EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62010CC0545
Opinion of Mr Advocate General Jääskinen delivered on 13 December 2012. # European Commission v Czech Republic. # Failure of a Member State to fulfil obligations - Transport - Directive 91/440/EEC - Development of the Community’s railways - Article 10(7) - Regulatory body - Competences - Directive 2001/14/EC - Allocation of railway infrastructure capacity - Article 4(1) - Charging framework - Article 6(2) - Measures intended to provide the infrastructure manager with incentives to reduce the costs of provision of infrastructure and the level of access charges - Article 7(3) - Setting charges for the minimum access package and track access to service facilities - Cost directly incurred as a result of operating the railway service - Article 11 - Performance scheme - Article 30(5) - Regulatory body - Competence - Administrative appeal against the decisions of the regulatory body. # Case C-545/10.
Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Jääskinen - 13 ta' Diċembru 2012.
Il-Kummissjoni Ewropea vs ir-Repubblika Ċeka.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Trasport - Direttiva 91/440/KEE - Żvilupp tal-linji tal-ferrovija Komunitarji - Artikolu 10(7) - Korp regolatorju - Kompetenzi - Direttiva 2001/14/KE - Allokazzjoni tal-kapaċità ta’ infrastruttura ferrovjarja - Artikolu 4(1) - Qafas għall-impożizzjoni ta’ tariffi - Artikolu 6(2) - Miżuri intiżi biex jinkoraġġixxu l-amministratur tal-infrastruttura biex inaqqas l-ispejjeż ta’ provvista tal-infrastruttura u l-livell ta’ tariffi ta’ aċċess - Artikolu 7(3) - Iffissar tat-tariffi miġbura fuq il-provvisti minimi kollha u l-aċċess min-netwerk għall-infrastrutturi ta’ servizzi - Spiża imputabbli direttament għall-operat tas-servizz ferrovjarju - Artikolu 11 - Sistema ta’ titjib tas-servizzi - Artikolu 30(5) - Korp regolatorju - Kompetenzi - Azzjoni amministrattiva kontra d-deċiżjonijiet tal-korp ta’ kontroll.
Kawża C-545/10.
Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Jääskinen - 13 ta' Diċembru 2012.
Il-Kummissjoni Ewropea vs ir-Repubblika Ċeka.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Trasport - Direttiva 91/440/KEE - Żvilupp tal-linji tal-ferrovija Komunitarji - Artikolu 10(7) - Korp regolatorju - Kompetenzi - Direttiva 2001/14/KE - Allokazzjoni tal-kapaċità ta’ infrastruttura ferrovjarja - Artikolu 4(1) - Qafas għall-impożizzjoni ta’ tariffi - Artikolu 6(2) - Miżuri intiżi biex jinkoraġġixxu l-amministratur tal-infrastruttura biex inaqqas l-ispejjeż ta’ provvista tal-infrastruttura u l-livell ta’ tariffi ta’ aċċess - Artikolu 7(3) - Iffissar tat-tariffi miġbura fuq il-provvisti minimi kollha u l-aċċess min-netwerk għall-infrastrutturi ta’ servizzi - Spiża imputabbli direttament għall-operat tas-servizz ferrovjarju - Artikolu 11 - Sistema ta’ titjib tas-servizzi - Artikolu 30(5) - Korp regolatorju - Kompetenzi - Azzjoni amministrattiva kontra d-deċiżjonijiet tal-korp ta’ kontroll.
Kawża C-545/10.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:791
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
JÄÄSKINEN
ippreżentati fit-13 ta’ Diċembru 2012 ( 1 )
Kawża C-545/10
Il-Kummissjoni Ewropea
vs
Ir-Repubblika Ċeka
“Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Direttiva 91/440/KEE — Żvilupp tal-linji tal-ferrovija Komunitarji — Direttiva 2001/14/KE — Allokazzjoni tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura ferrovjarja — Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/14 — Iffissar tal-ammont massimu tat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja — Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2001/14 — Adozzjoni ta’ miżuri li jinkoraġġixxu lill-amministraturi jnaqqsu l-ispejjeż tal-fornitura tal-infrastruttura u l-livell tat-tariffi ta’ aċċess — Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2001/14 — Iffissar tat-tariffi miġbura fuq is-servizzi minimi kollha u l-aċċess min-netwerk għall-infrastrutturi tas-servizzi — Spiża imputabbli direttament għall-operat tas-servizz ferrovjarju — Spiża marġinali — Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/14 — Assenza ta’ sistema ta’ titjib tas-servizzi — Artikolu 30(5) tad-Direttiva 2001/14 — Korp regolatorju — Kompetenzi — Azzjoni amministrattiva quddiem il-Ministru tat-Trasport — Artikolu 10(7) tad-Direttiva 91/440 — Korp regolatorju — Kompetenzi”
I – Introduzzjoni
1. |
Bir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tagħha, il-Kummissjoni Ewropea qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonstata li r-Repubblika Ċeka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha abbażi tal-Artikoli 4(1), 6(2), 7(3), 11 u 30(5) tad-Direttiva 2001/14/KE ( 2 ), kif emendata bid-Direttiva 2007/58/KE ( 3 ) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2001/14”), u tal-Artikolu 10(7) tad-Direttiva 91/440/KEE ( 4 ), kif emendata bid-Direttiva 2001/12/KE ( 5 ) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 91/440”). Ir-Repubblika Ċeka titlob li r-rikors ippreżentat mill-Kummissjoni jiġi miċħud. |
2. |
Din il-kawża hija waħda minn għadd ta’ rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ( 6 ), ippreżentati mill-Kummissjoni fl-2010 u fl-2011, li jirrigwardaw l-applikazzjoni mill-Istati Membri tad-Direttivi 91/440 u 2001/14, li s-suġġett prinċipali tagħhom huwa li jiġi żgurat aċċess ġust u nondiskriminatorju ta’ impriżi ferrovjarji għall-infrastruttura, jiġifieri għan-netwerk ferrovjarju. Dawn ir-rikorsi huma mingħajr preċedent peress li joffru lill-Qorti tal-Ġustizzja opportunità biex teżamina għall-ewwel darba l-liberalizzazzjoni tal-linji tal-ferrovija fl-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari tinterpreta l-hekk imsejjaħ “l-ewwel pakkett ferrovjarju”. |
3. |
Fis-6 ta’ Settembru 2012, jiena diġà ppreżentajt il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi li taw lok għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, kif ukoll il-kawżi ċċitati iktar ’il fuq Il-Kummissjoni vs L-Ungerija, Il-Kummissjoni vs Spanja, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja. Minbarra dawn il-konklużjonijiet, jiena llum qiegħed nippreżenta l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi ċċitati iktar ’il fuq Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, Il-Kummissjoni vs Franza, Il-Kummissjoni vs Is-Slovenja u Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu. Sa fejn din il-kawża tirrigwarda lmenti simili għal dawn li diġà kelli l-okkażjoni nanalizza fil-konklużjonijiet imsemmja iktar ’il fuq, kulma se nagħmel huwa li nirreferi għall-punti rilevanti ta’ dawk il-kawżi mingħajr madankollu ma nirrepeti l-argument kollu inkluż fihom. |
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt tal-Unjoni
1. Id-Direttiva 91/440
4. |
L-Artikolu 10(7) tad-Direttiva 91/440 jipprovdi: “Mingħajr preġudizzju għar-regolamenti Komunitarji u nazzjonali li jirrigwardaw il-politika ta’ kompetizzjoni u l-istituzzjonijiet b’responsabbiltà f’dak il-qasam, il-korp regolatorju stabbilit taħt l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2001/14/KE, jew kwalunkwe korp ieħor li jgawdi l-istess grad ta’ indipendenza għandu jissorvellja l-kompetizzjoni fis-swieq tas-servizzi ferrovjarji, inkluż is-suq tat-trasport ferrovjarju ta’ merkanzija. Dak il-korp għandu jkun stabbilit skond ir-regoli ta’ l-Artikolu 30 (1) ta’ l-imsemmija Direttiva. Kull applikant jew parti interessata tista’ tippreżenta lment ma’ dan il-korp jekk iħoss li jkun ġie trattat inġustament, kien soġġett għal diskriminazzjoni jew ġie b’xi mod inġurjat. Fuq il-bażi ta’ l-ilment u, fejn xieraq, fuq l-inizzjattiva tiegħu stess, il-korp regolatorju għandu jiddeċiedi kemm jista’ jkun malajr dwar miżuri xierqa biex jiġu kkoreġuti xi żviluppi mhux mixtieqa f’dawn is-swieq. Sabiex jassigura l-possibbiltà meħtieġa ta’ kontroll ġudizzjarju u l-kooperazzjoni rekwiżita bejn il-korpi regolatorji nazzjonali, l-Artikolu 30 (6) u l-Artikolu 31 ta’ l-imsemmija Direttiva għandhom japplikaw f’dan il-kuntest”. |
2. Id-Direttiva 2001/14
5. |
Skont il-premessa 11 tad-Direttiva 2001/14: “Il-piżijiet [is-sistemi ta’ impożizzjoni ta’ tariffi] u skemi ta’ allokazzjoni ta’ kapaċità għandhom jippermettu aċċess ugwali u non-diskriminatorju għall-impriżi kollha u jippruvaw safejn possibbli jissodisfaw il-bżonnijiet ta’ l-utenti kollha u t-tipi ta’ traffiku b’mod ġust u non-diskriminatorju |
6. |
L-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi: “L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu qafas tal-piżijiet [għall-impożizzjoni ta’ tariffi] waqt li jirrispettaw l-indipendenza ta’ l-amministrazzjoni stabbilita fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 91/440/KEE. Bla ħsara għall-kundizzjoni msemmija ta’ indipendenza ta’ l-amministrazzjoni, l-Istati Membri għandhom ukoll jistabbilixxu regoli speċifiċi dwar il-piżijiet [l-impożizzjoni ta’ tariffi] jew jiddelegaw dawn il-poteri għall-amministratur ta’ l-infrastruttura. Id-determinazzjoni tal-piż [tat-tariffa] għall-użu ta’ l-infrastruttura u l-ġbir ta’ dan il-piż [l-irkupru ta’ din it-tariffa] għandhom jitwettqu mill-amministratur ta’ l-infrastruttura”. |
7. |
Skont l-Artikolu 6(2) u (3) tad-Direttiva 2001/14: “2. Amministraturi ta’ l-infrastruttura għandhom, b’konsiderazzjoni xierqa għas-sigurtà u għall-manutenzjoni [għaż-żamma] u t-titjib tal-kwalità tas-servizz ta’ l-infrastruttura, jingħataw inċentivi biex inaqqsu l-ispejjeż tal-fornitura ta’ l-infrastruttura u l-livell ta’ piżijiet [tat-tariffi] ta’ l-aċċess. 3. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li d-dispożizzjoni stabbilita fil-paragrafu 2 tiġi implimentata, jew permezz ta’ ftehim kontrattwali bejn l-awtorità kompetenti u l-amministratur ta’ l-infrastruttura li jkopri terminu ta’ mhux inqas minn tliet snin li jipprovdi għal fondi mill-Istat jew permezz ta’ l-istabbiliment ta’ miżuri regolatorji xierqa b’ poteri adegwati”. |
8. |
L-Artikolu 7(3) tal-imsemmija direttiva jipprevedi: “Bla ħsara għall-paragrafi 4 jew 5 jew għall-Artikolu 8, il-piżijiet għall-pakkett minimu ta’ l-aċċess u aċċess għall-binarju għal faċilitajiet tas-servizzi għandhom jiġu stabbiliti abbażi ta’ l-ispiża direttament involuta bħala riżultat ta’ l-operazzjoni tas-servizz tal-ferrrovija [it-tariffi miġbura għas-servizzi minimi kollha u l-aċċess min-netwerk għall-infrastrutturi tas-servizzi għandhom ikunu ugwali għall-ispiża imputabbli direttament għall-operat tas-servizz ferrovjarju]”. |
9. |
Skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/14: “1. Skemi tal-piżijiet [sistemi ta’ impożizzjoni ta’ tariffi] infrastrutturali għandhom permezz ta’ skema tal-ħidma [sistema ta’ titjib tas-servizzi] jinkoraġġixxu l-impriżi tal-ferroviji u lill-amministratur ta’ l-infrastruttura biex jimminimizzaw it-telf [id-disturbi] u jtejbu l-ħidma [is-servizzi] tan-network tal-ferrovija. Dan jista’ jinkludi penali għal azzjonijiet li jtellfu l-operazzjoni [jiddisturbaw] tan-network, il-kumpens għall-impriżi li jbatu minn telf [dawn id-disturbi] u bonuses li jippremjaw ħidma aħjar minn dik li ġiet ippjanata. 2. Il-prinċipji bażiċi ta’ l-iskema ta’ operazzjoni [tas-sistema ta’ titjib tas-servizzi] għandhom japplikaw man-network kollha”. |
10. |
L-Artikolu 30(2) u (3) tal-imsemmija direttiva jipprovdi: “2. Applikant għandu jkollu d-dritt li jappella lill-korp regolatorju jekk jemmen li ma ġiex ittrattat b’mod ekwu, saret diskriminazzjoni kontrih jew ġie aggravat bi kwalunkwe mod ieħor, u partikolarment kontra deċiżjonijiet adottati mill-amministratur ta’ l-infrastruttura jew meta approprjat, l-impriża tal-ferroviji li tikkonċerna:
3. Il-korp regolatorju għandu jassigura li l-piżijiet [t-tariffi] stabbiliti mill-amministratur ta’ l-infrastruttura jikkonformaw mal-Kapitolu II u mhumiex diskriminatorji. In-negozjati bejn l-applikanti u l-amministratur ta’ l-infrastruttura li jikkonċernaw il-livell ta’ piżijiet infrastrutturali [tariffi għall-użu tal-infrastruttura] għandhom jiġu permessi biss jekk dawn isiru taħt is-sorveljanza tal-korp regolatorju. Il-korp regolatorju għandu jintervieni jekk in-negozjati x’aktarx jikkontravenu r-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva”. |
11. |
L-Artikolu 30(5) u (6) tal-imsemmija direttiva jipprovdu: “5. Il-korp regolatorju għandu jiddeċiedi fuq kull ilment u jieħu azzjoni biex jirrimedja s-sitwazzjoni fi żmien massimu ta’ xahrejn minn meta jirċievi l-informazzjoni kollha. Minkejja l-paragrafu 6, deċiżjoni tal-korp regolatorju għandha tkun torbot lill-partijiet kollha koperti minn dik id-deċiżjoni. Fil-każ ta’ appell kontra rifjut li tingħata l-kapaċità infrastrutturali, jew kontra t-termini ta’ offerta għall-kapaċità, il-korp regolatorju għandu jew jikkonferma li ebda modifika tad-deċiżjoni ta’ l-amministratur ta’ l-infrastruttura ma hi meħtieġa, jew għandha teħtieġ modifika ta’ dik id-deċiżjoni skond id-direzzjonijiet speċifikati mill-korp regolatorju. 6. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiġi assigurat li deċiżjonijiet meħuda mill-korp regolatorju huma soġġetti għal rivista ġudizzjarja [stħarriġ ġudizzjarju]”. |
B – Il-leġiżlazzjoni Ċeka
1. Il-Liġi dwar il-linji tal-ferrovija
12. |
Il-Liġi Nru 266/1994 Sb. dwar il-linji tal-ferrovija (zákon č. 266/1994 Sb., o dráhách), kif emendata (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-linji tal-ferrovija”) tistabbilixxi l-kundizzjonijiet tal-operat tal-linji tal-ferrovija u tat-trasport ferrovjarju, kif ukoll id-drittijiet u l-obbligi tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi relatati magħhom. |
13. |
Skont l-Artikolu 34c tal-Liġi dwar il-linji tal-ferrovija: “Dikjarazzjoni tan-netwerk ferrovjarju nazzjonali u reġjonali 1) Il-korp ta’ allokazzjoni tal-kapaċitajiet, wara konsultazzjoni mal-amministratur tal-linji tal-ferrovija, għandu jfassal, mhux iktar tard minn 12-il xahar qabel id-dħul fis-seħħ tal-iskeda ta’ servizz, id-dikjarazzjoni tan-netwerk ferrovjarju, u għandu jippubblikaha fil-Bulletin tat-Trasport u tat-Tariffi. 2) Id-dikjarazzjoni tan-netwerk ferrovjarju għandha tindika: […]
[…]” |
14. |
L-Artikolu 34g tal-Liġi dwar il-linji tal-ferrovija jipprovdi: “1) L-applikant għal allokazzjoni ta’ kapaċitajiet tal-infrastruttura ferrovjarja jista’ jitlob lill-Uffiċċju tal-Linji tal-Ferrovija, f’terminu ta’ 15-il jum li jibda jiddekorri mill-pubblikazzjoni tad-dikjarazzjoni tan-netwerk ferrovjarju, sabiex jipproċedi għall-eżami tagħha, li jinkludi l-kriterji inklużi fiha. 2) L-applikant għal allokazzjoni ta’ kapaċitajiet tal-infrastruttura ferrovjarja li l-korp ta’ allokazzjoni ma jkunx laqa’ t-talba tiegħu għandu d-dritt, skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 34e, li jitlob lill-Uffiċċju tal-Linji tal-Ferrovija, f’terminu ta’ 15-il jum li jibda jiddekorri min-notifika tad-dikjarazzjoni prevista fl-Artikolu 34e(4) sabiex jeżamina l-proċess ta’ allokazzjoni tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura ferrovjarja, inkluż l-impatt tagħha u l-mod kif ġew iffissati l-prezzijiet. 3) Jekk l-Uffiċċju tal-Linji tal-Ferrovija jikkonstata li fit-tfassil tad-dikjarazzjoni tan-netwerk, li tinkludi l-kriterji inklużi fiha, jew fil-proċess ta’ allokazzjoni tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura ferrovjarja, inklużi r-riżultati tiegħu u l-mod kif ikunu ġew iffissati l-prezzijiet, tkun ġiet segwita proċedura inkorretta, huwa għandu jiddeċiedi li l-imsemmija dikjarazzjoni għandha tiġi mmodifikata, inklużi l-kriterji stabbiliti fiha, jew għandu jiddeċiedi dwar allokazzjoni ta’ dawn il-kapaċitajiet, u b’mod partikolari l-mod kif ġew iffissati l-prezzijiet”. |
15. |
Skont l-Artikolu 56(c) tal-Liġi dwar il-linji tal-ferrovija, il-Ministeru tat-Trasport huwa “il-korp tal-appell fil-proċeduri amministrattivi, fl-oqsma rregolati minn din il-liġi, li jitressqu kontra d-deċiżjonijiet tal-Uffiċċju tal-Linji tal-Ferrovija, tal-ispettorat tal-ferroviji u tal-komuni”. |
2. Il-Liġi dwar il-prezzijiet
16. |
Il-Liġi Nru 526/1990 Sb. dwar il-prezzijiet (zákon č. 526/1990 Sb., o cenách), kif emendata (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-prezzijiet”) tikkonċerna l-applikazzjoni, il-leġiżlazzjoni u l-kontroll tal-prezzijiet tal-prodotti, tas-servizzi u tax-xogħlijiet għas-suq nazzjonali. |
17. |
Skont l-Artikolu 10(2) tal-Liġi dwar il-prezzijiet: “Id-dispożizzjonijiet dwar il-leġiżlazzjoni tal-prezzijiet previsti fil-paragrafu 1 għandhom jiġu ppubblikati mill-Ministeru tal-Finanzi fil-Bullettin Uffiċjali tal-Prezzijiet […]. Huma għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali skont dispożizzjonijiet legali speċjali. […] Id-deċiżjoni dwar il-prezzijiet għandha ssir valida dakinhar li tiġi ppubblikata fil-Bullettin Uffiċjali korrispondenti u għandha tidħol fis-seħħ fid-data stabbilita fiha, imma mhux qabel dakinhar li tiġi ppubblikata”. |
18. |
Skont l-Artikolu 10(2) tal-Liġi dwar il-prezzijiet, il-Ministeru tal-Finanzi jippubblika deċiżjoni (“Výměr”) li tistabbilixxi l-lista tal-oġġetti li prezzhom ikun qed jiġi rregolat. Il-Ministeru tal-Finanzi jippubblika din id-deċiżjoni kull sena fil-Bullettin Uffiċjali tal-Prezzijiet. Din tiffissa l-prezz massimu għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja interna, kemm nazzjonali kif ukoll reġjonali, fil-kuntest tal-operat tat-trasport ferrovjarju. |
3. Il-Liġi dwar il-Fond Statali tal-Infrastrutturi tat-Trasport
19. |
Il-Liġi Nru 104/2000 Sb. dwar il-Fond Statali tal-Infrastrutturi tat-Trasport (Zákon č. 104/2000 Sb. o Státním fondu dopravní infrastruktury), kif emendata (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Fond Statali tal-Infrastrutturi tat-Trasport”) tirregola l-attivitajiet ta’ dan il-Fond u l-użu tal-krediti tiegħu għall-iżvilupp, għall-kostruzzjoni, għall-manutenzjoni u għall-modernizzazzjoni tal-infrastrutturi ferrovjarji. |
20. |
Skont l-Artikolu 2 tal-Liġi dwar il-Fond Statali tal-Infrastrutturi tat-Trasport: “Il-Fond jalloka d-dħul tiegħu lill-iżvilupp, lill-kostruzzjoni, lill-manutenzjoni u lill-modernizzazzjoni tat-toroq u tal-awtostradi, tal-linji tal-ferrovija u tal-ilmijiet navigabbli kif ġej: […]
[…]
|
4. Id-Digriet Nru 501/2005
21. |
Id-Digriet Nru 501/2005 Sb. jiffissa l-ispejjeż sostnuti mill-amministratur tal-linji tal-ferrovija, marbuta mal-operat u mal-funzjonament, mal-modernizzazzjoni u mal-iżvilupp tal-linji tal-ferrovija (vyhláška n 501/2005 Sb., o vymezení nákladů provozovatele dráhy spojených s provozováním a zajišťováním provozuschopnosti, modernizace a rozvoje železniční dopravní cesty). |
5. Il-Liġi dwar il-kompetenzi tal-Uffiċċju tal-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni
22. |
Il-Liġi Nru 273/1996 Sb. dwar il-kompetenzi tal-Uffiċċju tal-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni (zákon č. 273/1996 Sb., o působnosti Úřadu pro ochranu hospodářské soutěže), kif emendata (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-kompetenzi tal-Uffiċċju tal-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni”) tiddefinixxi, fost l-oħrajn, l-oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenza ta’ dan l-Uffiċċju. |
23. |
Skont l-Artikolu 2 tal-Liġi dwar il-kompetenzi tal-Uffiċċju tal-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni, l-Uffiċċju tal-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni: “[…]
|
6. Il-Liġi dwar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni
24. |
L-Uffiċċju tal-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni jwettaq l-attivitajiet previsti mil-Liġi Nru 143/2001 Sb. dwar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni (zákon č. 143/2001 Sb., o ochraně hospodářské soutěže a o změně některých zákonů) kif emendata. |
25. |
Skont l-Artikolu 1(1) ta’ din il-liġi dwar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni: “Huwa għandu jorganizza l-protezzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq tal-prodotti u tas-servizzi […] kontra kull prattika li timpedixxi, tirrestrinġi, twettaq distorsjoni ta’ jew thedded il-kompetizzjoni permezz ta’
|
III – Il-proċedura prekontenzjuża u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
26. |
Fl-10 ta’ Mejju 2007, is-servizzi tal-Kummissjoni bagħtu kwestjonarju lill-awtoritajiet Ċeki sabiex jivverifikaw it-traspożizzjoni mir-Repubblika Ċeka tad-Direttivi 91/440 u 2001/14. L-imsemmi Stat Membru wieġeb il-kwestjonarju b’ittra tal-11 ta’ Lulju 2007. |
27. |
Fis-27 ta’ Ġunju 2008, il-Kummissjoni, abbażi tal-informazzjoni mibgħuta mir-Repubblika Ċeka, intimat lil dan l-Istat Membru sabiex jikkonforma ruħu mad-Direttivi 91/440 u 2001/14 u, b’mod partikolari, mad-dispożizzjonijiet tagħhom dwar it-tariffi għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja u ma’ dawk dwar il-korp regolatorju. |
28. |
Abbażi tal-informazzjoni li bagħtitilha r-Repubblika Ċeka, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-oġġezzjonijiet ippreżentati fl-ittra ta’ intimazzjoni tagħha ma kinux ġew ikkonfutati u, b’ittra tad-9 ta’ Ottubru 2009, bagħtet opinjoni mmotivata lir-Repubblika Ċeka. |
29. |
F’din l-opinjoni mmotivata, il-Kummissjoni akkużat lir-Repubblika Ċeka li hija kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha abbażi tal-Artikoli 4(1), 6(2), 7(3), 11 u 30(5) tad-Direttiva 2001/14, kif ukoll tal-Artikolu 10(7) tad-Direttiva 91/440. Konsegwentement, hija stiednet lir-Repubblika Ċeka sabiex tieħu l-miżuri meħtieġa ħalli tikkonforma ruħha mal-imsemmija opinjoni mmotivata f’terminu ta’ xahrejn minn meta tirċeviha. |
30. |
Ir-Repubblika Ċeka wieġbet din l-opinjoni mmotivata b’ittra tat-8 ta’ Diċembru 2009, fejn ikkontestat kull ksur tad-dispożizzjonijiet imsemmija f’din tal-aħħar. |
31. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors fit-23 ta’ Novembru 2010. |
32. |
Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Lulju 2011, ir-Renju ta’ Spanja ġie awtorizzat jintervjeni sabiex isostni t-talbiet tar-Repubblika Ċeka. |
33. |
Il-Kummissjoni kif ukoll ir-Repubblika Ċeka kienu rrappreżentati matul is-seduta li saret fl-20 ta’ Settembru 2012. |
IV – Analiżi tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu
A – Fuq l-ewwel ilment ibbażat fuq l-allegat iffissar ta’ ammont massimu ta’ tariffi għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja
1. L-argumenti tal-partijiet
34. |
Il-Kummissjoni ssostni li billi tiffissa l-ammont massimu tat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja, ir-Repubblika Ċeka kisret l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/14. Hija ssostni li minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li d-dritt li għandu l-Istat Membru li jiffissa l-kuntest tal-impożizzjoni ta’ tariffi għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja għandu jirrispetta d-dritt tal-amministratur li jiddetermina t-tariffa u li jiġborha. Issa, l-iffissar, b’deċiżjoni annwali tal-Ministeru tal-Finanzi, ta’ tariffa massima applikabbli għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja, skont l-Artikolu 10(2) tal-Liġi dwar il-prezzijiet, imur lil hinn mill-kuntest għall-impożizzjoni ta’ tariffi u mir-regoli li l-Istati Membri huma intitolati jiddefinixxu abbażi tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/14. |
35. |
Ir-Repubblika Ċeka tikkunsidra li l-interpretazzjoni letterali u sistematika tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/14, difiża mill-Kummissjoni ma hijiex suffiċjenti, u ssostni li għandu jintuża l-metodu teleoloġiku. Skont dan l-Istat Membru, in-neċessità li jiġu eliminati l-impatti negattivi tal-monopolju tagħmel parti mill-għan ġenerali tad-Direttiva 2001/14, u dan jispjega għaliex din tabilħaqq tagħti lill-Istati Membri l-kompetenza sabiex jistabbilixxu kuntest jew sistema għall-impożizzjoni ta’ tariffi. Barra minn hekk, l-iffissar tal-prezz massimu ma jfissirx li l-amministratur tal-infrastruttura ma jkunx jista’ jiddetermina huwa stess l-ammont tat-tariffi. |
36. |
Ir-Renju ta’ Spanja jsostni, essenzjalment, li l-iffissar ta’ ammont massimu ma jimpedixxix lill-amministratur tal-infrastruttura milli jistabbilixxi tassew it-tariffi. |
2. Eżami tal-ewwel ilment
37. |
Qabel xejn, għandu jiġi osservat li l-ewwel ilment tal-Kummissjoni jirrigwarda l-istess problematika tal-ewwel ilment fil-kawża Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq. Minkejja l-fatt li fir-Repubblika Ċeka, il-Ministru tal-Finanzi jiffissa biss ammont massimu għat-tariffi filwaqt li fi Spanja l-ammont tat-tariffi jitfissa kollu b’digriet ministerjali b’tali mod li l-irkupru tat-tariffi biss huwa fdat f’idejn l-amministratur tal-infrastruttura, naħseb li l-argumenti legali mressqa fl-imsemmija konklużjonijiet japplikaw ukoll, mutatis mutandis, għar-Repubblika Ċeka ( 7 ). |
38. |
F’din il-kawża, jiena kkonkludejt li sabiex jiġi żgurat l-għan ta’ amministrazzjoni indipendenti, il-kuntest regolatorju u finanzjarju biss jista’ jiġi ddefinit mill-Istat. Tali kuntest jista’ jinkludi regoli ġenerali dwar l-impożizzjoni ta’ tariffi u, bla ħsara li tiġi osservata l-kundizzjoni tal-indipendenza tal-amministrazzjoni, anki regoli speċifiċi. Fil-fehma tiegħi, tali kuntest statali jista’ wkoll jiddefinixxi għanijiet finanzjarji tal-amministrazzjoni tal-infrastruttura meta jirrigwardaw, pereżempju, forom differenti ta’ traffiku ferrovjarju. Fir-rigward tal-ispejjeż tal-infrastruttura rispettivi ġġenerati mill-forom differenti ta’ traffiku ferrovjarju (bħat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija, it-traffiku tal-passiġġieri fuq distanzi twal jew it-traffiku suburban), l-Istat jista’ jiddefinixxi limiti varjabbli, skont it-tip ta’ traffiku, li l-amministraturi għandhom isostnuhom ( 8 ). Madankollu, regolamentazzjoni tal-prezzijiet mill-Istat li timplika determinazzjoni ta’ tariffi massimi ma jidhirlix li hija konformi mal-indipendenza tal-amministrazzjoni. |
39. |
Skont l-Artikolu 30(2)(e) tad-Direttiva 2001/14, il-kontroll tal-livell u tal-istruttura tat-tariffi għandu jsir mill-korp regolatorju. Huwa minnu li l-ministeru responsabbli mill-kwistjonijiet tat-trasport jista’ jagħmilha ta’ korp regolatorju. Madankollu, dan ma huwiex il-każ fir-Repubblika Ċeka. L-iffissar, b’deċiżjoni annwali tal-Ministeru tal-Finanzi, ta’ tariffa massima applikabbli għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja, skont l-Artikolu 10(2) tal-Liġi dwar il-prezzijiet, ma jistax, iktar u iktar, jiġi kkunsidrat bħala traspożizzjoni korretta tal-imsemmija dispożizzjoni tad-Direttiva 2001/14 dwar il-kompetenzi tal-korp regolatorju. |
40. |
L-argument tar-Repubblika Ċeka bbażat fuq in-neċessità li jiġi evitat li l-pożizzjoni monopolistika tal-amministratur tal-infrastruttura ma tissarrafx fl-iffissar ta’ tariffi eċċessivi fir-rigward tat-trasportaturi kollha, lanqas ma jista’ jintlaqa’. Skont l-Artikolu 10(7) tad-Direttiva 91/440, il-korp regolatorju stabbilit skont l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2001/14, jew kwalunkwe korp ieħor li jgawdi mill-istess grad ta’ indipendenza għandu jissorvelja l-kompetizzjoni fis-swieq tas-servizzi ferrovjarji, inkluż is-suq tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija. Fir-Repubblika Ċeka, dan il-kompitu ġie fdat lill-Uffiċċju tal-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni. Il-kontroll tat-tariffi massimi mill-Ministeru tal-Finanzi għalhekk ma josservax din id-dispożizzjoni. |
41. |
Għandu jingħad ukoll li s-sentenza Mobistar ( 9 ), imsemmija mir-Repubblika Ċeka, lanqas ma tixhed favur il-pożizzjoni ta’ dan l-Istat Membru. Fl-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li l-Artikolu 30(2) tad-Direttiva 2002/22/KE ( 10 ) ma jipprekludix l-adozzjoni ta’ miżura nazzjonali li tiddefinixxi metodu speċifiku għall-kalkolu tal-ispejjeż u li tistabbilixxi minn qabel u permezz ta’ mudell teoretiku tal-ispejjeż, il-prezzijiet massimi li jistgħu jintalbu mill-operatur li jagħti mingħand l-operatur li jirċievi, bħala spejjeż ta’ stabbiliment, peress li t-tariffi huma ffissati abbażi tal-ispejjeż b’tali mod li l-konsumaturi ma jiġux dissważi milli jużaw din il-faċilità tal-portabbiltà. Issa, din is-sentenza tikkonċerna l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni Komunitarja li tinsab f’kuntest leġiżlattiv differenti u li l-għan u d-diċitura tagħha ma jikkorrispondux għal dawk tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/14. |
42. |
Għal dawn ir-raġunijiet, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ l-ewwel ilment tal-Kummissjoni. |
B – Fuq it-tieni lment ibbażat fuq l-allegata assenza ta’ miżuri li jinkoraġġixxu lill-amministraturi jnaqqsu l-ispejjeż tal-fornitura tal-infrastruttura u l-livell tat-tariffi ta’ aċċess
1. L-argumenti tal-partijiet
43. |
Il-Kummissjoni ssostni li billi ma adottatx miżuri li jinkoraġġixxu lill-amministraturi jnaqqsu l-ispejjeż tal-fornitura tal-infrastruttura u l-livell tat-tariffi ta’ aċċess, ir-Repubblika Ċeka kisret l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2001/14. Fil-fehma tagħha, l-iskema ta’ inċentivi prevista minn dik id-dispożizzjoni tippreżumi rabta diretta bejn l-għoti ta’ riżorsi finanzjarji u l-aġir tal-amministratur tal-infrastruttura, b’dan tal-aħħar inaqqas l-ispejjeż tal-fornitura tal-infrastruttura jew l-ammont tat-tariffi ta’ aċċess. F’dak ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li l-mezzi finanzjarji mogħtija mill-Fond Statali tal-Infrastrutturi tat-Trasport bl-ebda mod ma jikkostitwixxu inċentivi intiżi sabiex jinkoraġġixxu lill-amministratur inaqqas l-ispejjeż jew l-ammont tat-tariffi. |
44. |
Skont ir-Repubblika Ċeka, ir-rwol mogħti lill-Istat mill-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2001/14, jiġifieri li jinkoraġġixxi lill-amministraturi tal-infrastrutturi b’inċentivi sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-fornitura tal-infrastruttura u tal-livell tat-tariffi ta’ aċċess, ma huwiex mingħajr kundizzjonijiet. L-imsemmija dispożizzjoni tiddefinixxi l-għan li l-Istati Membri għandhom jilħqu, fil-forma ta’ riżultat li jista’ jinkiseb kollu biss wara li jintlaħaq livell suffiċjenti ta’ kwalità u ta’ sigurtà tal-infrastruttura ferrovjarja fil-kuntest tan-netwerk kollu jew ta’ parti kbira minnu. Fid-dawl tal-istat attwali tal-infrastruttura ferrovjarja fir-Repubblika Ċeka, is-sistema meħtieġa mill-imsemmija dispożizzjoni ma tistax tiġi stabbilita kollha mingħajr ma din, fl-istess ħin, tirriżulta f’theddida għas-sigurtà jew għall-kwalità tas-servizzi tal-infrastruttura inkwistjoni. |
45. |
Fi kwalunkwe każ, ir-Repubblika Ċeka ssostni li l-inċentivi previsti fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2001/14 attwalment jitwettqu permezz tal-Fond Statali tal-Infrastrutturi tat-Trasport. Fil-fatt, il-parti l-kbira tal-ispejjeż għall-manutenzjoni tal-linji tal-ferrovija huma koperti mis-sussidji allokati mill-Istat permezz tal-imsemmi Fond. Mingħajr dawn is-sussidji, l-ammont tat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura jkun diversi drabi ogħla. |
46. |
Skont ir-Renju ta’ Spanja, ma huwiex raġonevoli li jitnaqqsu t-tariffi ta’ aċċess mingħajr ma qabel jiġi mmodernizzat in-netwerk ferrovjarju u b’hekk jitnaqqsu l-ispejjeż għall-manutenzjoni. Dan l-Istat Membru jsostni wkoll li l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/14 huwa marbut man-neċessità li l-amministratur tal-infrastruttura jibbilanċja l-kontijiet tiegħu mingħajr finanzjament Statali. |
2. Eżami tat-tieni lment
47. |
Qabel xejn, għandu jiġi osservat li t-tieni lment tal-Kummissjoni f’din il-kawża, ibbażat fuq l-allegata assenza ta’ inċentivi biex l-amministratur tal-infrastruttura jillimita l-ispejjeż marbuta mas-servizz tal-infrastruttura jew il-livell tat-tariffi ta’ aċċess, huwa essenzjalment identiku għat-tielet ilment fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, kif ukoll għat-tielet ilment fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, iċċitata iktar ’il fuq, fejn se nippreżenta l-konklużjonijiet tiegħi f’dawn il-kawżi fl-istess data tal-konklużjonijiet f’din il-kawża ( 11 ). Għal din ir-raġuni, biħsiebni nirreferi għar-raġunament legali li segwejt fl-imsemmija konklużjonijiet. |
48. |
Fir-rigward tal-leġiżlazzjoni Ċeka u tal-implementazzjoni tagħha, madankollu jeżistu xi differenzi sinjifikattivi meta pparagunati mas-sitwazzjoni prevalenti fil-Ġermanja, u sa ċertu punt, meta pparagunati mas-sitwazzjoni prevalenti fil-Polonja. Konsengwentement, l-eżami tal-kwistjoni jekk l-ilment tal-Kummissjoni huwiex fondat jew le għandu jieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni speċifika prevalenti fir-Repubblika Ċeka. |
49. |
Skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2001/14, l-amministratur tal-infrastruttura, filwaqt li josserva r-rekwiżiti fil-qasam tas-sigurtà u filwaqt li jżomm u jtejjeb il-kwalità tas-servizz tal-infrastruttura, għandu jiġi inkoraġġit b’inċentivi sabiex inaqqas l-ispejjeż tal-fornitura tal-infrastruttura u l-livell tat-tariffi ta’ aċċesss. Bil-kontra ta’ dak li jiġi applikat, abbażi tal-Artikolu 11 tal-imsemmija direttiva, għat-titjib tas-servizzi tan-netwerk ferrovjarju, l-Artikolu 6(2) tal-imsemmija direttiva ma jeżiġix li l-inċentivi jifformaw “skema [sistema]” ( 12 ). |
50. |
Madankollu, l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2001/14 jipprevedi żewġ possibbiltajiet distinti għat-twettiq tal-obbligu pprovdut fl-Artikolu 6(2). Il-possibbiltajiet huma jew ftehim multiannwali konkluż bejn l-amministratur tal-infrastruttura u l-awtorità kompetenti u li jipprevedi finanzjament mill-Istat, jew l-istabbiliment ta’ miżuri regolatorji xierqa b’poteri adegwati. Issa, anki jekk miżuri, meħuda separatament, jistgħu jiġi kkunsidrati bħala inċentivi, madankollu dawn ma jistgħux jirrappreżentaw il-miżuri previsti fl-Artikolu 6(2) ta’ din id-direttiva jekk ma jkunux jagħmlu parti mill-kuntest ta’ waħda miż-żewġ possibbiltajiet iddefiniti f’dan l-Artikolu 6(3). |
51. |
Jidhirli li r-Repubblika Ċeka ma hijiex qed tafferma li aġixxiet, għall-finijiet tal-adozzjoni ta’ inċentivi, b’mod konformi mal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2001/14, u iktar minn hekk, b’mod li jista’ jwettaq l-obbligu stabbilit fl-Artikolu 6(2). |
52. |
Għandu jingħad ukoll li s-sempliċi fornitura lill-amministratur tal-infrastruttura ta’ finanzjament mill-Istat, bħal dik imsemmija mir-Repubblika Ċeka, ċertament tista’ tinvolvi tnaqqis fl-ispejjeż u fit-tariffi, imma ma tikkostitwixxix, minnha nfisha, inċentiv fis-sens tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2001/14. Fil-fatt, inċentiv huwa att li jħeġġeġ lill-amministratur tal-infrastruttura sabiex inaqqas l-ispejjeż jew it-tariffi, jiġifieri li għandu bħala effett ċertu aġir min-naħa tal-imsemmi amministratur. Għal din ir-raġuni, il-kundizzjonijiet tal-finanzjament Statali jew l-istruttura tal-kuntest tal-fornitura tiegħu jistgħu jiġu kkunsidrati bħala inċentivi. Min-naħa l-oħra, mhux l-istess jista’ jingħad għas-sempliċi eżistenza ta’ finanzjament. |
53. |
Fir-rigward tal-argument tar-Repubblika Ċeka bbażat fuq l-istat imwiegħer tal-infrastruttura ferrovjarja, għandu jiġi kkonstatat li l-obbligi tal-Istati Membri previsti fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2001/14 ma humiex suġġetti għal tali ċirkustanza. Madankollu, jibqa’ evidenti l-fatt li l-għażla tal-inċentivi li għandhom jiġu adottati, u b’mod iktar partikolari l-għanijiet konkreti li jkun irid jilħaq l-Istat Membru permezz ta’ dawn l-inċentivi, jiddependu mir-rekwiżiti tas-sigurtà u tal-livell ta’ kwalità tas-servizz tal-infrastruttura, li jissemmew espressament fl-imsemmi paragrafu. |
54. |
F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll li l-għan tal-inċentivi huwa li jħarsu l-effikaċja ekonomika tal-amministrazzjoni mill-perikoli ta’ nuqqas ta’ effikaċja li huma inerenti fil-monopolji naturali ( 13 ). Fil-fehma tiegħi, l-istat imwiegħer tal-infrastruttura ma jeskludix varjazzjoni fl-effikaċja tal-amministrazzjoni u, b’mod partikolari, l-adozzjoni ta’ inċentivi fir-rigward tal-amministratur. B’miżuri bħal dawn, Stat Membru jipprova jiżgura, minn naħa, li l-ispejjeż tal-amministratur tal-infrastruttura jikkorrispondu għal dawk ta’ infrastruttura amministrata b’mod effikaċi u, min-naħa l-oħra, li l-imsemmija spejjeż ma jkunux jinkludu spejjeż żejda li jkunu kkawżati minn organizzazzjoni ħażina jew minn amministrazzjoni ħażina min-naħa tal-amministratur tal-infrastruttura. B’hekk, jekk huwa paċifiku li l-Istati Membri għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-istat tal-infrastruttura għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2001/14, dan bl-ebda mod ma jeżentahom mill-obbligu li jadottaw inċentivi bħal dawk previsti mill-imsemmija dispożizzjoni. |
55. |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ngħad iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ anki t-tieni lment tal-Kummissjoni. |
C – Fuq it-tielet ilment ibbażat fuq l-allegazzjoni li t-tariffi miġbura għas-servizzi minimi kollha u l-aċċess min-netwerk għall-infrastrutturi tas-servizzi ma humiex ugwali għall-ispejjeż imputabbli direttament għall-operat tas-servizz ferrovjarju
1. L-argumenti tal-partijiet
56. |
Il-Kummissjoni ssostni li fir-Repubblika Ċeka, it-tariffi miġbura għas-servizzi minimi kollha u l-aċċess min-netwerk għall-infrastrutturi tas-servizzi ma humiex ugwali għall-ispejjeż imputabbli direttament għall-operat tas-servizz ferrovjarju, bi ksur ta’ dak li jipprevedi l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2001/14. Fil-fehma tagħha “l-ispiża direttament involuta bħala riżultat ta’ l-operazzjoni tas-servizz tal-ferrrovija [l-ispiża imputabbli direttament għall-operat tas-servizz ferrovjarju]” fis-sens ta’ dik id-dispożizzjoni għandha tinftiehem bħala l-ispiża marġinali imputabbli għall-operat reali tas-servizz ferrovjarju. Il-Kummissjoni tippreċiża li l-ispejjeż ġenerali ma jistgħux jiġu inklużi fl-imsemmija spiża billi dawn ma humiex imputabbli direttament għall-operat tas-servizz ferrovjarju. |
57. |
Ir-Repubblika Ċeka wieġbet li, peress li la d-Direttiva 2001/14 u lanqas xi dispożizzjoni oħra tad-dritt tal-Unjoni ma jelenkaw l-ispejjeż li jistgħu jaqgħu jew le taħt il-kunċett ta’ “l-ispiża direttament involuta bħala riżultat ta’ l-operazzjoni tas-servizz tal-ferrrovija [l-ispiża imputabbli direttament għall-operat tas-servizz ferrovjarju]”, wieħed għandu jistaqsi, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tal-ispejjeż li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni biex jiġi kkalkolat l-ammont tat-tariffi, jekk, fir-rigward ta’ tali spejjeż, tistax tiġi stabbilita rabta kawżali diretta mal-operat tas-servizz ferrovjarju, jiġifieri jekk dawn l-ispejjeż ġewx sostnuti tassew għall-finijiet tal-operat ta’ tali servizz. Konsegwentement, għandu jiġi ddeterminat jekk dawn humiex spejjeż marbuta direttament ma’ attività jew ma’ oġġett li l-assenza tagħha jew tiegħu jimpedixxi lill-ferrovija milli tiċċirkula fuq linja tal-ferrovija. |
58. |
Skont ir-Repubblika Ċeka, il-proċedura ta’ ffissar tat-tariffi mill-amministratur tal-ammont billi jittieħdu inkunsiderazzjoni biss l-ispejjeż imputabbli direttament għall-operat tas-servizz ferrrovjarju tirriżulta mill-Artikolu 34c tal-Liġi dwar il-linji tal-ferrovija, moqri flimkien mad-dikjarazzjoni tan-netwerk ferrovjarju, adottata abbażi tal-imsemmija dispożizzjoni (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjoni tan-netwerk”). Sabiex jiġi ddeterminat jekk spiża partikolari, jew kategorija partikolari ta’ spejjeż, tkunx imputabbli direttament għall-operat tas-servizz ferrovjarju, għandu jiġi eżaminat jekk din l-ispiża jew din il-kategorija ta’ spejjeż tiġix iġġenerata bl-operat ta’ trasport ferrovjarju partikolari. |
59. |
Fil-kontroreplika tagħha, ir-Repubblika Ċeka ssostni li huwa żbaljat li jiġi sostnut li ż-żieda ta’ ferrovija supplimentari fl-iskema tal-operat ta’ linja partikolari ma twassalx, b’mod ġenerali, għaż-żieda tal-ispejjeż marbuta mal-amministrazzjoni tat-traffiku. Dan l-Istat Membru jgħid b’mod partikolari li minn avviż ta’ “The Community of European Railway and Infrastructure Companies (CER)” [il-Komunità tal-Impriżi Ferrovjarji u Infrastrutturali Ewropej (CER)], ( 14 ) jirriżulta li l-ispejjeż marbuta mal-programmazzjoni, mal-allokazzjoni tal-mogħdijiet, mal-amministrazzjoni tat-traffiku, mad-dispaċċ u mas-sinjalazzjoni ta’ moviment ta’ ferrovija għandhom jaqgħu fil-kategorija ta’ spejjeż imputabbli direttament għall-operat ta’ servizz ferrovjarju. |
2. Eżami tat-tielet ilment
a) Osservazzjonijiet preliminari
60. |
Qabel xejn, għandu jiġi osservat li jiena kelli l-okkażjoni li nindirizza b’mod dettaljat l-istruttura u l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/14 fil-konklużjonijiet li jiena ppreżentajt fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq ( 15 ). F’dik il-kawża, jiena kkonkludejt li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni kienet tant kumplessa li ma setgħetx tiġi ridotta għal għażla bejn żewġ metodi alternattivi ta’ kumpens għall-ispejjeż, imma li wieħed kellu jibbaża ruħu fuq firxa li tinkorpora valur minimu, jiġifieri l-ispiża imputabbli direttament għall-operat tal-infrastruttura, u valur massimu li jikkorrispondi għall-ammont totali tal-ispejjeż inkorsi mill-amministratur tal-infrastruttura. Bejn dawn iż-żewġ limiti, l-amministratur jista’ japplika kriterji ta’ impożizzjoni ta’ tariffi supplimentari previsti mill-imsemmija direttiva, kif ukoll tnaqqis skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mid-Direttiva 2001/14 u, possibbilment, kriterji stabbiliti fil-kuntest tal-impożizzjoni ta’ tariffi adottata mill-Istat Membru. |
61. |
Għandu jitfakkar ukoll li d-determinazzjoni tat-tariffa għall-użu tal-infrastruttura, fil-kuntest tal-impożizzjoni ta’ tariffi stabbilit mill-Istat Membru, għandha ssir mill-amministratur tal-infrastruttura, li jiżgura ruħu li s-sistema ta’ impożizzjoni ta’ tariffi tkun ibbażata fuq l-istess prinċipji fin-netwerk kollu ( 16 ). Skont l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/14, sabiex tiġi impedita diskriminazzjoni, it-tariffi medji u marġinali ta’ amministratur tal-infrastruttura partikolari għandhom ikunu paragunabbli għal użu ekwivalenti tal-infrastruttura tiegħu u servizzi paragunabbli pprovduti fl-istess settur tas-suq għandhom ikunu suġġetti għall-istess tariffi. Fid-dikjarazzjoni tan-netwerk, l-amministratur tal-infrastruttura juri li s-sistema ta’ impożizzjoni ta’ tariffi tissodisfa dawn ir-rekwiżiti ( 17 ). |
62. |
Min-naħa l-oħra, it-traspożizzjoni leġiżlattiva tal-Istat Membru għandha tipprevedi regoli bażiċi li jippermettu l-aċċess għas-servizzi minimi tal-infrastruttura ferrovjarja u jiddefinixxu f’termini ġenerali l-modalitajiet tal-impożizzjoni ta’ tariffi meħtieġa mid-Direttiva 2001/14. Madankollu, ġeneralment, l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ impożizzjoni ta’ tariffi previsti mill-imsemmija direttiva għandha ssir fuq il-livell leġiżlattiv jew amministrattiv, billi għal dan il-għan jintużaw il-kuntest tal-impożizzjoni ta’ tariffi u d-dikjarazzjoni tan-netwerk applikati għad-data konkreta tas-suq. Għandu jitfakkar ukoll li l-aċċess għas-servizzi minimi tal-infrastruttura jista’ jkun suġġett għal rati ta’ profitt jew għal żidiet “jekk is-suq jiflaħ dan” [Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2001/14]. |
63. |
Fil-kuntest tat-tielet ilment tal-Kummissjoni f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab tagħti deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni tal-valur minimu tal-firxa, jiġifieri “l-ispiża direttament involuta bħala riżultat ta’ l-operazzjoni tas-servizz tal-ferrrovija [l-ispiża imputabbli direttament għall-operat tas-servizz ferrovjarju]” ( 18 ). Dan il-kompitu ma huwiex mingħajr diffikultajiet fid-dawl, l-ewwel nett, tan-nuqqas ta’ preċiżjoni tad-Direttiva 2001/14, it-tieni nett, tal-fatt li din l-interpretazzjoni tirreferi għal kunċetti u għal data ekonomika jew aħjar ekonometrika u, fl-aħħar nett, tad-diversità ta’ definizzjonijiet teoretiċi u ta’ applikazzjonijiet prattiċi tal-kunċett inkwistjoni fis-settur ferrovjarju. |
64. |
L-għanijiet tal-leġiżlatur f’dan ir-rigward, fil-fehma tiegħi, huma faċilment identifikabbli. Fil-kuntest tal-għan ġenerali tal-leġiżlazzjoni ferrovjarja tal-Unjoni li jiġi ggarantit aċċess ġust u nondiskriminatorju għall-infrastrutturi ferrovjarji, ir-rekwiżit tal-aċċess għas-servizzi minimi bħala korrispettiv ta’ kopertura tal-ispejjeż “direttament involut[i] bħala riżultat ta’ l-operazzjoni tas-servizz tal-ferrovija [imputabbli direttament għall-operat tas-servizz ferrovjarju]” jiġi spjegat bil-għanijiet li t-trasport ferrovjarju jkun jista’ jissodisfa l-ħtiġijiet tas-suq tat-traffiku internazzjonali u li tiġi żgurata l-kompetittività intermodali tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija meta pparagunat ma’ mezzi oħrajn ta’ trasport ( 19 ). |
65. |
Issa, l-aċċess għas-suq u l-kompetittività kemm fir-rigward tal-operaturi ferrovjarji storiċi kif ukoll b’rabta mat-traffiku fit-toroq jeżiġu li l-infrastruttura ferrovjarja tkun aċċessibbli mingħajr ma tinvolvi kumpens għall-ispejjeż li jirrappreżentaw l-investimenti fl-infrastruttura storika li ma jiġux iffinanzjati mill-operaturi eżistenti jew li ma jiġux imposti fuq il-modi l-oħra kompetituri ta’ trasport. |
b) Fuq l-“l-ispiża direttament involuta bħala riżultat ta’ l-operazzjoni tas-servizz tal-ferrrovija [l-ispiża imputabbli direttament għall-operat tas-servizz ferrovjarju]”
66. |
Skont il-Kummissjoni, “l-ispiża direttament involuta bħala riżultat ta’ l-operazzjoni tas-servizz tal-ferrrovija [l-ispiża imputabbli direttament għall-operat tas-servizz ferrovjarju]”, fis-sens tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2001/14, għandha tinftiehem bħala l-ispiża marġinali imputabbli għall-operat reali tas-servizz ferrovjarju. Matul is-seduta, il-Kummissjoni ppreċiżat li dan jikkorrispondi prinċipalment għall-ispejjeż marbuta mal-ħsarat fil-linji tal-ferrovija minħabba l-użu li jirriżultaw miċ-ċirkulazzjoni tal-ferroviji. Skont ir-Repubblika Ċeka, l-ispejjeż li jistgħu jiġu kkunsidrati sabiex jiġi kkalkolat l-ammont tat-tariffi huma dawk li fir-rigward tagħhom tista’ tiġi stabbilita rabta kawżali diretta mal-operat tas-servizz ferrovjarju, jiġifieri l-ispejjeż tabilħaqq sostnuti għall-finijiet tal-operat tal-imsemmi servizz. |
67. |
Mil-lat eknomiku, spiża marġinali tikkorrispondi għall-ispiża supplimentari ġġenerata mill-produzzjoni ta’ unità supplimentari. Applikata għas-settur ferrovjarju, l-ispiża marġinali tal-użu tal-infrastruttura b’hekk hija ekwivalenti għall-ispiża li l-amministratur tal-infrastruttura għandu jsostni minħabba l-użu ta’ parti ddefinita mill-infrastruttura, bħal sezzjoni, minn ferrovija supplimentari ( 20 ). |
68. |
Sabiex jiġu ddeterminati l-ispejjeż marġinali tal-użu tal-infrastruttura, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni biss l-ispejjeż varjabbli li jiddependu mit-traffiku. L-ispejjeż fissi, jew l-ispejjeż varjabbli li l-varjabbiltà tagħhom ma tiddependix mit-traffiku, inkorsi mill-amministratur tal-infrastruttura irrispettivament mill-volum tat-traffiku jikkostitwixxu l-ispejjeż mhux rekuperabbli (bil-lingwa Ingliża “sunk costs”), li ma jiġux inklużi fl-ammont tal-ispiża marġinali. B’dan il-mod, kif osservat il-Kummissjoni matul is-seduta, jekk l-amministratur tal-infrastruttura jista’ jkopri biss l-ispejjeż marġinali tat-traffiku, huwa ma jistax ikompli jipprovdi s-servizzi tiegħu fit-tul, sakemm l-ispejjeż l-oħra li huwa għandu jsostni ma jiġux iffinanzjati bi dħul li jiġi minn attivitajiet oħrajn jew minn riżorsi tal-Istat jew ta’ awtoritajiet territorjali. |
69. |
Fir-rigward tal-unità tat-traffiku li b’referenza għaliha tiġi ddeterminata l-ispiża tal-aċċess għall-infrastruttura fl-Istati Ewropej differenti, għandu jiġi kkonstatat li f’dan ir-rigward teżisti differenza kbira. Fost l-unitajiet li permezz tagħhom tista’ tiġi kkwantifikata l-ispiża marġinali, wieħed isib, pereżempju, it-“tunnellata-kilometri”, il-“ferrovija-kilometri”, in-“numru ta’ waqfiet”, l-“għadd ta’ passaġġi”, jew taħlita ta’ dawn il-kriterji ( 21 ). Barra minn hekk, jista’ jkun hemm xi differenzi bejn il-modi ta’ trasport ferrovjarju bħat-trasport tal-merkanzija, it-traffiku tal-passiġġieri jew it-traffiku suburban. |
70. |
Għaldaqstant, jirriżulta li anki jekk il-kunċett ta’ spiża marġinali ta’ aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja jista’ jiġi ddefinit b’mod relattivament faċli, l-implementazzjoni konkreta ta’ din id-definizzjoni hija waħda iebsa, kif tixhed id-diskussjoni li kien hemm bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri. Fil-fatt jidher li d-determinazzjoni konkreta tan-natura fissa jew varjabbli ta’ spiża u, fi ħdan din il-kategorija tal-aħħar, tal-kwistjoni jekk l-imsemmija spiża tiddependix jew le mit-traffiku, tqajjem xi dubji. B’hekk, pereżempju, fir-rigward tal-ispejjeż marbuta mat-tiswijiet u mal-manutenzjoni, mat-tneħħija tas-silġ u tal-borra minn fuq il-linji tal-ferrovija jew mal-użu tas-sistemi ta’ sinjalazzjoni u ta’ sigurtà, il-kwalifika tiddependi minn evalwazzjonijiet suġġettivi, li l-impatt tagħhom fuq ir-riżultat f’termini ta’ spiża marġinali partikolari huwa wieħed sinjifikattiv ( 22 ). |
71. |
Konxja mid-differenzi sinjifikattivi li hemm bejn l-Istati Membri, il-Kummissjoni pproponiet, fl-abbozz għal riformulazzjoni tagħha ppreżentat fl-2010, li tistabbilixxi lista ta’ elementi li ma jistgħux jiġu inklużi fil-kalkolu tal-“[i]spejjeż diretti għas-servizz ferrovjarju […] li huma relatati mal-użu ta’ kuljum tal-infrastruttura” ( 23 ). Dik il-lista kienet tinkludi l-elementi li ġejjin, jiġifieri: “(a) L-ispejjeż ġenerali tan-netwerk kollha, inklużi s-salarji u l-pensjonijiet; (b) L-interess pagabbli fuq il-kapital; (c) Aktar minn għaxra fil-mija tal-ispejjeż relatati mal-iskedar, l-allokazzjoni tal-mogħdijiet tal-ferrovija, l-immaniġjar tat-traffiku, id-dispaċċ u s-senjalar ta’ vjaġġ tal-ferrovija; (d) Id-deprezzament tat-tagħmir tal-informazzjoni, tal-komunikazzjoni jew tat-telekomunikazzjoni; (e) L-ispejjeż relatati mal-immaniġġjar tal-beni immobbli, b’mod partikolari l-akkwist, il-bejgħ, iż-żarmar, id-dekontaminazzjoni, il-kultivazzjoni mill-ġdid jew il-kiri ta’ art jew ta’ assi fissi oħra; (f) Is-servizzi soċjali, l-iskejjel, il-kindergartens, ir-ristoranti; (g) L-ispejjeż relatati ma’ diżastri naturali, aċċidenti u tfixkil fis-servizz” ( 24 ). |
72. |
Dik il-lista madankollu tneħħiet waqt il-proċedura leġiżlattiva. It-test emendat tar-riformulazzjoni issa jipprevedi, fl-Artikolu 31(3), li qabel 30 xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ dik id-direttiva “il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri li jistabbilixxu l-metodoloġija għall-kalkolu tal-ispejjeż imġarrba direttament bħala riżultat tal-operat tal-ferrovija” ( 25 ). Għandu jiġi enfasizzat li l-leġiżlatur ma rrepetiex il-kundizzjoni dwar l-ispejjeż “relatati mal-użu ta’ kuljum tal-infrastruttura” proposta mill-Kummissjoni. |
73. |
Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li l-ispiża marġinali reali tal-użu tal-infrastruttura ferrovjarja tiddependi wkoll mill-karatteristiċi tal-ferrovija, tal-lokomottiva kif ukoll tal-linji tal-ferrovija. Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/14 madankollu jillimitaw il-possibbiltajiet li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi individwali kollha tat-traffiku. Fil-fatt, skont l-Artikolu 8(3) tal-imsemmija direttiva, it-tariffi medji u marġinali ta’ amministratur tal-infrastruttura partikolari għandhom ikunu paragunabbli għal użu ekwivalenti. Fil-fehma tiegħi, isegwi li ma huwiex possibbli li jiġi applikat il-prinċipju ta’ spejjeż marġinali fis-sens strett, peress li t-tariffi ma jistgħux jieħdu kompletament inkunsiderazzjoni d-differenzi marbuta mal-forom differenti ta’ użu. |
74. |
Fir-rigward tal-metodoloġija applikabbli għad-determinazzjoni tal-ispejjeż marġinali, għandu jiġi osservat li ma jeżistix approċċ uniformi f’dan ir-rigward. L-istabbiliment ta’ statistika affidabbli u eżawrjenti b’hekk jiffaċċja diffikultajiet kbar. Min-naħa l-oħra, l-istudji ekonometriċi juru li r-rata tal-ispejjeż marġinali tal-użu tal-infrastruttura ferrovjarja jidhru relattivament stabbli. Għal din ir-raġuni, jekk l-istatistika ma tippermettix li jiġu kkalkolati l-ispejjeż marġinali, għal dan il-għan tista’ tiġi aċċettata stima li tikkorrispondi, pereżempju, għal madwar 20 % tal-ispejjeż totali tal-finanzjament tal-infrastruttura (bil-lingwa Ingliża “full financial costs”). |
75. |
Konsegwentement, minħabba n-nuqqas ta’ preċiżjoni tad-Direttiva 2001/14 u l-assenza ta’ definizzjoni preċiża tal-kunċett ta’ “l-ispiża direttament involuta bħala riżultat ta’ l-operazzjoni tas-servizz tal-ferrrovija [l-ispiża imputabbli direttament għall-operat tas-servizz ferrovjarju]” kif ukoll ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li telenka eżattament l-ispejjeż li ma jaqgħux taħt l-imsemmi kunċett, l-Istati Membri jgawdu, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, minn ċertu marġni ta’ diskrezzjoni ekonomika għall-finijiet tat-traspożizzjoni u tal-applikazzjoni tal-kunċett inkwistjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tagħti preċiżazzjonijiet utli f’dan ir-rigward, minħabba n-natura ferm teknika tal-problematika u minħabba l-eżistenza ta’ studji differenti ta’ esperti li għandhom l-għan li jistabbilixxu definizzjoni kif ukoll metodoloġija komuni fi ħdan l-Unjoni. Jidhirli li, fi kwalunkwe każ, ma hemm l-ebda utilità li wieħed jipprova jippreċiża s-sens legali ta’ dan il-kunċett tad-dritt tal-Unjoni, meta dan huwa kunċett tax-xjenza ekonomika li l-applikazzjoni tiegħu tqajjem diffikultajiet prattiċi kbar. |
76. |
Għaldaqstant, anki jekk ma jidhirlix li huwa possibbli li jiġi ddefinit, permezz ta’ elenku limitattiv, dak li jipprevedi jew dak li ma jipprevedix il-kunċett ta’ “l-ispiża direttament involuta bħala riżultat ta’ l-operazzjoni tas-servizz tal-ferrrovija [l-ispiża imputabbli direttament għall-operat tas-servizz ferrovjarju]”, jibqa’ l-fatt li d-definizzjonijiet użati f’dan ir-rigward mill-Istati Membri jistgħu, f’ċerti każijiet, jinkludu spejjeż li b’mod manifest imorru lil hinn mil-limiti tal-kunċett użat mid-Direttiva 2001/14. Fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, b’hekk għandu jistħarreġ jekk il-leġiżlazzjoni kkontestata tal-Istat Membru tippermettix li fil-kalkolu tat-tariffi miġbura għas-servizzi minimi kollha u tal-aċċess min-netwerk għall-infrastrutturi tas-servizzi jiġu inklużi elementi li ma humiex manifestament imputabbli direttament għall-operat tas-servizz ferrovjarju. |
c) Fuq il-ksur allegat
77. |
F’dan il-każ, il-Kummissjoni u r-Repubblika Ċeka essenzjalment donnhom qed jieħdu pożizzjonijiet opposti dwar il-kwistjoni ta’ liema spejjeż preċiżi jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li huma direttament imputabbli għall-operat tas-servizz ferrovjarju iktar milli dwar id-definizzjoni teoretika ta’ dak il-kunċett, anki jekk ir-rekwiżit ta’ rabta kawżali msemmi mill-Istat Membru inkwistjoni donnu jimplika li għandha tiġi pparagunata s-sitwazzjoni fejn parti mill-infrastruttura titqiegħed għad-dispożizzjoni tat-traffiku ma’ dik fejn din tal-aħħar tibqa’ ma tintużax, u mhux li għandha tiġi ddeterminata l-ispiża marġinali fis-sens ekonomiku. |
78. |
Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni essenzjalment sostniet li fir-Repubblika Ċeka, it-tariffi għas-servizzi minimi kollha u l-aċċess min-netwerk għall-infrastrutturi tas-servizzi ma humiex ugwali għall-ispejjeż imputabbli direttament għall-operat tas-servizz ferrovjarju. F’din ir-replika, hija ppreċiżat li din hija spiża marġinali imputabbli għall-operat reali tas-servizz ferrovjarju, billi din l-ispiża kienet varjabbli u kienet tinbidel skont l-operat reali tas-servizz ferrovjarju. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkunsidra li għandha ssir distinzjoni bejn “l-ispiża direttament involuta bħala riżultat ta’ l-operazzjoni tas-servizz tal-ferrrovija [l-ispiża imputabbli direttament għall-operat tas-servizz ferrovjarju]” u l-ispiża “direttament marbuta ma’ attività jew ma’ oġġett indispensabbli għaċ-ċirkulazzjoni ta’ ferrovija fuq linja tal-ferrovija partikolari” [traduzzjoni mhux uffiċjali], billi dan il-kunċett tal-aħħar, fil-fehma tagħha, huwa wisq estiż meta pparagunat mal-ewwel wieħed. |
79. |
Jiena nikkunsidra, anzi, li l-approċċ tal-Kummissjoni huwa bbażat fuq interpretazzjoni wisq restrittiva tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2001/14. B’hekk, pereżempju, skont il-Kummissjoni għandhom jiġu esklużi l-ispejjeż kollha marbuta mas-sinjalazzjoni, mal-amministrazzjoni tat-traffiku, mal-persunal u mas-sigurtà. Issa, ir-Repubblika Ċeka ssostni, ġustament, li tali spejjeż jiddependu parzjalment mid-densità tat-traffiku, u li l-approċċ tal-Kummissjoni, li donnu jammetti l-possibbiltà ta’ assenza ta’ spejjeż imputabbli direttament għall-operat tas-servizz ferrovjarju, ma jistax jiġi aċċettat ( 26 ). |
80. |
Il-Kummissjoni qed takkuża b’mod partikolari lir-Repubblika Ċeka li inkludiet spejjeż ġenerali fl-ispejjeż li jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġu ddeterminati l-ispejjeż imputabbli direttament għall-operat tas-servizz ferrovjarju. Fil-fehma tagħha, il-leġiżlazzjoni Ċeka lanqas ma tinvolvi definizzjoni ta’ tali spejjeż u d-determinazzjoni tat-tariffi hija bbażata fuq mudell ta’ allokazzjoni tal-ispejjeż, previst bid-Digriet Nru 501/2005 Sb. li jiffissa l-ispejjeż sostnuti mill-amministratur tal-linji tal-ferrovija marbuta mal-operat u mal-funzjonament, mal-modernizzazzjoni u mal-iżvilupp tal-linji tal-ferrovija. |
81. |
Skont ir-Repubblika Ċeka, il-proċedura tal-iffissar tal-ammont tat-tariffi mill-amministratur fejn jittieħdu inkunsiderazzjoni biss l-ispejjeż imputabbli direttament għall-operat tas-servizz ferrovjarju tirriżulta mill-Artikolu 34c tal-Liġi dwar il-linji tal-ferrovija, moqri flimkien mad-dikjarazzjoni tan-netwerk għas-snin 2010/2011. Skont dan id-dokument tal-aħħar, l-ammont tat-tariffi għall-użu tas-servizz tat-trasport jiddependi mit-tip ta’ ferrovija, mill-piż tagħha u mid-distanza li tagħmel. Il-metodu tal-kalkolu tal-prezz għall-użu tas-servizz ta’ trasport jieħu inkunsiderazzjoni regoli speċifiċi kif ukoll il-kuntest għall-impożizzjoni ta’ tariffi, kif ġew iddefiniti mill-awtorità regolatorja, tal-ispejjeż marbuta mal-operat tas-servizz espressi f’ferrovija-kilometri, tal-ispejjeż imputabbli direttament għall-funzjonament tas-servizz iġġenerati tassew mill-operat tat-trasport ferrovjarju espressi f’tunnellata-kilometri, kif ukoll tal-ispejjeż addizzjonali direttament marbuta mal-użu tas-servizz ta’ trasport. |
82. |
Fir-rigward tad-Digriet Nru 501/2005, ir-Repubblika Ċeka tafferma li dan l-att ma jagħmilhiex ta’ bażi għall-iffissar tat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura, imma jikkonċerna biss id-determinazzjoni tal-ispejjeż sostnuti mill-operatur tal-infrastruttura ferrovjarja, jiġifieri l-korp pubbliku li jamministra l-linji tal-ferrovija, qabel l-1 ta’ Lulju 2008. B’hekk, mingħajr ma kkontesta li fil-kalkolu jiġu inklużi spejjeż ġenerali f’konformità mal-imsemmi digriet, l-Istat Membru madankollu enfasizza li dawn ma jagħmlux parti mit-tariffi previsti fl-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2001/14. |
83. |
Fir-rigward tat-traspożizzjoni tar-rekwiżit previst fl-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2001/14, ta’ ammont tat-tariffa limitat għal dak tal-ispiża imputabbli direttament għall-operat tas-servizz ferrovjarju, il-leġiżlazzjoni Ċeka, u b’mod iktar preċiż, id-dikjarazzjoni tan-netwerk, redatta mill-korp ta’ allokazzjoni tal-kapaċitajiet, jidhirli li tinkludi l-elementi kollha neċessarji sabiex l-amministratur tal-infrastruttura u l-awtorità regolatorja jkunu jistgħu jiffissaw it-tariffi skont l-imsemmi rekwiżit. Fir-rigward tal-applikazzjoni konkreta tal-elementi inkwistjoni, il-Kummissjoni ma tatx eżempji konkreti li jagħti x’jifhem li, fir-Repubblika Ċeka, it-tariffi tal-aċċess jitffissaw b’mod li jmur kontra dan ir-rekwiżit. Barra minn hekk, nikkunsidra li l-Kummissjoni lanqas ma rnexxielha tistabbilixxi n-natura żbaljata tal-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali difiża minn dak l-Istat Membru. Issa, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, hija l-Kummissjoni li għandha tipproduċi l-provi kollha neċessarji sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat ( 27 ). |
84. |
Għal dawn ir-raġunijiet, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad it-tielet ilment tal-Kummissjoni. |
D – Fuq ir-raba’ lment ibbażat fuq l-allegata assenza ta’ sistema ta’ titjib tas-servizzi
1. L-argumenti tal-partijiet
85. |
Il-Kummissjoni ssostni li billi ma ġiet stabbilita l-ebda sistema ta’ titjib tas-servizzi tali li tinkoraġġixxi lill-impriżi ferrovjarji u lill-amministratur tal-infrastruttura jimminimizzaw id-disturbi u jtejbu s-servizzi tan-netwerk ferrovjarju, ir-Repubblika Ċeka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 11(1) u (2) tad-Direttiva 2001/14. Fil-fehma tagħha, il-Liġi dwar il-Fond Statali tal-Infrastrutturi tat-Trasport ma tittrasponix l-Artikolu 11 ta’ din id-Direttiva. Il-Kummissjoni tgħid ukoll li s-sistema ta’ miżuri ta’ inċentivi għandha tagħmel parti mis-sistema ta’ impożizzjoni ta’ tariffi. |
86. |
Ir-Repubblika Ċeka ssostni li, fid-dawl tal-grad ta’ armonizzazzjoni li ntlaħaq fuq il-livell tal-Unjoni, il-Kummissjoni ma stabbilietx in-natura insuffiċjenti tas-sistema ta’ titjib tas-servizzi stabbilita bid-dikjarazzjoni tan-netwerk, hija stess ibbażata fuq l-Artikolu 34c tal-Liġi dwar il-linji tal-ferrovija. Ir-Repubblika Ċeka tgħid ukoll li hija ġiet iddotata b’sistema ta’ titjib tas-servizzi kemm fir-rigward tat-trasportaturi kif ukoll fir-rigward tal-amministraturi tal-infrastruttura. |
87. |
Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-iskema ta’ kumpens li qed issemmi r-Repubblika Ċeka hija fakultattiva, bil-kontra ta’ dak li jipprevedi l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/14. |
88. |
Fl-aħħar nett, fil-kontroreplika tagħha, ir-Repubblika Ċeka tgħid ukoll li l-Artikolu 34c(2)(k) tal-Liġi dwar il-linji tal-ferrovija fl-2011 ġie kkompletat bil-Liġi Nru 134/2011 Sb. (zákon č. 134/2011 Sb.) b’mod espliċitu fis-sens li d-dikjarazzjoni tan-netwerk issa għandha tinkludi “delimitazzjoni ta’ sistema ta’ inċentivi finanzjarji għall-awtorità responsabbli mill-allokazzjoni u għat-trasportur sabiex jiġu minimizzati d-disturbi fl-infrastruttura u tiżdied il-permeabbiltà tagħha għall-finijiet tan-negozjar ta’ kuntratt għall-operat tas-servizz ferrovjarju; is-sistema tista’ tinkludi multi u kumpensi”. |
89. |
Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li għandha tiġi analizzata kull miżura konkreta u li għandu jiġi eżaminat jekk, fis-sistema kollha ta’ impożizzjoni ta’ tariffi għall-infrastruttura, dawn il-miżuri humiex effikaċi sabiex jimminimizzaw id-disturbi u jtejbu l-funzjonament tan-netwerk ferrovjarju, li huma l-għanijiet tad-Direttiva 2001/14. |
2. Eżami tar-raba’ lment
90. |
Qabel xejn, għandu jingħad li r-raba’ lment tal-Kummissjoni li jirrigwarda l-miżuri li jinkoraġġixxu lill-impriżi ferrovjarji u lill-amministratur tal-infrastruttura jimminimizzaw id-disturbi u jtejbu s-servizzi tan-netwerk ferrovjarju bl-istabbiliment ta’ “skema tal-ħidma [sistema ta’ titjib tas-servizzi]” huwa essenzjalment identiku għat-tieni lment fil-kawża Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq. Għal din ir-raġuni, għandha ssir referenza għar-raġunament legali li ġie żviluppat fil-konklużjonijiet li kienu ppreżentati f’dik il-kawża ( 28 ). |
91. |
Inqis li, fid-data meta skada t-terminu previst fl-opinjoni motivata, ir-Repubblika Ċeka ma kinitx implementat sistema ta’ titjib tas-servizzi tal-impriżi ferrovjarji u tal-amministraturi tal-infrastruttura li tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/14. Id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u konvenzjonali msemmija mill-imsemmi Stat Membru, anki jekk jiġi preżunt li dawn jistgħu jiġu kkwalifikati bħala miżuri li jinkoraġġixxu lill-impriżi kkonċernati u li kienu applikabbli fid-data rilevanti, ma jikkostitwixxux pakkett koerenti u trasparenti fi ħdan sistema ta’ impożizzjoni ta’ tariffi għall-infrastruttura. |
92. |
Kif ikkonstatat ġustament il-Kummissjoni, il-Liġi dwar il-Fond Statali tal-Infrastrutturi tat-Trasport ma tittrasponix l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/14, imma kulma tagħmel huwa li tipprevedi, fl-Artikolu 2 tagħha, l-għoti ta’ mezzi finanzjarji għall-manutenzjoni jew għat-titjib tal-istat tal-infrastrutturi ferrovjarji. Sa fejn kulma tagħmel huwa li tipprevedi l-impożizzjoni ta’ multi, jew f’każ li ma jitwettqux l-obbligi maħsuba sabiex jiggarantixxu l-operat tan-netwerk, jew fl-assenza ta’ miżuri meħuda sabiex jikkorreġu d-disturbi għan-netwerk, l-Artikolu 51(1) sa (4) u (6) sa (8) tal-Liġi dwar il-linji tal-ferrovija ma jistabbilixxix sistema ta’ titjib tas-servizzi fi ħdan sistema ta’ impożizzjoni ta’ tariffi għall-infrastruttura, fis-sens imsemmi iktar ’il fuq. Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi invalidata b’dispożizzjoni leġiżlattiva adottata fl-2011, jiġifieri wara li skada t-terminu preskritt fl-opinjoni mmotivata tal-Kummissjoni. |
93. |
Għal dawn ir-raġunijiet, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ r-raba’ lment tal-Kummissjoni. |
E – Fuq il-ħames ilment ibbażat fuq l-allegat nuqqas ta’ kompetenza tal-korp regolatorju
1. L-argumenti tal-partijiet
94. |
Il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 30(5) tad-Direttiva 2001/14 għandu l-għan li jippermetti li l-korp regolatorju jiddeċiedi b’mod għalkollox indipendenti u li jadotta b’mod rapidu u effikaċi miżuri adattati sabiex jinstab rimedju għal funzjonament ħażin fis-suq. Skont il-Kummissjoni, l-Artikolu 30(6) tad-Direttiva 2001/14 ma jintroduċix il-possibbiltà ta’ stħarriġ amministrattiv tad-deċiżjonijiet tal-korp regolatorju, imma jipprevedi espressament biss il-possibbiltà ta’ stħarriġ ġudizzjarju. Issa, mill-Artikolu 56(c) tal-Liġi dwar il-linji tal-ferrovija jirriżulta li d-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Linji tal-Ferrovija, li huwa l-korp regolatorju, għandha tiġi kkontestata permezz ta’ azzjoni amministrattiva quddiem il-Ministeru tat-Trasport, bil-kontra ta’ dak li jipprovdi l-Artikolu 30(5) tad-Direttiva 2001/14. |
95. |
Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-Artikolu 30(5) tad-Direttiva 2001/14 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-korp regolatorju jagħti d-deċiżjonijiet tiegħu u jadotta miżuri fir-rigward tal-materji kollha previsti fl-Artikolu 30 ta’ din id-direttiva, b’mod partikolari dawk elenkati fl-Artikolu 30(2) u (3). Issa, mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 34g tal-Liġi dwar il-linji tal-ferrovija jirriżulta b’mod ċar li l-Uffiċċju tal-Linji tal-Ferrovija jista’ jeżamina, fuq it-talba ta’ applikant i) id-dikjarazzjoni tan-netwerk ferrovjarju u ii) il-proċess ta’ allokazzjoni tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura ferrovjarja. Minn dan kollu, il-Kummissjoni ddeduċiet li l-imsemmi Uffiċċju ma jistax jadotta deċiżjonijiet jew miżuri korrettivi fil-materji kollha msemmija fl-Artikolu 30(2) u (3) tad-Direttiva 2001/14, bħal pereżempju fir-rigward tal-livell jew tal-istruttura tat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura li applikant jeħtieġ jew jista’ jeħtieġ iħallas, kif jipprevedi l-Artikolu 30(2)(e) tal-imsemmija direttiva. |
96. |
Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 30(3) tad-Direttiva 2001/14 jeżiġi li, fil-materji previsti f’dik id-dispożizzjoni, il-korp regolatorju jaġixxi ex officio, filwaqt li l-Artikolu 34g tal-Liġi dwar il-linji tal-ferroviji jipprevedi li l-Uffiċċju tal-Linji tal-Ferrovija għandu jaġixxi biss fuq it-talba ta’ applikant. |
97. |
Min-naħa tagħha, ir-Repubblika Ċeka twieġeb li, l-ewwel nett, id-Direttiva 2001/14 ma tipprekludix li d-deċiżjonijiet tal-korp regolatorju jkunu bilfors suġġetti, qabel l-eżami li tista’ tagħmel il-qorti, għall-istħarriġ ta’ korp ieħor indipendenti fil-kuntest tal-eżekuttiv. |
98. |
B’mod partikolari, mill-Artikolu 30(6) tad-Direttiva 2001/14 ma jistgħux jiġu dedotti rekwiżiti dwar l-organizzazzjoni interna tal-proċedura amministrattiva. L-Istati Membri huma fil-prinċipju liberi li jorganizzaw ir-regoli proċedurali tagħhom. |
99. |
It-tieni nett, fir-rigward tal-kompetenza tal-korp regolatorju, ir-Repubblika Ċeka tfakkar li, fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu abbażi tal-Artikolu 258 TFUE, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi l-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat. Issa, din tal-aħħar ma rreferiet, għajr għall-Artikolu 30(2)(e) tad-Direttiva 2001/14, għall-ebda dispożizzjoni oħra li allegatament kienet suġġetta għal traspożizzjoni ħażina b’rabta mal-portata tal-kompetenza tal-Uffiċċju tal-Linji tal-Ferrovija. B’hekk, ir-Repubblika Ċeka biħsiebha teżamina biss it-traspożizzjoni tal-Artikolu 30(2)(e) tad-Direttiva 2001/14 bħala l-uniku motiv ifformulat b’mod suffiċjentement preċiż f’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
100. |
F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Ċeka ssostni li l-kompetenza tal-Uffiċċju tal-Linji tal-Ferrovija, fir-rigward tal-Artikolu 30(2)(e) tad-Direttiva 2001/14, hija kompletament koperta mill-Artikolu 34g moqri flimkien mal-Artikolu 34c(2) tal-Liġi dwar il-linji tal-ferrovija. Mid-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jirriżulta li l-kompetenza ta’ dan l-Uffiċċju tinkludi l-eżami tal-livell tat-tariffi jew tal-istruttura tat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura. Skont ir-Repubblika Ċeka, jekk il-korp regolatorju ġie ddotat bil-kompetenza neċessarja sabiex jadotta miżuri fis-sens tal-Artikolu 30(2)(e) tad-Direttiva 2001/14, loġikament minn dan isegwi li huwa ddotat bil-kompetenza neċessarja sabiex jagħti bidu ex officio għall-proċedura ta’ eżami fil-kuntest tal-kontroll tal-Istat. |
101. |
Fir-replika tagħha l-Kummissjoni tosserva li mill-Artikolu 34g tal-Liġi dwar il-linji tal-ferrovija jirriżulta b’mod ċar li l-kompetenzi tal-Uffiċċju tal-Linji tal-Ferroviji huma limitati għall-kontroll tad-dikjarazzjoni tan-netwerk u tal-proċess ta’ allokazzjoni tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura ferrovjarja. Fil-fehma tagħha, minn dan isegwi li l-kompetenzi tal-Uffiċċju tal-Linji tal-Ferrovija ma jikkorrispondux għall-kompetenzi li korp regolatorju għandu jassumi abbażi tal-Artikolu 30(5) tad-Direttiva 2001/14. |
102. |
Fl-aħħar nett, fil-kontroreplika tagħha r-Repubblika Ċeka ssostni li l-ilmenti tal-Kummissjoni, għajr dak li jirrigwarda l-kompetenza tal-korp regolatorju dwar il-livell tat-tariffi, għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli. Hija ssostni f’dan ir-rigward li, fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni ddelimitat l-għan tal-ilment bl-istess mod kif għamlet fl-opinjoni mmotivata, jiġifieri billi indirizzat biss il-portata tal-kompetenza dwar il-livell tat-tariffi. Min-naħa l-oħra, fir-replika tagħha l-Kummissjoni estendiet l-ilmenti dwar it-traspożizzjoni tal-Artikolu 30(5) tad-Direttiva, kemm meta pparagunati mal-opinjoni mmotivata kif ukoll meta pparagunati mar-rikors billi mal-ilmenti mressqa f’dawn id-dokumenti żiedet ħames ilmenti supplimentari, bi ksur tad-dritt għal smigħ xieraq ( 29 ). |
2. Eżami tal-ħames ilment
a) Fuq l-ewwel parti
103. |
Bl-ewwel parti tal-ħames ilment tagħha, il-Kummissjoni qed takkuża lir-Repubblika Ċeka li, abbażi tal-Artikolu 56 tal-Liġi dwar il-Linji tal-Ferrovija, il-korp ta’ appell kontra d-deċiżjonijiet tal-korp regolatorju, jiġifieri l-Uffiċċju tal-Linji tal-Ferrovija, huwa l-Ministeru tat-Trasport. |
104. |
Skont il-Kummissjoni, tali azzjoni amministrattiva preliminari tmur kontra l-Artikolu 30(5) tad-Direttiva 2001/14, peress li dik id-dispożizzjoni ma tippermettix stħarriġ amministrattiv tad-deċiżjonijiet tal-korp regolatorju. Ir-Repubblika Ċeka ssostni, anzi, li d-Direttiva 2001/14, interpretata fid-dawl tal-prinċipju tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, ma tipprekludix li d-deċiżjonijiet tal-korp regolatorju jkunu bilfors suġġetti, qabel stħarriġ ġudizzjarju li jista’ jkun hemm, għal stħarriġ ta’ korp amministrattiv ieħor. |
105. |
Inqis li d-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni ma hijiex konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/14. |
106. |
L-ewwel nett, id-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni tmur kontra, fil-fehma tiegħi, l-istruttura tal-Artikolu 30(5) u (6) tad-Direttiva 2001/14 li huwa bbażat fuq l-idea li deċiżjoni amministrattiva meħuda mill-korp regolatorju hija suġġetta esklużivament għal stħarriġ ġudizzjarju u mhux għal stħarriġ amministrattiv preliminari, anki meta dik il-possibbiltà ma tkunx espressament eskluża. |
107. |
It-tieni nett, għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2001/14, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu korp regolatorju wieħed u mhux diversi korpi. Issa, anki jekk huwa permissibbli li r-Repubblika Ċeka, abbażi tad-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq, tafda l-kompiti mogħtija lill-korp regolatorju lill-Ministeru tat-Trasport minflok lill-Uffiċċju tal-Linji tal-Ferrovija, din ma kinitx l-għażla li għamlet skont kif qalet hija stess. |
108. |
It-tielet nett, il-Kummissjoni ġustament issostni li l-korp regolatorju għandu jkun jista’ jadotta b’mod rapidu u effikaċi miżuri adattati sabiex jinstab rimedju għal kull funzjonament ħażin fis-suq ferrovjarju. L-argument tar-Repubblika Ċeka, jiġifieri li l-istħarriġ amministrattiv tad-deċiżjonijiet adottati mill-korp regolatorju jippermetti li parti sostanzjali tal-ilmenti jiġu ttrattati f’terminu iqsar milli kieku dawn jiġu ttrattati fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja ma huwiex jikkonvinċini. Fil-fatt, jekk tali stħarriġ ikun limitat għall-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-korp regolatorju, jidhirli li dan ikun qed jirrappreżenta stadju supplimentari qabel l-istħarriġ ġudizzjarju. Jekk, min-naħa l-oħra, il-Ministeru għat-Trasport għandu s-setgħa li b’dan il-mod jirriforma u jimmodifika l-evalwazzjonijiet tal-korp regolatorju, huwa għandu jiġi kkunsidrat bħala korp regolatorju ta’ livell ogħla fil-ġerarkija amministrattiva, li ma jidhirlix li huwa konformi la mad-diċitura u lanqas mal-istruttura tal-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2001/14. |
109. |
Għal dawn ir-raġunijiet, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ l-ewwel parti tal-ħames ilment tal-Kummissjoni. |
b) Fuq it-tieni parti
110. |
Bit-tieni parti tal-ħames ilment tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni qed takkuża lir-Repubblika Ċeka li ma rrikonoxxietx lill-korp regolatorju l-kompetenzi kollha li tali korp għandu jkollu abbażi tal-Artikolu 30(5) tad-Direttiva 2001/14. |
111. |
Kif għadni kif spjegajt fil-punt 102 ta’ dawn il-konklużjonijiet, skont ir-Repubblika Ċeka, l-ilmenti tal-Kummissjoni, għajr dak li jirrigwarda l-kompetenza tal-korp regolatorju dwar il-livell tat-tariffi, għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli. |
112. |
Qabel xejn, għandu jitfakkar li mill-Artikolu 38(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 30 ), kif ġie interpretat minn din tal-aħħar, jirriżulta li kull rikors promotur għandu jindika b’mod ċar u preċiż is-suġġett tal-kawża kif ukoll sunt tal-motivi invokati sabiex b’hekk il-konvenut ikun jista’ jipprepara d-difiża tiegħu u sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha. Minn dan jirriżulta li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom huwa bbażat rikors għandhom jiġu indikati b’mod koerenti u li jista’ jinftiehem fir-rikors innifsu u li t-talbiet ta’ dan ir-rikors għandhom jiġu fformulati b’mod mhux ekwivoku sabiex jiġi evitat li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi ultra petita jew tonqos milli tiddeċiedi fuq ilment ( 31 ). |
113. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat skont l-Artikolu 258 TFUE, dan għandu jippreżenta l-ilmenti b’mod koerenti u preċiż sabiex l-Istat Membru u l-Qorti tal-Ġustizzja jkunu jistgħu jifhmu eżattament il-portata tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni kkontestat, kundizzjoni neċessarja sabiex l-imsemmi Stat ikun jista’ jsostni b’mod effettiv l-eċċezzjonijiet tiegħu u sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tivverifika l-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat ( 32 ). |
114. |
Fir-rigward tal-kompetenzi tal-korp regolatorju, il-Kummissjoni allegat, fir-rikors tagħha, li l-Artikolu 30(5) tad-Direttiva 2001/14 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-korp regolatorju għandu jkun jista’ jagħti deċiżjonijiet u jadotta miżuri fil-materji kollha previsti fl-Artikolu 30 ta’ din id-direttiva, u fuq kollox f’dawk elenkati fl-Artikolu 30(2) u (3). Issa, fil-kuntest ta’ dawn l-allegazzjonijiet, hija qed tindirizza biss il-kompetenza prevista fl-Artikolu 30(2)(e) tal-imsemmija direttiva dwar il-livell u l-istruttura tat-tariffi għall-użu, kif ukoll dwar l-allegata impossibbiltà, għall-korp regolatorju Ċek, li jaġixxi ex officio. |
115. |
Minkejja li t-tieni parti tal-ħames ilment tar-rikors tista’ tiġi interpretata bħala li tkopri l-materji kollha li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 30(5) tad-Direttiva 2001/14 u li l-aspetti msemmija iktar ’il fuq ġew iċċitati biss bħala eżempju, għandu jiġi konstatat li r-rikors ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ ammissibbiltà stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra iktar ’il fuq, fin-nuqqas ta’ motivazzjoni suffiċjenti li tippermetti li jiġi stabbilit il-ksur allegat. |
116. |
Għaldaqstant, qed nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara bħala inammissibbli t-tieni parti tal-ħames ilment tal-Kummissjoni, minkejja li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 30(5) tad-Direttiva 2001/14 huwa bbażat fuq elementi oħrajn għajr dawk li jirrigwardaw l-istħarriġ tal-livell u tal-istruttura tat-tariffa għall-użu tal-infrastruttura u l-kapaċità tal-korp regolatorju li jaġixxi ex officio. |
117. |
Fir-rigward, fuq il-mertu, tal-kapaċità tal-korp regolatorju li jaġixxi ex officio, il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 34g tal-Liġi dwar il-linji tal-ferrovija jipprevedi li l-Uffiċċju tal-Linji tal-Ferrovija għandu jaġixxi biss fuq it-talba ta’ applikant, filwaqt li l-Artikolu 30(3) tad-Direttiva 2001/14 jeżiġi li l-korp regolatorju jaġixxi ex officio. Skont l-Istat Membru, il-Liġi Nru 552/1991 dwar il-kontroll tal-Istat, kif emendata, moqrija flimkien mal-Artikolu 58 tal-Liġi dwar il-linji tal-ferrovija, jipprevedu l-mument meta u/jew il-bażi li fuqha jista’ jaġixxi l-korp regolatorju, filwaqt li l-Artikolu 34g(3) tal-Liġi dwar il-linji tal-ferrovija jipprevedi l-modalitajiet ta’ azzjoni f’każ ta’ konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. |
118. |
Il-kritika tal-Kummissjoni hija bbażata fuq interpretazzjoni tal-Artikolu 34g tal-Liġi dwar il-linji tal-ferrovija li tgħid li, l-istess bħall-proċeduri quddiem l-Uffiċċju tal-Linji tal-Ferrovija previsti fl-Artikolu 34g(1) u (2) u li jinbdew mill-applikant għal allokazzjoni tal-kapaċitajiet, l-applikabbiltà tal-Artikolu 34g(3) hija wkoll suġġetta għal tali talba ( 33 ). |
119. |
Din l-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni nazzjonali madankollu ġiet ikkontestata mir-Repubblika Ċeka li tafferma li l-kontroll tal-Istat fil-qasam tal-linji tal-ferrovija jiġi eżerċitat abbażi tal-Artikolu 58(2) tal-Liġi dwar il-linji tal-ferrovija, li jipprovdi li l-korp regolatorju jivverifika “jekk l-obbligi li għandhom il-proprjetarju tal-linji tal-ferrovija, l-amministratur tal-linji tal-ferrovija u t-trasportatur, kif inhuma previsti mil-liġi, ikunux qed jitwettqu u jkunux qed jiġu sodisfatti fil-kuntest tal-operat tal-linji tal-ferrovija u tat-trasport ferrovjarju”. |
120. |
Skont dan l-Istat Membru, l-imsemmija dispożizzjoni, moqrija flimkien mal-Liġi Nru 552/1991 kif emendata, sabiex jeżerċitaw il-kontroll tal-Istat, tagħti lill-korpi kompetenti s-setgħa li jwettqu verifiki u, abbażi tagħhom, li jagħtu bidu għal proċedura ta’ ksur, jadottaw miżuri korrettivi jew jimponu multi għal ksur amministrattiv, tistabbilixxi l-kompetenza tal-korp regolatorju sabiex jieħu ex officio d-deċiżjonijiet previsti fl-Artikolu 34g (3) tal-Liġi dwar il-linji tal-ferrovija. |
121. |
F’dan ir-rigward, għandu jerġa’ jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, hija l-Kummissjoni li għandha tipproduċi l-provi kollha neċessarji sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat. Jidhirli li huwa inkontestabbli li l-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma tistax tkun ibbażata fuq l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni separata tad-dritt nazzjonali, peress li, biex nirrepeti dak li qalet il-Kummissjoni, dik id-dispożizzjoni ssegwi “loġikament u sistematikament” [traduzzjoni mhux uffiċjali] dispożizzjonijiet preċedenti tal-istess artikolu, meta dik l-interpretazzjoni hija kkontestata b’mod qawwi mill-Istat Membru li jirreferi għal dispożizzjonijiet b’portata iktar ġenerali, li jiffavorixxu interpretazzjoni kuntrarja. Konsegwentement, fil-fehma tiegħi, il-Kummissjoni ma rnexxilhiex tistabbilixxi b’mod suffiċjenti fid-dritt li l-Uffiċċju tal-Linji tal-Ferroviji ma kellux il-kapaċità li jaġixxi ex officio. |
122. |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li l-korp regolatorju ma jistax jadotta deċiżjonijiet jew miżuri korrettivi fil-materji kollha msemmija fl-Artikolu 30(2) u (3) tad-Direttiva 2001/14, bħal pereżempju l-livell jew l-istruttura tat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura li applikant jeħtieġ jew jista’ jeħtieġ iħallas, kif jipprevedi l-Artikolu 30(2)(e) tal-imsemmija direttiva. |
123. |
Fir-rigward tal-Artikolu 30(2) u (3) tad-Direttiva 2001/14, għandu jitfakkar li nqis ir-rikors tal-Kummissjoni bħala ammissibbli fir-rigward tal-istħarriġ tal-livell u tal-istruttura tat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura. |
124. |
Madankollu, ir-Repubblika Ċeka wieġbet li, minn naħa, abbażi tal-Artikolu 34g(1) u (3), moqri flimkien mal-Artikolu 34c(2) tal-Liġi dwar il-linji tal-ferrovija, l-Uffiċċju tal-Linji tal-Ferrovija jista’, fil-kuntest tal-eżami tal-kriterji stabbiliti fid-dikjarazzjoni tan-netwerk, jeżamina l-informazzjoni dwar it-tariffa għall-allokazzjoni tal-kapaċitajiet u għad-determinazzjoni tat-tariffa għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja. Min-naħa l-oħra, l-eżami tal-livell speċifiku tat-tariffa għall-użu tal-infrastruttura li impriża tat-trasport partikolari għandha tħallas huwa bbażat fuq l-Artikolu 34g(2) u (3) tal-imsemmija liġi. Abbażi tal-imsemmija dispożizzjonijiet, l-Uffiċċju tal-Linji tal-Ferrovija jista’ jeżamina l-proċedura ta’ allokazzjoni tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura ferrovjarja, li element indispensabbli minnha, skont id-dispożizzjonijiet espliċiti tal-liġi, huwa d-determinazzjoni tal-livell speċifiku tat-tariffa ta’ aċċess għall-infrastruttura. |
125. |
Barra minn hekk, skont ir-Repubblika Ċeka, il-kriterji tad-dikjarazzjoni tan-netwerk huma stabbiliti mill-Artikolu 34c(2) tal-Liġi dwar il-linji tal-ferrovija. Fost dawn il-kriterji hemm, fost l-oħrajn, l-informazzjoni dwar il-prezz tal-allokazzjoni tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura ferrovjarja u dwar l-iffissar tal-ammont tat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja. |
126. |
Ir-Repubblika Ċeka ġustament tafferma li l-informazzjoni dwar il-prezz u t-tariffi ma huma xejn ħlief mod ieħor kif jiġi indikat il-livell tat-tariffi għall-użu tal-infrastuttura li ntalbu jew jistgħu jintalbu. Barra minn hekk, il-modalitajiet tal-iffissar tal-prezzijiet previsti fl-Artikolu 34g tal-Liġi dwar il-linji tal-ferrovija, li l-eżami tagħhom għandu jsir mill-korp regolatorju, jinkludu l-istruttura tat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura. |
127. |
Id-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija iktar ’il fuq, mal-ewwel daqqa ta’ għajn, ma jidhirx li huma insuffiċjenti fid-dawl tar-rekwiżiti tal-Artikolu 30(2) tad-Direttiva 2001/14. Fil-fatt, il-korp regolatorju jista’ jieħu deċiżjonijiet dwar il-modifikazzjoni tad-dikjarazzjoni tan-netwerk, inklużi l-kriterji stabbiliti fiha, jew dwar l-allokazzjoni tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura ferrovjarja, u b’mod partikolari l-modalitajiet tal-iffissar tal-prezzijiet. Ċertament, ir-regoli proċedurali previsti għal dan il-għan, b’mod partikolari t-terminu ta’ ħmistax-il jum sabiex jitressqu l-ilmenti, huma tali li jdgħajfu tali konklużjoni. Madankollu, dan l-aspett tal-aħħar ma tqajjimx mill-Kummissjoni fir-rikors tagħha, imma biss fl-istadju tar-replika tagħha, b’tali mod li jidher li huwa tardiv. Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma rnexxieliex tistabbilixxi b’mod suffiċjenti fid-dritt ir-realtà tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat, fir-rigward tal-kompetenzi tal-korp regolatorju dwar il-livell jew l-istruttura tat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura. |
128. |
Għal dawn ir-raġunijiet, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad it-tieni parti tal-ħames ilment tal-Kummissjoni bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat. |
F – Fuq is-sitt ilment ibbażat fuq l-allegata assenza tal-korp previst fl-Artikolu 10(7) tad-Direttiva 91/440
1. L-argumenti tal-partijiet
129. |
Il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika Ċeka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha abbażi tal-Artikolu 10(7) tad-Direttiva 91/440, peress li fir-Repubblika Ċeka ma jeżistix korp bħal dak previst fl-imsemmija dispożizzjoni sabiex iwettaq il-missjonijiet previsti. |
130. |
Mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(7) tad-Direttiva 91/440 jirriżulta li l-kontroll tal-kompetizzjoni fis-swieq tas-servizzi ferrovjarji jista’ jiġi fdat jew lill-korp regolatorju stabbilit skont l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2001/14, jew lil kwalunkwe korp ieħor li jgawdi l-istess grad ta’ indipendenza. F’każ daqskemm fl-ieħor, il-korp inkwistjoni għandu jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(7) tad-Direttiva 91/440, jiġifieri li jiġi stabbilit skont ir-regoli previsti fl-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2001/14, li jittratta l-ilmenti tal-applikanti, u li jiddeċiedi, abbażi ta’ lment jew ex officio, il-miżuri xierqa sabiex jiġu kkorreġuti żviluppi mhux mixtieqa fis-swieq. |
131. |
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tgħid li fir-Repubblika Ċeka, il-kompetizzjoni fis-swieq ferrovjarji hija kkontrollata mill-Uffiċċju tal-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni li l-kompetenzi tiegħu huma ddefiniti mil-Liġi dwar il-kompetenzi tal-Uffiċċju tal-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni. |
132. |
Issa, mill-imsemmija leġiżlazzjoni jirriżulta li l-kompetenza tal-Uffiċċju msemmi iktar ’il fuq hija limitata għal kwistjonijiet direttament marbuta mal-kompetizzjoni fis-suq tas-servizzi ferrovjarji. Minn dan il-Kummissjoni ddeduċiet li dan l-uffiċċju ma jeżerċitax il-funzjonijiet kollha li għandu jeżerċita skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(7) tad-Direttiva 91/440, tant li ma jistax jiġi kkunsidrat bħala korp li jissodisfa l-funzjonijiet elenkati minn dik id-dispożizzjoni. Il-Kummissjoni ssostni b’mod partikolari li l-Uffiċċju inkwistjoni ma jistax jagħti deċiżjonijiet dwar kull ilment ta’ applikanti li jħossu li ġew ittrattati inġustament jew li kienu suġġetti għal diskriminazzjoni jew li sfaw leżi b’xi mod ieħor u ma jistax, abbażi ta’ lment jew ex officio, jagħti deċiżjonijiet dwar miżuri xierqa biex jiġu kkoreġuti xi żviluppi mhux mixtieqa f’dawn is-swieq. |
133. |
Ir-Repubblika Ċeka ssostni prinċipalment li dan il-motiv għandu jiġi ddikjarat inammissibbli. Il-Kummissjoni fil-fatt ressqet dan l-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 10(7) tad-Direttiva 91/440, minħabba n-nuqqas ta’ kompetenza tal-Uffiċċju tal-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni sabiex jeżerċita l-funzjonijiet previsti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(7) tad-Direttiva 91/440 biss fl-istadju tar-rikors, tant li hija ċċaħħdet mill-possibbiltà li twieġeb b’mod effettiv għal din il-kritika fil-fażi ta’ qabel ma ġie ppreżentat ir-rikors, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
134. |
Ir-Repubblika Ċeka ssostni li, għall-ewwel darba minn meta bdiet il-proċedura, il-Kummissjoni sostniet fil-kuntest tar-rikors, in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Uffiċċju tal-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni, mhux b’rabta mal-funzjonijiet previsti fl-Artikolu 30 tad-Direttiva 2001/14, kif għamlet fl-opinjoni mmotivata, imma b’rabta mal-Artikolu 10(7) tad-Direttiva 91/440. |
2. Eżami tas-sitt ilment
135. |
L-istess bħar-Repubblika Ċeka, jiena tal-fehma li s-sitt ilment tal-Kummissjoni għandu jiġi ddikjarat inammissibbli fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq ( 34 ). |
136. |
Fl-opinjoni mmotivata tagħha, il-Kummissjoni tabilħaqq irreferiet għall-Artikolu 10(7) tad-Direttiva 91/440, meta akkużat lir-Repubblika Ċeka li naqset milli twettaq l-obbligi li jirriżultaw minnu. Madankollu, l-ilment tal-Kummissjoni kien ibbażat, l-ewwel nett, fuq l-affermazzjoni li l-Uffiċċju tal-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni ma jistax jaġixxi bħala korp regolatorju peress li d-direttivi ferrovjarji ma jippermettux allokazzjoni tal-funzjonijiet tal-imsemmi korp bejn diversi korpi. It-tieni nett, l-Istat Membru ġie akkużat bil-fatt li l-Uffiċċju tal-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni ma kellux il-kompetenzi kollha previsti fl-Artikolu 30 tad-Direttiva 2001/14. |
137. |
Għal dawn ir-raġunijiet, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad is-sitt ilment tal-Kummissjoni bħala inammissibbli. |
V – Fuq l-ispejjeż
138. |
Abbażi tal-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura ( 35 ), jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Billi l-Kummissjoni u r-Repubblika Ċeka tilfu fuq diversi talbiet tagħhom, nipproponi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha. |
139. |
Skont l-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Renju ta’ Spanja għandu jbati l-ispejjeż tiegħu. |
VI – Konklużjoni
140. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi b’dan il-mod:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2001, dwar l-allokazzjoni ta’ kapaċità ta’ infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta’ piżijiet [l-impożizzjoni ta’ tariffi] għall-użu ta’ infrastruttura tal-ferroviji u ċertifikazzjoni tas-sigurtà (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 404).
( 3 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ottubru 2007 (ĠU L 315, p. 44). Għandu jiġi nnotat li t-titolu tad-Direttiva 2001/14 ġie emendat bl-Artikolu 30 tad-Direttiva 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 227). Minn dak iż-żmien lil hawn t-titolu tagħha sar “Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2001, fuq l-allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura tal-ferrovija u l-intaxxar tal-piżijiet [l-impożizzjoni ta’ tariffi] għall-użu tal-infrastruttura tal-ferrovija”.
( 4 ) Direttiva tal-Kunsill, tad-29 ta’ Lulju 1991, dwar l-iżvilupp tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 341).
( 5 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 376).
( 6 ) Dawn huma s-sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C-557/10), u tat-8 ta’ Novembru 2012 Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-528/10), kif ukoll il-kawżi Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (C-473/10); Il-Kummissjoni vs Spanja (C-483/10); Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (C-512/10); Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C-555/10); Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-556/10); Il-Kummissjoni vs Franza (C-625/10); Il-Kummissjoni vs Is-Slovenja (C-627/10); Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-369/11), u Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C-412/11), pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
( 7 ) Ara l-punti 41 sa 53 tal-konklużjonijiet fil-kawża Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq.
( 8 ) Biex nieħdu eżempju fittizzju, l-Istat jista’ jiddetermina li, għat-traffiku tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija, l-ispejjeż tal-infrastruttura huma ta’ 30 %, dawk tat-traffiku tal-passiġġieri fuq distanzi twal huma ta’ 20 % u tat-traffiku suburban huma ta’ 80 %. Għaldaqstant, l-Istat ikun responsabbli mill-bqija tal-ispejjeż iġġenerati, jiġifieri 70 %, 80 % u 20 % rispettivament.
( 9 ) Sentenza tat-13 ta’ Lulju 2006 (C-438/04, Ġabra p. I-6675, punt 37).
( 10 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 367).
( 11 ) Ara l-punti 93 sa 104 tal-konklużjonijiet li jiena ppreżentajt fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq u l-punti 74 sa 84104 tal-konklużjonijiet li jiena ppreżentajt fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, iċċitata iktar ’il fuq.
( 12 ) Ara l-punti 67 sa 71 tal-konklużjonijiet li jiena ppreżenajt fil-kawża Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq u l-punt 76 tal-konklużjonijiet li jiena ppreżenajt fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, iċċitata iktar ’il fuq, kif ukoll ir-raba’ lment f’din il-kawża (punti 90 et seq).
( 13 ) Skont il-premessa 40 tad-Direttiva 2001/14,“[i]nfrastruttura tal-ferroviji hija monopolju naturali. Għalhekk huwa neċessarju li jiġu pprovduti amministraturi ta’ l-infrastruttura b’inċentivi biex inaqqsu l-ispejjeż u jamministraw l-infrastruttura tagħhom b’mod effiċjenti”.
( 14 ) Avviż tad-9 ta’ Mejju 2011 dwar il-proposta inizjali tal-Kummissjoni għal riformulazzjoni tad-Direttivi tal-Ewwel Pakkett Ferrovjarju (ara www.cer.be). Ir-Repubblika Ċeka tippreċiża li l-Komunità tal-Impriżi Ferrovjarji u Infrastrutturali Ewropej hija organizzazzjoni mhux governattiva li tiġbor fiha 79 impriża Ewropea ta’ dan is-settur.
( 15 ) Punti 73 sa 85.
( 16 ) L-Artikolu 4(1) u (4) tad-Direttiva 2001/14.
( 17 ) Punt 74 tal-konklużjonijiet li jiena ppreżentajt fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq.
( 18 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja se jkollha wkoll tagħti deċiżjoni dwar din il-kwistjoni fil-kuntest tar-raba’ lment fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, iċċitata iktar ’il fuq (ara l-punti 92 sa 105 tal-konklużjonijiet tiegħi).
( 19 ) Ara l-premessi 32, 33, 38 u 39 tad-Direttiva 2001/14.
( 20 ) Fir-rigward tal-ispiża marġinali tal-użu tal-infrastruttura ferrovjarja, ara dokument intitolat “Charges for the Use of Rail Infrastructure of 2008”, OECD/International Transport Forum 2008 (www.internationaltransportforum.org) u studju Catrin (Cost Allocation of Transport Infrastructure Cost) ta’ P. Wheat, et, “D8 – Rail Cost Allocation for Europe”, Stokkolma 2009.
( 21 ) Ara “Charges for the Use of Rail Infrastructure of 2008”, imsemmi iktar ’il fuq.
( 22 ) T. Suvanto, Marginal Cost Pricing, “ECMT Workshop on Rail Infrastructure Charges”, Ministry of Transport and Communications of Finland, Ruma 09.07.2004, http://www.internationaltransportforum.org/IntOrg/ecmt/railways/pdf/Rome04FIN.pdf
( 23 ) Ara l-punt 1 tal-Anness VIII tal-proposta ta’ direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea [COM(2010) 475 finali].
( 24 ) Fl-ewwel qari, il-Parlament Ewropew ħassar il-punt (c).
( 25 ) Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew, tat-3 ta’ Lulju 2012, dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari għall-adozzjoni tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (Riformulazzjoni) [18581/2/2011-C7-0268/2010-2010/0253(COD)], Artikolu 31 u nota ta’ qiegħ il-paġna 18.
( 26 ) Il-Kummissjoni qed tirreferi, f’dan ir-rigward, għall-istudju Catrin, imsemmi iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, fejn jingħad li t-tariffi ugwali għall-ispejjeż imputabbli direttament għall-operat tas-servizz ferrovjarju qegħdin f’firxa li tmur minn EUR 0 sa EUR 2 għal ferrovija-kilometru fil-każ ta’ ferrovija għat-trasport tal-merkanzija tipika ta’ 960 tunnellati gross.
( 27 ) Sentenzi tat-23 ta’ Ottubru 1997, Il-Kummissjoni vs Franza (C-159/94, Ġabra p. I-5815, punt 102) u tal-14 ta’ Diċembru 2000, Il-Kummissjoni vs Franza (C-55/99, Ġabra p. I-11499, punt 30).
( 28 ) Ara l-punti 67 sa 72 tal-imsemmija konklużjonijiet.
( 29 ) Dawn il-ħames ilmenti huma i) l-assenza ta’ kompetenza għal eżami tar-rekwiżiti previsti fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 30(2) tad-Direttiva 2001/14; ii) limitazzjoni għall-eżami tar-rekwżiti previsti fl-Artikolu 30(2)(c) ta’ din id-direttiva, minħabba t-terminu biex jitressaq ilment; iii) l-assenza ta’ kompetenza għal eżami tar-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 30(2)(d) ta’ din id-direttiva; iv) limitazzjoni għall-eżami tar-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 30(2)(d) tal-istess direttiva minħabba t-terminu biex jitressaq ilment, u v) limitazzjoni għall-eżami tar-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 30(2)(e) minħabba t-terminu biex jitressaq ilment.
( 30 ) F’dan il-każ, ir-Regoli tal-Proċedura huma dawk li kienu fis-seħħ qabel l-1 ta’ Novembru 2012.
( 31 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta’ Frar 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (C-475/07, punt 43); tal-24 ta’ Marzu 2011, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-375/10, punt 10), u tal-10 ta’ Mejju 2012, Il-Kummissjoni vs L-Estonja (C-39/10, punt 24).
( 32 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati tat-12 ta’ Frar 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (punt 44); tal-24 ta’ Marzu 2011, Il-Kummissjoni vs Spanja (punt 11), u Il-Kummissjoni vs L-Estonja (punt 26).
( 33 ) Għandu jitfakkar li l-Artikolu 34g(3) tal-Liġi dwar il-linji tal-ferrovija huwa redatt b’dan il-mod, jiġifieri “[j]ekk l-Uffiċċju tal-Linji tal-Ferrovija jikkonstata li fit-tfassil tad-dikjarazzjoni tan-netwerk, […] tkun ġiet segwita proċedura inkorretta, huwa għandu jiddeċiedi li l-imsemmija dikjarazzjoni għandha tiġi mmodifikata, inklużi l-kriterji stabbiliti fiha, jew għandu jiddeċiedi dwar allokazzjoni ta’ dawn il-kapaċitajiet, u b’mod partikolari l-mod kif ġie ffissat il-prezz”.
( 34 ) Ara n-noti ta’ qiegħ il-paġna 31 u 32 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 35 ) Dan huwa l-att li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 2012.