Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CC0278

    Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Sharpston - 25 ta' Settembru 2008.
    Hauptzollamt Hamburg-Jonas vs Josef Vosding Schlacht-, Kühl- und Zerlegebetrieb GmbH & Co. (C-278/07), Vion Trading GmbH (C-279/07) u Ze Fu Fleischhandel GmbH (C-280/07).
    Talbiet għal deċiżjoni preliminari: Bundesfinanzhof - il-Ġermanja.
    Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 - Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej - Artikolu 3 - Irkupru ta’ rifużjoni fuq l-esportazzjoni - Determinazzjoni ta’ perijodu ta’ preskrizzjoni - Irregolaritajiet imwettqa qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 2988/95 - Regola ta’ preskrizzjoni li tagħmel parti mid-dritt ċivili ġenerali ta’ Stat Membru.
    Każijiet Magħquda C-278/07 sa C-280/07.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2008:521

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    SHARPSTON

    ippreżentati fil-25 ta’ Settembru 2008 ( 1 )

    Kawżi magħquda C-278/07 sa C-280/07

    Hauptzollamt Hamburg-Jonas

    vs

    Josef Vosding Schlacht-, Kühl- und Zerlegebetrieb GmbH & Co. et

    “Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 — Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej — Artikolu 3 — Irkupru ta’ rifużjoni fuq l-esportazzjoni — Determinazzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni — Irregolaritajiet imwettqa qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 2988/95 — Regola ta’ preskrizzjoni li tagħmel parti mid-dritt ċivili ġenerali ta’ Stat Membru”

    1. 

    Dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari mill-Bundesfinanzhof (Qorti Federali tal-Finanzi), il-Ġermanja, jirrigwardaw l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95, tat-18 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 2988/95” jew “ir-Regolament”) ( 2 ). B’mod iktar partikolari, dawn jikkonċernaw id-dispożizzjonijiet tar-Regolament li jistabbilixxu terminu ta’ preskrizzjoni għall-proċeduri legali għall-irkupru ta’ ammonti mħallsin bħala rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni, fejn l-obbligu għall-ħlas lura ta’ dawn l-ammonti jirriżulta minn irregolarità.

    2. 

    Il-qorti tar-rinviju tixtieq taċċerta l-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis u ratione materiae tat-terminu ta’ preskrizzjoni stipulat fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95. B’mod partikolari, hija tistaqsi jekk din id-dispożizzjoni tistax tiġi applikata għal sitwazzjonijiet li jkunu qamu qabel ma ġie fis-seħħ ir-Regolament u għal azzjonijiet amministrattivi li ma jikkostitwixxux penali. Hija titlob ukoll gwida dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament li jikkonċerna derogi taħt il-liġi nazzjonali mit-terminu ta’ preskrizzjoni stipulat fir-Regolament.

    Il-kuntest ġuridiku

    Ir-Regolament Nru 2988/95

    3.

    Ir-Regolament Nru 2988/95, li daħal fis-seħħ fis-26 ta’ Diċembru 1995, jistabbilixxi numru ta’ regoli ġenerali rigward verifiki, miżuri amministrattivi u penali għal irregolaritajiet fejn isiru ħlasijiet lil benefiċjarji taħt il-politiki Komunitarji.

    4.

    Qabel, ma kien hemm ebda regoli Komunitarji komuni li jiddefinixxu irregolaritajiet bħal dawn. Lanqas ma kien hemm regoli komuni dwar termini ta’ preskrizzjoni għall-investigazzjoni jew l-iskoperta ta’ irregolaritajiet, jew li llimitaw l-applikazzjoni ta’ miżuri amministrattivi għall-irkupru li jkunu ttieħdu, jew penali amministrattivi applikati, b’konsegwenza ta’ irregolaritajiet bħal dawn ( 3 ).

    5.

    It-tielet, ir-raba’ u l-ħames premessi tar-Regolament huma partikolarment rilevanti. It-tielet premessa tindika li regoli dettaljati li jirregolaw l-amministrazzjoni u l-osservanza mill-qrib tan-nefqa Komunitarja huma s-suġġett ta’ dispożizzjonijiet iddettaljati li jvarjaw skont il-politika Komunitarja involuta, imma li atti li huma ta’ ħsara għall-interessi finanzjarji tal-Komunità għandhom jiġu ribattuti fl-oqsma kollha. Ir-raba’ premessa tgħid li hemm bżonn ta’ sett ta’ regoli legali komuni għall-oqsma kollha koperti mill-politiki tal-Komunità biex tiġi miġġielda b’mod effettiv il-frodi mwettqa kontra l-interessi finanzjarji tal-Komunità. Il-ħames premessa tfakkar li irregolaritajiet, u l-miżuri u l-penali relatati, huma previsti f’regoli settorjali skont dan ir-regolament. Ir-Regolament huwa wiesa’ biżżejjed fil-portata orizzontali tiegħu biex ikun ibbażat fuq l-Artikolu 235 KE u l-Artikolu 203 tal-KEEA ( 4 ).

    6.

    Ir-Regolament imbagħad jistipula serje ta’ regoli ġenerali relatati ma’ verifiki, miżuri amministrattivi u penali.

    7.

    L-Artikolu 1(1) jipprovdi:

    “1.   Sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea, qegħdin hawnhekk jiġu adottati regoli ġenerali fir-rigward ta’ verifiki omoġenji u miżuri amministrattivi u penali li għandhom x’jaqsmu ma’ irregolaritajiet fir-rigward tal-liġi tal-Komunità.”

    8.

    L-Artikolu 1(2) jiddefinixxi “irregolarità” bħala:

    “[…] kull ksur ta’ dispożizzjoni tal-liġi tal-Komunità li tirriżulta minn att jew nuqqas ta’ operatur ekonomiku, li għandu, jew li jista’ jkollu, l-effett li jippreġudika l-budget ġenerali tal-Komunità jew il-budget immexxi minnhom, jew billi jnaqqas jew jitlef id-dħul li jakkumula minn riżorsi tagħhom stess miġbura direttament għan-nom tal-Komunità, jew permezz ta’ nefqa mhux ġustifikata.”

    9.

    Il-partijiet rilevanti tal-Artikolu 3 jipprovdu:

    “1.   Il-perjodu tal-limitazzjoni [ta’ preskrizzjoni] għall-proċeduri għandu jkun ta’ erba’ snin minn meta l-irregolarità li ssir msemmija f’Artikolu 1(1) tkun ġiet kommessa. Madankollu, ir-regoli settorjali [ ( 5 )] jistgħu jipprovdu għal perjodu iqsar li ma jistax ikun anqas minn tliet snin.

    F’każ ta’ irregolaritajiet kontinwi jew ripetuti, it-terminu tal-limitazzjoni [ta’ preskrizzjoni] għandu jibda jiddekorri mill-jum li fih tieqaf l-irregolarità. Fil-każ tal-programmi multiannwi, it-terminu tal-limitazzjoni [ta’ preskrizzjoni] għandu f’kull każ jibqa’ jiddekorri sakemm il-programm jitwaqqaf definittivament.

    It-terminu tal-limitazzjoni [ta’ preskrizzjoni] għandu jiġi interrott bi kwalsiasi att ta’ l-awtorità kompetenti, notifikat lill-persuna in kwestjoni, li jkollha x’taqsam ma’ l-investigazzjoni jew proċeduri legali dwar l-irregolarità. It-terminu għandu jibda jiddekorri mill-ġdid wara kull att li jinterrompih.

    Madankollu, [il-limitazzjoni] il-preskrizzjoni għandha ssir effettiva mhux aktar tard mill-jum li fih perjodu li jkun id-doppju tat-terminu jiskadi mingħajr ma l-awtorità kompetenti tkun imponiet penali, ħlief fejn il-proċedura amministrattiva tkun ġiet sospiża skond Artikolu 6(1).

    2.   Il-perjodu għall-implimentazzjoni tad-deċiżjoni li tistabbilixxi l-piena [l-penali] amministrattiva għandu jkun ta’ tliet snin. Dak il-perjodu għandu jibda jiddekorri mill-jum li fih id-deċiżjoni ssir finali.

    Każijiet ta’ interruzzjoni u sospensjoni għandhom jiġu rregolati permezz tad-dispożizzjonijiet relevanti tal-liġi nazzjonali.

    3.   L-Istati Membri għandhom iżommu l-possibbiltà li japplikaw perjodu li jkun itwal minn dak li hemm provdut fil-paragrafi 1 u 2 rispettivament.”

    10.

    L-Artikolu 4 jipprovdi li, bħala regola ġenerali, meta operatur ekonomiku jkun kiseb vantaġġ b’mod skorrett [indebitament] permezz ta’ irregolarità, dak il-vantaġġ għandu jiġi rtirat (jew permezz ta’ ħlas lura jew permezz tat-telf tal-garanzija). L-Artikolu 4(4) jistqarr, madankollu, li “[i]l-miżuri kif hemm provdut f’dan l-Artikolu m’għandhomx jitqiesu bħala penali”.

    11.

    B’kuntrast ma’ dan, l-Artikolu 5 jipprovdi għall-applikazzjoni ta’ penali amministrattivi fil-każ ta’ irregolaritajiet intenzjonati jew dawk ikkawżati minn negliġenza.

    12.

    L-Artikolu 6 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li fihom jistgħu jiġu sospiżi l-proċeduri biex jiġu imposti penali finanzjarji. L-aħħar sentenza tal-Artikolu 6(1) tgħid, “Is-sospensjoni tal-proċeduri amministrattivi għandha tissospendi l-perjodu ta’ limitazzjoni [ta’ preskrizzjoni] li hemm ipprovdut f’Artikolu 3”.

    Dispożizzjonijiet legali nazzjonali

    13.

    Fiż-żmien meta seħħew il-fatti, il-Paragrafu 195 tal-Kodiċi Ċivili Ġermaniż (BürgerlichesGesetzbuch, iktar ’il quddiem il-“BGB”) kien jipprovdi li t-terminu ta’ preskrizzjoni standard għal talbiet li jsiru taħt il-liġi ċivili Ġermaniża kien ta’ tletin sena. Il-Paragrafu 195 ġie emendat b’effett mill-1 ta’ Jannar 2002. It-terminu ta’ preskrizzjoni standard ġie mqassar għal tliet snin u baqa’ hekk minn dakinhar.

    14.

    Fiż-żmien meta saru l-irregolaritajiet, ma kienx hemm dispożizzjonijiet fil-liġi Ġermaniża li jistabbilixxu terminu ta’ preskrizzjoni speċifiku għal azzjonijiet għall-irkupru ta’ vantaġġi finanzjarji li jkunu ngħataw indebitament (bħall-irkupru ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni li jkunu ngħataw indebitament) jew, b’mod iktar ġenerali, benefiċċji amministrattivi li jkunu ngħataw indebitament. Kemm l-amministrazzjoni kif ukoll il-qrati applikaw il-Paragrafu 195 tal-BGB mutatis mutandis ( 6 ).

    Sfond fattwali

    15.

    Fl-1993, tliet kumpanniji ( 7 ) applikaw għal ħlasijiet bil-quddiem fuq rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni fir-rigward ta’ numru ta’ konsenji ta’ ċanga li kellhom jiġu esportati lejn il-Ġordan. Il-Hauptzollamt (“Uffiċċju Prinċipali tad-Dwana”) ( 8 ) laqa’ dawn l-applikazzjonijiet.

    16.

    Fl-1998, il-Hauptzollamt wettaq serje ta’ spezzjonijiet. B’riżultat ta’ dawn l-ispezzjonijiet, huwa kkonkluda li ċ-ċanga inkwistjoni fil-fatt kienet ġiet esportata mill-ġdid mill-Ġordan għall-Iraq. Il-Hauptzollamt għalhekk ordna lit-tliet kumpanniji jħallsu lura l-ammonti mogħtija bħala rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni, għar-raġuni li dawn kienu tħallsu indebitament abbażi ta’ applikazzjoni li kienet ivvizzjata b’irregolarità ( 9 ).

    17.

    Il-kumpanniji appellaw quddiem il-Finanzgericht Hamburg (Qorti tal-Finanzi ta’ Hamburg) kontra d-deċiżjonijiet tal-Hauptzollamt. Fis-sentenza tiegħu tal-4 ta’ Mejju 2005 il-Finanzgericht laqagħet l-appelli tagħhom. Hija kkonkludiet li t-terminu ta’ preskrizzjoni stabbilit bl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 kien skada; konsegwentement, ir-rikors tal-Hauptzollamt kien ġie preskritt.

    18.

    Il-Hauptzollamt appella quddiem il-Bundesfinanzhof, li ssospenda l-proċeduri u għamel id-domandi preliminari li ġejjin:

    “(1)

    Għandu t-terminu ta’ preskrizzjoni stabbilit fl-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea jiġi applikat ukoll fil-każ fejn irregolarità tkun twettqet jew waqfet qabel id-dħul fis-seħħ ta’ l-imsemmi regolament?

    (2)

    It-terminu ta’ preskrizzjoni stabbilit f’din id-dispożizzjoni japplika għall-miżuri amministrattivi bħalma huwa l-irkupru ta’ rifużjoni fuq l-esportazzjoni mogħtija b’riżultat ta’ irregolaritajiet?

    (3)

    Fil-każ fejn ir-risposta għal dawn iż-żewġ domandi tkun fl-affermattiv:

    Jista’ Stat Membru japplika terminu itwal abbażi ta’ l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2988/95 anki meta l-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru kienet diġà tipprovdi għal tali terminu itwal qabel l-adozzjoni tal-imsemmi regolament? Jista’ tali terminu itwal jiġi applikat ukoll fil-każ fejn ma kienx previst f’dispożizzjoni speċifika li tirrigwarda l-irkupru ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni jew li tirrigwarda miżuri amministrattivi inġenerali, iżda jirriżulta minn dispożizzjoni ġenerali tal-Istat Membru kkonċernat li tkopri l-każijiet kollha ta’ preskrizzjoni li mhumiex is-suġġett ta’ dispożizzjoni speċifika?”

    19.

    Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Josef Vosding, Vion u Ze Fu, il-Gvern Ċek u l-Kummissjoni.

    20.

    Il-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub (ħlief il-Gvern Ċek) u, barra minn hekk, il-Gvern Franċiż, ipparteċipaw fis-seduta tas-17 ta’ April 2008 u għamlu t-trattazzjoni tagħhom.

    Evalwazzjoni

    Kumment preliminari

    21.

    It-tliet kumpanniji kollha argumentaw quddiem il-qrati nazzjonali li l-Hauptzollamt naqas li juri li l-allegata irregolarità attwalment saret. Huma rrepetew dawn l-argumenti fil-proċeduri legali preżenti.

    22.

    Madankollu, l-Artikolu 234 KE huwa bbażat fuq separazzjoni ċara ta’ funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja. Kwistjonijiet ta’ fatt jaqgħu fil-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali, filwaqt li r-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa li tagħti gwida rigward l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha għalhekk tieħu bħala l-bażi għas-sentenza tagħha f’rinviju għal deċiżjoni preliminari l-fatti kif dikjarati mill-qorti nazzjonali fid-digriet tar-rinviju ( 10 ).

    L-ewwel domanda

    23.

    L-ewwel domanda tikkonċerna l-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95. Essenzjalment, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk dan l-artikolu jistax jiġi applikat għal sitwazzjoni fejn irregolarità tkun twettqet, jew waqfet, qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament ( 11 ).

    24.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod konsistenti li “ir-regoli proċedurali huma ġeneralment meqjusa applikabbli għall-kawżi kollha li jkunu pendenti meta dawn jidħlu fis-seħħ, bil-kontra tar-regoli sostantivi li ġeneralment jiġu nterpretati li ma japplikawx, fil-prinċipju, għal sitwazzjonijiet li ġraw qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom” ( 12 ).

    25.

    Regola tad-dritt sostantiva tista’ b’mod eċċezzjonali tingħata applikazzjoni retroattiva. Tali applikazzjoni retroattiva hija possibbli biss sa fejn ikun hemm indikazzjonijiet ċari biżżejjed fit-termini, fl-għanijiet jew fl-iskema ġenerali ta’ dik ir-regola fis-sens li hija maħsuba li jkollha dan l-effett. Meta dispożizzjoni sostantiva tiġi applikata b’mod retroattiv, iċ-ċertezza legali u l-aspettattivi leġittimi għandhom ukoll jiġu debitament osservati ( 13 ).

    26.

    L-ewwel pass biex jiġi stabbilit jekk il-qorti tar-rinviju tistax tagħti effett retroattiv lill-Artikolu 3(1) għalhekk huwa li jiġi stabbilit jekk dan l-artikolu huwiex proċedurali jew sostantiv.

    27.

    Fis-sentenza Vonk Dairy Products ( 14 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ma kellhiex għalfejn teżamina espressament jekk l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 huwiex regola proċedurali li hija applikabbli retrospettivament. Is-sentenza tibbaża ruħha fuq il-premessa li l-Artikolu 3(1) huwa regola proċedurali, li huwa kien applikabbli u li t-terminu ta’ preskrizzjoni xieraq kien tabilħaqq dak stipulat fih ( 15 ). Peress li l-proċeduri kienu evidentement regolati bir-Regolament Nru 2988/95 u l-kwistjoni attwali f’dak il-każ kienet jekk l-attivitajiet tal-esportatur setgħux jiġu kklassifikati bħala “irregolaritajiet kontinwi u ripetuti”, ma kienx meħtieġ li jiġi analizzat fid-dettall jekk l-Artikolu 3(1) kienx regola purament proċedurali ( 16 ).

    28.

    Fid-digriet tar-rinviju tiegħu, il-Bundesfinanzhof jislet numru ta’ paralleli bejn l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 u l-Artikolu 221(3) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità, li kien hemm kwistjoni dwaru fis-sentenza Molenbergnatie ( 17 ).

    29.

    Dik id-dispożizzjoni kienet tistipula li, “Komunikazzjoni [tad-dejn doganali] lid-debitur m’għandhiex issir wara l-għeluq ta’ terminu ta’ tliet snin mid-data li fiha d-dejn doganali jkun ġie inkors. Iżda, fejn ikun bħala riżultat ta’ att li jista’ jagħti lok għal proċeduri tal-qorti kriminali li l-awtoritajiet doganali ma setgħux jistabbilixxu l-ammont eżatt legalment dovut, komunikazzjoni bħal dik tista’, sakemm id-dispożizzjonijiet fis-seħħ hekk jippermettu, issir wara l-għeluq ta’ dak it-terminu ta’ tliet snin”.

    30.

    Fl-osservazzjonijiet tagħhom, Josef Vosding u Ze Fu jsegwu l-konklużjonijiet li wasal għalihom il-Bundesfinanzhof u jitilqu mill-premessa (billi japplikaw il-ġurisprudenza Molenbergnatie b’analoġija) li r-regola hija waħda sostantiva. B’kuntrast ma’ dan, Vion, Franza u l-Kummissjoni huma tal-fehma li r-regola hija proċedurali ( 18 ).

    31.

    Fis-sentenza Molenbergnatie, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 221(3) kien “jirrestrinġi d-dritt ta’ dawn l-awtoritajiet li jipproċedu għall-irkupru ta’ l-imsemmi dejn” imma li kien ukoll “regola li tirregola id-dejn doganali stess” ( 19 ). Iktar ’il quddiem, il-Qorti tal-Ġustizzja ħolqot rabta inekwivoka bejn l-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni u l-eżistenza tad-dejn innifsu, billi qalet li fl-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni “id-dejn jiġi preskritt u għaldaqstant estint” ( 20 ). Hija għalhekk ikklassifikat l-Artikolu 221(3) bħala regola sostantiva.

    32.

    Bir-rispett kollu, dan ir-raġunament ma jistax jitqies li huwa validu. L-iskadenza ta’ terminu ta’ preskrizzjoni, sempliċement għaliex timpedixxi lil kreditur milli jirkupra flus dovuti lilu, la testingwi d-dejn innifsu u lanqas l-effetti tad-dejn. Id-djun ġeneralment jiġu estinti jew billi jiġu kkanċellati mill-kreditur jew permezz tal-ħlas mid-debitur tal-ammont dovut minnu. L-iskadenza ta’ terminu ta’ preskrizzjoni mhija analoga għall-ebda waħda minn dawn. Għall-kuntrarju, kif argumenta l-Avukat Ġenerali Jacobs fil-konklużjonijiet tiegħu ppreżentati fil-kawża Molenbergnatie, terminu ta’ preskrizzjoni jappartjeni għall-qasam tad-dritt proċedurali ( 21 ). Għalhekk, naqbel mal-fehma tal-Avukat Ġenerali Jacobs li, normalment fi kwalunkwe każ, l-iskadenza ta’ terminu ta’ preskrizzjoni ma “testingwix” awtomatikament l-obbligu legali sottostanti li altrimenti jkun jista’ jiġi infurzat.

    33.

    Xejn fil-kliem tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament ma jissuġġerixxi li s-sustanza tal-azzjoni hija rregolata, jew tabilħaqq affettwata, bl-Artikolu 3(1) ( 22 ). Hija regola ta’ preskrizzjoni, pura u sempliċi. L-istruttura tagħha hija, tabilħaqq, klassika.

    34.

    Huwa ovvju li l-investigazzjonijiet tal-awtoritajiet se jfittxu li jistabbilixxu jekk fil-fatt ġietx kommessa irregolarità u li l-eżitu ta’ dawn l-investigazzjonijiet għandu effett dirett, min-naħa tiegħu, fuq id-deċiżjonijiet sussegwenti (a) jekk kellhiex titħallas xi forma ta’ rifużjoni fuq l-esportazzjoni, (b) jekk iva, x’ammont kellu jitħallas, (ċ) jekk (meta dik iċ-ċifra tiġi pparagunata mar-rifużjoni fuq l-esportazzjoni diġà mħallsa) kienx sar ħlas iktar milli suppost u (d) jekk iva, x’inhu l-ammont li l-awtoritajiet għandhom ifittxu li jitolbu lura mill-benefiċjarju. Imma dawn il-fatturi ma jistgħux iwasslu għall-konklużjoni li r-regola fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament hija ta’ natura sostantiva.

    35.

    Fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 3(1) tar-Regolament huwa purament regola proċedurali. Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li diġà għamilt referenza għaliha ( 23 ), din id-dispożizzjoni hija għalhekk applikabbli għall-proċeduri kollha pendenti fiż-żmien meta daħlet fis-seħħ.

    36.

    Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu tikkunsidra li l-Artikolu 3(1) għandu jiġi interpretat bħala regola sostantiva, ikun meħtieġ li jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 3(1) jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti bis-sentenza Salumi ( 24 ) u għalhekk jista’ jiġi applikat retroattivament. Dawn il-kundizzjonijiet huma, fil-qosor, li r-retroattività trid toħroġ b’mod ċar mit-termini, mill-għanijiet u mill-iskema ġenerali u li ċ-ċertezza legali u l-aspettattivi leġittimi għandhom jiġu osservati.

    37.

    Preċiżament għaliex l-ewwel żewġ kundizzjonijiet stabbiliti bis-sentenza Salumi jikkontemplaw miżura li għandha effetti sostantivi ċari (li l-miżura kkontestata m’għandhiex), huwa diffiċli li wieħed jara kif dawn ġew sodisfatti fil-każ preżenti. L-interpretazzjoni ovvja għall-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1), moqri flimkien mad-definizzjonijiet wiegħsin mogħtija fl-Artikolu 1(1), hija li dan japplika għas-sitwazzjonijiet kollha koperti bir-Regolament. Huwa meħtieġ li jkun hemm kliem ċar f’sens kuntrarju biex tingħeleb din il-preżunzjoni. Imma m’hemmx. Madankollu, dan fih innifsu mhuwiex biżżejjed biex jiġi stabbilit li l-leġiżlatur kellu l-intenzjoni ċara li l-Artikolu 3(1) japplika retroattivament.

    38.

    L-għan tar-Regolament huwa li jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet u li jistabbilixxi sett ta’ regoli ġenerali li jirrigwardaw miżuri amministrattivi u penali li jikkonċernaw irregolaritajiet fir-rigward tad-dritt Komunitarju. Tali qafas legali ġenerali jinkludi wkoll termini ta’ preskrizzjoni dwar l-irkupru ta’ ammonti mħallsin indebitament, imma ma jixħet ebda dawl fuq l-applikazzjoni ratione temporis tagħhom.

    39.

    Għar-rigward tal-għanijiet u tal-iskema ġenerali tiegħu, ir-Regolament jintroduċi “sett ta’ regoli legali komuni” ( 25 ), u jispjega għalfejn dan huwa meħtieġ u xieraq ( 26 ). Filwaqt li l-applikazzjoni retroattiva ta’ terminu ta’ preskrizzjoni uniformi ma tmurx kontra dawk l-għanijiet, u lanqas ma timmina l-iskema ġenerali tar-Regolament, huwa diffiċli li wieħed isib f’dawn l-elementi sostenn pożittiv għal applikazzjoni retroattiva.

    40.

    Fl-aħħar nett, applikazzjoni retroattiva tal-Artikolu 3(1) fil-każ preżenti tipprovdi għal terminu ta’ preskrizzjoni iqsar milli altrimenti jkun applikabbli taħt il-liġi nazzjonali. Dan jopera għall-benefiċċju tal-kumpanniji kkonċernati, u josserva l-aspettattivi leġittimi tagħhom ( 27 ). Huwa inqas ċar jekk l-interessi globali taċ-ċertezza legali jiġux moqdija b’interpretazzjoni bħal din.

    41.

    Jien għalhekk tal-fehma li jekk (quod non) l-Artikolu 3(1) tar-Regolament huwa dispożizzjoni sostantiva, huwa ma jissodisfax il-kriterji stabbiliti bis-sentenza Salumi. Wara li għedt dan, nikkonkludi li, peress li t-terminu ta’ preskrizzjoni previst fl-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 huwa proċedurali, mhux sostantiv, dan it-terminu ta’ preskrizzjoni japplika anki jekk l-irregolarità inkwistjoni ġiet kommessa jew waqfet qabel ma daħal fis-seħħ ir-Regolament.

    It-tieni domanda

    42.

    It-tieni domanda tikkonċerna l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk it-terminu ta’ preskrizzjoni japplikax għall-miżuri ta’ rkupru kollha li ttieħdu mill-awtoritajiet nazzjonali wara l-iskoperta ta’ irregolarità ( 28 ).

    43.

    Fis-sentenza Handlbauer ( 29 ) il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 3(1) huwa applikabbli kemm għall-irregolaritajiet previsti fl-Artikolu 4 u anki għal dawk previsti fl-Artikolu 5. Il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li l-Artikolu 1(1) jintroduċi “regoli ġenerali” u li d-definizzjoni wiesgħa ta’ “irregolarità” fl-Artikolu 1(2) “tkopri kemm l-irregolaritajiet intenzjonati jew dawk ikkawżati minħabba negliġenza li […] jistgħu jwasslu għal penali amministrattiva [ ( 30 )] kif ukoll l-irregolaritajiet li jinvolvu biss l-irtirar […] tal-vantaġġ miksub meta ma kienx dovut [ ( 31 )]”. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk ma għamlet ebda distinzjoni bejn iż-żewġ kategoriji ta’ irregolaritajiet ( 32 ).

    44.

    Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni tiġbed l-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għal numru ta’ problemi li hija tallega li nħolqu bis-sentenza Handlbauer. Hija tenniet dan it-tħassib waqt is-seduta. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ssostni li l-baġit tal-Komunitajiet jista’ jiġi mhedded jekk it-terminu ta’ preskrizzjoni jiġi kkunsidrat li jestendi għal miżuri amministrattivi li mhumiex ta’ natura kriminali.

    45.

    Il-Kummissjoni targumenta li t-terminu ta’ preskrizzjoni jopera fl-interessi tal-kumpanniji kkonċernati, billi jillimita t-terminu li fih kumpannija tista’ tiġi penalizzata għal irregolarità, u li dan tabilħaqq huwa xieraq fir-rigward ta’ miżuri li jimponu penali. Madankollu, l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet jiddettaw li miżuri inqas serji m’għandhomx jiġu limitati b’dan il-mod. Għalhekk, il-Kummissjoni tiddistingwi nettament bejn il-konsegwenzi ta’ irregolarità maħluqa intenzjonalment jew minħabba negliġenza, u dik li ssir bla ebda tort min-naħa tal-esportatur.

    46.

    Il-penali fl-Artikolu 5 huma penali amministrattivi. Huma differenti mill-miżuri amministrattivi ta’ rkupru previsti fl-Artikolu 4 min-natura tagħhom u f’dak li jirrigwarda l-kalkolu tal-ammonti involuti. Madankollu, ebda waħda minnhom ma toriġina mix-xejn. It-tnejn li huma joriġinaw minħabba l-irregolarità mwettqa u huma marbuta ħaġa waħda magħha.

    47.

    Bħala regola ġenerali, kull irregolarità tinvolvi l-irtirar tal-vantaġġ akkwistat indebitament ( 33 ) (jiġifieri, l-irkupru tal-flejjes imħallsa). Fejn l-irregolarità tkun saret b’mod intenzjonat jew minħabba negliġenza, tista’ tiġi imposta penali amministrattiva. Ir-raġunament tal-Kummissjoni jwassal għar-riżultat (pervers) li esportaturi li jikkommettu irregolaritajiet b’mod intenzjonat jew minħabba negliġenza jistgħu jibbenefikaw minn terminu ta’ preskrizzjoni li tiġi mċaħħda lil dawk li għandhom inqas tort.

    48.

    Il-Kummissjoni tissuġġerixxi li termini ta’ preskrizzjoni kemm għal miżuri amministrattivi ta’ rkupru u għal miżuri ta’ rkupru li ma jiskattawx minħabba xi irregolarità ( 34 ) għandhom ikunu rregolati bil-liġi nazzjonali. Hija tagħmel referenza għax-xogħol preparatorju relattiv għar-Regolament u ssostni li l-maġġoranza tal-Istati Membri xtaqu jillimitaw l-applikazzjoni tat-terminu tal-preskrizzjoni għal penali amministrattivi. Madankollu, ix-xogħol preparatorju huwa għodda anċillari fl-interpretazzjoni leġiżlattiva. Ma jistax minnu nnifsu jintuża biex jikkontradixxi t-termini ċari tal-leġiżlazzjoni ( 35 ). It-test tar-Regolament kif adottat ma jsostnix din il-kostruzzjoni; u l-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Handlbauer diġà ċaħdet l-interpretazzjoni adottata mill-Kummissjoni (li esponiet il-fehmiet tagħha bis-sħiħ f’dik il-kawża). Minbarra dan, l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja kienet konformi mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ( 36 ) u preċedentement il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet ħadet l-istess pożizzjoni fil-kawża Peix ( 37 ).

    49.

    Inżid ngħid li r-raġunament tal-Kummissjoni jidher li qed iħallat l-irkupru ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni f’każijiet fejn l-irregolarità la kienet intenzjonata u lanqas riżultat ta’ negliġenza mal-irkupru ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni mħallsin indebitament minn awtorità kompetenti fejn ma tkun twettqet ebda tip ta’ irregolarità. Tal-ewwel hija evidentement koperta bir-Regolament Nru 2988/95 ( 38 ). Tal-aħħar, daqstant ieħor evidenti, mhijiex. ( 39 )

    50.

    Minbarra dan, interpretazzjoni stretta tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-Artikolu 3(1) mhijiex sostnuta mit-termini tar-Regolament.

    51.

    L-ewwel nett, il-Kummissjoni targumenta li l-portata tal-kelma “proċeduri” għandha tiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(1), u li “proċeduri” għandha tiġi interpretata fis-sens li tfisser “proċeduri li jwasslu għal penali amministrattiva”. Madankollu, fil-fehma tiegħi, il-parametri tal-Artikolu 3(1) huma stabbiliti mill-portata tat-terminu “irregolarità”. Dan huwa definit fl-Artikolu 1(2) bħala “kull ksur ta’ dispożizzjoni tal-liġi tal-Komunità li tirriżulta minn att jew nuqqas ta’ operatur ekonomiku, li għandu, jew li jista’ jkollu, l-effett li jippreġudika il-budget ġenerali tal-Komunità” ( 40 ).

    52.

    Il-proċess ta’ rkupru jseħħ biss jekk tkun ġiet kommessa xi irregolarità. Kemm ksur inqas kif ukoll iktar serju jista’ jippreġudika l-baġit tal-Komunità, kif turi d-definizzjoni wiesgħa tat-terminu “irregolarità” fl-Artikolu 1(2) ( 41 ). L-Artikolu 3(1) għalhekk għandu jkopri l-proċeduri kollha biex jiġi rimedjat il-ħlas indebitu ta’ vantaġġ li jingħata b’riżultat ta’ xi tip ta’ irregolarità.

    53.

    Minbarra dan, l-approċċ tal-Kummissjoni jidher li jinjora l-kliem ċar tal-Artikolu 1(1) — li għalih jagħmel referenza l-Artikolu 3(1) — li jgħid li r-Regolament jadotta regoli ġenerali fir-rigward ta’, inter alia, “miżuri amministrattivi u penali”.

    54.

    It-tieni nett, il-Kummissjoni targumenta li l-kliem tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) juri li l-Artikolu 3(1) kollu għandu x’jaqsam esklużivament ma’ irregolaritajiet li jwasslu għall-impożizzjoni ta’ penali amministrattivi ( 42 ).

    55.

    Jidhirli li l-Artikolu 3(1), moqri fl-intier tiegħu, jistabbilixxi sistema ġenerali ta’ preskrizzjoni. It-terminu ta’ preskrizzjoni normali huwa ta’ erba’ snin (l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1)). Il-problemi partikolari li jinħolqu b’irregolaritajiet kontinwi jew ripetuti huma indirizzati fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1). Kwalunkwe att tal-awtoritajiet kompetenti li għandu x’jaqsam ma’ investigazzjonijiet jew proċeduri legali huwa biżżejjed biex jinterrompi l-preskrizzjoni (it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1)). Ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) jistabbilixxi regola ġenerali li l-preskrizzjoni normalment issir effettiva (inkluża kwalunkwe interuzzjoni taħt it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1)) wara tmien snin. Hemm żewġ eċċezzjonijiet biss għal din ir-regola: (a) fejn l-awtoritajiet kompetenti jkunu imponew penali (taħt l-Artikolu 5) jew (b) fejn il-proċedura amministrattiva tkun ġiet sospiża skont l-Artikolu 6(1). Fl-ewwel każ, l-Artikolu 3(2) jipprovdi għal terminu massimu ta’ tliet snin li fih id-deċiżjoni li tistabbilixxi l-penali amministrattiva għandha tiġi implementata. Fit-tieni każ, japplikaw id-dispożizzjonijiet speċjali dettaljati tal-Artikolu 6. Fil-fehma tieghi, tali interpretazzjoni tagħti sinjifikat koerenti lir-regoli tal-preskrizzjoni. B’kuntrast ma’ dan, l-interepretazzjoni tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) issuġġerita mill-Kummissjoni tgħawweġ it-tifsira naturali tal-ewwel tliet subparagrafi ta’ din id-dispożizzjoni.

    56.

    Kif indikajt, ma nikkunsidrax li l-kliem attwali tar-Regolament jista’, mingħajr tgħawwiġ, jingħata t-tifsira sostnuta mill-Kummissjoni. Jekk il-Kummissjoni hija korretta meta tistqarr li l-ħsieb tal-leġiżlatur kien li t-terminu ta’ preskrizzjoni għandu japplika esklużivament għal penali amministrattivi, fil-fehma tiegħi jkun xieraq li l-Kummissjoni tipproponi emenda ta’ kjarifika lill-Kunsill, aktar milli titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrevedi d-deċiżjoni tagħha fis-sentenza Handlbauer.

    57.

    It-tielet nett, l-Artikolu 3(1) jifforma parti mit-taqsima tar-Regolament intitolata “Il-prinċipji ġenerali”. Bħala prinċipju, il-portata tiegħu għandha tiġi interpretata b’mod wiesgħa.

    58.

    Ir-raba’ nett, l-Artikolu 3(1) għandu jiġi kkunsidrat fil-kuntest tad-dritt amministrattiv li jifforma parti minnu. Hawnhekk, il-Kummissjoni tindika li t-terminu ta’ preskrizzjoni għal penali amministrattivi jiġi kkalkolat mill-mument li fih isseħħ l-irregolarità, filwaqt li fil-każ ta’ rkupru ta’ vantaġġi miksuba indebitament, dan jibda jiddekorri mill-għoti tal-vantaġġ. Il-Kummissjoni mbagħad titlaq mill-premessa li l-aħħar waħda minn dawn l-avvenimenti dejjem tiġi qabel tal-ewwel. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni ssostni li, skont is-sentenza Handlbauer, esportatur li jkun ikkommetta irregolarità (kemm jekk twassal għal miżuri amministrattivi ta’ rkupru kemm jekk twassal għal penali amministrattiva), se jiġi ttrattat aħjar minn esportatur li ma kkommetta ebda irregolarità, minħabba din id-differenza fil-punt tat-tluq tat-terminu ta’ preskrizzjoni.

    59.

    Madankollu, il-premessa tal-Kummissjoni hija waħda falza. Mhuwiex neċessarjament il-każ li l-vantaġġ jingħata qabel ma ssir l-irregolarità. Pereżempju, jekk l-irregolarità tikkonsisti f’informazzjoni li tkun ġiet irreġistrata ħażin fil-formola tal-applikazzjoni, l-ordni li fih iseħħu ż-żewġ avvenimenti jinqaleb. Jekk, fi kwalunkwe każ partikolari, esportatur imurx aħjar taħt il-liġi nazzjonali jew taħt ir-Regolament ikun jiddependi kemm fuq meta jseħħu dawn iż-żewġ avvenimenti kif ukoll fuq jekk il-liġi nazzjonali tistipulax terminu ta’ preskrizzjoni itwal jew iqsar mir-Regolament. Dan ma jipprovdix bażi soda għar-reviżjoni tal-ġurisprudenza Handlbauer.

    60.

    Nikkonkludi li t-terminu ta’ preskrizzjoni previst fl-Artikolu 3(1) huwa applikabbli b’mod ġenerali għal miżuri amministrattivi bħall-irkupru ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni mogħtija b’riżultat ta’ irregolaritajiet, kif ukoll għal penali amministrattivi.

    61.

    Peress li r-risposti li qed nipproponi għall-ewwel żewġ domandi huma t-tnejn fl-affermattiv, se ngħaddi biex nikkunsidra t-tielet domanda.

    It-tielet domanda

    62.

    Bit-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qed tfittex li tikkjarifika x’marġni għandhom l-Istati Membri, taħt l-Artikolu 3(3), sabiex jidderogaw mill-Artikolu 3(1).

    63.

    Din id-domanda għandha żewġ elementi. L-ewwel nett, id-dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali inkwistjoni trid tkun ġiet ippromulgata wara li jkun daħal fis-seħħ ir-Regolament Nru 2988/88 biex tibbenefika mid-deroga? It-tieni nett, kemm għandha tkun speċifika l-leġiżlazzjoni?

    L-ordni kronoloġiku

    64.

    L-Artikolu 3(3) jistipula li l-Istati Membri jistgħu “iżommu” l-possibbiltà li japplikaw terminu ta’ preskrizzjoni itwal ( 43 ). Il-kelma “iżommu” tindika — fil-fehma tiegħi, b’mod mhux ambigwu — li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li kienet ġa teżisti qabel ma ġie fis-seħħ ir-Regolament Nru 2988/95 m’għandhiex għalfejn tiġi abrogata. Leġiżlazzjoni bħal din hija koperta bid-deroga. L-Istati Membri jistgħu jintroduċu wkoll leġiżlazzjoni ġdida li tapplika termini ta’ preskrizzjoni itwal, peress li l-poter tagħhom li jagħmlu dan huwa ppreżervat bid-deroga. Li ma jistgħux jagħmlu huwa li jintroduċu terminu ta’ preskrizzjoni iqsar. Tali interpretazzjoni hija konsistenti mal-għan tar-Regolament li jiġġieled kontra atti li huma ta’ ħsara għall-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet ( 44 ).

    L-ispeċifiċità

    65.

    Il-kamp ta’ applikazzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni stabbilit bl-Artikolu 3(1) huwa definit fl-Artikolu 1(1) u fl-Artikolu 1(2). It-terminu ta’ preskrizzjoni huwa t-terminu li japplika għal proċeduri fir-rigward ta’ “irregolaritajiet” kif definiti fl-Artikolu 1(2) ( 45 ). Minn dan isegwi li kwalunkwe leġiżlazzjoni li tfittex li tidderoga mill-Artikolu 3(1) abbażi tal-Artikolu 3(3) għandha wkoll taqa’ f’dan il-kamp ta’ applikazzjoni.

    66.

    Fil-fehma tiegħi, il-Paragrafu 195 tal-BGB ma jissodisfax dan it-test.

    67.

    Il-BGB jinkludi l-kodifikazzjoni ġenerali tad-dritt ċivili Ġermaniż. It-terminu ta’ preskrizzjoni stipulat fil-Paragrafu 195 tal-BGB huwa dispożizzjoni ġenerali tad-dritt ċivili. M’għandux, bħala tali, x’jaqsam ma’ kwistjonijiet tad-dritt amministrattiv. B’mod partikolari, mhuwiex applikabbli per se għall-irkupru ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni li ngħataw indebitament ( 46 ).

    68.

    Jidher li, qabel ma daħal fis-seħħ ir-Regolament Nru 2988/95, il-qrati Ġermaniżi applikaw il-Paragrafu 195 tal-BGB b’analoġija għal sitwazzjonijiet li jinvolvu l-irkupru amministrattiv ta’ somom ta’ flus. Applikazzjoni b’analoġija mhijiex applikazzjoni li tidderoga b’mod ċar u mhux ambigwu mit-terminu ta’ preskrizzjoni standard stipulat bir-Regolament għal proċeduri rigward “kull ksur ta’ dispożizzjoni tal-liġi tal-Komunità li tirriżulta minn att jew nuqqas ta’ operatur ekonomiku, li għandu, jew li jista’ jkollu, l-effett li jippreġudika l-budget ġenerali tal-Komunità”. Ir-Regolament Nru 2988/95 issa jipprovdi għal terminu ta’ preskrizzjoni standard (normalment, erba’ snin). Peress li huwa inkluż f’regolament, dan it-terminu ta’ preskrizzjoni huwa direttament applikabbli. L-applikazzjoni ta’ terminu ta’ preskrizzjoni itwal abbażi ta’ analoġija ġudizzjarja preċedenti tmur direttament kontra r-rekwiżiti taċ-ċertezza legali. Għal din ir-raġuni, jiena tal-fehma li t-terminu ta’ preskrizzjoni ġenerali fil-Paragrafu 195 tal-BGB ma jistax jiġi applikat abbażi tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament.

    69.

    Il-fatt li fiż-żmien meta seħħew il-fatti, it-terminu ta’ preskrizzjoni fil-Paragrafu 195 tal-BGB kien ta’ tletin sena ngħata attenzjoni kunsiderevoli f’ċerti osservazzjonijiet bil-miktub. Li kieku r-Regolament ma kienx applikabbli, dawn l-argumenti tabilħaqq setgħu jkunu rilevanti għal diskussjoni jekk kienx xieraq li l-Paragrafu 195 tal-BGB jiġi applikat b’analoġija għal proċeduri amministrattivi għall-irkupru ta’ somom ta’ flus imħallsin mill-baġit tal-Komunitajiet. Madankollu, ġaladarba r-Regolament Nru 2988/95 daħal fis-seħħ, it-tul attwali tat-terminu ta’ preskrizzjoni nazzjonali li l-awtoritajiet nazzjonali qed ifittxu li japplikaw isir irrilevanti. L-applikazzjoni b’analoġija m’għadhiex iktar aċċettabbli.

    70.

    Proprju għal din ir-raġuni, ma tqum l-ebda diffikultà minħabba l-fatt li l-emenda tal-2002 għall-Paragrafu 195 tal-BGB naqqset it-terminu ta’ preskrizzjoni ġenerali għal tliet snin. Peress li l-Paragrafu 195 tal-BGB ma jistax, fil-fehma tiegħi, ikompli jiġi applikat b’analoġija għall-irkupru ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni li ġew irċevuti indebitament b’riżultat ta’ xi irregolarità, it-terminu ta’ tliet snin stipulat fih ma jipprekludix it-terminu ta’ erba’ snin speċifikat fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1). Fi kliem sempliċi, iż-żewġ dispożizzjonijiet joperaw fi sferi differenti. Konsegwentement, m’hemm ebda konflitt bejniethom.

    71.

    Għall-finijiet ta’ kompletezza, inżid ngħid li kwalunkwe liġi nazzjonali li żżomm terminu ta’ preskrizzjoni speċifiku (itwal) applikabbli għal proċeduri rigward ħlasijiet li jkunu ġew irċevuti indebitament li jippreġudikaw il-baġit tal-Komunitajiet trid tkun konformi mal-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju (bħan-nondiskriminazzjoni) u tkun proporzjonata sabiex taqa’ taħt id-deroga tal-Artikolu 3(3). Peress li t-terminu ta’ preskrizzjoni standard taħt ir-Regolament Nru 2998/95 huwa ta’ erba’ snin, terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tletin sena fi kwalunkwe każ huwa sproporzjonat.

    72.

    Għalhekk nikkonkludi li l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2988/95 japplika għal termini ta’ preskrizzjoni itwal stipulati bil-liġi nazzjonali qabel ma ġie adottat dan ir-regolament, bil-kundizzjoni li tali termini ta’ preskrizzjoni kienu jew huma speċifikament applikabbli għal proċeduri li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament u jissodisfaw il-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju.

    Konklużjoni

    73.

    Għalhekk nirrakkomanda li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domandi magħmula mill-Bundesfinanzhof kif ġej:

    (1)

    Peress li t-terminu ta’ preskrizzjoni previst fl-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95, tat-18 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea huwa proċedurali, mhux sostantiv, dan it-terminu ta’ preskrizzjoni japplika anki jekk l-irregolarità inkwistjoni ġiet kommessa jew waqfet qabel ma daħal fis-seħħ ir-Regolament.

    (2)

    It-terminu ta’ preskrizzjoni previst fl-Artikolu 3(1) huwa applikabbli b’mod ġenerali għal miżuri amministrattivi bħall-irkupru ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni mogħtija b’riżultat ta’ irregolaritajiet, kif ukoll għal penali amministrattivi.

    (3)

    L-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2988/95 japplika għal termini ta’ preskrizzjoni itwal stipulati bil-liġi nazzjonali qabel ma ġie adottat dan ir-regolament, bil-kundizzjoni li tali termini ta’ preskrizzjoni kienu jew huma speċifikament applikabbli għal proċeduri li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament u jissodisfaw il-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

    ( 2 ) ĠU 1995 L 312, p. 1.

    ( 3 ) L-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 729/70/KEE tal-Kunsill, tal-21 ta’ April 1970, dwar il-finanzjament tal-politika komuni agrikola (ĠU Edizzjoni Speċjali bl-Ingliż, Serje I, Kapitolu 1970(I), Ġabra p. I-218) kien jobbliga speċifikament lill-Istati Membri li jiżguraw li tranżazzjonijiet iffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija (iktar ’il quddiem il-“FEAGG”) — inklużi rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi — attwalment ġew imwettqa u eżegwiti b’mod korrett, li jimpedixxu u jieħdu passi kontra irregolaritajiet u li jirkupraw ammonti mitlufin b’riżultat ta’ irregolaritajiet jew negliġenza. Madanakollu, dan ma stabbilixxa ebda terminu ta’ preskrizzjoni rigward azzjonijiet bħal dawn.

    ( 4 ) Ara f’dan ir-rigward, it-tnax-il premessa tar-Regolament.

    ( 5 ) Fiż-żmien meta seħħew il-fatti, ma kienx hemm regoli settorjali rilevanti.

    ( 6 ) Deskritt espressament b’dan il-mod mill-qorti nazzjonali fid-digriet tar-rinviju: “In Deutschland bestand in dem hier in Betracht zu ziehenden Zeitraum keine Vorschrift, welche die Verjährung eines Anspruches auf Rückforderung zu Unrecht gewährter Ausfuhrerstattung oder — allgemeiner — zu Unrecht gewährter verwaltungsrechtlicher Vergünstigungen speziell regelte. Von der Verwaltung und der Rechtsprechung wurde insofern vielmehr das Bürgerliche Gesetzbuch (BGB) entsprechend angewandt […]”

    ( 7 ) Josef Vosding Schlacht, Kühl- und Zerlegebetrieb GmbH & Co (iktar ’il quddiem “Josef Vosding”; Kawża C-278/07), Vion Trading GmbH (iktar ’il quddiem “Vion”; Kawża C-279/07) u Ze Fu Fleischhandel GmbH (iktar ’il quddiem “Ze Fu”; Kawża C-280/07). It-tlieta li huma għall-bidu kienu rikorrenti quddiem il-Finanzgericht Hamburg u issa huma l-konvenuti fil-proċeduri quddiem il-qorti tar-rinviju.

    ( 8 )

    ( 9 ) Bid-deċiżjonijiet tat-23 ta’ Settembru 1999 (dwar Josef Vosding) u tat- (dwar Vion u Ze Fu).

    ( 10 ) Għal eżempju reċenti, ara s-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2008, Danske Svineproducenter (C-491/06, Ġabra p. I-3339, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 11 ) Għalkemm jista’ jkun hemm xi dubju dwar il-mument preċiż li fih seħħet l-irregolarità nfisha, il-qorti tar-rinviju titlaq mill-premessa li l-applikazzjoni kienet ivvizzjata b’irregolarità fl-1993, qabel ma ġie fis-seħħ ir-Regolament fl-1995. Jien se nagħmel l-istess.

    ( 12 ) Ara sentenza tat-23 ta’ Frar 2006, Molenbergnatie (C-201/04, Ġabra p. I-2049, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 13 ) Sentenzi maqgħuda tat-12 ta’ Novembru 1981, SRL Meridionale Industria Salumi et (212/80 sa 217/80, Ġabra p. 2735, punti 9 u 10 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 14 ) C-279/05, Ġabra p. I-239.

    ( 15 ) Ara l-punti 40 sa 44 tas-sentenza, b’mod partikolari l-punt 42, u l-punti 68 u 79 tal-konklużjonijiet tiegħi.

    ( 16 ) Il-punt 26 tas-sentenza Vonk jirrileva li l-aħħar operazzjoni ta’ esportazzjoni kkonċernata saret fit-28 ta’ Settembru 1994. It-terminu ta’ preskrizzjoni ġie interrott f’żewġ okkażjonijiet b’azzjonijiet amministrattivi tat-tip deskritt fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1). Id-deċiżjoni li titlob il-ħlas lura tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ġġib id-data tat-. Għalhekk, l-avvenimenti li taw lok għall-proċeduri seħħew qabel ma r-Regolament daħal fis-seħħ fl-1995, imma d-deċiżjoni amministrattiva kkontestata ttieħdet wara. Għalhekk ir-Regolament evidentement ma kienx qed jiġi applikat għall-proċeduri li kienu “pendenti” fiż-żmien meta daħal fis-seħħ.

    ( 17 ) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12.

    ( 18 ) Il-Gvern Ċek jargumenta li m’hemmx bżonn li tiġi dibattuta l-kwistjoni tal-effett retroattiv, peress li d-dispożizzjoni tirregola l-ġejjieni ta’ sitwazzjoni li qed tibqa’ tipproduċi effetti. Madankollu, peress li s-sitwazzjoni qamet qabel ir-Regolament, jidhirli li l-kwistjoni tar-retroattività hija waħda valida.

    ( 19 ) Punt 39 tas-sentenza.

    ( 20 ) Punt 41 tas-sentenza.

    ( 21 ) L-Avukat Ġenerali Jacobs jikkunsidra li l-Artikolu 221(3) “huwa regola ta’ preskrizzjoni tal-azzjonijiet”, b’mod li l-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni ma taffettwax l-eżistenza tad-dejn innifsu (ara l-punt 40 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Molenbergnatie).

    ( 22 ) F’dan ir-rigward, l-Artikolu 3(1) tar-Regolament jista’ forsi jiġi kkuntrastat mal-Artikolu 221(3) tal-Kodiċi Doganali, li ġie ttrattat fil-kawża Molenbergnatie. Dan tal-aħħar jippermetti l-komunikazzjoni lid-debitur wara l-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni, meta d-dejn doganali jkun ir-riżultat ta’ att li seta’ jagħti lok għal proċeduri quddiem qorti kriminali b’mod li l-awtoritajiet doganali ma setgħux jistabbilixxu l-ammont eżatt legalment dovut (il-korsiv miżjud minni) — fattur li huwa nieqes mill-Artikolu 3(1) tar-Regolament.

    ( 23 ) Ara nota ta’ qiegħ il-paġna 12 iktar ’il fuq.

    ( 24 ) Punti 9 u 10 tas-sentenza u l-ġurisprudenza ċċitata, ipparafrażati fil-punt 25 iktar ’il fuq.

    ( 25 ) Ir-raba’ premessa.

    ( 26 ) It-tielet u r-raba’ premessi.

    ( 27 ) Wieħed jista’ jgħid li l-kumpanniji kellhom aspettattivi leġittimi li t-terminu ta’ preskrizzjoni ma jiġix estiż — bla dubju, f’dan il-każ huwa ġie mqassar b’mod sostanzjali minn dak li kien applikabbli preċedentement taħt il-liġi nazzjonali.

    ( 28 ) U mhux japplika biss għal miżuri li jammontaw għal penali.

    ( 29 ) Sentenza ta l-24 ta’ Ġunju 2004 (C-278/02, Ġabra p. I-6171).

    ( 30 ) Jiġifieri, l-irregolaritajiet taħt l-Artikolu 5.

    ( 31 ) Jiġifieri, irregolaritajiet taħt l-Artikolu 4.

    ( 32 ) Ara l-punti 32 sa 34 tas-sentenza.

    ( 33 ) Artikolu 4(1).

    ( 34 ) Pereżempju, fejn l-awtorità amministrattiva inkwistjoni ħallset rifużjoni fuq l-esportazzjoni lill-benefiċjarju bi żball u qed tfittex li tirkupraha. Din il-kwistjoni tqum fil-kawża Bayerische Hypotheken-und Vereinsbank (C-281/07), li hija attwalment pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

    ( 35 ) Ara l-punt 30 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano (sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2001, Bowden et, C-133/00, Ġabra p. I-7031).

    ( 36 ) Ara l-punti 39 sa 53 tal-konklużjonijiet, u b’mod partikolari l-punt 52.

    ( 37 ) Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Marzu 2003, José Marti Peix vs Il-Kummissjoni (T-125/01, Ġabra p. II-865). L-appell f’dik il-kawża kien jikkonċerna punt ta’ liġi differenti.

    ( 38 ) Ara l-Artikolu 1(2) u l-Artikolu 4.

    ( 39 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Bayerische Hypotheken, iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 34, li tikkonċerna l-irkupru ta’ rifużjoni fuq l-esportazzjoni mħallsa indebitament lil esportatur b’riżultat ta’ żball min-naħa tal-Hauptzollamt, fejn ma kien hemm ebda irregolarità.

    ( 40 ) Korsiv miżjud minni.

    ( 41 ) Ara s-sentenza Handlbauer, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 29, punti 32 u 33, u t-tielet u l-ħames premessi tar-Regolament. Id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Vonk, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, hija wkoll ibbażata fuq il-premessa li t-terminu ta’ preskrizzjoni fl-Artikolu 3(1) japplika għall-proċeduri kollha, mhux biss għal proċeduri li jwasslu għall-impożizzjoni ta’ penali amministrattivi.

    ( 42 ) Jidher li din id-diċitura ħassbet ukoll lill-qorti tar-rinviju.

    ( 43 ) L-artikolu juża “conservent” bil-Franċiż; “behalten” bil-Ġermaniż. Bħall-verżjoni Ingliża, it-tnejn jindikaw ċar li d-dispożizzjoni tkopri leġiżlazzjoni preeżistenti li tistipula terminu ta’ preskrizzjoni itwal. Il-Kummissjoni tissuġġerixxi, b’mod konvinċenti, li kieku dan ma kienx il-każ, kien jintuża minflok verb bħal “applika” (“appliquer” jew “anzuwenden”).

    ( 44 ) Ara t-tielet u r-raba’ premessi. Rigward l-implikazzjonijiet tal-emenda tal-2002 għall-Paragrafu 195 tal-BGB (li tirriduċi t-terminu ta’ preskrizzjoni f’dik id-dispożizzjoni għal tliet snin, ara l-punt 70 iktar ’l isfel).

    ( 45 ) Ara l-punt 60 iktar ’il fuq.

    ( 46 ) Ara l-punt 14 iktar ’il fuq.

    Top