Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007TN0276

    Kawża T-276/07: Rikors ippreżentat fit- 23 ta' Lulju 2007 — Hans-Peter Martin vs Il-Parlament Ewropew

    ĠU C 211, 8.9.2007, p. 55–55 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    8.9.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    C 211/55


    Rikors ippreżentat fit-23 ta' Lulju 2007 — Hans-Peter Martin vs Il-Parlament Ewropew

    (Kawża T-276/07)

    (2007/C 211/102)

    Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

    Partijiet

    Rikorrent: Hans-Peter Martin (Vjenna, l-Awstrija) (rappreżentant: É. Boigelot, avocat)

    Konvenut: Il-Parlament Ewropew

    Talbiet tar-rikorrent

    tannulla d-deċiżjoni ta' l-10 ta' Mejju 2007 meħuda mis-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew, innotifikata fl-14 ta' Mejju 2007, li biha ġie deċiż li ċerta somma tħallset lir-rikorrent b'mod inġustifikat u li b'mod konformi ma' l-Artikolu 27(3) tar-regolament dwar l-ispejjeż u l-benefiċċji għall-Membri tal-Parlament Ewropew, din is-somma għandha tinġabar mingħand ir-rikorrent;

    sa fejn ikun hemm bżonn, tannulla d-deċiżjoni tat-13 ta' Ġunju 2007, maħruġa mid-Direttur Ġenerali tad-Direzzjoni Ġenerali tal-Finanzi tal-Parlament Ewropew, meħuda sabiex teżegwixxi d-deċiżjoni msemmija iktar 'il fuq ta' l-10 ta' Mejju 2007, u li tpoġġi lir-rikorrent f'intimazzjoni sabiex iħallas l-ammonti msemmija iktar 'il fuq jew li jipproponi pjan ta' ħlas bil-miktub aċċettat mill-Parlament fi żmien tletin jum minn din id-deċiżjoni;

    tannulla, sa fejn ikun hemm bżonn, u jekk jagħti l-każ, kull deċiżjoni għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet imsemmija iktar 'il fuq, u li jittieħdu matul il-proċeduri;

    f'kull każ, tikkundanna lill-Parlament Ewropew ibati l-ispejjeż tal-kawża.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Wara inkjesta dwar il-benefiċċji ta' segretarjat mogħtija lir-rikorrent fil-kwalità tiegħu ta' Membru tal-Parlament Ewropew, l-OLAF stabbilixxa rapport li jikkonstata ċerti irregolaritajiet. Abbażi ta' dan ir-rapport, is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew ħa d-deċiżjoni kkontestata ta' l-10 ta' Mejju 2007, li biha ddeċieda li s-somom li indebitament tħallsu lir-rikorrent għandhom jitħallsu lura minnu b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 27(3) tar-regolament dwar l-ispejjeż u l-benefiċċji għall-Membri tal-Parlament Ewropew.

    In sostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka erba' motivi.

    L-ewwel motiv jirrigwarda l-applikazzjoni ħażina u mhux eżatta tar-regolament dwar l-ispejjeż u l-benefiċċji għall-Membri tal-Parlament Ewropew u, b'mod partikolari, ta' l-Artikoli 14 u 27(3) tiegħu.

    It-tieni motiv jirrigwarda żball ta' evalwazzjoni fir-rigward tar-rilevanza ta' dokumenti ta' ġustifikazzjoni ppreżentati mir-rikorrent.

    Barra minn hekk, ir-rikorrent jinvoka motiv li jirrigwarda l-ksur tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002, tal-25 ta' Ġunju 2002, dwar ir-Regolament Finanzjarju li japplika għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (1) u l-ksur tal-prinċipji ta' proporzjonalità u ta' non diskriminazzjoni.

    Fl-aħħar nett, ir-rikorrent iqajjem motiv li jirrigwarda l-ksur tal-prinċipju ta' kontradittorju u tad-drittijiet tad-difiża.


    (1)  ĠU L 248, p. 1.


    Top