Wybierz funkcje eksperymentalne, które chcesz wypróbować

Ten dokument pochodzi ze strony internetowej EUR-Lex

Dokument 62007FO0085

    Digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (L-Ewwel Awla) tal-25 ta' Frar 2008.
    Ana Anselmo et. vs il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea.
    Servizz pubbliku - Uffiċjali - Reklutaġġ - nammissibbiltà manifesta.
    Kawża F-85/07.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza – Servizz Pubbliku 2008 I-A-1-00059; II-A-1-00291

    Identyfikator ECLI: ECLI:EU:F:2008:24

    DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

    (L-Ewwel Awla)

    25 ta’ Frar 2008

    Kawża F-85/07

    Ana Anselmo et

    vs

    Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

    “Servizz pubbliku – Uffiċjali – Reklutaġġ – Ħatra – Klassifikazzjoni fi grad – Kandidati li għaddew minn kompetizzjoni interna – Fatt ġdid – Assenza – Inammissibbiltà manifesta”

    Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu A. Anselmo u għaxar uffiċjali oħra tal-Kunsill jitolbu, essenzjalment, l-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill li jiċħdu l-anzjanità fil-grad li kienu kisbu fil-kategoriji C u D, waqt il-ħatra tagħhom fil-Kategorija B* jew wara din il-ħatra.

    Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament inammissibbli. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

    Sommarju

    1.      Proċedura – Ammissibbiltà tar-rikorsi – Evalwazzjoni fid-dawl tar-regoli fis-seħħ fil-mument tal-preżentata tar-rikors

    (Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 76)

    2.      Uffiċjali – Rikors – Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel – Termini

    (Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

    1.      Jekk ir-regola stabbilita fl-Artikolu 76 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, li tipprovdi li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’, permezz ta’ digriet, jiċħad rikors li jidher li huwa manifestament inammissibbli, hija regola ta’ proċedura applikabbli, bħala tali, mid-data tad-dħul fis-seħħ tagħha, għall-kawżi kollha quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, dan ma japplikax fir-rigward ta’ regoli tad-dritt li abbażi tagħhom it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’, b’applikazzjoni ta’ dan l-artikolu, iqis li rikors huwa manifestament inammissibbli u li għandhom ikunu applikabbli biss ir-regoli applikabbli fid-data tal-preżentata tar-rikors.

    (ara l-punt 17)

    2.      Fatt ma jistax jerġa’ jiftaħ it-termini tar-rikors ħlief fiż-żewġ kundizzjonijiet li “jbiddel is-sitwazzjoni ta’ dritt jew ta’ fatt” u li “jista’ jemenda b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni ta’ dak li għandu l-intenzjoni jikseb l-eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni li saret definittiva”.

    Wieħed ma jistax jikklassifika, bħala fatt ġdid, il-pubblikazzjoni minn istituzzjoni ta’ komunikazzjoni lill-persunal li tirreferi għall-portata tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal u r-regoli interni, mingħajr ma żżid xejn, u li tikkonferma biss l-applikazzjoni tar-regoli li, mingħajr din il-komunikazzjoni, kienu japplikaw fi kwalunkwe każ.

    (ara l-punti 25 u 28)

    Referenza: Il-Qorti tal-Ġustiżżja 13 ta’ Novembru 1986, Becker vs Il‑Kummissjoni, 232/85, Ġabra p. 3401, punt 10; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 7 ta’ Frar 1991, Williams vs Il‑Qorti tal‑Awdituri, T‑58/89, Ġabra p. II‑77, punti 46 sa 48; 7 ta’ Frar 2001, Inpesca vs Il‑Kummissjoni, T‑186/98, Ġabra p. II‑557, punt 51; 3 ta’ Ottubru 2006, Nijs vs Il‑Qorti tal‑Awdituri, T‑171/05, ĠabraSP p. I‑A‑2‑195, II‑A‑2‑999, punt 24; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 16 ta’ Jannar 2007, Genette vs Il‑Kummissjoni, F‑92/05, T‑171/05, ĠabraSP p. II‑A‑2‑999, punt 61

    Góra