Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CC0190

    Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Jääskinen - 31 ta' Marzu 2011.
    Génesis Seguros Generales, Sociedad Anónima de Seguros y Reaseguros (Génesis) vs Boys Toys SA u Administración del Estado.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Tribunal Supremo - Spanja.
    Trade mark Komunitarja - Definizzjoni u akkwist - Trade mark preċedenti - Modalitajiet tal-preżentata - Preżentata elettronika - Mezz li jippermetti l-identifikazzjoni preċiża tad-data, is-siegħa u l-minuta tal-preżentazzjoni tat-talba.
    Kawża C-190/10.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:202

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    JÄÄSKINEN

    ippreżentati fil-31 ta’ Marzu 2011 ( 1 )

    Kawża C-190/10

    Génesis Seguros Generales Sociedad Anónima de Seguros y Reaseguros (GENESIS)

    vs

    Boys Toys SA

    u

    Administración del Estado

    [talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Supremo (Spanja)]

    “Trade mark Komunitarja — Metodi ta’ preżentazzjoni — Artikolu 27 tar-Regolament (KE) Nru 40/94 — Preżentata elettronika tal-applikazzjoni — Teħid inkunsiderazzjoni tad-data, tas-siegħa u tal-minuta tal-preżentata”

    I – Introduzzjoni

    1.

    Permezz tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari tiegħu, it-Tribunal Supremo (Spanja) jissottometti mistoqsija lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett tad-“data ta’ preżentata” tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja. Il-kwistjoni tirrigwarda jekk huwiex permess, għall-finijiet tal-implementazzjoni tal-Artikolu 27 tar-Regolament (KE) Nru 40/94 ( 2 ), li jiġu kkunsidrati, minbarra d-data tal-preżentata tal-applikazzjoni, is-siegħa u l-minuta ta’ meta tiġi ppreżentata sabiex tkun tista’ tiġi invokata l-prijorità tat-trade mark Komunitarja.

    II – Il-kuntest ġuridiku

    A – Id-dritt internazzjonali

    2.

    Il-Konvenzjoni ta’ Pariġi għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali tal-20 ta’ Marzu 1883 ( 3 ) (iktar’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Pariġi”) fl-Artikolu 4A tagħha tistabbilixxi kif ġej:

    “(1)   Kull persuna li tkun ippreżentat b’mod regolari applikazzjoni [...] għal trade mark, f’wieħed mill-pajjiżi tal-Unjoni, [...], tgawdi, għall-finijiet ta’ preżentata fil-pajjiżi l-oħra, minn dritt ta’ prijorità matul il-perijodi stabbiliti iktar’il quddiem.

    (2)   Kull preżentata li hija ekwivalenti għal preżentata regolari taħt il-liġi nazzjonali ta’ kull pajjiż tal-Unjoni fejn tkun saret jew taħt xi ftehim bilaterali jew multilaterali konkluż bejn pajjiżi tal-Unjoni, għandha tiġi rikonoxxuta bħala li tagħti lok għal dritt ta’ prijorità.

    (3)   Preżentata nazzjonali regolari tfisser kull preżentata li hija biżżejjed sabiex tiġi stabbilita d-data meta ġiet ippreżentata l-applikazzjoni fil-pajjiż inkwistjoni, irrispettivament mill-eżitu ta’ din l-applikazzjoni.”

    3.

    Skont l-Artikolu 4C tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi:

    “(1)   Il-perijodi ta’ prijorità msemmijja hawn fuq għandhom ikunu [...] ta’ sitt xhur għad-disinni industrijali u għat-trade marks.

    (2)   Dawn il-perijodi jibdew jiddekorru mid-data tal-preżentata tal-ewwel applikazzjoni; il-jum tal-preżentata ma huwiex inkluż fil-perijodu.

    (3)   Jekk l-aħħar jum tal-perijodu ikun vakanza uffiċjali, jew jum fejn l-Uffiċju ma huwiex miftuħ sabiex jirċievi l-applikazzjoni fil-pajjiż fejn il-protezzjoni hija mitluba, il-perijodu jitwal sal-ewwel jum ta’ xogħol li jmiss.”

    B – Id-dritt tal-Unjoni

    4.

    L-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 40/94, intitolat “Raġunijiet relattivi għal rifjut”, jipprovdi:

    “1.   Jekk issir opposizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark m’għandhiex tiġi milqugħa:

    a)

    jekk tkun identika għal trade mark preċedenti u jekk il-prodotti jew servizzi fir-rigward ta’ liem qiegħda ssir l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni huma identiċi mal-prodotti jew servizzi protetti mit-trade mark preċedenti;

    b)

    jekk minħabba identiċità jew xebh bejn iż-żewġ trade marks u l-identiċità jew xebh tal-prodotti jew servizzi koperti mit-trade marks teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni minn naħa tal-pub[b]liku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta; il-probabbiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti.

    2.   Għall-iskopijiet tal-Paragrafu 1, ‘Trade marks preċedenti’ tfisser:

    a)

    trade marks tat-tip imsemmija hawn taħt b’data ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni li tiġi qabel dik ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja, wara li wieħed iqis, fejn dan ikun xieraq, il-prioritajiet mitluba fir-rigward ta’ dawk it-trade marks:

    i)

    trade marks Komunitarji;

    ii)

    trade marks reġistrati fi Stati Membru, jew, fil-każ tal-Belġju, l-Olanda [il-Pajjiżi l-Baxxi] jew il-Lussemburgu, fl-Uffiċċju tat-trade Marks tal-Benelux;

    iii)

    trade marks reġistrati taħt arranġamenti internazzjonali li għandhom effett fi Stat Membru;

    b)

    applikazzjonijiet għal trade marks [i]msemmija fis-sub paragrafu (a), bla ħsara għar-reġistrazzjoni tagħhom;

    ċ)

    trade marks li, fid-data ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja, jew, fejn xieraq, ta’ talba ta’ prijorità fir-rigward ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja, huma magħrufa sew f’xi Stat Membru, fis-sens li l-kliem “magħrufa sew” huma użati fl-Artikolu 6 bis tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi. [...]”

    5.

    L-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 40/94, intitolat “L-applikazzjoni kumplimentari tal-liġi nazzjonali fir-rigward ta’ vjolazzjoni”, jipprovdi, fis-subartikolu 1, li l-effetti ta’ trade marks Komunitarji għandhom jiġu rregolati biss mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament.

    6.

    L-Artikolu 26(1) tar-Regolament Nru 40/94 jiddikjara l-kundizzjonijiet li l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja għandha tissodisfa. Fosthom jissemmew: a) applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja; b) informazzjoni li tidentifika lill-applikant; ċ) il-lista ta’ prodotti jew servizzi fir-rigward ta’ liema r-reġistrazzjoni hija mitluba, u d) xbieha tat-trade mark. It-tieni subartikolu tal-istess artikolu jiddikjara li l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja hija suġġetta għall-ħlas ta’ dritt fuq l-applikazzjoni.

    7.

    L-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 40/94, intitolat “Id-data ta’ preżentata” jgħid kif ġej:

    “Id-data ta’ preżentata ta’ applikazzjoni għal trade mark Komunitarja għandha tkun id-data meta d-dokumenti bl-informazzjoni speċifikata fl-Artikolu 26(1) jiġu preżentati lill-Uffiċċju mill-applikant jew, jekk l-applikazzjoni tkun ġiet preżentata fl-Uffiċċju ċentrali ta’ Stat Membru jew fl-Uffiċċju tat-trade marks tal-Benelux, f’dak l-Uffiċċju, bla ħsara għall-ħlas ta’ drittijiet fuq l-applikazzjoni fi żmien xahar mill-preżentata tad-dokumenti hawn fuq imsemmija”.

    8.

    Skont l-Artikolu 29 ta’ dan l-istess regolament, id-dritt ta’ prijorità japplika matul perijodu ta’ sitt xhur li jibda jiddekorri mid-data tal-preżentata tal-ewwel applikazzjoni. Kull preżentata li hija ekwivalenti għal preżentata regolari taħt il-liġi nazzjonali tal-Istat fejn tkun saret jew taħt xi ftehim bilaterali jew multilaterali, hija rrikonoxxuta bħala li tagħti lok għal dritt ta’ prijorità. Preżentata nazzjonali regolari tfisser kull preżentata li hija biżżejjed sabiex tiġi stabbilita d-data meta ġiet ippreżentata l-applikazzjoni, irrispettivament mill-eżitu ta’ din l-applikazzjoni.

    9.

    L-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 40/94 jipprovdi li l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja li tkun ingħatat data ta’ preżentata għandha, fl-Istati Membri, titqies bħala ekwivalenti għal preżentata nazzjonali regolari u, fejn xieraq, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-prijorità invokata insostenn tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja.

    10.

    L-Artikolu 97 tar-Regolament Nru 40/94, intitolat “Il-liġi applikabbli” jiddikjara:

    “1.   Il-qrati tat-trade marks Komunitarji għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.

    2.   Fil-kwistjonijiet kollha li mhumiex koperti minn dan ir-Regolament, il-qorti tat-trade marks Komunitarji għandha tapplika l-liġi nazzjonali tagħha, u dan jinkludi id-dritt internazzjonali privat tagħha.

    3.   Sakemm dan ir-Regolament ma jipprovdix mod ieħor, il-qorti tat-trade marks Komunitarji għandha tapplika r-regoli ta’ proċedura li jirregolaw l-istess tip ta’ azzjoni fir-rigward ta’ trade mark nazzjonali fl-Istat Membru fejn hija għandha s-sede tagħha.”

    11.

    Ir-regola 5 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 ( 4 ), intitolata “Preżentazzjoni tal-applikazzjoni”, tipprovdi:

    “1.

    L-uffiċċju għandu jimmarka d-dokumenti li jagħmlu l-applikazzjoni bid-data ta’ meta din tiġi riċevuta bin-numru tal-file tal-applikazzjoni. L-Uffiċċju għandu joħroġ mingħajr dewmien irċevuta li għandha tinkludi għall-anqas in-numru tal-file, rappreżentazzjoni, deskrizzjoni jew identifikazzjoni oħra tal-marka, n-natura u n-numru tad-dokumenti u d-data tar-riċevuta.

    […]”

    C – Id-dritt nazzjonali

    12.

    L-Artikolu 6(2), tal-liġi 17/2001 tas-7 ta’ Diċembru 2001, dwar it-trade marks (Ley 17/2001, de 7 de diciembre, de Marcas, BOE Nru 294, tat-8 ta’ Diċembru 2001, p. 45579, iktar’il quddiem il-“liġi 17/2001 dwar it-trade marks”) jiddefinixxi trade marks preċedenti, kif ġej:

    “a)

    trademark irreġistrata fejn id-data ta’ preżentata jew id-data ta’ prijorità tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija preċedenti għad-data tal-applikazzjoni ineżami, u li tinsab fil-kategoriji li ġejjin: i) it-trade marks Spanjoli; ii) it-trade marks irreġistrati taħt arranġamenti internazzjonali li għandhom effett fi Spanja; iii) it-trade marks Komunitarji;

    b)

    trade mark Komunitarja rreġistrata li l-proprjetarju tagħha, f’konformità mar-regolament dwar it-trade mark Komunitarja, jippretendi b’mod validu anzjanità meta mqabbla ma’ waħda mit-trade marks imsemmija taħt is-subparagrafi (a)(i) u (a)(ii), anki jekk din l-aħħar trade mark kienet ġiet irrinunzjata jew tħassret;

    ċ)

    l-applikazzjoni għal trade mark imsemmija fis-subparagrafi (a) u (b), bil-kundizzjoni li r-reġistrazzjoni tagħha tiġi kkonfermata;

    d)

    trade mark mhux irreġistrata li, fid-data tal-preżentata jew fid-data ta’ prijorità tal-applikazzjoni għat-trade mark ineżami, hija ‘magħrufa sew’ fi Spanja fis-sens tal-Artikolu 6a tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi.”

    13.

    L-Artikolu 11 tal-imsemmija liġi, intitolat “Preżentata tal-applikazzjoni”, jipprovdi li:

    “1.   L-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark għandha tkun ippreżentata fil-korp amministrattiv tal-komunità awtonoma fejn l-applikant għandu d-domiċilju tiegħu jew stabbiliment industrijali jew kummerċjali serju u effettiv. [...]

    [...]

    6.   Sabiex jirċievi l-applikazzjoni, il-korp amministrattiv għandu jniżżel, meta jirċievi l-applikazzjoni, in-numru tal-applikazzjoni, kif ukoll id-data, is-siegħa u l-minuta li fiha jkun irċeviha, skont il-modalitajiet li għandhom jiġu ddeterminati b’regolament.”

    14.

    L-Artikolu 12 tal-liġi 17/2001 dwar it-trade marks, li jistipula l-kundizzjonijiet li l-applikazzjoni għandha tissodisfa, jipprovdi kif ġej:

    “1.   L-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark għandha tinkludi, tal-inqas; talba għar-reġistrazzjoni tat-trade mark, l-identità tal-applikant; il-lista ta’ prodotti jew servizzi li fir-rigward tagħhom qed tintalab ir-reġistrazzjoni.

    […]”

    15.

    L-Artikolu 13 tal-liġi 17/2001 dwar trade marks jipprovdi:

    “1.   Id-data tal-preżentata tal-applikazzjoni hija d-data li fiha l-korp amministrattiv, kif iddefinit fl-Artikolu 11, jirċievi d-dokumenti li jinkludu l-elementi msemmija fl-Artikolu 12(1).

    2.   Id-data tal-preżentata tal-applikazzjonijiet ippreżentati f’uffiċċju tal-posta hija l-mument meta dan l-uffiċċju jirċievi d-dokumenti li jinkludu l-elementi msemmija fl-Artikolu 12(1), sakemm dawn id-dokumenti jiġu ppreżentati f’envelopp miftuħ, permezz ta’ ittra rreġistrata u b’irċevuta ta’ meta jasal l-envelopp, indirizzat lill-korp amministrattiv kompetenti sabiex jirċievi l-applikazzjoni. L-uffiċċju tal-posta għandu jindika l-jum, is-siegħa u l-minuta tal-preżentata tal-applikazzjoni.

    3.   Fis-sitwazzjoni fejn wieħed mill-korpi jew unitajiet amministrattivi msemmija fis-subartikoli hawn fuq jonqos milli jirrapporta meta jirċievi l-applikazzjoni, il-ħin tal-preżentata tagħha, tiġi attribwita l-aħħar siegħa tal-jum għall-imsemmija applikazzjoni. Jekk ma titniżżilx il-minuta tal-preżentata, tiġi attribwita l-aħħar minuta tas-siegħa. Jekk ma jitniżżlu la s-siegħa u lanqas il-minuta tal-preżentata, għandha tiġi attribwita l-aħħar siegħa u minuta tal-jum inkwistjoni”.

    III – Il-kawża prinċipali, id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    16.

    Génesis Seguros Generales Sociedad Anónima de Seguros y Reaseguros (iktar ’il quddiem “Génesis”) ippreżentat lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (iktar’il quddiem l-“UASI”), b’mezzi elettroniċi, żewġ applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta’ trade marks Komunitarji: it-trade mark verbali RIZO Nru 3543361, fil-klassijiet 16, 28, 35 u 36 tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat (iktar ’il quddiem il-“klassifikazzjoni ta’ Nice”) u t-trade mark verbali RIZO, EL ERIZO Nru 3543386, fil-klassijiet 16, 35 u 36 tal-imsemmija klassifikazzjoni.

    17.

    Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, fid-dawl tal-provi li ġew ippreżentati lilha, it-trażmissjoni ( 5 ) lill-UASI tal-applikazzjonijiet elettroniċi għal dawn iż-żewġ trade marks Komunitarji seħħet fil-11.52 u f’12.13 tat-12 ta’ Diċembru 2003 rispettivament.

    18.

    Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll li fil-17.45 ta’ dan l-istess jum tat-12 ta’ Diċembru 2003, il-kumpannija “Pool Angel Tomas SL”, applikat mal-Oficina Española de Patentes y Marcas (iktar’ il quddiem l-“OEPM”), għar-reġistrazzjoni fi Spanja tat-trade mark verbali RIZO’S, Nru 2571979-3, fil-klassi 28 tal-klassifikazzjoni ta’ Nice.

    19.

    Génesis opponiet għall-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark nazzjonali RIZO’S’ imsemmija iktar ’il fuq, waqt li invokat id-dritt ta’ prijorità tagħha fuq il-bażi tat-trade marks Komunitarji RIZO Nru 3543361 u RIZO, EL ERIZO Nru 3543386.

    20.

    Permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Diċembru 2004, l-OEPM ċaħad l-oppożizzjoni billi qies li t-trade marks invokati ma kellhomx prijorità fuq it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u rreġistra t-trade mark RIZO’S.

    21.

    Génesis ippreżentat ilment sabiex titlob lill-OEPM jikkonstata l-prijorità tat-trade marks Komunitarji li hija l-proprjetarji tagħhom, billi bbażat ruħha fuq il-fatt li l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ dawn it-trade marks Komunitarji kienet ġiet ippreżentata, permezz ta’ mezzi elettroniċi, fit-12 ta’ Diċembru 2003 u li din id-data kellha tittieħed inkunsiderazzjoni għal dan il-għan.

    22.

    Permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Ġunju 2005, l-OEPM irrifjuta dan l-ilment, billi enfasizza li d-data tal-preżentata tat-trade marks Komunitarji li jappartjenu għar-rikorrenti kienet sussegwenti għad-data ta’ preżentata tat-trade mark Spanjola RIZO’S, peress li, fuq il-bażi tal-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 40/94, id-data ta’ preżentata kkunsidrata fir-rigward tal-applikazzjonijiet għat-trade marks Komunitarji ġiet stabbilita biss fis-7 ta’ Jannar 2004.

    23.

    Permezz ta’ appell li ppreżentat Génesis kontra din id-deċiżjoni tal-aħħar, it-tieni bord tas-sezzjoni tal-proċeduri amministrattivi kuntenzjużi tat-Tribunal Superior de Justicia de Madrid ikkonferma, permezz ta’ sentenza tas-7 ta’ Frar 2008, il-fondatezza tal-għoti tat-trade mark Spanjola li għaliha saret l-applikazzjoni, “RIZO’S”. Dan il-bord qies li d-data tal-preżentata tat-trade marks Komunitarji opposti kienet id-data tal-produzzjoni effettiva tad-dokumentazzjoni, u mhux it-12 ta’ Diċembru 2003, id-data meta ġiet ippreżentata l-applikazzjoni permezz ta’ mezzi elettroniċi.

    24.

    Fl-appell tagħha kontra s-sentenza tas-7 ta’ Frar 2007, Génesis ikkontestat, fl-ewwel lok, l-interpretazzjoni tat-Tribunal Superior de Justicia de Madrid dwar id-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għat-trade marks Komunitarji, u indikat li l-interpretazzjoni korretta tal-Artikoli 26 u 27 tar-Regolament Nru 40/94 twassal biex tiġi kkunsidrata bħala d-data ta’ preżentata tal-applikazzjonijiet id-data li fiha dawn intbagħtu lill-UASI u ġew riċevuti minnu, jiġifieri t-12 ta’ Diċembru 2003. Fit-tieni lok, Génesis tqis li billi ma osservax il-prijorità tat-trade marks Komunitarji RIZO Nru 3543361 u RIZO, EL ERIZO Nru 3543386, it-Tribunal Superior de Justicia de Madrid kiser l-Artikolu 6(2) tal-Liġi 17/2001 dwar it-trade marks, li jipprovdi, fis-subparagrafi a) u ċ), li għandha tingħata prijorità lill-applikazzjonijiet għal trade marks Komunitarji li d-data ta’ preżentata tagħhom hija preċedenti għall-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ppreżentati lill-OEPM.

    25.

    It-Tribunal Supremo josserva li, filwaqt li jipprovdi li d-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja hija dik meta din l-applikazzjoni tiġi ppreżentata lill-UASI jew lill-organizzazzjonijiet koperti minn din id-dispożizzjoni, l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 40/94 ma jistabbilixxi ebda ordni oħra ta’ preżentazzjoni meta l-preżentati jseħħu fl-istess jum. Issa, il-kriterju użat fi Spanja sabiex tiġi ddeterminata l-prijorità tat-trade marks meta l-jum tal-preżentata tal-applikazzjonijiet ikun l-istess, jikkonsisti fl-għoti ta’ preferenza skont is-siegħa u l-minuta tal-preżentata lill-OEPM.

    26.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Supremo ddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

    “L-Artikolu 27 tar-Regolament [Nru 40/94] jista’ jiġi interpretat fis-sens li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, mhux biss id-data, iżda wkoll is-siegħa u l-minuta ta’ meta ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark quddiem l-UASI (dejjem sakemm din id-data tkun ġiet irreġistrata), sabiex tiġi ddeterminata l-prijorità ratione temporis fir-rigward ta’ trade mark nazzjonali ppreżentata fl-istess data, meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola r-reġistrazzjoni ta’ din it-trade mark nazzjonali tikkunsidra li s-siegħa ta’ meta ġiet ippreżentata l-applikazzjoni hija rilevanti?”

    27.

    Din id-domanda ġiet irreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ April 2010. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Génesis, mill-Gvern Spanjol, mill-Gvern Taljan u mill-Gvern Elleniku, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

    IV – Fuq id-domanda preliminari

    A – Osservazzjonijiet ġenerali fuq is-sistema tat-trade marks

    28.

    Preliminarjament, nixtieq nenfasizza l-karatteristiċi tas-sistema tat-trade mark, jiġifieri, minn naħa, id-dimensjoni internazzjonali inerenti tagħha u, min-naħa l-oħra, il-limitazzjoni territorjali neċessarja tagħha. Barra minn hekk, għandha tiġi kkunsidrata l-eżistenza ta’ diversi sistemi ta’ protezzjoni tat-trade mark fosthom dik tal-Unjoni ( 6 ).

    29.

    Il-karatteristiċi tat-trade mark kienu diġà evidenti mit-travaux préparatoires tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi ( 7 ). Fir-rigward tad-determinazzjoni tas-sistema applikabbli għall-protezzjoni tal-proprjetà industrijali, l-ewwel proposta li kienet tikkonsisti fl-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni sopranazzjonali uniformi kienet ġiet irrifjutata bħala utopista u irrealista. It-tieni proposta dwar l-adozzjoni ta’ regoli ta’ kunflitt ta’ liġi li taħthom kellha tiġi applikata l-liġi tal-pajjiż tal-oriġini tal-invenzjoni jew tar-reġistrazzjoni tat-trade mark kienet ġiet ikkunsidrata bħala inġusta. F’konformità mal-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni, l-awturi tagħha għażlu għalhekk it-tielet proposta tal-prinċipju tat-trattament nazzjonali ( 8 ). Skont il-prinċipju ta’ territorjalità (lex loci protectionis), l-effetti ġuridiċi ta’ trade mark huma limitati għat-territorju tal-Istat fejn hija protetta ( 9 ).

    30.

    Fid-dritt tal-Unjoni, id-dritt tat-trade marks jikkostitwixxi element essenzjali tas-sistema ta’ kompetizzjoni mingħajr distorsjoni. F’din is-sistema, kull impriża għandha, sabiex tifforma klijentela minħabba l-kwalità tal-prodotti jew servizzi tagħha, tkun f’pożizzjoni li tirreġistra bħala trade marks sinjali li jippermettu lill-konsumatur jiddistingwi mingħajr konfużjoni possibbli dawn il-prodotti jew dawn is-servizzi meta mqabbla ma dawk li għandhom oriġini oħra ( 10 ).

    31.

    L-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fil-qasam tad-dritt tat-trade marks hija bbażata fuq żewġ sensiliet ta’ testi applikati b’mod parallel, iżda madankollu marbuta f’iktar minn aspett wieħed. Minn naħa, hemm is-sistema tat-trade mark Komunitarja, jiġifieri l-liġi tal-proprjetà industrijali prevista mir-Regolament Nru 40/94, li introduċa liġi tat-trade marks uniformi, li tapplika għat-territorju kollu tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, permezz tad-Direttiva 89/104, il-leġiżlatur tal-Unjoni għamel sforz biex jarmonizza l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali mingħajr ma biddel il-prinċipju ta’ territorjalità, jiġifieri r-rabta bejn l-effetti ġuridiċi ta’ trade mark u t-territorju tal-Istat Membru inkwistjoni.

    32.

    Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li skont il-ħames premessa tar-Regolament Nru 40/94, id-dritt Komunitarju dwar it-trade marks ma jissostitwixxix il-liġijiet dwar it-trade marks tal-Istati Membri. It-trade marks nazzjonali jibqgħu jeżistu għaliex huma neċessarji għall-impriżi li ma jixtiqux jagħżlu protezzjoni tat-trade mark tagħhom fil-livell tal-Unjoni ( 11 ).

    33.

    It-trade mark Komunitarja allura tikkomplementa s-sistemi ta’ protezzjoni nazzjonali. Kif hemm indikat fl-ewwel u t-tielet premessi tad-Direttiva 89/104, din id-direttiva timmira għal armonizzazzjoni parzjali, limitata għad-dispożizzjonijiet nazzjonali li għandhom l-effett l-iktar dirett fuq il-funzjonament tas-suq intern ( 12 ).

    34.

    Il-protezzjoni tat-trade marks allura hija kkaratterizzata, fi ħdan l-Unjoni, mill-koeżistenza ta’ diversi sistemi ta’ protezzjoni, li tista’ twassal għall-preżentata ta’ diversi applikazzjonijiet għal trade mark u, kif ser naraw, f’każijiet eċċezzjonali, għall-eżistenza ta’ reġistrazzjonijiet validi f’kompetizzjoni ma’ xulxin.

    B – Fuq ir-reġistrazzjoni u d-data tal-preżentata tat-trade mark fid-dritt tal-Unjoni

    35.

    Fir-rigward tar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 40/94 jorbtu mal-preżentata tal-imsemmija trade mark, konsegwenzi f’livelli differenti.

    36.

    L-ewwel nett, f’konformità mal-Artikolu 46 tar-Regolament Nru 40/94, il-perijodu ta’ għaxar snin ta’ protezzjoni tat-trade mark jibda jiddekorri mid-data tal-preżentata. It-tieni nett, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 8(2)(a) u (b) tar-Regolament Nru 40/94, id-data tal-preżentata tal-applikazzjoni, kif spjegata fl-Artikolu 27 tal-istess regolament, tiddetermina l-prijorità ta’ trade mark meta mqabbla ma’ oħra ( 13 ). It-tielet nett, id-data tal-preżentata hija rilevanti sabiex jiġi evalwat il-karattru distintiv ta’ trade mark li seta’ nkiseb permezz ta’ użu preċedenti għall-preżentata tal-applikazzjoni fis-sens tal-Artikolu 7(3), tar-Regolament Nru 40/94. Fl-aħħar nett, il-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni huwa rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza tal-mala fede tal-applikant, fis-sens tal-Artikolu 51(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-kawżi ta’ invalidità assoluta tat-trade mark ( 14 ).

    37.

    Minn dan jirriżulta li d-determinazzjoni preċiża tad-data tal-preżentata tikkostitwixxi element kostituttiv tas-sistema tat-trade mark Komunitarja. Sa fejn ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari preżenti jitlob li jiġu ddeterminati t-tifsira u l-portata tal-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 40/94, qabel kollox, għandha tiġi ddeterminata n-natura tal-kunċett tad-“data ta’ preżentata” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

    38.

    Għandu jiġi kkonstatat, preliminarjament, li l-Konvenzjoni ta’ Pariġi ma tinkludix regoli sostantivi li jirregolaw il-kundizzjonijiet tal-preżentata, iżda minflok tipprovdi, fl-Artikolu 4A(2) tagħha, li r-regolarità tal-preżentati hija ddeterminata mil-liġi nazzjonali ta’ kull pajjiż tal-Unjoni jew mill-ftehim bilaterali jew multilaterali konklużi bejniethom. Fil-fatt, anki jekk il-konvenzjoni speċifikat li l-Istati kontraenti kienu qed jikkostitwixxu bejniethom unjoni għall-protezzjoni tal-proprjetà industrijali, din l-istess konvenzjoni inkludiet diversi dispożizzjonijiet li imponew fuq l-imsemmija Stati li jilleġiżlaw fil-qasam tal-proprjetà industrijali jew li ppermettewlhom jagħmlu hekk ( 15 ).

    39.

    Min-naħa l-oħra, ir-Regolament Nru 40/94 jinkludi dispożizzjoni speċifika li tirregola l-kundizzjonijiet għall-preżentata tat-trade mark Komunitarja. Fil-fatt, skont l-Artikolu 27 ta’ dan ir-regolament, id-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja hija d-data meta d-dokumenti bl-informazzjoni speċifikata fl-Artikolu 26(1) jiġu ppreżentati lill-UASI mill-applikant jew, jekk l-applikazzjoni tkun ġiet ippreżentata fl-Uffiċċju Ċentrali tal-proprjetà industrijali ta’ Stat Membru jew fl-Uffiċċju tal-Benelux tat-trade marks, lil dak l-Uffiċċju, sakemm tkun tħallset it-taxxa tal-preżentata, fi żmien xahar mill-preżentata tad-dokumenti hawn fuq imsemmija ( 16 ).

    40.

    Għaldaqstant, mill-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 40/94 jirriżulta li l-imsemmija dispożizzjoni ma tinkludi ebda riferiment espliċitu għal-liġi tal-Istati Membri.

    41.

    F’dan ir-rigward, f’konformità ma’ ġurisprudenza stabbilita, mir-rekwiżiti kemm ta’ implementazzjoni uniformi tad-dritt Komunitarju kif ukoll tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, jirriżulta li t-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tinkludi ebda riferiment espliċitu għal-liġi tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati t-tifsira u l-portata tagħha, għandhom normalment jingħataw, fl-Unjoni Ewropea kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi, li għandha tinstab billi jitqiesu l-kuntest tad-dispożizzjoni u l-għan li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni trid tilħaq ( 17 ).

    42.

    Fil-kuntest tar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja, ir-reġistrazzjonijiet ta’ trade marks nazzjonali preċedenti għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni bħala fatti legalment rilevanti, li magħhom il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni torbot konsegwenzi ġuridiċi ddeterminati.

    43.

    Minn dan isegwi li l-UASI la huwa obbligat li jagħmel tiegħu r-rekwiżiti u l-evalwazzjoni tal-awtorità kompetenti fil-qasam tat-trade marks tal-pajjiż tal-oriġini, u lanqas ma huwa obbligat jirreġistra t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni minħabba l-eżistenza tad-deċiżjonijiet ta’ reġistrazzjoni tal-uffiċċji tal-privattivi u ta’ trade marks nazzjonali ( 18 ).

    44.

    Konsegwentement, inqis li d-determinazzjoni tad-“data ta’ preżentata” ta’ trade mark Komunitarja hija kwistjoni rregolata esklużivament mid-dritt tal-Unjoni, li f’dan ir-rigward, jieħu inkunsiderazzjoni l-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti. Sa fejn ir-Regolament Nru 40/94 ma jagħtix definizzjoni legali tal-espressjoni “id-data ta’ preżentata”, wieħed għandu jirriċerka l-portata u t-tifsira ta’ din l-espressjoni fl-imsemmi regolament.

    C – Fuq id-data ta ’ preżentata tal-applikazzjoni fil-kuntest tal-kawża prinċipali.

    45.

    Qabel ma nibda l-analiżi tal-kunċett ewlieni ta’ dawn il-proċeduri, għandi nirrileva, wara li qrajt id-deċiżjoni tar-rinviju, l-inċertezza li jidher li teżisti fil-konfront ta’ fatt ċentrali għall-kawża prinċipali, jiġifieri d-determinazzjoni tal-jum tal-preżentata tal-applikazzjonijiet għat-trade marks inkwistjoni ( 19 ).

    46.

    Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li ż-żewġ applikazzjonijiet għal trade marks verbali Komunitarji RIZO u RIZO, EL ERIZO, ġew ippreżentati lill-UASI, permezz ta’ mezzi elettroniċi, fit-12 ta’ Diċembru 2003. Il-qorti tar-rinviju, madankollu, tqajjem il-kwistjoni dwar jekk din id-data ta’ trażmissjoni b’mezzi elettroniċi għandhiex tiġi kkunsidrata bħala d-data ta’ preżentata awtentika tat-trade mark Komunitarja.

    47.

    Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-appell imressaq minn Génesis kontra d-deċiżjoni kkontestata tal-OEPM ġie miċħud b’sentenza tat-Tribunal Superior de Justicia de Madrid essenzjalment minħabba li d-data ta’ preżentata tat-trade marks Komunitarji opposti kienet is-7 ta’ Frar 2004, id-data tal-produzzjoni effettiva tad-dokumentazzjoni, u mhux it-12 ta’ Diċembru 2003, id-data tal-preżentata tal-applikazzjoni permezz ta’ mezzi elettroniċi.

    48.

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-UASI jpoġġi għad-dispożizzjoni tal-utenti servizz ta’ preżentata elettronika (“e-filing”) li jippermettilhom jippreżentaw l-applikazzjonijiet tagħhom għal trade mark Komunitarja permezz tal-internet. Dan is-servizz joffri diversi vantaġġi, fosthom il-garanzija tad-data ta’ preżentata fis-sens tal-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 40/94.

    49.

    Fid-dawl tal-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, wieħed għandu jiftakar li d-data ta’ preżentata tal-applikazzjoni permezz ta’ mezzi elettroniċi flimkien mad-dokumenti kollha mitluba mir-Regolament Nru 40/94 u segwita mill-ħlas tat-taxxa fi żmien xahar għandha tiġi kkunsidrata bħala d-data ta’ preżentata fis-sens tal-Artikolu 27 tal-imsemmi regolament. Fil-fatt, l-UASI pprovda lill-persuni kkonċernati l-faċilitajiet tekniċi neċessarji sabiex jannettu d-dokumenti mitluba ( 20 ).

    50.

    Min-naħa l-oħra, f’każ ta’ sempliċi preżentata permezz ta’ mezzi elettroniċi ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni li ma tagħtix lok għall-preżentata fl-istess ħin tad-dokumenti mitluba, id-data ta’ preżentata fis-sens tal-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 40/94 tkun dik meta effettivament tiġi ppreżentata lill-UASI d-dokumentazzjoni mitluba kollha. Għalhekk, din tkun data sussegwenti għall-preżentata tal-imsemmija applikazzjoni b’mezzi elettroniċi.

    51.

    Għalhekk, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-espressjoni “id-data ta’ preżentata” fis-sens tal-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 40/94, il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika liema kienet id-data tal-produzzjoni effettiva tal-integralità tad-dokumenti mitluba minn Génesis, għall-finjiet tal-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni tagħha, u mbagħad tal-ħlas tat-taxxa.

    52.

    Huwa biss wara li jiġi ttrattat dan l-aspett li huwa utli li jiġu indirizzati l-aspetti temporali iktar preċiżi evokati mill-qorti tar-rinviju.

    D – Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tas-siegħa u tal-minuta fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “data ta’ preżentata” fis-sens tar-Regolament Nru 40/94

    53.

    Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju, essenzjalment, tqajjem il-kwistjoni dwar jekk huwiex possibbli li jittieħdu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 40/94, is-siegħa u l-minuta tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, peress li dawn l-elementi jistgħu jikkontribwixxu sabiex tiġi ddeterminata prijorità eventwali fil-konfront ta’ trade mark nazzjonali li r-reġistrazzjoni tagħha ntalbet fl-istess jum. Fil-fatt, f’tali ipoteżi ta’ koinċidenza ta’ dati ta’ preżentata, il-liġi Spanjola tiddefinixxi l-prijorità tat-trade marks skont is-siegħa u l-minuta tal-preżentata.

    54.

    Din id-domanda għaldaqstant tirrigwarda l-prinċipju ta’ prijorità li bih dritt preċedenti jippermetti lill-proprjetarju jopponi s-sinjali sussegwenti kollha li huma f’kunflitt miegħu ( 21 ). Il-proċedimenti ta’ oppożizzjoni ppreżentati fuq il-bażi tal-liġi nazzjonali minn Génesis huma intiżi, għalhekk, li jiġi stabbilit li ż-żewġ trade marks Komunitarji tagħha huma “trade marks preċedenti” fis-sens tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, li tadotta d-definizzjoni ta’ preċedenza mogħtija fir-Regolament Nru 40/94 ( 22 ).

    55.

    L-analiżi tal-portata tal-kunċett ta’ “data ta’ preżentata” proposta mill-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet f’dawn il-proċeduri tvarja b’mod sostanzjali. Bħall-Gvernijiet Spanjol u Taljan, kif ukoll il-Kummissjoni, jien tal-fehma li s-siegħa u l-minuta tal-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja ma jikkostiwixxux fatturi rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 40/94. Fil-fatt, jidhirli li d-“data ta’ preżentata” tirreferi biss għall-“jum ċivili”. Dan il-kunċett tal-aħħar jikkorrispondi, fil-fehema tiegħi, għal jum kalendarju minn nofsillejl sa nofsillejl, bin-numru tax-xahar u tas-sena f’konformità mal-kalendarju gregorjan, kif ukoll għal jum korrispondenti fis-sistemi kalendarji l-oħrajn ( 23 ). Jum ċivili jista’ għalhekk ikun l-istess minkejja bidliet fil-ħin reali minħabba żoni tal-ħin ( 24 ).

    56.

    Diversi elementi, fil-fehema tiegħi, jargumentaw favur din l-interpretazzjoni.

    57.

    L-ewwel nett, nosserva li s-sistema tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi li jagħmlu parti minnha l-Istati Membri kollha, żammet id-data mifhuma bħala jum uniku jew jum ċivili bħala unità ta’ kalkolu bażiku. Fil-fatt, ir-regolarità tal-preżentata tiġi evalwata biss fid-dawl ta’ dan l-element. L-imsemmija preżentata hija kkunsidrata bħala li tkun saret malli, f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-pajjiż fejn seħħet, applikazzjoni tkun ġiet ippreżentata b’mod konformi mar-rekwiżiti formali, u anki jekk din l-applikazzjoni ma kinitx kompleta jew korretta formalment, hija biżżejjed sabiex tiġi stabbilita d-data ta’ preżentata ( 25 ).

    58.

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-introduzzjoni ta’ din l-unità ta’ kalkolu bażiku kienet marbuta mal-hekk imsejħa “prijorità unjonista” adottata mill-Konvenzjoni ta’ Pariġi li skontha min jippreżenta trade mark f’pajjiż ieħor f’perijodu ta’ sitt xhur minn meta saret il-preżentata tat-trade mark tiegħu fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu jibbenifika hemmhekk mid-data ta’ protezzjoni inizjali li kien kiseb fil-pajjiż ta’ oriġini ( 26 ). Fil-fatt, skont l-Artikolu 4C(2) tal-imsemmija konvenzjoni, il-perijodu ta’ sitt xhur jibda jgħodd mid-data tal-preżentata tal-ewwel applikazzjoni u l-jum tal-preżentata ma huwiex inkluż fil-perijodu. Konsegwentement, is-siegħa u l-minuta tal-preżentata ma għandhom ebda rilevanza għall-finijiet tal-kalkolu tal-perijodu tal-prijorità ( 27 ).

    59.

    Ir-Regolament Nru 40/94 jinkludi r-regoli tiegħu stess li jsegwu s-sistema tal-konvenzjoni billi jistabbilixxi, fl-Artikolu 29, dritt ta’ prijorità li jinkludi r-reġistrazzjonijiet mitluba fi Stat kontraenti tal-konvenzjoni jew f’wieħed mill-Istati kontraenti tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ ( 28 ). Permezz tad-dritt ta’ prijorità, id-drittijiet marbuta mat-trade mark Komunitarja huma kkunsidrati li jfeġġu mid-data ta’ prijorità, jiġifieri l-jum tal-preżentata tal-applikazzjoni nazzjonali ( 29 ).

    60.

    Konsegwentement inqis li ma huwiex possibbli li tiġi speċifikata iktar id-data ta’ preżentata msemmija fl-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 40/94. Jidhirli li dan huwa partikolarment impossibbli billi dan il-kunċett ġie attribwit funzjoni speċifika mill-bidu, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ prijorità msemmija qabel, mhux biss fil-livell tal-Unjoni, iżda wkoll għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli internazzjonali dwar l-effetti ta’ reġistrazzjoni tat-trade marks. Wieħed għandu jiftakar f’dan ir-rigward li t-trade mark preċedenti tista’ tiġi protetta wkoll permezz ta’ reġistrazzjoni internazzjonali ( 30 ).

    61.

    Ċertament, mill-indikazzjonijiet li jidhru fuq is-sit internet tal-UASI jirriżulta li d-data tal-preżentata tirreferi għal dik meta d-dokumenti msemmija fl-Artikolu 26 huma ppreżentati lill-UASI, ħin tal-Ewropa Ċentrali (GMT +1) ( 31 ). Madankollu, inqis li l-ħin li huwa indikat iservi sabiex tiġi ddeterminata d-data tal-preżentata lill-UASI u mhux sabiex tingħata prijorità ratione temporis ibbażata fuq is-siegħa u l-minuta tal-preżentata.

    62.

    Dan l-argument huwa kkonfermat ukoll mill-interpretazzjoni litterali tal-kliem tal-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 40/94 li jirreferi sempliċement għad-“data”. Barra minn hekk, jmir-regola 5 tar-Regolament Nru 2868/95 jirriżulta li l-UASI jindika, fuq id-dokumenti li jiffurmaw l-applikazzjoni, biss id-data ta’ meta jaslu u n-numru tal-fajl allokat għall-applikazzjoni. Huwa joħroġ riċevuta lill-applikant mingħajr dewmien, li għandha tinkludi għall-inqas in-numru tal-fajl, kif ukoll id-data meta ġiet riċevuta l-applikazzjoni.

    63.

    It-tieni nett, interpretazzjoni li ma tiħux inkunsiderazzjoni s-siegħa u l-minuta tal-preżentata hija appoġġjata wkoll mill-iskop u n-natura tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Hekk kif diġà spjegajt fil-punti 30 sa 34 u 39 sa 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-għan tar-Regolament Nru 40/94 ma kienx li ssir approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri, iżda li jinħoloq dritt ta’ proprjetà industrijali uniku validu fl-Unjoni kollha. Barra minn hekk, fid-dawl tan-natura awtonoma tal-kunċetti tad-dritt tal-Unjoni li jinsabu fir-Regolament Nru 40/94, is-soluzzjonijiet ġuridiċi adottati fil-liġi nazzjonali ma jistgħux jiġu kkunsidrati għall-finijiet tal-interpretazzjoni tas-sistema tat-trade mark Komunitarja. Fl-aħħar nett, kif iddikjarat ġustament il-Kummissjoni, tali approċċ huwa kkonfermat minn qari tal-Artikoli 14 u 97 tal-imsemmi regolament flimkien peress li jidher li l-applikabbiltà tal-liġi nazzjonali hija limitata għall-kwistjonijiet li jaqgħu barra mill-kamp tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 40/94.

    64.

    It-tielet nett, għandha tiġi enfasizzata r-rilevanza tal-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 40/94, li minnu jirriżulta li l-preżentata ta’ trade mark Komunitarja hija ekwivalenti għall-preżentata ta’ trade mark nazzjonali fl-Istati Membri, sabiex jiġi ddeterminat, jekk ikun hemm bżonn, id-dritt marbut mal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja. Dan l-artikolu jirreferi biss għad-data tal-preżentata.

    65.

    Kif ġie rrilevat mill-Gvern Spanjol, l-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 40/94 ma jbiddilx il-kunċett Komunitarju tad-data ta’ preżentata, u lanqas ma jippresupponi applikazzjoni sussidjarja tal-liġi nazzjonali, iżda sempliċement jirrikonoxxi favur l-applikazzjonijiet għal trade marks Komunitarji ppreżentati lill-UASI l-istess valur ġuridiku bħal dawk ippreżentati fl-uffiċċji nazzjonali. Jekk, minkejja l-kliem tal-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 40/94, il-Qorti tal-Ġustizzja tagħżel interpretazzjoni wiesgħa ta’ din id-dispożizzjoni, dan iwassal sabiex l-applikanti kollha għal trade marks ikunu obbligati jirreġistrawhom mal-UASI sabiex jiżguraw id-dritt ta’ prijorità tagħhom mhux biss fir-rigward ta’ trade marks nazzjonali oħra, iżda wkoll fir-rigward ta’ trade marks Komunitarji oħra, ħaġa li tmur kontra l-prinċipju li t-trade mark Komunitarja ma tissostitwixxix ruħha mat-trade marks nazzjonali.

    66.

    Fl-aħħar nett, huwa essenzjali li wieħed jinnota li hemm diversi diffikultajiet prattiċi li jkunu marbuta mal-applikazzjoni tal-prijorità fil-ħin reali minflok l-applikazzjoni tal-kunċett tal-jum ċivili fil-kuntest tas-sistema tat-trade mark Komunitarja.

    67.

    Qabel kollox, l-eżistenza ta’ żoni ta’ ħin differenti fl-Unjoni kollha jidhirli, fil-preżent, li tagħmilha impossibbli li tiġi stabbilita l-prijorità tat-trade mark Komunitarja fil-ħin reali. Fil-fatt, it-territorju tal-Ewropa huwa mifrux fuq erba’ żoni ta’ ħin ( 32 ).

    68.

    Minħabba din id-diversità, it-teħid inkunsiderazzjoni tas-siegħa u tal-minuta tal-preżentata ta’ applikazzjoni għal trademark jinvolvi d-determinazzjoni ta’ regola ta’ kunflitt temporali bejn diversi sistemi nazzjonali. Huwa konċepibbli li l-prijorità fil-ħin reali twassal ukoll għal ċerta konfużjoni, minħabba d-diversi mezzi ta’ komunikazzjoni kif ukoll id-diversità tal-kwalità tagħhom fi ħdan diversi Stati Membri ( 33 ). Sabiex tintemm din il-konfużjoni, mhux biss ikollhom jiġu rreġistrati s-siegħa u l-minuta tal-applikazzjoni, iżda jkollu jiġi żgurat ukoll li s-sistemi informatiċi disponibbli għall-awtoritajiet nazzjonali jsegwu eżattament il-ħin atomiku jew il-ħin universali ( 34 ).

    69.

    Għalhekk, il-problema tad-data ta’ preżentata tiġi ttrasformata inutilment f’dibattitu dwar unitajiet nominali, jekk mhux attwali. Għalhekk, pereżempju, l-1 ta’ Jannar fin-00.30 fil-Finlandja huwa, fil-ħin reali, il-23.30 tal-31 ta’ Diċembru fil-maġġoranza tal-Istati Membri.

    70.

    Ċertament, il-possibbiltà ta’ reġistrazzjoni elettronika hija applikata f’diversi Stati Membri ( 35 ). Madankollu naħseb li huwa xieraq li ssir distinzjoni bejn il-possibbiltà ta’ preżentata tal-applikazzjoni elettronika u t-twaqqif ta’ sistema ta’ prijorità fil-ħin reali. Fil-fatt, l-introduzzjoni mill-UASI jew minn ċerti Stati Membri ta’ possibbiltà ta’ preżentata elettronika, sabiex jimmodernizzaw u jiffaċilitaw l-aċċess għall-protezzjoni tal-proprjetà industrijali, ma tfissirx neċċessarjament it-teħid inkunsiderazzjoni tas-siegħa u tal-minuta tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni sabiex tiġi stabbilita l-preċedenza tat-trade mark ( 36 ).

    71.

    Konsegwentement, inqis li t-teħid inkunsiderazzjoni tas-siegħa u tal-minuta għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-preċedenza ta’ trade mark fis-sens tal-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 40/94 ikun possibbli biss wara li tiġi stabbilita sistema uniformi ta’ proċeduri amministrattivi ta’ reġistrazzjoni elettronika ta’ trade marks kemm Komunitarji kif ukoll nazzjonali fl-Unjoni kollha. Dan jimplika wkoll l-applikazzjoni tas-sistema tal-ħin universali, jiġifieri, l-armonizzazzjoni kompleta tas-sistemi ta’ ħin legali tal-Istati Ewropej. Ovvjament, l-introduzzjoni ta’ tali sistema għandha tkun prevista b’mod ċar fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni kif ukoll fil-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri ( 37 ) u ma tistax tirriżulta mill-ġurisprudenza.

    72.

    F’dan ir-rigward, għandu jerġa’ jiġi osservat li, fir-rigward tad-data tal-preżentata, l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 207/2009 huwa fformulat f’termini identiċi għal dawk tal-artikolu korrispondenti tar-Regolament Nru 40/94 li huwa s-suġġett ta’ din id-domanda preliminari. Minn dan isegwi li l-leġiżlatur tal-Unjoni għadu ma ppreċiża xejn fir-rigward tas-siegħa u tal-minuta tal-preżentata.

    73.

    Sussidjarjament, nixtieq nerġa’ nsemmi li r-Regolament (KE) Nru 6/2002 ( 38 ) lanqas ma jipprovdi s-siegħa u l-minuta fir-rigward tad-data ta’ preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ disinn Komunitarju. Barra minn hekk, skont l-imsemmi regolament, l-applikant ta’ disinn Komunitarju rreġistrat igawdi minn dritt ta’ prijorità, taħt ċerti kundizzjonijiet. Dan għandu bħala effett li d-data ta’ prijorità hija kkunsidrata bħala korrispondenti għad-data ta’ preżentata tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ disinn Komunitarju ( 39 ).

    74.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jekk jiġi aċċettat, minn naħa, li l-applikazzjonijiet għat-trade marks inkwistjoni kienu ġew ippreżentati fl-istess jum u, min-naħa l-oħra, li t-teħid inkunsiderazzjoni tas-siegħa u tal-minuta għandu jiġi eskluż, minn dan jirriżulta li ż-żewġ trade marks inkwistjoni, bħala prinċipju, jistgħu jiġu rreġistrati. Għalhekk tqum il-kwistjoni tal-koeżistenza tat-trade mark nazzjonali mat-trade mark Komunitarja.

    E – Fuq il-koeżistenza tat-trade marks fis-suq

    75.

    Il-koeżistenza ta’ żewġ reġistrazzjonijiet kompetituri ta’ trade marks identiċi hija fenomenu magħruf u kultant inevitabbli fl-Unjoni. Hija ċertament sitwazzjoni imperfetta li tirriżulta min-natura multinazzjonali u diversifikata tas-sistemi ta’ protezzjoni tat-trade mark kif ukoll mid-diversità tal-impriżi proprjetarji tat-trade marks.

    76.

    Għandu jiġi nnotat li l-imsemmija koeżistenza jista’ jkollha effett fuq l-eżitu ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni jew ta’ talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ trade mark. Dan l-eżitu jvarja skont jekk hemmx koeżistenza bejn it-trade marks kunfliġġenti, jew bejn it-trade mark preċedenti u t-trade marks li jappartjenu, mhux għall-proprjetarju tat-trade mark Komunitarja, iżda għal terzi. Il-koeżistenza tista’, għalhekk, tiġi sostnuta mill-proprjetarju tad-dritt preċedenti jew miftiehma mill-partijiet permezz ta’ ftehim ( 40 ).

    77.

    Huwa paċifiku li sabiex jiġi indirizzat dan il-fenomenu, iż-żewġ proprjetarji jistgħu jaslu għal ftehim ta’ koeżistenza sabiex jipprevjenu kwalunkwe kunflitt eventwali ( 41 ). Barra minn hekk, il-liġijiet nazzjonali jipprovdu soluzzjonijiet speċjali, bħall-prinċipju ta’ “użu konkorrenti onest” (“honest concurrent use”), li l-legalità tiegħu mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni hija diskutibbli ( 42 ).

    78.

    Kif enfasizzat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, il-koeżistenza ngħarfet malli ġiet introdotta t-trade mark Komunitarja, meta l-UASI rreġistra fl-1 ta’ April 1996, id-data ta’ ftuħ tar-reġistru tat-trade marks Komunitarji, it-trade marks kollha li r-reġistrazzjoni tagħhom kienet intalbet preċedentement ( 43 ).

    79.

    Fi kwalunkwe każ, il-possibbiltà ta’ reġistrazzjoni ta’ trade marks identiċi għall-istess prodotti jew servizzi li jġibu l-istess data ta’ prijorità dejjem eżistiet fis-sistemi bbażati fuq il-Konvenzjoni ta’ Pariġi. B’hekk, il-koeżistenza, filwaqt li mhux mixtieqa, hija parti integrali tal-kunċett ta’ trade mark.

    V – Konklużjoni

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li twieġeb id-domanda magħmula mit-Tribunal Supremo kif ġej:

    “Fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, l-Artikolu 27 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja, jeskludi li jittieħdu inkunsiderazzjoni, minbarra l-jum tal-preżentata tal-applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja, anki s-siegħa u l-minuta tal-imsemmija preżentata”.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 ) Regolament tal-Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), imħassar mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1), li daħal fis-seħħ fit-13 ta’ April 2009. Fid-dawl tad-data tal-fatti tal-kawża prinċipali, din it-talba għal interpretazzjoni tirreferi għar-Regolament Nru 40/94.

    ( 3 ) Il-Konvenzjoni ta’ Pariġi għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali tal-20 ta’ Marzu 1883 tinsab fl-indirizz li ġej: http://www.wipo.int/treaties/fr/ip/paris/trtdocs_wo020.html.

    ( 4 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1. p. 189.

    ( 5 ) U mhux meta ġiet riċevuta u lanqas irreġistrata mill-UASI.

    ( 6 ) Müller, B.K., Multinational Trademark Registration Systems, Bern 2002.

    ( 7 ) Għandu jiġi enfasizzat li, skont it-tnax-il premessa tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 92), l-Istati Membri kollha tal-Komunità huma marbuta mill-Konvenzjoni ta’ Pariġi, u b’hekk huwa neċessarju li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva huma għalkollox konsistenti ma’ dawk tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi.

    ( 8 ) Beier, F.-K., “One Hundred Years of International Cooperation — The Role of the Paris Convention in the Past, Present and Future”, International Review of Industrial Property and Copyright Law, Vol. 15, Nru 1-6/1984, p. 1.

    ( 9 ) Sabatier, M., Pratique de la marque internationale, Institut de Recherche en Propriété intellectuelle Henri-Desboi, Année 2007, Nru 8. Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-kawża Budějovický Budvar, pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (C-482/09, punti 50 et seq).

    ( 10 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-4 ta’ Ottubru 2001, Merz & Krell (C-517/99, Ġabra p. I-6959, punti 21 u 22); tat-12 ta’ Novembru 2002, Arsenal Football Club (C-206/01, Ġabra p. I-10273, punti 47 u 48); tas-17 ta’ Marzu 2005, Gillette Company u Gillette Group Finland (C-228/03, Ġabra p. I-2337, punt 25); tas-26 ta’ April 2007, Alcon vs UASI, C-412/05 P, (Ġabra p. I-3569, punti 53 u 54), kif ukoll tal-14 ta’ Settembru 2010, Lego Juris vs UASI (C-48/09 P, Ġabra p. I-8403, punt 38).

    ( 11 ) Bonet, G., “La marque communautaire”, Revue trimestrielle de droit européen, Nru 1, 1995, p. 59.

    ( 12 ) Bħala illustrazzjoni ta’ din il-limitazzjoni, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Anheuser-Busch vs Budějovický Budvar, pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (C-96/09 P, punt 79). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-armonizzazzjoni parzjali ma teskludix li l-armonizzazzjoni relattiva, partikolarment, għad-dispożizzjonijiet nazzjonali li għandhom l-effett l-iktar dirett fuq il-funzjonament tas-suq intern tkun kompluta. Ara s-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 1998, Silhouette International Schmied (C-355/96, Ġabra p. I-4799, punt 23), u tal-11 ta’ Marzu 2003, Ansul (C-40/01, Ġabra p. I-2439, punt 27).

    ( 13 ) Id-data tal-preżentata hija għalhekk rilevanti sabiex tiġi ddeterminata t-“trade mark preċedenti” fis-sens tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 40/94, kif ukoll it-trade marks li d-data tal-preżentata tagħhom hija preċedenti għal dik tal-applikazzjoni għal trade mark [f’konformità mal-Artikolu 4(2)(a)(i) tad-Direttiva Nru 89/104].

    ( 14 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2009, Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli (C-529/07, Ġabra 2009 p. I-4893).

    ( 15 ) Bodenhausen, G.H.C., Guide d’application de la Convention de Paris pour la protection de la propriété industrielle, BIRPI, 1969, p. 11.

    ( 16 ) Għandu jiġi nnotat li l-prinċipju ta’ preżentata internazzjonali unika bbażata madankollu fuq reġistrazzjoni tat-trade mark fil-pajjiż ta’ oriġini ġie introdott mill-Ftehim ta’ Madrid tal-14 ta’ April 1891 u mill-Protokoll ta’ Madrid tas-27 ta’ Ġunju 1989 dwar it-trade marks internazzjonali. Ara, Sabatier, M., Pratique de la marque internationale, p. 5 sa 7.

    ( 17 ) Ara, ex multis, is-sentenzi tas-6 ta’ Frar 2003, SENA (C-245/00, Ġabra p. I-1251, punt 23) u tal-21 ta’ Ottubru 2010, SGAE (C-467/08, Ġabra p. I-10055, punt 32).

    ( 18 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 2007, Develey vs UASI (C-238/06P, punti 71 sa 73, u tas-17 ta’ Diċembru 2010 Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli vs UASI (Forma ta’ fenek taċ-ċikkulata) (T-395/08, Ġabra p. II-296).

    ( 19 ) Id-deċiżjoni tar-rinviju ma tiddeċidix b’mod definittiv dwar dan il-fatt u l-osservazzjonijiet ippreżentati minn Génesis ma humiex nieqsa minn ambigiwitajiet dwar dan il-punt. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, kienet biss il-Kummissjoni li pprovdiet l-annessi favur it-teorija li d-data ta’ preżentata hija t-12 ta’ Diċembru 2003.

    ( 20 ) Ara http://oami.europa.eu/help/html/help_en.html. Jidher li l-UASI ma jirreġistrax uffiċjalment is-siegħa u l-minuta tal-preżentata tat-trade mark. Konsegwentement, il-preċiżazzjonijiet f’dan ir-rigward mogħtija mill-qorti tar-rinviju ma humiex ibbażati fuq l-informazzjoni rreġistrata mill-UASI. Fil-fatt, la l-Bulettin tat-trade marks Komunitarji (http://oami.europa.eu/bulletin/ctm/ctm_bulletin_en.htm) u lanqas il-bank ta’ data tal-UASI (CTM online) ma jsemmu s-siegħa jew il-minuta tal-preżentata.

    ( 21 ) Skont l-Artikolu 6 tal-Liġi Nru 17/2001 dwar it-trade marks, sinjali ma jistgħux jiġu rreġistrati jekk huma identiċi għal trade mark preċedenti jew jekk teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni. Ara l-Artikoli 4(1) u 5(1) tad-Direttiva 84/104.

    ( 22 ) Ara l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 40/94.

    ( 23 ) Ara, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 4(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1182/71, tat-3 ta’ Ġunju 1971, li jistabbilixxi r-regoli applikabbli għall-perijodi, dati u limiti ta’ żmien, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 51) li minnu jirriżulta li d-dħul fis-seħħ, it-tranżizzjoni u l-infurzar tal-atti tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni — jew id-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-atti — iffissati għal data speċifika jseħħu fil-bidu tal-ewwel siegħa tal-jum li jikkorispondi għal din id-data. Ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Ġunju 2001, Ruf u Stier vs UASI (Immaġni “DAKOTA”) (T-146/00, Ġabra p. II-1797, punti 23,27 u 55).

    ( 24 ) Kif turi, pereżempju, iċ-ċelebrazzjoni tal-ewwel tas-sena madwar id-dinja.

    ( 25 ) Skont l-Artikolu 4A(3) tal-Konvenzjoni ta’ Parigi, fl-imsemmija konvenzjoni, preżentata nazzjonali regolari tfisser kull preżentata suffiċjenti sabiex tistabbilixxi d-data meta ġiet ippreżentata l-applikazzjoni fil-pajjiż inkwistjoni. Ara Bodenhausen, G. H. C., Guide d’application de la Convention de Paris pour la protection de la propriété industrielle, op. cit., p. 42.

    ( 26 ) L-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi jipprovdi għal perijodu ta’ sitt xhur li matulu l-applikant għal trade mark f’wieħed mill-pajjiżi tal-Unjoni jista’ jitlob l-istess trade mark fil-pajjiżi l-oħra tal-Unjoni, mingħajr ma l-applikazzjoni jew l-applikazzjonijiet sussegwenti jkunu affettwati minn xi applikazzjonijiet eventwali li jinvolvu l-istess suġġett ippreżentati minn terzi. Id-dritt ta’ prijorità jagħti għalhekk lill-applikant għal trade mark immunità limitata ratione temporis fir-rigward tal-applikazzjonijiet li jikkonċernaw l-istess trade mark li jistgħu jiġu ppreżentati minn terzi matul il-perijodu ta’ prijorità. Ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Novembru 2001, Signal Communications vs UASI (TELEYE) (T-128/99, Ġabra p. II-3273, punti 36 sa 40).

    ( 27 ) F’dak li jirrigwarda l-kalkolu tal-perijodu ta’ prijorità, l-istess kalkolu japplika fil-livell internazzjonali għall-privattivi (il-jum tal-preżentata tal-applikazzjoni preċedenti ma huwiex inkluż f’dan il-perijodu). (Ara r-regola 2.4 tar-regolament implementattiv: http://www.wipo.int/pct/fr/texts/rules/r2.htm#_2_4).

    ( 28 ) Id-dritt ta’ prijorità jinħoloq mill-applikazzjoni għal trade mark ippreżentata preċedentement f’wieħed mill-Istati msemmija u jikkostitwixxi dritt awtonomu sa fejn jibqa’ jeżisti indipendentement mill-eżitu sussegwenti tal-imsemmija applikazzjoni. Meta l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja tkun akkumpanjata minn pretensjoni ta’ prijorità, l-imsemmi dritt isir element essenzjali ta’ din l-applikazzjoni għaliex jiddetermina waħda mill-karatteristiċi essenzjali tagħha, jiġifieri, li d-data tal-preżentata tagħha hija d-data meta l-applikazzjoni preċedenti ġiet ippreżentata, għall-finijiet tad-determinazzjoni tad-drittijiet li għandhom jingħataw preċedenza. Ara s-sentenza Signal Communications vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27.

    ( 29 ) Jekk il-kundizzjonijiet meħtieġa huma sodisfatti, it-trade mark Komunitarja tidħol fis-seħħ b’mod retroattiv fil-jum tad-data ta’ preżentata tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Bonet, G., “La marque communautaire”, op. cit.

    ( 30 ) Ara l-Artikolu 8(2)(a)(iii), tar-Regolament Nru 40/94, kif ukoll l-Artikolu 8(2)(a)(iv), tar-Regolament (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, li jirreferu għat-trade marks li ġew irreġistrati taħt arranġamenti internazzjonali li għandhom effett fil-Komunità.

    ( 31 ) http://oami.europa.eu/ows/rw/pages/QPLUS/forms/electronic/fileApplicationCTM.en.do

    ( 32 ) Ara r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa Nru 1432 (1999) dwar l-osservanza tas-sistema taż-żoni ta’ ħin Ewropej, disponibbli fis-sit tal-internet http://assembly.coe.int/Documents/AdoptedText/ta99/frec1432.htm#1. Sabiex jiġu pparagunati l-imsemmija żoni ara: http://europa.eu/travel/time/index_en.htm#tzone.

    ( 33 ) Biżżejjed tiġi ċċitata f’dan ir-rigward id-deċiżjoni tar-rinviju li turi li l-applikazzjonijiet ġew ippreżentati fil-11.52 u f’12.13 rispettivament, filwaqt li d-deċiżjoni inkwistjoni tal-OEPM tgħid li l-applikazzjonijiet ġew ippreżentati fil-11.31.

    ( 34 ) Il-ħin ċivili, issa ddefinit mill-ħin tal-arloġġi atomiċi, jissejjaħ “ħin universali koordinat” (UTC). Il-jum UTC huwa madwar 0.9 ta’ sekonda itwal mill-jum normali.

    ( 35 ) Skont ir-riċerki mhux eżawrjenti tiegħi, l-Istati li ġejjin jipprevedu tali possibbiltà: ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika Portugiża, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju tal-Isvezja u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq. Ara: http://www.wipo.int/directory/en/urls.jsp.

    ( 36 ) Pereżempju, huwa għalkollox possibbli li, minħabba l-ħinijiet limitati ta’ ftuħ tal-uffiċċji tat-trade marks nazzjonali, posta elettronika li ssir fil-23.00 tirriżulta fir-reġistrazzjoni tal-applikazzjoni l-għada, jew ukoll l-istess jum, u mhux reġistrazzjoni f’ħin reali sabiex tiġi stabbilita l-prijorità fir-rigward ta’ trade mark Komunitarja jew nazzjonali oħra. Kif enfasizzajt fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, ma jidhirx li l-UASI uffiċjalment jirreġistra s-siegħa u l-minuta tal-preżentata tat-trade mark.

    ( 37 ) L-isforzi magħmula fir-rigward tal-istandardizzazzjoni tal-ħin jirriżultaw, b’mod partikolari mid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2000/84/KE, tad-19 ta’ Jannar 2001, dwar arranġamenti għall-ħin tas-sajf (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 118) li tipprovdi li l-avvanz b’sittin minuta meta mqabbel mal-ħin tal-bqija tas-sena huwa kkalkolat f’kull Stat Membru fis-01.00, ħin universali, fl-aħħar Ħadd tax-xahar ta’ Marzu. Għandu jingħad ukoll li fil-kuntest tal-Ftehim ta’ Madrid u tal-Protokoll ta’ Madrid, regoli speċifiċi dwar il-ħin tal-preżentata japplikaw (Regola 4 tar-Regoli Komuni taħt il-Ftehim ta’ Madrid dwar ir-reġistrazzjoni internazzjonali tat-trade marks u l-Protokoll dwar dan il-Ftehim, intitolata “kalkolu tal-perijodi”, disponibbli f’dan is-sit: http://www.wipo.int/madrid/en/legal_texts/common_regulations.htm#rule_4). Meta ssir preżentata, id-determinazzjoni tal-ħin preċiż ma hijiex parti mill-indikazzjonijiet uffiċjali li jidhru fuq l-applikazzjoni. Madankollu, f’konformità mal-istruzzjoni 11 dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi (Istuzzjonijiet amministrattivi għall-applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Madrid dwar ir-reġistrazzjoni internazzjonali tat-trade marks u l-Protokoll relattiv) disponibbli f’dan is-sit: http://www.wipo.int/madrid/en/legal_texts/admin_instructions.htm#P81_4630, meta, minħabba diskrepanza fil-ħin, id-data li fiha bdiet it-trażmissjoni hija differenti mid-data li fiha t-trażmissjoni ġiet riċevuta, id-data preċedenti hija kkunsidrata bħala d-data li fiha ġiet riċevuta mill-Uffiċċju Internazzjonali. Ara, Sabatier, M., Pratique de la marque internationale, op. cit., p. 26.

    ( 38 ) Regolament tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2001, dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142).

    ( 39 ) Skont ir-regola 2 [punt 2.4(a) tar-Regolament Implementattiv tal-ftehim tal-kooperazzjoni fir-rigward tal-privattivi (PTC) (test disponibbli fis-sit: http://www.wipo.int/pct/en/texts/rules/r2.htm#_2_4)], il-jum tal-preżentata tal-applikazzjoni preċedenti ma huwiex inkluż fil-perijodu ta’ prijorità. Barra minn hekk, regoli partikolari huma pprovduti f’każ ta’ skadenza tal-perijodu f’jum ta’ btala jew f’jum ta’ vaganza (ara r-regola 80, punt 80.5, disponibbli fis-sit: http://www.wipo.int/pct/en/texts/rules/r80.htm#_80_5).

    ( 40 ) Folliard-Monguiral, “Conditions et effets de la coexistence de marques en droit communautaire”, Propriété industrielle Nru 9, Settembru 2006, studju 24.

    ( 41 ) Elsmore, M. J., “Trade Mark Coexistence Agreements: What is all the (lack of) fuss about ?”, SCRIPT-ed, Vol 5, Nru 1, April 2008. Tali ftehim ma huwiex dejjem rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Novembru 2007, Omega vs UASI — Omega Engineering (Ω OMEGA) (T-90/05, punt 49).

    ( 42 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-kawża Budějovický Budvar, iċċitata iktar ’il fuq (C-482/09) fejn titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 89/104 jipprekludi l-użu simultanju, in bona fide u fit-tul, ta’ żewġ trade marks identiċi li jkopru prodotti identiċi minn żewġ operaturi differenti.

    ( 43 ) Ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerlai tad-19 ta’ Ottubru 2006, Bitburger Brauerei vs UASI-Anheuser-Busch (BUD) (T-350/04 sa T-352/04, Ġabra p. II-4255).

    Top