Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62006CJ0487

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tat-22 ta' Diċembru 2008.
    British Aggregates Association vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej u ir-Renju Unit.
    Appell - Għajnuna mill-Istat - Taxxa ambjentali fuq il-granulat fir-Renju Unit.
    Kawża C-487/06 P.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2008 I-10515

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2008:757

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

    22 ta’ Diċembru 2008 ( *1 )

    “Appell — Għajnuna mill-Istat — Taxxa ambjentali fuq il-granulat fir-Renju Unit”

    Fil-Kawża C-487/06 P,

    li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, imressaq fis-27 ta’ Novembru 2006,

    British Aggregates Association, irrappreżentata minn C. Pouncey, solicitor, assistit minn L. Van den Hende, advocaat,

    rikorrenti,

    il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

    Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn J. Flett, B. Martenczuk u T. Scharf, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    konvenuta fl-ewwel istanza,

    Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn T. Harris, M. Hall u G. Facenna, bħala aġenti,

    intervenjent fl-ewwel istanza,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

    komposta minn A. Rosas, President tal-Awla, A. Ó Caoimh, J. N. Cunha Rodrigues (Relatur), U. Lõhmus u A. Arabadjiev, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

    Reġistratur: R. Grass,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-17 ta’ Lulju 2008,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tal-appell tagħha, British Aggregates Association (iktar ’il quddiem “BAA” jew l-“appellanti”) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tat-13 ta’ Settembru 2006, British Aggregates vs Il-Kummissjoni (T-210/02, Ġabra p. II-2789, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha hija ċaħdet ir-rikors tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2002) 1478 finali, tal-24 ta’ April 2002, dwar il-fajl tal-għajnuna mill-Istat Nru 863/01 — Ir-Renju Unit: It-taxxa fuq il-granulat (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

    Fatti li wasslu għall-kawża

    2

    Il-fatti li wasslu għall-kawża huma esposti fil-kliem li ġejjin fil-punti 1 sa 25 tas-sentenza appellata:

    “1

    British Aggregates Association hija assoċjazzjoni li tiġbor impriżi indipendenti żgħar li jaħdmu f’barrieri fir-Renju Unit. Hija tinkludi 55 membru li jaħdmu f’iktar minn 100 barriera.

    2

    Il-granulat huwa materjal granuluż, kimikament inerti, użat fis-settur tal-bini u tax-xogħlijiet pubbliċi. Huwa jista’ jiġi użat pereżempju bħala mili jew saborra, jew taħlit għal ma affarijiet li jgħaqqdu, bħas-siment (li permezz tiegħu jsir il-konkrit) jew l-asfalt. Xi materjal naturalment granuluż bħar-ramel u ż-żrar jistgħu jsiru permezz ta’ għarbiel. Materjal ieħor, bħall-blat iebes, għandu jitkisser qabel l-għarbiel. Il-granulat użat għal attivitajiet differenti għandu jissodisfa l-ispeċifikazzjoni korrispondenti, u l-proprjetajiet fiżiċi tal-materjal ta’ oriġini jiddeterminaw jekk huwiex tajjeb għall-attività maħsuba. Għaldaqstant, l-ispeċifikazzjonijiet fil-qasam ta’ mili huma inqas ristretti minn dawk għall-kisi tat-toroq, li min-naħa tagħhom huma inqas ristretti minn dawk għas-superfiċji għal użu intensiv bħall-kisi mill-ġdid tat-toroq jew is-saborra tal-linji tal-ferroviji. Varjetà akbar ta’ materjal tista’ tiġi użata bħala granulat għall-użu fejn ir-restrizzjonijiet huma inqas filwaqt li l-materjal li jirrispondi għar-restrizzjonijiet akbar jinsab f’inqas kwantità.

    Il-Finance Act 2001

    3.

    L-Artikoli 16 sa 49 tat-tieni parti tal-Finance Act 2001 (liġi tal-finanzi għas-sena 2001, iktar ’il quddiem il-“liġi”) u l-Annessi tagħha 4 sa 10 jistabbilixxu taxxa li tissejjaħ Aggregates Levy fuq il-granulat, iktar ’il quddiem l-“AGL” jew it-“taxxa”) fir-Renju Unit.

    4.

    Id-dispożizzjonijiet li jipprovdu l-istabbliment tal-AGL daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ April 2002, skont ir-regolament ta’ implementazzjoni tal-liġi.

    5.

    Il-liġi ġiet emendata permezz tal-Artikoli 129 sa 133 u tal-anness 38 tal-Finance Act 2002 (liġi dwar il-finanzi għas-sena 2002). Id-dispożizzjonijiet kif emendati jipprovdu eżenzjonijiet favur skart (spoils) li jirriżulta mill-estrazzjoni ta’ ċerti minerali, b’mod partikolari l-lavanja, is-skistu, it-tafal tal-balla u l-kaolina. Barra minn hekk, huma żiedu perijodu tranżitorju għall-introduzzjoni tat-taxxa fl-Irlanda ta’ Fuq.

    6.

    L-AGL hija applikata bir-rata’ ta’ 1.60 lira sterlina (GBP) għal kull tunnellata ta’ granulat li jkun is-suġġett ta’ użu kummerċjali (Artikolu 16(4) tal-liġi).

    7.

    L-Artikolu 16(2) tal-liġi kif emendata jgħid li l-AGL hija dovuta meta kwantità ta’ granulat taxxabbli hija suġġetta għal użu kummerċjali fir-Renju Unit sa mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-liġi. Għaldaqstant hija tikkonċerna l-granulat kollu importat kif ukoll dak estratt fir-Renju Unit.

    8

    L-Artikolu 13(2)(a) tar-regolament ta’ implementazzjoni jippermetti lil minn jaħdem f’dan is-settur li jibbenefika minn eżenzjoni mit-taxxa meta l-granulat taxxabbli jiġi esportat jew ittrasportat barra mir-Renju Unit mingħajr ma jirċievi trattament ieħor.

    9

    L-Artikolu 17(1) tal-liġi kif emendata jipprovdi:

    “F’din il-parti, ‘granulat’ ifisser (bla ħsara għall-Artikolu 18 iktar ’l isfel) il-blat, iż-żrar jew ir-ramel, kif ukoll is-sustanzi kollha li huma provviżorjament inkorporati jew naturalment imħallta miegħu.”

    10

    L-Artikolu 17(2) tal-liġi jipprovdi li granulat mhuwiex taxxabbli f’erba’ każijiet: jekk huwa espressament eżentat; jekk kien użat qabel għal skopijiet ta’ bini; jekk kien diġà suġġett għal taxxa fuq il-granulat, jew jekk, fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-liġi, ma jinsabx fuq il-post ta’ oriġini tiegħu.

    11

    L-Artikolu 17(3) u (4) tal-liġi kif emendata jipprovdi xi każijiet ta’ eżenzjoni mit-taxxa.

    12

    Barra minn hekk, l-Artikolu 18(1), (2) u (3) tal-liġi kif emendata jiddeskrivi l-proċessi eżentati mit-taxxa u s-sustanzi kkonċernati minn din l-eżenzjoni.

    Il-Proċedura amministrattiva kontenzjuża quddiem il-qorti nazzjonali

    13

    Permezz ta’ ittra tal-24 ta’ Settembru 2001, il-Kummissjoni rċeviet [l-ewwel] ilment […] mingħand żewġ impriżi li ma kellhom ebda konnessjoni mar-rikorrenti u li talbu li l-identità tagħhom tinżamm mill-Istat Membru kkonċernat, skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 659/199 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88] tat-Trattat tal-KE (ĠU L 83, p. 1). Il-persuni li għamlu l-ilment fis-sustanza osservaw li kienu jikkostitwixxu għajnuna mogħtija mill-Istat l-esklużjoni ta’ xi materjal mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-AGL, l-eżenzjoni tal-esportazzjonijiet u d-derogi li jikkonċernaw l-Irlanda ta’ Fuq.

    14

    Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Novembru 2001, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq innotifika lill-Kummissjoni bl-għajnuna mogħtija mill-Istat intitolata ‘Introduzzjoni permezz ta’ fażijiet tat-taxxa fuq il-granulat fl-Irlanda ta’ Fuq’.

    15

    Permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Frar 2002, il-Kummissjoni kkomunikat sinteżi tal-ewwel ilment lil dan l-Istat Membru, u stiednitu, minn naħa, jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fuq dan l-ilment u, min-naħa l-oħra, jipprovdi informazzjoni addizzjonali fuq l-AGL, li huwa għamel permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Frar 2002.

    16

    Fil-11 ta’ Frar 2002, ir-rikorrenti ressqet rikors kontra l-AGL quddiem il-High Court of Justice […]. Hija invokat b’mod partikolari l-ksur tar-regoli Komunitarji fil-qasam tal-għajnuna mogħtija mill-Istat. Permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ April 2002, il-High Court of Justice ċaħdet ir-rikors filwaqt li awtorizzat lir-rikorrenti tressaq appell quddiem il-Court of Appeal […] [BAA]. Peress li din effettivament ippreżentat appell, il-Court of Appeal ordnat is-sospensjoni tal-proċedura, fir-rigward tal-introduzzjoni ta’ dan ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

    17

    Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ April 2002, ir-rikorrenti kienet sadanittant ippreżentat ilment mal-Kummissjoni, fir-rigward tal-AGL […]. Hija fis-sustanza ssostni li l-esklużjoni ta’ xi materjal mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-AGL kif ukoll l-eżenzjoni tal-esportazzjonijiet kien jikkostitwixxi għajnuna mogħtija mill-Istat. Fir-rigward tad-derogi li jikkonċernaw l-Irlanda ta’ Fuq, innotifikati mill-awtoritajiet tar-Renju Unit, dawn huma inkompatibbli mas-suq komuni.

    Id-deċiżjoni [kkontestata]

    18

    Fl-24 ta’ April 2002, il-Kummissjoni adottat [id-deċiżjoni kkontestata, li kellha l-għan] li ma tqajjimx oġġezzjonijiet fir-rigward tal-AGL […].

    19

    Fit-2 ta’ Mejju 2002, id-deċiżjoni [kkontestata] ġiet ikkomunikata lir-rikorrenti mill-awtoritajiet tar-Renju Unit. Din kienet ġiet formalment innotifikata lilha mill-Kummissjoni permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Ġunju 2002.

    20

    Fid-Deċiżjoni tagħha (premessa 43), il-Kummissjoni tqis li t-taxxa ma tinkludix element ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat skont l-Artikolu 87(1) KE, sa fejn il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha tiġġustifika ruħha bil-loġika u n-natura tas-sistema fiskali. Barra minn hekk, hija tqis li l-eżenzjoni mogħtija lill-Irlanda ta’ Fuq, li kienet ġiet innotifikata lill-Kummissjoni, hija kompatibbli mas-suq komuni.

    21

    Filwaqt li tiddeskrivi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-AGL, il-Kummissjoni ssostni, fis-sustanza, li din it-taxxa ser tiġi imposta fuq il-granulat pur, ‘iddefinit bħala granulat prodott minn riżervi naturali ta’ minerali li jkunu parti mill-ewwel estrazzjoni’, u komposti ‘minn biċċiet ta’ blat, ramel u żrar li jistgħu jiġu użati fl-istat naturali tagħhom jew wara trattament mekkaniku bħat-tkissir, il-ħasil u t-tkejjil’(premessi 8 u 9). Fir-rigward tal-materjal eskluż u l-għanijiet mixtieqa, hija tindika fil-premessi 11 sa 13 tad-deċiżjoni [kkontestata]:

    ‘L-AGL mhux ser tiġi imposta fuq materjal li huwa sekondarju jew fuq skart ta’ proċessi oħra. Skont l-awtoritajiet Brittanniċi, fost dan il-materjali hemm l-iskart tas-skistu u tal-kaolina, materjal mormi minn mineral grezz wara li jissaffa, irmied, gagazza minn fran sħan, l-iskart tal-ħġieġ, u l-gomma. Bl-istess mod, hija ma taffettwax il-granulat irriċiklat, kategorija li fiha jidħlu l-blat, ir-ramel u ż-żrar li kienu ġew użati tal-anqas darba (ġeneralment fis-settur tal-bini u tax-xogħlijiet pubbliċi).

    Skont l-awtoritajiet Brittanniċi, l-esklużjoni ta’ tali materjal mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-AGL hija intiża sabiex tinkoraġġixxi l-użu tiegħu inkwantu materjal ta’ kostruzzjoni u sabiex titnaqqas l-estrazzjoni eċċessiva tal-granulat pur, u għaldaqstant tiġi inkoraġġata ġestjoni razzjonali tar-riżorsi.

    L-istimi inizjali tal-awtoritajiet Brittanniċi jerrħu fuq l-ipoteżi li l-AGL ser tippermetti li jitnaqqas il-volum tat-talba tal-granulat pur għal 20 miljun tunnellata kull sena bħala medja, sabiex tirrapporta talba annwali fir-Renju Unit minn 230 sa 250 miljun tunnellata.’

    22

    Għal dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni relattiva fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-AGL, id-Deċiżjoni [kkontestata] tipprovdi fil-premessi 29 u 31:

    ‘Il-Kummissjoni tirrileva li l-AGL ser tolqot biss l-użu kummerċjali tal-blat, tar-ramel u ż-żrar użat inkwantu granulat. Hija mhux ser tolqot dan il-materjal jekk jintuża għal skopijiet oħra. L-AGL ser tiġi imposta biss fuq il-granulat pur. Hija mhux ser tiġi ntaxxata fuq il-granulat estratt inkwantu prodott sekondarju jew skart ta’ proċessi oħra (granulat sekondarju) lanqas fuq il-granulat irriċiklat. Konsegwentement, il-Kummissjoni tqis li l-AGL tikkonċerna biss xi setturi ta’ attività u xi impriżi. B’hekk hija tinnota li għandu jiġi evalwat jekk il-kamp ta’ evalwazzjoni tal-AGL jiġġustifika ruħu bil-loġika u l-ekonomija tas-sistema fiskali.

    […] [I]r-Renju Unit, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-libertà tiegħu li jiddetermina s-sistema fiskali nazzjonali tiegħu, stabbilixxa l-AGL b’mod li jimmassimizza r-rikors għal granulat irriċiklat jew għal prodotti ta’ sostituzzjoni oħra fir-rigward tal-granulat pur u sabiex jippromwovi użu razzjonali tal-granulat pur, riżors naturali li ma jerġax jiġġedded. It-theddida fuq l-ambjent li l-estrazzjoni tal-granultat jirrappreżenta, li r-Renju Unit jixtieq jillimita [permezz ta’] l-AGL jinkludi fastidju minħabba l-istorbju, it-trabijiet, it-theddida għall-biodiversità u d-degradazzjonijiet viżivi.’

    23

    Il-Kummissjoni ddeduċiet minn dan, fil-premessa 32, li ‘l-AGL hija taxxa speċifika, fejn il-kamp ta’ applikazzjoni huwa limitat ħafna, iddefinit mill-Istat Membru infunzjoni tal-karatteristiċi proprji tas-settur ta’ attività kkonċernata.’ u li ‘[l]-istruttura u l-portata tat-taxxa jirriflettu d-distinzjoni ċara bejn l-estrazzjoni ta’ granulat pur, li jkollu konsegwenzi mhux mixtieqa għall-ambjent, u l-produzzjoni ta’ granulat sekondarju jew irriċiklat li jirrappreżenta kontribuzzjoni importanti għat-trattament tal-blat, żrar u ramel li jirriżulta mit-tħaffir, minn xogħlijiet oħra jew minn trattamenti effettwati legalment f’attivitajiet differenti’.

    24

    Fir-rigward tal-eżenzjoni tal-granulat esportat mingħajr ma jkun għadda minn tibdil fuq it-territorju tar-Renju Unit, id-deċiżjoni [kkontestata] tipprovdi fil-premessa 33:

    ‘[…] tali soluzzjoni tiġġustifika ruħha mill-fatt li l-granulat jista’ jiġi eżentat fir-Renju Unit jekk jiġi użat fi proċessi ta’ fabbrikazzjoni eżentati (eżempju, il-fabbrikazzjoni tal-ħġieġ, tal-plastik, tal-karta, tal-fertilizzanti u tal-pestiċidi). Peress illi l-awtoritajiet Brittanniċi ma jistgħux jeżerċitaw kontoll fuq l-użu tal-granulat barra t-territorju tagħhom, l-eżenzjoni tal-esportazzjonijiet hija imposta għaċ-ċertezza legali tal-esportaturi tal-granulat u sabiex tevita trattament mhux ugwali tal-esportaturi tal-granulat li jistgħu fil-każ kuntrarju jibbenefikaw minn eżenzjoni ġewwa r-Renju Unit.’

    25

    Il-Kummissjoni tikkonkludi fil-premessa 34:

    ‘[L-]impożizzjoni ta’ taxxa fuq l-estrazzjoni ta’ granulat pur ser tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-estrazzjoni ta’ granulat primarju, it-tnaqqis tal-użu ta’ riżorsi li ma jerġgħux jiġġeddu u l-konsegwenzi dannużi għall-ambjent. B’hekk il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-vantaġġi li jistgħu jiżviluppaw għall-benefiċċju ta’ xi impriżi għar-raġuni tad-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-AGL huma ġġustifikati minħabba n-natura u l-ekonomija ġenerali tas-sistema fiskali.’

    Ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u s-sentenza appellata

    3

    Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-12 ta’ Lulju 2002, BAA ressqet rikors intiż għal annullament parzjali tad-deċizjoni kkontestata.

    4

    B’digriet tal-President tat-28 ta’ Novembru 2002, ir-Renju Unit tħalla jintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

    5

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti invokat, fl-ewwel lok, il-ksur tal-Artikolu 87(1) KE, fit-tieni lok, in-nuqqas ta’ motivazzjoni, fit-tielet lok, il-ksur mill-Kummissjoni tal-obbligu tagħha li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali u, fir-raba’ lok, il-ksur minn din l-istituzzjoni tal-obbligi tagħha matul l-eżami preliminari.

    6

    Mingħajr ma tqajjem l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà formali, il-Kummissjoni kkontestat l-ammissibbiltà tar-rikors. billi ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ma kkonċernatx lir-rikorrenti “individwalment”, skont ir-raba’ inċiż tal-Artikolu 230 KE.

    7

    Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza, għall-motivi mniżżla fil-punti 45 sa 68 ta’ din is-sentenza, iddikjarat li r-rikors kien ammissibbli. Barra minn dan, hija ċaħdet l-ewwel u t-tieni motivi, eżaminati konġuntament, imbagħad it-tielet u r-raba’ motivi għall-motivi msemmija rispettivament fil-punti 104 sa 156, 163 sa 173 u 177 sa 180 tas-sentenza appellata. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet ir-rikors kollu kemm huwa.

    It-talbiet tal-partijiet fl-appell

    8

    BAA titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tiċħad l-appell inċidentali;

    tannulla s-sentenza appellata;

    tannulla d-deċiżjoni kkontestata, ħlief fir-rigward tal-eżenzjoni tal-Irlanda ta’ Fuq;

    tikkundanna l-Kummissjoni u l-intervenjent għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

    9

    Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla s-sentenza appellata u tiddeċiedi li r-rikors kien inammissibbli, jew, fin-nuqqas,

    tiċħad l-appell bħala inammissibbli u/jew infondat;

    tikkundanna lill-BAA għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

    10

    IL-Gvern tar-Renju Unit jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appell kollu kemm huwa.

    Fuq l-appell inċidentali

    11

    Peress li l-appell inċidentali ppreżentat mill-Kummissjoni jirrigwarda l-ammissibbiltà tar-rikors ippreżentat minn BAA quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, liema kwistjoni hija preliminari għall-kwistjoni rigward il-mertu mqajma mill-appell prinċipali, huwa neċessarju li l-appell inċidentali jiġi evalwat l-ewwel.

    12

    Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi meta ddikjarat ir-rikors ammissibbli. L-aggravju jinqasam f’żewġ partijiet.

    Fuq l-ewwel parti tal-aggravju ta’ inammissibbiltà

    L-argumenti tal-partijiet

    13

    Skont il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi meta injorat in-natura ta’ miżura ta’ portata ġenerali tal-AGL. Din il-miżura tistabbilixxi impożizzjoni fiskali li l-kundizzjonijiet tagħha huma fformulati fi kliem oġġettivi u astratti u tikkostitwixxi b’hekk miżura normattiva ta’ portata ġenerali li taffettwa numru potenzjalment illimitat ta’ operaturi fir-Renju Unit.

    14

    Meta l-miżura ta’ għajnuna għandha portata diretta u ġenerali, id-deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni tapprova miżura tali jkollha hija stess portata ġenerali u ma tistax, għaldaqstant, tiġi kkunsidrata bħala att li jirrigwarda “individwalment” il-benefiċjarji tal-miżura jew il-kompetituri tagħhom, fis-sens tal-Artikolu 230(4) KE kuntrarjament għal dak li l-Qorti tal-Prim’Istanza tkun iddeċidiet.

    15

    Il-Kummissjoni tfakkar f’dan ir-rigward li, meta, bħal f’din il-kawża, ir-rikorrenti tikkontesta l-fondatezza tad-deċiżjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet, il-ġurisprudenza tissuġġetta l-ammissibbiltà ta’ din il-kontestazzjoni għall-kundizzjoni li l-pożizzjoni tar-rikorrenti fuq is-suq tkun affettwata b’mod sostanzjali permezz tal-għajnuna li hija s-suġġett tad-deċiżjoni inkwistjoni. Minn naħa l-oħra, fil-każ fejn ir-rikorrenti beħsiebha tikkontesta deċiżjoni li ma tiftaħx l-proċedura ta’ investigazzjoni formali sabiex tipproteġi d-drittijiet proċedurali tagħha ggarantiti permezz tal-Artikolu 88(2) KE, huwa biżżejjed li hija tkun “parti interessata” fis-sens ta’ dan l-aħħar artikolu sabiex tkun tista’ tikkontesta din id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Mejju 1993, Cook vs Il-Kummissjoni, C-198/91, Ġabra p. I-2487, punt 23, u tal-15 ta’ Ġunju 1993, Matra vs Il-Kummissjoni, C-225/91, Ġabra p. I-3203, punt 17).

    16

    Kriterju iktar strett minn dak tal-effett sostanzjali tal-pożizzjoni fis-suq tar-rikorrenti għandu jiġi applikat sabiex jiġi vverifikat jekk din tal-aħħar hija individwalment ikkonċernata meta, bħal f’dan il-każ, l-iskema ta’ għajnuna hija ta’ ordni ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Frar 1988, Kwekerij van der Kooy et vs Il-Kummissjoni, 67/85, 68/85 u 70/85, Ġabra p. 219, punt 15; tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tal-5 ta’ Ġunju 1996, Kahn Scheepvaart vs Il-Kummissjoni, T-398/94, Ġabra p. II-477, punti 39 sa 41, kif ukoll tal-11 ta’ Frar 1999, Arbeitsgemeinschaft Deutscher Luftfahrt-Unternehmen u Hapag-Lloyd vs Il-Kummissjoni, T-86/96, Ġabra p. II-179, punt 45).

    17

    Il-Kummissjoni tosserva wkoll li, minkejja n-natura ġenerali tal-miżura, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punti 58 sa 66 tas-sentenza appellata, ibbażatat ruħha interament fuq l-effetti allegati tal-AGL fuq is-sitwazzjoni kompetittiva ta’ tlieta mill-membri ta’ BAA. L-għażla ta’ dawn it-tliet membri mhija ġġustifikata minn ebda ċirkustanza li hija speċifika għalihom.

    18

    Barra minn dan, il-membri ta’ BAA mhumiex l-uniċi impriżi li jbatu l-effetti negattivi tat-taxxa. Ħafna minn impriżi oħra huma negattivament milquta mill-AGL u, minħabba l-mod oġġettiv u astratt li bih l-obbligu għall-ħlas tat-taxxa huwa stabbilit, in-numru ta’ impriżi kkonċernati huwa potenzjalment illimitat. Għaldaqstant, id-deċiżjoni li tapprova l-AGL ma tirrigwarda individwalment l-ebda mill-impriżi milquta.

    19

    Il-konferma tal-approċċ adottat mill-Qorti tal-Prim’Istanza għandha implikazzjonijiet sistematiċi sostanzjali, sa fejn id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar miżuri allegati ta’ għajnuna ta’ portata ġenerali, b’mod partikolari fil-forma ta’ miżuri fiskali, ikunu jistgħu għalhekk jiġu kkontestati minn numru potenzjalment illimitat ta’ persuni sal-punt li jipprekludu minn kull tifsira l-kunċett “individwalment ikkonċernat” fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE.

    20

    BAA minn naħa tagħha tosserva mill-bidu nett li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet li hija ssodisfat il-kriterju tal-effett sostanzjali tal-pożizzjoni tagħha fis-suq ikkonċernat. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ma kinitx, għaldaqstant, eżaminat jekk il-fatt li hija kienet “parti interessata” fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE kienx biżżejjed sabiex ir-rikors jiġi ddikjarat ammissibbli filwaqt li hija qajmet motivi oħra bħal dak ibbażat fuq in-nuqqas tat-twettiq tal-obbligu tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

    21

    Skont BAA, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma wettqitx żball ta’ liġi meta hija kienet naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni n-natura ta’ miżura ta’ portata ġenerali tal-AGL. Il-ġurisprudenza ma tiddiferenzjax skont in-natura ġenerali jew individwali tal-miżura inkwistjoni fl-eżami tal-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament ippreżentat minn kompetitur kontra deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 88(3) KE.

    22

    Barra minn dan, għalkemm in-natura ta’ miżura ta’ portata ġenerali jew ta’ deċiżjoni individwali li għandha miżura ta’ għajnuna tkun tista’ tikkostitwixxi kriterju ta’ ammissibbiltà tal-azzjoni ppreżentata minn wieħed mill-benefiċjarji tal-imsemmija miżura, dan mhuwiex il-każ fir-rigward ta’ rikors ippreżentat minn kompetitur. In-natura li għandha miżura ta’ għajnuna m’għandhiex ikollha effett fuq in-numru ta’ kompetituri milquta, u lanqas fuq il-mod kif huma milquta. B’hekk, skont BAA, sussidju “individwali” imħallas lil impriża partikolari jista’ jaffettwa numru indeterminat ta’ kompetituri, li jistgħu kollha jiġu milquta fil-kwalità tagħhom ta’ kompetituri.

    23

    Is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Kwekerij van der Kooy et vs Il-Kummissjoni u Arbeitsgemeinschaft Deutscher Luftfahrt-Unternehmen u Hapag-Lloyd vs Il-Kummissjoni huma manifestament irrilevanti sa fejn huma kellhom jirrikonoxxu rikorsi ppreżentati mill-benefiċjarji potenzjali kontra deċiżjonijiet skont l-Artikolu 88(2) KE. Fis-sentenza Kahn Scheepvaart vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, l-effetti tal-miżura ta’ għajnuna fuq is-sitwazzjoni kompetittiva tar-rikorrenti ma kinux stabbiliti, filwaqt li, f’dan il-każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li l-effetti tal-miżura inkwistjoni fuq is-sitwazzjoni kompetittiva tal-membri ta’ BAA huma sostanzjali.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    24

    Permezz tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, il-Kummissjoni tikkontesta l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza fuq l-ammissibbiltà tar-rikors sa fejn hija kkonkludiet li d-deċiżjoni kkontestata tirrigwarda BAA “individwalment”, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE filwaqt li l-portata ġenerali ta’ din id-deċiżjoni kellha twassal lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tikkonkludi li BAA ma kinitx individwalment ikkonċernata b’din id-deċiżjoni.

    25

    Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, kull persuna fiżika jew ġuridika tista’ tippreżenta rikors kontra deċiżjoni indirizzata lil persuna oħra fil-każ biss li l-imsemmija deċiżjoni tirrigwarda lil dik il-persuna direttament u individwalment.

    26

    Skont ġurisprudenza kostanti, persuni li mhumiex id-destinatarji ta’ deċiżjoni ma jistgħux jallegaw li huma kkonċernati individwalment ħlief fil-każ li din id-deċiżjoni tolqothom minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzahom fil-konfront ta’ kull persuna oħra u, minħabba dan il-fatt, tindividwalizzahom b’mod analogu għal kif ikun id-destinatarju ta’ tali deċiżjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni, 25/62, Ġabra p. 197, p. 223; tad-19 ta’ Mejju 1993, Cook vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 20; tal-15 ta’ Ġunju 1993, Matra vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 14; tat-13 ta’ Diċembru 2005, Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, C-78/03 P, Ġabra p. I-10737, punt 33, kif ukoll tal-11 ta’ Settembru 2008, Il-Ġermanja et vs Kronofrance, C-75/05 P u C-80/05 P, Ġabra p. I-6619, punt 36).

    27

    Peress li dan ir-rikors jirrigwarda deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar għajnuna mill-Istat, għandu jiġi mfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ stħarriġ tal-għajnuna mill-Istat prevista fl-Artikolu 88 KE, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, il-fażi ta’ eżami preliminari tal-għajnuna stabbilita fl-Artikolu 88(3) KE, li għandha biss l-għan li l-Kummissjoni tkun tista’ tasal għal opinjoni preliminari dwar il-kompatibbiltà parzjali jew totali tal-għajnuna kkonċernata u, min-naħa l-oħra, il-fażi tal-eżami prevista fl-Artikolu 88(2) KE. Huwa biss fil-kuntest ta’ din il-fażi tal-eżami, li hija intiża sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiġbor informazzjoni kompleta dwar id-data kollha tal-kawża, li t-Trattat jobbliga lill-Kummissjoni tistieden lill-partijiet sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom (ara s-sentenzi Cook vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22; Matra vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 16; tat-2 ta’ April 1998, il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C-367/95 P, Ġabra p. I-1719, punt 38; Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34, kif ukoll Il-Ġermanja et vs Kronofrance, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37).

    28

    Minn dan jirriżulta li, meta, mingħajr ma tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 88(2) KE, il-Kummissjoni tikkonstata, permezz ta’ deċiżjoni meħuda abbażi tal-Artikolu 88(3) KE, li għajnuna mill-Istat hija kompatibbli mas-suq komuni, il-benefiċjarji ta’ dawn il-garanziji proċedurali jistgħu jiksbu l-osservanza ta’ din il-proċedura biss jekk ikollhom il-possibbiltà jikkontestaw din id-deċiżjoni quddiem il-qorti Komunitarja. Għal dawn ir-raġunijiet, rikors intiż għall-annullament ta’ deċiżjoni bħal din, imressaq minn parti interessata fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE, jiġi ddikjarat ammissibbli meta l-għan tal-persuna li tressaq ir-rikors jkun li, b’dan il-mod, tħares id-drittijiet proċedurali tagħha taħt din id-dispożizzjoni tal-aħħar (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, punt 35 u ġurisprudenza ċċitata, u Il-Ġermanja et vs Kronofrance, punt 38).

    29

    Il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-opportunità tippreċiża li tali partijiet interessati huma l-persuni, l-impriżi jew l-assoċjazzjonijiet li jistgħu jiġu affettwati fl-interessi tagħhom permezz tal-għoti ta’ għajnuna, jiġifieri, b’mod partikolari, l-impriżi li jikkompetu mal-benefiċjarji ta’ din l-għajnuna u l-organizzazzjonijiet professjonali (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, punt 41; Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, punt 36, kif ukoll Il-Ġermanja et vs Kronofrance, punt 39).

    30

    Min-naħa l-oħra, jekk l-appellanta tikkontesta l-fondatezza tad-deċiżjoni ta’ evalwazzjoni tal-għajnuna bħala tali, is-sempliċi fatt li hija tista’ titqies li hija “parti interessata” fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE mhuwiex biżżejjed biex ir-rikors jiġi kkunsidrat bħala ammissibbli. Din il-persuna jkollha tipprova li hija għandha status partikolari fis-sens tal-ġurisprudenza Plaumann vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq. B’mod partikolari, dan ikun il-każ meta l-pożizzjoni tar-rikorrenti fis-suq tkun affettwata sostanzjalment mill-għajnuna li hija s-suġġett tad-deċiżjoni inkwistjoni (sentenzi tat-28 ta’ Jannar 1986, Cofaz et. vs Il-Kummissjoni, 169/84, Ġabra p. 391, punti 22 sa 25; Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37, kif ukoll Il-Ġermanja et vs Kronofrance, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40).

    31

    Kuntrarjament għall-argument sostnut mill-Kummissjoni, il-portata ġenerali tad-deċiżjoni kkontestata, li tirriżulta minn dak li din id-deċiżjoni għandha bħala għan li tawtorizza skema fiskali li tapplika kategorija ta’ operaturi stabbiliti b’mod ġenerali u astratt, mhijiex ta’ natura li ttellef l-applikazzjoni tal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq.

    32

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi li l-fatt li att għandu, min-natura u l-portata tiegħu, applikazzjoni ġenerali peress li tkun tapplika għall-operaturi ekonomici kkonċernati inġenerali ma jeskludix minħabba f’hekk li dan jista’ jikkonċerna individwalment lil uħud minn dawn l-operaturi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Mejju 1994, Codorniu vs Il-Kunsill, C-309/89, Ġabra p. I-1853, punt 19, kif ukoll tat-22 ta’ Ġunju 2006, Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni, C-182/03 u C-217/03, Ġabra p. I-5479, punt 58).

    33

    Fir-rigward tal-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament kontra skema ġenerali ta’ għajnuniet, il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod partikolari ddeċidiet reċentement li assoċjazzjoni mwaqqfa biex tippromwovi l-interessi kollettivi ta’ kategorija ta’ individwi, li kellha l-għan li tikseb l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata fuq il-merti, setgħet titqies bħala li hija kkonċernata individwalment sa fejn “il-pożizzjoni tal-membri tagħha fis-suq intlaqtet b’mod sostanzjali” mill-iskema ta’ għajnuniet li kienet is-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata (ara sentenza Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, iċċitata iktar ’il fuq, punt 70).

    34

    Għall-kumplament, kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punti 40 sa 43 tal-Konklużjonijiet tiegħu, l-argument imressaq mill-Kummissjoni, li skontu kriterju iktar strett minn dak tal-effett sostanzjali tal-pożizzjoni fuq is-suq ikkonċernat għandu jiġi applikat sa fejn id-deċiżjoni kkontestata tirrigwarda skema ġenerali ta’ għajnuniet, ma jistax jiġi dedott mis-sentenzi ċċitati mill-Kummissjoni.

    35

    Jirriżulta minn dak li jippreċedi li, hija x’inhi n-natura, individwali jew ġenerali tal-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni, meta r-rikorrent jikkontesta l-fondatezza tad-deċiżjoni ta’ evalwazzjoni tal-għajnuna bħala tali, huwa għandu juri li jibbenefika minn “status partikolari” fis-sens tas-sentenza Plaumann vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, li huwa l-każ, b’mod partikolari, meta l-pożizzjoni tar-rikorrent fuq is-suq ikkonċernat hija sostanzjalment affettwata permezz tal-għajnuna li hija s-suġġett tad-deċiżjoni inkwistjoni.

    36

    Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza, meta tirrikjedi li jintwera li l-pożizzjoni ta’ BAA fuq is-suq ikkonċernat kienet affettwata sostanzjalment permezz tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, għamlet applikazzjoni eżatta tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 30 ta’ din is-sentenza.

    37

    Fil-fatt, fil-punt 54 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat, mingħajr ma ġiet ikkuntradita fuq dan il-punt mill-Kummissjoni, li BAA ma limitatx ruħha billi tikkontesta r-rifjut minn din l-istituzzjoni li tiftaħ il-proċedura formali ta’ stħarriġ, iżda li hija kkontestat ukoll il-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata.

    38

    Huwa wkoll tajjeb fid-dritt li, sabiex jiġi vverifikat l-osservanza tal-kundizzjoni li skontha l-impriża kkonċernata għandha tkun individwalment affettwata fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, il-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat jekk BAA kinitx indikat b’mod rilevanti r-raġunijiet li għalihom l-AGL setgħet taffettwa sostanzjalment il-pożizzjoni ta’ għall-inqas wieħed mill-membri tagħha fuq is-suq tal-granulat.

    39

    Kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni u kif il-Qorti tal-Prim’Istanza rrilevat ġustament fil-punt 47 tas-sentenza appellata, huwa ammissibbli r-rikors ippreżentat minn assoċjazzjoni li taġixxi f’isem wieħed jew iktar mill-membri tagħha li setgħu huma stess ippreżentaw rikors ammissibbli (ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, digriet tat-18 ta’ Diċembru 1997, Sveriges Betodlares et Henrikson vs Il-Kummissjoni, C-409/96 P, Ġabra p. I-7531, punti 46 u 47).

    40

    Għandu wkoll jiġi miċħud ukoll l-ilment tal-Kummissjoni, ibbażat fuq l-għażla arbitrarja u inġustifikata ta’ tliet membri ta’ BAA li s-sitwazzjoni kompetittiva tagħha ġiet meħuda inkunsiderazzjoni sabiex jiġi vverifikat jekk l-appellanti għandha tiġi kkunsidrata bħala “individwalment” milquta fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE.

    41

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, l-ewwel parti tal-aggravju ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda.

    Fuq it-tieni parti tal-aggravju ta’ inammissibbiltà

    L-argumenti tal-partijiet

    42

    Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi meta ma eżaminatx korrettament jekk is-sitwazzjoni kompetittiva tal-membri ta’ BAA kienet ippreġudikata b’mod sinjifikanti, sa fejn hija kkunsidrat li din il-kundizzjoni kienet sodisfatta fuq il-bażi ta’ elementi ta’ informazzjoni iżolati u mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni globali tas-suq.

    43

    Fir-rigward tat-tliet impriżi li għalihom tirreferi BAA, il-Qorti tal-Prim’Istanza rrilevat f’kull każ li ċerta parti mill-produzzjoni tagħhom hija suġġetta għall-AGL u li l-prodotti taxxati huma f’kompetizzjoni ma’ prodotti oħra mhux intaxxati. Madankollu, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma indikatx ir-raġunijiet għaliex l-impriżi kkonċernati kienu “affettwati b’mod sostanzjali fis-sitwazzjoni kompetittiva tagħhom” fis-sens tal-ġurisprudenza. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma kinitx indikat il-konsegwenzi ta’ din il-kompetizzjoni f’termini ta’ prezzijiet, ta’ sehem tas-suq jew ta’ qligħ mill-impriżi, kuntrarjament għar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-ġurisprudenza li skontha impriża ma tistax tipprevali ruħha mill-kwalità biss ta’ kompetitur meta mqabbla mal-impriża benefiċjarja, iżda għandha tistabbilixxi wkoll li hija f’sitwazzjoni li tindividwalizzaha b’mod analogu għal dik ta’ destinatarja.

    44

    Skont il-Kummissjoni, huwa possibbli li s-sehem tas-suq tal-prodotti suġġetti għall-AGL jista’ jonqos meta mqabbel ma’ prodotti u setturi oħra u li mhuwiex impossibbli li tnaqqis globali tali tas-sehem tas-suq ikun jista’ wkoll jaffettwa kull impriża tar-Renju Unit li tipproduċi l-granulat. Madankollu, effett tali jkun ta’ natura settorjali u ma jkunx dovut għal ċirkustanza speċifika partikolari għall-impriża individwali meta mqabbla ma’ impriżi oħra tas-settur ikkonċernat. Għal dawn ir-raġunijiet, l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li skontha impriża tista’ tiġi affettwata b’mod sostanzjali anki jekk is-sitwazzjoni tagħha mhijiex assolutament differenti minn dik ta’ numru ta’ impriżi oħra hija inkompatibbli mar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja.

    45

    BAA ssostni li, anki bil-presuppost li l-kriterju ta’ ammissibbiltà applikabbli jkun f’dan il-każ dak, iktar strett, mill-effett sostanzjali tal-pożizzjoni tar-rikorrenti fuq is-suq ikkonċernat, li ġie applikat mill-Qorti tal-Prim’Istanza, din tal-aħħar ikkonkludiet ġustament li l-membri tar-rikorrenti huma affettwati b’mod sostanzjali. BAA pprovdiet informazzjoni preċiża fuq l-effetti tal-AGL fuq is-sitwazzjoni kompetittiva ta’ ċerti mill-membri tagħha u l-Qorti tal-Prim’Istanza bbażat ruħha fuq dawn il-preċiżjonijiet bl-għan li tikkonkludi li s-sitwazzjoni kompetittiva tal-membri ta’ BAA kienet ġiet affettwata b’mod sostanzjali. L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza tikkostitwixxi kwistjoni ta’ fatt li ħarbet l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    46

    Permezz tat-tieni parti ta’ dan l-aggravju ta’ inammissibbiltà, il-Kummissjoni tikkontesta l-analiżi li abbażi tagħha l-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet favur l-eżistenza ta’ effett sostanzjali tal-pożizzjoni tar-rikorrenti fuq is-suq. Il-Kummissjoni tikkritika sostanzjalment il-Qorti tal-Prim’Istanza talli ma tatx ir-raġunijiet għaliex l-impriżi kkonċernati ġew affettwati b’mod sostanzjali fis-sitwazzjoni kompetittiva tagħhom u, b’mod partikolari, hija ma indikatx il-konsegwenzi ta’ din il-kompetizzjoni f’termini ta’ prezzijiet, sehem tas-suq jew qligħ mill-impriżi, kuntrarjament għar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-ġurisprudenza, li skontha impriża ma tistax tipprevali ruħha mill-kwalità waħedha ta’ kompetitur meta mqabbla mal-impriża benefiċjarja.

    47

    Jeħtieġ jiġi rrilevat li, fir-rigward tad-determinazzjoni ta’ “effett sostanzjali tal-pożizzjoni” tar-rikorrenti fuq is-suq ikkonċernat, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni li tippreċiża li s-sempliċi fatt li att jista’ jeżerċita ċerta influwenza fuq ir-relazzjonijiet ta’ kompetizzjoni li jeżistu fis-suq rilevanti u li l-impriża kkonċernata kienet tinsab f’relazzjoni kompetittiva mal-benefiċjarju ta’ dan l-att ma tista’ fl-ebda każ tkun suffiċjenti sabiex l-imsemmija impriża tista’ titqies bħala individwalment ikkonċernata mill-imsemmi att (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2007, Spanja vs Lenzing, C-525/04 P, Ġabra p. I-9947, punt 32).

    48

    Għalhekk, impriża ma tistax tibbaża ruħha biss fuq il-kwalità tagħha ta’ kompetitriċi fir-rigward tal-impriża benefiċjarja, iżda għandha turi wkoll li hija tinsab f’ċirkustanzi ta’ fatt li jindividwalizzawha b’mod analogu għal kif ikun id-destinatarju (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Spanja vs Lenzing, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33).

    49

    F’dan il-każ, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma limitatx ruħha biss sabiex tiddikjara l-eżistenza ta’ relazzjoni sempliċi ta’ kompetizzjoni bejn il-membri ta’ BAA u l-impriżi mhux suġġetta għall-AGL.

    50

    Fil-fatt, jirriżulta mill-punti 55 sa 62 tas-sentenza appellata li l-Qorti tal-Prim’Istanza bbażat ruħha fuq l-elementi li ġejja qabel ma kkonkludiet, fil-punt 63 ta’ din is-sentenza, li l-miżura statali kkontestata setgħet taffettwa s-sitwazzjoni kompetittiva ta’ xi wħud mill-membri tagħha u li dan “l-impatt kellu natura sostanzjali”

    l-AGL għandha bħala skop li ċċaqlaq parti mit-talba għal granulat pur lejn prodotti oħra, li huma eżentati sabiex jiġi inkoraġġat l-użu tagħhom inkwantu granulat u sabiex tnaqqas l-estrazzjoni tal-granulat pur. Skont l-istimi tal-awtoritajiet Brittanniċi, meħuda fid-deċiżjoni kkontestati u li mhumiex ikkontestati, din it-taxxa tippermetti li titnaqqas it-talba għal granulat pur għal madwar 8 sa 9 % fis-sena, bħala medja (punti 55 tas-sentenza appellata);

    skont l-indikazzjonijiet li l-eżattezza tagħhom mhijiex ikkontestata la mill-Kummissjoni la mill-Gvern tar-Renju Unit, xi membri ta’ BAA, b’mod partikolari Torrington Stone, Sherburn Stone Co. Ltd u Cloburn Quarry, jinsabu f’kompetizzjoni diretta ma’ produtturi ta’ materjal eżentat, li sar kompetittiv permezz tal-istabbiliment tal-AGL (punt 58 tas-sentenza appellata);

    Torrington Stone, li topera ġo barriera f’Devon, kienet tipproduċi l-ġebla tal-bini mhux maqtugħ u l-ġebla tas-superfiċji, mibjugħa bħala medja [kunfidenzjali] (1) GBP kull tunnellata, mit-tluq mill-barriera, kif ukoll ġebla tal-bini maqtugħa, mibjugħa madwar [kunfidenzjali] GBP, mit-tluq mill-barriera. Dawn il-prodotti jirrappreżentaw minn 3 sa 5 % tal-volum tal-blat estratt. Il-95 % li jibqa’ huwa rrappreżentat minn prodotti derivati jew sekondarji, fl-okkorrenza jikkostitwixxu mili ordinarju (mibjugħ bħala medja [kunfidenzjali] GBP kull tunnellata, mit-tluq mill-barriera) u mili mkisser (mibjugħ bħala medja [kunfidenzjali] GBP kull tunnellata mit-tluq mill-barriera). Hija biss il-ġebla tal-bini maqtugħa li mhijiex suġġetta għall-AGL. Qabel l-introduzzjoni tal-AGL, il-mili kien mibjugħ f’medda ta’ 50 kilometru. Sa minn din l-introduzzjoni, dan jikkompeti f’din iż-żona ma’ materjal derivat li ġej b’mod partikolari mill-barrieri tal-kaolina li jinsabu iktar ’il bogħod minn 80 kilometru, li mhumiex suġġetti għall-AGL (punt 59 tas-sentenza appellata);

    Sherburn Stone li b’mod partikolari taħdem fil-barriera fil-Yorkshire, ir-rikorrenti ppreċiżat li hija pproduċiet materjal għal speċifikazzjonijiet tekniċi għolja ddestinati għall-prodozzjoni ta’ konkrit ta’ livell għoli. Dawn il-prodotti jirrappreżentaw 50 % tal-blat estratt li fih il-prezz ta’ bejgħ medju tela’ għal [kunfidenzjali] GBP kull tunnellata, sa mit-tluq mill-barriera, huma suġġetti għall-AGL. Sa minn 50 % li jibqa’ mill-blat estratt, Sherburn Stone tipproduċi granulat fin u residwu tat-tafal, użati għall-mili u mibjugħa bħala medja [kunfidenzjali] GBP kull tunnellata, mit-tluq mill-barriera. Sa mill-istabbiliment tal-AGL, il-bejgħ ta’ dawn il-prodotti derivati sar iktar u iktar diffiċli u l-istokk tagħhom ma setax jiġi amministrat (punt 60 tas-sentenza appellata);

    Cloburn Quarry, li kienet taħdem f’barrieri fl-Iskozja, iddiriġiet il-produzzjoni tagħha lejn granulat b’kontenut qawwi li seta’ jiflaħ l-ispejjeż ta’ trasport iktar għolja. Dawn il-prodotti kollha kienu suġġetti għall-AGL. Il-frak taż-żrar aħmar u l-granit għal speċifikazzjonijiet tekniċi għolja, prodotti minn din l-impriża u użati b’mod partikolari inkwantu saborra jew fil-konkrit ta’ kwalità għolja u mal-asfalt, jinbiegħu għal prezz medju ta’ [kunfidenzjali] GBP kull tunnellata sa mit-tluq mill-barriera, ma jikkompetux ma’ materjal mhux suġġett għat-taxxa, idderivat mill-produzzjoni tal-kaolina u tal-lavanja. Min-naħa l-oħra, il-25 % ta’ prodotti derivati estratti mill-barriera ta’ Cloburn Qurarry u li jikkonsistu fuq kollox fi granulat fin, mibjugħa għal prezz medju ta’ [kunfidenzjali] GBP kull tunnellata, mit-tluq mill-barriera, sabiex iservu bħala mili, huma f’kompetizzjoni mal-materjal mhux suġġett għat-taxxa (punt 61 tas-sentenza appellata);

    l-attività ta’ dawn l-impriżi fis-suq tal-granulat mhijiex purament marġinali, fir-rigward tal-attività prinċipali tagħhom u jirriżulta mill-indikazzjonijiet elenkati iktar ’il fuq li l-użu kummerċjali tal-prodotti derivati, inkwantu granulat, jirrappreżanta parti relattivament importanti tal-attività tal-impriżi msemmija iktar ’il fuq (punt 62 tas-sentenza appellata).

    51

    B’mod parallel, il-Qorti tal-Prim’Istanza bbażat ruħha fuq l-elementi li ġejjin sabiex tikkonkludi li l-miżura statali kkontestata, inkwantu hija tirrigwarda l-eżenzjoni tal-esportazzjonijiet, setgħet taffettwa s-sitwazzjoni kompetittiva ta’ xi wħud mill-membri tagħha u li dan l-impatt kellu natura sostanzjali:

    BAA ssostni li din l-eżenzjoni għandha impatt negattiv fuq il-pożizzjoni kompetittiva tal-membri tagħha li jesportaw ftit ħafna jew xejn, kuntrarjament għall-kompetituri l-iktar importanti tagħhom fis-suq tar-Renju Unit. L-eżenzjoni tal-esportazzjonijiet tagħti lil dawn il-kompetituri, u b’mod partikolari min jaħdem fil-barriera ta’ Glensanda, minn fejn ġej iktar minn 90 % tal-granulat esportat, il-vantaġġ li ma jkollhomx telf x’jgħaddu fuq il-prezz tal-prodotti tagħhom imqegħda fis-suq tar-Renju Unit. Il-membri tar-rikorrenti min-naħa l-oħra jkollhom ibiegħu l-granulat intaxxat tagħhom b’telf u jgħaddu t-taxxa fuq il-prodotti kollha tagħhom (punt 65 tas-sentenza appellata);

    il-pożizzjoni kompetittiva tal-anqas ta’ wieħed mill-membri ta’ BAA tista’ tiġi sostanzjalment milquta mill-eżenzjoni tal-esportazzjonijiet, billi r-rikorrenti tindika, mingħajr ma tiġi kkontradetta la mill-Kummissjoni la mill-intervenjenti li, fis-suq tal-granit ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi għolja użat b’mod partikolari bħala saborra għal-linji tal-ferroviji (suġġett għall-AGL), Cloburn Qurary kienet tinsab f’relazzjoni ta’ kompetizzjoni diretta mal-barriera ta’ Glensanda, li tinsab, bħal dik maħduma minn Cloburn Quarry, fl-Iskozja. Madankollu, bħal ma BAA rrilevat fir-replika tagħha mingħajr ma kienet ġiet kuntradetta mill-partijiet l-oħra, il-barriera ta’ Glensanda tesporta 50 % tal-produzzjoni tagħha. L-eżenzjoni tal-esportazzjonijiet tal-materjal tirrispondi għal speċifikazzjonijiet tekniċi minimi għaldaqstant toffri lil-impriża li taħdem f’din il-barriera vantaġġ kompetittiv fis-suq tal-granulat għal speċifikazzjonijiet tekniċi għoja fl-Iskozja, fil-każ fejn — kuntrarjament għal Cloburn Quarry li tbiegħ b’telf il-granulat tagħha għal speċifikazzjonjiet tekniċi minimi lir-Renju Unit u tgħaddi dan it-telf fuq il-prezz tal-materjal bi speċifikazzjonijiet tekniċi għolja — l-ammont totali tal-AGL li l-barriera ta’ Glensanda jkollha tgħaddi fuq il-klijenti tagħha, fis-suq intern, huwa proporzjonalment imnaqqas bin-nofs fir-rigward tal-ammont li kompetitur li ma jesportax jgħaddi (punt 66 tas-sentenza appellata).

    52

    Jirriżulta minn dak li jippreċedi li l-Qorti tal-Prim’Istanza, minbarra li limitat ruħha sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ relazzjoni sempliċi ta’ kompetizzjoni bejn il-membri ta’ BAA u l-impriżi mhux suġġetta għat-taxxa, eżaminat tajjeb jekk il-miżura statali kkontestata setgħet taffettwa s-sitwazzjoni kompetittiva ta’ xi wħud mill-membri tagħha u jekk dan l-impatt kellux natura sostanzjali.

    53

    Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li sitwazzjoni ta’ dan it-tip, li tidentifika “persuna li mhijiex id-destinatarju ta’ deċiżjoni” fis-sens tas-sentenza Plaumann vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, fir-rigward ta’ kull operatur ekonomiku ieħor, għandha bilfors tiġi dedotta minn elementi bħal tnaqqis kunsiderevoli tad-dħul mill-bejgħ, telf finanzjarju mhux żgħir jew inkella tnaqqis sinjifikanti ta’ ishma fis-suq wara li tkun ingħatat l-għajnuna inkwistjoni. L-għoti ta’ għajnuna mill-Istat jista’ jippreġudika s-sitwazzjoni kompetittiva ta’ operatur anki b’modi oħra, b’mod partikolari, billi jikkawża telf mid-dħul jew żvilupp inqas favorevoli minn dak li kien jirriżulta fin-nuqqas ta’ tali għajnuna. Barra minn hekk, l-intensità ta’ din il-ħsara tista’ tvarja skont numru kbir ta’ fatturi bħal, b’mod partikolari, l-istruttura tas-suq inkwistjoni jew in-natura tal-għajnuna inkwistjoni. Il-prova ta’ ħsara sostanzjali lill-pożizzjoni ta’ kompetitur fis-suq ma tistax, għaldaqstant, tkun limitata għall-preżenza ta’ ċertu elementi li jindikaw li jkun mar lura fil-kapaċitajiet kummerċjali jew finanzjarji tiegħu (sentenza Il-Kummissjoni vs Lenzing, iċċitata iktar ’il fuq, punti 34 u 35).

    54

    Il-Kummissjoni tikkritika wkoll lill-Qorti tal-Prim’Istanza li ddeċidiet li BAA hija affettwata b’mod sostanzjali, minkejja li s-sitwazzjoni tagħha mhijiex assolutament differenti minn dik ta’ numru ta’ impriżi oħra, filwaqt li kien messha applikat kriterju iktar strett sabiex tistabbilixxi effett fuq il-pożizzjoni kompetittiva tar-rikorrenti fil-preżenza ta’ skema ġenerali ta’ għajnuniet bħal dak inkwistjoni.

    55

    Madankollu, kif ġie rrilevat fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, jirriżulta minn ġurisprudenza ben stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li, hija x’inhi n-natura, individwali jew ġenerali tal-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni, meta r-rikorrent jikkontesta l-fondatezza tad-deċiżjoni ta’ evalwazzjoni tal-għajnuna bħala tali, huwa għandu juri li jibbenefika minn “status partikolari” fis-sens tas-sentenza Plaumann vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, li huwa l-każ, b’mod partikolari, meta l-pożizzjoni tar-rikorrent fuq is-suq hija sostanzjalment affettwata permezz tal-għajnuna li hija s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata (ara, b’mod partikolari, sentenza Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, iċċitata iktar ’il fuq, punt 70).

    56

    Jekk tali effett huwa stabbilit, il-fatt li numru mhux definit ta’ kompetituri oħra jistgħu, meta jkun il-każ, jinvokaw dannu analogu mhux ostakolu għall-ammissibbiltà tar-rikors tar-rikorrenti. Kif l-Avukat Ġenerali rrileva wkoll fil-punt 65 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-AGL għandha bħala għan espress li jkollha impatt fuq l-istruttura tas-suq inkwistjoni, billi tmexxi parti mid-domanda mill-granulat pur lejn prodotti ta’ sostituzzjoni, b’tali mod li din it-taxxa għandha l-għan preċiżament li tipproduċi l-effetti tagħha fuq il-pożizzjoni kompetittiva tal-impriżi li joperaw fuq is-suq.

    57

    Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma wettqitx żball ta’ liġi fl-eżami tal-kundizzjoni dwar l-effett individwali tal-appellanti.

    58

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jippreċedu, it-tieni parti tal-aggravju ta’ inammissibbiltà għandha tiġi miċħuda. Għaldaqstant, l-appell inċidentali għandu jiġi miċħud kollu kemm huwa.

    Fuq l-appell prinċipali

    59

    BAA tqajjem sitt aggravji insostenn tal-appell tagħha. Hija tikkritika lill-Qorti tal-Prim’Istanza li wettqet żbalji ta’ liġi:

    meta evalwat l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat b’mod mhux oġġettiv;

    meta ma applikatx “norma ta’ kontroll”;

    meta evalwat b’mod żbaljat in-“natura u l-kuntest ġenerali” tal-AGL;

    f’dak li jirrigwarda l-eżenzjoni mill-esportazzjonijiet;

    meta kkonfermat li l-Kummissjoni ma kellha ebda obbligu li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali;

    meta kkonkludiet li d-deċiżjoni kkontestata kienet motivata biżżejjed.

    Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq evalwazzjoni żbaljata tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat

    60

    BAA tressaq tliet ilmenti insostenn ta’ dan l-aggravju. L-ewwel nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma applikatx kunċett oġġettiv ta’ għajnuna mill-Istat, kif dan jirriżulta b’mod partikolari mill-punt 117 tas-sentenza appellata. Sussegwentement, hija ddistingwiet ħażin fil-punti 120 u 121 ta’ din is-sentenza din il-kawża mill-fatti inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2001, Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke (C-143/99, Ġabra p. I-8365). Fl-aħħar, il-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi meta ammettiet li l-ekotaxxa mhijiex selettiva meta din tolqot settur speċifiku mingħajr ma jiddisponi minn definizzjoni preċiża ta’ dan is-settur.

    Fuq l-ewwel u t-tieni partijiet tal-ewwel aggravju

    61

    Billi l-ewwel u t-tieni partijiet tal-ewwel aggravju huma relatati mill-qrib, jeħtieġ li jiġu eżaminati konġuntament.

    — L-argumenti tal-partijiet

    62

    BAA tqis li l-Qorti tal-Prim’Istanza evalwat l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat b’mod mhux oġġettiv. Skont ġurisprudenza ben stabbilita, miżura fiskali applikata b’mod selettiv għal setturi komparabbli fir-rigward tal-għan segwit għandha tiġi kkwalifikata bħala għajnuna mill-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 1999, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C-75/97, Ġabra p. I-3671, punt 31).

    63

    Il-fatt li miżura fiskali jkollha għanijiet ta’ politika ġenerali mhuwiex ostakolu għall-kwalifika ta’ miżura bħala għajnuna mill-Istat. Għaldaqstant, id-differenzazzjoni magħmula minn ekotaxxa ma tistax tevita l-kwalifika ta’ għajnuna mill-Istat, ħlief bil-kundizzjoni li dan ikun iġġustifikat mil-loġika ambjentali inerenti għat-taxxa.

    64

    Skont BAA, il-Qorti tal-Prim’Istanza adottat approċċ differenti fil-punt 117 tas-sentenza appellata, ikkonfermat fil-punti 115 u 128 ta’ din is-sentenza, li minnhom jirriżulta li m’hemmx għażla jekk Stat Membru jistabbilixxi ekotaxxi f’ċerti setturi jew fuq beni jew servizzi speċifiċi, iżda ma jistabbilixxix dawn l-ekotaxxi fl-attivitajiet simili kollha li għandhom “impatt komparabbli” fuq l-ambjent jew fis-setturi ta’ użu tal-barrieri u tal-mini kollha li għandhom “l-istess impatt” fuq l-ambjent.

    65

    Fi kliem ieħor, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddikjarat espliċitament li l-impriżi ntaxxati u mhux intaxxati huma f’sitwazzjoni komparabbli fir-rigward tal-għan ambjentali segwit permezz tal-miżura inkwistjoni, mingħajr ma kkonkludiet madankollu li dawn id-differenzi jwasslu għal selettività u għal għajnuna mill-Istat, u dan anki jekk, kif il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet fil-punt 128 tas-sentenza appellata, l-għażla hija mmotivata mix-xewqa li tippreżerva l-kompettività internazzjonali ta’ xi setturi.

    66

    Barra minn dan, il-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi fil-punti 120 u 121 tas-sentenza appellata billi ddistingwiet din il-kawża mill-fatti inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke, iċċitata iktar ’il fuq, li tirrigwarda tnaqqis fuq taxxa fuq il-konsum ta’ elettriċità u ta’ gass naturali kkonsentit lil xi impriżi.

    67

    BAA ssostni, f’dan ir-rigward, li dak li huwa rilevanti huwa l-effett ta’ miżura fiskali u m’hemmx differenza bejn l-eżenzjoni ta’ taxxa ddefinita b’mod ġenerali u l-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ taxxa strettament iddelimitata. L-effett ikun l-istess inkwantu dan jiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produzzjonijiet.

    68

    L-appellanti ssostni l-argument tagħha billi tiddikjara li l-barrjieri u l-mini li jestradixxu materjali bħal-lavanja, il-kaolina, it-tafal tal-balla, il-faħam u l-faħam artab kannella, ġew esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-AGL bl-iskop speċifiku li tiġi miżmuma l-kompetittività internazzjonali tagħhom.

    69

    Il-Kummissjoni u l-Gvern tar-Renju Unit jiċħdu dawn il-kritiki.

    70

    Id-dikjarazzjoni li skontha miżura fiskali applikata b’mod selettiv għal setturi komparabbli għandha tiġi kkwalifikata bħala għajnuna mill-Istat mhijiex elaborata la permezz tal-punt 31 tas-sentenza Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, u lanqas permezz tal-ġurisprudenza ġenerali. Ekotaxxa bħall-AGL timponi piż eċċezzjonali u ma tagħtix vantaġġ selettiv lil ċerti impriżi, iżda pjuttost żvantaġġ selettiv għall-prodotturi tal-granulat. L-impriżi kollha tar-Renju Unit barra mill-produtturi tal-granulat mhumiex suġġetti għal din it-taxxa, b’mod li l-imsemmi “vantaġġ” mhuwiex selettiv fl-ebda sens tal-kelma.

    71

    Skont il-Gvern tar-Renju Unit, ekotaxxa tiddistingwi ruħha minn miżura ta’ tnaqqis tal-imposti, billi l-ewwel waħda timponi imposta eċċezzjonali għal settur ta’ attività, filwaqt li t-tieni waħda tagħti vantaġġ selettiv lil sistema ta’ imposti li li normalment jitħallsu mill-impriżi.

    72

    Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li l-inkoerenzi allegati huma ġġustifikati mil-loġika u l-għanijiet tal-AGL kif stabbiliti mir-Renju Unit. Mhijiex il-Kummissjoni li għandha tissostitwixxi ruħha għall-Istat Membru fir-rigward tad-definizzjoni tal-għanijiet ambjentali, sabiex tkompli permezz ta’ miżura fiskali awtonoma bħal ekotaxxa.

    73

    Kuntrarjament għal dak li ssostni BAA, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tirreferix, fil-punt 117 tas-sentenza appellata, għal kunċett mhux oġġettiv ta’ għajnuna mill-Istat, iżda tfakkar qabel kollox il-kontenut tal-Artikolu 6 KE, li jipprovdi li r-rekwiżiti relatati mal-protezzjoni ambjentali għandhom jiġu integrati fil-politiki Komunitarji previsti fl-Artikolu 3 KE, li jinkludi l-politika ta’ kompetizzjoni.

    74

    Il-Kummissjoni żżid li, kuntrarjament għal dak li tiddikjara BAA, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma pprovatx, fil-punt 115 tas-sentenza appellata, tiġġustifika l-eżenzjoni mill-AGL li minnha jibbenefikaw ċerti prodotti jew impriżi li, skont l-għanijiet imsegwija mill-miżura fiskali inkwistjoni, kellhom jiġu suġġetta għal din it-taxxa. Il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet pjuttost għamlet referenza għall-prerogattiva ta’ kull Stat Membru li jistabbilixxi, fl-istat attwali tad-dritt Komunitarju, l-għanijiet prijoritarji li huwa jixtieq isegwi fir-rigward ta’ protezzjoni ambjentali permezz tal-istabbilixxar ta’ ekotaxxi.

    75

    F’risposta għall-kritiki magħmula minn BAA fir-rigward tal-punt 128 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni tosserva li l-kwistjoni dwar jekk miżura tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat għandha tiġi eżaminata fuq il-bażi tal-effetti tal-miżura, u mhux skont il-kawżi jew għanijiet ta’ din tal-aħħar. Barra minn dan, l-appellanti tinjora għal darba oħra l-fatt li taxxa hija żvantaġġ iktar milli vantaġġ, raġuni li għaliha l-Istati Membri jibqgħu bħala prinċipju liberi li jastjenu ruħhom milli jimponu imposti fiskali eċċezzjonali fuq l-impriżi tagħhom.

    76

    Barra minn dan, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddistingwiet ġustament din il-kawża minn dik li tat lok għas-sentenza Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke, iċċitata iktar ’il fuq. Fir-rigward b’mod partikolari għall-għanijiet ambjentali msegwija mill-miżura inkwistjoni f’din il-kawża, il-limitazzjoni tat-tnaqqis tat-taxxa inkwistjoni fis-settur tal-manifattura, għall-esklużjoni tas-settur tas-servizzi, ma setax ikun iġġustifikat fuq il-bażi tan-natura jew tal-kuntest ġenerali tas-sistema.

    77

    Kuntradizzjoni tali ma teżistix f’din il-kawża. Jekk, f’din tal-aħħar, kien inkontestabbli li l-estrazzjoni tal-faħam jew tal-faħam artab kannella setgħet ukoll kellha ċerti implikazzjonijiet ambjentali, wieħed ma jistax jiddikjara li dawn l-implikazzjonijiet huma identiċi għal dawk tal-estrazzjoni tal-granulat u, għaldaqstant, li huma jirrikjedu neċessarjament l-impożizzjoni ta’ imposta fiskali identika. L-esklużjoni ta’ attivitajiet tali mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-taxxa hija konformi mal-kuntest ġenerali tat-taxxa.

    78

    Il-Gvern tar-Renju Unit iżid li, fis-sentenza Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke, iċċitata iktar ’il fuq, kienet kwistjoni ta’ eżenzjoni selettiva ta’ ekotaxxa li kienet altrimenti tkun applikabbli. Fi kliem ieħor, dan kien vantaġġ selettiv, filwaqt li l-esklużjoni ta’ ċerti setturi ta’ attività mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-AGL hija r-riżultat tal-loġika u tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din tal-aħħar u mhux eżenzjoni minn taxxa li kienet altrimenti tkun applikabbli.

    — Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    79

    Permezz tal-ewwel u tat-tieni partijiet ta’ dan l-aggravju, BAA ssostni li s-sentenza appellata kisret l-Artikolu 87(1) KE sa fejn il-Qorti tal-Prim’Istanza, minkejja l-konstatazzjoni li skontha l-impriżi suġġetti għall-AGL u dawk li mhumiex hekk suġġetta jinsabu fir-rigward tal-għan ambjentali mixtieq minn din it-taxxa f’sitwazzjoni komparabbli, tikkonkludi favur in-nuqqas ta’ selettività tal-miżura kkontestata. BAA tirreferi, f’dan ir-rigward, għall-punti 115, 117 u 128 tas-sentenza appellata. Hija tikkritika wkoll il-punti 120 u 121 ta’ din is-sentenza li fihom il-Qorti tal-Prim’Istanza ddistingwiet ħażin din il-kawża mill-fatti inkwistjoni f’dik li tat lok għas-sentenza Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke, iċċitata iktar ’il fuq.

    80

    Il-punti tas-sentenza appellata msemmija minn din il-parti tal-ewwel motiv jipprovdu kif ġej:

    “115

    Għandu jiġi enfasizzat f’dan ir-rigward li huwa possibbli għall-Istati Membri, li fl-istat attwali tad-dritt Komunitarju jikkonservaw, fin-nuqqas ta’ koordinazzjoni f’dan il-qasam, il-kompetenza tagħhom fil-qasam tal-politika ambjentali, li jistabbilixxu ekotaxxi settorjali sabiex jilħqu ċerti għanijiet ambjentali, imsemmija fil-punt preċedenti. B’mod partikolari l-Istati Membri huma liberi, fil-bilanċ tad-diversi interessi preżenti, li jiddeffinixxu l-prijoritajiet tagħhom fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent u sabiex konsegwentement jiddeterminaw il-proprjetajiet jew servizzi li huma jiddeċiedu li jissuġġettaw għal ekotaxxa. Minn dan isegwi li, bħala prinċipju, l-unika ċirkustanza li fiha ekotaxxa tikkostitwixxi miżura selettiva, li hija intiża għal ċerti proprjetajiet jew servizzi speċifiċi u li mhijiex suxxettibbli li tiġi relatata ma’ sistema ġenerali ta’ tassazzjoni applikabbli għall-attivitajiet simili kollha li teżerċita impatt komparabbli fuq l-ambjent, ma tippermettix li jiġi kkunsidrat li l-attivitatjiet simili, mhux suġġetti għal din l-ekotaxxa, jibbenefikaw minn vantaġġ selettiv.

    […]

    117

    [F’dan il-kuntest ġuridiku,] bħal ma l-ekotaxxi jikkostitwixxu min-natura tagħhom miżuri speċifiċi adottati mill-Istati Membri fil-kuntest tal-politika ambjentali tagħhom, qasam li fih huma jibqgħu kompetenti fin-nuqqas ta’ miżuri ta’ armonizzazzjoni, huwa obbligu tal-Kummissjoni, matul l-evalwazzjoni ta’ ekotaxxa fir-rigard tar-regoli Komunitarji dwar l-għajnuna mogħtija mill-Istat, li tieħu inkunsiderazzjoni l-eżiġenzi marbuta mal-protezzjoni tal-ambjent imsemmija fl-Artikolu 6 KE. Fil-fatt, l-imsemmi Artikolu jipprovdi li dawn l-eżiġenzi għandhom jiġu integrati fid-definizzjoni u l-implementazzjoni b’mod partikolari ta’ sistema li tassigura li ma jkunx hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern.

    […]

    120

    F’dan ir-rigward, din il-kawża tiddistingwi ruħha mill-kontroversja deċiża fis-sentenza Adria-Wien Pipeline u Wietesdorfer & amp; Peggauer Zementwerke, iċċitata iktar ’il fuq, invokata mir-rikorrenti. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mitluba teżamina mhux il-limitu tal-kamp ta’ applikazzjoni materjal ta’ ekotaxxa bħal f’dan il-każ, imma l-eżenzjoni parzjali tal-ħlas ta’ tali taxxa — stabbilita fl-okkorrenza fil-kuntest tal-Strukturanpassungsgesetz (liġi Awstrijaka fuq l-adattament tal-istrutturi) ta’ 1996, fuq il-konsum tal-gas naturali u tal-enerġija elettrika mill-impriża — mogħija lill-uniċi impriżi prodotturi ta’ proprjetà korporattiva.

    121

    Fis-sentenza msemmija iktar ’il fuq, id-differenza kkontestata b’hekk ma tirrigwardax it-tip ta’ prodott suġġett għall-ekotaxxa inkwistjoni, imma l-utilizzaturi industrijali sewwa jekk jaħdmu sew jekk le fis-setturi primarji u sekondarji tal-ekonomija nazzjonali. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-għoti ta’ vantaġġi lill-impriżi li fihom l-attività prinċipali hija l-fabbrikazzjoni ta’ proprjetà korporattiva ma ssibx ġustifikazzjoni fin-natura jew fil-kuntest ġenerali tas-sistema ta’ impożizzjoni stabbilita skont is-Strukturanpassungsgesetz. Fis-sustanza hija ddeċidiet li, fil-każ li l-konsum ta’ enerġija mis-settur tal-impriżi produtturi ta’ proprjetà korporattiva u mill-impriżi li jipprovdu servizzi kien ukoll dannuż għall-ambjent, il-kunsiderazzjonijiet ta’ ordni ekoloġika fil-bażi tal-Istrukturanpassungsgesetz ma jiġġustifikawx trattament differenti ta’ dawn iż-żewġ setturi. Huwa f’dan il-kuntest li l-Qorti tal-Ġustizzja b’mod partikolari ċaħdet l-argument tal-Gvern Awstrijak, inspirat mill-ħsieb ta’ preżervazzjoni tal-kompetittività tal-impriżi produtturi ta’ proprjetà korporattiva, fejn ir-rimborż parzjali tat-taxxi ambjentali inkwistjoni għal dawn l-impriżi biss kien iġġustifikat minħabba l-fatt li huma kienu proporzjonalment iktar affettwati mill-oħrajn mill-imsemmija taxxi (punti 44, 49 u 52 tas-sentenza).

    […]

    128

    [Fl-ewwel lok,] għandu jiġi kkonstatat li l-materjal imqiegħed fis-suq għal użu ieħor barra dak tal-granulat ma jaqax taħt is-settur suġġett għall-AGL. Kuntrarjament għall-argument tar-rikorrenti, l-eżenzjoni tagħhom b’hekk ma tippreżenta ebda natura derogatorja fir-rigward tas-sistema tal-ekotaxxa inkwistjoni. B’mod partikolari, id-deċiżjoni li tistabblixxi ekotaxxa fl-uniku settur tal-granulat — u mhux b’mod ġenerali fis-setturi ta’ użu tal-barrieri u tal-mini kollha li għandhom l-istess impatt fuq l-ambjent milli l-estrazzjoni tal-granulat - taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istat Membru kkonċernat li jiffissa l-prijoritajiet tiegħu fil-qasam ta’ politika ekonomika, fiskali u ambjentali. Tali għażla, ukoll motivata mix-xewqa li tippreżerva l-kompetittività internazzjonali ta’ xi setturi, b’hekk ma ppermettietx li tiġi ddubitata l-koerenza tal-AGL mal-għanijiet ambjentali mixtieqa (ara l-punt 115 iktar ’il fuq).”

    81

    Sabiex tingħata risposta għall-ilmenti magħmula mill-appellanti, jeħtieġ li tiġi mfakkra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-evalwazzjoni tal-kundizzjoni ta’ selettività, li hija kostituttiva tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat (sentenza tas-6 ta’ Settembru 2006, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, C-88/03, Ġabra p. I-7115, punt 54).

    82

    L-Artikolu 87(1) KE jipprojbixxi l-għajnuna mill-Istat “billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi”, jiġifieri l-għajnuna selettiva. Sabiex tiġi evalwata s-selettività ta’ miżura, għandu jiġi eżaminat jekk, fil-kuntest ta’ sistema legali partikolari, din il-miżura tikkostitwixxix vantaġġ għal ċerti impriżi meta mqabbla ma’ oħrajn li jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika simili (ara, b’mod partikolari, sentenzi tat-13 ta’ Frar 2003, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-409/00, Ġabra p. I-1487, punt 47; Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar il fuq, punt 54, kif ukoll tal-11 ta’ Settembru 2008, UGT-Rioja et, C-428/06 sa 434/06, Ġabra p. I-6747, punt 46).

    83

    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat ma jirreferix għall-miżuri tal-Istat li jintroduċu differenzazzjoni bejn l-impriżi u, għaldaqstant, a priori selettivi, meta din id-differenzazzjoni tirriżulta min-natura jew mill-iskema ġenerali tas-sistema ta’ spejjeż li jagħmlu parti minnha (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke, punt 42, u Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, punt 52).

    84

    Barra minn dan, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi li l-finalità mixtieqa mill-interventi tal-Istat mhijiex biżżejjed sabiex teżentahom għalkollox mill-kwalifika ta’ “għajnuna mill-Istat” fis-sens tal-Artikolu 87 KE (ara, b’mod partikolari, sentenzi tas-26 ta’ Settembru 1996, Franza vs Il-Kummissjoni, C-241/94, Ġabra p. I-4551, punt 21; tad-29 ta’ April 1999, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-342/96, Ġabra p. I-2459, punt 23, u Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25).

    85

    Fil-fatt, l-Artikolu 87(1) KE ma jiddistingwix skont il-kawżi jew l-għanijiet tal-interventi tal-Istat, iżda jiddefinihom skont l-effetti tagħhom (sentenzi tad-29 ta’ Frar 1996, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C-56/93, Ġabra p. I-723, punt 79; Franza vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 20; tas-17 ta’ Ġunju 1999, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25, u tat-13 ta’ Frar 2003, Spanja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46).

    86

    Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, għandu jiġi konkluż li l-Qorti tal-Prim’Istanza interpretat ħażin l-Artikolu 87(1) KE, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, meta ddeċidiet, fil-punt 115 tas-sentenza appellata, li l-Istati Membri huma liberi, fl-ibbilanċjar tad-diversi interessi preżenti, li jiddefinixxu l-prijoritajiet tagħhom fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent u li konsegwentement jiddeterminaw il-beni jew servizzi li huma jiddeċiedu li jissuġġettaw għal ekotaxxa, b’tali mod li ċ-ċirkustanza li taxxa simili ma tkunx applikabbli għall-attivitajiet simili kollha li jeżerċitaw impatt komparabbli fuq l-ambjent, ma tippermettix li jiġi kkunsidrat li l-attivitajiet simili, mhux suġġetti għal din l-ekotaxxa, jibbenefikaw minn vantaġġ selettiv.

    87

    Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 98 tat-talbiet tiegħu, dan l-approċċ, ibbażat fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tal-għan ambjentali mixtieq, jeskludi a priori kull possibbiltà li jiġi kkwalifikat bħala “vantaġġ selettiv” in-nuqqas ta’ suġġettar għat-taxxa ta’ operaturi li jinsabu f’sitwazzjonijiet komparabbli fir-rigward tal-għan mixtieq, u dan indipendentement mill-effetti tal-miżura fiskali inkwistjoni, filwaqt li l-Artikolu 87(1) KE ma jiddistingwix skont il-kawżi jew l-għanijiet tal-interventi tal-Istat, iżda jiddefinihom skont l-effetti tagħhom.

    88

    Din il-konklużjoni tgħodd iktar u iktar fir-rigward tal-punt 128 tas-sentenza appellata, li skontu inkoerenzi eventwali fid-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-AGL meta mqabbla mal-għanijiet ambjentali mixtieqa jistgħu jkunu ġġustifikati, u dan anki jekk motivati minn għanijiet differenti minn dak tal-protezzjoni ambjentali, bħax-xewqa li tinżamm l-kompetittività internazzjonali ta’ xi setturi. Għaldaqstant, id-differenzazzjoni bejn impriżi lanqas ma tista’ titqies li hija ġġustifikata permezz tan-natura jew is-sistema inġenerali li taqa’ taħtha (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, sentenza Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke, iċċitata iktar ’il fuq, punt 54).

    89

    Huwa wkoll ħażin li l-Qorti tal-Prim’Istanza ddistingwiet, fil-punti 120 u 121 tas-sentenza appellata, din il-kawża minn dik li tat lok għas-sentenza Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke, iċċitata iktar ’il fuq, minħabba li din l-aħħar sentenza rrigwardat mhux id-delimitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni materjali ta’ ekotaxxa, bħal f’dan il-każ, iżda l-eżenzjoni parzjali mill-ħlas ta’ taxxa tali mogħtija lil ċerta kategorija ta’ impriżi. Fil-fatt, l-Artikolu 87(1) KE jiddefinixxi l-interventi mill-Istat skont l-effetti tagħhom, u għalhekk indipendentement mit-tekniki użati.

    90

    Tabilħaqq, kif irrilevat il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 117 tas-sentenza appellata, huwa obbligu tal-Kummissjoni, matul l-evalwazzjoni, fir-rigward tar-regoli Komunitarji dwar l-għajnuna mogħtija mill-Istat, ta’ miżura speċifika bħal ekotaxxa adottata mill-Istati Membri f’qasam li fih huma jibqgħu kompetenti fin-nuqqas ta’ miżuri ta’ armonizzazzjoni, li tieħu inkunsiderazzjoni l-eżiġenzi marbuta mal-protezzjoni tal-ambjent imsemmija fl-Artikolu 6 KE, li skontu dawn l-eżiġenzi għandhom jiġu integrati fid-definizzjoni u l-implementazzjoni b’mod partikolari ta’ sistema li tassigura li ma jkunx hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern.

    91

    Barra minn dan, għandu jitfakkar li l-protezzjoni tal-ambjent tikkostitwixxi wieħed mill-għanijiet essenzjali tal-Komunità. F’dan is-sens, l-Artikolu 2 KE jiddisponi li l-Komunità għandha bħala kompitu li tippromwovi “livell għoli ta’ protezzjoni u titjib fil-kwalità tal-ambjent” u, għal dan il-għan, l-Artikolu 3(1)(l) KE jipprovdi għat-twettiq ta’ “politika fil-qasam tal-ambjent” (ara s-sentenzi tas-7 ta’ Frar 1985, ADBHU, 240/83, Ġabra p. 531, punt 13; tal-20 ta’ Settembru 1988, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, 302/86, Ġabra p. 4607, punt 8; tat-2 ta’ April 1998, Outokumpu, C-213/96, Ġabra p. I-1777, punt 32, u tat-13 ta’ Settembru 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-176/03, Ġabra p. I-7879, punt 41).

    92

    Barra minn dan, il-ħtieġa li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-eżiġenzi dwar il-protezzjoni tal-ambjent, leġittimi kemm ikunu, ma tiġġustifikax l-esklużjoni ta’ miżuri selettivi, anki jekk ikunu speċifiċi bħall-ekotaxxi, mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, sentenza tat-13 ta’ Frar 2003, Spanja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 54), billi t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ għanijiet ambjentali jistgħu, fi kwalunkwe każ, ikun utli fl-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq komuni skont l-Artikolu 87(3) KE.

    93

    Għal dawn ir-raġunijiet, l-ewwel u t-tieni partijiet tal-ewwel aggravju huma fondati.

    Fuq it-tielet parti tal-ewwel aggravju

    — L-argumenti tal-partijiet

    94

    Skont BAA, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma stabbilixxitx definizzjoni preċiża u oġġettiva tas-“settur tal-granulat”. L-appellanti tikkritika l-Qorti tal-Prim’Istanza b’mod partikolari għax aċċettat li ċerti tipi ta’ ġebla ġeografikament differenti, bħal-lavanja, is-skistu, it-tafal tal-balla jew il-kawlina, ma jagħmlux parti mis-settur tal-granulat u tikkritikaha talli ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-elementi ta’ prova li hija kienet ippreżentat f’dan ir-rigward sabiex turi li d-definizzjoni tas-settur tal-granulat applikata mill-Qorti tal-Prim’Istanza ma kinitx ta’ natura li tispjega d-differenza fit-trattament fiskali bejn l-impriżi li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli.

    95

    Il-Kummissjoni u l-Gvern tar-Renju Unit jikkunsidraw li BAA allegat ħażin li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma stabbilixxitx definizzjoni preċiża tas-settur ikkonċernat. Barra minn dan, il-Qorti tal-Prim’Istanza fehmet tajjeb ħafna l-kamp ta’ applikazzjoni tal-AGL u s-setturi ta’ attivitajiet ikkonċernati. Il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet innotat espliċitament li materjali tali bħal b’mod partikolari l-lavanja u s-skistu ta’ kwalità ogħla jistgħu, bħala prinċipju, jiġu użati bħala granulat minħabba l-karatteristiċi fiżiċi tagħhom. Fi kwalunkwe każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet evalwazzjoni tal-fatti li BAA ma tistax tikkontesta fil-kuntest ta’ appell.

    — Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    96

    Jirriżulta mill-Artikoli 225 KE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-Qorti tal-Prim’Istanza hija l-unika li għandha l-kompetenza, minn naħa, li tikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ fejn l-ineżatezza materjali tal-osservazzjonijiet tagħha tirriżulta minn dokumenti tal-fajl li ġew ippreżentati quddiemha, u, min-naħa l-oħra, li tevalwa dawn il-fatti. Ladarba l-Qorti tal-Prim’Istanza tkun ikkonstatat jew evalwat il-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-kompetenza li teżerċita, skont l-Artikolu 225 KE, stħarriġ fuq l-applikazzjoni tal-liġi għal dawn il-fatti u l-konsegwenzi ta’ dritt li waslet għalihom il-Qorti tal-Prim’Istanza (ara, b’mod partikolari, sentenzi tas-6 ta’ April 2006, General Motors vs Il-Kummissjoni, C-551/03 P, Ġabra p. I-3173, punt 51, kif ukoll tat-22 ta’ Mejju 2008, Evonik Degussa vs Il-Kummissjoni u Il-Kunsill, C-266/06 P, punt 72).

    97

    Il-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex kompetenti sabiex tikkonstata l-fatti u lanqas, bħala regola, sabiex teżamina l-provi li l-Qorti tal-Prim’Istanza qieset insostenn ta’ dawn il-fatti. Ladarba dawn il-provi nkisbu b’mod regolari, u l-prinċipji ġenerali tal-liġi u r-regoli ta’ proċedura applikabbli fir-rigward tal-oneru u tal-produzzjoni tal-prova ġew osservati, hija biss il-Qorti tal-Prim’Istanza li għandha tevalwa l-valur li għandu jingħata lill-elementi li ġew imressqa quddiemha. Din l-evalwazzjoni għaldaqstant ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ ta’ żnaturatezza ta’ dawn l-elementi, kwistjoni ta’ dritt imressqa, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, General Motors vs Il-Kummissjoni, punt 52, u Evonik Degussa vs Il-Kummissjoni u Il-Kunsill, punt 73).

    98

    Jeħtieġ, barra dan, li jiġi mfakkar li tali żnaturatezza għandha tidher b’mod ċar mid-dokumenti, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (ara, b’mod partikolari, sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, General Motors vs Il-Kummissjoni, punt 54, u Evonik Degussa vs Il-Kummissjoni u Il-Kunsill, punt 74).

    99

    L-appellanti tikkritika sostanzjalment lill-Qorti tal-Prim’Istanza talli ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-elementi ta’ prova li hija kienet ippreżentat quddiemha sabiex turi li ma kienx hemm raġuni oġġettiva biex ċerti tipi ta’ ġebla ġeografikament differenti, bħal-lavanja, is-skistu, it-tafal tal-balla jew il-kawlina, ma għamlux parti mis-“settur tal-granulat” u li ma eżistix, għaldaqstant, settur tali stabbilit bi preċiżjoni li jista’ jiġi distint minn “setturi” mhux suġġetti għal taxxa.

    100

    Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 96 sa 98 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza hija biss kompetenti sabiex tinterpreta l-elementi ta’ prova u tevalwa l-valur probanti tagħhom. Billi ebda żnaturatezza ta’ dawn l-elementi ta’ prova ma ġiet murija u lanqas allegata minn BAA, din il-parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

    101

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jippreċedu, l-ewwel u t-t-tieni partijiet tal-ewwel aggravju għandhom jiġu milqugħa, filwaqt li t-tielet parti ta’ dan l-aggravju għandha tiġi miċħuda.

    Fuq it-tieni aggravju, dwar il-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat mill-Qorti tal-Prim’Istanza

    L-argumenti tal-partijiet

    102

    BAA tallega li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi meta limitat l-istħarriġ tagħha, kif tistipula fil-punt 118 tas-sentenza appellata, sabiex tivverifika n-nuqqas ta’ żball manifest ċar ta’ evalwazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata minflok eżerċitat stħarriġ sħiħ fuq il-merti. L-approċċ tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li huwa xieraq fil-każ ta’ deċiżjoni li tiddikjara għajnuna kompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikolu 87(3) KE ma jkunx hekk kompatibbli meta miżura ta’ “għajnuna mill-Istat” għandha tiġi kkwalifikata fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE (ara, b’mod partikolari, sentenza tas-16 ta’ Mejju 2000, France vs Ladbroke Racing u Il-Kummissjoni, C-83/98 P, Ġabra p. I-3271, punt 25).

    103

    Skont BAA, meta ma tapplikax in-norma tajba ta’ stħarriġ, il-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi li jivvizzja l-analiżi kollha tal-merti tas-sentenza appellata. Meta tirreferi għas-“setgħa diskrezzjonali wiesgħa” tal-Kummissjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma ħaditx inkunsiderazzjoni tal-fatt li l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat huwa ta’ natura oġġettiva.

    104

    Skont il-Kummissjoni u l-Gvern tar-Renju Unit, l-appellanti tinjora l-fatt li, fil-punt 118 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tiddiskutix il-kunċett ta’ “għajnuna” fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE u lanqas l-evalwazzjoni tal-“kompatibbiltà” fis-sens tal-Artikolu 87(3) KE, iżda pjuttost il-livell ta’ stħarriġ ta’ deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 88(3) KE li ma tiftaħx il-proċedura formali tal-Artikolu 88(2) KE.

    105

    Huma jqisu li l-livell ta’ stħarriġ espost mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 118 tas-sentenza appellata huwa konformi mal-ġurisprudenza (sentenza ċċitata iktar ’il fuq, punti 45 u 46). Il-fatt li l-għajnuna mill-Istat huwa kunċett oġġettiv ma jaffettwax dan il-livell ta’ stħarriġ fundamentali li japplika għad-deċiżjonijiet meħuda skont l-Artikolu 88(3) KE.

    106

    Huma jżidu li l-motivi invokati minn BAA nfisha fl-ewwel istanza huma ntiżi sabiex juru li d-deċiżjoni kkontestata kienet ivvizzjata b’sensiela ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni.

    107

    Il-Gvern tar-Renju Unit jirrileva wkoll li, fi kwalunkwe każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma limitatx ruħha għal stħarriġ ġudizzjarju limitat, iżda wettqet stħarriġ ġudizzjarju tal-kwistjoni tad-dritt inkwistjoni.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    108

    Permezz ta’ dan l-aggravju, BAA tikkritika lill-Qorti tal-Prim’Istanza talli eżerċitat stħarriġ marġinali, limitat għan-nuqqas ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, fuq id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrifjuta li tikkwalifika l-AGL bħala “għajnuna mill-Istat” fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

    109

    Fil-punt 118 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li, fil-kuntest tal-istħarriġ tagħha ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tiftaħx il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 88(2) KE, il-qorti Komunitarja għandha sempliċiment, “fir-rigward ta’ setgħa wiesgħa ta’ evalwazzjoni li l-Kummissjoni għandha skont l-Artikolu 88(3) KE”, tivverifika r-rispett tar-regoli ta’ proċedura u ta’ motivazzjoni, l-eżattezza materjali tal-fatti applikati sabiex joperaw l-għażla kkontestata, in-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti, kif ukoll in-nuqqas ta’ distorsjoni ta’ setgħa.

    110

    Kif BAA tirrileva ġustament, il-qari tas-sentenza appellata, u b’mod partikolari tal-punti 134, 139, 154 jew 171 tagħha, jikkonferma li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet stħarriġ li jirrestrinġi l-evalwazzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-AGL tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE.

    111

    Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, kif stabbilit fit-Trattat, għandu natura legali u għandu jiġi interpretat fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi. Għal din ir-raġuni, il-qorti Komunitarja għandha, bħala regola u fid-dawl tal-elementi konkreti tal-kawża mressqa quddiemha u kif ukoll tan-natura teknika jew kumplessa tal-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni, teżerċita stħarriġ sħiħ fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk miżura tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE (ara, b’mod partikolari, sentenza Franza vs Ladbroke Racing u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25).

    112

    Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 144 tal-konklużjonijiet tiegħu, xejn ma jiġġustifika li l-Kummissjoni jkollha, meta tieħu deċiżjoni adottata bis-saħħa tal-Artikolu 88(3) KE, “setgħa kbira ta’ evalwazzjoni” fir-rigward tal-kwalifika ta’ miżura bħala “għajnuna mill-Istat” fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE li jimplika li, kuntrarjament għal dak li jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, l-istħarriġ ġudizzjarju tal-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni mhuwiex bħala regola sħiħ.

    113

    Dan huwa iktar u iktar minnu peress li, skont ġurisprudenza stabbilita, meta l-Kummissjoni mhijiex konvinta, wara l-ewwel eżami fil-kuntest tal-proċedura tal-Artikolu 88(3) KE, li l-miżura tal-Istat inkwistjoni ma tikkostitwixxix “għajnuna” fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE jew, jekk tiġi kkwalifikata bħala għajnuna, hija kompatibbli mat-Trattat, jew meta din il-proċedura ma ppermettitilhix tegħleb id-diffikultajiet kollha li qamu bl-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura kkunsidrata, din l-istituzzjoni għandha l-obbligu li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE “mingħajr ma jkollha f’dan ir-rigward marġni diskrezzjonali” (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Matra vs Il-Kummissjoni, punt 33, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, punt 39). Kif il-Qorti tal-Prim’Istanza rrilevat fil-punt 165 tas-sentenza appellata, dan l-obbligu huwa wkoll espressament ikkonfermat permezz tad-dispożizzjonijiet ikkumbinati tal-Artikoli 4(4) u 13(1) tar-Regolament Nru 659/1999.

    114

    Tabilħaqq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-istħarriġ ġudizzjarju huwa limitat fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk miżura tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE meta l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni jkunu ta’ natura teknika jew kumplessa (ara, b’mod partikolari, sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Franza vs Ladbroke Racing u Il-Kummissjoni, punt 25; Matra vs Il-Kummissjoni, punti 29 u 30; tad-29 ta’ Frar 1996, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, punti 10 u 11, u Spanja vs Lenzing, punt 56). Madankollu, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma kkonstatatx li dan kien il-każ f’din il-kawża.

    115

    Għaldaqstant, kif BAA sostniet ġustament, meta ma eżerċitat stħarriġ sħiħ fir-rigward tal-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni dwar il-kwistjoni dwar jekk l-AGL tirrileva mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE, il-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi li jivvizzja l-integralità tal-analiżi fil-merti tad-deċiżjoni kkontestata.

    116

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jippreċedu, it-tieni aggravju għandu jiġi milqugħ.

    Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi mwettqa fl-evalwazzjoni tan-natura u tal-kuntest ġenerali tal-AGL

    117

    BAA tallega li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet diversi żbalji fl-evalwazzjoni tagħha tan-natura u tal-kuntest ġenerali tal-AGL. Dawn l-allegazzjonijiet jirrigwardaw l-allegati inkoerenzi fid-definizzjoni tal-portata materjali tat-taxxa li huma dovuti għan-nuqqas ta’ inklużjoni ta’ ċerti materjali jew prodotti.

    118

    L-appellanti tqis li l-ġustifikazzjoni tejoretika tad-distinzjonijiet magħmula mill-AGL ma tikkorrispondix għall-kamp ta’ applikazzjoni vera tal-AGL. Il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet żviluppat il-loġika tagħha fir-rigward tan-natura u tal-kuntest ġenerali tal-AGL. B’dan il-mod hija kienet applikat ħażin l-Artikoli 88(3) KE u 253 KE u hija kienet interpretat ħażin il-provi li ġew imressqa quddiemha.

    119

    Il-Kummissjoni tqis li dan l-aggravju għandu jiġi ddikjarat inammissibbli, sa fejn huwa jqajjem numru ta’ kwistjonijiet ta’ fatt iktar milli ta’ liġi. BAA tallega li l-Qorti tal-Prim’Istanza interpretat ħażin il-fatti u hija tikkontesta l-konklużjonijiet fattwali espressi mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-kuntest tad-diskussjoni fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tal-AGL. Sostanzjalment, dan l-aggravju jekwivali għal talba ta’ eżami mill-ġdid, li jaqa’ barra mill-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell.

    120

    Il-Gvern tar-Renju Unit jikkunsidra wkoll li dan l-aggravju għandu jiġi ddikjarat inammissibbli, billi l-evalwazzjoni tal-elementi ta’ prova mill-Qorti tal-Prim’Istanza, l-identifikazzjoni tagħha taċ-ċirkustanzi ta’ fatt u l-konklużjonijiet li hija toħroġ mill-provi li huma mressqa lilha huma kwistjonijiet ta’ fatt li jaħarbu l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja. Anki jekk dan l-aggravju jiġi ddikjarat parzjalment ammissibbli, dan ikun manifestament infondat. Fil-fatt, skont dan il-Gvern, il-Qorti tal-Prim’Istanza setgħet validament tipproċedi għall-konstatazzjonijiet fattwali li hija effettwat relattivament fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-AGL u dawn tal-aħħar huma perfettament immotivati fid-dawl tal-elementi ta’ prova li ġew imressqa lilha.

    Kunsiderazzjonijiet preliminari

    121

    Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza kostanti, mill-Artikolu 225 KE, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Artikolu 112(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkontestati tas-sentenza li qiegħed jintalab l-annullament tagħha kif ukoll ir-raġunijiet u l-argumenti ta’ dritt li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba (ara, b’mod partikolari, sentenza tad-19 ta’ Jannar 2006, Comunità montana della Valnerina vs Il-Kummissjoni, C-240/03 P, Ġabra p. I-731, punt 105).

    122

    Għalhekk appell li sempliċement jirrepeti jew li jirripproduċi testwalment il-motivi u l-argumenti li kienu ġew ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, inklużi dawk li kienu bbażati fuq fatti espressament miċħuda minn dik il-Qorti, ma jissodisfax il-ħtiġijiet ta’ motivazzjoni li jirriżultaw mill-Artikolu 225 KE, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Artikolu 112(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, tali appell fil-verità jikkostitwixxi talba intiża sabiex tikseb sempliċi rieżami tat-talba ppreżentata quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, u dan imur lilhinn mill-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Comunità montana della Valnerina vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 106).

    123

    Madankollu, meta rikorrent jikkontesta l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju li tkun saret mill-Qorti tal-Prim’Istanza, il-punti ta’ dritt eżaminati fl-ewwel istanza jistgħu jerġgħu jiġu diskussi mill-ġdid fl-appell. Fil-fatt, li kieku rikorrent ma jkunx jista’ jibbaża l-appell tiegħu fuq motivi u argumenti li jkunu diġà ġew ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, il-proċedura tal-appell titlef parti mis-sens tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Comunità montana della Valnerina vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 107).

    124

    F’dan il-każ, dan huwa l-każ, kemm fir-rigward tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju u kif ukoll fir-rigward tat-tieni u tat-tielet partijiet tal-istess aggravju, b’tali mod li, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni, it-tielet aggravju huwa ammissibbli fit-tliet partijiet tiegħu.

    Fuq l-ewwel parti tat-tielet aggravju, dwar l-issuġġettar għall-AGL ta’ ċerti materjali puri li mhumiex użati bħala granulat u li għalihom ma jeżistux materjali ta’ sostituzzjoni

    — L-argumenti tal-partijiet

    125

    Permezz tal-ewwel parti tagħha, BAA takkuża lill-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punti 135 u 136 tas-sentenza appellata, li kkunsidrat ġustifikat, skont il-prinċipju “min iniġġes iħallas” l-impożizzjoni tal-AGL fuq xi materjali puri, bħall-granit użat għall-mili jew il-frak taż-żrar aħmar użat għas-superfiċji tat-toroq, li għalih ma jeżistix sostituti, filwaqt li d-deċiżjoni kkontestata tipprovdi li r-ramel, il-ġebla u l-frak taż-żrar li huma estratti bħala materjali puri huma eżenti mit-taxxa meta dawn mhumiex użati bħala granulat minħabba li, għal dawn l-użi, huma ma jistgħux jiġu ssostitwiti minn materjali ta’ sostituzzjoni iktar ekoloġiċi.

    126

    Billi d-deċiżjoni kkontestata applikat in-nuqqas ta’ sostituzzjoni bħala ċirkustanza ta’ natura li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-AGL ċerti użi ta’ materjali puri li huma b’mod ieħor suġġetti għal din it-taxxa, il-Qorti tal-Prim’Istanza, billi tibbaża ruħha fuq il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”, issostitwixxiet l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni sabiex tiġġustifika l-intaxxar ta’ materjali li ma jistgħux jiġu ssostitwiti. Hija kienet, barra dan, applikat dan il-prinċipju b’mod selettiv u mmotivat il-konklużjonijiet tagħha b’mod insuffiċjenti.

    127

    Il-Kummissjoni tirrispondi li BAA ma tikkunsidrax il-fatt li AGL hija taxxa settorjali, limitata għas-settur biss tal-granulat, li jispjega għaliex prodotti mhux sostitwibbli, bħar-ramel, il-ġebla u l-frak taż-żrar, li mhumiex mibjugħa u lanqas użati bħala granulat, jistgħu jiġu eżenti mit-taxxa inkwistjoni. Meta dawn l-istess prodotti jiġu użati sabiex iservu l-granulat, is-soġġettar tagħhom għall-AGL jissodisfa l-għan li jiġu internizzati l-ispejjeż tal-ambjent relatati mal-produzzjoni u mal-użu ta’ granulat pur. L-imsemmija parti tal-motiv hija għaldaqstant infondata.

    — Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    128

    Il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet fil-punt 124 tas-sentenza appellata li l-ittra ta’ notifika u d-deċiżjoni kkontestata jirreferu, minn naħa, b’mod iktar expliċitu, għall-objettiv ta’ massimizzazzjoni għall-użu ta’ granulat irriċiklat jew materjali oħra ta’ sostituzzjoni meta mqabbla mal-granulat pur u mal-promozzjoni ta’ użu raġonevoli tal-granulat pur, riżorsi naturali mhux rinovabbli u, minn naħa l-oħra, b’mod impliċitu “għall-internalizzazzjoni ta’ l-effetti ambjentali skond il-prinċipju ta’ min iniġġeż għandu jħallas”, meta huma jistipulaw fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-għanijet tal-AGL li “l-effetti fuq l-ambjent ta’ l-estrazzjoni tal-granulat intiż mit-taxxa jinkludi l-ħsejjes ta’ l-istorbju, it-trabijiet, u t-theddida bħall-biodiversità u d-degradazzjonijiet viżivi”. Il-Qorti tal-Prim’Istanza żżid fl-istess punt li dawn l-għanijiet huma speċifikati fl-ittra tar-Renju Unit lill-Kummissjoni tad-19 ta’ Frar 2002.

    129

    Jekk jiġi supponut li l-Qorti tal-Prim’Istanza ssostitwixxiet il-motivazzjoni tagħha għal dik tad-deċiżjoni kkontestata billi tirreferi fil-punt 124 tas-sentenza appellata għall-prinċipju ta’ “min iniġġeż għandu jħallas” u billi tiġġustifika, fil-punti 135 u 136 ta’ din is-sentenza, l-intaxxar ta’ prodotti li ma jistgħux ikunu sostitwiti minn prodotti ta’ sostituzzjoni fid-dawl tal-għan “intiża sabiex tikkontrolla l-effett ambjentali marbut mal-produzzjoni tal-granulat pur”, l-allegazzjoni, li skontha l-Qorti tal-Prim’Istanza żviluppat fil-punti 135 u 136 tal-imsemmija sentenza l-loġika tagħha fir-rigward tan-natura u tas-sistema ġenerali tal-AGL, ma tistax fi kwalunkwe każ tiġi aċċettata, sa fejn iċ-ċaħda tal-ilment imqajjem fl-ewwel istanza jidher fondat għal raġunijiet oħra (ara, b’mod partikolari, sentenza Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47).

    130

    Fil-fatt, kif il-Kummissjoni rrilevat tajjeb, l-allegazzjonijiet ta’ BAA, li għalihom il-Qorti tal-Prim’Istanza rrispondiet fil-punti 135 u 136 tas-sentenza appellata, huma bbażati fuq il-premessa żbaljata, li skontha l-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-AGL tal-materjali puri mhux użati bħala granulat kienet iġġustifikata min-nuqqas ta’ materjali ta’ sostituzzjoni. Kif l-Avukat Ġenerali osserva wkoll fil-punt 108 tal-konklużjonijiet tiegħu, jirriżulta mill-motivi tad-deċiżjoni kkontestata li l-esklużjoni tal-imsemmija materjali hija spjegata fir-realtà mir-rieda tal-awtoritajiet Brittaniċi li jissuġġettaw għat-taxxa inkwistjoni biss dawk li jaqgħu taħt is-settur tal-granulat.

    131

    Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq applikazzjoni selettiva tal-prinċipju “min iniġġeż għandu jħallas” għandu jiġi miċħud bħala irrilevanti u ma jidher lanqas li l-motivazzjoni tal-punti kkonċernati tas-sentenza appellata, minkejja li bbażata fuq premessa żbaljata, hija insuffiċjenti.

    132

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel parti tat-tielet aggravju għandha tiġi miċħuda kollha kemm hija.

    Fuq it-tieni parti tal-aggravju, dwar is-soġġettar għall-AGL ta’ ċerti prodotti dderivati mill-estrazzjoni ta’ materja prima mhux sostitwibbli li mhijiex soġġetta għat-taxxa

    — L-argumenti tal-partijiet

    133

    Permezz tat-tieni parti tat-tielet aggravju, BAA tikkontesta, b’mod partikolari, l-evalwazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza kkontenuti fil-punti 112 u 137 tas-sentenza appellata, li permezz tagħhom din tal-aħħar ma aċċettatx l-allegazzjonijiet ta’ inkoerenza mal-għanijiet tal-AGL tal-intaxxar ta’ ċerti prodotti dderivati mill-estrazzjoni ta’ materja prima mhux sostitwibbli li mhijiex hija stess intaxxata. Skont BAA, dawn il-prodotti sussidjarji m’għandhomx jiġu ntaxxati sa fejn dawn jirrigwardaw granulat “sekondarju”.

    134

    Fil-punt 112 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma għamlitx interpretazzjoni korretta tal-punt 29 tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata meta ddeċidiet li l-kunċett ta’ granulat “sekondarju” irrigwarda b’mod ġenerali l-materjali mhux suġġetta għat-taxxa. B’dan il-mod, il-Qorti tal-Prim’Istanza ssostitwixxiet il-motivazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni u mmotivat b’mod insuffiċjenti l-konklużjonijiet li waslet għalihom.

    135

    Barra minn dan, il-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet diversi żbalji ta’ liġi fil-punt 137 tas-sentenza appellata meta aċċettat il-ġustifikazzjoni tad-distinzjoni stabbilita bejn il-granulat sekondarju fir-rigward tas-soġġettar tiegħu għall-AGL. BAA takkuża, b’mod partikolari, lill-Qorti tal-Prim’Istanza li applikat b’mod selettiv il-loġika ambjentali tal-prinċipju “min iniġġeż għandu jħallas”, li aċċettat, mingħajr l-inqas prova, li n-nuqqas ta’ possibbiltajiet li jiġi limitat il-volum tal-prodotti sussidjarji jiġġustifika l-imsemmija distinzjoni, li bbażat ruħha fuq l-allegata differenza fil-prezzijiet relattivament żgħira bejn il-granulat ta’ kwalità inqas u l-materjali mhux sostitwibbli li minnhom il-prodotti sussidjarji u li rreferiet f’dan il-kuntest b’mod żbaljat għall-punti 410 sa 415 tal-ittra tar-Renju Unit tad-19 ta’ Frar 2002.

    136

    Il-Kummissjoni tirrispondi li BAA tiżbalja meta tikkritika s-sentenza appellata sa fejn din tikkonkludi li l-intaxxar tal-granulat ta’ kwalità inqas li huma l-prodotti dderivati mill-estrazzjoni ta’ materjali mhux intaxxati, bħal granulat li jirriżulta mill-estrazzjoni ta’ kalċju, ġebel maqtugħ jew ramel tas-silika, huwa kompatibbli man-natura u l-kuntest ġenerali tal-AGL.

    137

    L-ewwel għal dak li għandu x’jaqsam mal-kritika fid-dawl tal-punt 112 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni ssostni li, meta, fi-punt 29 tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, issir referenza għal granulat primarju, din hija referenza għall-prodotti li huma ntaxxati, filwaqt li r-referenza għal granulat sekondarju tirrigwarda l-granulat eżent elenkat fil-liġi. Għaldaqstant, il-konklużjoni ta’ fatt li għaliha tasal il-Qorti tal-Prim’Istanza fl-imsemmi punt 112 mhijiex żbaljata.

    138

    Għal dak li jirrigwarda l-punt 137 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni ssostni li, kuntrarjament għal dak li tallega BAA, il-prinċipju ta’ “min iniġġeż għandu jħallas” ma jimplikax neċessarjament is-soġġettar għall-AGL tal-prodotti sussidjarji ta’ ċerti prodotti oħra mhux taxxati, bħal ġebla tal-lavanja, sa fejn dan jirrileva mill-għażla politika tal-Istati Membri li jimponu t-taxxa fuq il-prodotti tas-settur tal-granulat u mhux fuq is-setturi l-oħra li ma jipproduċux abitwalment il-granulat, bħall-estrazzjoni tal-lavanja u tal-prodotti sussidjarji li jirriżultaw minnha.

    139

    Kif il-Qorti tal-Prim’Istanza rrilevat fil-punt 137 tas-sentenza appellata, id-differenza ta’ prezz relattivament żgħira bejn il-granulat ta’ kwalità inferjuri u l-materjal li ma jistax jiġi ssostitwit li fosthom hemm il-prodotti sussidjarji, tiġġustifika s-soġġettar għall-AGL tal-granulat idderivat, b’mod li jnaqqas il-proporzjon ta’ granulat ta’ kwalità inferjuri. Il-kritiki ta’ BAA fir-rigward kemm tal-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza fuq ir-relazzjoni ta’ prezzijiet bejn il-prodotti inkwistjoni u kif ukoll fir-rigward tar-referenza għall-ittra tar-Renju Unit tad-19 ta’ Frar 2002 huma infondati.

    — Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    140

    BAA takkuża l-ewwel lill-Qorti tal-Prim’Istanza talli ddeċidiet fil-punt 112 tas-sentenza appellata li, fid-deċiżjoni kkontestata, u b’mod partikolari fil-punt 29 tal-motivi ta’ din tal-aħħar, il-kunċett ta’ granulat “sekondarju” jirrigwarda b’mod ġenerali l-materjali mhux soġġetti għall-AGL, filwaqt li, fir-realtà, dan jirrigwarda l-prodotti dderivati, li jirriżultaw mill-estrazzjoni ta’ materja “prima” li huma l-prodotti li huma s-suġġett tal-attività prinċipali ta’ barriera. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza ssostitwixxiet il-motivazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni.

    141

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità msemmi fl-Artikolu 230 KE, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti tal-Prim’Istanza huma kompetenti sabiex jiddeċiedu fuq ir-rikorsi dwar nuqqas ta’ kompetenza, dwar ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, dwar ksur tat-Trattat jew ta’ kull regola ta’ dritt dwar l-applikazzjoni tagħha, jew dwar abbuż ta’ poter. L-Artikolu 231 KE jipprovdi li, jekk ir-rikors huwa fondat, l-att ikkontestat għandu jiġi ddikjarat null. Il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti tal-Prim’Istanza ma jistgħux għalhekk, fi kwalunkwe każ, jissostitwixxu l-motivazzjoni tagħhom għal dik tal-awtur tal-att ikkontestat (ara, b’mod partikolari, sentenza tas-27 ta’ Jannar 2000, DIR International Film et vs Il-Kummissjoni, C-164/98 P, Ġabra p. I-447, punt 38).

    142

    Għalkemm, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ tasal tinterpreta l-motivi tal-att ikkontestat b’mod differenti mill-awtur tiegħu, jekk mhux ukoll, f’ċerti ċirkustanzi, li tiċħad il-motivi formali indikati minnu, ma tistax tagħmel hekk jekk ma tkunx ġustifikata bl-ebda element materjali (sentenza DIR International Film et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42).

    143

    Skont l-istess kliem tal-punt 29 tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata “[L-] AGL jinġabar fuq il-granulat pur biss. L-AGL jinġabar biss fuq il-granulat estratt bħala prodott sekondarju jew skart ta’ prodotti oħra (granulat sekondarju) u fuq il-granulat irriċiklat”. Barra minn hekk, fil-punt 32 tal-motivi ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni tafferma li l-istruttura u l-portata tat-taxxa jirriflettu d-distinzjoni netta bejn l-estrazzjoni tal-granulat “pur”, li joħloq konsegwenzi mhux mixtieqa għall-ambjent, u l-produzzjoni tal-granulat “sekondarju” jew irriċiklat, li jagħti kontribut kbir għat-trattament tal-blat, ġebel u ramel li jirriżultaw mill-iskavi, xogħlijiet oħra jew ta’ trattmenti magħmula legalment b’għanijiet differenti.

    144

    B’hekk, billi ddeċidiet fil-punt 112 tas-sentenza appellata li l-Kummissjoni qieset fid-deċiżjoni kkontestata kollha, u b’mod partikolari fil-punt 29 tal-motivi ta’ din tal-aħħar, li l-frażi “granulat primarju” tfisser essenzjalment il-granulat “taxxabbli”, filwaqt li l-frażi “granulat sekondarju” tfisser essenzjalment il-granulat “eżentat” elenkat fil-liġi, li minnu jista’ jiġi dedott, b’mod partikolari, li l-Kummissjoni sempliċement affermat fil-punt imsemmi li “l-AGL ma tinġabarx fuq il-prodotti fuq il-prodotti derivati jew l-iskart tal-ewwel estrazzjoni meta huma eżentati mil-liġi”, il-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ interpretazzjoni u ssostitwixxiet l-interpretazzjoni li tirriżulta direttament mid-deċiżjoni kkontestata b’dik tagħha, minkejja li l-ebda element materjali ma jiġġustifikaha.

    145

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li l-ewwel ilment tat-tieni parti tat-tielet aggravju tal-Kummissjoni jintlaqa’.

    146

    BAA tikkritika wara lill-Qorti tal-Prim’Istanza li rrikonoxxiet bħala ġustifikat l-issuġġettar għall-AGL ta’ ċerti prodotti li jirriżultaw mill-estrazzjoni ta’ materjali mhux suġġetti għal din it-taxxa. L-appellanti tinvoka, f’dan ir-rigward, sostituzzjoni ta’ motivi, żbalji ta’ evalwazzjoni u żnaturazzjoni tal-provi.

    147

    Fil-punt 137 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva l-ewwel nett li “l-prinċipju ta’ min iniġġeż iħallas jippermetti bl-istess mod li jiġġustifika l-issuġġettar tal-prodotti derivati tal-estrazzjoni ta’ materjali mhux sostitwibbli minn prodotti ta’ sostituzzjoni, b’mod partikolari l-issuġġettar tal-granulat ta’ kwalità inferjuri […], hekk kif jirriżulta mill-ittra tal-awtoritajiet tar-Renju Unit tad-19 ta’ Frar 2002.”

    148

    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tirrileva wara li “t-tassazzjoni ta’ dawn il-prodotti tista’ tiġi ġġustifikata mill-għan — ukoll invokat mill-intervenjent fl-ittra msemmija iktar ’il fuq - intiż sabiex jinkoraġġixxi estrazzjoni u trattament iktar razzjonali tal-granulat, b’mod li jnaqqas il-proporzjoni ta’ granulat ta’ kwalità inferjuri. Fil-fatt, din il-proporzjoni, li tinbidel minn barriera għall-oħra, kif issostni r-rikorrenti, tista’ madankollu tinbidel għall-istess barriera. Issa, il-Kummissjoni sostniet f’dan ir-rigward, b’mod partikolari fir-risposta tagħha, mingħajr ma kienet kontradetta mir-rikorrenti, id-differenza ta’ prezz relattivament żgħir bejn il-granulat ta’ kwalità inferjuri u l-materjal li ma jistax jiġi ssostitwit li fosthom hemm il-prodotti sekondarji.”

    149

    Fir-rigward l-ewwel nett tal-ilmenti dwar il-fatt li l-Qorti tal-Prim’Istanza kienet aċċettat mingħajr l-iċken prova li n-nuqqas ta’ possibbiltà ta’ limitazzjoni tal-volum ta’ prodotti sekondarji jiġġustifika ntaxxar ta’ ċert tip ta’ granulat sekondarju, f’dak li l-Qorti tal-Prim’Istanza bbażat ruħha b’mod żbaljat fuq l-allegata differenza ta’ prezz relattivament żgħir bejn il-granulat ta’ kwalità inferjuri u l-materjali mhux sostitwibbli li tagħhom huma prodotti sekondarji f’dak li l-Qorti tal-Prim’Istanza rreferiet b’mod żbaljat għall-punti 4.10 sa 4.15 tal-ittra tar-Renju Unit tad-19 ta’ Frar 2002, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dawn l-ilmenti jikkostitwixxu tqegħid inkwistjoni tal-evalwazzjoni ta’ fatt. Issa, sa fejn l-ebda żnaturament ta’ fatti u ta’ provi sottomessi lill-Qorti tal-Prim’Istanza ma ġie pprovat, dawn l-elementi għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

    150

    Għall-kumplament, għandu jiġi kkonstatat li l-motivazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza hija bbażata mhux biss fuq il-prinċipju ta’ min iniġġeż iħallas, imma wkoll fuq l-għan intiż li jinkoraġġixxi estrazzjoni u trattament iktar razzjonali tal-granulat pur, li minnu huwa kostanti li jirriżulta mill-għanijiet indikati fil-punt 31 tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, b’mod li l-ebda sostituzzjoni ta’ motivi min-naħa tal-Qorti tal-Prim’Istanza ma tista’ tiġi kkontestata.

    151

    Għal dawn ir-raġunijiet kollha, it-tieni parti tat-tielet aggravju għandha tintlaqa’ sa fejn jirrigwarda l-punt 112 tas-sentenza appellata u miċħud għall-kumplament.

    Fuq it-tielet parti tat-tielet aggravju, dwar l-eżenzjoni mill-AGL ta’ ċertu tip ta’ granulat pur

    — L-argumenti tal-partijiet

    152

    Bit-tielet parti tagħha, BAA tikkritika lill-Qorti tal-Prim’Istanza li qieset bħala ġustifikat in-nuqqas ta’ ntaxxar ta’ ċert tip ta’ granulat pur, bħal-lavanja, l-iskistu, it-tafal tal-balla, il-kaolina, it-tafal, il-faħam jew il-linjite.

    153

    Il-Qorti tal-Prim’Istanza ssostiwixxiet il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata b’tagħha billi affermat, fil-punti 130, 131, 133 u 134 tas-sentenza appellata, li din l-eżenzjoni kienet intiża li tinkoraġġixxi l-użu ta’ dan il-granulat pur bħala prodott ta’ sostituzzjoni għall-granulat pur suġġett għall-AGL. Skont BAA, it-tfittxija ta’ dan il-għan ifixkel “in-natura u l-istruttura ġenerali” ambjentali tal-AGL.

    154

    L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza tirriżulta minn żnaturament tal-provi mressqa matul il-proċeduri, b’mod partikolari l-ittra tar-Renju Unit tad-19 ta’ Frar 2002, u tikser id-drittijiet tad-difiża tal-appellanti għaliex ma tkunx setgħet tieħu pożizzjoni fir-rigward ta’ din l-interpretazzjoni l-ġdida ta’ dawn il-provi.

    155

    Il-Kummissjoni tosserva li l-eżenzjoni ta’ ċerti materjali primarji, bħal-lavanja, l-iskistu, it-tafal tal-balla, il-kaolina, it-tafal, il-faħam jew il-linjite, hija ġġustifikata mill-fatt li huma mhumiex normalment użati bħala granulat u konsegwentement mhumiex parti mis-settur tal-granulat, hekk kif il-Qorti tal-Prim’Istanza rrikonoxxiet fil-128 u 129 tas-sentenza appellata.

    156

    Il-Qorti tal-Prim’Istanza wkoll irrikonoxxiet, ġustament, fil-punti 130, 131, 133 u 134 tal-imsemmija sentenza, li r-Renju Unit kien liberu li jinkoraġġixxi l-użu ta’ skart tal-lavanja u ta’ materjali simili bħala prodotti ta’ sostituzzjoni għall-granulat pur. Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza, billi tibbaża ruħha b’mod partikolari fuq l-ittra tar-Renju Unit tad-19 ta’ Frar 2002, ma wettqitx żball ta’ liġi billi ddikjarat, fil-punt 133 tas-sentenza appellata, li l-estrazzjoni tal-granulat hija s-sors tad-degradazzjoni ambjentali maħsuba mill-miżura.

    157

    Skont il-Kummissjoni, mhumiex l-istituzzjonijiet komunitarji li għandhom jistħarrġu l-importanza tal-problemi ambjentali ttrattati meta mqabbla ma problemi oħra ta’ din in-natura li jistgħu jeżistu fl-istess Stat Membru. Wara kollox, il-kwistjoni li jsir magħruf liema hija l-perċentwali preċiża tal-estrazzjoni tal-granulat meta mqabbla mal-attività globali tal-estrazzjoni tal-minerali fir-Renju Unit hija irrilevanti għal din il-kawża.

    — Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    158

    Fil-punt 130 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza tammetti bħala ġustifikazzjoni fir-rigward tal-għanijiet ambjentali mfittxija l-eżenzjoni ta’ ċerti materjali, b’mod partikolari l-iskistu u l-lavanja ta’ kwalità ħażina, it-tafal u l-iskart tal-kaolina u tat-tafal tal-balla, anki jekk użat bħala granulat, sa fejn, skont konstatazzjoni ta’ fatt magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza, huma għandhom “sa issa ntużaw ftit bħala granulat minħabba l-ispejjeż ta’ trasport għolja tagħhom”.

    159

    Il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeduċiet minn dan, fl-istess punt tas-sentenza appellata, li n-nuqqas ta’ ssuġġettar ta’ dawn il-materjali għall-AGL tippermetti l-użu tagħhom bħala sostituti tal-granulat pur u tista’ b’dan il-mod tikkontribwixxi għal razzjonalizzazzjoni tal-estrazzjoni u tal-użu ta’ dawn tal-aħħar.

    160

    Kontra l-allegazzjonijiet ta’ BAA, il-Qorti tal-Prim’Istanza, billi għamlet hekk, ma ssostitwixxietx il-motivi, peress li r-razzjonalizzazzjoni tal-estrazzjoni u tal-użu tal-granulat pur jidher, hekk kif ġie rrilevat fil-150 ta’ din is-sentenza, fost l-għanijiet elenkati fid-deċiżjoni kkontestata.

    161

    Sa fejn l-inkoraġġiment għall-użu tal-materjali puri użati ftit sa issa bħala granulat huwa, hekk kif il-Qorti tal-Prim’Istanza rrilevat mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi, koerenti mal-għan li huwa li jiġi rrazzjonalizzat l-użu tal-granulat, l-inkoraġġiment tal-użu ta’ dawn il-materjali ma jfixkilx iktar in-natura u l-istruttura ġenerali ambjentali tal-AGL.

    162

    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-invokazzjoni f’dan il-kuntest ta’ żnaturament tal-provi mressqa matul il-proċedura, b’mod partikolari l-ittra tar-Renju Unit tad-19 ta’ Frar 2002, l-istess żnaturament ma jirriżultax mill-atti tal-proċess, b’mod li dan l-ilment, kif ukoll, għaldaqstant, dak dwar il-ksur tad-drittijiet tad-difiża, ma jistgħux jintlaqgħu.

    163

    Konsegwentement, it-tielet parti tat-tielet aggravju għandha tiġi miċħuda kollha kemm hi.

    Fuq ir-raba’ aggravju, dwar żbalji ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-eżenzjoni tal-esportazzjonijiet

    164

    BAA ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza, billi ddeċidiet fil-punti 147 et seq tas-sentenza appellata li l-eżenzjoni mill-AGL tal-granulat esportat huwa ġustifikat min-natura tat-taxxa “indiretta” tal-AGL, hija, minn naħa, naqset li tirrikonoxxi l-Artikoli 91 KE u 92 KE kif ukoll l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, u min-naħa l-oħra, ippermettiet titjib retroattiv tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

    165

    Qabel kollox għandha tiġi eżaminata t-tieni parti ta’ dan l-aggravju.

    Fuq it-tieni parti tar-raba’ aggravju

    — L-argumenti tal-partijiet

    166

    BAA ssostni li, billi adottat fil-punti 150 u 151 tas-sentenza appellata l-motivazzjoni bbażata fuq in-natura ta’ taxxa indiretta tal-AGL, li ssemmiet għal-ewwel darba mill-Kummissjoni u r-Renju Unit quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, hija ppermettiet titjib retroattiv tad-deċiżjoni kkontestata, ħaġa li mhijiex awtorizzata mid-dritt Komunitarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Ottubru 1996, Il-Ġermanja et vs Il-Kummissjoni, C-329/93, C-62/95 u C-63/95, Ġabra p. I-5151, punti 47 u 48).

    167

    Fil-fatt, l-ispjegazzjoni proposta mill-Kummissjoni fil-punt 33 tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, sabiex tiġġustifika l-eżenzjoni ta’ din it-taxxa fuq il-granulat esportat, hija irrilevanti fid-dawl tal-argument ibbażat fuq l-Artikolu 91 KE, sostnuta mill-Kummissjoni u l-gvern tar-Renju Unit quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u li din tal-aħħar kienet bi żball qieset li kienet marbuta mal-motivazzjoni tal-imsemmi punt 33.

    168

    Il-Kummissjoni u l-gvern tar-Renju Unit isostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza, billi bbażat ruħha fuq in-natura indiretta tal-AGL, ma ppermettietx “titjib retroattiv” tad-deċiżjoni kkontestata, imma sempliċement spjegazzjoni iktar dettaljata u żvilupp tar-raġunijiet indikati fil-punt 33 tal-motivi ta’ din id-deċiżjoni.

    169

    Fil-punt 150 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ammettiet li l-motivazzjoni bbażata fuq in-natura ta’ taxxa indiretta tal-AGL għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sa fejn hija tintrabat mal-motivi esposti mill-Kummissjoni fil-punt 33 tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata.

    170

    L-Artikolu 253 KE ma jeskludix li r-raġunijiet esposti f’deċiżjoni tal-Kummissjoni jiġu sussegwentement spjegati b’mod iktar dettaljati.

    171

    Barra minn hekk, jidher ċar li, f’din il-kawża, ir-regoli ġuridiċi li jirregolaw il-qasam ikkonċernat huma l-Artikolu 91 KE u l-prinċipju ta’ tassazzjoni fil-pajjiż ta’ destinazzjoni. Konsegwentement, din id-dispożizzjoni hija manifestament parti mill-kuntest ġuridiku tad-deċiżjoni kkontestata.

    — Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    172

    F’dak li jirrigwarda l-obbligu ta’ motivazzjoni li taqa’ fuq il-Kummissjoni, hemm lok li jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni mitluba mill-Artikolu 253 KE għandha tiġi adattata min-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li tippermetti lill-partijiet interessati li jifhmu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. L-eżiġenza ta’ motivazzjoni għandha tinftihem fil-funzjoni taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u tal-interess li jistgħu jkollhom id-destinatarji jew ta’ partijiet oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att li jirċievu spjegazzjonijiet. Mhuwiex mitlub li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha tal-elementi ta’ fatt u ta’ dritt rilevanti, sa fejn il-kwistjoni li jsir magħruf jekk il-motivazzjoni ta’ att jissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-formulazzjoni tagħhom, imma wkoll tal-kuntest tagħhom kif ukoll ir-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, iċċitata iktar ’il fuq, punt 63).

    173

    F’dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari deċiżjoni tal-Kummissjoni li tgħid li ma hemmx għajnuna mill-Istat iddenunzjat minn lanjant, il-Kummissjoni hija f’kull każ marbuta li tesponi suffiċjentement ir-raġunijiet lil-lanjant għaliex l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt invokati fl-ilment ma jkunux biżżejjed sabiex juru l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat (sentenza Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, iċċitata iktar ’il fuq, punt 64).

    174

    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-ppunt 33 tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata tiġġustifika l-eżenzjoni tal-granulat esportat bil-fatt li l-granulat jista’ jiġi eżentat fir-Renju Unit jekk jiġi użat fil-proċess ta’ fabbrikazzjoni eżentat, bħal, pereżempju, il-produzzjoni tal-ħġieġ, tal-plastik, tal-karta, tal-fertilizzanti u tal-pestiċidi.

    175

    Peress li l-awtoritajiet Britanniċi ma jistgħux jeżerċitaw kontroll fuq l-użu tal-granulat barra mit-territorju tagħhom, l-eżenzjoni tal-esportazzjonijiet hija neċessarja għaċ-ċertezza legali tal-esportaturi tal-granulat u sabiex tevita trattament inegwali tal-esportazzjonijiet tal-granulat li kieku jkunu jistgħu jibbenefikaw minn eżenzjoni ġewwa r-Renju Unit.

    176

    Il-motivazzjoni mogħtija fil-punt 33 tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata tirreferi b’hekk għall-inugwaljanza ta’ trattament li jirriżulta, fin-nuqqas ta’ eżenzjoni tal-granulat esportat, minħabba l-fatt li l-granulat li huwa kkummerċjalizzat fir-Renju Unit huma eżentat meta jiġu użati għal ċerti skopijiet, filwaqt li l-granulat użat għall-istess skopijiet fl-istat ta’ importazzjoni huwa taxxabbli minħabba n-nuqqas ta’ mezzi ta’ stħarriġ tal-awtoritajiet Britanniċi fuq l-użu tal-granulat barra mit-territorju tar-Renju Unit.

    177

    L-istess motivazzjoni ma tagħmel l-ebda allużjoni għan-natura ta’ “taxxa indiretta” tal-AGL fis-sens tal-Artikolu 91 KE sabiex tiġġustifika l-eżenzjoni tal-granulat esportat, li hija bbażata fuq distinzjoni bejn, min naħa, il-granulat ikkummerċjalizzat fir-Renju Unit u, min-naħa l-oħra, il-granulat esportat.

    178

    Barra minn hekk, kontra dak li ddeċidiet il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 150 tas-sentenza appellata, il-motivazzjoni bbażata fuq l-Artikolu 91 KE ma tistax titqies li hija marbuta mal-motivi esposti fid-deċiżjoni kkontestata, dwar in-nuqqas ta’ mezzi tal-awtoritajiet Britanniċi fuq l-użu tal-materjali bħala granulat barra mir-Renju Unit, imma hija, fil-verità, motivazzjoni differenti, mogħtija wara l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma rrikonoxxietx l-Artikolu 253 KE meta ħadet inkunsiderazzjoni din il-motivazzjoni għa-raġunijiet indikati fid-deċiżjoni kkontestata.

    179

    Konsegwentement, it-tieni parti tar-raba’ aggravju għandha tintlaqa’.

    Fuq l-ewwel parti tar-raba’ aggravju

    180

    Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni parti ta’ dan l-aggravju, mhuwiex neċessarju li jsir eżami tal-ewwel parti tal-imsemmi aggravju.

    Fuq il-ħames aggravju, dwar in-nuqqas ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 88(2) KE

    L-argumenti tal-partijiet

    181

    BAA ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza, filwaqt li fakkret ġustament il-ġurisprudenza rilevanti fil-punti 165 sa 167 tas-sentenza appellata, wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punti 171 u 172 tal-istess sentenza, li l-Kummissjoni kienet ġustament iddeċidiet li ma tiftaħx il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE.

    182

    Fil-fatt, skont l-appellanti, din l-istituzzjoni kull ma għamlet kien li “kkonvinċiet ruħha” li l-AGL ma kinitx għajnuna mill-Istat fuq il-bażi ta’ xi premessi li kienu ddedikati għaliha fid-deċiżjoni kkontestata. Hija wriet, b’mod partikolari, iċ-ċirkustanza li l-motivazzjoni tas-sentenza appellata kienet ħafna iktar dettaljata u itwal minn din id-deċiżjoni, kif ukoll mill-fatt li l-motivazzjoni tas-sentenza appellata kienet ibbażata fuq argumenti differenti minn dawk mogħtija fid-deċiżjoni kkontestata.

    183

    Il-Kummissjoni u l-gvern tar-Renju Unit jirrispondu li s-sempliċi fatt li s-sentenza appellata hija itwal mid-deċiżjoni kkontestata ma jistax jippermetti li wieħed jikkonkludi li din l-istituzzjoni wettqet żball ta’ liġi billi adottat id-deċiżjoni tagħha ta’ rifjut ta’ ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali.

    184

    Il-gvern tar-Renju Unit iżid li l-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament ġabret u applikat il-ġurisprudenza rilevanti u kkonkludiet li l-uniċi argumenti invokati utilment minn BAA insostenn ta’ dan l-aggravju, dwar l-inkoerenzi allegati fid-delimitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-AGL, ikopru dawk li kienet esponiet fil-kuntest tal-ewwel aggravju dwar ksur tal-Artikolu 87(1) KE. Dan l-aggravju ma għamel xejn ħlief irrepeta l-argumenti esposti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    185

    Hekk kif ġie rrilevat fil-punt 113 ta’ din is-sentenza, il-proċedura msemmija fl-Artikolu 88(2) KE għandha natura indispensabbli meta l-Kummissjoni tiltaqa’ ma diffikultajiet serji sabiex tevalwa jekk għajnuna hijiex kompatibbli mas-suq komuni.

    186

    Il-Kummissjoni għaldaqstant għandha tieqaf fil-fażi preliminari indikata fl-Artikolu 88(3) KE sabiex tieħu deċiżjoni favur għajnuna mill-istat biss meta tkun tikseb il-konvinzjoni, fi tmien tal-ewwel eżami, li din il-miżura jew ma tikkostitwixxix “għajnuna” fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, jew, jekk hija tikkwalifika bħala “għajnuna“, tkun kompatibbli mat-Trattat.

    187

    Min-naħa l-oħra, jekk dan l-ewwel eżami jwassal lill-Kummissjoni tikseb konvinzjoni kuntrarja, jew jekk ma jippermettilhiex tegħleb id-diffikulatajiet kollha mqajma mill-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tikkunsidra l-opinjonijiet neċessarji kollha u li tiftaħ, għal dan il-għan, il-proċedura tal-Artikolu 88(2) KE.

    188

    Issa, kif il-Kummissjoni u l-gvern tar-Renju Unit irrilevaw ġustament, l-allegazzjoni ta’ BAA, li tgħid li l-motivazzjoni tas-sentenza appellata hija differenti minn dik tad-deċiżjoni kkontestata, iktar dettaljata u itwal mill-motivazzjoni ta’ din tal-aħħar, mhijiex tali, waħedha, li turi l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet, fil-punt 172 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma qabżitx il-limiti tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħha meta kkunsidrat li l-kontroll, fir-rigward tal-Artikolu 87(1) KE, inkwantu l-limitu tal-kamp ta’ applikazzjoni materjali tal-AGL kif ukoll l-eżenzjoni tal-esportazzjonijiet, ma jippreżenta ebda diffikultà serja li timponilha l-obbligu li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 88(2) KE.

    189

    Peress li BAA baqgħat ma wrietx id-diffikultajiet serji ta’ evalwazzjoni konkreti li l-Kummissjoni ltaqgħat magħhom, il-ħames aggravju għandu jiġi miċħud.

    Fuq is-sitt aggravju, ibbażat fuq insuffiċenza ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

    L-argumenti tal-partijiet

    190

    Insostenn ta’ dan l-aggravju, BAA ssostni li ċ-ċirkustanza li l-Qorti tal-Prim’Istanza żviluppat argumentazzjoni differenti minn dik li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata hija biżżejjed biex turi li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma setgħatx tikkonkludi fil-punt 146 tas-sentenza appellata li din din id-deċiżjoni kienet suffiċjentement motivata fid-dawl tar-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE.

    191

    Il-Kummissjoni tirrileva, minn naħa, li BAA ma tagħti l-ebda argument speċifiku insostenn ta’ dan l-aggravju u ssostni, min-naħa l-oħra, li d-deċiżjoni kkontestata kienet motivata biżżejjed. Il-gvern tar-Renju Unit josserva li BAA sempliċement issostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza analizzat l-argumenti esposti mill-partijiet fil-kawża b’mod iktar dettaljat milli tidher li tagħmel id-deċiżjoni kkontestata u li, għaldaqstant, dan l-aggravju għandu jiġi miċħud.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    192

    Ċertament, kif tfakkar fil-punt 173 ta’ din is-sentenza, fir-rigward b’mod iktar partikolari ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddeċiedi li ma hemmx għajnuna mill-istat iddenunzjata minn lanjant, il-Kummissjoni hija f’kull każ marbuta li turi b’mod suffiċjenti lil-lanjant ir-raġunijiet li bihom l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt invokati fl-ilment ma jkunux urew suffiċjentement l-eżistenza ta’ għajnuna mill-istat.

    193

    Madankollu, l-argumenti tal-appellanti, li tgħid li l-Qorti tal-Prim’Istanza żviluppat motivazzjoni differenti minn dik adottata mill-Kummissjoni u iktar dettaljata mill-motivazzjoni ta’ din l-istituzzjoni, mhumiex tali li turi li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li d-deċiżjoni kkontestata kienet suffiċjentement motivata fid-dawl tal-motivi esposti fiha.

    194

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sitt aggravju għandu wkoll jiġi miċħud.

    195

    Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li, fid-dawl tad-diversi żbalji ta’ liġi kkonstatati, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata.

    Fuq ir-rinviju tal-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza

    196

    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, din il-Qorti tista’ fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, taqta’ definittivament il-kawża meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tirrinvija l-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex din tiddeċiedi fuqha.

    197

    F’dan il-każ, fid-dawl tad-diversi żbalji ta’ liġi kkonstatati, rispettivament, fil-punti 86 sa 92 u 110 sa 115 ta’ din is-sentenza, din il-kawża għandha tiġi rrinvijata quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

    198

    Peress li l-kawża ġiet irrinvijata lill-Qorti tal-Prim’Istanza, hemm lok li l-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri ta’ appell jiġu rriżervati.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi

     

    1)

    Is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tat-13 ta’ Settembru 2006, British Aggregates Association vs ll-Kummissjoni (T-210/02), hija annullata.

     

    2)

    Il-kawża hija rrinvijata quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej.

     

    3)

    L-ispejjeż huma rriżervati.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    Top