Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CC0534

    Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Mazák - 12 ta' Lulju 2012.
    Brookfield New Zealand Ltd u Elaris SNC vs L-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (CPVO) u Schniga GmbH.
    Appell - Dritt Komunitarju ta’ varjetajiet ta’ pjanti - Regolament (KE) Nru 2100/94 - Artikolu 73(2) - Deċiżjoni ta’ ċaħda tal-applikazzjoni għal dritt Komunitarju mill-Bord tal-Appell tas-CPVO - Setgħa diskrezzjonali - Stħarriġ tal-Qorti Ġenerali - Artikolu 55(4) moqri flimkien mal-Artikolu 61(1)(b) - Dritt tas-CPVO li tagħmel talba ġdida sabiex jintbagħat materjal tal-pjanti.
    Kawża C-534/10 P.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:441

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    MAZÁK

    ippreżentati fit-12 ta’ Lulju 2012 ( 1 )

    Kawża C-534/10 P

    Brookfield New Zealand Ltd

    Elaris SNC

    vs

    Community Plant Variety Office (CPVO)

    u Schniga GmbH

    “Drittijiet Komunitarji ta’ varjetajiet ta’ pjanti — Regolament (KE) Nru 2100/94 — Setgħa diskrezzjonali mogħtija lis-CPVO — Preżentata ġdida ta’ materjal tal-pjanti għal eżami tekniku”

    I – Introduzzjoni

    1.

    Permezz tal-appell preżenti, Brookfield New Zealand Limited (iktar ’il quddiem “Brookfield”) u Elaris SNC (iktar ’il quddiem “Elaris”) (jew, flimkien, “l-appellanti”) qed jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza T-135/08 Schniga vs CPVO – Elaris u Brookfield New Zealand (Gala Schnitzer) ( 2 ) (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali (is-Sitt Awla) annullat id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-Uffiċċju Komunitarju ta’ Varjetajiet tal-Pjanti (iktar il-quddiem is-“CPVO” jew l-“Uffiċċju”) billi tat dritt komunitarju ta’ varjetajiet ta’ pjanti fir-rigward tal-varjetà ta’ tuffiegħ imsejħa “Gala Schnitzer” (Kawżi A 003/2007 u A 004/2007) (iktar ’il quddiem is-“sentenza kkontestata”).

    2.

    L-appell essenzjalment iqajjem il-kwistjoni dwar jekk il-Qorti Ġenerali interpretatx b’mod korrett il-portata tas-setgħa diskrezzjonali mogħtija lis-CPVO meta ddeċidiet li s-CPVO kellha s-setgħa, skont il-proċedura tal-applikazzjoni għall-għoti ta’ dritt komunitarju ta’ varjetajiet ta’ pjanti, li tippermetti l-preżentata ta’ materjal tal-pjanti ġdid għal eżami tekniku.

    II – Il-kuntest ġuridiku

    3.

    Fiż-żmien rilevanti, ir-regoli li kienu jirregolaw id-drittijiet komunitarji ta’ varjetajiet ta’ pjanti kienu dawk stabbiliti mir-Regolament (KE) Nru 2100/94, tas-27 ta’ Lulju 1994, dwar drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità ( 3 ), kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2506/95 ( 4 ), (iktar ’il quddiem ir-Regolament Nru 2100/94).

    4.

    L-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 2100/94, intitolat “Oriġinalità” jiddisponi:

    “1.   Varjetà tkun meqjusa li tkun ġdida jekk, fid-data tal-applikazzjoni stabbilta skont l-Artikolu 51, il-kostitwenti tal-varjetajiet jew materjal maħsud tal-varjetajiet ma jkunux ġew mibjugħa jew b’mod ieħor mogħtija lil ħaddieħor, mill-, jew bil-kunsens ta’, min irrabbihom skond it-tifsira tal-Artikolu 11, għal għanijiet tal-esplojtazzjoni tal-varjetajiet:

    (a)

    aktar kmieni minn sena qabel ’il fuq imsemmija data, fit-territorju tal-Komunità;

    …”

    5.

    L-Artikolu 55(4) tar-Regolament Nru 2100/94, intitolat “Eżami Tekniku”, jipprovdi:

    “L-Uffiċċju għandu jistabbilixxi, permezz ta’ regoli ġenerali jew permezz ta’ talbiet f’każi ndividwali, meta, fejn u f’liema kwantitajiet u kwalitajiet il-materjal għall-eżami tekniku u r-referenza ta’ kampjuni għandhom jinbagħtu”.

    6.

    L-Artikolu 61 tar-Regolament Nru 2100/94 jelenka ċ-ċirkustanzi li fihom l-applikazzjonijiet għal dritt komunitarju ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità għandhom jiġu miċħuda. Dan jipprovdi, sa fejn hu rilevanti għall-iskopijiet preżenti, skont kif ġej:

    “1.   l-Uffiċċju għandu jiċħad l-applikazzjonijiet għal dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti malli jiġi stabbilit li l-applikant:

    ...

    (b)

    ma kienx konformi ma’ regola jew mat-talba skond l-Artikolu 55(4) jew (5) fil-limitu ta’ żmien ipprovdut, sakemm l-Uffiċċju ma kienx aċċetta li l-applikazzjoni ma ntbagħtitx;

    ...”

    7.

    L-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 2100/94, intitolat “Azzjonijiet kontra deċiżjonijiet tal-Bordijiet ta’ l-Appell”, jipprovdi:

    “1.   Azzjonijiet jistgħu jnġiebu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra deċiżjonijiet tal-Bordijiet ta’ l-Appell fuq appelli.

    2.   L-azzjoni tista’ tinġieb fuq raġunijiet ta’ nuqqas ta’ kompetenza, ksur ta’ bżonn [rekwiżit] proċedurali essenzali, ksur tat-Trattat, ta’ dan ir-Regoalment jew ta’ xi regola ta’ liġi dwar l-applikazzjoni tagħha, jew użu ħażin tal-poter [abbuż ta’ poter].

    3.   Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha jkollha l-ġurisdizzjoni li tħassar jew tibdel id-deċiżjoni kkontestata.

    4.   L-azzjoni tkun miftuħa għal kull parti fil-proċeduri ta’ l-appell li ma jiġix milqugħ, kollu kemm hu jew parti minnu, fis-sottomissjonijiet tiegħu

    …”

    8.

    Il-Paragrafu 1 tal-Artikolu 80 tar-Regolament Nru 2100/94, li hu intitolat “Restitutio in integrum”, jistipula:

    “Meta, minkejja li tkun ingħatat l-attenzjoni kollha meħtieġa fiċ-ċirkostanzi partikolari, l-applikant għal dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti jew id-detentur jew xi parti oħra fil-proċeduri quddiem l-Uffiċċju ma setgħax josserva l-limitu ta’ żmien rigward l-Uffiċċju, id-drittijiet tiegħu għandhom, b’applikazzjoni, jingħataw lura jekk in-nuqqas tiegħu dwar il-limitu ta’ żmien jirriżulta direttament, permezz ta’ dan ir-Regolament, fit-telf ta’ xi dritt jew mezz ta’ rimedju”.

    III – Il-fatti

    9.

    Is-sentenza appellata tesponi l-fatti li wasslu għall-kawża:

    “1.

    Fit-18 ta’ Jannar 1999, il-Konsortium Südtiroler Baumschulen (iktar ’il quddiem “KSB”), il-predeċessur tar-rikorrenti Schniga GmbH, ippreżenta applikazzjoni għal dritt komunitarju ta’ varjetajiet ta’ pjanti quddiem is-[CPVO], skont ir-[Regolament Nru 2100/94].

    2.

    Din l-applikazzjoni ġiet irreġistrata bin-numru 1999/0033.

    3.

    Id-dritt Komunitarju ta’ varjetajiet ta’ pjanti ntalab għall-varjetà ta’ tuffieħa (Malus Mill) Gala Schnitzer.

    4.

    Is-CPVO inkariga lill-Bundessortenamt (Uffiċċju Federali ta’ Varjetajiet ta’ Pjanti Ġermaniż) sabiex jagħmel eżami tekniku, skont l-Artikolu 55(1) tar-Regolament Nru 2100/94.

    5.

    B’ittra tas-26 ta’ Jannar 1999, indirizzata lir-rappreżentant ta’ KSB, is-CPVO talab lil KSB jippreżentalu, kif ukoll lill-Bundessortenamt, il-materjal neċessarju għall-eżami tekniku, jiġifieri għaxar nibtiet inattivi li jistgħu jitlaqqmu, bejn l-1 u l-15 ta’ Marzu 1999. Is-CPVO ppreċiża wkoll li KSB kien marbut josserva l-kundizzjonijiet fitosanitarji u doganali kollha applikabbli fir-rigward tal-kunsinna tal-materjal.

    6.

    Il-Bundessortenamt irċieva l-imsemmi materjal fid-9 ta’ Marzu 1999.

    7.

    B’ittra tal-25 ta’ Marzu 1999, indirizzata lir-rappreżentant ta’ KSB, is-CPVO kkonferma li kien irċieva l-materjal mitlub u indika li l-imsemmi materjal kien ġie ppreżentat lill-Bundessortenamt fi stat tajjeb u mingħajr dewmien, iżda li ma kellux ċertifikat fitosanitarju. Huwa talab lil KSB sabiex jara li dan id-dokument indispensabbli jiġi pprovdut kemm jista’ jkun malajr.

    8.

    Fit-23 ta’ April 1999, KSB bagħat lill-Bundessortenamt passaport fitosanitarju Ewropew u ppreċiża li l-awtorità li ħarġitu, jiġifieri s-servizz tal-protezzjoni tal-pjanti tal-provinċja awtonoma ta’ Bolzano (l-Italja) kienet indikat li dan id-dokument kien iservi ta’ ċertifikat fitosanitarju.

    9.

    Permezz ta’ posta elettronika tat-3 ta’ Mejju 1999, il-Bundessortenamt informa lil KSB bil-wasla fit-terminu previst tal-materjal, bil-karattru adegwat tiegħu u bil-karattru suffiċjenti, fid-dawl tal-eżami tekniku u tal-verifika tal-kundizzjonijiet materjali għall-għoti tad-dritt Komunitarju ta’ varjetajiet ta’ pjanti, tal-passaport fitosanitarju Ewropew ipprovdut. Huwa madankollu talab kopja ta’ ċertifikat uffiċjali li jattesta n-nuqqas ta’ virus fil-materjal ippreżentat.

    10.

    Fl-2001, KSB informa lill-Bundessortenamt li kien impossibbli għalih li jipprovdi ċ-ċertifikat fitosanitarju mitlub peress li rriżulta li l-materjal ippreżentat f’Marzu 1999 fid-dawl tal-eżami tekniku kien qed iġorr virus inviżibbli.

    11.

    Permezz ta’ posta elettronika tal-4 ta’ Mejju 2001, il-Bundessortenamt informa lis-CPVO bl-intenzjoni tiegħu li jaqla’ bl-għeruq il-materjal infettat sabiex jevita t-tixrid tal-infezzjoni lejn pjanti oħra, u ppropona li KSB jintalab sabiex jippreżenta materjal ġdid, mingħajr virus, sabiex jinbeda mill-ġdid l-eżami tekniku.

    12.

    Permezz ta’ posta elettronika tat-8 ta’ Mejju 2001, indirizzata lill-Bundessortenamt, is-CPVO wera l-qbil tiegħu mal-qligħ bl-għeruq tal-materjal infettat u indika li ddeċieda li jitlob lil KSB sabiex jippreżenta materjal ġdid, mingħajr virus, għax-xahar ta’ Marzu 2002. Huwa indika wkoll li, peress li l-istruzzjonijiet dwar il-preżentata tal-materjal ma ppreċiżawx li dan kellu jkun mingħajr virus, iżda biss li kellu josserva r-rekwiżiti tal-passaport fitosanitarju Ewropew, KSB ma setax jinżamm responsabbli għas-sitwazzjoni, li kien ikun inġust li l-applikazzjoni għal dritt Komunitarju għall-varjetà Gala Schnitzer tiġi miċħuda u li għaldaqstant, is-soluzzjoni proposta kienet tidher li hija l-aħjar waħda.

    13.

    Permezz ta’ posta elettronika tat-13 ta’ Ġunju 2001, is-CPVO indika lil KSB li, bi ftehim mal-Bundessortenamt, huwa kien iddeċieda li jawtorizzah, sa fejn l-istruzzjonijiet tiegħu dwar il-provvista ta’ pjanti u r-rekwiżiti dwar l-istat sanitarju tagħhom ma kinux suffiċjentement ċari, sabiex jippreżenta lill-Bundessortenamt, f’Marzu 2002, materjal ġdid mingħajr virus flimkien ma’ ċertifikat fitosanitarju li jattesta dan il-fatt, u dan sabiex jinbeda mill-ġdid l-eżami tal-applikazzjoni għall-varjetà Gala Schnitzer.

    14.

    Fit-tmiem tal-eżami tekniku ġdid, il-Bundessortenamt ikkonkluda, fir-rapport finali tiegħu tas-16 ta’ Diċembru 2005, li l-varjetà Gala Schnitzer kienet distinta mill-varjetà l-iktar simili għaliha u li kienet qegħda sservi bħala referenza, jiġifieri l-varjetà Baigent, fuq il-bażi tal-karatteristika addizzjonali “Frott: wisa’ tal-istriji”.

    15.

    Fil-5 ta’ Mejju 2006, l-intervenjenti, Elaris SNC u Brookfield New Zealand Ltd, proprjetarja ta’ liċenzja li tirrigwarda d-dritt tal-varjetà Baigent u l-proprjetarja ta’ dan id-dritt rispettivament, indirizzaw lis-CPVO b’xi oġġezzjonijiet, skont l-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 2100/94, dwar l-għoti tad-dritt lill-varjetà Gala Schnitzer.

    16.

    Dawn l-oġġezzjonijiet kienu bbażati fuq id-dritt preċedenti tal-varjetà ta’ tuffieħ (Malus Mill) Baigent.

    17.

    Il-motivi invokati insostenn ta’ dawn l-oġġezzjonijiet kienu, minn naħa, dak previst fl-Artikolu 61(1)(b) tar-Regolament Nru 2100/94, sa fejn in-nuqqas ta’ osservanza, mir-rikorrenti, tar-rekwiżiti dwar il-preżentata tal-materjal intiż għall-eżami tekniku, kif iddefiniti fl-ittri tas-CPVO tas-26 ta’ Jannar u tal-25 ta’ Marzu 1999, kien imissu wassal lis-CPVO sabiex jiċħad l-applikazzjoni li tirrigwarda l-varjetà Gala Schnitzer u, min-naħa l-oħra, dak previst fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2100/94, sa fejn il-varjetà Gala Schnitzer ma hijiex distinta mill-varjetà Baigent.

    18.

    Fl-14 ta’ Diċembru 2006, il-President tas-CPVO approva l-użu tal-karatteristika addizzjonali “Frott: wisa’ tal-istriji” sabiex jiġi stabbilit il-karattru distintiv tal-varjetà Gala Schnitzer.

    19.

    Permezz tad-deċiżjonijiet EU 18759, OBJ 06-021 u OBJ 06-022, tas-26 ta’ Frar 2007, il-kumitat responsabbli sabiex jiddeċiedi fuq l-oġġezzjonijiet kontra l-għoti ta’ dritt Komunitarju ta’ varjetajiet ta’ pjanti (iktar ’il quddiem il-“kumitat”) ta d-dritt mitlub għall-varjetà Gala Schnitzer u ċaħad l-oġġezzjonijiet.

    20.

    Fil-11 ta’ April 2007, l-intervenjenti ppreżentaw appell quddiem il-Bord tal-Appell tas-CPVO, skont l-Artikoli 67 sa 72 tar-Regolament Nru 2100/94, kontra dawn it-tliet deċiżjonijiet.

    21.

    Permezz [tad-deċiżjoni kkontestata], il-Bord tal-Appell annulla d-deċiżjoni li tat id-dritt Komunitarju ta’ varjetajiet ta’ pjanti lill-varjetà Gala Schnitzer, kif ukoll id-deċiżjonijiet li jiċħdu l-oġġezzjonijiet, u ċaħad huwa stess l-applikazzjoni li tirrigwarda l-varjetà Gala Schnitzer. B’mod partikolari, huwa kkunsidra li l-Artikolu 61(1)(b) tar-Regolament Nru 2100/94, ma jippermettix lis-CPVO jawtorizza lil KSB sabiex jippreżenta materjal ġdid, peress li dan tal-aħħar ma kienx ikkonforma mat-talba individwali, fis-sens tal-Artikolu 55(4) tar-Regolament Nru 2100/94, li permezz tagħha s-CPVO kien talbu sabiex jipprovdi ċertifikat fitosanitarju li jattesta li l-materjal ippreżentat kien ħieles minn virus”.

    IV – Il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

    10.

    B’rikors ippreżentat fl-4 ta’ April 2008, Schniga ppreżentat rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata quddiem il-Qorti Ġenerali.

    11.

    Brookfield u Elaris, l-appellanti fil-kawża preżenti, kienu partijiet fil-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali fejn aġixxew ta’ intervenjenti biex jappoġġaw lis-CPVO.

    12.

    Il-kawża għall-annullament kienet ibbażata fuq tliet motivi: (i) l-inammissibbiltà tal-oġġezzjonijiet indirizzati lis-CPVO mill-intervenjenti; (ii) il-ksur tal-Artikolu 61(1)(b) u l-Artikolu 62 tar-Regolament Nru 2100/94; u (iii) il-ksur tal-Artikolu 55(4) tar-Regolament Nru 2100/94.

    13.

    Il-Qorti Ġenerali, wara li ddikjarat bħala inammissibbli l-ewwel motiv peress li tqajjem quddiemha għall-ewwel darba, ikkunsidrat l-ammissibbiltà tat-tielet li allega li l-Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 55(4) tar-Regolament Nru 2100/94. Fil-punt 39 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li, meta l-Bord tal-Appell evalwa l-ittri tas-CPVO tas-26 ta’ Jannar 1999 u tal-25 ta’ Marzu 1999, hu kien wettaq evalwazzjoni leġittima li kienet suġġetta għall-kontestazzjoni f’dik il-kawża. Għalhekk il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li t-tielet motiv kien ammissibbli.

    14.

    F’dak li jikkonċerna l-mertu, il-Qorti Ġenerali l-ewwel ikkunsidrat it-tielet motiv. F’dan ir-rigward, hi ċaħdet il-pożizzjoni li ħa l-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri li l-Artikolu 55(4) tar-Regolament Nru 2100/94 ma ppermettiex lis-CPVO tawtorizza l-preżentata ta’ materjal ġdid biex isirlu eżami tekniku.

    15.

    Meta l-Qorti Ġenerali ddefiniet il-portata tas-setgħa diskrezzjonali mogħtija lis-CPVO skont l-Artikolu 55(4) tar-Regolament Nru 2100/94, hi kkunsidrat, fil-punt 63 tas-sentenza appellata, li dik is-setgħa diskrezzjonali kienet tinkludi d-dritt tas-CPVO – jekk ikun hemm xi każ partikolari fejn jidhirlu li dan hu neċessarju – li jiddefinixxi l-kundizzjonijiet li għandu jkun suġġett għalihom l-eżami ta’ applikazzjoni għal dritt Komunitarju ta’ varjetajiet ta’ pjanti, sakemm ikun għadu ma skadiex il-perijodu li fih l-awtur tal-applikazzjoni għad-dritt irid jirrispondi għat-talba individwali indirizzata lilu, għall-iskopijiet ta’ dik id-dispożizzjoni. B’mod partikolari, fil-punt 64 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali osservat li huwa konformi mal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u kif ukoll man-neċessità li jiġu mħarsa l-iżvolġiment tajjeb u l-effettività tal-proċedimenti li, meta s-CPVO jqis li n-nuqqas ta’ preċiżjoni li huwa jkun innota jkun jista’ jiġi korrett, ikollu l-possibbiltà li jkompli l-eżami tal-applikazzjoni ppreżentata quddiemu. Barra dan, kif ikkunsidrat il-Qorti Ġenerali fil-punt 65 tas-sentenza appellata, is-setgħa diskrezzjonali mogħtija lis-CPVO tippermettilu jiżgura li t-talbiet individwali tiegħu jkunu ċari u li l-applikanti jkunu jafu mingħajr ambigwità d-drittijiet u l-obbligi tagħhom.

    16.

    Fid-dawl tal-evalwazzjoni tal-fatti rilevanti li wasslu għall-kawża quddiemha, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li, peress li hi dehrilha li s-CPVO kien kiser l-Artikolu 61(1)(b) tar-Regolament Nru 2100/94 billi awtorizza lil KSB jippreżenta materjal ġdid - meta skont din id-dispożizzjoni, huwa kien obbligat jiċħad l-applikazzjoni ppreżentata minn KSB hekk kif ikun stabbilixxa li l-applikant ma kienx ikkonforma ma’ talba individwali - il-Bord tal-Appell interpreta ħażin il-portata tas-setgħa diskrezzjonali li għandu s-CPVO skont l-Artikolu 55(4) tar-Regolament Nru 2100/94.

    17.

    Konsegwentement, billi kkunsidrat li ma kienx neċessarju li wieħed jeżamina l-fondatezza tat-tieni motiv u billi ċaħdet l-applikazzjoni tal-intervenjenti biex tiġi mibdula d-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali laqat ir-rikors u annullat id-deċiżjoni kkontestata.

    V – It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    18.

    L-appellanti jsostnu li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tannulla s-sentenza appellata u tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċidiha, jew alternattivament, biex permezz ta’ deċiżjoni finali, tiċħad ir-rikors ta’ Schniga, u b’hekk tikkonferma d-deċiżjoni kkontestata tal-Bord tal-Appell. Huma jsostnu wkoll li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tordna lill-intimati jirrimborsaw l-ispejjeż tal-kawża.

    19.

    Is-CPVO u Schniga jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż tal-kawża.

    VI – L-appell

    20.

    L-appellanti jinvokaw żewġ aggravji li jikkontestaw il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tat-tielet motiv imressaq minn Schniga fil-prim’istanza.

    21.

    Permezz tal-ewwel aggravju qed jiġi lmentat li t-tielet motiv imressaq minn Schniga fil-prim’istanza kellu jiġi ddikjarat inammissibbli mill-Qorti Ġenerali u li dik il-Qorti kisret l-Artikolu 73(2) tar-Regolament Nru 2100/94 billi stħarrġet il-konstatazzjonijiet fattwali tal-Bord tal-Appell b’mod irregolari. Permezz tat-tieni aggravju tagħhom, li hu maqsum f’diversi partijiet, l-appellanti jsostnu li minħabba li l-Qorti Ġenerali interpretat ħażin il-portata tas-setgħa diskrezzjonali mogħtija lis-CPVO, hija kisret l-Artikolu 55(4) tar-Regolament Nru 2100/94, meta jinqara flimkien mal-Artikolu 61(1)(b) u mal-Artikolu 80 ta’ dak ir-Regolament.

    A – L-ewwel aggravju

    1. L-argumenti prinċipali tal-partijiet

    22.

    Permezz tal-ewwel aggravju tagħhom il-partijiet isostnu li meta fir-rigward tat-tielet motiv ippreżentat minn Schniga, il-Qorti Ġenerali stħarrġet il-konstatazzjonijiet fattwali tal-Bord tal-Appell, hija qabżet il-limiti tal-kompetenza tagħha skont kif iddefiniti fl-Artikolu 73(2) tar-Regolament Nru 2100/94. Kif iddefinit f’dik id-dispożizzjoni l-għan tal-istħarriġ hu llimitat għall-istħarriġ dwar il-leġittimità tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell u għal kwistjonijiet ġuridiċi u abbuż tal-poter.

    23.

    Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali mhux suppost li stħarrġet l-evalwazzjoni li wettaq il-Bord tal-Appell tal-kontenut u t-tifsira taż-żewġ ittri tas-26 ta’ Jannar 1999 u tal-25 ta’ Marzu 1999. Li kieku l-Qorti Ġenerali aċċettat l-evalwazzjoni tal-fatti mill-Bord tal-Appell, ma kinitx tasal għall-konklużjoni li, f’Mejju tal-2001, is-CPVO kien għadu jista’ jeżerċita s-setgħa tiegħu li jikkjarifika l-applikazzjonijiet tiegħu preċedenti skont l-Artikolu 55(4) tar-Regolament Nru 2100/94.

    24.

    Is-CPVO u Schniga jiċħdu l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali qabżet il-limiti tal-kompetenza tagħha. B’mod partikolari huma jsostnu li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Qorti Ġenerali għandha l-kompetenza esklużiva li tistabbilixxi u teżamina l-fatti rilevanti u tevalwa l-evidenza. Għalhekk, anki li kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkonkludi li l-Qorti Ġenerali kienet fil-fatt stħarrġet il-konstazzjonijiet fattwali, dak l-istħarriġ xorta jaqa’ fil-kompetenza tal-Qorti Ġenerali. Madankollu, fiċ-ċirkustanzi, skont is-CPVO u Schniga, kienet il-karatterizzazzjoni legali tal-fatti – u mhux il-konstatazzjonijiet fattwali tagħha – li stħarrġet il-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata.

    2. Evalwazzjoni

    25.

    Jidher li l-ewwel aggravju hu bbażat fuq idea żbaljata dwar il-kompetenza mogħtija lill-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 73(2) tar-Regolament Nru 2100/94 li tistħarreġ il-leġittimità tad-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell.

    26.

    F’dan ir-rigward, filwaqt li skont il-ġurisprudenza stabbilita l-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hi fil-fatt limitata biss għall-istħarriġ ta’ kwistjonijiet ġuridiċi, min-naħa l-oħra jirriżulta ċar mis-sentenza Schräder vs CPVO li l-kompetenza tal-Qorti Ġenerali li tistħarreġ il-leġittimità ta’ deċiżjonijiet adottati mill-Bord tal-Appell tinkludi s-setgħa li tistabbilixxi u teżamina l-fatti rilevanti u li tevalwa l-evidenza ( 5 ).

    27.

    F’dan il-kuntest għandu jiġi nnutat ukoll li r-Regolament Nru 2506/95 emenda l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 2100/94 bl-iskop speċifiku li l-proċeduri tal-appell skont is-sistema tad-drittijiet Komunitarji ta’ varjetajiet ta’ pjanti jsiru konformi mad-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 63(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 tal-20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja relatati mal-istħarriġ ġudizzjarju mill-Qorti Ġenerali tal-leġittimità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinji) (iktar ’il quddiem l-“UASI”) ( 6 ).

    28.

    Skont l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tat lill-Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 40/94, li issa tista’ tapplika għall-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 2100/94, il-Qorti Ġenerali tista’ twettaq stħarriġ komplet dwar il-leġittimità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-UASI, u jekk ikun meħtieġ anki teżamina jekk dawk il-bordijiet wettqux klassifikazzjoni ġuridika korretta tal-fatti jew jekk l-evalwazzjoni tagħhom tal-fatti ppreżentati lilhom kellux xi nuqqas ( 7 ).

    29.

    Minn dan isegwi li l-ewwel aggravju, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 73(2) tar-Regolament Nru 2100/94 għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    B – It-tieni aggravju

    1. L-argumenti prinċipali tal-partijiet

    30.

    Permezz tat-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali interpretat ħażin il-portata tas-setgħa diskrezzjonali mogħtija lis-CPVO skont l-Artikolu 55(4) tar-Regolament Nru 2100/94, meta jinqara flimkien mal-Artikolu 61(1)(b) u mal-Artikolu 80 ta’ dak ir-regolament. F’dak ir-rigward, l-appellanti jelenkaw numru ta’ konstatazzjonijiet jew suppożizzjonijiet żbaljati li, fil-fehma tagħhom, għamlet il-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata b’konsegwenza li ġew interpretati ħażin is-setgħat tas-CPVO.

    31.

    Għalhekk huma jsostnu, b’mod partikolari, li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta assumiet li s-CPVO kellu s-setgħa li jindirizza talbiet individwali mhux biss fir-rigward tal-kwalità tal-materjal li kellu jiġi ppreżentat fi żmien partikolari, iżda anki fir-rigward tax-xhieda dokumentata dwar din il-kwalità. Madankollu, fil-fehma tal-appellanti t-talbiet individwali fis-sens tal-Artikolu 55(4) tar-Regolament Nru 2100/94 jistgħu, għall-kuntrarju, jirrigwardaw biss il-materjal innifsu.

    32.

    L-appellanti jkomplu biex isostnu li l-Qorti Ġenerali ma kellhiex raġun issostni li s-CPVO seta’ jifred it-talbiet individwali tiegħu f’żewġ talbiet awtonomi u indipendenti, jiġifieri f’waħda li tirrigwarda l-materjal innifsu u f’oħra li tirrigwarda x-xhieda dokumentata tal-kwalità, bħalma hi, pereżempju, il-preżentata ta’ ċertifikat fitosanitarju.

    33.

    Skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali żbaljat ukoll, fid-dawl tal-Artikolu 61(1)(b) tar-Regolament Nru 2100/94, meta assumiet li s-CPVO kellu s-setgħa li jippermetti l-preżentata ta’ materjal ġdid ħieles minn virus, ladarba jkun skada ż-żmien li fih kellu jiġi ppreżentat il-materjal u ladarba jkun sar ċar mingħajr ebda dubju li l-materjal ma kienx ħieles minn virus. Il-Qorti Ġenerali żbaljat meta, fir-rigward tal-istedina biex jintbagħat iċ-ċertifikat fitosanitarju tal-materjal diġà ppreżentat, sostniet li l-kliem “kemm jista’ jkun malajr” ma setgħax jiġi interpretat bħala limitu taż-żmien, u fi kwalunkwe każ mhux bħala limitu taż-żmien li kien skada, fir-rigward ta’ talba individwali fis-sens tal-Artikolu 55(4) tar-Regolament Nru 2100/94, bir-riżultat li l-applikazzjoni kellha tiġi rrifjutata skont l-Artikolu 61(1)(b) ta’ dak ir-regolament.

    34.

    Barra dan, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta assumiet li s-CPVO kellu s-setgħa diskrezzjonali kompleta biex jiżgura, mingħajr stħarriġ ġerarkiku jew ġudizzjarju ulterjuri, il-preċiżjoni u ċ-ċarezza legali tat-talbiet individwali tiegħu. F’dak ir-rigward, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta sostniet li l-kwistjonijiet ta’ bona jew mala fede fir-rigward tal-interpretazzjonijiet ta’ dawn it-talbiet kienu irrilevanti. Barra dan lanqas ma vverifikat il-limiti stabbiliti mill-proċedura ta’ restitutio in integrum skont l-Artikolu 80 tar-Regolament Nru 2100/94, li jidher ċar li ġew injorati mis-CPVO.

    35.

    B’risposta għal dan s-CPVO jsostni li hu dejjem kien iġġustifikat meta ppermetta li l-applikant jagħmel it-tieni preżentata ta’ materjal tal-pjanti, minħabba li t-talba individwali (l-ittra tas-26 ta’ Jannar 1999) ma kinitx preċiża biżżejjed. Meta jkunu qed jiġu evalwati t-talbiet magħmula mis-CPVO f’dan il-każ partikolari, u fid-dawl tal-prinċipju taċ-ċertezza legali, wieħed għandu jżomm f’moħħu l-importanza li jingħataw istruzzjonijiet preċiżi.

    36.

    F’dak li jirrigwarda talbiet relatati mal-kwalità tal-materjal tal-pjanti li għandhom jiġu ppreżentati, is-CPVO jsostni li kien biss wara li għalaq iż-żmien li kellu jiġi ppreżentat fih il-materjal u wara li dan fil-fatt ġie ppreżentat, li ġie ċċarat li dan il-materjal li kellu jiġi ppreżentat kellu jkun ħieles minn virus. It-talba magħmula fis-26 ta’ Jannar 1999 ma kinitx ċara biżżejjed f’dan ir-rigward.

    37.

    Għal dik ir-raġuni, fil-fehma tas-CPVO, wieħed ma jistax isosnti li KSB kienet naqset milli tikkonforma ma’ talba skont l-Artikolu 55(4) tar-Regolament Nru 2100/94. Għalhekk jirriżulta li ma kienet teżisti ebda raġuni għaliex kellha tiġi miċħuda l-applikazzjoni ta’ KSB skont l-Artikolu 61(1) tar-Regolament Nru 2100/94.

    38.

    F’dak li jirrigwarda t-talbiet għad-dokumenti, is-CPVO jaqbel mal-Qorti Ġenerali li, biex applikazzjoni tiġi miċħuda għar-raġuni li ma jkunux ġew ippreżentati d-dokumenti rilevanti, it-talba kif ukoll l-għeluq taż-żmien speċifikat għandhom ikunu ċari minn qabel.

    39.

    Is-CPVO jkompli jsostni li l-proċedura ta’ restitutio in integrum prevista fl-Artikolu 80 tar-Regolament Nru 2100/94 ma kinitx applikabbli fiċ-ċirkustanzi tal-kawża ineżami minħabba li l-kliem “kemm jista’ jkun malajr” ma kinux preċiżi biżżejjed biex jindikaw id-data li sal-għeluq tagħha jrid ikun aġixxa applikant. Fi kwalunkwe każ, anki li kieku din l-indikazzjoni kellha titqies li hi suffiċjentement preċiża, l-Artikolu 80 tar-Regolament Nru 2100/94 ma huwiex applikabbli f’każijiet fejn l-Uffiċċju jkun kaġun ta’ xi dewmien, bħalma ġara f’dan il-każ minħabba li l-Uffiċċju ma tax struzzjonijiet ċari fl-ittra tiegħu tas-26 ta’ Jannar 1999.

    40.

    Fl-aħħar nett is-CPVO taqbel mal-Qorti Ġenerali li l-bona jew il-mala fede min-naħa tal-applikant ma hijiex rilevanti f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tas-setgħa diskrezzjonali li ngħatatlu skont l-Artikolu 55(4) tar-Regolament Nru 2100/94.

    41.

    Għalhekk, filwaqt li jwarrab l-argumenti tal-appellanti, is-CPVO jsostni li t-tieni motiv imressaq mill-appellanti hu kompletament infondat.

    42.

    Schniga tenfasizza – għall-kuntrarju ta’ dak li sostnew l-appellanti – li minħabba l-kumplessità xjentifika u teknika tal-eżami tekniku tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni, l-Artikolu 55(4) tar-Regolament Nru 2100/94 bilfors li jagħti setgħa diskrezzjonali wiesgħa f’dak li jikkonċerna l-eżerċitar tal-funzjonijiet tagħha. Dan jinkludi l-possibiltà li s-CPVO jaċċetta li l-applikazzjoni “ma tintbagħatx” għall-iskopijiet tal-Artikolu 61(1)(b) Regolament Nru 2100/94 billi jawtorizza lill-applikanti jippreżentaw materjal ġdid fi żmien perijodu ġdid, jekk bħalma fil-fatt ġara f’dan il-każ, hu jkun jidhirlu li ma kienx ċar biżżejjed f’dak li jirrigwarda r-rekwiżiti relatati mal-fitosanità tal-materjal li kellu jiġi eżaminat.

    2. Evalwazzjoni

    43.

    It-tieni aggravju u l-partijiet tiegħu essenzjalment jiffokaw fuq il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali – u fuq ir-raġunar li fuqu hi bbażata dik il-konklużjoni, kif spjegat fil-paragrafi 62 sa 80 tas-sentenza appellata – li meta l-Bord tal-Appell sostna li s-CPVO kiser l-Artikolu 61(1)(b) tar-Regolament Nru 2100/94, billi awtorizza lil KSB tippreżenta materjal ġdid tal-pjanti minflok irrifjuta l-applikazzjoni skont dik id-dispożizzjoni, interpreta ħażin il-portata tas-setgħa diskrezzjonali mogħtija lis-CPVO permezz tal-Artikolu 55(4) tar-Regolament Nru 2100/94. Skont l-appellanti, din l-awtorizzazzjoni setgħet ingħatat biss bħala konsegwenza ta’ restitutio in integrum, kif previst fl-Artikolu 80 ta’ dak ir-Regolament – li madankollu KSB dan ma talbitux.

    44.

    Għandu jitfakkar mill-bidu nett li, skont l-Artikolu 55(4) tar-Regolament Nru 2100/94, is-CPVO għandu s-setgħa li jiddetermina, permezz ta’ regoli ġenerali jew permezz ta’ talbiet individwali, id-data u l-post għall-preżentata tal-materjal intiż għall-eżami tekniku u tal-kampjuni ta’ referenza.

    45.

    F’dan ir-rigward, wieħed għandu jsemmi li, sa fejn l-Artikolu 55(4) tar-Regolament Nru 2100/94 jagħti lis-CPVO is-setgħa li jiddefinixxi, kemm f’termini ta’ kwantità u kwalità, il-materjal li għandu jippreżentalu biex ikun jista’ jsirlu eżami tekniku, liema eżami jinvolvi evalwazzjonijiet xjentifiċi u tekniċi kumplessi, għandha tingħata ċerta ammont ta’ setgħa diskrezzjonali lis-CPVO biex dik id-dispożizzjoni tkun tista’ tiġi applikata ( 8 ).

    46.

    Fil-fehma tiegħi, mhux biss li f’dan ir-rigward setgħa diskrezzjonali relattivament wiesgħa hi ġġustifikata kif ukoll implikata fil-kliem tal-Artikolu 55(4) tar-Regolament Nru 2100/94 innifsu; din is-setgħa diskrezzjonali tinsab riflessa wkoll fl-Artikolu 61(1)(b) ta’ dak ir-regolament, liema regolament jippermetti li s-CPVO jaċċetta li ma jkunx hemm konformità mat-talbiet tiegħu għall-iskopijiet tal-Artikolu 55(4) tar-regolament, u b’hekk li jiġi evitat il-bżonn li tiġi miċħuda l-applikazzjoni ( 9 ).

    47.

    Jidhirli li fuq dan l-isfond, meta – fil-punti 63 sa 65 tas-sentenza appellata – il-Qorti Ġenerali ddefinixxiet il-portata tas-setgħa diskrezzjonali mogħtija skont l-Artikolu 55(4) Regolament Nru 2100/94, kellha raġun li ssostni li din tinkludi d-dritt tas-CPVO li, jekk hu jkun jidhirlu li dan jeħtieġ u sakemm ma jkunx skada t-terminu li fih l-awtur tal-applikazzjoni għad-dritt għandu jirrispondi għat-talba individwali indirizzata lilu, jiddefinixxi l-kundizzjonijiet li għalihom għandu jiġi ssuġġettat l-eżami ta’ applikazzjoni għal dritt Komunitarju ta’ varjetajiet ta’ pjanti.

    48.

    F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali setgħet – mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi – issostni, fil-punt 64 tas-sentenza appellata, li hu konformi mal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u man-neċessità li jitħarsu l-iżvolġiment tajjeb u l-effettività tal-proċedimenti li, meta s-CPVO jkun jidhirlu li nuqqas ta’ preċiżjoni li huwa jkun induna bih jista’ jiġi korrett, ikollu l-possibbiltà li jkompli bl-eżami tal-applikazzjoni ppreżentata quddiemu u ma jkunx, f’dawk iċ-ċirkustanzi, obbligat li jiċħadha.

    49.

    Il-Qorti Ġenerali kellha wkoll raġun meta indikat, fil-punt 65 tas-sentenza appellata, li hu rekwiżit inerenti għall-prinċipju taċ-ċertezza legali li l-applikanti jkunu jafu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom mingħajr ebda ambigwità u li jaġixxu skont dan ( 10 ). Minħabba li, bħala awtorità tal-Unjoni Ewropea, is-CPVO hu marbut bir-rekwiżiti taċ-ċertezza legali bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti Ġenerali setgħet – għall-kuntrarju ta’ dak li sostnew l-appellanti – issostni mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, li s-CPVO kellu s-setgħa li jiżgura li t-talbiet individwali tiegħu jkunu ċari u li, għaldaqstant, ir-responsabbiltà tan-nuqqas ta’ konformità ma’ dawk it-talbiet taqa’ biss fuq l-applikant.

    50.

    Madankollu, għall-kuntrarju ta’ dak li sostnew l-appellanti, ma hemm xejn fis-sentenza appellata li jissuġġerixxi jew jimplika li dik is-setgħa tas-CPVO hi kompletament diskrezzjonali u eżentata minn kwalunkwe stħarriġ ġerarkiku jew ġudizzjarju ulterjuri.

    51.

    Għalhekk, jien jidhirli li sa dan il-punt il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddefinixxiet il-portata tas-setgħa diskrezzjonali mogħtija lis-CPVO permezz tal-Artikolu 55(4) tar-Regolament Nru 2100/94.

    52.

    Fil-punti sussegwenti tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kompliet tevalwa ċ-ċirkustanzi tal-kawża fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali deskritta iktar ’il fuq.

    53.

    F’dak ir-rigward, il-Qorti Ġenerali – b’mod partikolari fil-punti 69 u 72 tas-sentenza appellata - ikkunsidrat kemm iż-żewġ ittri tas-26 ta’ Jannar 1999 u tal-25 ta’ Marzu 1999, kif ukoll il-posta elettronika tat-13 ta’ Ġunju 2001 li permezz tagħha s-CPVO kkomunika ma’ KSB waqt il-proċedura quddiemu, bħala talbiet individwali fis-sens tal-Artikolu 55(4) tar-Regolament Nru 2100/94.

    54.

    F’dan ir-rigward, l-argument tal-appellanti li dawn it-talbiet għandhom jirreferu biss għall-materjal innifsu u mhux għax-xhieda dokumentata fir-rigward tal-kwalità tiegħu, bħalma huma d-dokumenti fitosanitarji li jikkonfermaw l-istat sanitarju tal-materjal, għandu jinċaħad. Sa fejn dik id-dokumentazzjoni tirrigwarda – kif indikat korrettament il-Qorti Ġenerali – il-kwalità tal-materjal li għandu jiġi ppreżentat, ikun jidher formalistiku żżejjed u li jmur kontra s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa, imfissra iktar ’il fuq, mogħtija lis-CPVO permezz tal-Artikolu 55(4) tar-Regolament Nru 2100/94 għall-iskopijiet li tiġi ddeterminata, inter alia, il-kwalità tal-materjal li għandu jiġi ppreżentat, li tiġi eskluża l-possibbiltà li jsiru talbiet bħal dawn skont dik id-dispożizzjoni.

    55.

    F’dan il-kuntest, anki li kieku, kif isostnu l-appellanti, it-talba magħmula permezz tal-ittra tal-25 ta’ Marzu 1999 għandha tiġi interpretata bħala talba individwali separata li tirrigwarda x-xhieda dokumentata tal-istat sanitarju tal-materjal li kellu jiġi ppreżentat, u mhux tal-kwalità tal-materjal innifsu, bħalma kienet it-talba fl-ittra preċedenti tas-26 ta’ Jannar 1999, xorta waħda ma jkunx ċar – u lanqas ma ġie vverifikat mill-appellanti – sa liema punt il-proċediment permezz ta’ żewġ talbiet individwali (il-“frid”) ikun jaqbeż il-limiti stabbiliti mill-Artikolu 55(4) tar-Regolament Nru 2100/94.

    56.

    F’dak li jirrigwarda l-ilment tal-appellanti li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta sostniet li s-CPVO kellha s-setgħa li tippermetti l-preżentata ta’ materjal ġdid ħieles minn virus ladarba l-limitu taż-żmien għall-preżentata tal-materjal kien skada, u ladarba kien definittivament ċar li l-materjal ma kienx ħieles minn virus, wieħed għandu jsemmi li, fil-paragrafi 74 u 75 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali appoġġat il-pożizzjoni li ħa s-CPVO fil-posta elettronika tat-13 ta’ Ġunju 2001 – liema pożizzjoni baqgħet tiġi sostnuta fl-appell preżenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja – li l-istruzzjonijiet fl-ittri tiegħu tas-26 ta’ Jannar 1999 u tal-25 ta’ Marzu 1999 ma kinux għamluha ċara biżżejjed, u għalhekk jiġi eliminat kull dubju ta’ KSB, li l-materjal li kellu jiġi ppreżentat kellu jkun ħieles minn virus. Barra dan, fil-punt 76 tas-sentenza appellata l-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li fl-ittra tal-25 ta’ Marzu 1999 is-CPVO sempliċement staqsa lil KSB biex jippreżenta ċ-ċertifikat fitosanitarju meħtieġ “kemm jista’ jkun malajr”, u għaldaqstant ma kienx iffissa xi limitu taż-żmien speċifiku li fih KSB kellu jipprovdi ċ-ċertifikat.

    57.

    Fid-dawl ta’ dawk l-evalwazzjonijiet tal-fatti, li ma jistawx, fihom infushom, jiġu kkontestati f’appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, u li skonthom kien hemm nuqqas ta’ ċarezza f’dak li jirrigwarda l-fatt li l-materjal li kellu jiġi ppreżentat biex isirlu eżami tekniku kellu jkun ħieles minn virus, il-Qorti Ġenerali, fil-fehma tiegħi, kienet intitolata, meta wieħed iqis il-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u taċ-ċertezza legali kif imsemmija iktar ’il fuq ( 11 ), li tikkonkludi – mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi – li s-CPVO kellu s-setgħa diskrezzjonali li jikkjarifika, fil-posta elettronika tiegħu tat-13 ta’ Ġunju 2001, it-talbiet preċedenti tiegħu f’dak ir-rigward kif ukoll li jawtorizza l-preżentata ta’ materjal ġdid ħieles minn virus.

    58.

    F’dak li jirrigwarda l-allegazzjoni l-oħra tal-appellanti li nkiser l-Artikolu 80 tar-Regolament Nru 2100/94, li jagħmel provvediment għal proċedura ta’ restitutio in integrum, hu biżżejjed li wieħed jikkunsidra l-fatt li, l-ewwel nett, KSB ma ppreżentat ebda applikazzjoni għar-ristabbiliment skont dik id-dispożizzjoni u li, it-tieni nett – kif osserva sew is-CPVO – hu ċar li, fid-dawl tan-nuqqas ta’ ċarezza fir-rigward tal-limitu taż-żmien għall-preżentata tal-materjal tal-pjanti, il-kundizzjoni stipulata f’dik id-dispożizzjoni li tirrigwarda n-nuqqas ta’ osservanza ta’ limitu ta’ żmien qatt ma ġiet sodisfatta; peress li, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, is-CPVO kellu s-setgħa li jawtorizza l-preżentata ta’ materjal ġdid tal-pjanti fil-qafas ta’ proċedura ta’ applikazzjoni waħda u mingħajr ma jiċħad l-applikazzjoni oriġinali, ma kienx neċessarju li jiġi stabbilit mill-ġdid id-dritt li jiġi ppreżentat materjal tal-pjanti abbażi tal-Artikolu 80 tar-Regolament Nru 2100/94.

    59.

    Għaldaqstant għandu jiġi miċħud il-motiv li jallega l-ksur ta’ dik id-dispożizzjoni.

    60.

    Fl-aħħar nett, għall-kuntrarju ta’ dak li sostnew l-appellanti f’dak ir-rigward, il-Qorti Ġenerali b’ebda mod ma wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet, fil-punt 80 tas-sentenza appellata, l-akkużi ta’ mala fede magħmula lil KSB abbażi tal-ineffettività tagħhom, peress illi kien tassew minnu li dik il-kwistjoni ma kellhiex rilevanza fl-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali dwar jekk is-CPVO baqax jew le fil-limiti tas-setgħa diskrezzjonali li ngħatatlu mill-Artikolu 55(4) tar-Regolament Nru 2100/94 meta kkjarifika t-talbiet tiegħu f’każ individwali.

    61.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni aggravju li jallega l-ksur tal-Artikolu 55(4) tar-Regolament Nru 2100/94, meta jinqara flimkien mal-Artikolu 61(1)(b) u mal-Artikolu 80 ta’ dak ir-regolament, għandu wkoll, fil-fehma tiegħi, jiġi miċħud bħala infondat.

    62.

    Fil-fehma tiegħi, għalhekk għandu jiġi konkluż li t-tieni aggravju għandu wkoll jiġi miċħud kompletament.

    VII – Fuq l-Ispejjeż

    63.

    L-Artikolu 69(2) tal-istess Regoli tal-Proċedura, li sar applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 118 ta’ dawn ir-regoli, jiddisponi li kull parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li s-CPVO u Schniga talbu li l-appellanti jiġu kkundannati jbatu l-ispejjeż u peress li dawn tal-aħħar tilfu fir-rigward tal-aggravji tagħhom, hemm lok li jiġu kkundannati għall-ispejjez.

    VIII – Konklużjoni

    64.

    Għar-raġunijiet stipulati hawn fuq, jien nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:

    (1)

    tiċħad l-appell;

    (2)

    tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

    ( 2 ) Ġabra p. II-5089.

    ( 3 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 16 p. 390.

    ( 4 ) Ir-Regolament tal-25 ta’ Ottubru 1995 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2100/94 dwar id-drittijiet tal-varjetajiet tal-pjanti tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 18, p. 255).

    ( 5 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ April 2010, Ralf Schräder vs Community Plant Variety Office (CPVO) (C-38/09 P, Ġabra I-3209, punt 69); ara wkoll il-Konklużjonijiet tiegħi ta’ dik is-sentenza, punti 20 sa 23.

    ( 6 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146; ara t-tielet premessa tal-preambolu tar-Regolament Nru 2506/95.

    ( 7 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2008, Les Éditions Albert René vs OHIM (C-16/06 P, Ġabra I-10053, punti 38 u 39).

    ( 8 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Schräder vs CPVO, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 77, u l-Konklużjonijiet tiegħi f’dik is-sentenza, punt 25; ara wkoll, inter alia, is-sentenza tal-14 ta’ Jannar 1997, Spanja vs Il-Kummissjoni (C-169/95, Ġabra I-135, punti 33 u 34).

    ( 9 ) Ara, b’analoġija, fis-sens li l-UASI għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa minħabba li jista’ jieħu kont tal-fatti u tal-evidenza li jiġu ppreżentati jew ipprovduti tard, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2007, UASI vs Kaul (C-29/05 P, Ġabra I-2213, punt 42).

    ( 10 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Lulju 1981, Gondrand u Garancini, (169/80, Ġabra p. 1931, punt 17); ara wkoll is-sentenza tal-15 ta’ Frar 1996, Duff et (C-63/93, Ġabra I-569, punt 20), u s-sentenza tal-14 ta’ April 2005, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni (C-110/03, Ġabra I-2801, punt 30).

    ( 11 ) Ara l-punti 47 sa 49 iktar ’il fuq.

    Top