Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CO0497

    Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-12 ta' Jannar 2010.
    Amiraike Berlin GmbH.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Amtsgericht Charlottenburg - il-Ġermanja.
    Ġurisdizzjoni volontarja - Ħatra ta’ likwidatur ta’ kumpannija - Nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.
    Kawża C-497/08.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:5

    DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

    12 ta’ Jannar 2010 ( *1 )

    Fil-Kawża C-497/08,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Amtsgericht Charlottenburg (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Novembru 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Novembru 2008, fil-proċedura

    Amiraike Berlin GmbH

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

    komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta (Relatur), G. Arestis, J. Malenovský u T. von Danwitz, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

    Reġistratur: R. Grass,

    wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali,

    tagħti l-preżenti

    Digriet

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 10 KE, 43 KE u 48 KE.

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat minn Amiraike Berlin GmbH (iktar ’il quddiem “Amiraike”), kumpannija taħt id-dritt Ġermaniż, intiż għall-ħatra ta’ likwidatur fir-rigward tal-attiv ta’ Aero Campus Cottbus Ltd (iktar ’il quddiem “AeroCC”), kumpannija taħt id-dritt Ingliż, li jinsab fil-Ġermanja.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt Ġermaniż

    3

    Taħt it-Titolu “Għeluq tal-likwidazzjoni”, l-Artikolu 273 tal-Liġi dwar il-kumpanniji anonimi (Aktiengesetz), tas-6 ta’ Settembru 1965 (BGB1. 1965 I, p. 1086, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-kumpanniji anonimi”), jipprovdi:

    “1.   Meta tispiċċa l-likwidazzjoni u wara li jiġu ppreżentati l-kontijiet finali, il-likwidaturi għandhom jinnotifikaw l-għeluq tal-likwidazzjoni sabiex dan jiġi rreġistrat fir-reġistru tal-kumpanniji. Il-kumpannija għandha titħassar mir-reġistru.

    […]

    4.   Jekk sussegwentement jirriżulta li miżuri oħra ta’ likwidazzjoni huma meħtieġa, il-qorti għandha, fuq talba tal-parti kkonċernata, taħtar mill-ġdid lil-likwidatur jew issejjaħ likwidatur ieħor. […]

    5.   Jista’ jiġi ppreżentat rikors immedjat kontra d-deċiżjonijiet meħuda taħt il-paragrafi 2 u 3 u taħt l-ewwel sentenza tal-paragrafu 4.”

    4

    Skont l-Artikolu 145 tal-Liġi dwar is-suġġetti li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni volontarja (Gesetz über die Angelegenheiten der freiwilligen Gerichtsbarkeit), tas-17 ta’ Mejju 1898, l-Amtsgericht għandha l-kompetenza taħtar likwidatur taħt l-Artikolu 273(4) tal-Liġi dwar il-kumpanniji anonimi.

    5

    Skont l-Artikolu 43(1) tal-Liġi li tintroduċi l-Kodiċi Ċivili (Einführungsgesetz zum Bürgerlichen Gesetzbuch), id-drittijiet in rem huma rregolati mid-dritt tal-Istat fejn ikun jinsab ir-rem.

    Id-dritt Ingliż

    6

    L-Att tal-2006 dwar il-kumpanniji (Companies Act 2006, iktar ’il quddiem il-“CA 2006”) jobbliga lill-kumpanniji ta’ responsabbiltà limitata sabiex jippreżentaw il-kontijiet annwali.

    7

    L-Artikolu 1000 tal-CA 2006 jipprovdi:

    “1.

    Jekk ir-Reġistratur ikollu raġuni biżżejjed biex jaħseb li kumpannija ma tkunx qed tmexxi negozju jew ma tkunx qed topera, huwa jista’ jibgħat lill-kumpannija ittra bil-posta fejn jistaqsi jekk il-kumpannija tkunx qed tmexxi negozju jew tkunx qed topera.

    2.

    Jekk ir-Reġistratur ma jirċievi ebda risposta fi żmien xahar minn meta jkun bagħat l-ittra, huwa għandu jibgħat, fi żmien 14-il jum mit-tmien ta’ dan it-terminu ta’ xahar, ittra rreġistrata li tirreferi għall-ewwel ittra u li tindika li (a) ma waslitlu ebda risposta għal dik l-ittra, u (b) li, jekk ma tasal ebda risposta għat-tieni ittra fi żmien xahar mid-data tagħha, se jiġi ppubblikat avviż fil-Gazzetta bil-għan li l-isem tal-kumpannija jitħassar mir-reġistru.

    3.

    Jekk ir-Reġistratur (a) jirċievi risposta fis-sens li l-kumpannija ma tkunx qed tmexxi negozju jew ma tkunx qed topera, jew (b) ma jirċevix risposta fi żmien xahar minn meta jkun bagħat it-tieni ittra, huwa jista’ jippubblika avviż fil-Gazzetta, li għandu jibagħtu wkoll bil-posta lill-kumpannija, fejn jindika li, f’għeluq tliet xhur mid-data tal-avviż u kemm-il darba ma tintweriex raġuni biex dan ma jsirx, l-isem tal-kumpannija indikat f’dan l-avviż se jitħassar mir-reġistru u l-kumpannija se tiġi xolta.

    4.

    Fl-iskadenza tat-terminu msemmi fl-avviż, ir-Reġistratur jista’ jħassar l-isem tal-kumpannija mir-reġistru sakemm il-kumpannija ma tkunx stabbiliet, qabel l-iskadenza ta’ dan it-terminu, raġuni biex dan ma jsirx.

    5.

    Ir-Reġistratur għandu jippubblika fil-Gazzetta avviż li jindika li l-isem tal-kumpannija tħassar mir-reġistru.

    6.

    Il-kumpannija tkun xolta malli l-avviż ikun ippubblikat fil-Gazzetta.

    7.

    Madankollu (a) ir-responsabbiltà (jekk ikun il-każ) ta’ kull direttur jew uffiċjal ieħor tal-kumpannija u ta’ kull membru tal-kumpannija għandha tkompli u tista’ tiġi infurzata daqslikieku l-kumpannija ma kinitx xolta, u (b) ebda dispożizzjoni f’dan l-artikolu ma tippreġudika s-setgħa tal-qorti li tistralċja kumpannija li l-isem tagħha jkun tħassar mir-reġistru.”

    8

    Skont l-Artikolu 1012 tal-CA 2006:

    “1.

    Meta kumpannija tiġi xolta, il-proprjetà u d-drittijiet ta’ kwalunkwe tip kollha li jkunu jappartjenu lilha jew li jkunu miżmuma taħt relazzjoni ta’ trust għall-kumpannija fil-mument tax-xoljiment tagħha (inkluża proprjetà taħt titolu ta’ enfitewsi, iżda mhux il-proprjetà miżmuma mill-kumpannija taħt relazzjoni ta’ trust għal terzi) għandhom jitqiesu bħala bona vacantia u

    a)

    għalhekk jappartjenu lill-Kuruna, jew lid-Dukat ta’ Lancaster jew lid-Duka ta’ Cornwall inizjalment (skont il-każ), u

    b)

    jgħaddu u jistgħu jiġu ttrattati bl-istess mod bħal bona vacantia oħra li tappartjeni lill-Kuruna, lid-Dukat ta’ Lancaster jew lid-Duka ta’ Cornwall.

    […]”

    Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    9

    Il-kawża prinċipali tikkonċerna proċedura ta’ ġurisdizzjoni volontarja li s-suġġett tagħha huwa l-ħatra ta’ likwidatur “supplimentari” fir-rigward tal-attiv ta’ AeroCC li jinsab fil-Ġermanja, b’applikazzjoni permezz ta’ analoġija tal-Artikolu 273(4) tal-Liġi dwar il-kumpanniji anonimi, skont il-prinċipji tad-dritt Ġermaniż dwar il-kumpannija residwali (“Restgesellschaft”) jew separata (“Spaltgesellschaft”).

    10

    AeroCC ġiet inkorporata fil-forma ta’ kumpannija ta’ responsabbiltà limitata fl-Ingilterra u f’Wales fit-8 ta’ April 2005, u ġiet irreġistrata fir-reġistru tal-kumpanniji f’Cardiff.

    11

    Sussegwentement, id-diretturi ta’ din il-kumpannija ma ppreżentawx il-kontijiet annwali ċċertifikati minn konsulent fiskali Brittaniku kif jitlob id-dritt tal-kumpanniji Brittaniċi. Għalhekk, skont il-qorti tar-rinviju, AeroCC tħassret mir-reġistru tal-kumpanniji f’Jannar 2008, bil-konsegwenza li l-attiv tagħha għadda għand il-Kuruna Brittanika.

    12

    AeroCC kellha biss aġenzija fil-Ġermanja. Madankollu, hija għandha diversi assi fil-Ġermanja, jiġifieri, essenzjalment, sehem f’kumpannija ta’ dritt ċivili stabbilita f’Berlin, li għandha attiv immobbli fil-Ġermanja, diversi drittijiet għat-trasferiment ta’ art li tinsab fil-Ġermanja kif ukoll diversi drittijiet għal kumpens.

    13

    Fis-16 ta’ Ġunju 2008, Amiraike, membru b’maġġoranza ta’ AeroCC, talbet lill-qorti tar-rinviju taħtar likwidatur “supplimentari” bil-għan li jiġi llikwidat l-attiv ta’ AeroCC li jinsab fil-Ġermanja, skont il-prinċipji tal-kumpannija residwali jew separata.

    14

    Skont il-qorti tar-rinviju, miżura bħal dik prevista fl-Artikolu 1012 tal-CA 2006 tikkostitwixxi miżura ta’ esproprjazzjoni. Issa, għalkemm, bħala prinċipju, tali miżuri ma jistax ikollhom effett barra mit-territorju tal-Istat li jistabbilixxihom, dan ma huwiex il-każ fil-kawża prinċipali. Skont dik il-qorti, sa fejn kumpannija tkun issuġġettat ruħha b’mod intenzjonat, fl-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment li hija tgawdi taħt l-Artikoli 43 KE u 48 KE, għad-dritt tal-kumpanniji ta’ Stat Membru, hija ma tistax tinvoka d-dritt tal-kumpanniji iktar favorevoli ta’ Stat Membru ieħor li fit-territorju tiegħu tinsab parti mill-assi tagħha sabiex tevita ċerti effetti negattivi li jirriżultaw mix-xoljiment ta’ din il-kumpannija taħt id-dritt tal-Istat Membru fejn kienet inkorporata. Tali għażla tkun kuntrarja għad-dritt Komunitarju, mingħajr ma jkun possibbli li f’dan ir-rigward isir riferiment għall-kunċett Ġermaniż tal-“kumpannija residwali jew separata”, li huwa kunċett legali antik li jmur lura għall-epoka tal-Gwerra Bierda.

    15

    Kien f’dan il-kuntest li l-Amtsgerich Charlottenburg iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “Id-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju primarju, u b’mod partikolari, l-Artikoli 10 KE, 43 KE u 48 KE, kif ukoll il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku ta’ kull sistema legali nazzjonali tal-Istati Membri tal-Komunità [Ewropea], għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta Stat Membru (l-ewwel Stat Membru) jirrattifika d-dritt Komunitarju primarju, huwa jkun qed jammetti li, bħala prinċipju, miżura ta’ esproprjazzjoni imposta minn sistema legali tat-tieni Stat Membru għandha effett fit-territorju tiegħu, minn tal-inqas fil-każ fejn, fl-eżerċizzju tad-dritt ta’ stabbiliment li tinvoka taħt id-dritt Komunitarju, kumpannija tad-dritt privat li tkun affettwata mill-miżura ta’ esproprjazzjoni tkun deliberatament issottomettiet ruħha għad-dritt tal-kumpanniji tat-tieni Stat Membru, li jimponi l-esproprjazzjoni, filwaqt li teżerċita attivitajiet ekonomiċi fl-ewwel Stat Membru u li jkollha hemmhekk assi affettwati mill-miżura ta’ esproprjazzjoni?”

    Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

    16

    Skont Amiraike u l-Gvern Ġermaniż, id-deċiżjoni li għandha tingħata mill-Amtsgericht Charlottenburg ma hijiex ta’ natura ġudizzjarja. Għalhekk, għandu jiġi vverifikat, b’mod preliminari, jekk, f’din il-kawża, l-Amtsgerich Charlottenburg għandhiex tieħu deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja sabiex b’hekk jiġi vverifikat jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni, skont l-Artikolu 234 KE, dwar id-domanda li saritilha.

    17

    F’dan ir-rigward, għalkemm ma hemm ebda dubju li l-Amtsgerich Charlottenburg hija “qorti”, sabiex tkun tista’ tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 234 KE huwa meħtieġ ukoll li jkun hemm kwistjoni pendenti quddiemha u li tkun mitluba tiddeċiedi fil-kuntest ta’ proċedura intiża li twassal għal deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja (ara d-digrieti tat-18 ta’ Ġunju 1980, Borker, 138/80, Ġabra p. 1975, punt 4, u tal-5 ta’ Marzu 1986, Greis Unterweger, 318/85, Ġabra p. 955, punt 4; sentenzi tad-19 ta’ Ottubru 1995, Job Centre, magħrufa bħala “Job Centre I”, C-111/94, Ġabra p. I-3361, punt 9; tal-14 ta’ Ġunju 2001, Salzmann, C-178/99, Ġabra p. I-4421, punt 14; tal-15 ta’ Jannar 2002, Lutz et, C-182/00, Ġabra p. I-547, punt 13; tat-30 ta’ Ġunju 2005, Längst, C-165/03, Ġabra p. I-5637, punt 25, kif ukoll tas-27 ta’ April 2006, Standesamt Stadt Niebüll, C-96/04, Ġabra p. I-3561, punt 13).

    18

    Fil-kawża prinċipali, mill-proċess jirriżulta li l-Amtsgerich Charlottenburg għamlet rinviju għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kwalità tagħha ta’ awtorità amministrattiva. Fil-fatt, is-suġġett tad-deċiżjoni li għandha tingħata huwa l-ħatra ta’ likwidatur “supplimentari” fir-rigward tal-attiv ta’ AeroCC li jinsab fil-Ġermanja. Fl-applikazzjoni diretta jew b’analoġija tal-Artikolu 273(4) tal-Liġi dwar il-kumpanniji anonomi, il-kompitu essenzjali tal-qorti huwa li tiddeċiedi jekk il-persuna proposta mir-rikorrent jew minn persuna oħra hijiex adegwata sabiex tillikwida l-attiv li jkun għadu jeżisti ta’ kumpannija mħassra mir-reġistru.

    19

    Barra minn hekk, ma hemm xejn fil-proċess li jindika li, f’dan il-każ, hemm kwistjoni pendenti quddiem l-Amtsgerich Charlottenburg bejn Amiraike u eventwali konvenut. Għall-kuntrarju, skont l-introduzzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, hemm biss “kawża” dwar id-dritt kummerċjali u mhux “kwistjoni”. Din l-introduzzjoni ssemmi biss l-isem u l-indirizz ta’ AeroCC. Barra minn hekk, il-preżentazzjoni tal-fatti fid-deċiżjoni tar-rinviju ma ssemmi ebda persuna jew istituzzjoni li qiegħda topponi għat-talba ta’ Amiraike fir-rigward ta’ AeroCC, li fiha Amiraike hija l-membru b’maġġoranza.

    20

    Barra minn hekk, mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja b’ebda mod ma jirriżulta li s-sitwazzjoni ta’ Amiraike, qabel ma l-Qorti tal-Ġustizzja ġiet adita mill-Amtsgerich Charlottenburg, kienet tat lok għal deċiżjoni li kontriha ġie ppreżentat rikors quddiem dik il-qorti. Għalhekk, l-Amtsgerich Charlottenburg hija l-ewwel awtorità li semgħet it-talba għall-ħatra ta’ likwidatur għal AeroCC.

    21

    Minn dan jirriżulta li, fil-kawża prinċipali, l-Amtsgerich Charlottenburg qiegħda taġixxi bħala awtorità amministrattiva mingħajr ma hija mitluba, fl-istess ħin, tiddeċiedi kwistjoni, b’tali mod li qiegħda teżerċita funzjoni mhux ġudizzjarja.

    22

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandu jiġi kkonstatat, skont l-Artikoli 92(1) u 103(1) tar-Regoli tal-Proċedura, li l-Qorti tal-Ġustizzja manifestament ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar id-domanda magħmula mill-Amtsgerich Charlottenburg.

    Fuq l-ispejjeż

    23

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tordna:

     

    Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea manifestament ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domanda magħmula mill-Amtsgericht Charlottenburg permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Novembru 2008.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top