-servizz universali stabbilit fil-Belġju. Sussegwentement, kif irreleva l-avukat ġenerali fil-punt 77 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-operaturi ma jistgħux jippretendu li Stat Membru ma jkollux strutturi ta’ protezzjoni ġuridika fl-interessi tal-klijenti tagħhom li joffru metodi għas-soluzzjoni extraġudizzjarja tat-tilwim. Fl-aħħar nett, il-kważi-totalità tal-Istati Membri estendew is-sistemi esterni ta’ pproċessar tal-ilmenti lill-fornituri ta’ servizzi postali li ma jaqgħux taħt is-servizz universali.

    63      F’dawn il-kundizzjonijiet, ma jistax jiġi utilment sostnut li s-sempliċi fatt li proċedura esterna ta’ pproċessar tal-ilmenti tal-utenti ta’ dawn is-servizzi ssir obbligatorja għall-fornituri ta’ servizzi postali li ma jaqgħux taħt is-servizz universali huwa suxxettibbli li jtellef jew irendi inqas attraenti l-eżerċizzju, miċ-ċittadini tal-Unjoni, il-libertà ta’ stabbiliment iggarantita mit-trattat.

    64      Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni domanda mressqa hija li l‑Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li trendi obbligatorja għall-fornituri li ma jaqgħux taħt is‑servizz universali proċedura esterna ta’ pproċessar tal-ilmenti tal-utenti ta’ dawn is-servizzi.

     Fuq l-ispejjeż

    65      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

    1)      Id-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Diċembru 1997, dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz, fil-verżjoni inizjali tagħha kif ukoll kif emendata bid-Direttiva 2002/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-10 ta’ Ġunju 2002, u 2008/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Frar 2008, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li trendi obbligatorju, għall-fornituri ta’ servizzi postali li ma jaqgħux taħt is‑servizz universali, proċedura esterna ta’ pproċessar tal-ilmenti tal-utenti ta’ dawn is-servizzi.

    2)      L-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li trendi obbligatorja għall-fornituri li ma jaqgħux taħt is-servizz universali proċedura esterna ta’ pproċessar tal-ilmenti tal-utenti ta’ dawn is-servizzi.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

    Top