Dette dokument er et uddrag fra EUR-Lex
Dokument 62007TN0110
Case T-110/07: Action brought on 16 April 2007 — Siemens v Commission
Kawża T-110/07: Rikors ippreżentat fis- 16 ta' April 2007 — Siemens AG vs Il-Kummissjoni
Kawża T-110/07: Rikors ippreżentat fis- 16 ta' April 2007 — Siemens AG vs Il-Kummissjoni
ĠU C 140, 23.6.2007, s. 26–26
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
23.6.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
C 140/26 |
Rikors ippreżentat fis-16 ta' April 2007 — Siemens AG vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-110/07)
(2007/C 140/46)
Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż
Partijiet
Rikorrenti: Siemens AG (Berlin u Monaco, il-Ġermanja) (rappreżentanti: I. Brinker, T. Loest u C. Steinle, Avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet tar-rikorrenti
— |
tannulla, skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 231 KE, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni ta' l-24 ta' Jannar 2007 (Każ COMP/F/38.899 — Switchgear insulat bil-gass), f'dak li għandu x'jaqsam mar-rikorrenti; |
— |
sussegwentement, tnaqqas il-multa imposta skond l-Artikolu 2(m) tad-deċiżjoni kkontestata; |
— |
tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tal-kawża, skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza. |
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-rikorrenti tikkontesta d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2006) 6762 finali, ta' l-24 ta' Jannar 2007 (Każ COMP/F/38.899 — Switchgear insulat bil-gass). Fid-deċiżjoni kkontestata ġiet imposta multa fuq ir-rikorrenti u impriżi oħra minħabba ksur ta' l-Artikolu 81 KE u ta' l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE. Il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti pparteċipat f'serje ta' akkordji u prattiċi miftiehma li jirrigwardaw is-settur tas-“switchgears insulati bil-gass”.
In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tressaq tliet motivi.
L-ewwel nett, hija ssostni li l-konvenuta allegatament naqset milli turi u tagħti prova, b'mod konkret u dettaljat, tal-vjolazzjonijiet allegati. B'mod partikolari, il-Kummissjoni naqset milli turi u tagħti prova tal-konsegwenzi li rriżultaw mill-vjolazzjonijiet allegati fis-suq komuni u fiż-ŻEE matul l-ewwel fażi tal-vjolazzjoni allegata sa l-1999.
It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kkonstatat, b'mod żbaljat, li kien hemm vjolazzjoni waħda kontinwa u ddeterminat it-tul tagħha b'mod żbaljat. Skond ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma rnexxilhiex tagħti prova li din kellha sehem fil-vjolazzjoni allegata wara t-22 ta' April 1999. Barra minn hekk teżisti vjolazzjoni ta' l-Artikolu 25 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (1) safejn, skond ir-rikorrenti, il-parteċipazzjoni tagħha fil-vjolazzjoni attribwita lilha fl-ewwel fażi sa l-1999 ġiet preskritta.
Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żbalji gravi ta' dritt meta imponiet multa. F'dan ir-rigward, din issostni, per eżempju, li l-Kummissjoni evalwat il-gravità u t-tul tal-vjolazzjoni b'mod żbaljat u applikat, fir-rigward tar-rikorrenti, “deterrent koeffiċjent multiplikatur” li kien evidentement eċċessiv. Barra minn hekk, il-Kummissjoni attribwixxiet, b'mod żbaljat, lir-rikorrenti rwol ta' mexxejja prinċipali u naqset b'mod żbaljat li tikkunsidra l-kooperazzjoni minn naħa tagħha mal-Kummissjoni.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) tas-16 ta' Diċembru 2002, Nru 1/2003 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU L 1, p. 1).