Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009TN0486

    Kawża T-486/09: Rikors ippreżentat fl- 4 ta’ Diċembru 2009 — Il-Polonja vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 51, 27.2.2010, p. 34–35 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    27.2.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 51/34


    Rikors ippreżentat fl-4 ta’ Diċembru 2009 — Il-Polonja vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-486/09)

    2010/C 51/66

    Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

    Partijiet

    Rikorrenti: Ir-Repubblika tal-Polonja (rappreżentant: M. Szpunar, aġent)

    Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet tar-rikorrenti

    tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/721/KE, tal-24 ta’ Settembru 2009 (notifikata bid-dokument numru C(2009) 7044), li teskludi mill-finanzjament Komunitarju ċerta nefqa mġarrba mill-Istati Membri taħt it-Taqsima ta’ Garanzija ta’ Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG), il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (l-FAEŻR) (1), fil-parti li teskludi mill-finanzjament Komunitarju l-ammont ta’ PLN 47 152 775, imħallas mill-aġenzija tal-ħlas akkreditata tar-Repubblika tal-Polonja;

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Id-deċiżjoni kkontestata tipprovdi għal korrezzjoni finanzjarja ugwali għal 5 % tan-nefqa effettwata fl-2005 taħt il-pjan ta’ żvilupp rurali, intiża għas-sostenn tal-agrikoltura f’żoni ekonomikament żvantaġġati u tal-impriżi agroambjentali. Din il-korrezzjoni ġiet adottata minħabba allegati nuqqasijiet fil-verifiki bir-reqqa fir-rigward tar-rispett tal-prinċipji ta’ prattika ta’ biedja tajba, fis-sistema ta’ sanzjonijiet, fir-rapporti dwar il-kontrolli fuq il-post u fil-koordinazzjoni bejn il-kontrolli fuq l-obbligi kollha relatati ma’ attivitajiet agroambjentali.

    Ir-rikorrenti tikkontesta l-allegati nuqqasijiet billi tressaq, fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata, il-motivi li ġejjin.

    L-ewwel nett, ir-rikorrenti tinvoka ksur tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999 (2) u tal-Artikolu 31(1) tar-Regolament Nru 1290/2005 (3) kif ukoll ksur tal-Linji Gwida Nru VI/5330/97 minħabba l-applikazzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja bbażata fuq evalwazzjoni żbaljata tal-fatti u interpretazzjoni żbaljata tal-liġi. Skont ir-rikorrenti, ma jeżisti ebda wieħed min-nuqqasijiet użati bħala l-bażi tal-korrezzjoni finanzjarja u n-nefqa eskluża mill-finanzjament Komunitarju skont id-deċiżjoni kkontestata twettqet b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet Komunitarji.

    Permezz tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti tafferma li r-rapporti dwar il-kontrolli fuq il-post jikkonfermaw il-verifika tal-prinċipji ta’ prattika ta’ biedja tajba kollha, inkluż il-kontroll tal-konformità mal-limitu annwali ta’ fertilizzanti ma’ fertilizzant naturali skont l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 796/2004 (4). Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-verifiki amministrattivi, li jinkludu wkoll kontroll bir-reqqa flimkien mas-sistema ta’ identifikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni tal-annimali, ma sarux għaliex din is-sistema ma setgħatx tintuża bħala referenza għall-kontroll bir-reqqa u għalhekk it-twettiq ta’ kontrolli bir-reqqa fi ħdan din is-sistema ma kienx meħtieġ taħt l-Artikolu 68 tar-Regolament Nru 817/2004 (5). Ir-rikorrenti tenfasizza wkoll li s-sistema ta’ sanzjonijiet għal ksur tal-prinċipji ta’ prattika ta’ biedja tajba kellha titqies bħala effettiva meta tirreferi għas-sitwazzjoni tal-ewwel sena ta’ implementazzjoni tal-pjan ta’ żvilupp rurali, u saħansitra bħala iktar rigoruża mis-sistema attwali tas-sanzjonijiet Komunitarji u għalhekk perfettament konsistenti mal-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 817/2004. Barra minn hekk, permezz tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti tallega li kontrolli eżawrjenti fuq il-post kienu ggarantiti b’mod iktar komplut minn dak meħtieġ taħt it-tielet paragrafu tal-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 817/2004.

    It-tieni nett, ir-rikorrenti tinvoka ksur tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999 u tal-Artikolu 31(2) tar-Regolament Nru 1290/2005, ksur tal-Linji Gwida Nru VI/5330/97 u ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, sa fejn ġiet applikata korrezzjoni fissa eċċessiva fir-rigward tar-riskju ta’ xi telf finanzjarju għall-baġit tal-Komunità. Ir-rikorrenti temmen li l-ebda wieħed mill-allegati nuqqasijiet meħuda bħala l-bażi tal-korrezzjoni applikata ma seta’ jwassal għal telf finanzjarju għall-Komunità u li, fi kwalunkwe każ, dan it-telf finanzjarju kien ser ikun assolutament negliġibbli u ferm inqas mill-ammont eskluż mill-finanzjament Komunitarju taħt id-deċiżjoni kkontestata.

    It-tielet nett, ir-rikorrenti tinvoka ksur tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, minħabba motivazzjoni insuffiċjenti tad-deċiżjoni kkontestata. Ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni ma pprovdietx kjarifika u ma ħallietx lill-awtoritajiet Pollakki jieħdu konjizzjoni tal-korrezzjoni importanti ordnata fir-rigward tal-allegati nuqqasijiet.


    (1)  GU L 257, p. 28.

    (2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1258/1999, tas-17 ta’ Mejju 1999, dwar il-finanzjament tal-politika komuni agrikola (GU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 25, p. 414).

    (3)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005, tal-21 ta’ Ġunju 2005, dwar il-finanzjament tal-politika komuni agrikola (GU L 209, p. 1).

    (4)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 796/2004, tal-21 ta’ April 2004, li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ konformità, modulazzjoni u amministrazzjoni integrata u sistema ta’ kontroll kif hemm provvediment dwarhom fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixi regoli komuni għal skemi ta’ sostenn dirett taħt il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ sostenn għall-bdiewa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 44, p. 243).

    (5)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 817/2004, tad-29 ta’ April 2004, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u l-Garanzija (FAEGG) (GU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 46, p. 87).


    Top