Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CJ0334

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tal-11 ta' Diċembru 2008.
    il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Freistaat Sachsen.
    Appell - Għajnuna mill-Istat - Pjan ta’ skema ta’ għajnuna favur impriżi żgħar u medji - Kompatibbiltà mas-suq komuni - Kriterji tal-eżami tal-għajnuna mill-Istat - Applikazzjoni ratione temporis - Pjan innotifikat qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 70/2001 - Deċiżjoni li tittieħed wara d-dħul fis-seħħ - Aspettattivi leġittimi - Ċertezza legali - Notifika kompleta.
    Kawża C-334/07 P.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2008 I-09465

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2008:709

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    11 ta’ Diċembru 2008 ( *1 )

    “Appell — Għajnuna mill-Istat — Proġett ta’ skema ta’ għajnuna favur impriżi żgħar u medji — Kompatibbiltà mas-suq komuni — Kriterji għall-eżami tal-għajnuna mill-Istat — Applikazzjoni ratione temporis — Proġett innotifikat qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 70/2001 — Deċiżjoni sussegwenti għal dan id-dħul fis-seħħ — Aspettattivi leġittimi — Ċertezza legali — Notifika kompleta”

    Fil-Kawża C-334/07 P,

    li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ippreżentat fis-17 ta’ Lulju 2007,

    Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn K. Gross, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    rikorrenti,

    il-parti l-oħra fil-kawża hija:

    Freistaat Sachsen, irrappreżentat minn Th. Lübbig, Rechtsanwalt,

    rikorrent fl-ewwel istanza,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn C. W. A. Timmermans, President tal-Awla, J.-C. Bonichot (Relatur), J. Makarczyk, P. Kūris u L. Bay Larsen, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

    Reġistratur: R. Grass,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tat-3 ta’ Mejju 2007, Freistaat Sachsen vs Il-Kummissjoni (T-357/02, Ġabra p. II-1261, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha dik il-qorti annullat parzjalment id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/226/KE tal-24 ta’ Settembru 2002, dwar l-iskema ta’ għajnuna li l-Ġermanja għandha l-intenzjoni li timplementa — “Programm favur l-impriżi żgħar u medji — Titjib tal-ħidma tal-impriżi tas-Sassonja” — Programmi sekondarji 1 (formazzjoni), 4 (parteċipazzjoni f’fieri u espożizzjonijiet), 5 (kooperazzjoni) u 7 (promozzjoni tal-istil) (ĠU L 91, 2003, p. 13, iktar ’il quddiem “id-deċiżjoni kkontestata”).

    Il-kuntest ġuridiku

    2

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88] tat-Trattat KE (ĠU L 83, p. 1), jiddefinixxi l-proċeduri applikabbli għall-eżerċizzju, mill-Kummissjoni, tas-setgħa mogħtija lilha mill-Artikolu 88 KE li tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat mas-suq komuni.

    3

    Dan l-appell jikkonċerna, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet li ġejjin ta’ dan ir-regolament:

    l-Artikolu 1(f), li jiddefinixxi “għajnuna kontra l-liġi” bħala “għajnuna ġdida li tiddaħħal fis-seħħ f’kontravenzjoni ta’ l-Artikolu [88] tat-Trattat”;

    l-Artikolu 1(h), li jinkludi d-definizzjoni li ġejja:

    “‘partijiet interessati’: għandha tfisser kull Stat Membru u kull persuna, impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi li l-interessi tagħhom jistgħu jkunu affettwati bl-għoti ta’ għajnuna, b’mod partikolari l-benefiċjarju tal-għajnuna, impriżi li jikkompetu bejniethom u assoċjazzjonijiet tal-kummerċ.”

    l-Artikolu 2(2), li jipprovdi:

    “F’notifika, l-Istat Membru kkonċernat għandu jipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex tawtorizza lill-Kummissjoni sabiex tieħu deċiżjoni skont l-Artikoli 4 u 7 (‘notifika kompluta’).”

    l-Artikolu 4(1), li jipprovdi:

    “Il-Kummissjoni għandha teżamina n-notifika malli tirċevieha. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni skont il-paragrafi 2 [(deċiżjoni li l-miżura nnotifikata ma tikkostitiwixxix għajnuna mill-Istat)], 3 [(deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet)] jew 4 [(deċiżjoni li tinbeda l-proċedura formali għall-investigazzjoni)].”

    l-Artikolu 4(5), li jipprovdi:

    “Id-deċiżjonijiet li saret referenza għalihom fil-paragrafi 2, 3 u 4 għandhom jittieħdu fi żmien xahrejn. Dak il-perjodu għandu jibda l-għada tar-riċevuta ta’ notifika kompluta. In-notifika għandha tkun ikkunsidrata li hija kompluta jekk, fi żmien xahrejn mir-riċevuta tagħha, jew mir-riċevuta ta’ kull informazzjoni oħra meħtieġa, il-Kummissjoni ma teħtieġ ebda informazzjoni oħra. […]”

    l-Artikolu 4(6), li huwa fformulat kif ġej:

    “Fejn il-Kummissjoni ma tkunx ħadet deċiżjoni f’konformità mal-paragrafi 2, 3 jew 4 fil-perjodu mqiegħed [stabbilit] fil-paragrafu 5, l-għajnuna għandha tinftiehem li kienet awtorizzata mill-Kummissjoni. L-Istat Membru kkonċernat jista’ minħabba dan jimplimenta l-miżuri in kwistjoni wara li jagħti lill-Kummissjoni notifika minn qabel dwar dan, ħlief jekk il-Kummissjoni tieħu deċiżjoni skond dan l-Artikolu f’perjodu ta’ 15-il jum tax-xogħol wara r-riċevuta tan-notifika.”

    4

    Fil-qasam tal-għajnuna għall-impriżi żgħar u medji, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98, tas-7 ta’ Mejju 1998, dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli [87] u [88] tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għal ċertu kategoriji ta’ għajnuna Statali orizzontali (ĠU L 142, p. 1), jagħti lill-Kummissjoni, fl-Artikolu 1(1)(a)(i) tiegħu, is-setgħa li tiddikjara, skont l-Artikolu 87 KE, li, f’ċerti kundizzjonijiet, l-għajnuna lill-impriżi żgħar u medji hija kompatibbli mas-suq komuni u mhijiex suġġetta għall-obbligu ta’ notifika previst fl-Artikolu 88(3) KE.

    5

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 70/2001, tat-12 ta’ Jannar 2001, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għall-għajnuna tal-Istat lill-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (ĠU L 10, p. 33), jiddefinixxi l-kriterji li għandhom jissodisfaw l-għajnuna individwali u l-iskemi ta’ għajnuna għall-impriżi żgħar u medji sabiex ikunu kompatibbli mas-suq komuni, skont l-Artikolu 87(3) KE, u jeżenta dawk li jissodisfaw dawn il-kriterji mill-obbligu ta’ notifika previst fl-Artikolu 88(3) KE.

    6

    Skont l-Artikolu 10, dan ir-regolament daħal fis-seħħ fit-2 ta’ Frar 2001, jiġifieri wara għoxrin jum mid-data li fih ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    7

    L-aħħar sentenza tar-raba’ premessa tal-imsemmi regolament tippreċiża li “[i]r-regoli dwar l-għajnuna ta’ l-Istat għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju [adottati mill-Kummissjoni (ĠU 1996, C 213, p. 4)] għandhom jitneħħew mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, peress li l-kontenut tagħhom jinbidel b’dan ir-Regolament”.

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    8

    Fil-kuntest tal-programm tal-Ministeru tal-Ekonomija u tax-Xogħol tal-Land ta’ Sassonja intiż għat-titjib tal-ħidma tal-impriżi żgħar u medji stabbiliti fit-territorju ta’ dan il-Land, dan il-Ministeru jagħti lill-persuni li jeżerċitaw hemmhekk professjoni liberali kif ukoll lill-impriżi żgħar u medji li għandhom is-sede tagħhom jew li huma stabbiliti fit-territorju tiegħu, sussidji li mhumiex rimborsabbli għal proġetti li jiffavorixxu l-iżvilupp tal-ekonomija. Dawn is-sussidji huma previsti minn skema ta’ għajnuna nnotifikata għall-ewwel darba lill-Kummissjoni matul is-sena 1992, awtorizzata minnha u estiża diversi drabi wara li rċeviet awtorizzazzjonijiet ġodda. Din l-għajnuna hija intiża li ttejjeb il-kapaċitajiet produttivi u kompetittivi tal-impriżi żgħar u medji.

    9

    B’ittra tad-29 ta’ Diċembru 2000, li waslet għand il-Kummissjoni fit-3 ta’ Jannar 2001, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja nnotifikat verżjoni ġdida ta’ din l-iskema ta’ għajnuna (iktar ’il quddiem in-“notifika inizjali”).

    10

    Fit-12 ta’ Jannar 2001, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament Nru 70/2001, li daħal fis-seħħ fit-2 ta’ Frar segwenti.

    11

    Matul ix-xahar ta’ Diċembru 2001, il-Kummissjoni fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali rigward uħud mill-miżuri previsti mill-iskema ta’ għajnuna nnotifikata, jiġifieri l-miżuri previsti mill-programmi sekondarji “formazzjoni”, “parteċipazzjoni f’fieri u espożizzjonijiet”, “kooperazzjoni” u “promozzjoni tal-istil” (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“erba’ programmi sekondarji inkwistjoni”). Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ddeċidiet li l-miżuri l-oħra nnotifikati ma jqajmu ebda oġġezzjoni.

    12

    Fi tmiem l-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata, li permezz tagħha hija, l-ewwel nett, qieset li l-miżuri previsti mill-erba’ programmi sekondarji inkwistjoni jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat. It-tieni nett, hija ppreċiżat li, sabiex tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq komuni, din l-għajnuna għandha taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 70/2001 u tirrispetta l-limiti ta’ intensità stabbiliti minn dan it-test, minbarra għajnuna għall-operat prevista mill-programm sekondarju “kooperazzjoni”, li hija qieset bħala inkompatibbli mas-suq komuni.

    Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u s-sentenza appellata

    13

    Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza laqgħet it-talba mressqa mill-Freistaat Sachsen għall-annullament ta’ diversi dispożizzjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri:

    it-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tagħha, li jipprovdi li l-għajnuna li ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 70/2001 u li taqbeż l-intensità tal-għajnuna stabbilita minn dan it-test hija inkompatibbli mas-suq komuni;

    l-Artikolu 3 tagħha, li jipprovdi li l-għajnuna għall-operat prevista mill-programm sekondarju “kooperazzjoni” hija inkompatibbli mas-suq komuni, kif ukoll

    l-Artikolu 4 tagħha, li jipprovdi li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija awtorizzata li twettaq l-erba’ programmi sekondarji inkwistjoni biss wara li tkun għamlithom konformi mal-imsemmija deċiżjoni.

    14

    Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li, meta eżaminat il-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni fid-dawl tar-Regolament Nru 70/2001, minkejja li dan it-test ma kienx fis-seħħ fid-data li fiha l-Kummissjoni rċeviet in-notifika tagħha, il-Kummissjoni kienet applikat retroattivament regoli ġodda relatati mal-impriżi żgħar u medji stabbiliti minn dan ir-regolament.

    15

    Il-Qorti tal-Prim’Istanza essenzjalment ibbażat ruħha fuq l-effetti legali tan-notifika fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżami tal-proġetti ta’ għajnuna mill-Istat. Hija rrilevat, b’mod partikolari, li l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 659/1999 jipprovdi li l-Kummissjoni għanda twettaq eżami ta’ notifika malli tirċevieha u li l-Artikolu 4(5) tal-istess regolament jipprovdi li t-terminu ta’ xahrejn mogħti lilha sabiex twettaq eżami preliminari ta’ din in-notifika jibda jiddekorri mill-jum wara dak li fih tkun irċevietha.

    16

    Minn dan, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeduċiet li, bħala prinċipju, l-eżami tal-kompatibbiltà ta’ proġett ta’ għajnuna mas-suq komuni għandu jsir biss abbażi tar-regoli fis-seħħ fid-data li fiha l-Kummissjoni tirċievi n-notifika ta’ din l-għajnuna. Hija enfasizzat li din is-soluzzjoni hija ġġustifikata minn rekwiżiti ta’ trasparenza u ta’ previdibbiltà sa fejn tippermetti li jiġi evitat li l-Kummissjoni tingħata l-possibbiltà li tiddetermina unilateralment is-sistema legali applikabbli għall-għajnuna li hija għandha teżamina.

    17

    Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat ukoll li dan ir-raġunament huwa sostnut mill-ġurisprudenza. F’dan ir-rigward, hija tirreferi għas-sentenza tal-24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni (C-74/00 P u C-75/00 P, Ġabra p. I-7869), dwar l-applikazzjoni ratione temporis tad-deċiżjonijiet sussegwentement adottati mill-Kummissjoni fir-rigward tal-għoti tal-għajnuna mill-Istat lis-settur tal-azzar f’ċerti każijiet li huma elenkati b’mod eżawrjenti, u li huma magħrufa bħala “kodiċi ta’ għajnuna għas-settur tal-azzar”. F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-applikazzjoni tar-regoli tal-kodiċi ta’ għajnuna għas-settur tal-azzar fis-seħħ fid-data li fiha l-Kummissjoni tieħu deċiżjoni għal għajnuna mogħtija skont kodiċi preċedenti tikkostitwixxi applikazzjoni retroattiva tal-kodiċi sussegwenti.

    18

    Sussegwentement, il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset li kemm mill-kliem kif ukoll mill-għan tar-Regolament Nru 70/2001, kif ukoll mir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-osservanza tal-prinċipji tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u taċ-ċertezza legali, jirriżulta li dan it-test mhuwiex intiż li japplika b’mod retroattiv.

    19

    Il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet ukoll li l-għarfien eventwali mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, fil-mument tan-notifika inizjali, tal-emenda sussegwenti tal-kriterji għall-eżami applikabbli għall-għajnuna nnotifikata, ma jippermettix li tiġi ġġustifikata l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 70/2001.

    20

    Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza rreferiet għall-avviż tal-Kummissjoni dwar id-determinazzjoni tar-regoli applikabbli għall-evalwazzjoni tal-għajnuna mill-Istat li hija illegali (ĠU 2002, C 119, p. 22), li permezz tagħha tiegħu ddeċidiet li tevalwa l-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq komuni fir-rigward tar-regoli fis-seħħ fid-data tal-għoti tagħha. Il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset li, jekk il-proġetti ta’ għajnuna nnotifikati kellhom, min-naħa l-oħra, jiġu evalwati fir-rigward tar-regoli fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tad-deċiżjoni meħuda fir-rigward tagħhom mill-Kummissjoni, dan iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex ma josservawx l-obbligi proċedurali tagħhom meta jkollhom l-intenzjoni li jagħtu għajnuna li r-regoli applikabbli għaliha huma f’riskju li jinbidlu u jsiru iktar stretti.

    It-talbiet tal-partijiet

    21

    Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata, tiddeċiedi b’mod definittiv fuq il-mertu tal-kawża billi tiċħad ir-rikors għal annullament ippreżentat minn Freistaat Sachsen u billi tikkundannah għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

    22

    Il-Freistaat Sachsen jitlob li l-appell tal-Kummissjoni jiġi miċħud u li din tiġi kkundannata għall-ispejjeż tal-proċeduri tal-appell.

    Fuq l-appell

    23

    Il-Kummissjoni tinvoka żewġ motivi insostenn tal-appell tagħha. Hija ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi, prinċipalment, billi qieset li l-Kummissjoni, b’mod żbaljat, wettqet l-eżami tal-proġett tal-iskema ta’ għajnuna nnotifikat mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fir-rigward tar-Regolament Nru 70/2001 meta dan it-test ma kienx fis-seħħ fid-data meta rċeviet in-notifika inizjali u, sussidjarjament, billi ddeċidiet li din in-notifika kellha tiġi kkunsidrata bħala kompleta.

    Fuq l-ewwel motiv

    L-argumenti tal-partijiet

    24

    Permezz tal-ewwel motiv tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret l-Artikolu 88(2) u (3) KE, l-Artikolu 249(2) KE, it-tieni sentenza tal-Artikolu 254(2) KE, l-Artikoli 3 et seq. tar-Regolament Nru 659/1999 kif ukoll l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 70/2001, billi ddeċidiet li l-applikazzjoni ta’ dan it-test tal-aħħar għall-proġett ta’ skema ta’ għajnuna nnotifikat qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmi test tmur kontra l-prinċipju ta’ non-retroattività u li, għalhekk, tivvizzja d-deċiżjoni kkontestata b’illegalità.

    25

    Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 70/2001 għall-iskema ta’ għajnuna inkwisjtoni mhijiex retroattiva, iżda hija konformi mal-prinċipju ta’ applikazzjoni immedjata, li permezz tiegħu test tad-dritt Komunitarju japplika, b’effett mid-dħul fis-seħħ tiegħu, għas-sitwazzjonijiet kurrenti u li qegħdin jiżvolġu.

    26

    Il-Kummissjoni ssostni li, billi ddeċidiet li n-notifika ta’ proġett ta’ għajnuna mill-Istat toħloq sitwazzjoni ġuridika li minnha jirriżulta li għandhom jiġu applikati r-regoli fis-seħħ fid-data li fiha ssir din in-notifika, il-Qorti tal-Prim’Istanza adottat pożizzjoni li hija legalment żbaljata.

    27

    Il-Kummissjoni tqis, fil-fatt, li tali notifika għandha biss effetti proċedurali. Hija ssostni wkoll li l-eżami li hija għandha twettaq ma jirrigwardax din in-notifika fiha nnfisha, iżda l-għajnuna nnotifikata, u li l-eżami m’għandux isir fir-rigward biss tal-informazzjoni trażmessa fil-kuntest tal-imsemmija notifika, iżda wkoll fir-rigward tal-fatti attwali u tar-regoli ta’ dritt li jkunu fis-seħħ meta hija tadotta d-deċiżjoni tagħha. F’dan ir-rigward, hija tirreferi għall-Artikoli 3, 4(2) sa (4) u (6), 5(1), 6 u 7(2) sa (4) tar-Regolament Nru 659/1999.

    28

    Il-Kummissjoni ssostni wkoll li n-notifika ta’ proġett ta’ għajnuna mill-Istat tikkostitwixxi obbligu impost mit-Trattat fuq l-Istati Membri u ma toħloqx drittijiet.

    29

    Hija tippreċiża li l-eżami immedjat tan-notifika previst fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 659/1999 ma jeskludix li l-Kummissjoni tista’ titlob informazzjoni addizzjonali mill-Istat Membru kkonċernat skont l-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament.

    30

    Il-Kummissjoni ssostni li t-terminu ta’ xahrejn li jibda jiddekorri minn meta tirċievi n-notifika, skont l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 659/1999, u li fl-iskadenza tiegħu, skont l-Artikolu 4(6) ta’ dan it-test, l-għajnuna titqies de jure li kienet ġiet awtorizzata, jikkostitwixxi sempliċement terminu proċedurali. Hija ssostni li, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 4(6) ta’ dan ir-regolament, hija tkun, fi kwalunkwe każ, awtorizzata li tieħu deċiżjoni fl-iskadenza ta’ dan it-terminu u, skont il-każ, li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali.

    31

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tenfasizza li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kellha għarfien sħiħ tal-abbozz li kellu jwassal għar-Regolament Nru 70/2001, b’mod partikolari minħabba l-parteċipazzjoni tagħha fil-ħidma relatata ma’ dan l-abbozz.

    32

    Hija tqis li s-sentenza Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, mhijiex rilevanti għall-kawża preżenti, peress li tikkonċerna għajnuna illegali u peress li s-soluzzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza kienet iġġustifikata, barra minn hekk, min-natura speċifika tal-kodiċi ta’ għajnuna għas-settur tal-azzar.

    33

    Il-Kummissjoni tikkontesta wkoll l-analiżi tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tipprovdi li l-fatt li r-Regolament Nru 70/2001 jagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jivverifikaw huma stess l-eżistenza ta’ obbligu ta’ notifika, juri li dan it-test m’għandux japplika għal notifiki preċedenti. F’dan ir-rigward, hija tenfasizza li, fil-każ preżenti, wara d-dħul fis-seħħ tal-imsemmi test, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja setgħet tivverifika jekk il-miżuri li hija kienet innotifikat kinux jibbenefikaw minn eżenzjoni u tirtira, jekk ikun il-każ, in-notifika tagħha, skont l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 659/1999. Il-Kummissjoni ssostni wkoll li mir-raba’ premessa tar-Regolament Nru 70/2001 jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu jinnotifikaw l-għajnuna mill-Istat li taqa’ taħt dan it-test. Hija ssostni wkoll li l-imsemmi test ma jipprekludix li jinżammu fis-seħħ notifiki eżistenzi meta dan jidħol fis-seħħ.

    34

    Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-kjarifika inkluża fit-tieni sentenza tar-raba’ premessa tar-Regolament Nru 70/2001, li tipprovdi li l-iskemi nnotifikati ser jiġu eżaminati mill-Kummissjoni “partikolarment” fid-dawl tal-kriterji previsti minn dan ir-regolament, ma tistax tiġi interpretata bħala li tippermetti l-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għall-impriżi żgħar u medji adottati matul l-1996, peress li dawn ir-regoli ġew imħassra mill-imsemmi regolament, kif huwa espliċitament stabbilit fl-imsemmija premessa.

    35

    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-paralleliżmu li għamlet il-Qorti tal-Prim’Istanza bejn il-proġett tal-iskema ta’ għajnuna nnotifikat u l-għajnuna illegali mhuwiex rilevanti. F’dan ir-rigward, hija ssostni li l-avviż tal-Kummissjoni dwar id-determinazzjoni tar-regoli applikabbli għall-evalwazzjoni tal-għajnuna mill-Istat illegali li rreferiet għalih il-Qorti tal-Prim’Istanza xorta waħda ma kienx ikun applikabbli jekk l-għajnuna nnotifikata mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet illegali. Fil-fatt, dan l-avviż japplika esklużivament għall-applikazzjoni ta’ direttivi jew ta’ strumenti paragunabbli, peress li r-raba’ paragrafu tagħha jippreċiża barra minn hekk li l-avviż japplika “bla ħsara għall-interpretazzjoni tar-regolamenti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    36

    Il-Freistaat Sachsen isostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 70/2001 għal proġett ta’ skema ta’ għajnuna nnotifikat qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan it-test kienet tikkostitwixxi applikazzjoni retroattiva tiegħu b’mod li tivvizzja d-deċiżjoni kkontestata b’illegalità.

    37

    Il-Freistaat Sachsen jikkunsidra li n-notifika ta’ proġett ta’ għajnuna ma tikkostitwixxix sempliċi obbligu li għandhom l-Istati Membri, iżda dan l-att jimplika wkoll obbligi partikolari għall-Kummissjoni u jiskatta terminu li l-iskadenza tiegħu timplika konsegwenzi legali importanti għall-partijiet ikkonċernati.

    38

    Il-Freistaat Sachsen iqis li, bħala prinċipju, iċ-ċertezza legali tipprekludi l-applikazzjoni retroattiva tat-testi Komunitarji li ma jinkludux dispożizzjoni espliċita f’dan is-sens.

    39

    Huwa jikkunsidra li s-soluzzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, fir-rigward tal-għajnuna illegali għandha tapplika għall-għajnuna nnotifikata.

    40

    Huwa jqis li n-notifika ta’ proġett ta’ għajnuna mill-Istat Membru tistabbilixxi l-aspettattivi leġittimi tiegħu li l-kriterji għall-eżami jkunu dawk li huma fis-seħħ fid-data ta’ din in-notifika. Madankollu, huwa jirriżerva s-sitwazzjoni li fiha regola li tkun daħlet fis-seħħ wara n-notifika ta’ proġett ta’ għajnuna tkun iktar vantaġġuża għall-Istat Membru inkwistjoni minn dik li kienet fis-seħħ matul din in-notifika.

    41

    Sussegwentement, il-Freistaat Sachsen iqis li, peress li l-Kummissjoni ssostni li l-għajnuna illegali għandha tiġi evalwata skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fil-mument tal-għoti tagħhom, għandu għalhekk jiġi applikat id-dritt fis-seħħ fil-mument li fih “tinħoloq” l-għajnuna debitament innotifikata, jiġifieri meta ssir in-notifika tagħha, sabiex b’hekk l-Istati Membri li jirrispettaw l-obbligi proċedurali tagħhom ma jkunux żvantaġġati.

    42

    Sussidjarjament, il-Freistaat Sachsen isostni li, fis-sitwazzjoni fejn l-ewwel motiv tal-Kummissjoni jiġi kkunsidrat bħala fondat mill-Qorti tal-Ġustizzja, id-deċiżjoni kkontestata għandha fi kwalunkwe każ tiġi annullata minħabba li, fil-verità, il-Kummissjoni ma eżerċitatx is-setgħa diskrezzjonali tagħha. F’dan ir-rigward, din ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi partikolari tal-Land ta’ Sassonja u tal-iskema ta’ għajnuna nnotifikata meta hija applikat ir-Regolament Nru 70/2001.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    43

    Skont ġurisprudenza stabbilita, bħala prinċipju, regola ġdida tapplika immedjatament fuq l-effetti futuri ta’ sitwazzjoni li nħolqot taħt ir-regola qadima (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ April 1970, Brock, 68/69, Ġabra p. 171, punt 7, u tal-10 ta’ Lulju 1986, Licata vs CES, 270/84, Ġabra p. 2305, punt 31). Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li l-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma jistax jiġi estiż b’mod li jipprekludi, b’mod ġenerali, l-applikazzjoni ta’ regola ġdida għall-effetti futuri ta’ sitwazzjonijiet li nħolqu taħt ir-regola l-qadima (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ Jannar 1987, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, 278/84, Ġabra p. 1, punt 36, u tal-20 ta’ Settembru 1988, Spanja vs Il-Kunsill, 203/86, Ġabra p. 4563, punt 19).

    44

    Min-naħa l-oħra, ir-regoli Komunitarji tad-dritt sostantiv għandhom jiġu interpretati fis-sens li jkopru biss sitwazzjonijiet eżistenti qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom sa fejn jirriżulta b’mod ċar mill-kliem, mill-għanijiet u mill-istruttura tagħhom li tali effett għandu jiġi assenjat lilhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-29 ta’ Jannar 2002, Pokrzeptowicz-Meyer, C-162/00, Ġabra p. I-1049, punt 49).

    45

    In-notifika tal-proġetti ta’ għajnuna mill-Istat, prevista fl-Artikolu 88(3) KE, tikkostitwixxi element ċentrali tas-sistema Komunitarja ta’ kontroll ta’ din l-għajnuna u l-impriżi li jibbenefikaw minnha ma jistgħux jibbażaw ruħhom fuq aspettattivi leġittimi fir-rigward tar-regolarità tagħha jekk din ma ngħatatx b’osservanza ta’ din il-proċedura (sentenzi tal-20 ta’ Marzu 1997, Alcan Deutschland, C-24/95, Ġabra p. I-1591, punt 25, u tat-22 ta’ April 2008, Il-Kummissjoni vs Salzgitter, C-408/04 P, Ġabra p. I-2767, punt 104).

    46

    Skont l-aħħar sentenza tal-Artikolu 88(3) KE, l-Istat Membru li għandu l-intenzjoni li jagħti għajnuna ma jistax jimplementa l-miżuri ppjanati qabel ma l-imsemmija proċedura tkun wasslet għal deċiżjoni finali tal-Kummissjoni.

    47

    Il-projbizzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex tiggarantixxi li l-effetti ta’ għajnuna ma jipproduċux ruħhom qabel ma l-Kummissjoni jkollha terminu raġonevoli sabiex teżamina l-proġett fid-dettall, u, jekk ikun il-każ, tibda l-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE (sentenzi tal-14 ta’ Frar 1990, Franza vs Il-Kummissjoni, imsejħa “Boussac Saint Frères”, C-301/87, Ġabra p. I-307, punt 17, kif ukoll tat-12 ta’ Frar 2008, CELF u Ministre de la Culture et de la Communication, C-199/06, Ġabra p. I-469, punt 36).

    48

    Għalhekk, l-Artikolu 88(3) KE jistabbilixxi kontroll preventiv fuq il-proġetti ta’ għajnuna ġdida (sentenzi tal-11 ta’ Diċembru 1973, Lorenz, 120/73, Ġabra p. 1471, punt 2, u kif ukoll CELF u Ministre de la Culture et de la Communication, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37).

    49

    Fil-kuntest ta’ dan il-kontroll, l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 659/1999, li jipprovdi li l-Kummissjoni għandha twettaq eżami ta’ notifika “malli tirċevieha”, jimponi sempliċement obbligu ta’ diliġenza partikolari minn din l-istituzzjoni, u għalhekk ma jikkostitwixxix regola ta’ applikazzjoni ratione temporis tal-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-proġetti ta’ għajnuna nnotifikati mas-suq komuni. Regola bħal din lanqas ma tista’ tiġi dedotta mit-tieni sentenza tal-Artikolu 4(5) tal-istess regolament, li tipprovdi li t-terminu ta’ xahrejn li matulu l-Kummissjoni twettaq l-eżami preliminari ta’ notifika jibda jiddekorri b’effett mill-jum wara dak li fih hija rċeviet in-notifika kompleta.

    50

    Min-naħa l-oħra, il-kwistjoni dwar jekk għajnuna hijiex għajnuna mill-Istat fis-sens tat-Trattat għandha tiġi deċiża abbażi ta’ elementi oġġettivi li jiġu evalwati fid-data li fiha l-Kummissjoni tieħu d-deċiżjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Ġunju 2006, Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni, C-182/03 u C-217/03, Ġabra p. I-5479, punt 137, kif ukoll tal-1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs UFEX et., C-341/06 P u C-342/06 P, Ġabra p. I-4777, punt 95). Għalhekk, l-istħarriġ tal-qorti Komunitarju jsir fuq l-evlawazzjoni tas-sitwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni f’dik id-data (sentenza Chronopost u La Poste vs UFEX et., iċċitata iktar ’il fuq, punt 144).

    51

    Għandu jiġi enfasizzat ukoll li r-regoli, il-prinċipji u l-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat fis-seħħ fid-data li fiha l-Kummissjoni tieħu d-deċiżjoni tagħha jistgħu, fil-prinċipju, jiġu kkunsidrati bħala l-iktar adattati għall-kuntest kompetittiv.

    52

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, għalkemm in-notifika tal-proġetti ta’ għajnuna hija rekwiżit essenzjali għall-kontroll tagħhom, hija madankollu tikkostitiwixxi biss obbligu proċedurali, intiż li jippermetti lill-Kummissjoni tiżgura kemm kontroll preventiv kif ukoll kontroll effettiv tal-għajnuna li l-Istati Membri jipproponu li jagħtu lill-impriżi. Għalhekk, hija ma jistax ikollha bħala effett li tistabbilixxi s-sistema legali applikabbli lill-għajnuna li hija s-suġġett tagħha.

    53

    Konsegwentement, in-notifika minn Stat Membru ta’ għajnuna jew ta’ skema ta’ proġett ta’ għajnuna ma toħloqx sitwazzjoni ġuridika maħluqa definittivament li timplika li l-Kummissjoni tiddeċiedi fuq il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni billi tapplika r-regoli fis-seħħ fid-data li fiha ssir in-notifika. Bil-kontra, hija l-Kummissjoni li għandha tapplika r-regoli fis-seħħ fil-mument meta hija tagħti d-deċiżjoni tagħha, l-uniċi regoli li abbażi tagħhom għandha tiġi evalwata l-legalità tad-deċiżjoni li hija tadotta f’dan ir-rigward.

    54

    Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Freistaat Sachsen, din is-soluzzjoni mhijiex ta’ natura li tħeġġeġ lill-Istati Membri li jimplementaw immedjatament l-għajnuna li huma jippjanaw mingħajr ma jinnotifikawha, sabiex jibbenefikaw minn sistema legali fis-seħħ fil-mument ta’ din l-implementazzjoni. Fil-fatt, anke jekk jitqies li l-kompatibbiltà ta’ għajnuna illegali mas-suq komuni hija evalwata fil-każijiet kollha fid-data li fiha tingħata, huwa ferm diffiċli għall-Istati Membri li jantiċipaw fid-dettall il-bidliet kollha għar-regoli. Barra minn hekk, l-għoti ta’ għajnuna illegali tista’ tesponi l-Istat Membru li taha għall-obbligu li jirkupraha kif ukoll għall-obbligu li jagħmel tajjeb għad-dannu kkawżat minħabba l-illegalità ta’ din l-għajnuna (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza CELF u Ministre de la Culture et de la Communication, iċċitata iktar ’il fuq, punt 55).

    55

    Madankollu, għandu jiġi rrilevat li mill-Artikolu 88(2) KE kif ukoll mill-Artikolu 1(h) tar-Regolament Nru 659/1999 jirriżulta li, meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali dwar proġett ta’ għajnuna, hija għandha tagħti l-possibbiltà, lill-partijiet interessati, fosthom l-impriża jew l-impriżi kkonċernati, li jissottomettu l-kummenti tagħhom. Din ir-regola għandha n-natura ta’ formalità proċedurali sostanzjali.

    56

    Minn dan jirriżulta li, meta s-sistema legali li taħtha l-Istat Membru wettaq notifika ta’ proġett ta’ għajnuna tinbidel qabel ma l-Kummissjoni tieħu d-deċiżjoni tagħha, din tal-aħħar għandha, sabiex tiddeċiedi, kif għandha l-obbligu li tagħmel, abbażi tar-regoli ġodda, titlob lill-partijiet interessati li jieħdu pożizzjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna ma’ dawn tal-aħħar. Dan japplika mod ieħor meta s-sistema legali ġdida ma jkollhiex emenda sostanzjali meta mqabbla ma’ dik li kienet fis-seħħ qabel (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2008, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni, C-49/05 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 68 sa 71).

    57

    Fil-każ preżenti, huwa paċifiku, l-ewwel nett, li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni ġiet innotifikata lill-Kummissjoni qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 70/2001, it-tieni nett, li fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament, li l-Kummissjoni kienet għadha ma ddeċidietx u, it-tielet nett, li dan ir-regolament kien fis-seħħ fid-data tad-deċiżjoni kkontestata.

    58

    Mill-proċess jirriżulta wkoll li l-Kummissjoni talbet lill-partijiet interessati jieħdu pożizzjoni dwar l-applikazzjoni tal-imsemmi regolament għall-iskema ta’ għajnuna nnotifikata.

    59

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li, billi ddeċidiet li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta’ non-retroattività, il-Qorti tal-Prim’Istanza vvizzjat is-sentenza tagħha bi żball ta’ liġi. Minn dan isegwi li l-ewwel motiv tal-Kummissjoni huwa fondat. Għalhekk, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi eżaminat it-tieni motiv, għandha tiġi annullata s-sentenza appellata.

    Fuq ir-rinviju tal-kawża lill-Qorti tal-Prim’Istanza

    60

    Mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, meta l-appell ikun fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ jew tiddeċiedi definittivament il-kawża hija stess, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tirrinvija l-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tagħti deċiżjoni din tal-aħħar.

    61

    F’din il-kawża, peress li l-motiv ibbażat fuq il-fatt li l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 70/2001 għad-deċiżjoni kkontestata hija retroattiva huwa infondat, għandha tingħata deċiżjoni fuq ir-raba’ u l-ħames motivi invokati mill-Freistaat Sachsen quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, ibbażati, minn naħa, fuq nuqqas ta’ eżerċizzju, mill-Kummissjoni, tas-setgħa diskrezzjonali tagħha matul l-eżami tal-għajnuna inkwistjoni kif ukoll fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni li jirriżulta minn dan u, min-naħa l-oħra, fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma wrietx li l-kompetizzjoni kienet effettivament jew potenzjalment distorta mill-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, kif ukoll fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni li jirriżulta minn dan.

    62

    Ir-risposta għal dawn il-motivi timplika evalwazzjonijiet ta’ fatti kumplessi abbażi ta’ elementi li ma kinux ġew evalwati mill-Qorti tal-Prim’Istanza. Quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Freistaat Sachsen illimita ruħu li jsostni, mingħajr ma jipprovdi iktar preċiżjonijiet, li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata fid-dawl tan-nuqqas tal-Kummissjoni li teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha, peress li hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni la l-karatteristiċi partikolari tal-Land ta’ Sassonja u lanqas il-proġett ta’ skema ta’ għajnuna nnotifikat meta hija applikat ir-Regolament Nru 70/2001.

    63

    Minn dan isegwi li l-kawża ma tistax tiġi deċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja, u għalhekk għandha tiġi rrinvjata lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tingħata deċiżjoni fuq dawn iż-żewġ motivi.

    Fuq l-ispejjeż

    64

    Peress li l-kawża ġiet irrinvjata quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, l-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri ta’ appell għandhom jiġu rriżervati.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tat-3 ta’ Mejju 2007, Freistaat Sachsen vs Il-Kummissjoni (T-357/02), hija annullata.

     

    2)

    Il-kawża hija rrinvijata quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej.

     

    3)

    L-ispejjeż huma rriżervati.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top