Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CJ0213

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-16 ta' Diċembru 2008.
    Michaniki AE vs Ethniko Symvoulio Radiotileorasis u Ypourgos Epikrateias.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Symvoulio tis Epikrateias - il-Greċja.
    Kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet - Direttiva 93/37/KEE - Artikolu 24 - Kawżi ta’ esklużjoni mill-parteċipazzjoni fil-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt - Miżuri nazzjonali li joħolqu inkompatibbiltà bejn is-settur tax-xogħlijiet pubbliċi u dak tal-mezzi ta’ informazzjoni.
    Kawża C-213/07.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2008 I-09999

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2008:731

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

    16 ta’ Diċembru 2008 ( *1 )

    “Kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet — Direttiva 93/37/KEE — Artikolu 24 — Kawżi ta’ esklużjoni mill-parteċipazzjoni fil-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt — Miżuri nazzjonali li joħolqu inkompatibbiltà bejn is-settur tax-xogħlijiet pubbliċi u dak tal-mezzi ta’ informazzjoni”

    Fil-Kawża C-213/07,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mis-Symvoulio tis Epikrateias (il-Greċja), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ April 2007, fil-proċedura

    Michaniki AE

    vs

    Ethniko Symvoulio Radiotileorasis,

    Ypourgos Epikrateias,

    fil-preżenza ta’:

    Elliniki Technodomiki Techniki Ependytiki Viomichaniki AE, li daħlet fid-drittijiet ta’ Pantechniki AE,

    Syndesmos Epicheiriseon Periodikou Typou,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

    komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas u K. Lenaerts (Relatur), Presidenti ta’ Awla, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, R. Silva de Lapuerta, K. Schiemann, J. Klučka, A. Arabadjiev, C. Toader u J.-J. Kasel, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

    Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-4 ta’ Marzu 2008,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Elliniki Technodomiki Techniki Ependytiki Viomichaniki AE, li daħlet fid-drittijiet ta’ Pantechniki AE, minn K. Giannakopoulos, dikigoros,

    għas-Syndesmos Epicheiriseon Periodikou Typou, minn K. Drougas, dikigoros,

    għall-Gvern Grieg, minn A. Samoni-Rantou u E.-M. Mamouna, kif ukoll minn A Manitakis u I. Dionysopoulos, bħala aġenti,

    għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn A. Lo Monaco u M.-M. Joséphidès, kif ukoll minn A. Vitro, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn M. Patakia, kif ukoll minn D. Kukovec u X. Lewis, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tat-8 ta’ Ottubru 2008,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 93/37/KEE, tal-14 ta’ Ġunju 1993, li tikkonċerna l-koordinament tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet] (ĠU L 199, p. 54), kif emendata bid-Direttiva 97/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 1997 (ĠU L 328, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 93/37”).

    2

    Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Michaniki AE (iktar ’il quddiem “Michaniki”), kumpannija rregolata mil-liġi Griega, minn naħa, u l-Ethniko Symvoulio Radiotileorasis (Kunsill nazzjonali tar-radjuteleviżjoni, iktar ’il quddiem l-“ESR”) u l-Ypourgos Epikrateias (Ministru tal-Istat), min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-deċiżjoni li permezz tagħha l-ESR ta lil Pantechniki AE (iktar ’il quddiem “Pantechniki”), li hija wkoll kumpannija rregolata mil-liġi Griega, ċertifikat ta’ nuqqas ta’ inkompatibbiltà fil-kuntest ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku għal xogħlijiet.

    Il-kuntest ġuridiku

    Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

    3

    L-Artikolu 6 tad-Direttiva 93/37, li jinsab taħt l-ewwel titolu tagħha, bl-isem “Dispożizzjonijiet ġenerali”, jinkludi paragrafu 6, li jipprovdi:

    “L-awtoritajiet kontraenti għandhom jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni bejn il-kuntratturi varji.”

    4

    It-Titolu IV ta’ din id-direttiva, li jirrigwarda r-“[r]egoli komuni ta’ parteċipazzjoni”, jinkludi l-Kapitolu 2, bl-isem “Kriterji għal għażla kwalitattiva”, li fih jinsab l-Artikolu 24 li jipprovdi, fl-ewwel paragrafu tiegħu, li:

    “Kwalunkwe kuntrattur jista’ jkun eskluż mill-parteċipazzjoni fil-kuntratt jekk:

    a)

    ikun fallut jew ikun qiegħed fi stat ta’ likwidazzjoni, li n-negozju tiegħu ikun amministrat mill-qorti, li jkollu ftehim ma’ kredituri, li jkun issospenda l-attivitajiet tan-negozju tiegħu jew li jinsab f’sitwazzjoni analoga li tkun ġejja minn proċedura simili taħt il-liġijiet u r-regoli nazzjonali;

    b)

    ikun suġġett għal proċeduri ta’ dikjarazzjoni ta’ falliment, jew b’ordni ta’ likwidazzjoni obligatorja jew amministrazzjoni mill-qorti jew għal ftehim mal-kredituri jew għal kull proċedura simili skond il-liġijiet jew ir-regoli nazzjonali;

    ċ)

    ikun instab ħati ta’ offiża li tikkonċerna l-kondotta professjonali tiegħu b’ġudizzju li għandu s-saħħa ta’ res judicata;

    d)

    ikun instab ħati ta’ nuqqas ta’ kondotta professjonali gravi evidenzjata b’mezzi li l-awtoritajiet ta’ kuntrattar [awtoritajiet kontraenti] jistgħu jiġġustifikaw;

    e)

    ma jkunx issodissfa l-obbligi rrelatati mal-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali bi qbil mal-dispożizzjonijiet legali tal-pajjiż li fih huwa stabbilit jew ma’ dawk tal-pajjiż ta’ l-awtorità ta’ kuntrattar [awtorità kontraenti];

    f)

    ma jkunx issoddisfa l-obbligi rrelatati mal-ħlas ta’ taxxi bi qbil mad-dispożizzjonijiet legali tal-pajjiż li fih huwa stabbilit jew ma’ dawk tal-pajjiż ta’ l-awtorità ta’ kuntrattar [awtorità kontraenti];

    g)

    ikun ħati ta’ rappreżentazzjoni żbaljata serja fil-forniment ta’ l-informazzjoni meħtieġa f’dan il-Kapitolu.”

    Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

    5

    L-Artikolu 14 tal-Kostituzzjoni Griega jinkludi paragrafu 9, li ddaħħal bil-vot, fis-6 ta’ April 2001, tas-seba’ assemblea leġiżlattiva ta’ reviżjoni tal-Parlament Grieg, u li jipprovdi li:

    “Il-proprjetà, is-sitwazzjoni ekonomika u l-mezzi ta’ finanzjament tal-mezzi ta’ informazzjoni għandhom ikunu magħrufa, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti bil-liġi.

    Il-liġi għandha tipprovdi l-miżuri u l-limitazzjonijiet li huma meħtieġa sabiex jiġu assigurati t-trasparenza sħiħa u n-natura pluralista tal-informazzjoni.

    Il-konċentrazzjoni tal-kontroll ta’ diversi mezzi ta’ informazzjoni, taħt xi forma jew oħra, hija pprojbita.

    B’mod partikolari, hija pprojbita l-konċentrazzjoni ta’ iktar minn mezz elettroniku wieħed ta’ informazzjoni ta’ l-istess tip, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti bil-liġi.

    Il-kwalità ta’ proprjetarju, soċju, azzjonist prinċipali jew diriġent ta’ impriża ta’ mezzi ta’ informazzjoni hija inkompatibbli mal-kwalità ta’ proprjetarju, soċju, azzjonist prinċipali jew diriġent ta’ impriża li tiġi fdata mill-Istat jew minn persuna legali fis-settur pubbliku f’sens wiesa’ bl-eżekuzzjoni ta’ kuntratti għal xogħlijiet, għal provvisti jew għal servizzi.

    Il-projbizzjoni stabbilita permezz tal-paragrafu preċedenti tapplika wkoll għall-persuni kollha li jaġixxu bħala intermedjarji, bħalma huma l-konjuġi, il-qraba, u persuni jew kumpanniji li huma ekonomikament dipendenti.

    Għandhom jiġu stabbiliti permezz ta’ liġi r-regoli dettaljati, is-sanzjonijiet li jistgħu jiġu imposti, li jistgħu jaslu sal-irtirar tal-awtorizzazzjoni ta’ stazzjon tar-radju jew tat-televiżjoni u sal-projbizzjoni li jiġi konkluż ftehim jew l-annullament tal-ftehim inkwistjoni, kif ukoll ir-regoli dettaljati ta’ kontroll u l-garanziji bil-għan li jiġi evitat ksur tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi preċedenti.”

    6

    Il-Liġi 3021/2002, dwar ir-restrizzjonijiet applikabbli għall-konklużjoni ta’ kuntratti pubbliċi ma’ persuni li huma attivi jew li għandhom azzjonijiet fis-settur tal-mezzi ta’ informazzjoni (FEK A’ 143), tirregola l-aspetti msemmija fl-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 14(9) tal-Kostituzzjoni.

    7

    Jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “impriża ta’ mezzi ta’ informazzjoni”, skont is-sens tal-Artikolu 1 tal-imsemmija liġi, dawk “li l-operazzjoni tagħhom taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-Istat Grieg”. L-istess artikolu jagħti wkoll id-definizzjonijiet tal-kunċetti ta’ “settur pubbliku fis-sens wiesa’”, ta’ “kuntratti pubbliċi”, ta’ “azzjonist prinċipali”, ta’ “diriġenti ta’ impriżi”, ta’ “persuni ekonomikament dipendenti” u ta’ “persuni li jaġixxu bħala intermedjarji”.

    8

    B’mod partikolari, il-kunċett ta’ “azzjonist prinċipali” u ta’ “persuni li jaġixxu bħala intermedjarji” huma ddefiniti fl-Artikolu 1(4) u (7) tal-Liġi 3021/2002 kif ġej:

    “4.   ‘azzjonist prinċipali’: l-azzjonist li, fuq il-bażi tan-numru ta’ azzjonijiet li huwa għandu, ikkalkulat b’mod awtonomu jew b’paragun man-numru ta’ azzjonijiet tal-azzjonisti l-oħra tal-kumpannija, fuq il-bażi tad-drittijiet ta’ vot li jkollu jew ta’ drittijiet speċjali oħra mogħtija bil-liġi jew bl-istatut ta’ assoċjazzjoni tal-kumpannija jew ukoll fuq il-bażi ta’ akkordji ġenerali jew partikolari konklużi mal-kumpannija, ma’ azzjonisti oħra jew ma’ terzi li jiddependu minnu ekonomikament jew li jaġixxu għan-nom tiegħu, jista’ jeżerċita influwenza sostanzjali fuq it-teħid ta’ deċiżjonijiet mill-korpi kompetenti jew mid-diriġenti tal-kumpannija fir-rigward tal-mod ta’ ġestjoni jew ta’ operazzjoni ġenerali tal-impriża kkonċernata.

    Hija speċifikament ikkunsidrata bħala azzjonist prinċipali:

    A.

    il-persuna fiżika jew legali li, irrispettivament mill-ammont proporzjonali tal-kapital totali tal-kumpannija li jappartjeni lilha:

    a)

    għandha numru ta’ azzjonijiet ikbar min-numru ta’ azzjonijiet li jappartjenu lil kull wieħed mill-azzjonisti l-oħra jew li huwa daqs in-numru ta’ azzjonijiet miżmuma minn azzjonarju ieħor f’dan il-każ, jew

    b)

    għandha, jew bis-saħħa tal-istatut ta’ assoċjazzjoni tal-kumpannija, jew bħala riżultat ta’ ċessjoni ta’ dritt ekwivalenti ta’ azzjonisti oħra, il-maġġoranza tad-drittijiet ta’ vot fl-assemblea ġenerali, jew

    ċ)

    għandha d-dritt, skont il-liġi jew skont l-istatut ta’ assoċjazzjoni tal-kumpannija jew bħala riżultat taċ-ċessjoni ta’ dritt ekwivalenti ta’ azzjonisti oħra, li jinnomina jew jirrevoka tal-inqas żewġ membri tal-bord ta’ diretturi jew membru meta dan jeżerċita l-funzjonijiet ta’ president jew ta’ viċi president, direttur jew assistent direttur jew ta’ direttur ġenerali inkarigat b’funzjonijiet ta’ eżekuzzjoni, jew

    d)

    għandha parti mill-kapital totali tal-kumpannija jew għandha drittijiet ta’ vot ekwivalenti għal tal-inqas in-nofs tal-kapital tal-kumpannija li ġie rrappreżentat u eżerċitat d-dritt ta’ vot fl-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-assemblea ġenerali dwar kull nomina jew revoka tal-aħħar bord ta’ diretturi tal-kumpannija jew tal-maġġoranza tal-membri tiegħu, jew

    e)

    tikkonkludi, direttament jew indirettament, kuntratti u b’mod ġenerali akkordji mal-kumpannija li permezz tagħhom din tal-aħħar tiġġenera dħul jew tikseb drittijiet finanzjarji oħra ekwivalenti tal-inqas għal parti waħda minn ħames partijiet tad-dħul gross tal-kumpannija matul kull sena finanzjarja preċedenti.

    B.

    Il-persuna fiżika jew legali li:

    a)

    għandha numru ta’ azzjonijiet ekwivalenti għal tal-inqas 5 % tal-kapital totali tal-kumpannija, jew

    b)

    għandha drittijiet ta’ vot ekwivalenti għal tal-inqas 5 % tat-total tad-drittijiet ta’ vot fl-assemblea ġenerali tal-kumpannija.

    Sabiex isir il-kalkolu tal-perċentwali tal-kapital tal-kumpannija jew tad-drittijiet ta’ vot imsemmija fil-punti A u B ta’ dan il-paragrafu, għandu jiġi kkunsidrat, b’mod partikolari, in-numru ta’ azzjonijiet jew ta’ drittijiet ta’ vot li jappartjenu jew li jkunu miżmuma:

    minn persuni li jaġixxu bħala intermedjarji,

    minn impriżi kkontrollati mill-istess azzjonist,

    minn azzjonist ieħor li miegħu jkun ikkonkluda akkordju bil-għan li jkun hemm, bl-użu miftiehem tad-drittijiet ta’ vot li għandu, politika komuni sostenibbli tal-amministrazzjoni tal-kumpannija.

    Huma kkunsidrati wkoll id-drittijiet ta’ vot miżmuma b’titolu ta’ rahan jew ta’ użufrutt jew bħala riżultat ta’ miżura ta’ protezzjoni kontra l-possessur ta’ azzjonijiet ekwivalenti kif ukoll in-numru ta’ azzjonijiet li ma jkunux tiegħu iżda jkollu dritt ta’ dividendi fuqhom. In-numru ta’ azzjonijiet jew ta’ drittijiet ta’ vot li jinkisbu b’suċċessjoni jitqies meta jiskadi terminu ta’ tliet xhur li jibda jiddekorri fil-mument li dawn jinkisbu.

    […]

    7.   ‘Persuni li jaġixxu bħala intermedjarji’: il-persuni fiżiċi jew legali li huma ekonomikament dipendenti jew jaġixxu, fuq il-bażi ta’ akkordju ġenerali jew partikolari, għan-nom, fuq l-istruzzjoni jew fuq l-ordni ta’ persuna fiżika jew legali oħra.”

    9

    L-Artikolu 2 tal-Liġi 3021/2002, li għandu t-titolu “Projbizzjoni li jingħataw kuntratti pubbliċi/li jiġu konklużi kuntratti pubbliċi ma’ impriżi ta’ mezzi ta’ informazzjoni”, jipprovdi:

    “1.   Huwa pprojbit li jingħataw kuntratti pubbliċi/li jiġu konklużi kuntratti pubbliċi ma’ impriżi ta’ mezzi ta’ informazzjoni u mas-soċji, l-azzjonisti prinċipali, il-membri tal-korpi ta’ ġestjoni u d-diriġenti ta’ dawn l-impriżi. Huwa wkoll ipprojbit li jingħataw kuntratti pubbliċi/li jiġu konklużi kuntratti pubbliċi ma’ impriżi li s-soċji, l-azzjonisti prinċipali, il-membri tal-korpi ta’ ġestjoni u d-diriġenti tagħhom ikunu impriżi ta’ mezzi ta’ informazzjoni jew soċji, azzjonisti prinċipali, membri ta’ korpi ta’ ġestjoni jew diriġenti ta’ impriżi ta’ mezzi ta’ informazzjoni.

    2.   Il-projbizzjoni li jingħataw kuntratti pubbliċi tikkonċerna wkoll:

    a)

    il-konjuġi u l-qraba, fil-linja diretta mingħajr limitazzjoni u, fil-linja kollaterali sar-raba’ grad, persuni fiżiċi li jaqgħu taħt il-paragrafu 1, meta ma jkunux jistgħu juru li huma ekonomikament awtonomi minn dawn il-persuni;

    b)

    kull persuna oħra li taġixxi bħala intermedjarju;

    ċ)

    is-soċji u l-azzjonisti prinċipali tas-soċji u tal-azzjonisti prinċipali li jaqgħu taħt il-paragrafu 1;

    d)

    kull persuna fiżika jew legali li, mingħajr ma tkun azzjonist, tikkontrolla, direttament jew indirettament, impriża jew diversi impriżi ta’ mezzi ta’ informazzjoni jew teżerċita, direttament jew indirettament, influwenza fuq l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet meħuda mill-korpi ta’ ġestjoni jew diriġenti, dwar il-ġestjoni jew l-operazzjoni ġenerali ta’ dawn l-impriżi.

    […]”

    10

    L-Artikolu 3 tal-Liġi 3021/2002, dwar l-“[i]nkompatibbiltajiet”, jipprovdi:

    “1.   Il-kwalità ta’ proprjetarju, soċju, azzjonist prinċipali, membru ta’ korp ta’ amminstrazzjoni jew diriġent ta’ impriża ta’ mezzi ta’ informazzjoni hija inkompatibbli mal-kwalità ta’ proprjetarju, soċju, azzjonist prinċipali, membru ta’ korp ta’ amministrazzjoni jew diriġent ta’ impriża li tikkonkludi kuntratti pubbliċi li l-għoti/il-konklużjoni tagħhom hija pprojbita skont l-Artikolu 2, kif ukoll mal-kwalità ta’ soċju jew ta’ azzjonist prinċipali tas-soċji jew tal-azzjonisti prinċipali ta’ din l-impriża.

    2.   L-inkompatibbiltà prevista f’dan l-Artikolu tapplika wkoll meta l-proprjetarju, l-azzjonist prinċipali, is-soċju, il-membru ta’ korp ta’ amministrazzjoni jew id-diriġent ta’ impriża li jikkonkludi kuntratti pubbliċi jkun il-konjuġi jew il-qarib, mingħajr limitu fil-linja diretta u sar-raba’ grad fil-linja kollaterali, li ma jkunx jista’ juri li huwa ekonomikament awtonomu mill-proprjetarju, is-soċju, l-azzjonist prinċipali, il-membru ta’ korp ta’ amministrazzjoni jew id-diriġent ta’ impriża ta’ mezzi ta’ informazzjoni, u l-istess japplika f’kull każ fejn l-inkompatibbiltajiet imsemmija jikkonċernaw persuna li taġixxi bħala intermedjarju.

    […]”

    11

    L-Artikolu 4 tal-Liġi 3021/2002 jipprovdi, essenzjalment, li, qabel ma jiġi deċiż jew mogħti l-kuntratt pubbliku u, f’kull każ, qabel l-iffirmar tal-kuntratt pubbliku, l-awtorità kontraenti kkonċernata għandha, taħt piena ta’ nullità tal-kuntratt pubbliku titlob lill-ESR toħroġ ċertifikat li jikkonferma li ma jkunx hemm il-kundizzjonijiet ta’ inkompatibbiltà msemmija fl-Artikolu 3 tal-imsemmija liġi.

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    12

    Bid-deċiżjoni Nru 844, tat-13 ta’ Diċembru 2001, il-bord ta’ diretturi ta’ Erga OSE AE (iktar ’il quddiem “Erga OSE”), kumpannija rregolata bil-liġi Griega, nieda sejħa għal offerti għal xogħlijiet ta’ tħaffir u ta’ kostruzzjoni ta’ xogħlijiet tekniċi ta’ infrastruttura tal-linja ferrovjarja ġdida b’żewġ binarji ta’ veloċità għolja bejn Korintu u Kiato (il-Greċja), li l-baġit tagħhom ammonta għal EUR 51700000.

    13

    F’din il-proċedura pparteċipaw, b’mod partikolari, Michaniki u KI Sarantopoulos AE (iktar ’il quddiem “Sarantopoulos”), kumpannija rregolata bil-liġi Griega wkoll.

    14

    Bid-deċiżjoni Nru 959, tat-22 ta’ Mejju 2002, il-bord ta’ diretturi ta’ Erga OSE ta l-kuntratt għal dawn ix-xogħlijiet ta’ tħaffir u kostruzzjoni lil Sarantopoulos. Din tal-aħħar ġiet, imbagħad, assorbita minn Pantechniki.

    15

    Qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, Erga OSE, li f’dak iż-żmien kienet taqa’ taħt is-“settur pubbliku fis-sens wiesa’”, skont it-tifsira tal-Artikolu 1(2) tal-Liġi 3021/2002, innotifikat lill-ESR, b’ittra tad-9 ta’ Ottubru 2002, l-informazzjoni dwar l-identità tal-azzjonisti prinċipali, tal-membri tal-bord ta’ diretturi u tal-membri tal-bord eżekuttiv ta’ Pantechniki, sabiex tingħata ċertifikat li dawn il-persuni ma kinux milquta mill-inkompatibbiltajiet imsemmija fl-Artikolu 3 ta’ din il-liġi.

    16

    Fuq il-bażi tal-Artikolu 4 tal-imsemmija liġi, l-ESR ħareġ ċertifikat Nru 8117, tat-30 ta’ Ottubru 2002, li jikkonferma n-nuqqas ta’ inkompatibbiltà fir-rigward tal-persuni identifikati fl-ittra ta’ Erga OSE tad-9 ta’ Ottubru 2002 (iktar ’il quddiem iċ-“ċertifikat”).

    17

    Skont l-informazzjoni inkluża fid-deċiżjoni tar-rinviju, l-ESR ikkunsidra li K. Sarantopoulos, azzjonist prinċipali u viċi president tal-bord ta’ diretturi ta’ Pantechniki ma kienx, minkejja l-kwalità tiegħu ta’ qarib ta’ G. Sarantopoulos, membru tal-bord ta’ diretturi ta’ żewġ kumpanniji Griegi li jeżerċitaw attività fil-qasam tal-mezzi ta’ informazzjoni, affettwat mis-sistema tal-inkompatibbiltà stabbilita bl-Artikoli 2 u 3 tal-Liġi 3021/2002. Fil-fatt huwa ddeċieda li K. Sarantopoulos kien ekonomikament awtonomu minn G. Sarantopoulos.

    18

    Michaniki ressqet, quddiem is-Symvoulio tis Epikrateias (Kunsill tal-Istat), rikors bil-għan li tikseb l-annullament taċ-ċertifikat inkwistjoni, fuq il-bażi ta’ ksur tal-Artikolu 14(9) tal-Kostituzzjoni. Hija ssostni, b’mod partikolari, li l-Artikoli 2(2) u 3(2) tal-Liġi 3021/2002, li fuq il-bażi tagħhom inħareġ iċ-ċertifikat, għandhom l-effett li jnaqqsu l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 14(9) tal-Kostituzzjoni u għalhekk ma kinux konformi mad-dispożizzjoni kostituzzjonali.

    19

    Fil-kawża prinċipali, tħallew jintervjenu insostenn tal-ESR, Pantechniki, li fid-drittijiet tagħha daħlet Elliniki Technodomiki Techniki Ependytiki Viomichaniki AE, kif ukoll is-Syndesmos Epicheiriseon Periodikou Typou (Kunsill tal-impriżi tal-ġurnali perjodiċi).

    20

    Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li sa fejn l-Artikoli 2(2) u 3(2) tal-Liġi 3021/2002 jippermettu imprenditur ta’ xogħlijiet pubbliċi li jaħrab is-sistema ta’ inkompatibbiltà billi juri l-awtonomija ekonomika tiegħu minn qarib tiegħu li jkun proprjetarju, azzjonist prinċipali, soċju jew diriġent ta’ impriża ta’ mezzi ta’ informazzjoni, dawn imorru kontra l-Artikolu 14(9) tal-Kostituzzjoni, li jipprovdi li imprenditur, anki jekk ekonomikament awtonomu mill-qarib tiegħu, għandu xorta waħda jagħti prova li jkun aġixxa b’mod awtonomu, għan-nom u fl-interess tiegħu stess.

    21

    Madankollu, din il-qorti tikkunsidra li, minkejja li din l-evalwazzjoni tista’, f’dan l-istadju, tkun biżżejjed għad-deċiżjoni tal-kawża prinċipali, raġunijiet ta’ ekonomija proċedurali jiġġustifikaw li, fil-kuntest ta’ annullament taċ-ċertifikat inkwistjoni, fuq il-bażi ta’ ksur, mill-Artikoli 2 u 3 tal-Liġi 3021/2002, tal-Artikolu 14(9) tal-Kostituzzjoni, hija teżamina f’dan l-istadju l-kompatibbiltà mad-dritt Komunitarju ta’ din id-dispożizzjoni kostituzzjonali, li tippermetti li teskludi minn kuntratt pubbliku impriża ta’ xogħlijiet pubbliċi minħabba li l-azzjonist prinċipali tagħha ma jirnexxilux jirribatti l-preżunzjoni li, bħala qarib tal-proprjetajru, ta’ soċju, tal-azzjonist prinċipali jew ta’ diriġent ta’ impriża ta’ mezzi ta’ informazzjoni, huwa intervjena bħala intermedjarju ta’ din l-impriża u mhux għan-nom tiegħu stess.

    22

    F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti tindika, fl-ewwel lok, li l-maġġoranza tal-membri tagħha jikkunsidraw li l-lista ta’ kawżi ta’ esklużjoni li jidhru fl-Artikolu 24 tad-Direttiva 93/37 hija eżawrjenti u teskludi, għalhekk, iż-żieda ta’ kawżi ta’ esklużjoni bħal dawk li jirriżultaw mill-Artikolu 14(9) tal-Kostituzzjoni. Hija żżid li xi wħud mill-membri tagħha jikkunsidraw, min-naħa l-oħra, li fid-dawl tan-natura parzjali tal-armonizzazzjoni milħuqa minn din id-direttiva, l-Artikolu 24 ta’ din tal-aħħar ma jipprekludix lill-Isati Membri milli jipprevedu kawżi ta’ esklużjoni addizzjonali intiżi, b’mod partikolari, bħal f’dan il-każ, għal għanijiet ta’ interess ġenerali marbuta mat-tħaddim tad-demokrazija u l-garanzija tal-pluraliżmu tal-istampa.

    23

    Fit-tieni lok, fil-każ li jitqies li l-Artikolu 24 tad-Direttiva 93/37 ma huwiex ta’ natura eżawrjenti, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-fakultà tal-Istati Membri li jipprevedu kawżi ta’ esklużjoni addizzjonali hija suġġetta, skont il-ġurisprudenza Komunitarja, għal kundizzjonijiet marbuta, minn naħa, mal-eżistenza ta’ għan kompatibbli mal-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju u, min-naħa l-oħra, mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. F’dan ir-rigward, hija tispeċifika li wieħed mill-membri tagħha jikkunsidra li l-Artikolu 14(9) tal-Kostituzzjoni ma jiksirx l-imsemmi prinċipju, u dan fid-dawl tan-natura konfutabbli tal-preżunzjoni fir-rigward tal-persuni li jintervjenu bħala intermedjarji, minn naħa, u n-nuqqas ta’ soluzzjoni alternattiva li tippermetti li jintlaħqu l-għanijiet imfittxija, min-naħa l-oħra.

    24

    Fit-tielet lok, fil-każ li jitqies li l-Artikolu 24 tad-Direttiva 93/37 huwa ta’ natura eżawrjenti, jew li l-Artikolu 14(9) tal-Kostituzzjoni ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li għandu għan kompatibbli mad-dritt Komunitarju jew bħala li josserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-qorti tar-rinviju tiddubita jekk il-preklużjoni magħmula lill-Istati Membri, mill-imsemmija direttiva, li jistabbilixxu dispożizzjonijiet, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, għal raġunijiet ta’ interess ġenerali, jistabbilixxu sistema ta’ inkompatibbiltà bejn il-qasam ta’ attività tal-mezzi ta’ informazzjoni u dak tal-kuntratti pubbliċi, hijiex konformi mal-prinċipji marbuta mal-protezzjoni tat-tħaddim normali tad-demokrazija fl-Istati Membri u l-garanzija ta’ trasparenza fil-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, il-prinċipju ta’ kompetizzjoni libera u leali u l-prinċipju ta’ sussidjarjetà.

    25

    Madankollu hija tenfasizza li minorità tal-membri tagħha għandha opinjoni kuntrarja, li tqis li d-Direttiva 93/37 għandha garanziji suffiċjenti sabiex tassigura t-trasparenza tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti u żżomm lil dawn tal-aħħar ’il bogħod minn influwenzi illeċiti jew mill-korruzzjoni.

    26

    F’dawn iċ-ċirkustanzi s-Symvoulio tis Epikrateias iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    L-elenku tal-kawżi ta’ esklużjoni ta’ impriżi ta’ xogħlijiet pubbliċi li hemm fl-Artikolu 24 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/37[…] huwa eżawrjenti jew le?

    2)

    Fil-każ li dan l-elenku mhuwiex eżawrjenti, dispożizzjoni li, għal raġunijiet ta’ ħarsien tat-trasparenza fl-attività ekonomika tal-Istat, tiddisponi li l-kwalità ta’ proprjetarju, soċju, azzjonist prinċipali jew diriġent ta’ impriża ta’ mezzi ta’ informazzjoni hija inkompatibbli mal-kwalità ta’ proprjetarju, soċju, azzjonist prinċipali jew diriġent ta’ impriża li tiġi fdata mill-Istat jew minn persuna legali fis-settur pubbliku f’sens wiesa’ bl-eżekuzzjoni ta’ kuntratt għal xogħlijiet, għal provvisti jew għal servizzi, tfittex li tilħaq għanijiet li huma kompatibbli mal-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju u l-projbizzjoni assoluta li jingħataw kuntratti pubbliċi lil dawn l-impriżi hija kompatibbli mal-prinċipju Komunitarju ta’ proporzjonalità?

    3)

    Jekk l-Artikolu 24 tad-Direttiva 93/37[…] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kawżi ta’ esklużjoni tal-impriżi msemmija fih huma elenkati b’mod eżawrjenti, jew jekk id-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni ma tistax tiġi interpretata li hija tfittex li tilħaq għanijiet kompatibbli mal-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, jew, fl-aħħar nett, jekk il-projbizzjoni prevista fiha mhijiex kompatibbli mal-prinċipju Komunitarju ta’ proporzjonalità, l-imsemmija direttiva, meta tipprojbixxi li jiddaħħal, fost il-kawżi ta’ esklużjoni ta’ impriża mill-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku għal xogħlijiet, il-każ fejn hija stess, jew membru tad-diriġenza tagħha (bħalma huma l-proprjetarju tal-impriża inkwistjoni, l-azzjonist prinċipali tagħha, soċju jew diriġent tagħha), jew inkella persuni intermedjarji li jaġixxu għall-imsemmija diriġenti jaħdmu f’impriżi ta’ mezzi ta’ informazzjoni li jistgħu jinfluwenzaw illegalment il-proċedura għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet permezz tas-setgħa ġenerali ta’ influwenza li huma għandhom, tikser il-prinċipji ġenerali ta’ ħarsien tal-kompetizzjoni u ta’ trasparenza, kif ukoll l-Artikolu 5(2) tat-Trattat KE, li jistabbilixxi l-prinċipju ta’ sussidjarjetà?”

    Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari

    27

    Il-Gvern Grieg jikkontesta r-rilevanza tad-domandi mressqa mill-qorti tar-rinviju.

    28

    Fl-ewwel lok, huwa jenfasizza li l-kwistjoni fil-kawża prinċipali tinvolvi sitwazzjoni purament interna, li tikkonċerna esklużivament operaturi Griegi. Għalhekk hemm dubju fir-rigward tal-fatt jekk il-kawża prinċipali taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/37 u, bħala konsegwenza ta’ dan, taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-interpertazzjoni.

    29

    F’dan ir-rigward, għandu madankollu jiġi osservat li ebda element tad-Direttiva 93/37 ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet tagħha, b’mod partikolari tar-regoli komuni ta’ parteċipazzjoni stipulati, b’mod partikolari, fl-Artikolu 24 tagħha, tiddependi mill-eżistenza ta’ rabta effettiva mal-moviment liberu bejn l-Istati Membri. Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 16 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-imsemmija direttiva ma tissuġġetta għal ebda kundizzjoni marbuta man-nazzjonalità jew mal-post ta’ stabbiliment tal-offerenti l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet tagħha għall-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-25 ta’ April 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-87/94, Ġabra p. I-2043, punt 33).

    30

    Għaldaqstant, u fid-dawl tal-fatt li l-valur tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa ogħla mil-limitu ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/37, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, f’din il-kawża, ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta l-imsemmija direttiva.

    31

    Fit-tieni lok, il-Gvern Grieg isostni li l-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju tirrigwarda biss il-kwistjoni tal-kompatibbiltà ta’ dispożizzjonijiet tal-Liġi 3021/2002 mal-Artikolu 14(9) tal-Kostituzzjoni. Għalhekk l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju mitluba minn dik il-qorti ma tissodisfax bżonn oġġettiv għas-soluzzjoni ta’ din il-kawża.

    32

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tressqet il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tal-eventwali deċiżjoni ġudizzjarja, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C-415/93, Ġabra p. I-4921, punt 59; tal-15 ta’ Ġunju 2006, Acereda Herrera, C-466/04, Ġabra p. I-5341, punt 47, u tal-31 ta’ Jannar 2008, Centro Europa 7, C-380/05, Ġabra p. I-349, punt 52).

    33

    Għaldaqstant, sa fejn id-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-25 ta’ Frar 2003, IKA, C-326/00, Ġabra p. I-1703, punt 27; tat-12 ta’ April 2005, Keller, C-145/03, Ġabra p. I-2529, punt 33, u tal-11 ta’ Lulju 2006, Chacón Navas, C-13/05, Ġabra p. I-6467, punt 32).

    34

    Ir-rifjut li tingħata deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju mitluba ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kontroversja fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex l-elementi ta’ fatt jew ta’ dritt meħtieġa sabiex tagħti risposti utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra, C-379/98, Ġabra p. I-2099, punt 39; tad-19 ta’ Frar 2002, Arduino, C-35/99, Ġabra p. I-1529, punt 25, u Chacón Navas, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33).

    35

    Għandu jiġi rrilevat li dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża. F’din il-kawża, risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għat-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tipprovdi lill-qorti tar-rinviju l-interpretazzjoni li hija teħtieġ sabiex issolvi l-kwistjoni, li tikkundizzjona l-eżitu finali tal-kawża prinċipali, tal-konformità mad-dritt Komunitarju tas-sistema ta’ inkompatibbiltà bejn is-settur tal-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet u dak tal-mezzi ta’ informazzjoni, stabbilita bl-Artikolu 14(9) tal-Kostituzzjoni u implementata bil-Liġi 3021/2002.

    36

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li d-domanda preliminari tiġi kkunsidrata ammissibbli.

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel domanda

    37

    Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-kawżi ta’ esklużjoni tal-parteċipazzjoni f’kuntratt pubbliku għal xogħlijiet, stipulati fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 tad-Direttiva 93/37, humiex eżawrjenti.

    38

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-direttivi Komunitajri li jirrigwardaw il-kuntratti pubbliċi għandhom bħala għan il-koordinazzjoni tal-proċeduri nazzjonali f’dan il-qasam (sentenza tad-9 ta’ Frar 2006, La Cascina et, C-226/04 u C-228/04, Ġabra p. I-1347, punt 20). Fir-rigward tal-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, it-tieni premessa tad-Direttiva 93/37 tenfasizza b’mod espliċitu dan l-għan.

    39

    Minn din it-tieni premessa u mill-għaxar premessa tad-Direttiva 93/37 jirriżulta li din il-koordinazzjoni għandha l-għan li tilħaq, b’mod simultanju, il-libertà tal-istabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, kif ukoll l-iżvilupp, fil-livell Komunitarju, ta’ kompetizzjoni effettiva f’dan il-qasam, billi tiffavorixxi l-espressjoni ta’ interess l-iktar wiesgħa possibbli fost l-imprendituri tal-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ Settembru 2000, Il-Kummissjoni vs Franza, C-225/98, Ġabra p. I-7445, punt 34; tat-12 ta’ Lulju 2001, Ordine degli Architetti et, C-399/98, Ġabra p. I-5409, punt 52; tas-27 ta’ Novembru 2001, Lombardini u Mantovani, C-285/99 u C-286/99, Ġabra p. I-9233, punt 34, kif ukoll tat-12 ta’ Diċembru 2002, Universale-Bau, C-470/99, Ġabra p. I-11617, punt 89).

    40

    F’dan il-kuntest, l-Artikolu 24 tad-Direttiva 93/37, li jaqa’ fit-titolu ta’ din id-direttiva li jirrigwarda r-regoli “komuni” ta’ parteċipazzjoni, jifforma parti minn dispożizzjonijiet dettaljati li jirrigwardaw il-kriterji tal-għażla ta’ imprendituri li jiġu aċċettati jagħmlu offerta u l-kriterji tal-għoti tal-kuntratt (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2000, ARGE, C-94/99, Ġabra p. I-11037, punt 27).

    41

    F’kapitolu li jittratta l-kriterji tal-għażla “kwalitattiva”, l-imsemmi Artikolu 24 jidentifika, fl-ewwel paragrafu tiegħu, seba’ kawżi ta’ esklużjoni tal-parteċipazzjoni ta’ imprenditur, li huma marbuta mal-kwalitajiet professjonali tal-imprenditur ikkonċernat, senjatament l-onestà professjonali tiegħu, il-likwidità tiegħu kif ukoll il-kapaċità ekonomika u finanzjarja tiegħu (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-10 ta’ Frar 1982, Transporoute, 76/81, Ġabra p. 417, punt 9, u La Cascina et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 21).

    42

    F’dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat li, bħall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, l-approċċ tal-leġiżlatur Komunitarju kien li jikkunsidra biss kawżi ta’ esklużjoni bbażati fuq il-konstatazzjoni oġġettiva ta’ fatti jew ta’ mġiba tal-imprenditur ikkonċernat, ta’ natura tali li jtellfu r-rispettabbiltà professjonali tiegħu jew il-kapaċità ekonomika jew finanzjarja tiegħu sabiex jamministra tajjeb ix-xogħlijiet koperti mill-kuntratt pubbliku li għalih jagħmel offerta.

    43

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 tad-Direttiva 93/37 għandu jiġi interpretat bħala li jelenka, b’mod eżawrjenti, il-kawżi li jistgħu jiġġustifikaw l-esklużjoni ta’ imprenditur mill-parteċipazzjoni f’kuntratt għal raġunijiet, ibbażati fuq fatturi oġġettivi, li jirrigwardaw il-kwalitajiet professjonali tiegħu. Għalhekk l-Istati Membri jew l-awtoritajiet kontraenti huma preklużi milli jżidu mal-lista inkluża f’dan l-artikolu kawżi oħra ta’ esklużjoni bbażati fuq kriterji marbuta mal-kwalità professjonali (ara, b’analoġija, is-sentenza La Cascina et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22).

    44

    Madankollu, il-lista eżawrjenti li tidher fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 tad-Direttiva 93/37 ma teskludix il-fakultà tal-Istati Membri li jżommu jew jistabbilixxu regoli materjali intiżi, b’mod partikolari, sabiex jiggarantixxu, fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, l-osservanza tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, kif ukoll tal-prinċipju ta’ trasparenza li dan tal-aħħar jimplika, li huma imposti fuq l-awtoritajiet kontraenti f’kull proċedura għall-għoti ta’ kuntratt bħal dan (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ARGE, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24, u tas-16 ta’ Ottubru 2003, Traunfellner, C-421/01, Ġabra p. I-11941, punt 29).

    45

    Dawn il-prinċipji, li jfissru b’mod partikolari li l-offerenti għandhom ikunu f’pożizzjoni ta’ ugwalità kemm meta jkunu qed jippreparaw l-offerti tagħhom kif ukoll meta dawn jiġu evalwati mill-awtorità kontraenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Ottubru 2001, SIAC Construction, C-19/00, Ġabra p. I-7725, punt 34, u tal-4 ta’ Diċembru 2003, EVN u Wienstrom, C-448/01, Ġabra p. I-14527, punt 47), jikkostitwixxu, fil-fatt, il-bażi tad-direttivi li jirrigwardaw il-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Universale-Bau et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 91, u tad-19 ta’ Ġunju 2003, GAT, C-315/01, Ġabra p. I-6351, punt 73), u l-obbligu tal-awtoritajiet kontraenti li jassiguraw l-osservanza tagħhom jifforma l-element fundamentali ta’ dawn id-direttivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Settembru 2002, Concordia Bus Finland, C-513/99, Ġabra p. I-7213, punt 81, u tat-3 ta’ Marzu 2005, Fabricom, C-21/03 u C-34/03, Ġabra p. I-1559, punt 26).

    46

    Barra minn hekk, l-Artikolu 6(6) tad-Direttiva 93/37 jispeċifika li l-awtoritajiet kontraenti għandhom jiżguraw li ma jkunx hemm diskriminazzjoni bejn l-imprendituri differenti.

    47

    Minn dan isegwi li Stat Membru jista’ jipprovdi, b’żieda mal-kawżi ta’ esklużjoni bbażati fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi ta’ kwalità professjonali, elenkati b’mod eżawrjenti fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 tad-Direttiva 93/37, miżuri ta’ esklużjoni intiżi sabiex jassiguraw l-osservanza tal-prinċipji ta’ trattament ugwali tal-offerenti kollha, kif ukoll ta’ trasparenza, fl-ambitu tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

    48

    Madankollu, skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2004, Swedish Match, C-210/03, Ġabra p. I-11893, punt 47), tali miżuri ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dan il-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Fabricom, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34).

    49

    Fid-dawl tal-premess, għall-ewwel domanda għandha tingħata r-risposta li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 tad-Direttiva 93/37 għandu jiġi interpretat fis-sens li jelenka, b’mod eżawrjenti, il-kawżi bbażati fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi ta’ kwalità professjonali, li jistgħu jiġġustifikaw l-esklużjoni ta’ imprenditur milli jipparteċipa f’kuntratt pubbliku għal xogħlijiet. Madankollu, din id-direttiva ma tipprekludix lil Stat Membru milli jipprovdi għal miżuri ta’ esklużjoni oħra intiżi sabiex jiggarantixxu l-osservanza tal-prinċipji ta’ trattament ugwali tal-offerenti u ta’ trasparenza, sakemm miżuri bħal dawn ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dan il-għan.

    Fuq it-tieni domanda

    50

    Bit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk dispożizzjoni nazzjonali li tistabbilixxi inkompatibbiltà bejn is-settur tal-mezzi ta’ informazzjoni u dak tal-kuntratti pubbliċi hijiex kompatibbli mal-prinċipji tad-dritt Komunitarju.

    51

    B’mod preliminari, għandu jiġi mfakkar li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li, fil-kuntest ta’ proċedura għal deċiżjoni preliminari, tevalwa l-konformità ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali mad-dritt Komunitarju u lanqas ma huwa l-kompitu tagħha li tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti sabiex tagħti lill-qorti tar-rinviju l-elementi ta’ interpretazzjoni kollha tad-dritt Komunitarju li jistgħu jippermettulha tevalwa tali konformità sabiex tiddeċiedi l-kawża li jkollha quddiemha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1993, Hünermund et, C-292/92, Ġabra p. I-6787, punt 8; tat-23 ta’ Marzu 2006, Enirisorse, C-237/04, Ġabra p. I-2843, punt 24, u Centro Europa 7, iċċitata iktar ’il fuq, punti 49 u 50).

    52

    Għaldaqstant, fil-kawża preżenti, huwa l-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tillimita l-eżami tagħha billi tipprovdi interpretazzjoni tad-dritt Komunitajru li tkun utli għall-qorti tar-rinviju, li min-naħa tagħha għandha tevalwa l-konformità tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali kkonċernati mad-dritt Komunitarju, sabiex tiddeċiedi l-kawża pendenti quddiemha.

    53

    F’dan ir-rigward, kif ġie rrimarkat fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, l-għan fundamentali tad-Direttiva 93/37 huwa li l-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet jinfetħu għal kompetizzjoni Komunitarja. L-għan ta’ din id-direttiva huwa li tiggarantixxi li ma jkunx hemm riskju ta’ favoritiżmu min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Ordine degli Architetti et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 75, kif ukoll Lombardini u Mantovani, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35).

    54

    Il-koordinazzjoni Komunitarja tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi hija intiża, b’mod partikolari, sabiex teskludi kemm ir-riskju li tingħata preferenza lill-offerenti nazzjonali fl-għoti ta’ kuntratt kif ukoll il-possibbiltà li awtorità kontraenti pubblika titħalla tiġi ggwidata minn kunsiderazzjonijiet li ma jkunux relatati mal-kuntratt inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 2000, University of Cambridge, C-380/98, Ġabra p. I-8035, punt 17; tal-1 ta’ Frar 2001, Il-Kummissjoni vs Franza, C-237/99, Ġabra p. I-939, punt 42, kif ukoll Lombardini u Mantovani, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36).

    55

    F’dan il-kuntest, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 30 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Istati Membri għandu jkollhom ċertu marġni ta’ diskrezzjoni għall-finijiet tal-adozzjoni ta’ miżuri intiżi sabiex jiggarantixxu l-prinċipji ta’ trattament ugwali tal-offerenti u ta’ trasparenza, li, kif ġie rrimarkat fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, jikkostitwixxu l-bażi tad-direttivi Komunitarji fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

    56

    Kull Stat Membru jinsab, fil-fatt, fl-aħjar pożizzjoni sabiex jidentifika, fid-dawl ta’ kunsiderazzjonijiet storiċi, ġuridiċi, ekonomiċi jew soċjali partikolari għalih (ara, f’dan is-sens, is-sentenza La Cascina et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23), is-sitwazzjonijiet li jiffavorixxu mġiba li tista’ tinvolvi ksur ta’ dawn il-prinċipji.

    57

    Għaldaqstant, id-dritt Komunitarju ma jfittix li jqiegħed fid-dubju l-evalwazzjoni magħmula minn Stat Membru, b’rabta mal-kuntest partikolari tiegħu, tar-riskju partikolari ta’ mġiba bħal din fil-każ li jkun hemm, fost l-offerenti għal kuntratt pubbliku għal xogħlijiet, impriża li teżerċita attività fis-settur tal-mezzi ta’ informazzjoni jew li jkollha rabtiet ma’ persuni involuti f’dan is-settur, kif ukoll tal-ħtieġa li jittieħdu miżuri intiżi sabiex ineħħu dan ir-riskju.

    58

    F’din il-kawża, l-Istat Membru kkonċernat ikkunsidra li ma setax jiġi eskluż li, fil-kuntest tal-parteċipazzjoni tagħha f’proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku, impriża ta’ mezzi ta’ informazzjoni jew imprenditur ta’ xogħlijiet pubbliċi li jkollu rabta ma’ impriża bħal din jew ma’ persuni proprjetarji tagħha jew li jamministrawha, jipprovaw jużaw fil-konfront tal-awtorità kontraenti s-setgħa ta’ influwenza li jkollhom minħabba l-pożizzjoni tagħhom jew il-konnessjonijiet tagħhom fis-settur tal-mezzi ta’ informazzjoni sabiex, b’mod illeċitu, jipprovaw jimmanipulaw id-deċiżjoni tal-għoti ta’ dan il-kuntratt, billi jsostnu l-prospettiva ta’ kampanja ta’ informazzjoni tal-massa partiġjana jew, għall-kuntrarju, kritika, skont l-eżitu ta’ din id-deċiżjoni.

    59

    Ir-rieda ta’ Stat Membru li jeskludi r-riskji ta’ interferenza tal-poter tal-mezzi ta’ informazzjoni fil-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi taqbel mal-għan ta’ interess ġenerali li ż-żamma tal-pluraliżmu u tal-indipendenza tal-mezzi ta’ informazzjoni tikkostitwixxi (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tas-26 ta’ Ġunju 1997, Familiapress, C-368/95, Ġabra p. I-3689, punt 18, u tat-13 ta’ Diċembru 2007, United Pan-Europe Communications Belgium et, C-250/06, Ġabra p. I-11135, punti 41 u 42). Barra minn hekk, din isservi b’mod partikolari għal għan ieħor ta’ din in-natura, jiġifieri dak tal-ġlieda kontra l-frodi u l-korruzzjoni (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal-24 ta’ Marzu 1994, Schindler, C-275/92, Ġabra p. I-1039, punti 57 sa 60, u tas-6 ta’ Marzu 2007, Placanica et, C-338/04, C-359/04 u C-360/04, Ġabra p. I-1891, punt 46).

    60

    Minn dan isegwi li d-dritt Komunitarju ma jipprekludix l-adozzjoni ta’ miżuri nazzjonali intiżi sabiex jeliminaw, fil-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, ir-riskju li jkun hemm prattiċi li jistgħu jippreġudikaw it-trasparenza u li joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni, li jista’ jinħoloq mill-preżenza, fost l-offerenti, ta’ imprenditur li jeżerċita attività fis-settur tal-mezzi ta’ informazzjoni jew li jkollu rabtiet ma’ persuna involuta f’dan is-settur, u sabiex b’hekk jimpedixxu jew irażżnu l-frodi u l-korruzzjoni.

    61

    Kif diġà ġie enfasizzat fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, huwa meħtieġ ukoll li dawn il-miżuri jkunu kompatibbli mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

    62

    Issa, dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabbilixxi inkompatibbiltà ġenerali bejn is-settur tax-xogħlijiet pubbliċi u dak tal-mezzi ta’ informazzjoni, għandha bħala konsegwenza l-esklużjoni mill-għoti ta’ kuntratti pubbliċi imprendituri ta’ xogħlijiet pubbliċi li jkunu involuti wkoll fis-settur tal-mezzi ta’ informazzjoni minħabba konnessjoni bħala proprjetarji, azzjonisti prinċipali, soċji jew diriġenti, mingħajr ma tagħtihom possibbiltà li juru, fid-dawl ta’ provi li jistgħu jitressqu, pereżempju, permezz ta’ kompetitur, li, fil-każ tagħhom ma hemmx riskju reali tat-tip imsemmi fil-punt 60 ta’ din is-sentenza (ara, b’analoġija, is-sentenza Fabricom, iċċitata iktar ’il fuq, punti 33 u 35).

    63

    Kif il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kunsill sostnew, u kif sostniet ukoll Elliniki Technodomiki Techniki Ependytiki Viomichaniki AE fis-seduta, tali dispożizzjoni tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu l-għanijiet iċċitati ta’ trasparenza u ta’ trattament ugwali, meta teskludi kategorija sħiħa ta’ imprendituri ta’ xogħlijiet pubbliċi fuq il-bażi tal-preżunzjoni inkonfutabbli (juris et de jure) li l-preżenza, fost l-offerenti, ta’ imprenditur li jkun involut ukoll fis-settur tal-mezzi ta’ informazzjoni hija neċessarjament ta’ natura li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni bi preġudizzju għall-offerenti l-oħra.

    64

    Il-Gvern Grieg enfasizza l-possibbiltà prevista mid-dispożizzjoni kostituzzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali li l-miżura ta’ esklużjoni ma tapplikax għall-persuna li taġixxi bħala intermedjarju, inkwantu tkun konjuġi, qariba, persuna jew kumpannija ekonomikament dipendenti, ta’ impriża ta’ mezzi ta’ informazzjoni jew ta’ persuna responsabbli għal din l-impriża jekk jintwera li l-parteċipazzjoni ta’ din il-persuna li taġixxi bħala intermedjarju fi proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku tkun riżultat ta’ deċiżjoni awtonoma ddettata biss mill-interess proprju tal-intermedjarju.

    65

    Madankollu, din il-possibbiltà ma hijiex ta’ natura li tirrikonċilja d-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

    66

    Fil-fatt, possibbiltà bħal din ma tibdilx in-natura awtomatika u assoluta tal-projbizzjoni li taffettwa lil kwalunkwe imprenditur ta’ xogħlijiet pubbliċi, li jeżerċita wkoll attività fis-settur tal-mezzi ta’ informazzjoni jew li jkun konness ma’ persuni fiżiċi jew legali involuti f’dan is-settur, li ma huwiex milħuq minn din l-eċċezzjoni għall-miżura ta’ esklużjoni ġenerali favur persuni li jaġixxu bħala intermedjarji.

    67

    Barra minn hekk, l-imprenditur ta’ xogħlijiet pubbliċi li jaġixxi bħala intermedjarju ta’ impriża ta’ mezzi ta’ informazzjoni jew ta’ persuna li tkun proprjetarja jew diriġent f’impriża bħal din, jiġi eskluż mill-għoti ta’ kuntratt mingħajr ma jingħata l-possibbiltà li juri, fil-każ li jiġi stabbilit li huwa jkun qed jaġixxi bħala intermedjarju għan-nom ta’ din l-impriża jew ta’ din il-persuna, li intervent bħal dan ma jistax ikollu influwenza fuq il-kompetizzjoni bejn l-offerenti.

    68

    Fl-aħħar nett, is-sens wiesa’ ħafna kopert, fil-kuntest tad-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mill-kunċetti ta’ azzjonist prinċipali u ta’ persuni intermedjarji, kif jidher fil-punt 8 ta’ din is-sentenza, jikkontribwixxi sabiex ikompli jżid in-natura sproporzjonata ta’ din id-dispożizzjoni.

    69

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li d-dritt Komunitarju għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li, filwaqt li jkollha għanijiet leġittimi ta’ trattament ugwali tal-offerenti u ta’ trasparenza fl-ambitu tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, tistabbilixxi preżunzjoni inkonfutabbli (juris et de iure) ta’ inkompatibbiltà bejn il-kwalità ta’ proprjetarju, soċju, azzjonist prinċipali jew diriġent ta’ impriża li teżerċita attività fis-settur tal-mezzi ta’ informazzjoni u dik ta’ proprjetarju, soċju, azzjonist prinċipali jew diriġent ta’ impriża li tkun fdata mill-Istat jew minn persuna legali tas-settur pubbliku f’sens wiesa’ bl-eżekuzzjoni ta’ kuntratti għal xogħlijiet, għal provvisti jew għal servizzi.

    Fuq it-tielet domanda

    70

    Fid-dawl tar-risposti li ngħataw għall-ewwel żewġ domandi, ma hemmx ħtieġa li tingħata risposta għat-tielet domanda.

    Fuq l-ispejjeż

    71

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/37/KEE, tal-14 ta’ Ġunju 1993, li tikkonċerna l-koordinament tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet], kif emendata bid-Direttiva 97/52/KE tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew, tat-13 ta’ Ottubru 1997, għandu jiġi interpretat fis-sens li jelenka, b’mod eżawrjenti, il-kawżi bbażati fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi ta’ kwalità professjonali, li jistgħu jiġġustifikaw l-esklużjoni ta’ imprenditur milli jipparteċipa f’kuntratt pubbliku għal xogħlijiet. Madankollu, din id-direttiva ma tipprekludix Stat Membru milli jipprovdi għal miżuri ta’ esklużjoni oħra intiżi sabiex jiggarantixxu l-osservanza tal-prinċipji ta’ trattament ugwali tal-offerenti u ta’ trasparenza, sakemm miżuri bħal dawn ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dan il-għan.

     

    2)

    Id-dritt Komunitarju għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li, filwaqt li jkollha għanijiet leġittimi ta’ trattament ugwali tal-offerenti u ta’ trasparenza fl-ambitu tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, tistabbilixxi preżunzjoni inkonfutabbli (juris et de iure) ta’ inkompatibbiltà bejn il-kwalità ta’ proprjetarju, soċju, azzjonist prinċipali jew diriġent ta’ impriża li teżerċita attività fis-settur tal-mezzi ta’ informazzjoni u dik ta’ proprjetarju, soċju, azzjonist prinċipali jew diriġent ta’ impriża li tkun fdata mill-Istat jew minn persuna legali tas-settur pubbliku f’sens wiesa’ bl-eżekuzzjoni ta’ kuntratti għal xogħlijiet, għal provvisti jew għal servizzi.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Grieg.

    Top