Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CA0048

    Kawża C-48/07: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tat- 22 ta' Diċembru 2008 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Cour d'appel de Liège — Il-Belġju) — L-Istat Belġjan — SPF Finances vs Les Vergers du Vieux Tauves SA (Taxxi fuq il-kumpanniji — Direttiva 90/435/KEE — Status ta' kumpannija prinċipali — Sehem fil-kapital — Żamma ta' ishma b'użufrutt)

    ĠU C 44, 21.2.2009, p. 6–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    21.2.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 44/6


    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tat-22 ta' Diċembru 2008 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Cour d'appel de Liège — Il-Belġju) — L-Istat Belġjan — SPF Finances vs Les Vergers du Vieux Tauves SA

    (Kawża C-48/07) (1)

    (Taxxi fuq il-kumpanniji - Direttiva 90/435/KEE - Status ta' kumpannija prinċipali - Sehem fil-kapital - Żamma ta' ishma b'użufrutt)

    (2009/C 44/09)

    Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

    Qorti tar-rinviju

    Cour d'appel de Liège

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrent: L-Istat Belġjan — SPF Finances

    Konvenuta: Les Vergers du Vieux Tauves SA

    Suġġett

    Talba għal deċiżjoni preliminari — Cour d'appel ta' Liège — Interpretazzjoni tal-Artikoli 3, 4 u 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 90/435/KEE, tat-23 ta' Lulju 1990, dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta' Stati Membri differenti (ĠU L 225, p. 6) — Kunċett ta' sehem fil-kapital ta' kumpannija sussidjarja stabbilita fi Stat Membru ieħor — Suffiċjenza ta' dritt ta' użufrutt fuq iż-żamma ta' ishma fil-kapital jew ħtieġa, għall-finijiet tat-tnaqqis tad-dividendi miġbura, ta' sehem fil-kapital bi proprjetà sħiħa?

    Dispożittiv

    Il-kunċett ta' żamma ta' sehem fil-kapital ta' kumpannija ta' Stat Membru ieħor skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 90/435/KEE, tat-23 ta' Lulju 1990, dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta' Stati Membri differenti, ma jinkludix iż-żamma ta' ishma b'użufrutt.

    Madankollu, b'mod konformi mal-libertajiet ta' ċirkolazzjoni ggarantiti mit-Trattat KE, applikabbli għas-sitwazzjonijiet transkonfinali, meta Stat Membru, sabiex jevita t-tassazzjoni doppja ta' dividendi rċevuti, jeżenta mit-taxxa kemm id-dividendi li kumpannija residenti tirċievi mingħand kumpannija residenti oħra li fiha żżomm ishma bi proprjetà assoluta kif ukoll dawk li kumpannija residenti tirċievi mingħand kumpannija residenti oħra li fiha żżomm ishma b'użufrutt, dan għandu japplika, għall-finijiet tal-eżenzjoni tad-dividendi rċevuti, l-istess trattament għad-dividendi rċevuti minn kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor mingħand kumpannija residenti li żżomm ishma bi proprjetà assoluta kif ukoll ta' tali dividendi rċevuti minn kumpannija residenti li żżomm l-ishma b'użufrutt.


    (1)  ĠU C 82, 14.4.2007.


    Top